Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 62004TJ0048

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tad-19 ta' Ġunju 2009.
    Qualcomm Wireless Business Solutions Europe BV vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Kompetizzjoni - Konċentrazzjonijiet - Suq tas-sistemi telematiċi tat-triq - Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni - Impenji - Żball manifest ta’ evalwazzjoni - Abbuż ta’ poter - Obbligu ta’ motivazzjoni.
    Kawża T-48/04.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-02029

    ECLI-nummer: ECLI:EU:T:2009:212

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

    19 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Suq tas-sistemi telematiċi tat-triq — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni — Impenji — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Abbuż ta’ poter — Obbligu ta’ motivazzjoni”

    Fil-Kawża T-48/04,

    Qualcomm Wireless Business Solutions Europe BV, stabbilita fi Waarle (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn G. Berrisch, avukat, u D. Hull, solicitor,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn K. Mojzesowicz u A. Whelan, sussegwentement minn K. Mojzesowicz u X. Lewis, bħala aġenti

    Konvenuta,

    sostnuta minn

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn C.-D. Quassowski u S. Flockermann, bħala aġenti, sussegwentement minn M. Lumma, bħala aġent assistit minn U. Karpenstein u A. Rosenfeld, avukati,

    u minn

    Deutsche Telekom AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja),

    Daimler AG, li qabel kienet DaimlerChrysler AG, stabbilita f’Stuttgart (il-Ġermanja),

    u

    Daimler Financial Services AG, li qabel kienet DaimlerChrysler Services AG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

    irrappreżentati minn J. Schütze u A. von Graevenitz, avukati,

    intervenjenti,

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/792/KE, tat-30 ta’ April 2003, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2903 — Impriża konġunta DaimlerChrysler/Deutsche Telekom) (ĠU L 300, p. 62),

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

    komposta minn J. Azizi (Relatur), President tal-Awla, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

    Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-kuntest ġuridiku

    1

    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (verżjoni rettifikata ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31) kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Konċentrazzjoni”), il-konċentrazzjonijiet li ma joħolqux jew li ma jsaħħux pożizzjoni dominanti jkollhom l-konsegwenza li jostakolaw b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew li parti sostanzjali tagħhom tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

    2

    L-Artikolu 8(2) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi, li meta l-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2), wara xi tibdil, jekk meħtieġa, mill-impriżi kkonċernati, għandha tagħti deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni. Ma’ din id-deċiżjoni jistgħu jintrabtu xi kundizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat li l-impriżi kkonċernati josservaw l-impenji li jkunu daħlu għalihom sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni. Id-deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli għandha tkopri wkoll restrizzjonijiet relatati direttament u meħtieġa, għall-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni.

    3

    L-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li l-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tieħu skont l-Artikolu 8(2) sa (5) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4

    Ir-rikorrenti, Qualcomm Wireless Business Solutions Europe BV (iktar ’il quddiem “Qualcomm”), jipproponu sistema ta’ mmaniġġjar ta’ grupp ta’ trakkijiet permezz tas-satellita fl-Ewropa bl-isem “EutelTRACS”. Permezz ta’ netwerk li jaħdem bis-satellita, hija tiġbor id-data trażmessa mit-trakkijiet, bħal data li tirrigwarda l-post fejn jinsabu, data fuq il-mutur u messaġġi tas-sewwieqa, u tittrażmettihom lill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament ta’ dawn it-trakkijiet li jkun klijent ta’ Qualcomm. Barra minn dan, hija tittrażmetti messaġġi mill-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament lis-sewwieqa ta’ trakkijiet. Għal dan il-għan, hija tipprovdi l-materjal u l-infrastruttura ta’ servizzi meħtieġa. Hija wkoll attiva fl-iffabbrikar ta’ dan il-materjal u fl-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim ta’ din is-sistema.

    5

    Fl-2002, il-Ministeru Federali Ġermaniż għat-Trasport, il-Bini u l-Akkomodazzjoni organizza sejħa pubblika għall-offerti, f’isem il-Gvern Ġermaniż, sabiex tinħoloq u tiġi mmaniġġjata sistema ta’ ħlas awtomatiku u manwali ta’ pedaġġi dovuti minn trakkijiet ta’ piż totali ta’ tunnellata jew iktar sa tnax-il tunnellata (iktar ’il quddiem it-“trakkijiet”) li jagħmlu użu mill-awtostradi Ġermaniżi. Din is-sejħa għall-offerti ma kinitx teħtieġ l-użu ta’ teknoloġija speċifika.

    6

    Il-kuntratt ingħata lill-konsorzju fformat minn DaimlerChrysler Services AG, Deutsche Telekom AG u l-Compagnie financière et industrielle des autoroutes SA (Cofiroute) (li flimkien huma msejjħa iktar ’il quddiem l-“impriżi tal-konċentrazzjoni”).

    7

    Daimler Financial Services AG, li qabel kienet DaimlerChrysler Services, hija kumpannija sussidjarja ta’ Daimler AG, li qabel kienet DaimlerChrysler AG, li hija attiva fis-settur tas-servizzi finanzjarji u fl-immaniġġjar tal-mobilità. L-attivitajiet tagħha jinkludu mmaniġġjar ta’ grupp ta’ vetturi li jkopru kull tip ta’ vettura ta’ Daimler. Din tal-aħħar żviluppat, bniet u kkummerċjalizzat vetturi, trakkijiet, karozzi tal-linja u muturi diesel.

    8

    Deutsche Telekom hija kumpannija fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, li b’mod partikolari tipprovdi servizzi tat-telefonija mobbli fl-Ewropa.

    9

    Il-Cofiroute hija kumpannija attiva fil-qasam tal-ġbir ta’ pedaġġi fuq l-awtostrada.

    10

    Il-konsorzju kkostitwit minn dawn l-impriżi, sussegwentement waqqaf Toll Collect GmbH sabiex tiġi elaborata u mmaniġġjata sistema għal ħlas ta’ pedaġġi dovuti mit-trakkijiet li jagħmlu użu mill-awtostradi Ġermaniżi.

    11

    Soluzzjoni telematika għall-ħlas awtomatiku ta’ pedaġġi ġiet żviluppata minn Toll Collect. Din is-soluzzjoni tikkonsisti fl-installazzjoni ta’ apparati fit-trakkijiet li jriedu jagħmlu użu mill-ħlas awtomatiku ta’ pedaġġi. Dawn l-apparati installati jaħdmu permezz ta’ riċevitur GPS [Global Positioning System (sistema ta’ pożizzjonar globali permezz tas-satellita)] u ta’ transmiter GSM [Global System for Mobile Communications (sistema globali ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli)]. Ir-riċevitur GPS jiddetermina l-pożizzjoni f’dak il-ħin tat-trakk li tiddaħħal fl-apparat installat. Permezz tat-transmiter GSM din id-data tintbagħat mill-apparat installat liċ-ċentru inkarigat mis-servizzi tal-applikazzjoni. Iċ-ċentru jħaddem id-data, jiġifieri, fuq il-bażi tal-pożizzjoni speċifika u fuq il-parti tal-awtostrada użata, jikkalkola l-pedaġġ dovut u jibgħat il-kont lill-proprjetarju jew lil min juża’ t-trakk. L-apparat installat huwa pprovdut b’xejn minn Toll Collect lill-impriżi tat-trasport għajr għal garanzija li tieħu l-forma ta’ kreditu fuq il-pedaġġi. Il-proprjetarju jew min juża’ t-trakk, mandankollu għandu jbati l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-apparat. Minbarra l-funzjoni tagħhom tal-ħlas awtomatiku ta’ pedaġġi dovuti, l-apparati installati ta’ Toll Collect jistgħu jiġu użati għal servizzi telematiċi oħra u b’mod partikolari dawk li jippermettu l-immaniġġjar ta’ grupp ta’ vetturi mill-bogħod. L-użu tal-apparati installati ta’ Toll Collect minn fornitur ieħor ta’ servizzi telematiċi huwa possibbli biss wara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala l-awtorità kontraenti, tkun tat l-awtorizzazzjoni tagħha għal dan l-użu.

    12

    Fil-11 ta’ Novembru 2002, DaimlerChrysler Services u Deutsche Telekom innotifikaw lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Konċentrazzjoni, proġett ta’ konċentrazzjoni li permezz tiegħu huma kisbu, permezz tax-xiri ta’ ishma, il-kontroll ta’ Toll Collect.

    13

    Insegwitu għal din in-notifika, il-Kummissjoni tat bidu għall-ewwel fażi tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni. Matul din l-ewwel fażi, l-impriżi tal-konċentrazzjoni għaddewlha l-ewwel proposta ta’ impenji tagħhom. Din il-proposta ġiet ppreżentata lill-atturi l-oħra fuq is-suq, fosthom Qualcomm, sabiex jagħtu opinjoni.

    14

    Permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tat bidu għat-tieni fażi tal-proċeduri skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Konċentrazzjoni.

    15

    Permezz tal-ittra tat-28 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni indirizzat lill-impriżi notifikanti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fiha indikat li l-ewwel proposta ta’ impenji ma kinitx suffiċjenti sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni nnotifikata.

    16

    Fil-11 ta’ Marzu 2003, l-impriżi tal-konċentrazzjoni ppreżentaw lill-Kummissjoni t-tieni proposta ta’ impenji.

    17

    Fid-19 u l-20 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni organizzat seduta li fiha pparteċipat Qualcomm. Matul din is-seduta, hija b’mod partikolari indikat li t-tieni proposta ta’ impenji ma kinitx suffiċjenti sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni nnotifikata.

    18

    Fit-3 ta’ April 2003, l-impriżi tal-konċentrazzjoni ppreżentaw lill-Kummissjoni t-tielet u l-aħħar proposta ta’ impenji.

    19

    Bid-Deċiżjoni 2003/792/KE, tat-30 ta’ April 2003, il-Kummissjoni ddikkjarat il-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2903 — Impriża konġunta DaimlerChrysler/Deutsche Telekom) (ĠU L 300, p.62; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) bil-kundizzjoni li l-impenji kollha meħuda jiġu osservati mill-impriżi tal-konċentrazzjoni.

    20

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li, fis-suq effettwat mill-konċentrazzjoni, jiġifieri s-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq li jinkludi l-materjal, l-applikazzjonijiet u s-servizzi intiżi għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika, il-konċentrazzjoni tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni billi l-infrastruttura għall-ġbir ta’ pedaġġi li għandha tinħoloq minn Toll Collect tista’ tkun użata għall-provvista ta’ servizzi telematiċi oħra mill-impriżi tal-konċentrazzjoni. Dan l-użu tal-infrastruttura ta’ Toll Collect għall-provvista ta’ servizzi telematiċi tat-triq twassal lil DaimlerChrysler tikseb, permezz ta’ Toll Collect, pożizzjoni dominanti fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq u b’konsegwenza ta’ dan kompetizzjoni effettiva hija ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni.

    21

    B’mod iktar partikolari, il-provvista b’xejn tal-apparati installati minn Toll Collect flimkien mal-marġni baxxi li bihom jaħdmu l-impriżi tat-trasport iwassal għall-waqfien ta’ pjattaforma dominanti fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq għall-impriżi tat-trasport u tal-loġistika. Billi DaimlerChrysler kienet l-ewwel kostruttur ta’ trakkijiet fil-Ġermanja u waħda mill-fornituri importanti ta’ sistemi telematiċi u li kienet f’pożizzjoni li tista’ tikkontrolla l-aċċess għad-data ġġenerata mill-apparati installati ta’ Toll Collect li jistgħu jiġu użati għas-servizzi telematiċi tat-triq, hija kienet tista’ tagħlaq is-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq u b’hekk tikseb pożizzjoni dominanti f’dan is-suq u tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni.

    22

    Il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li t-tielet u l-aħħar proposta ta’ impenji ppreżentati mill-impriżi tal-konċentrazzjoni kienet suffiċjenti sabiex tevita li twassal għal din il-pożizzjoni dominanti ta’ DaimlerChrysler.

    23

    F’din it-tielet proposta, l-impriżi tal-konċentrazzjoni, l-ewwel nett intrabtu li jiżviluppaw portal telematiku ċentrali, imħaddem minn kumpannija indipendenti, Telematics Gateway GmbH (iktar ’il quddiem “TGG”), li għandha tippermetti lill-fornituri ta’ servizzi telematiċi aċċess għall-funzjonijiet u għall-bażi ta’ data tal-apparati installati ta’ Toll Collect mingħajr diskriminazzjoni (iktar ’il quddiem l-“impenn dwar il-portal ta’ TGG”), it-tieni nett, li jiżviluppaw interface GPS għall-apparati installati ta’ Toll Collect li għandu jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi telematiċi terzi li jagħmlu użu mill-funzjoni GPS tal-apparati installati (iktar ’il quddiem l-“impenn dwar l-interface GPS”) u t-tielet nett, li jiżviluppaw module li jista’ jiġi inkluż f’tagħmir ta’ terzi b’mod li jkunu jistgħu joħolqu l-apparati tagħhom għal ġbir ta’ pedaġġi (iktar ’il quddiem l-“impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi”).

    24

    Fl-aħħar, l-impriżi tal-konċentrazzjoni intrabtu, ir-raba’ nett, li ladarba jingħataw awtorizzazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jipprovdu servizzi telematiċi tat-triq permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect, li ma joffrux dawn is-servizzi qabel mal-Kummissjoni ma tkun tat l-awtorizzazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni tingħata mill-Kummissjoni, biss, meta l-impriżi tal-konċentrazzjoni jkunu installaw interface li jkun jopera mal-funzjoni GPS tal-apparati installati inkwistjoni u jkunu taw il-possibbiltà lil partijiet terzi interessati li jiżviluppaw l-apparati tagħhom li jkunu jistgħu jiġu użati għall-ħlas ta’ pedaġġi ladarba jkunu mqabbda mal-modules ta’ ġbir ta’ pedaġġi żviluppati mill-impriżi tal-konċentrazzjoni (iktar ’il quddiem il-“ moratorju kwalitattiv”).

    25

    Permezz ta’ faks tat-23 ta’ Mejju 2003, Qualcomm irċeviet il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata adottata, bil-Ġermaniż, mill-Kummissjoni. Fit-, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata, bl-Ingliż u bil-lingwi l-oħra uffiċjali, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 300, p. 62) skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Konċentrazzjoni.

    Il-proċedura

    26

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Frar 2004, Qualcomm ressqet din il-kawża.

    27

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Mejju 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet sabiex titħalla tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ntlaqgħat permezz tad-digriet tal-President tat-Tielet Awla tas-.

    28

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Novembru 2004, Daimler AG, Daimler Financial Services AG u Deutsche Telekom talbu sabiex jitħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Din it-talba ntlaqgħat permezz tad-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-. Billi t-talba għal intervent ta’ dawn l-impriżi tressqet wara li skada t-terminu previst fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn l-impriżi ġew awtorizzati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, fuq il-bażi tar-rapport tas-seduta li ġiet ikkomunikata lilhom, fil-proċeduri orali biss.

    29

    Wara li semgħet ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali u, skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet jirrispondu għal numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-termini mogħtija.

    30

    It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tal-1 ta’ Lulju 2008.

    It-talbiet tal-partijiet

    31

    Qualcomm titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    32

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Deutsche Telekom, Daimler u Daimler Financial Services, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lil Qualcomm għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    I — Fuq l-ammissibbiltà

    A — Argumenti tal-partijiet

    1. Argumenti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    a) Fuq in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata

    33

    Prinċipalment, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqis li r-rikors ta’ Qualcomm huwa tardiv, billi d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lilha fit-23 ta’ Mejju 2003 u hija ppreżentat ir-rikors għal annullament tagħha fl-, jiġifieri wara li kien skada sewwa t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li huwa ta’ xahrejn u 10 ijiem kif previst mir-Regoli tal-Proċedura.

    34

    Il-Kummissjoni tqis li, minkejja li Qualcomm mhijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, it-trażmissjoni tad-deċiżjoni kkontestata lil Qualcomm fit-23 ta’ Mejju 2003, tikkostitwixxi notifika, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Skontha, jirriżulta mill-ġurisprudenza li deċiżjoni tista’ tiġi nnotifikata lil parti li mhijiex id-destinatarja, iżda li hija direttament u individwalment ikkonċernata minnha (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 52, u, a contrario, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-296/97, Ġabra p. II-3871, u tas-, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T-190/00, Ġabra p. II-5015, punt 31) u li, sabiex in-notifika ta’ deċiżjoni tkun regolari, huwa suffiċjenti li din id-deċiżjoni tkun ġiet ikkomunikata lil parti direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni b’mod li din tkun tista’ ssir taf dwarha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, 6/72, Ġabra p. 215, punt 10; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-12/90, Ġabra p. II-219, u tas-, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T-43/92, Ġabra p. II-441, punt 25). It-trażmissjoni tad-deċiżjoni kkontestata tat-, għandha l-karatteristiċi kollha ta’ notifika u Qualcomm, bħala kompetitriċi tal-impriżi notifikanti, hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

    35

    It-termini tal-Artikolu 254(3) KE ma jeskludux notifika lil persuni oħra li mhumiex id-destinatarju. Għall-kuntrarju, tali notifika hija konformi mas-sistema ta’ mezzi ta’ rikors stabbiliti mit-Trattat u li permezz tagħhom persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu madankollu jitolbu l-annullament tagħha meta din id-deċiżjoni tkun tikkonċernahom direttament u individwalment. Barra minn dan, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Konċentrazzjoni, il-Kummissjoni mhijiex mitluba tippubblika t-test kollu tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, iżda għandha biss issemmi l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li, mill-1 ta’ Mejju 2004, il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet ma għadhiex ippubblikata kollha u dan fil-lingwi Komunitarji kollha u li tillimita l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Konċentrazzjoni għall-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament. Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jirreferi għal notifika lir-rikorrent u mhux lid-destinatarju. Barra minn dan, Qualcomm tista’ tinjora din in-notifika li seħħet qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-intenzjoni li tipposponi l-bidu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament u hekk, de facto, tqiegħed lilha nfisha f’pożizzjoni iktar vantaġġuża minn terzi kkwalifikati jew mid-destinatarji tad-deċiżjoni. Hija tfakkar li t-terminu li fih għandu jiġi ppreżentat rikors ġie stabbilit sabiex jiżgura ċ-ċarezza u s-sigurtà tas-sitwazzjonijet legali u sabiex jevita kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

    36

    Fl-aħħar nett, meta mistoqsija mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-rilevanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni (T-17/02, Ġabra p. II-2031), il-Kummissjoni tqis li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza hija distinta mill-kawża preżenti, minn naħa, billi din kienet tirrigwarda l-qasam tal-għajnuna mill-Istat li r-regoli tiegħu espressament jippreċiżaw li d-deċiżjonijiet huma nnotifikati lill-Istati Membri kkonċernati mill-għajnuna u, min-naħa l-oħra, billi l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni tippreċiża espressament li ma kienx hemm garanzija li d-deċiżjoni mibgħuta kienet tikkorrispondi għad-deċiżjoni nnotifikata lid-destinarja tagħha. Il-Kummissjoni madankollu tindika li l-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-komunikazzjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Olsen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġi ddeterminata jekk hija tikkostitwixxix notifika turi li deċiżjoni tista’ tkun innotifikata lil parti li mhijiex id-destinatarja tagħha. Barra minn dan, b’differenza għas-sitwazzjoni f’din il-kawża l-oħra, l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 8(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40) jipprovdi għan-notifika obbligatorja lill-Istati Membri u lill-“impriżi kkonċernati” mingħajr dawn ma jkunu d-destinatarji tal-miżuri inkwistjoni, u huwa għalhekk li dan ir-regolament jipprovdi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    37

    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-ebda dispożizzjoni tat-Trattat jew tar-Regolament Konċentrazzjoni ma tipprojbixxi li tiġi nnotifikata deċiżjoni lil terzi kkonċernati. Għalhekk, tali notifika hija effettwata fl-interess taċ-ċertezza legali tal-partijiet implikati f’konċentrazzjoni u fl-interess tat-tkomplija tal-azzjoni Komunitarja ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

    b) Fuq meta r-rikorrenti ssir taf

    38

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tqis li, kieku d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx innotifikata lil Qualcomm, din għall-inqas saret taf bl-eżistenza ta’ din id-deċiżjoni u tal-kontenut preċiż tagħha fit-23 ta’ Mejju 2003 b’mod li dan it-terminu li għall-preżentata ta’ rikors għal annullament beda jiddekorri minn din id-data u li dan ir-rikors huwa tardiv.

    39

    Il-ġurisprudenza li skont din il-kriterju tad-data meta r-rikorrenti ssir taf bl-att ikkontestat, bħala bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dik tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika, jirrigwarda biss is-sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti ma setgħux isiru jafu t-test preċiż tad-deċiżjoni kkontestata qabel in-notifika jew il-pubblikazzjoni tagħha (sentenzi BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 47; Alitalia vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 61, u Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 30). Barra minn dan, kien biss flimkien maċ-ċirkustanza li l-att kien ġie ppubblikat fix-xahrejn wara l-adozzjoni tiegħu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-data tal-pubblikazzjoni tibda tiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punt 38). Fl-aħħar nett, fis-sentenza tad-, TWD Textilwerke Deggendorf (C-188/92, Ġabra p. I-833, punti 15 sa 18), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li partijiet manifestament ammissibbli sabiex jitolbu l-annullament ta’ att mhumiex awtorizzati li jikkontestawhom b’mod indefinit billi jinvokaw regoli oħra ta’ proċedura. Dan ir-raġunament, li huwa bbażat fuq il-finalità tat-terminu previst mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, japplika, skont il-Kummissjoni, b’analoġija għal sitwazzjoni li fiha terz li għandu manifestament locus standi ġie individwalment informat bil-kontenut preċiż ta’ deċiżjoni.

    2. Argumenti ta’ Qualcomm

    40

    Qualcomm tqis li r-rikors ġie ppreżentat fit-terminu previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, billi d-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fit-18 ta’ Novembru 2003 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Konċentrazzjoni. Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ konċentrazzjoni fi żmien debitu jippermetti, skont Qualcomm, li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali.

    41

    Barra minn dan, Qualcomm tikkunsidra li t-trażmissjoni, fit-23 ta’ Mejju 2003, tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex notifika, billi huma biss id-destinatarji ta’ deċiżjoni li jistgħu jkunu nnotifikati b’din. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenzi Europemballage Continental Can vs Il-Kummissjoni u Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq. Qualcomm tqis ukoll li meta saret taf bid-deċiżjoni kkontestata, fit-, ma jistax iċaħħadha mit-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ din fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    42

    Fl-aħħar nett, Qualcomm tqis li s-sentenza Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, tikkonferma l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha billi tindika li d-destinatarji ta’ deċiżjoni biss jistgħu jiġu nnotifikati b’din.

    B — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    43

    Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-att, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih, skont il-każ.

    44

    Skont l-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-att, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-erbatax-il ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, barra minn dan, ma’ dan it-terminu għandu jiżdied terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

    45

    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata kienet is-suġġett ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-18 ta’ Novembru 2003. Madankollu, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ntbagħtet mill-Kummissjoni lil Qualcomm fit-. Ir-rikors ta’ Qualcomm kontra d-deċiżjoni kkontestata ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-, jiġifieri fit-terminu mogħti li jibda jiddekorri mill-ġurnata li fiha ġiet ppubblikata d-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    2. Fir-rigward tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata

    46

    Għandu jitfakkar li, fis-sentenza Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, ġie deċiż li, fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, in-notifika hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-awtur ta’ att ta’ portata individwali jikkomunika dan l-att lid-destinatarji tiegħu u b’hekk iqiegħdhom f’pożizzjoni li jsiru jafu bih. Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikolu 254(3) KE li jipprovdi li d-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom u jidħlu fis-seħħ meta ssir din in-notifika (sentenza Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 74)

    47

    F’dan il-każ, DaimlerChrysler u Deutsche Telekom biss huma kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata bħala d-destinatarji tagħha (ara l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi Qualcomm mhijiex waħda mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju tan-notifika tal-att mhuwiex applikabbli għaliha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tallega li r-rikors ta’ Qualcomm huwa inammissibbli minħabba li dan ir-rikors ġie ppreżentat wara li skada t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li beda jidekorri mill-ġurnata fejn ġiet lilha “nnotifikata” d-deċiżjoni kkontestata billi hija mhijiex waħda mid-destinatarji formalment identifikati b’din id-deċiżjoni.

    48

    Din l-evalwazzjoni mhijiex ikkontestata permezz tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni li deċiżjoni tista’ tkun innotifikata, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mhux biss lid-destinatarji identifikati fid-deċiżjoni inkwistjoni, skont l-Artikolu 254(3) KE, iżda wkoll lil persuni oħra barra minn dawn id-destinatarji. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Konċentrazzjoni jimponi l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tad-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-regolament b’mod li għall-persuni li mhumiex identifikati bħala d-destinatarji fid-deċiżjoni kkontestata, il-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jsir fuq il-bażi tal-ewwel eżempju msemmi fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jiġifieri, mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha.

    49

    Jekk tiġi aċċettata l-interpretazzjoni wiesgħa proposta mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ destinatarju, li jinkludi kemm id-destinatarju jew id-destinatarji identifikati f’deċiżjoni kif ukoll kull persuna oħra kkunsidrata bħala tali mill-Kummissjoni mingħajr ma din tkun issemmiet f’din id-deċiżjoni, iwassal sabiex jiġu kkontestati l-effetti tal-obbligu previst mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Konċentrazzjoni li jagħtu lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali sabiex jiġu identifikati fost il-persuni li mhumiex imsemmija bħala destinatarji f’deċiżjoni, dawk li huma suxxettibbli li jippreżentaw rikors min-notifika ta’ din id-deċiżjoni u mhux mill-pubblikazzjoni tagħha. L-għoti ta’ setgħa diskrezzjonali bħal din għandha r-riskju li twassal għal ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn, fost il-persuni li mhumiex speċifikament imsemmija bħala destinatarji f’deċiżjoni, ċerti persuni li lilhom din id-deċiżjoni ġiet “innotifikata” jistgħu jikkontestawha minn “notifika” tagħha waqt li persuni oħra li din id-deċiżjoni ma ġietx lilhom “innotifikata” jistgħu jikkontestaw din id-deċiżjoni mill-pubblikazzjoni tagħha. Kull persuna li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, bħala prinċipju, tista’ tikkontesta din id-deċiżjoni. Barra minn dan, mhuwiex dejjem possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika a priori l-persuni li huma suxxettibbli li jippreżentaw rikors mid-data tan-notifika ta’ deċiżjoni. Għalhekk, pereżempju, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-kompetituri kollha bħalissa u dawk potenzjali li jistgħu jiġu effettwati mill-konċentrazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

    50

    Tali diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan li jikkonsisti fi, li tiġi ggarantita l-iktar malajr possibbli ċ-ċertezza legali, billi tiġi llimitata l-possibbiltà li deċiżjoni tiġi kkontesta permezz ta’ rikors quddiem qorti. Fil-fatt, li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġi żgurat permezz tal-interpretazzjoni wiesgħa proposta mill-Kummissjoni billi din ma tidentifikax a priori u b’mod sistematiku l-persuni direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan u f’kull każ, li jintlaħaq dan l-għan huwa perfettament żgurat mill-obbligu tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Konċentrazzjoni.

    51

    Barra minn dan, l-argument tal-Kummissjoni li skont dan hemm trattament diskriminatorju bejn, minn naħa, il-partijiet li qed jinnotifikaw konċentrazzjoni li jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament tad-deċiżjoni li ġiet innotifikata lilhom minn din in-notifika u, min-naħa l-oħra, ta’ terzi li pparteċipaw fil-proċeduri amministrattivi li waslet għal din id-deċiżjoni u li ġew “innotifikati” din id-deċiżjoni, iżda li għalihom it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri biss mill-pubblikazzjoni ta’ din, huwa nieqes minn kull rilevanza. Fil-fatt, dan huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni tista’ debitament tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lil persuni oħra barra dawk il-partijiet li qed jinnotifikaw. Minħabba fir-raġunijiet imsemmija fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq dan ma jistax ikun il-każ.

    52

    Għandu wkoll jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fil-punt 34 iktar ’il fuq, din ma tiddeċidix espressament fuq il-kwistjoni jekk deċiżjoni tistax tkun ikkunsidrata bħala notifikata lil persuna li mhijiex d-destinatarju meta pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija prevista mil-liġi applikabbli.

    53

    L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq iċ-ċirkustanza li skont din l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Konċentrazzjoni jipprovdi biss għal obbligu li jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-partijiet u l-elementi essenzjali tad-deċiżjoni u li, mill-1 ta’ Mejju 2004, il-verżjoni mhux kunfidenzjali kollha ta’ dawn id-deċiżjonijiet mhijiex iktar ippubblikata u dan fil-lingwi Komunitarji kollha, għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata kollha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u kienet disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha, inkluż f’dik ta’ Qualcomm u dan meta l-komunikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata lil Qualcomm kellha bħala suġġett il-verżjoni Ġermaniża biss ta’ din id-deċiżjoni, jiġifieri f’lingwa differenti minn dik tal-istatuti ta’ Qualcomm. Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea hekk iggarantixxa l-aċċess għad-data kollha essenzjali neċessarja għal Qualcomm sabiex tippreżenta rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    54

    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 139/2004, għandu jingħad li dan mhuwiex rilevanti għal din il-kawża, billi huwa applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    3. Fir-rigward ta’ meta r-rikorrenti ssir taf dwar id-deċiżjoni kkontestata

    55

    Mill-kliem tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tad-data meta r-rikorrenti ssir taf dwar l-att ikkontestat bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika (ara sentenza Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 30, u l-ġurisprudenża ċċitata).

    56

    Konsegwentement, meta Qualcomm saret taf, fit-23 ta’ Mejju 2003, bid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE billi, fit-, din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Konċentrazzjoni. Huwa biss minn din l-aħħar data li jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors li jiddisponi minnu Qualcomm sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 230 KE.

    57

    Din l-evalwazzjoni mhijiex ikkontestata permezz tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fil-punt 39 iktar ’il fuq. Fil-fatt, kuntrarjament għall-interpretazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza mill-Kummissjoni, jista biss jiġi dedott li, fil-każ li r-rikorrenti ssir taf qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mid-data li fiha saret taf.

    4. Konklużjoni

    58

    Fid-dawl tal-elementi kollha msemmija qabel, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, beda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fit-18 ta’ Novembru 2003, mingħajr mal-Kummissjoni ma tista’ validament issostni l-fatt li hija ttrażmettiet, fit-, il-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata lil persuna li ma kinitx id-destinatarju sabiex tikkontesta l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u hekk twettaq distinzjoni bejn il-persuni differenti li mhumiex destinatarji ta’ att bħal dan skont jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi jew le li tipproċedi għal notifika fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant, dan ir-rikors mhuwiex tardiv u l-oġġezzjoni mressqa mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għandha tiġi miċħuda.

    II — Fuq il-mertu

    A — Introduzzjoni

    59

    Fil-qari tal-oġġezzjonijiet differenti mqajma mir-rikorrenti, wieħed jeħtieġ li jiddistingwi tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tal-konstatazzjoni żbaljata tal-fatti u ta’ raġunament kuntradittorju f’dak li jirrigwarda n-natura xierqa tal-impenji sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq abbuż ta’ poter. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

    B — Fuq l-ewwel motiv bbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, tal-konstatazzjoni żbaljata tal-fatti u ta’ raġunament kuntradittorju f’dak li jirrigwarda n-natura xierqa tal-impenji sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni

    1. Argumenti tal-partijiet

    a) Argumenti ta’ Qualcomm

    — Introduzzjoni

    60

    Qualcomm tikkunsidra li l-impenji fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettux li jitneħħew id-dubji fir-rigward tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi ma jagħtux lok għal “regoli ugwali” għall-impriżi li jipproponu sistemi telematiċi mingħajr ma jagħmlu użu tal-portal ta’ TGG, minn naħa, u għall-impriżi li joffru servizzi telematiċi li jagħmlu użu mill-portal ta’ TGG u tal-apparat installat ta’ Toll Collect.

    61

    Qualcomm issostni li l-impriżi ta’ trasport mhuma ser jużaw l-ebda pjattaforma oħra jekk mhux l-apparat installat ta’ Toll Collect sabiex jiksbu s-servizzi telematiċi prinċipali meta jagħmlu użu minn dan l-apparat installat. Skontha, il-fatt li l-impenn dwar il-portal ta’ TGG jipprovdi li, sabiex jintuża’ l-apparat installat inkwistjoni għall-provvista ta’ servizzi telematiċi, l-impriżi tal-konċentrazzjoni u kull fornitur ieħor ta’ servizzi telematiċi għandhom jagħmlu użu mill-portal ta’ TGG, dan ma jimmodifikax din il-konklużjoni tagħha billi dawn il-fornituri jistgħu joffru servizzi identiċi għal dawk li l-impriżi tal-konċentrazzjoni, b’mod partikolari DaimlerChrysler, setgħu jipproponu kieku kienu awtorizzati joffru direttament servizzi telematiċi billi jużaw l-apparat installat ta’ Toll Collect. Għalhekk, la l-impenn dwar l-interface GPS u lanqas l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi ma jneħħi l-vantaġġ f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect.

    62

    Qualcomm tqis li l-osservazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skontha l-apparati installati ta’ Toll Collect li ġew iddistribwiti skont il-kuntratt ta’ operat konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Toll Collect għall-użu ta’ sistema ta’ ħlas ta’ pedaġġi dovuti mit-trakkijiet li jagħmlu użu mill-awtostradi Ġermaniżi, ma jistax isir użu minnhom għalissa fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi telematiċi hija inammissibbli u żbaljata. Din l-osservazzjoni hija inammissibbli billi hija bbażata fuq żviluppi li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, hija żbaljata, billi, permezz tal-apparati installati inkwistjoni, Toll Collect tkun f’pożizzjoni li tipprovdi servizzi telematiċi bażiċi mingħajr ma jkollha bżonn ta’ aġġornamenti jew memorja jew applikazzjoni addizzjonali. Skont Qualcomm, l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skont dan Toll Collect mhux ser tkun f’pożizzjoni li toffri servizzi telematiċi billi hija għadha ma kisbitx l-awtorizzazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija wkoll inammissibbli, billi din qed tikkontesta ipoteżi, debitament sostnuta u mhux ikkontestata matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tawtorizza Toll Collect sabiex tipprovdi servizzi telematiċi. Barra minn dan, Qualcomm tenfasizza li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ssostnix li ma kienx raġonevoli fiż-żmien meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata li jiġi kkunsidrat li l-awtorizzazzjoni meħtieġa ser tingħata, iżda biss li għadha ma ngħatatx. L-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa nieqes minn frankezza billi ma jaffermax li l-awtorizzazzjoni mhux ser tkun mogħtija, iżda biss li din għadha ma ngħatatx.

    63

    Barra minn dan, Qualcomm tqis li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Konċentrazzjoni billi kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa suffiċjenti li l-impenji “jillimitaw” jew jostakolaw “fil-parti l-kbira” li l-apparat installat ta’ Toll Collect isir pjattaforma dominanti (ara l-premessi 71 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

    — Fuq l-impenn dwar l-interface GPS

    64

    Qualcomm tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet wara l-vantaġġ ekonomiku li jista’ jsir permezz tal-impenn dwar l-interface GPS, li huma stmati għal ammont bejn EUR 150 u EUR 200 fuq kull apparat, li jippermetti lil terzi li jkunu ta’ kompetizzjoni lill-apparat installat ta’ Toll Collect u li “jillimitaw iktar” il-pożizzjoni dominanti li kellha tokkupa l-pjattaforma kkostitwita mill-apparati installati ta’ Toll Collect. L-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-impenn dwar l-interface GPS hija bbażata fuq fatti żbaljati u tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    65

    L-ewwel nett, Qualcomm tqis li l-impenn dwar l-interface GPS ma jagħtix vantaġġ ekonomiku ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat. Hija tindika li, f’dan ir-rigward, kien possibbli għaliha li tixtri apparati GPS intiżi sabiex jitqabbdu mal-apparati telematiċi tagħha għal prezz minn EUR 30 sa EUR 55. Barra minn dan, hija tindika li l-Kummissjoni qed tippresupponi li l-vantaġġi ekonomiċi li jistgħu jinkisbu permezz ta’ dan l-impenn huma l-istess għall-ispejjeż ta’ apparat GPS. Terzi li jagħmlu użu mill-interface GPS tal-apparat installat ta’ Toll Collect ibatu spejjeż addizzjonali li ma għandhomx għalfejn isostnu jekk huma jiżviluppaw is-sistema tagħhom.

    66

    Dawn l-ispejjeż addizzjonali huma dawn li ġejjin: l-ispejjeż ta’ żvilupp sabiex il-materjal u l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu adattati ħalli s-sistema tagħhom titqabbad mal-interface GPS; ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-iżvilupp tal-interface, il-ħlas ta’ liċenzja skont il-punt B.III.3 tal-impenji; l-ispejjeż relatati mal-bżonn tal-iżvilupp ta’ żewġ linji ta’ prodotti paralleli, jiġifieri sistema ta’ “konnessjoni” intiża sabiex tiġi użata fil-Ġermanja u sistema operazzjonali b’funzjoni GPS intiża barra minn dan it-territorju.

    67

    Qualcomm tqis li, anki jekk, bħalissa, dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu kkwantifikati b’mod hekk preċiż minħabba li d-dettalji tekniċi tal-interface GPS mhumiex magħrufa, l-ammont totali ta’ dawn l-ispejjeż probabbilment jelimina l-vantaġġi ekonomiċi kollha miksuba permezz tal-impenn dwar l-interface GPS. Qualcomm issostni wkoll li huwa ekonomikament iktar ta’ interess li tiffabbrika u tbigħ apparat telematiku li jinkludi apparat GPS.

    68

    It-tieni nett, Qualcomm tikkunsidra li l-impenn dwar l-interface GPS ma jeliminax il-vantaġġ li jikseb l-apparat installat ta’ Toll Collect mal-kompetizzjoni anki jekk dan kellu jinvolvi vantaġġi ekonomiċi ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat. Hija tfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz tal-apparati telematiċi bħalissa fis-suq inkwistjoni jvarjaw bejn EUR 1000 u EUR 2500. Konsegwentement, anki jekk l-impenn dwar l-interface GPS jinvolvi vantaġġi ekonomiċi ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat u kieku kien jippermetti li jinkiseb vantaġġ ekonomiku tal-ammonti indikati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, terzi li jipproponu apparati telematiċi dejjem jibqgħu jiffaċċjaw żvantaġġ importanti f’dak li jirrigwarda l-prezz meta mqabbel mal-apparat installat ta’ Toll Collect li huwa pprovdut b’xejn. Fil-fatt, minbarra l-prezz tax-xiri tal-apparati telematiċi alternattivi, l-impriżi ta’ trasport għandhom ukoll iħallsu l-ispejjeż ta’ installazzjoni u sabiex il-vetturi jitħallew wieqfa fil-post inkwistjoni li l-Kummissjoni tagħraf fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-aħħar spejjeż ilaħħqu għal madwar EUR 100 sa EUR 120 fuq kull trakk. Barra minn dan, Qualcomm tqis li l-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni jew evidenza fuq kif fornituri terzi jkunu jistgħu jikkompetu mal-apparat installat ta’ Toll Collect.

    69

    It-tielet nett, Qualcomm tagħti x’tifhem li terzi li jipproponu apparati telematiċi li jistgħu jitqabdu mal-apparati installati ta’ Toll Collect permezz tal-interface GPS tiegħu għandhom jipprovdu t-tieni apparat li jieħu l-ispazju fil-kabina ta’ trakk.

    — Fuq l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi

    70

    L-ewwel nett, Qualcomm tikkontesta l-affermazzjoni, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din il-kostrutturi tat-trakkijiet u dawk li jgħammruhom probabbilment jassumu l-iżvilupp u l-iffabbrikar ta’ apparati suxxettibbli li jkunu użati għall-ħlas awtomatiku ta’ pedaġġi u għall-provvista ta’ servizzi telematiċi. Qualcomm tqis li, ħlief għal riferiment impreċiż rigward konsultazzjoni bejn l-atturi fuq is-suq, il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet u tal-provi li fuqha hija bbażata din l-affermazzjoni.

    71

    It-tieni nett, Qualcomm tikkunsidra li l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi ma jeliminax il-problema marbuta marbuta mal-fatt li s-sistemi ta’ terzi dejjem jiswew il-flus, filwaqt li l-apparat installat ta’ Toll Collect huwa b’xejn, b’mod li l-ebda impriża tat-trasport mhija ser tixtri s-sistema ta’ terzi. L-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi għalhekk ma jippermetti l-ebda vantaġġ ekonomiku għal terzi li jipproponu apparati telematiċi li jintegraw dan il-module, billi għandhom iħallsu, għall-inqas, bejn EUR 1000 u EUR 2500 meta jistgħu jiksbu b’xejn l-apparat installat ta’ Toll Collect. Barra minn dan, terzi li jipproponu apparati telematiċi ma għandhomx aċċess għad-data ġġenerata mill-apparat installat ta’ Toll Collect b’mod li dawn għandhom jiġġeneraw id-data intiża għas-servizzi telematiċi huma stess u jiffabbrikaw il-materjal neċessarju (GPS, skrin, apparat għall-messaġġi, sistema ta’ komunikazzjoni mobbli, eċċ) u l-applikazzjonijiet.

    72

    Qualcomm tafferma, fl-aħħar nett, li l-impriżi li joħolqu l-module tagħhom għall-ġbir ta’ pedaġġi insegwitu għall-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi huma esposti għal spejjeż addizzjonali. B’riferiment, b’mod partikolari għall-punt B.IV.2.4 tal-impenji, Qualcomm tispjega li dawn mhumiex spejjeż insinjifikattivi, billi terzi li jipproponu apparati telematiċi jsostnu, b’mod partikolari, l-ispejjeż li ġejjin:

    l-ispejjeż tal-iżvilupp marbuta mal-adattar għas-sistemi tagħhom li għandhom bżonn sabiex jiġi integrat il-module għal ġbir ta’ pedaġġi;

    l-ispejjeż tal-iżvilupp marbuta mal-iżvilupp mill-imsieħba lill-impriża konġunta tal-module għal ġbir ta’ pedaġġi u/jew it-taxxa ffatturata lill-fornituri terzi li hija marbuta mal-liċenzja;

    l-ispejjeż marbuta mal-provvista bi ħlas tal-modules għal ġbir ta’ pedaġġi;

    l-ispejjeż sabiex jiġu ċċertifikati s-sistemi tagħhom.

    73

    Billi d-dettalji tekniċi tal-module għal-ġbir ta’ pedaġġi għadhom mhumiex magħrufa, bħalissa huwa impossibbli li jingħataw stimi preċiżi tal-ispejjeż addizzjonali.

    74

    It-tielet nett, Qualcomm tikkunsidra li l-garanzija mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li terzi li jipproponu apparati telematiċi li jintegraw il-module għal ġbir ta’ pedaġġi ma jkunux ittratti b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-operat tas-sistema ta’ pedaġġi (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jeliminax il-vantaġġ f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect, billi, sabiex jiġi eliminat dan il-vantaġġ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tintrabat li tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti minn terzi sabiex jipprovdu b’xejn apparati telematiċi li jintegraw il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    75

    Ir-raba’ u l-aħħar nett, Qualcomm topponi dak li l-Kummissjoni ssostni għall-ewwel darba fir-replika tagħha, li l-kostrutturi tat-trakkijiet jistgħu jintegraw il-module għal ġbir ta’ pedaġġi fl-apparati telematiċi li jarmaw bil-massa fil-vetturi tagħhom b’mod li ma jixtrux l-apparati installati ta’ Toll Collect. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata, l-ewwel nett, li t-trakkijiet kollha li bħalissa huma fit-toroq u dawk li ser jinbnew fis-sentejn sa ħames snin li ġejjin ser ikunu mgħammra bi “terminal telematiku” installat matul it-tieni fażi ta’ installazzjoni, li jfisser li l-klijenti jkollhom għażla bejn l-apparat installat ta’ Toll Collect b’xejn u apparat telematiku bi ħlas li joffri servizzi addizzjonali. Insegwitu, hija tqis li, skont l-esperjenza tagħha, maniġers ta’ grupp ta’ trakkijiet mhumiex favorevoli li jiġu installati bil-massa terminals telematiċi fuq it-trakkijiet, billi bħala prinċipju huma jagħmlu użu minn vetturi ta’ ditti differenti. Hija ssostni wkoll li, jekk apparati telematiċi differenti huma mgħammra bil-massa fuq kull ditta tal-vetturi, dawn tal-aħħar ma jistgħux jikkomunikaw bejniethom. Barra minn dan, iċ-ċentru ta’ tmexxija ta’ grupp ta’ trakkijiet mhuwiex mgħammar sabiex jikkomunika b’tipi differenti ta’ apparati telematiċi u t-taħriġ tas-sewwieqa ser isir iktar ikkomplikat. Hija fl-aħħar nett tqis, li l-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn li jintremgħu bil-massa apparati telematiċi li jintegraw module għal ġbir ta’ pedaġġi bilfors jostakola lill-apparat installat ta’ Toll Collect milli jsir il-pjattaforma dominanti. Anki jekk il-klijenti kellhom jippreferu t-terminals telematiċi installati bil-massa, il-Kummissjoni ma werietx li din it-tendenza tostakola l-apparat installat ta’ Toll Collect milli ssir il-pjattaforma dominanti.

    — Fuq in-natura infondata tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni matul il-proċeduri ġudizzjarji

    76

    Qualcomm tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li skont dan, billi l-impenn dwar il-portal ta’ TGG kien suffiċjenti sabiex il-kompetizzjoni effettiva tinżamm fis-suq inkwistjoni kollu kemm hu, l-impatt ta’ impenji oħra fuq dan is-suq ftit li xejn jimporta. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament identifikat is-suq inkwistjoni bħala s-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq, hija madankollu analizzat l-impatt ta’ Toll Collect fuq dan is-suq f’żewġ partijiet differenti minn dan (ara t-taqsimiet IV.D.2.1 u IV.D.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kienet għalhekk indikat li jeżistu problemi differenti ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni li għandhom jinstabulhom soluzzjoni permezz ta’ impenji xierqa. Għalhekk, Qualcomm konsegwentement ikkonċentrat fuq l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, għaliex dawn ser jiftħu l-kompetizzjoni fuq parti mis-suq inkwistjoni li huwa ta’ importanza għalihom bħala fornituri ta’ sistemi telematiċi. Hija żżid li, kieku l-impenn dwar il-portal ta’ TGG kien suffiċjenti sabiex jiggarantixxi kompetizzjoni effettiva għas-servizzi telematiċi, dan ma kienx suffiċjenti sabiex tinżamm il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni kollu kemm hu, billi, hekk kif huwa indikat fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti l-kbira tal-kumpanniji fis-suq inkwistjoni huma, bħala tali, “fornituri kompluti”.

    77

    Barra minn dan, Qualcomm tikkontesta l-mertu tar-replika tal-Kummissjoni fejn skont din terzi li jipproponu apparati telematiċi jew soluzzjonijiet integrati jistgħu jkunu ta’ kompetizzjoni għall-apparat installat ta’ Toll Collect b’xejn billi jipproponu servizzi telematiċi addizzjonali. Ma hemm xejn fil-premessi 71 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata li jindika li dan jirrigwarda premessa li tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi jistgħu jostakolaw l-apparat installat ta’ Toll Collect milli ssir il-pjattaforma telematika dominanti. Barra minn dan, il-Kummissjoni kienet iddikkjarat fil-premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata li s-servizzi telematiċi setgħu jiġu pprovduti permezz tal-ġenerazzjoni preżenti tal-apparati installati ta’ Toll Collect li jipprovdu l-funzjonijiet telematiċi bażiċi meħtieġa u li l-impriżi ta’ trasport ma jixtrux servizzi telematiċi addizzjonali jekk dan jimplika spejjeż addizzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li l-possibbiltà li jiġu proposti servizzi telematiċi addizzjonali ma teleminax l-iżvantaġġ f’dak li jirrigwarda l-prezz.

    78

    Barra minn dan, huwa ineżatt li jiġi kkunsidrat, hekk kif għamlet il-Kummissjoni, li jeżisti prezz li l-klijenti huma disposti jħallsu għat-tieni terminal telematiku sabiex jkollhom servizzi addizzjonali li ma għandhomx bżonnhom. Minnbarra mill-fatt li l-Kummissjoni ma tipproduċix l-inqas prova insostenn tal-argument tagħha u, b’mod partikolari, l-ebda indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-prezz, Qualcomm tqis li l-Kummissjoni ma ppruvatx tispjega l-kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-konklużjoni fformulata fil-premessi 54 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn skont din l-impriżi ta’ trasport mhumiex disposti jħallsu jkun xi jkun għal apparat telematiku jekk l-apparat installat ta’ Toll Collect huwa offert b’xejn, u, min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni, fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn skont din vantaġġ ekonomiku ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat jippermetti lil terzi li jipproponu apparati telematiċi li jikkompetu lis-servizzi pprovduti permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect. Fil-fatt, anki kieku s-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-vantaġġi ekonomiċi tal-ispejjeż kienu eżatti, dejjem tibqa’ differenza fil-prezz ta’ EUR 800 sa EUR 2300 bejn l-apparat installat ta’ Toll Collect u apparat telematiku li juża’ l-interface GPS.

    79

    Fl-aħħar nett, Qualcomm tqis li l-istudju tas-suq li jinsab fir-rapport ta’ Frost & Sullivan, European Commercial Vehicle Telematics Markets, 2002 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Frost & Sullivan”) li fuqu tibbaża l-Kummissjoni jindika li, bħalissa, ftit klijenti huma interessati minn servizzi li jmorru lil hinn minn dawk proposti permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect u li din is-sitwazzjoni probabbilment mhux ser titbiddel fil-qrib. Fil-fatt, dan l-istudju tas-suq, jiddistingwi s-sistemi telematiċi “bażiċi”, mis-sistemi telematiċi “intermedji” u mis-sistemi telematiċi “avvanzati”. Skont dan l-istudju, l-apparat installat inkwistjoni għandu jkun ta’ sistema telematika “intermedja”, b’mod partikolari minħabba fil-kapaċitajiet tiegħu għall-messaġġi. F’dan l-istess studju, jingħad ukoll li, fl-2001, il-partijiet tas-suq kienu dawn li ġejjin: 90% għas-sistemi telematiċi bażiċi, 9% għas-sistemi telematiċi intermedji u 1% għas-sistemi telematiċi avvanzati. Barra minn dan, huwa indikat f’dan l-istudju li, fl-2009, il-partijiet tas-suq għandhom ikunu dawn li ġejjin: 78% għas-sistemi telematiċi bażiċi, 12% għas-sistemi telematiċi intermedji u 10% għas-sistemi telematiċi avvanzati. Qualcomm tenfasizza li din il-previżjoni tippresumi kompetizzjoni korretta u mingħajr l-ebda varjazzjonijiet fil-prezz bejn it-tipi differenti ta’ sistemi u mhux sitwazzjoni li fiha, bħal f’dan il-każ, l-impriżi ta’ trasport jistgħu jiksbu b’xejn apparati installati ta’ Toll Collect, jiġifieri sistema telematika bażika, anki intermedja, waqt li jridu jħallsu jekk iridu jiksbu sistema telematika avvanzata. F’kull każ, il-provi mressqa mill-Kummissjoni jindikaw li s-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq huwa limitat ħafna f’dak li jirrigwarda s-sistemi telematiċi avvanzati. Qualcomm, barra minn dan, tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ dan l-istudju tas-suq. Hija tqis li, anki jekk dan l-istudju kien interpretat fis-sens li l-Kummissjoni tirrakkomanda, m’huwiex indikat li l-apparat installat ta’ Toll Collect mhux ser tkun il-pjattaforma dominanti, billi s-sistemi telematiċi bażiċi jirrappreżentaw 78% tal-volum tas-suq u 45% tal-valur tas-suq. Barra minn dan, hija tqis, li l-apparat installat ta’ Toll Collect hija sistema telematika intermedja u li, fl-2009, il-partijiet tas-suq akkumulati tas-sistemi telematiċi bażiċi u tas-sistemi telematiċi intermedji ser ikunu, skont il-previżjonijiet tal-istudju msemmi fir-rapport ta’ Frost & Sullivan, ta’ 90% f’dak li jirrigwarda l-volum u ta’ 68% f’dak li jirrigwarda l-valur. Barra minn dan, dawn iċ-ċifri huma biss ta’ valur indikattiv għall-2009. Skont ir-rapport Frost & Sullivan, fl-2004, jiġifieri s-sena rilevanti għad-deċiżjoni kkontestata, il-parti tas-suq tas-sistemi telematiċi bażiċi għandha tkun ta’ 94% f’dak li jirrigwarda l-vokum u ta’ 82% f’dak li jirrigwarda l-valur.

    b) Argumenti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    80

    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, prinċipalment tqis li l-ewwel motiv imressaq minn Qualcomm huwa bbażat fuq inkomprensjoni fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata billi din ma tidentifikax suq ta’ tagħmir telematiku u suq ta’ servizzi telematiċi, iżda biss suq ta’ sistemi telematiċi tat-triq li jinkludi l-materjal, l-applikazzjonijiet u s-servizzi.

    81

    Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-argumenti ta’ Qualcomm mhumiex intrinsikament suffiċjenti sabiex tiġi kkontestata l-analiżi globali tagħha tal-effetti li kellhom l-impenji flimkien fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq. Fil-fatt, anki kieku l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi mhuwiex suffiċjenti sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema ta’ kompetizzjoni identifikata fid-deċiżjoni kkontestata, Qualcomm ma werietx li l-kompetizzjoni bejn it-tagħmir telematiku tat-triq hija għal kollox eliminata u ma semmiet xejn fir-rigward tal-impenn dwar il-portal telematiku li flimkien ma’ moratorju kwalitattiv jostakola lil DaimlerChrysler milli tiddomina s-suq Ġermaniż kollu tas-sistemi telematiċi tat-triq billi tiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju lil din il-pjattaforma.

    82

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonferma li jinteressha, skont ir-Regolament Konċentrazzjoni, li tostakola u mhux li tillimita li tiġi stabbilita pożizzjoni dominanti. Skont il-Kummissjoni, jekk, f’dan il-każ, l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi jillimitaw in-natura dominanti tal-pjattaforma Toll Collect, l-impenji, meħuda flimkien, jostakolaw li tiġi stabbilita pożizzjoni dominanti minn DaimlerChrysler, permezz tal-pjattaforma Toll Collect, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq.

    83

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkontesta l-allegazzjonijiet ta’ Qualcomm dwar l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    84

    F’dak li jirrigwarda l-impenn dwar l-interface GPS, il-Kummissjoni tikkunsidra li hija setgħet tiddeduċi mill-mod favorevoli kif ġie milqugħ dan l-interface matul il-proċeduri amministrattivi minn Qualcomm u minn kompetituri oħra tal-impriżi tal-konċentrazzjoni, li dan jippermetti lil dawn l-impriżi li jiksbu vantaġġi ekonomiċi fuq il-livell tal-ispejjeż. Barra minn dan, id-data miġbura matul il-proċeduri amministrattivi jindikaw li l-vantaġġi ekonomiċi li jistgħu jinkisbu minn dawn l-impriżi minn dan l-impenn, li ma jistax jiġi biss ikkalkolat fuq il-bażi tal-prezz tax-xiri ta’ module GPS iżda li jinkludi spejjeż oħra, huwa ta’ bejn EUR 150 u EUR 200 fuq kull apparat skont stima prudenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ mogħti mill-impenn dwar l-interface GPS jippermetti lil terzi li jipproponu sistemi telematiċi, minkejja l-installazzjoni ta’ apparat distint, li jikkompetu b’mod aħjar lis-servizzi telematiċi offerti permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect billi jistgħu joffru servizzi iktar avvanzati u differenti. L-eżistenza ta’ suq futur għal offerta ta’ servizzi iktar avvanzati u differenti hija kkonfermata mir-rapport Frost & Sullivan indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-apparati installati ta’ Toll Collect f’sistemi telematiċi intermedji jew f’sistemi telematiċi avvanzati.

    85

    F’dak li jirrigwarda l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tafferma mill-ġdid li dan huwa suxxettibbli li jostakola lill-apparat installat ta’ Toll Collect ipprovdut b’xejn milli jsir il-pjattaforma dominanti. Skont il-Kummissjoni, ir-rapport ta’ Frost & Sullivan jikkonferma li dawn huma prinċipalment il-kostrutturi tat-trakkijiet u dawk li jgħammruhom li jiżviluppaw u jipproduċu tali apparati telematiċi li jistgħu jiġu użati għall-ħlas ta’ pedaġġi. L-apparati telematiċi li jintegraw module ta’ ġbir ta’ pedaġġi jagħtu lill-kostrutturi ta’ trakkijiet u lil dawk li jgħammruhom il-vantaġġ li jkunu jistgħu joffru għażla vasta ta’ funzjonijiet u ta’ servizzi ħafna iktar wiesgħa mis-sistemi installati matul it-tieni fażi ta’ installazzjoni minn Toll Collect. Barra minn dan, huma jagħtu lill-kostrutturi ta’ trakkijiet u lil dawk li jgħammruhom il-vantaġġ li jintegraw l-apparat telematiku mal-installazzjoni elettronika modulari tal-vetturi.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

    a) Introduzzjoni

    86

    Sabiex tevalwa l-ilmenti differenti mressqa minn Qualcomm fl-ewwel motiv tagħha, l-ewwel nett huwa meħtieġ li jitfakkar, minn naħa, il-portata tal-istħarriġ tal-Kummissjoni fil-qasam tad-deċiżjonijiet dwar konċentrazzjoni, b’mod partikolari, rigward deċiżjonijiet meħuda insegwitu għal impenji, u, minn naħa l-oħra, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-konċentrazzjoni u tal-impenji. Insegwitu, l-ilmenti li jirrigwardaw il-kriterju tal-evalwazzjoni tal-impenji huma analizzati. Fl-aħħar nett, l-ilmenti bbażati fuq in-natura allegatament inadegwata tal-impenji dwar il-module għall-ġbir ta’ pedaġġi u għall-interface GPS huwa evalwati.

    b) Kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju

    87

    Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, meta tikkonstata li konċentrazzjoni nnotifikata, skont il-każ wara modifikazzjonijiet miġjuba mill-impriżi kkonċernati, tikkorrispondi għall-bżonnijiet tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, li din il-konċentrazzjoni ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li jkollha l-konsegwenza li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu.

    88

    Tali kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jeħtieġ għalhekk analiżi prospettiva li tikkonsisti f’eżami ta’ kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jistabbilixxi jekk dan jistax ikollu l-konsegwenza li jostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva. Din l-analiżi teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-iktar probabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 43).

    89

    Għalhekk, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Konċentrazzjoni, ġie deċiż li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni konċentrazzjoni li tinkludi impenji fejn dawn l-impenji jippermettulha tikkonkludi li l-konċentrazzjoni ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li jkollha l-konsegwenza li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punt 318, u tat-, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T-282/02, Ġabra p. II-319, punt 294; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, EDP vs Il-Kummissjoni, T-87/05, Ġabra p. II-3745, punt 63). Hija l-Kummissjoni li għandha tindika, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, fid-deċiżjoni tagħha li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni, li din l-operazzjoni kif emendata permezz tal-impenji proposti mill-partijiet fl-operazzjoni, ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li jkollha l-konsegwenza li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu. Il-Kummissjoni hija marbuta bl-oneru tal-prova, madankollu dan bla ħsara għas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    90

    Għalhekk huma t-terzi kkonċernati li jippreżentaw rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara li l-konċentrazzjoni flimkien mal-impenji tagħha hija kompatibbli mas-suq komuni, li għandhom juru li l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat dawn l-impenji b’mod li l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni tiġi kkontestata.

    91

    Barra minn dan, għandu jingħad li l-qorti Komunitarja teżerċita a priori stħarriġ sħiħ fuq l-applikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Madankollu, ġie deċiż li r-regoli li huma l-bażi sostantivi tar-Regolament Konċentrazzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni impliċitu fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, msejħa “Kali & Salz”, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punti 223 u 224, u Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 88 iktar ’il fuq, punt 38; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, Ġabra p. II-5575, punt 60).

    92

    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi, dan ma jfissirx illi l-qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-konsistenza tal-provi invokati, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux d-data kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din humiex ta’ natura tali li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa (sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 88 iktar ’il fuq, punt 39).

    93

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jiggvernaw ir-rekwiżiti ta’ prova u l-oneru tal-prova fil-qasam tal-konċentrazzjoni kif ukoll il-grad tal-istħarriġ tal-qrati Komunitarji f’dan il-qasam li għandhom jiġu evalwati l-argumenti mressqa mill-partijiet f’din il-kawża.

    c) Analiżi mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni u tal-impenji

    94

    Fil-premessi 19 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ppreċiżat li Toll Collect twaqqfet mill-impriżi tal-konċentrazzjoni, insegwitu għall-għoti ta’ kuntratt, sabiex jiġbru, f’isem ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-pedaġġi dovuti mit-trakkijiet li jagħmlu użu mill-awtostradi Ġermaniżi. F’dan ir-rwol, Toll Collect mhijiex qed tikkompeti ma fornituri privati oħra.

    95

    Madankollu, l-apparat installat ta’ Toll Collect intiż għall-ħlas ta’ pedaġġi huwa kapaċi jikseb u jipprovdi data għal servizzi telematiċi. Tali użu tal-apparati installati ta’ Toll Collect mhuwiex is-suġġett ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratt għal sistema għal ħlas ta’ pedaġġi dovuti mit-trakkijiet li jagħmlu użu mill-awtostradi Ġermaniżi, iżda l-kuntratt tal-operat milħuq ma’ Toll Collect insegwitu għal dawn il-proċeduri jipprovdi li Toll Collect tkun tista’ tipproponi servizzi telematiċi oħra wara li tkun ngħatat l-awtorizzazzjoni korrispondenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-impriżi tal-konċentrazzjoni indikaw li jixtiequ jagħmlu użu minn din il-possibbiltà sabiex joffru servizzi telematiċi permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li, billi l-offerta ta’ servizzi telematiċi permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect tikkontribwixxi għall-għan ta’ interess ġenerali li titnaqqas il-konġestjoni fin-netwerk tal-komunikazzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhux ser topponi li dawn is-servizzi jiġu offruti permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect, u, konsegwentement, li l-konċentrazzjoni ser ikollha riperkussjonijiet fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-fabbrikazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessi 20 sa 22 u 47 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

    96

    Dawn is-sistemi telematiċi tat-triq, li l-Kummissjoni identifikat bħala li huma s-suq tal-prodotti inkwistjoni jinkludu l-materjal, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, intiżi għall-impriżi ta’ trasport u tal-loġistika. Fl-opinjoni tal-klijenti li huma l-impriżi ta’ trasport, dan is-suq jinkludi fl-istess ħin il-“fornituri kompluti” jiġifieri l-fornituri ta’ applikazzjonijiet, materjal u ta’ servizzi telematiċi, il-“fornituri ta’ materjal”, jiġifieri fornituri li jipprovdu biss terminals, applikazzjonijiet u materjal relatat, u l-“fornituri ta’ servizzi”, jiġifieri fornituri li joffru biss servizzi telematiċi tat-triq (premessi 23 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

    97

    Wara li ġie ddefinit is-suq ġeografiku inkwistjoni li jinkludi t-territorju tal-Ġermanja, il-Kummissjoni pproċediet għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ impenji minn naħa tal-impriżi li jifformaw il-konċentrazzjoni (premessi 33 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata).

    98

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkonstata li l-konċentrazzjoni tlaqqa’, minn naħa, in-numru wieħed tal-kostrutturi Ġermaniżi ta’ trakkijiet, DaimlerChrysler, li skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, huwa wkoll wieħed mill-fornituri prinċipali ta’ servizzi tal-mobilità u telematiċi u, min-naħa l-oħra, Deutsche Telekom, wieħed mill-fornituri prinċipali tat-telefonija mobbli fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni tqis li dawn iż-żewġ impriżi għalhekk huma f’pożizzjoni tajba ħafna sabiex jipprovdu servizzi telematiċi tat-triq (premessi 39 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

    99

    Insegwitu, il-Kummissjoni fakkret, minn naħa, li DaimlerChrysler ikkonfermat l-intenzjoni tagħha li toffri servizzi telematiċi tat-triq permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect u, min-naħa l-oħra, li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li ser ikun il-każ li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ser tagħti l-awtorizzazzjoni neċessarja tagħha, skont il-kuntratt tal-operat, sabiex tkun tista’ tipprovdi servizzi telematiċi tat-triq bħal dawn (premessa 43 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

    100

    Billi l-apparat installat ta’ Toll Collect huwa pprovdut b’xejn u billi għandha interess prattiku għall-impriżi ta’ trasport, il-Kummissjoni tqis li dan l-apparat installat ser ikun installat fil-parti l-kbira tat-trakkijiet li jużaw regolarment l-awtostradi Ġermaniżi. Il-fatt li dawn l-apparati installati li huma kapaċi li jipprovdu servizzi telematiċi ser jitqassmu b’xejn lil dawk li huma suġġetti għall-ħlas ta’ pedaġġ għandu bħala konsegwenza li l-parti l-kbira tat-trakkijiet li huma mgħammra b’apparat installat ta’ Toll Collect jużawh ukoll għal servizzi telematiċi tat-triq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax bħala ekonomikament razzjonali, għall-impriżi ta’ trasport, li jinstallaw bi spejjeż tagħhom it-tieni apparat sabiex jużaw servizzi telematiċi tat-triq proposti minn fornituri kompetituri. Skont il-Kummissjoni dan huwa spjegat mill-marġni dgħajfa li bihom l-impriżi ta’ trasport jaħdmu fil-Ġermanja u fl-Ewropa (premessi 51 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata).

    101

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-apparati installati ta’ Toll Collect ser jinkludu kważi t-trakkijiet kollha fil-Ġermanja u għalhekk jikkostitwixxu pjattaforma dominanti fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessa 56 tad-deċiżjoni kkontestata).

    102

    Il-ħolqien ta’ din il-pjattaforma dominanti twassal, skont il-Kummissjoni, sabiex is-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika jkun magħluq. B’mod partikolari, il-fornituri tas-servizzi telematiċi tat-triq isiru jiddependu mill-użu tal-apparat installat ta’ Toll Collect minħabba fil-ħolqien ta’ pjattaforma dominanti għas-servizzi telematiċi tat-triq. L-apparati installati ta’ Toll Collect bħala sistema protetta u magħluqa tippermetti lil DaimlerChrysler, permezz ta’ Toll Collect, li tikkontrolla l-aċċess tas-suq Ġermaniż futur tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessi 57 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn dan, il-pjattaforma Toll Collect twassal għall-esklużjoni tal-fornituri ta’ sistemi telematiċi li huma preżentament fis-suq. Billi dawn l-apparati installati jiddisponu minn funzjonijiet essenzjali li huma wkoll disponibbli fis-sistemi telematiċi tat-triq attwalment proposti fis-suq u li dawn l-apparati installati huma pprovduti b’xejn, il-Kummissjoni tqis li l-impriżi ta’ trasport fosthom it-trakkijiet li diġà huma installati b’apparat installat ta’ Toll Collect mhux ser jixtru “terminal telematiku ieħor sabiex jużaw servizzi telematiċi tat-triq addizzjonali, lil hinn minn dawk tal-apparat installat [inkwistjoni] u offerti minn fornituri ta’ sistemi li qed jikkompetu magħhom”. Għalhekk, meta tħabbar li din is-soluzzjoni telematika żviluppata minn Toll Collect hija b’xejn, dan għamilha ferm diffiċli għall-fornituri ta’ sistemi telematiċi tat-triq preżenti fis-suq li jiksbu klijenti ġodda u huwa ta’ theddida għall-perennità ekonomika tagħhom. It-tieni ġenerazzjoni ta’ apparati installati li ser tkun żviluppata minn Toll Collect ser tintensika din l-esklużjoni fid-dawl tal-funzjonijiet ġodda ta’ dawn l-apparati installati (premessi 60 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata).

    103

    Għaldqstant, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr l-impenji, il-konċentrazzjoni nnotifikata twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti ta’ DaimlerChrysler, permezz tal-impriża konġunta Toll Collect, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika, li għandha bħala konsegwenza li kompetizzjoni effettiva tkun ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

    104

    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-impenji mressqa mill-impriżi tal-konċentrazzjoni huma suffiċjenti sabiex l-oġġezzjonijiet li hija qajmet jiġu miċħuda (premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

    105

    B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, il-Kummissjoni tindika fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impenn li daħlu għalih il-partijiet li jiżviluppaw module għal ġbir ta’ pedaġġi għall-apparati ta’ terzi, li jgħin fl-adattazzjoni ta’ dawn l-apparati għall-modules ta’ pedaġġ u li jagħtu l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-użu tal-apparati, jippermetti lil terzi li jiffabbrikaw it-tagħmir telematiku tagħhom bil-funzjoni ta’ pedaġġ. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-Ministeru Federali Ġermaniż għat-Trasport, il-Bini u l-Akkomodazzjoni żguraha li terzi li jipproponu apparati telematiċi bil-module għal ġbir ta’ pedaġġi mhumiex ser jiġu ttrattati b’mod differenti, f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż, minn min juża’ s-sistema ta’ pedaġġi għat-trakkijiet.

    106

    Fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li essenzjalment ser ikunu “il-kostrutturi tat-trakkijiet u dawk li jgħammruhom li ser jiżviluppaw u jipproduċu tagħmir telematiku terz bil-module ta’ pedaġġ”. Fid-dawl ta’ dan il-fatt u tar-riżultati ta’ konsultazzjoni tal-atturi tas-suq, il-Kummissjoni tqis li għandek “tistenna li din il-possibbiltà mogħtija lil terzi li jintegraw module ta’ pedaġġ fit-tagħmir tagħhom jostakola, fil-parti l-kbira, lil Toll Collect milli ssir il-pjattaforma dominanti u li tkun il-kustodju tas-suq tas-sistemi telematiċi għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika fil-Ġermanja”.

    107

    Fir-rigward tal-impenn dwar l-interface GPS, il-Kummissjoni tqis li l-possibbiltà li tintuża l-funzjoni GPS tal-apparat installat ta’ TollCollect jippermetti, skont l-istudju tagħha tas-suq, lil terzi li jipproponu apparati telematiċi li jiksbu vantaġġi ekonomiċi ta’ madwar EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat u li jippermettilhom li jikkompetu, minkejja l-bżonn li jinstallaw terminal ġdid fil-vettura, mas-servizzi telematiċi proposti permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata).

    108

    Fir-rigward tal-impenn dwar il-portal ta’ TGG, il-Kummissjoni qieset li dan jippermetti lil terzi li jipproponu servizzi telematiċi li mingħajr l-ebda diskriminazzjoni jkollhom aċċess għall-funzjonijiet bażiċi u għad-data mhux ipproċessata tal-apparati installati ta’ Toll Collect permezz ta’ portal telematiku ċentrali, użat b’mod newtrali u indipendenti meta mqabbel mal-partijiet parti mill-konċentrazzjoni (premessi 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

    109

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-moratorju kwalitattiv li jostakola l-pjattaforma Toll Collect milli ssir il-pjattaforma dominanti fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq sakemm l-impenji dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi mhumiex sodisfatti (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata)

    110

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkunsidrat li, globalment, l-impenji jippermettu li tiġi ggarantita ż-żamma tal-ftuħ tas-suq tas-sistemi telematiċi tat-triq fil-Ġermanja kif ukoll iż-żamma ta’ kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni simili għall-partijiet u l-impriżi terzi. Għalhekk, sakemm il-partijiet jirrispettaw l-impenji, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni nnotifikata mhux ser twassal sabiex DaimlerChrysler ikollha pożizzjoni dominanti, permezz ta’ Toll Collect, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

    d) Fuq il-kriterju tal-evalwazzjoni tal-impenji

    111

    Qualcomm tikkontesta essenzjalment lill-Kummissjoni li evalwat l-impenji fuq il-bażi ta’ kriterju żbaljat meta indikat li l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi qegħdin biss jillimitaw in-natura dominanti tal-pjattaforma ta’ Toll Collect.

    112

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, skont ir-Regolament Konċentrazzjoni, mhijiex il-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk l-impenji jippermettux li jiġi llimitat l-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni iżda li tevalwa jekk l-impenji jippermettux li jiġi eskluż li ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li jkollha l-konsegwenza li tostakola b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu (ara punt 89 iktar ’il fuq).

    113

    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat, f’dan il-każ, li l-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenn dwar l-interface GPS “[jillimita] iktar u iktar il-pożizzjoni dominanti li Toll Collect kellha tokkupa bħala pjattaforma telematika” u li l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi “[jostakola], fil-parti l-kbira, lil Toll Collect milli ssir il-pjattaforma dominanti u li tkun l-kustodju tas-suq tas-sistemi telematiċi għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika fil-Ġermanja” (premessi 72 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata), ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni permezz ta’ kriterju żbaljat.

    114

    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tidher li tixtieq issostni Qualcomm, ir-riżervi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni, mill-punt tal-kompetizzjoni, ma għandhomx l-għan li pożizzjoni dominanti sussegwenti tal-pjattaforma kkostitwita mill-apparati installati ta’ Toll Collect, tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma Toll Collect”) bħala tali, iżda b’riferiment għaċ-ċirkustanza li DaimlerChrysler tista’ tikseb, permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect, pożizzjoni dominanti fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessi 38 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

    115

    L-impenji tal-partijiet li huma parti mill-konċentrazzjoni, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet li hija kienet qajmet sabiex tiġi eskluża l-pożizzjoni dominanti ta’ DaimlerChrysler fis-suq inkwistjoni huma, l-ewwel nett, billi tillimita l-pożizzjoni dominanti tal-pjattaforma Toll Collect permezz tal-impenn dwar l-interface GPS u tal-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, it-tieni nett, li jiġi ggarantit permezz tal-impenn dwar il-portal ta’ TGG, aċċess miftuħ għall-pjattaforma Toll Collect sabiex tipprovdi servizzi telematiċi tat-triq u, it-tielet nett, li l-provvista ta’ servizzi telematiċi tat-triq permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect tkun bil-kundizzjoni li jiġi rrispettat l-moratorju kwalitattiv (premessi 70 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata).

    116

    Huwa biss permezz ta’ evalwazzjoni sħiħa ta’ dawn l-impenji li l-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li r-rispett tagħhom, mill-impriżi tal-konċentrazzjoni, ma jwassalx sabiex tinħoloq pożizzjoni dominanti għal DaimlerChrysler, permezz ta’ Toll Collect, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

    117

    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, minn naħa, li Toll Collect għandha l-inkarigu li toħloq u tuża, f’isem ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, is-sistema ta’ ġbir ta’ pedaġġi dovuti mit-trakkijiet li jagħmlu użu mill-awtostradi Ġermaniżi b’mod li ma tkunx attiva fis-suq inkwistjoni (premessi 7 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li l-provvista b’xejn tal-apparati installati ta’ TollCollect (premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata) kien rekwiżit impost Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-operat, minn Toll Collect, ta’ sistema ta’ pedaġġ għall-awtostradi. Minn dan jirriżulta li t-twaqqif ta’ Toll Collect u l-provvista b’xejn tal-apparati installati inkwistjoni ma jistax, bħala tali, ikun is-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri rregolati mir-Regolament Konċentrazzjoni.

    118

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment ta’ Qualcomm li l-Kummissjoni evalwat l-impenji fuq il-bażi ta’ kriterju żbaljat għandu jiġi miċħud.

    e) Fuq l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi u l-impenn dwar l-interface GPS

    Introduzzjoni

    119

    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-problema tal-kompetizzjoni identifikata mill-Kummissjoni insegwitu għan-notifika tal-konċentrazzjoni tikkonsisti fil-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti għal DaimlerChrysler, permezz ta’ Toll Collect, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq li tinkludi kemm il-provvista ta’ servizzi telematiċi tat-triq kif ukoll dik ta’ tagħmir li tippermetti l-provvista ta’ dawn is-servizzi.

    120

    L-impenji tal-impriżi tal-konċentrazzjoni tinkludi kemm il-provvista ta’ servizzi telematiċi tat-triq kif ukoll dik ta’ tagħmir li permezz tiegħu servizzi telematiċi tat-triq jistgħu jiġu offerti. Għalhekk, l-impenn dwar il-portal ta’ TGG, li jiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju lill-fornituri ta’ servizzi telematiċi għall-funzjonijiet bażiċi u għal data mhux ipproċessata tal-apparati installati ta’ Toll Collect, jirrigwarda biss l-offerta ta’ servizzi telematiċi tat-triq. L-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, minn naħa tagħhom, jirrigwardaw l-offerta għal tagħmir li jippermetti l-provvista ta’ dawn is-servizzi.

    121

    L-ilmenti ta’ Qualcomm jirrigwardaw biss l-impenji dwar il-provvista ta’ tagħmir li jippermetti l-provvista ta’ servizzi telematiċi tat-triq. Fil-fatt, Qualcomm ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-impenn dwar il-portal ta’ TGG.

    122

    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li huwa fid-dawl tal-impenji kollha, li l-Kummissjoni kkunsidrat li huwa permess li s-sistemi telematiċi tat-triq jibqgħu miftuħa u li jiġi evitat li tinħoloq pożizzjoni dominanti għal DaimlerChrysler, permezz tal-impriża konġunta, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

    Fuq l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi

    — Introduzzjoni

    123

    F’dak li jirrigwarda l-ilmenti mressqa minn Qualcomm rigward l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, jirriżulta mill-premessi 70 u 71 tad-deċiżjoni kkontestata hekk kif imsemmija fil-punti 105 u 106 iktar ’il fuq li dan l-impenn jiggarantixxi, l-ewwel nett, lil terzi li jipproponu sistemi telematiċi tat-triq, fosthom il-kostrutturi tat-trakkijiet, il-possibbiltà li joħolqu u li jqiegħdu fis-suq apparat li bħal dak ta’ ta’ Toll Collect jista’ jiġi installat għall-ġbir tal-pedaġġi. Dan l-impenn jevita lill-impriżi ta’ trasport li jixtiequ jużaw servizzi telematiċi tat-triq barra minn dawk offruti permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect li jipproċedu għat-tieni installazzjoni.

    124

    Qualcomm madankollu tqis li dan l-impenn ma jippermettix lil terzi li jipproponu sistemi telematiċi li jkunu ta’ kompetizzjoni għall-apparat installat ta’ Toll Collect billi, minn naħa, dan mhux ser jelimina l-vantaġġ f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect li huwa pprovdut b’xejn u, min-naħa l-oħra, it-twettiq minn terzi ta’ apparat tagħhom għall-ġbir ta’ pedaġġi joħolqilhom spejjeż addizzjonali. Barra minn dan, Qualcomm tqiegħed fid-dubju l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skont din il-kostrutturi tat-trakkijiet jiżviluppaw terminals telematiċi b’funzjonijiet ta’ pedaġġ integrati.

    — Fuq il-vantaġġ ibbażat fuq il-fatt li l-apparat installat ta’ Toll Collect huwa b’xejn

    125

    Huwa paċifiku li l-apparati installati ta’ Toll Collect ser ikunu pprovduti b’xejn lill-impriżi ta’ trasport, għajr għad-depożitu ta’ garanzija. Din il-provvista b’xejn huwa rekwiżit mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mingħand Toll Collect insegwitu għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lill-impriżi tal-konċentrazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    126

    Huwa wkoll paċifiku li, bl-applikazzjoni ta’ moratorju kwalitattiv, l-apparati installati ta’ Toll Collect ikunu jistgħu jiġu użati sabiex joffru servizzi telematiċi tat-triq biss mill-mument fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tagħti l-awtorizzazzjoni. Din l-awtorizzazzjoni tingħata biss meta l-impriżi tal-konċentrazzjoni jissodisfaw l-impenji kollha, inkluż l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    127

    Fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja indikat f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni li intervent finanzjarju minn naħa tagħha favur l-impriżi tal-konċentrazzjoni ma jmurx lil hinn mill-ispejjeż li hemm bżonn li jsiru għall-impelementazzjoni tal-ġbir tal-pedaġġi. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat din il-pożizzjoni fl-intervent tagħha kif ukoll matul is-seduta.

    128

    Barra minn dan, fir-rigward tal-ispejjeż tal-apparat installat ta’ Toll Collect, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intrabtet li ma tittrattax b’mod differenti lil terzi li jipproponu apparati telematiċi bi module għal ġbir ta’ pedaġġi u l-użu ta’ sistema ta’ pedaġġi għal trakkijiet (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-impenn huwa ċċertifikat permezz tal-ittra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja lill-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2003. Barra minn hekk, dan ġie kkonfermat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul is-seduta.

    129

    Għalhekk, il-provvista b’xejn tal-apparat installat ta’ Toll Collect bl-ebda mod ma jimplika vantaġġ għal DaimlerChrysler mal-kompetizzjoni fir-rigward tal-ispejjeż tal-operat ta’ Toll Collect. L-impenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tagħti kumpens b’mod diskriminatorju lill-produttur tal-apparati installati inwkistjoni u lil terzi li jipproponu sistemi telematiċi tat-triq li jistgħu jiġu użati għall-ġbir ta’ pedaġġi, għall-ispejjeż sostnuti għall-ġbir ta’ pedaġġ permezz tat-tagħmir rispettiv tagħhom, għandu bħala konsegwenza li ma joħloq l-ebda vantaġġ għal Toll Collect jew għal DaimlerChrysler mal-kompetizzjoni meta mqabbla ma’ dawn. It-trattament ugwali bejn l-impriżi tal-konċentrazzjoni li inkarigaw lil Toll Collect tiżviluppa l-apparat installat inkwistjoni u t-terzi li joħolqu apparati installati oħra insegwitu għall-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi hija għalhekk iggarantita f’dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dawn l-apparati installati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    130

    Għalhekk il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tikkunsidra li dan l-impenn jikkorrispondi għall-iżvantaġġ lill-kompetizzjoni identifikat fid-deċiżjoni kkontestata li skont dan l-impriżi ta’ trasport mhumiex lesti sabiex iħallsu għat-tieni apparat. Fil-fatt, skont l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, il-kostrutturi terzi jistgħu jipproponu sistemi telematiċi li fihom module għal ġbir ta’ pedaġġi billi jibbenfikaw mill-istess sostenn finanzjarju bħal dak ibbenefikat minn Toll Collect għall-provvista b’xejn tal-apparati installati.

    131

    Fl-aħħar nett u sussidjarjament, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, matul l-evalwazzjoni tal-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment espliċitu għad-differenza kwalitattiva bejn is-servizzi telematiċi tat-triq li jistgħu jiġu offerti permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect u dawk li jistgħu jiġu offerti permezz tal-apparati ta’ terzi, matul l-evalwazzjoni tal-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata kollha, li din id-differenza kwalitattiva hija rilevanti għall-evalwazzjoni tal-impatt ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

    132

    Fil-fatt, matul l-evalwazzjoni tagħha tal-kompetizzjoni minħabba fi konċentrazzjoni u fin-nuqqas ta’ impenji, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal din id-differenza kwalitattiva (premessi 62 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Kummissjoni indikat li s-servizzi telematiċi tat-triq aċċessibbli permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect ma jkoprux is-servizzi kollha offerti permezz tat-terminals telematiċi diġà preżenti fis-suq iżda li “jirrappreżentaw funzjonijiet ċentrali li huma wkoll parti tas-sistemi attwalment proposti fis-suq”. Barra minn dan, hija ppreċiżat, fid-dawl tal-provvista b’xejn tal-apparati installati ta’ Toll Collect, li “[għandek] tistenna li l-impriżi ta’ trasport li t-trakkijiet tagħhom kienu diġà mgħammra b’apparat installat [ta’ Toll Collect], mhumiex ser jixtru terminal telematiku ieħor sabiex jużaw servizzi telematiċi tat-triq addizzjonali, lil hinn minn dawk tal-apparat installat [inkwistjoni] u offerti minn fornituri ta’ sistemi li qed jikkompetu magħhom”.

    133

    Din id-differenza kwalitattiva tikkonferma l-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    134

    Fil-fatt, ir-rapport Frost & Sullivan, invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-argument tagħha, jindika li fl-Ewropa teżisti, fil-mument tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni, talba għal sistemi li joffru servizzi telematiċi tat-triq iktar avvanzati u jikkonferma l-eżistenza ta’ żieda f’din it-talba għas-snin li ġejjin.

    135

    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet raġonevolement tikkunsidra li fl-Ewropa teżisti, fil-mument tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni, talba għal sistemi li joffru servizzi telematiċi tat-triq iktar avvanzati u li din it-talba hija mistennija li tikber fis-snin li ġejjin. Barra minn dan, huwa paċifiku li l-apparat installat ta’ TollCollect kien inizjalment suxxettibbli li jiġi użat biss għal servizzi telematiċi inqas elaborati (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat li l-fornituri kompluti li joffru permezz tas-sistemi tagħhom, servizzi oħra ta’ pedaġġi, tas-servizzi telematiċi iktar elaborati minn dawk li jistgħu jiġu offruti permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect għandhom vantaġġ mal-kompetizzjoni li tipprovdi servizzi permezz tal-apparat installat inkwistjoni.

    136

    Dan il-vantaġġ kwalitattiv flimkien man-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fuq livell ta’ spejjeż ta’ terzi li jibbenefikaw mill-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, ippermetta lill-Kummissjoni li tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball manifest ta’ evalwazzjoni, li “l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi jostakola, fil-parti l-kbira, lil Toll Collect milli ssir il-pjattaforma dominanti u li tkun il-kustodju tas-suq tas-sistemi telematiċi għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika fil-Ġermanja”.

    — Fuq l-ispejjeż addizzjonali

    137

    Qualcomm tqis li t-terzi li jipproponu sistemi telematiċi jbatu l-ispejjeż addizzjonali li jinkludu dawk tal-adattament tas-sistema tagħhom sabiex jiġi integrat il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, dawk tal-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u fil-provvista ta’ module (ara l-klawżoli tal-punt B.IV.2.4 tal-impenji) u dawk tal-iċċertifikar tas-sistema tagħhom li tintegra l-module (ara l-klawżoli tal-punt B.IV.2.4 tal-impenji).

    138

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li jirriżulta mill-impenji meħuda mill-impriżi tal-konċentrazzjoni li l-apparati installati ta’ Toll Collect ma jistgħux jipprovdu mill-ewwel is-servizzi telematiċi. Fil-fatt, skont il-punti A.3 u B. II.16.1 ta’ dawn l-impenji huwa meħtieġ li tiġi installata applikazzjoni addizzjonali fuq l-apparati installati inkwistjoni sabiex tali servizzi jiġu proposti. Il-punt A.3 tal-impenji jipprovdi fit-tieni paragrafu tiegħu li “[mhuwiex] possibbli li jiġu pprovduti servizzi ta’ valur miżjud direttament [permezz] tal-funzjonijiet [tal-apparati installati inkwistjoni billi dawn l-apparati installati jiġu mgħammra] b’applikazzjoni addizzjonali ta’ kontroll (li titlob għal intervent ċentrali).” Minn dan jirriżulta li l-operat tal-apparati installati inkwistjoni joħloq ukoll ċerti spejjeż għall-adattament sabiex impriżi jkunu jistgħu jużawhom bħala sistema telematika tat-triq. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni għall-iżvilupp u għall-provvista ta’ module u dawk taċ-ċertfikazzjoni tas-sistema tagħhom li tintegra l-module hekk kif imsemmi fil-klawżoli tal-punt B.IV.2.4 tal-impenji, għandu jiġi indikat li Qualcomm ma turix li dawn l-ispejjeż huma iktar importanti minn dawk li Toll Collect kellha ssostni għall-iżvilupp tal-module tagħha għall-ġbir ta’ pedaġġi. Fl-aħħar nett f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li Qualcomm ma tagħti l-ebda indikazzjoni speċifika, jew ħjiel ta’ evalwazzjoni, ta’ dawn l-allegati spejjeż addizzjonali.

    139

    Konsegwentement, Qualcomm ma werietx b’mod suffiċjenti li t-terzi li jipproponu sistemi telematiċi jsostnu spejjeż addizzjonali billi jagħmlu użu mill-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi b’mod li tista’ tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

    — Fuq l-iżvilupp mill-kostrutturi ta’ trakkijiet ta’ terminals telematiċi bil-funzjoni ta’ pedaġġ integrat

    140

    Qualcomm tqiegħed ukoll fid-dubju l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li skont din il-kostrutturi tat-trakkijiet probabbilment jassumu l-possibbiltà li jiżviluppaw terminals telematiċi b’funzjonijiet ta’ pedaġġ integrati.

    141

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li jirriżulta mir-rapport Frost & Sullivan li, mis-sena 2000, il-kostrutturi ta’ tagħmir ta’ oriġini fl-Ewropa installaw sistemi telematiċi fit-trakkijiet tagħhom meta qed jinbnew (ara l-grafika 3-10 u 3-14 tar-rapport Frost & Sullivan). Barra minn dan, ġie kkunsidrat f’dan ir-rapport li l-kostrutturi tal-vetturi għandhom l-intenzjoni jiżviluppaw u li jmexxu s-suq telematiku tal-vetturi kummerċjali u li l-kombinazzjoni bejn il-ġbir ta’ pedaġġi elettroniċi u s-sistemi telematiċi tirrappreżenta opportunità importanti (ara r-rapport Frost & Sullivan p. 2-12). F’dan l-istess rapport, huwa indikat li wieħed għandu jistenna li l-kostrutturi tal-vetturi ser jagħmlu prijorità mill-installazzjoni mill-ewwel tas-sistemi telematiċi tat-triq (ara r-rapport Frost & Sullivan p. 3-11). Fl-aħħar nett, l-awturi ta’ dan ir-rapport jipprevedu li, fl-2009, il-kostrutturi ta’ tagħmir oriġinali jkunu kisbu fl-Ewropa, rata ta’ dħul fis-suq ta’ qrib it-80% fis-suq telematiku tat-triq għal trakkijiet kummerċjali (ta’ piż għola minn 16-il tunnellata) u għola minn 50% għas-suq ta’ trakkijiet kummerċjali ta’ piż tqil u medju (ara l-grafiċi li jinsabu fil-paġni 3-20, 3-21 u 3-22 tar-rapport Frost & Sullivan).

    142

    Għalhekk, il-Kummissjoni raġonevolment setgħet tiddeduċi minn dan ir-rapport li l-kostrutturi ta’ trakkijiet u tat-tagħmir tagħhom ser jiżviluppaw is-sistemi telematiċi tat-triq tagħhom. Barra minn dan, fid-dawl tal-opportunità importanti li tirrappreżenta l-kombinazzjoni bejn sistemi ta’ pedaġġi awtomatiċi u ta’ sistemi telematiċi, mhuwiex manifestament żbaljat li jiġi kkunsidrat li l-kostrutturi tat-trakkijiet u tat-tagħmir tagħhom jintegraw is-sistema ta’ pedaġġ awtomatiku fis-sistemi telematiċi tat-triq tagħhom fir-rigward tal-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    143

    Qualcomm madankollu tqis li, skont l-esperjenza tagħha, maniġers ta’ grupp ta’ trakkijiet mhumiex favorevoli li jiġu installati bil-massa terminals telematiċi fuq it-trakkijiet, billi huma jagħmlu użu minn vetturi ta’ ditti differenti u li l-fatt li jiġu installati bil-massa joħloq problemi ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi installati bil-massa ta’ kostrutturi differenti, b’mod partikolari, fil-livell taċ-ċentru ta’ tmexxija ta’ grupp ta’ trakkijiet. Barra minn dan, l-installazzjoni ta’ terminals differenti jagħmel it-taħriġ tas-sewwieqa iktar ikkomplikat.

    144

    Madankollu dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, huwa indikat fir-rapport Frost & Sullivan li l-kostrutturi tat-trakkijiet jiżviluppaw sistemi indipendenti ta’ vetturi sabiex jissodisfaw it-talba ta’ operaturi li għandhom grupp ta’ trakkijiet ta’ ditti differenti (ara r-rapport Frost & Sullivan p. 3-21). Skont dan l-istess rapport, l-“istandard FMS” huwa pass lejn sistemi li joperaw fuq il-vetturi kollha bi grad iktar sofistikat. Għalhekk, xejn ma jostakola lill-proprjetarji ta’ grupp ta’ trakkijiet li huma ta’ ditti differenti milli jinstallaw, għal parti minn dawn, tagħmir addizzjonali kompatibbli mal-vetturi tagħhom. Barra minn dan u f’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li Qualcomm ma ressqet l-ebda element li jindika li maniġers ta’ grupp ta’ trakkijiet mhumiex favorevoli għall-installar bil-massa ta’ terminals telematiċi fuq it-trakkijiet u li l-parti l-kbira jużaw vetturi ta’ ditti differenti.

    145

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet validament tikkunsidra li wieħed seta’ jistenna li kienu ser ikunu essenzjalment l-kostrutturi tat-trakkijiet u tat-tagħmir tagħhom li jiżviluppaw u jipproduċu t-tagħmir telematiku mistenni mill-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    — Konklużjoni

    146

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha fuq imsemmija, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ilment ta’ Qualcomm ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, Qualcomm ma werietx li dan l-impenn mhuwiex ser jippermetti li tingħata tweġiba għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda t-tagħmir li jippermetti li jiġu offruti servizzi telematiċi tat-triq fis-suq tas-sistemi telematiċi tat-triq.

    Fuq l-impenn dwar l-interface GPS

    147

    Qualcomm tqis li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward l-impenn dwar l-interface GPS huwa manifestament żbaljat, billi dan l-interface GPS ma għandu l-ebda vantaġġ ekonomiku u, f’kull każ, dan il-vantaġġ ma jeliminax il-vantaġġ tal-apparat installat ta’ Toll Collect mal-kompetizzjoni.

    148

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra madankollu li, id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi hija suffiċjenti sabiex twieġeb għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni f’din u, b’mod partikolari, dwar il-problema ta’ Qualcomm fir-rigward tal-provvista b’xejn tal-apparati installati ta’ Toll Collect.

    149

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-provvista b’xejn tal-apparat installat ta’ Toll Collect jikkostitwixxi obbligu għall-impriżi tal-konċentrazzjoni insegwitu tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni lill-impriżi tal-konċentrazzjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-Kummissjoni, bħala tali, ma setgħetx tikkontesta fl-analiżi tagħha tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 117 iktar ’il fuq).

    150

    Din iċ-ċirkustanza, flimkien mal-fatt li, fil-mument tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni, ma kienx ekonomikament razzjonali għall-impriżi ta’ trasport li jinstallaw bi spejjeż tagħhom it-tieni apparat, twassal biex l-apparat installat ta’ Toll Collect ikollu jokkupa pożizzjoni ta’ rilevanza fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq. Madankollu, hekk kif ġa qieset il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni, din hija biss konsegwenza diretta tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mhux tal-konċentrazzjoni.

    151

    Għaldaqstant, billi jiggarantixxu permezz tal-impenn dwar il-portal ta’ TGG — li mhuwiex ikkontestat f’dan il-każ minn Qualcomm — li terzi jkollhom il-possibbiltà li jipprovdu b’kundizzjonijiet nondiskriminatorji s-servizzi telematiċi tat-triq tagħhom permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect, il-Kummissjoni żgurat ruħha li DaimlerChrysler, permezz ta’ Toll Collect, ma tistax tagħlaq u tiddomina s-servizzi telematiċi tat-triq fis-suq inkwistjoni.

    152

    Barra minn dan, l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi flimkien mal-impenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta’ nondiskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni tagħha għall-ispejjeż tal-module għal ġbir ta’ pedaġġi, jiggarantixxi lil terzi li jkunu jistgħu joffru l-apparati tagħhom għal ġbir ta’ pedaġġi bi kundizzjonijiet kompetittivi. Għandu jitfakkar li l-fatt li l-apparati installati ta’ Toll Collect huma b’xejn, ma jikkostitwixxux vantaġġ għall-impriżi tal-konċentrazzjoni meta mqabbel ma’ Qualcomm minħabba f’dan l-impenn tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (ara l-punti 122 et seq. iktar ’il fuq).

    153

    Fl-aħħar nett, l-impenn dwar il-moratorju kwalitattiv jiggarantixxi li l-apparat installat ta’ Toll Collect ma jistax isir pjattaforma dominanti qabel mat-terzi jkunu effettivament ibbenefikaw mill-impenn dwar l-interface GPS u mill-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi.

    154

    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li, globalment, jiġifieri flimkien, l-impenji jostakolaw lill-konċentrazzjoni milli twassal sabiex tinħoloq pożizzjoni dominanti għal DaimlerChrysler, permezz tal-impriża konġunta Toll Collect, fis-suq tas-sistemi telematiċi tat-triq għall-impriżi ta’ trasport u ta’ loġistika fil-Ġermanja.

    155

    Għaldaqstanst, safejn Qualcomm tqis li l-impenn dwar l-interface GPS ma jagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku, għandu jiġi osservat li l-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax li dan il-vantaġġ ekonomiku ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat jirriżulta biss mill-prezz tax-xiri tal-apparati hekk kif Qualcomm tagħti x’tifhem. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tafferma, mingħajr ma Qualcomm tikkontesta dan, li dan il-vantaġġ ekonomiku jkopri wkoll l-ispejjeż tal-antenna, tal-kejbils u tal-installazzjoni tal-funzjoni GPS li għandhom jiġu sostnuti minn terzi li jridu jipprovdu t-tagħmir telematiku tagħhom bi funzjoni GPS. Barra minn dan, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din l-istima tal-vantaġġ ekonomiku tal-ispejjeż effettwati mill-Kummissjoni mhuwiex żbaljat fid-dawl tal-pożizzjoni meħuda matul il-proċeduri amministrattivi mill-operaturi preżenti fis-suq. L-ewwel operatur stima li interface GSM u GPS tippermetti li tnaqqas b’madwar EUR 500 l-ispejjeż tas-sistema telematika, it-tieni operatur ikkunsidra li apparat telematiku mingħajr module GPS u GSM jiġi jiswa biss EUR 500 u t-tielet operatur isostni li l-ispejjeż ta’ module GPS u GSM jirrappreżenta iktar minn nofs l-ispejjeż tal-apparat telematiku, li huwa stess huwa stmat għal ammont ta’ bejn EUR 1000 u EUR 2500 fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li ċ-ċirkustanza waħedha, li terzi li jipproponu sistemi telematiċi permezz tal-interface GPS jidħlu għal spejjeż marbuta mal-adattament tal-materjal tagħhom u tal-apparat installat ta’ Toll Collect sabiex jibbenefikaw minn dan l-interface, ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-istima tal-Kummissjoni hija manifestament żbaljata. Fil-fatt, barra mill-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra l-ammont ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat bħala stima prudenti tal-vantaġġ ekonomiku li jista’ jitwettaq permezz tal-impenn dwar l-interface GPS, Qualcomm tammetti li l-ispejjeż li għandhom jiġu sostnuti għall-adattament tal-materjal ta’ terzi u tal-apparat installat ta’ Toll Collect sabiex jiġi użat l-interface GPS, attwalment ma jistgħux jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni ta’ Qualcomm fejn skont din, f’kull każ, l-ammont totali ta’ spejjeż probabbilment jelimina l-vantaġġi ekonomiċi kollha mwettqa fuq apparat GPS m’huwa bl-ebda mod sostnut u għalhekk mhuwiex suxxettibbli li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi qieset li l-impenn dwar l-interface GPS jista’ jwassal għal vantaġġi ekonomiċi ta’ bejn EUR 150 sa EUR 250 fuq kull apparat għal terzi li jipproponu sistemi telematiċi.

    156

    Safejn Qualcomm tikkunsidra, anki jekk l-impenn dwar l-interface GPS għandu vantaġġi ekonomiċi li jmorru minn EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat, li dan il-vantaġġ mhuwiex suxxettibbli li jelimina l-vantaġġ tal-apparati installati ta’ Toll Collect li huma pprovduti b’xejn mal-kompetizzjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, għall-motivi msemmija fil-punti 148 et seq. iktar ’il fuq, l-impenji l-oħra flimkien, jiggarantixxu li l-konċentrazzjoni ma twassalx sabiex tinħoloq għal DaimlerChrysler pożizzjoni dominanti permezz ta’ Toll Collect, fis-suq Ġermaniż tas-sistemi telematiċi tat-triq.

    157

    Fl-aħħar nett, safejn Qualcomm tikkontesta l-ammissibbiltà tal-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li skont dan Toll Collect ma kinitx f’pożizzjoni li toffri servizzi telematiċi billi din għadha ma kisbitx l-awtorizzazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tagħmel dan, għandu jiġi osservat li meta tfakkar li għandha tawtorizza l-provvista ta’ servizzi telematiċi tat-triq permezz tal-apparat installat ta’ Toll Collect u li tali awtorizzazzjoni sa din il-ġurnata la ngħatat u lanqas intalbet minn Toll Collect, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhija tagħmel xejn għajr li ssemmi waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi ssodisfatta sabiex is-servizzi telematiċi tat-triq jkunu jistgħu jiġu offerti permezz tal-apparat installat inkwistjoni. Din it-tfakkira ma tistax tkun inammissibbli.

    158

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv mressaq minn Qualcomm għandu jiġi miċħud.

    C — Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter

    1. Argumenti tal-partijiet

    159

    Qualcomm tqis li l-Kummissjoni wettqet abbuż ta’ poter meta ħadet inkunsiderazzjoni, matul l-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni, kunsiderazzjonijiet politiċi ġenerali. Il-Kummissjoni għalhekk, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sistema ta’ Toll Collect tirrappreżenta opportunità sabiex jitnedew is-servizzi telematiċi fil-Ġermanja u fl-Ewropa u li dan il-proċess tat-tnedija ma kellux jiġi ostakolat.

    160

    Il-Kummissjoni tikkontesta li wettqet anki l-inqas abbuż ta’ poter.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

    161

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija ngħatat dawn il-poteri. Deċiżjoni hija vvizzjata minn abbuż ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din ittieħdet għal dan il-għan jew għall-inqas, sabiex jintlaħqu għanjiet oħra differenti minn dawk intiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24, u tal-, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 99; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T-143/89, Ġabra p. II-917, punt 68). Fil-każ li jkun hemm diversi għanijiet, anki jekk motiv mhux iġġustifikat jingħaqad ma’ motivi validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx ivvizjata minn abbuż ta’ poter sakemm din ma tannullax l-għan essenzjali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, L-Italja vs L-Awtorità Għolja, 2/54, Ġabra p. 73, 103, u sentenza EDP vs Il-Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 87).

    162

    F’dan il-każ, Qualcomm ma tikkontestax li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda riferiment għal kunsiderazzjonijiet ta’ politika ġenerali. Qualcomm tillimita ruħha sabiex tindika li kunsiderazzjonijiet politiċi kienu wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-aħħar impenji u invokat, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet tal-kap tat-tim tal-Kummissjoni li kien inkarigat mill-kwistjoni matul is-seduta tal-20 ta’ Marzu 2003.

    163

    Il-partijiet tat-traskrizzjoni tas-seduta tal-20 ta’ Marzu 2003 jindikaw li r-rappreżentant tal-Kummissjoni rrefera għall-fatt li l-apparat installat ta’ Toll Collect huwa probabbilment pjattaforma telematika ferm kbira u li ser tippermetti dħul ikbar fis-suq milli kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ din il-pjattaforma. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet imsejħa bħala “iktar strateġiċi”, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni talbu lil uħud mill-atturi fuq is-suq, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-problemi ġġenerati minn Toll Collect, l-implikazzjonijiet fil-każ fejn DaimlerChrysler ma kellhiex kontroll ta’ din il-pjattaforma u l-possibbiltajiet li jitqabbad tagħmir iktar sofistikat fuq din il-pjattaforma.

    164

    Madankollu ma jistax jiġi dedott minn dawn l-osservazzjonijiet li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet u, b’mod partikolari, li l-impenji ġew evalwati, b’għan differenti minn dak li jiggarantixxi kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-sistemi telematiċi tat-triq. Fil-fatt, l-analiżi tal-impatt fuq il-kompetizzjoni bl-impenji proposti fi proċeduri ta’ konċentrazzjoni bilfors timplika evalwazzjonijiet tas-sitwazzjoni preżenti u l-evoluzzjoni futura tas-suq inkwistjoni. Mill-mument fejn il-Kummissjoni aċċettat impenji li jiggarantixxu kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni aċċettat impenji li potenzjalment iwasslu għal żvilupp tas-suq inkwistjoni permezz ta’ dħul ikbar ta’ sistemi telematiċi tat-triq ma jurix li l-Kummissjoni użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak mogħti lilha skont ir-Regolament Konċentrazzjoni.

    165

    Barra minn dan, il-fatt li impenji oħra li ma jwasslux għal tali żvilupp tas-suq setgħu jiġu wkoll aċċettati ma għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata safejn il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li l-impenji msemmija f’din id-deċiżjoni jippermettulha tiddikjara l-konċentrazzjoni inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni.

    166

    F’kull każ, iċ-ċirkustanza unika fejn rappreżentant tal-Kummissjoni staqsa lill-impriżi kkonċernati mill-konċentrazzjoni waqt li kkunsidra l-iżviluppi possibbli tas-suq insegwitu għall-ftuħ tal-pjattaforma Toll Collect għal servizzi telematiċi tat-triq ma jurix li l-Kummissjoni segwiet l-għan li ma teffettwax dħul ikbar fis-suq, jew li ma jkunx hemm dewmien fit-tnedija, tas-sistemi u tas-servizzi telematiċi fil-Ġermanja u, inqas u inqas, li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi ta’ dan il-għan.

    167

    Għalhekk, Qualcomm ma werietx, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bil-għan li jintlaħqu għanjiet oħra differenti minn dawk intiżi mir-Regolament Konċentrazzjoni. Għaldaqstant, it-tieni motiv ibbażat fuq l-abbuż ta’ poter għandu jiġi miċħud.

    D — Fuq it-tielet motiv bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

    1. Argumenti tal-partijiet

    168

    Qualcomm issostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE billi ma ressqitx motivazzjonijiet suffiċjenti insostenn tal-konklużjoni tagħha li skontha l-impenji kienu suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet li kienet ressqet. Meta tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01, Ġabra p. II-4071, punti 197 u 203), hija tqis li l-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni għandha tkun sostnuta minn motivazzjoni dettaljata li tirrigwarda l-aspetti kollha li tikkwalifika bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni. Barra minn dan, il-konklużjonijiet speċifiċi fir-raġunament ġenerali għandhom jippreżentaw koerenza interna. Hija tqis li, f’dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti ma ġewx osservati.

    169

    Qualcomm tqis li, billi l-Kummissjoni sabet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni, jekk il-pjattaforma Toll Collect kienet ser issir il-pjattaforma dominanti fis-suq u jekk dan kienx ser iwassal sabiex fornituri alternattivi ta’ sistemi telematiċi effettivament jisparixxu mis-suq, hija eżaminat numru ta’ kwistjonijiet iddettaljati (premessi 38 sa 56 u 64 sa 65 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, meta l-Kummissjoni eżaminat l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, hija ma eżaminat l-ebda waħda minn dawn il-kwistjonijiet.

    170

    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi, il-Kummissjoni, fil-premessa 71 tagħha tad-deċiżjoni kkontestata, illimitat ruħha li tiddikjara, mingħajr l-ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward, li din il-possibbiltà teknika kienet timpedixxi, fil-parti l-kbira, l-apparat installat ta’ Toll Collect milli jsir il-pjattaforma dominanti fis-suq inkwistjoni. Skont Qualcomm, l-istess jista’ jingħad għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont din l-impenn dwar l-interface GPS jippermetti lil terzi jikkompetu permezz tas-servizzi telematiċi proposti permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect. Din is-sitwazzjoni hija simili għal dik eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica (C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 87). F’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni fuq il-bażi ta’ affermazzjoni purament perentorja li teskludi kull element ta’ spjegazzjoni li tkun ta’ natura li tiċċara lill-persuni kkonċernati u lill-qorti Komunitarja, ir-raġunijiet li wasslu lill-awtur għall-kunsiderazzjonijiet inkwistjoni.

    171

    Barra minn dan, ir-raġunament tal-Kummissjoni mhuwiex koerenti. Fil-fatt, fil-premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li l-vantaġġ tal-apparat installat ta’ Toll Collect f’dak li jirrigwarda l-prezz jinsab bejn EUR 1000 u EUR 2500 u hija ddikjarat li l-impriżi ta’ trasport mhux ser iħallsu għal sistemi telematiċi alternattivi jekk jistgħu jiksbu servizzi telematiċi permezz tal-apparati installati ta’ Toll Collect. Madankollu, matul l-eżami tal-impenji li jirrigwardaw l-interface GPS, il-Kummissjoni ddikjarat li l-vantaġġ ekonomiku ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat huwa suffiċjenti sabiex jippermetti lis-sistemi telematiċi proposti minn terzi li jikkompetu mal-apparati installati ta’ Toll Collect. Skont Qualcomm, anki jekk l-apparat installat ta’ Toll Collect jippermetti li jintlaħaq vantaġġ ekonomiku ta’ EUR 150 sa EUR 200 fuq kull apparat, il-vantaġġ tal-apparat installat ta’ Toll Collect b’xejn jibqa’ madankollu “enormi”.

    172

    Fir-replika, Qualcomm indikat li jekk l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li skont din l-impenji kienu biss qed jillimitaw in-natura dominanti tal-apparat installat ta’ Toll Collect tagħmel il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iktar koerenti, mela din hija bbażata fuq kriterji żbaljati. Dan iqiegħed lil Qualcomm f’dilemma fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata: jew hija koerenti u bbażata fuq kriterju ġuridiku żbaljat, jew hija bbażata fuq kriterju ġuridiku validu iżda hija manifestament kontradittorja.

    173

    Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod suffiċjenti u li ma fiha l-ebda kontradizzjoni billi din kienet biss allegat li l-impenn dwar l-interface GPS u l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi jillimitaw il-pożizzjoni dominanti ta’ DaimlerChrysler.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

    174

    Il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u b’mod ċar u inekwivoku għandha tindika r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi ta’ dan l-att, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 4725). Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tkun evalwata skont in-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih ġiet adottata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-, Irish Farmers Association et, C-22/94, Ġabra p. I-1809, punt 39).

    175

    Minn dan jirriżulta li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tikkostitwixxi motiv ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, distint, bħala tali, mill-motiv ibbażat fuq l-ineżattezza tar-raġunijiet tad-deċiżjoni, li l-istħarriġ tiegħu jaqgħa taħt l-eżami tal-mertu ta’ din id-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, T-310/94, Ġabra p. II-1043, punt 41, u BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 66).

    176

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat fid-dawl tal-premessi 69 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata li dawn jindikaw b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni.

    177

    Fil-fatt, f’dawn il-premessi differenti l-Kummissjoni tesponi għal kull impenn l-kontenut tiegħu kif ukoll l-impatt tiegħu fuq Toll Collect u/jew is-servizzi telematiċi tat-triq offerti permezz ta’ Toll Collect. Barra minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet, wara li kkunsidrat l-impenji flimkien, li dawn huma suffiċjenti sabiex jeskludu li DaimlerChrysler ikollha pożizzjoni dominanti, permezz ta’ Toll Collect, fis-suq tas-sistemi telematiċi tat-triq fil-Ġermanja.

    178

    Hekk kif jirriżulta mill-punti 119 et seq. iktar ’il fuq, dawn il-premessi differenti ppermettew lill-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita l-istħarriġ tagħha insegwitu għall-kontestazzjoni minn Qualcomm tal-mertu tagħhom. Għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni llimitat ruħha għal dikjarazzjonijiet perentorji jew li l-kontradizzjonijiet imqajma minn Qualcomm kienu ta’ natura li jwasslu għal nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn dan, Qualcomm stess tammetti fir-replika tagħha, li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex inkoerenti billi l-impenji dwar l-interface GPS jew il-module ta’ ġbir ta’ pedaġġi qegħdin biss jillimitaw il-pożizzjoni dominanti tal-pjattaforma Toll Collect.

    179

    Fl-aħħar nett, safejn Qualcomm invokat il-punti 197 u 203 tas-sentenza Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, punt 168 iktar ’il fuq, kif ukoll nuqqas ta’ ftehim dwar jew kuntradizzjonijiet fir-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi jirrigwardaw l-ineżattezzi tal-motivi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tal-mertu ta’ din id-deċiżjoni u mhux mill-motivazzjoni tagħha (ara, f’dak li jirrigwarda l-mertu, il-punti 86 et seq. iktar ’il fuq).

    180

    Minn dan jirriżulta li motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

    181

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors ippreżentat minn Qualcomm għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    182

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    183

    Peress li Qualcomm tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

    184

    Peress li Deutsche Telekom, Daimler, Daimler Financial Services, sostnew it-talbiet tal-Kummissjoni biss, u ma talbux espressament sabiex Qualcomm tbati l-ispejjeż tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    185

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

    Taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Qualcomm Wireless Business Solutions Europe BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni.

     

    3)

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

     

    4)

    Deutsche Telekom AG, Daimler AG u Daimler Financial Services AG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

     

    Azizi

    Cremona

    Frimodt Nielsen

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Ġunju 2009.

    Firem

    Werrej

     

    Il-kuntest ġuridiku

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    Il-proċedura

     

    It-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    I — Fuq l-ammissibbiltà

     

    A — Argumenti tal-partijiet

     

    1. Argumenti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

     

    a) Fuq in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata

     

    b) Fuq meta r-rikorrenti ssir taf

     

    2. Argumenti ta’ Qualcomm

     

    B — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

     

    1. Osservazzjonijiet preliminari

     

    2. Fir-rigward tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata

     

    3. Fir-rigward ta’ meta r-rikorrenti ssir taf dwar id-deċiżjoni kkontestata

     

    4. Konklużjoni

     

    II — Fuq il-mertu

     

    A — Introduzzjoni

     

    B — Fuq l-ewwel motiv bbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, tal-konstatazzjoni żbaljata tal-fatti u ta’ raġunament kuntradittorju f’dak li jirrigwarda n-natura xierqa tal-impenji sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni

     

    1. Argumenti tal-partijiet

     

    a) Argumenti ta’ Qualcomm

     

    — Introduzzjoni

     

    — Fuq l-impenn dwar l-interface GPS

     

    — Fuq l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi

     

    — Fuq in-natura infondata tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni matul il-proċeduri ġudizzjarji

     

    b) Argumenti tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

     

    a) Introduzzjoni

     

    b) Kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju

     

    c) Analiżi mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjoni u tal-impenji

     

    d) Fuq il-kriterju tal-evalwazzjoni tal-impenji

     

    e) Fuq l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi u l-impenn dwar l-interface GPS

     

    Introduzzjoni

     

    Fuq l-impenn dwar il-module għal ġbir ta’ pedaġġi

     

    — Introduzzjoni

     

    — Fuq il-vantaġġ ibbażat fuq il-fatt li l-apparat installat ta’ Toll Collect huwa b’xejn

     

    — Fuq l-ispejjeż addizzjonali

     

    — Fuq l-iżvilupp mill-kostrutturi ta’ trakkijiet ta’ terminals telematiċi bil-funzjoni ta’ pedaġġ integrat

     

    — Konklużjoni

     

    Fuq l-impenn dwar l-interface GPS

     

    C — Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter

     

    1. Argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

     

    D — Fuq it-tielet motiv bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

     

    1. Argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Upp