This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004TJ0192
Judgment of the Court of First Instance (Fourth Chamber) of 11 July 2007. # Flex Equipos de Descanso, SA v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for Community word mark LURA-FLEX - Earlier national figurative marks containing the word element ‘flex’ - Submission to the Opposition Division out of time of translations of documents provided in support of the reputation of earlier marks - Obligation on the Board of Appeal to assess the need to take account of the documents translated. # Case T-192/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tal-11 ta' Lulju 2007.
Flex Equipos de Descanso, SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’oppożizzjoni - Talba għal Trade mark verbali Komunitarja LURA - FLEX - Trade marks nazzjonali preċedenti li jinkludu l-element verbali "flex" - Preżentata tardiva quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tad-traduzzjonijiet tad-dokumenti ppreżentati in sostenn tar-reputazzjoni ta' Trade marks preċedenti- Obbligu tal-Bord ta' Appel li jevalwa l-ħtieġa li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dokumenti tradotti.
Kawża T-192/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tal-11 ta' Lulju 2007.
Flex Equipos de Descanso, SA vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’oppożizzjoni - Talba għal Trade mark verbali Komunitarja LURA - FLEX - Trade marks nazzjonali preċedenti li jinkludu l-element verbali "flex" - Preżentata tardiva quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tad-traduzzjonijiet tad-dokumenti ppreżentati in sostenn tar-reputazzjoni ta' Trade marks preċedenti- Obbligu tal-Bord ta' Appel li jevalwa l-ħtieġa li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dokumenti tradotti.
Kawża T-192/04.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 II-02411
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2007:216
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
11 ta’ Lulju 2007 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark verbali Komunitarja LURA-FLEX — Trade marks nazzjonali preċedenti li jinkludu l-element verbali “flex” — Preżentata tardiva quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tad-traduzzjonijiet tad-dokumenti ppreżentati in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti — Obbligu tal-Bord ta’ l-Appell li jevalwa l-ħtieġa li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dokumenti tradotti”
Fil-Kawża T-192/04,
Flex Equipos de Descanso, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), inizjalment irrappreżentata minn R. Ocquet, wara minn I. Valdelomar Serrano, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u G. Schneider, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija
Leggett & Platt, Inc., stabbilita f’Carthage, Missouri (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Croninu u S. Castley, solicitors, u G. Hollingworth, barrister,
li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-18 ta’ Marzu 2004 (Każ R 333/2003-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Flex Equipos de Descanso, SA, u Leggett & Platt, Inc.,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka, u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Mejju 2004,
wara li rat ir-risposta ta’ l-UASI u ta’ l-intervenjenti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Ottubru 2004,
filwaqt li tiddeċiedi fin-nuqqas tad-dehra tal-partijiet fis-seduta ffissata għall-14 ta’ Ġunju 2006,
wara li rat id-Deċiżjoni tat-30 ta’ April 2007 għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri orali,
wara li rat l-osservazzjonijet ippreżentati mill-partijiet fit-terminu stabbilit mill-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi tal-prinċipji li jidderivaw, għall-finijiet tal-kawża preżenti, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C-29/05 P, Ġabra p. I-2213,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku tal-kawża
1 |
L-Artikolu 8(1), 8(2) u 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-Trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat, jipprovdi: “1. Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa: […]
2. għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, “trade marks preċedenti” tfisser:
[…] 5. Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-Paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti, meta […] f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u […] meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 |
Fit-12 ta’ April 2000, Leggett & Platt, Inc. ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Komunitarja tat-trade mark verbali LURA-FLEX għall-prodotti fil-klassijiet 6 u 20 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u ta’ Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għall kull wieħed minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
3 |
L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja ġiet ippreżentata fil-lingwa Ingliża u ġiet ippublikata fil-Bullettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 13/01, tal-5 ta’ Frar 2001. |
4 |
Fit-3 ta’ Mejju 2001, Fábricas Lucía Antonio Betere, SA, Flabesa, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni. |
5 |
Flabesa bbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq żewġ trade marks figurattivi preċedenti rreġistrati fi Spanja fil-21 ta’ Settembru 1998, bin-numri 2147658 u 2147672 rispettivament, u li jidhru kif ġej: |
6 |
It-trade mark Nru 2147658 ġiet irreġistrata għall-prodotti li ġejjin: “Metalli normali u l-ligi tagħhom, materjali metalliċi ta’ konstruzzjoni, kostruzzjonijiet metalliċi li jistgħu jinġarru, materjali metalliċi li mhumiex elettriċi, serraturi tal-metall u ironmongery, tubi metalliċi, kaxxi tas-sigurtà, oġġetti tal-metall li mhumiex inklużi fil-klassijiet l-oħra, minerali, frejms tas-sodod tal-metall u roti għas-sodod tal-metall” li jiffurmaw parti mill-klassi 6. |
7 |
Il-prodotti koperti mit-trade mark Nru 2147672 huma s-segwenti: “sodod, saqqijiet u mħadded magħmula mis-suf, trofof tas-suf u weraq tal-palm niexef, xagħar taż-żiemel u materjali simili, saqqijiet mħallta bil-molol elastiċi, mħadded u saqqijiet tal-lastku, foam u kull tip ta’ foams polyurethane; bennieniet, divani; saqqijiet tat-tiben bil-frejm tal-metall u ta’ l-injam, sodod fuq xulxin, komodini, bennieniet, għamara tal-camping u tal-baħar, kull tip ta’ għamara, li tinkludi għamara tal-metall, għamara li tista’ tinbidel, uffiċċji, saqqijiet bil-molol tal-metall u f’forma ta’ tubu; saqqijiet ta’ l-arja mhux għal użu mediku; saqqijiet u saqqijiet bil-molol, frejms tas-sodod (ta’ l-injam), oġġetti għas-sodod (ħlief bed linen); frejms tas-sodod (li mhumiex tal-metall); roti żagħar għal sodod li mhumiex tal-metall; saqqijiet bil-molol għas-sodod, sodod użati fi sptar; sodod idrostatiċi mhux għal użu mediku, għamara, mirja, frejms, prodotti mhux inkluzi fi klassijiet oħra, ta’ l-injam, sufra, qasab, qasab tal-bambù, wiker, materjal tal-qarn, għadam, avorju, għadam tal-baliena, arzell, ambra, madreperla, ragħwa tal-baħar, sostituti għal dawn il-materjali kollha jew materjali tal-plastik” li jiffurmaw parti mill-klassi 20. |
8 |
L-oppożizzjoni tressqet kontra l-prodotti kollha mniżżla fl-applikazzjoni għal trade mark u kienet ibbażata fuq l-oġġetti kollha koperti mit-trade marks nazzjonali preċedenti. |
9 |
Skond l-Artikolu 115(5) tar-Regolament Nru 40/94, Flabesa ppreżentat l-avviż ta’ oppożizzjoni tagħha bl-Ingliż, li b’hekk sar il-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 115(6). |
10 |
B’ittra tad-29 ta’ Awwissu 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni akkordat lil Flabesa terminu ta’ erba’ xhur, li jiskadi d-29 ta’ Diċembru 2001, biex tippreżenta l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet favur l-oppożizzjoni tagħha, fejn enfasizzat li d-dokumenti kollha kellhom jiġu ppreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jew inkella tiġi ppreżentata wkoll traduzzjoni. F’dan ir-rigward l-UASI rrimarka li l-imsemmija traduzzjoni kienet meħtieġa wkoll fil-konfront ta’ kull dokument jew ċertifikat li kien diġà ppreżentat fl-lingwa oħra u li d-dokumenti li ma kinux tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti ma kinux ser jittieħdu in kunsiderazzjoni. |
11 |
B’nota ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001, Flabesa talbet li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi miċħuda abbażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) u ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
12 |
Flabesa argumentat li minħabba l-identiċità tal-prodotti koperti miż-żewġ sinjali konfliġġenti u peress li huma simili ħafna fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, għall-inqas fil-forma ta’ probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trade marks preċedenti, li ġiet imsaħħa minħabba r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. |
13 |
Għaldaqstant, skond Flabesa, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kellu jiġi applikat ukoll fil-konfront tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark li ma kinux simili għall-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti. |
14 |
In sostenn tal-pretenzjonijiet tagħha, Flabesa ppreżentat id-dokumenti li ġejjin, imfassla bl-Ispanjol, però mingħajr ma pprovdiet traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni:
|
15 |
B’ittra rreġistrata ta’ l-24 ta’ April 2002, Leggett & Platt sostniet li dawn id-dokumenti ma setgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni minħabba li huma ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. |
16 |
B’ittra tad-9 ta’Awwissu 2002, Flabesa ppreżentat it-traduzzjoni tad-dokumenti in kwistjoni f’din il-lingwa u talbet mill-ġdid li l-applikazzjoni għal trade mark tiġi miċħuda abbażi ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, sussidjarjament, ta’ l-Artikolu 8(5) tiegħu. |
17 |
Barra minn hekk, Flabesa ppreċiżat li kienet ġiet akkwistata minn Flex Equipos de Descanso fil-31 ta’ Diċembru 1999, flimkien ma’ l-assi, id-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha, inklużi l-pretenzjonijiet magħmula fil-kapaċità tagħha ta’ parti li qegħda topponi quddiem l-UASI, u li kienet ippreżentati quddiem dan ta’ l-aħħar il-prokuri mogħtija miż-żewġ kumpanniji għar-rapreżentazzjoni konġunta tagħhom. |
18 |
B’ittra tat-30 ta’ Awwissu 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tal-parti li qegħda topponi lil Leggett & Platt filwaqt li ppreċiżat li ma setgħux jiġu iktar ippreżentati argumenti ġodda. |
19 |
B’Deċiżjoni Nru 715/2003 ta’ l-24 ta’ Marzu 2003, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, minkejja l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti in kwistjoni, ċaħdet l-oppożizzjoni abbażi tad-differenzi li jeżistu bejn it-trade marks konfliġġenti. |
20 |
Id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ppreċiżat li din il-konklużjoni setgħet kienet differenti li kieku l-parti li qegħda topponi wriet, fit-terminu stabbilit, in-natura ferm distintiva tat-trade marks preċedenti tagħha minħabba l-użu mxerred tagħhom, billi tippreżenta t-traduzzjonijiet neċessarji tal-provi rilevanti. Fin-nuqqas, l-allegazzjonijiet ifformulati u l-elementi ta’ prova mogħtija mill-parti li qegħda topponi ma setgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni. |
21 |
Fil-5 ta’ Mejju 2003, il-parti li qegħda topponi kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell fejn ikkritikat iċ-ċaħda tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li taċċetta l-provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, anki jekk dawn l-elementi ta’ prova kienu ġew ippreżentati flimkien mat-traduzzjonijiet tagħhom b’risposta għall-argumenti ta’ Leggett & Platt fir-rigward tan-nuqqas ta’ natura distintiva tat-trade marks preċedenti tagħha u ta’ natura ferm distintiva minħabba r-reputazzjoni tagħhom. |
22 |
Dan l-appell ġie miċhud b’deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2004 (aktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI. |
23 |
Il-Bord approva l-esklużjoni, min-naħa tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, tal-provi u tad-dokumenti in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tal-parti li qegħda topponi minħabba li dawn l-elementi ma kinux ġew ippreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, bi ksur tar-Regola 17(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), u li ommissjoni bħal din ma kinitx tippermetti lil Leggett & Platt tippreżenta d-difiża tagħha. |
24 |
Sussegwentement, il-Bord ta’ l-Appell sostna li minħabba l-eżistenza ta’ differenzi bejn is-sinjali konfliġġenti, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet ġustament ikkonkludiet li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni. |
25 |
Fl-aħħar nett, sa fejn is-sinjali konfliġġenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati simili, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad l-argumenti tal-parti li qegħda topponi bbażati fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li din ma kinitx ippreżentat il-prova ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha fit-terminu stabbilit, u lanqas ma kienet wriet kif l-użu tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni kien jippermetti lil Leggett & Platt tibbenefika b’mod illeċitu min-natura distintiva jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew li jkun ta’ ħsara għalihom. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
26 |
Permezz ta’ Att ippreżentat fir-Registru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti abbażi ta’ l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. |
27 |
Il-partijiet ma dehrux għas-seduta ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006. |
28 |
Permezz tad-Digriet tat-30 ta’ April 2007, il-proċedura orali ġiet miftuħa mill-ġdid biex jiġi permess lill-partijiet li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom wara li tinqata’ s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C-29/05 P, Ġabra p. I-2213). |
29 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
|
30 |
L-UASI u Leggett & Platt, l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti
31 |
L-UASI u Leggett & Platt jsostnu li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli peress li titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tobbliga lill-UASI li jirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja mitluba, waqt li t-tali direttiva taqa’ barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. |
32 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest ta’ rikors imressaq quddiem il-Qorti Komunitarja kontra d-deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, dan huwa obbligat, skond l-Artikolu 233 KE u l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma mas-sentenza eventwali ta’ annullament ta’ qorti Komunitarja. |
33 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tindirizza inġunzjonijiet lill-UASI. Fil-fatt, huwa dan ta’ l-aħħar li għandu, jekk hemm bżonn, jidentifika l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33]. |
34 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti jkun miċħud bħala inammissibbli, inkwantu dan huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lil UASI jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. |
Fuq il-mertu
35 |
In sostenn ta’ l-azzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, il-vjolazzjoni ta’ żewġ rekwiżiti proċedurali essenzjali. F’dan ir-rigward, bħala argument prinċipali, hija sosstni li l-Bord ta’ l-Appell mar kontra r-Regola 18(2) u r-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95 u sussidjarjament li d-dritt tagħha li tinstema ġie miksur. |
36 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Bord ta’ l-Appell applika b’mod ħażin l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkonstata li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni u bi żball warrab l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-Regolament. |
Dwar il-vjolazzjoni tar-Regola 18(2) u tar-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95
— L-argumenti tal-partijiet
37 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell mar kontra r-Regola 18(2) u r-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95 meta rrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni l-provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, minħabba li huma ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti fit-terminu impost mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. |
38 |
Waqt li r-Regola 18(2) tobbliga lill-UASI li jsejjaħ lill-parti li qegħda topponi sabiex tirrimedja, f’terminu ta’ xahrejn, għal ċertu irregolaritajiet li huwa jkun identifika fl-avviż ta’ oppożizzjoni, ir-Regola 22(4) tippermettilu li jsejjaħ lill-parti li qegħda topponi sabiex tippreżenta traduzzjoni, fit-terminu li huwa jimponilha, fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, tal-provi u ta’ l-indikazzjonijiet ippreżentati fl-lingwa oħra in sostenn ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti. |
39 |
Minnflok ma llimitat ruħha li ddaħħal paragrafu standard fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Awwissu 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni jmissha għalhekk talbet formalment lir-rikorrenti li tirrimedja għan-nuqqas ta’ traduzzjoni, wara li hija kkonstatat dan in-nuqqas, jew tatha terminu sabiex tirrimedja għal din l-irregolarità, ladarba din ġiet imqajma minn Leggett & Platt. |
40 |
Kif joħroġ mill-punt 44 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI — Massagué Marín (Chef), (T-232/00, Ġabra p. II-2749), meta ma jiġux ippreżentati provi, dokumenti jew traduzzjoni in sostenn ta’ l-oppożizzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti fit-terminu stabbilit inizjalment għal dan il-għan, jew estiż bl-applikazzjoni tar-Regola 71(1) tar-Regolament Nru 2868/95, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tista’ jew tiċħad l-oppożizzjoni bħala infondata, jew, kif ġara fil-każ preżenti, tiddeċiedi abbażi tal-provi disponibbli, konformament mar-Regola 20(3) tar-Regolament Nru 2868/95, bil-kundizzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-provi kollha mressqa. |
41 |
Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-elementi ta’ prova miġjuba mir-rikorrenti misshom għall-inqas ġew meħuda in kunsiderazzjoni bħala prova tal-karattru distintiv għoli tat-trade marks preċedenti tagħha minħabba l-użu tagħhom. |
42 |
L-UASI u Leggett & Platt iwieġbu li bis-saħħa tar-Regola 17(2) tar-Regolament Nru 2868/95, il-parti li tkun qegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni tal-provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, jew fi żmien xahar minn meta jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni jew, bħal fil-kawża preżenti, fiż-żmien speċifikat mill-UASI skond ir-Regola 16(3), konformament mar-Regola 20(2). |
43 |
Issa, ir-rikorrenti ma ġabitx, sat-terminu tad-29 ta’ Diċembru 2001 iffissat b’mod regolari mill-UASI, traduzzjoni bl-Ingliż tal-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha. Għaldaqstant, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u l-Bord ta’ l-Appell ġustament irrifjutaw li jeżaminaw il-provi, miġjuba bl-Ispanjol, tad-drittijiet li r-rikorrenti tippretendi li għandha bis-saħħa ta’ l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
44 |
Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi annullata peress li r-Regola 18(2) timponi fuq l-UASI l-obbligu li jagħti lill-partijiet li jopponu l-opportunità li jissuplementaw il-provi prodotti f’terminu ġdid iffissat mill-UASI. |
45 |
Ir-Regola 18 tirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ l-oppożizzjoni, li l-UASI teżamina ex officio, u mhux l-obbligu impost mir-Regola 17(2) li tiġi ppreżentata traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti, il-vjolazzjoni ta’ liema tikkonstitwixxi inosservanza ta’ kundizzjoni li tolqot il-mertu u li hija ekwivalenti għal nuqqas ta’ prova ta’ l-eżistenza ta’ fatti li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni [is-sentenza Chef, punt 40, iċċitata aktar ’il fuq u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI, Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II-1845, punt 70]. |
46 |
Fl-aħħar nett, ir-Regola 22(4) hija inapplikabbli fil-kawża preżenti għaliex hija tkopri biss il-prova ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti, meħtieġa biss meta dawn jkunu ilhom irreġistrati għall-inqas għal ħames snin u meta, kuntrarjament għall-fatti tal-kawża preżenti, il-persuna li tkun applikat għal trade mark Komunitarja teżiġi mill-parti li qegħda topponi, il-prova ta’ dan l-użu. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
47 |
Ir-Regola 16(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprovdi li l-provi tar-reputazzjoni li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni jistgħu, jekk ma jingħatawx flimkien ma’ l-avviż ta’ oppożizzjoni jew wara, jinġiebu f’dak iż-żmien wara l-bidu tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni li l-UASI jistabbilixxi skond ir-Regola 20(2) tar-Regolament Nru 2868/95. |
48 |
Barra dan, ir-Regola 17(2) ta’ dan l-istess regolament dwar il-lingwi tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni tipprovdi li meta l-provi u d-dokumenti ta’ sostenn li jinġiebu biex isaħħu l-oppożizzjoni ma jiġux ippreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, kif ġara fil-kawża preżenti, il-parti li tkun qegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni ta’ dawk il-provi f’dik il-lingwa fiż-żmien speċifikat mill-UASI skond ir-Regola 16(3). |
49 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti kienet marbuta li tippreżenta lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, it-traduzzjonijiet ta’ l-elementi ta’ prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha qabel l-iskadenza, fid-29 ta’ Diċembru 2001, tat-terminu ta’ erba’ xhur li kien mogħti lilha, konformament mar-Regola 20(2), biex tipproduċi l-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet li l-parti kkonċernata tikkunsidra li huma neċessarji biex isaħħu l-oppożizzjoni tagħha. |
50 |
Fil-fatt, jirriżulta mir-referenza doppja fir-Regola 16(3) għar-Regola 20(2) minn naħa, u fir-Regola 17(2) għar-Regola 16(3) min-naħa l-oħra, li t-terminu li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet stipulat b’applikazzjoni tar-Regola 20(2) għall-preżentata ta’ l-informazzjoni dettaljata dwar il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijet ippreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, kien applikabbli wkoll għat-traduzzjonijiet, fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, ta’ elementi ta’ prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. |
51 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Awwissu 2001, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni kienet espressament enfasizzat lir-rikorrenti li d-dokumenti kollha kellhom jiġu ppreżentati fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, f’dan il-każ l-Ingliż, jew jiġu ppreżentati flimkien ma’ traduzzjoni f’din il-lingwa u li tali traduzzjoni tad-dokumenti jew ċertifikati kollha li diġà kienu ġew ippreżentati f’lingwa oħra kienet ukoll meħtieġa, peress illi d-dokumenti li ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-proċedimenti ma kinux sejrin jittieħdu in kunsiderazzjoni. |
52 |
Għalkemm fl-20 ta’ Diċembru 2001 ir-rikorrenti ppreżentat b’mod regolari, quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, l-informazzjoni dettaljata dwar il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet in sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha, madankollu hija ppreżentat il-provi u d-dokumenti in sostenn tar-reputazzjoni tal-marki preċedenti tagħha bl-Ispanjol biss. Kien biss fid-9 ta’ Awwissu 2002, jiġifieri qabel l-iskadenza, fid-29 ta’ Diċembru 2001, tat-terminu ta’ erba’ xhur iffissat mid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, li r-rikorrenti ppreżentat traduzzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ prova bl-Ingliż, li kienet il-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. |
53 |
Għal xejn li r-rikorrenti ssostni li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni marret kontra r-Regola 18(2) u r-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2868/95 meta naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni t-traduzzjonijiet prodotti, mingħajr ma stiednet speċifikament u minn qabel lir-rikorrenti sabiex tirrimedja għan-nuqqas ta’ traduzzjonijiet, ladarba tali nuqqas ġie stabbilit, jew tat lill-parti kkonċernata terminu speċifiku sabiex tirrimedja għall-irregolarità, ladarba din ġiet imqajma minn Leggett & Platt. |
54 |
Min-naħa, ir-Regola 18(2), li biha l-UASI jinforma lil parti li tkun qegħda topponi b’irregolaritajiet li jaffettwaw l-avviż ta’ oppożizzjoni u tistedinha sabiex tirrimedja għan-nuqqasijiet misjuba fi żmien xahrejn, liema żmien ma jistax jiġi estiż, mhijiex applikabbli għall-kawża preżenti, lanqas b’analoġija, minħabba li hija tirrigwarda raġunijiet ta’ inammissibbilità ta’ l-oppożizzjoni (sentenza Chef, punt 40 aktar ’il fuq, punt 36). |
55 |
L-eżiġenzi legali fuq il-preżentata tal-fatti, tal-provi, u ta’ l-osservazzjonijiet, kif ukoll tad-dokumenti ppreżentati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni, li jinkludu t-traduzzjonijiet tagħhom fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jikkonstitwixxu kundizzjonijiet li jolqtu l-mertu ta’ l-oppożizzjoni (sentenza Chef, punt 40 aktar ’il fuq, punti 37 u 52). |
56 |
Għalhekk, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ma kienet bl-ebda mod marbuta li tinforma lir-rikorrenti dwar l-irregolarità li kienet tikkonsisti fl-ommissjoni min-naħa tagħha li tippreżenta traduzzjoni ta’ l-elementi ta’ prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, u n-nuqqas ta’ tali traduzzjoni ma jikser l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 jew tar-Regolament Nru 2868/95 li taqa’ taħt ir-Regola 18(2) ta’ dan ta’ l-aħħar (sentenza BIOMATE punt 45 aktar ’il fuq, punt 70). |
57 |
Min-naħa l-oħra, l-UASI ma setax jikser ir-Regola 22(4), li tippermettilu li jsejjaħ lill-parti li tkun qegħda topponi sabiex tippreżenta traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti ta’ dawk il-provi miġjuba f’lingwa oħra in sostenn ta’ l-użu tat-trade marks preċedenti fis-sens ta’ l-Artikolu 43(2) jew (3) tar-Regolament Nru 40/94. |
58 |
Din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar, li tippermetti lill-parti li qegħda topponi li tistabbilixxi, fuq talba ta’ l-applikant, li t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni kienet is-suggett ta’ użu ġenwin matul il-ħames snin ta’ qabel il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, hija manifestament inapplikabbli fil-kawża preżenti. |
59 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti, li t-trade marks preċedenti tagħha ġew irreġistrati biss fl-1998, ma tistax issostni li kien hemm tali użu għal ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, għaliex din seħħet fil-5 ta’ Frar 2001. |
60 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma’ talbitx b’mod korrett l-applikazzjoni tar-Regola 71 tar-Regolament Nru 2868/95 li, fejn dan ikun xieraq fiċ-ċirkustanzi, tippermetti lill-UASI li jagħti proroga għat-terminu li huwa stabbilixxa, sakemm din il-proroga tintalab mill-parti kkonċernata qabel ma jiskadi t-terminu in kwistjoni. |
61 |
Peress li r-rikorrenti ppreżentat b’mod tardiv lid-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni t-traduzzjonijiet fil-lingwa tal-proċedimenti tal-provi u tad-dokumenti in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, ir-rikorrenti hija kkunsidrata li qatt ma ppreżentat dawn l-elementi ta’ prova fil-ħin, fis-sens ta’ l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, b’tali mod li bl-applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-UASI qatt ma seta’ joħodhom in kunsiderazzjoni. |
62 |
L-Artikolu ċċitat aktar ’il fuq jagħti lill-Bord ta’ l-Appell, li quddiemu, bħal fil-kawża preżenti, jiġu ppreżentati fatti jew provi miġjuba b’mod tardiv quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk hemmx lok jew le li joħodhom in kunsiderazzjoni (sentenza UASI vs Kaul, punt 28 aktar ’il-fuq, punti 43 u 63, li dwarha l-partijiet ingħataw il-possibbilità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom). |
63 |
Tali teħid in kunsiderazzjoni jista’ jkun iġġustifikat, b’mod partikolari, meta, min-naħa, l-elementi preżentati b’mod tardiv jistgħu ma’ l-ewwel daqqa t’għajn ikollhom rilevanza vera għal dak li jirrigwarda l-eżitu ta’ l-oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, l-istadju tal-proċedura li fih din il-preżentata tardiva ta’ fatti sseħħ u ċ-ċirkustanzi relatati magħha ma jkunux jmorru kontra tali teħid in kunsiderazzjoni (sentenza UASI vs Kaul, punt 28 aktar ’il fuq, punt 44). |
64 |
Possibbilità bħal din, miftuħa għal Bord ta’ l-Appell, hija oġġettivament ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li l-użu tagħhom jista’ jkun sussegwentement ikkontestat b’suċċess permezz ta’ proċedura għal annullament jew ta’ proċedura għall-ksur ta’ trade mark (sentenza UASI vs Kaul, punt 28 aktar ’il fuq, punt 48) |
65 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jipprovdi li l-Bord ta’ l-Appell jista’ jeżerċita l-kompetenzi ta’ l-istanza ta’ l-UASI li adottat id-deċiżjoni li huwa qiegħed jeżamina, jagħti lill-Bord ta’ l-Appell il-kompetenza li jipproċedi għal eżami mill-ġdid tal-mertu kollu ta’ l-oppożizzjoni, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt (sentenza UASI vs Kaul, punt 28 aktar ’il fuq, punt 57). |
66 |
Fil-kawża preżenti, il-Bord ta’ l-Appell mill-ewwel irrifjuta li jaċċetta t-traduzzjonijiet tal-provi u tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha, għar-raġuni biss li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom kien eskluż ex officio minħabba l-produzzjoni tardiva tagħhom quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, huwa kkunsidra li ma kellu ebda diskrezzjoni sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova in kwistjoni. |
67 |
Minn dan isegwi li l-Bord ta’ l-Appell għamel żball ta’ liġi meta rrifjuta mill-ewwel li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok jew le li jieħu in kunsiderazzjoni l-provi u d-dokumenti in sostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tar-rikorrenti. |
68 |
Fir-rigward tar-rilevanza tal-provi in kwistjoni, jista’ jiġi rrilevat li d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni osservat espressament li hija setgħet ma kinitx tasal għall-konklużjoni li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti li kieku r-rikorrenti argumentat, fit-termini stabbiliti, li t-trade marks preċedenti tagħha kellhom karattru distintiva għoli minħabba l-użu mxerred tagħhom u li kieku ppreżentat it-traduzzjonijiet neċessarji sabiex tistabbilixxi dan il-karattru distintiv imsaħħaħ. |
69 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li min-naħa tiegħu, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ġabet il-prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha fit-terminu mogħti ma kienx nieqes mir-rilevanza. |
70 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fir-rigward ta’ l-istadju tal-proċedimenti li fih ġew ippreżentati l-provi, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni t-traduzzjonijiet in kwistjoni fid-9 ta’ Awwissu 2002 u appellat quddiem il-Bord ta’ l-Appell fil-5 ta’ Marzu 2003, li ta d-deċiżjoni kkontestata fit-18 ta’ Marzu 2004. |
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jirriżultax mill-proċess li restrizzjoni ta’ żmien setgħet timpedixxi lill-Bord ta’ Appell milli jieħu in kunsiderazzjoni t-traduzzjonijiet ta’ l-elementi ta’ prova tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni. |
72 |
Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali u li għaldaqstant għandha tiġi annullata, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti. |
Fuq l-ispejjeż
73 |
Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
74 |
Peress li l-UASI tilef, u peress li d-deċiżjoni kkontestata hija annullata, hemm lok li jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti, kif mitlub minn din ta’ l-aħħar. |
75 |
Peress li l-intervenjenti tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Legal Wiszniewska-Białecka Moavero Milanesi Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2007. E. Coulon Reġistratur H. Legal President |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.