This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0525
Judgment of the Court (First Chamber) of 22 November 2007. # Kingdom of Spain v Commission of the European Communities. # Appeal - State aid - Non-recovery of contributions, default surcharges and interest owed - Admissibility - Private creditor test. # Case C-525/04 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Novembru 2007.
ir-Renju ta' Spanja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Għajnuniet mogħtija mill-Istat - Nuqqas ta’ rkupru ta’ kontribuzzjonijiet, taxxi addizzjonali minħabba dewmien u mgħaxijiet dovuti - Ammissibbiltà - Kriterju ta’ kreditur privat.
Kawża C-525/04 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Novembru 2007.
ir-Renju ta' Spanja vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Għajnuniet mogħtija mill-Istat - Nuqqas ta’ rkupru ta’ kontribuzzjonijiet, taxxi addizzjonali minħabba dewmien u mgħaxijiet dovuti - Ammissibbiltà - Kriterju ta’ kreditur privat.
Kawża C-525/04 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-09947
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:698
Kawża C-525/04 P
Ir-Renju ta’ Spanja
vs
Lenzing AG
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Nuqqas ta’ rkupru ta’ kontribuzzjonijiet, taxxi addizzjonali minħabba dewmien u mgħaxijiet dovuti – Ammissibbiltà – Kriterju ta’ kreditur privat”
Sommarju tas-sentenza
1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi u ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment
(Artikolu 88 KE u raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)
2. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-elementi ta’ prova – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58)
3. Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali ma’ l-Artikolu 87(1) KE – Applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat
(Artikolu 87(1) KE)
1. Il-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-persuni li mhumiex id-destinatarji u li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-għajnuna, huma meqjusa bħala individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni fil-każ li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq in kwistjoni u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma jista’ fl-ebda każ ikun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża titqies bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward ta’ l-impriża li tirċievi l-għajnuna, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jidentifikawha bl-istess mod kif jidentifikaw lid-destinatarju.
Madankollu, sitwazzjoni ta’ dan it-tip, li tidentifika persuna li mhijiex id-destinatarju ta’ deċiżjoni, fir-rigward ta’ kull operatur ekonomiku ieħor, m’għandhiex bilfors tiġi dedotta minn elementi bħal tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux żgħir jew inkella tnaqqis sinjifikanti ta’ ishma fis-suq wara li tkun ingħatat l-għajnuna in kwistjoni. Fil-fatt, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità ta’ din il-ħsara tista’ tvarja skond numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq in kwistjoni jew in-natura ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Il-prova ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-preżenza ta’ ċertu elementi li jindikaw li jkun mar lura fil-kapaċitajiet kummerċjali jew finanzjarji tiegħu.
(ara l-punti 30-35)
2. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, fiha nnifisha, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.
(ara l-punt 54)
3. L-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri partikolari jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux imxew bl-istess mod bħal kreditur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ta’ l-ekonomija, dan ma jfissirx li l-Imħallef Komunitarju għandu joqgħod lura milli jivverifika l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, l-Imħallef Komunitarju m’għandux jivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandu wkoll jikkontrolla jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.
Fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha diskrezzjoni wiesgħa, il-kontroll tal-ħarsien ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti.
(ara l-punti 56-59)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Novembru 2007 (*)
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Nuqqas ta’ rkupru ta’ kontribuzzjonijiet, taxxi addizzjonali minħabba dewmien u mgħaxijiet dovuti – Ammissibbiltà – Kriterju ta’ kreditur privat”
Fil-kawża C‑525/04 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-27 ta’ Diċembru 2004,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellant,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u J. Buendía Sierra, bħala aġenti, assistiti minn M. Núñez-Müller, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Lenzing AG, stabbilita f’Lenzing (l-Awstrija), irrappreżentata minn U. Soltész, Rechtsanwalt,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano (Relatur), R. Schintgen, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Bl-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing vs Il-Kummissjoni (T‑36/99, Ġabra. p. II‑3597, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha hija annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/395/KE, tat-28 ta’ Ottubru 1998, dwar l-għajnuna mogħtija minn Spanja lil Sniace SA, stabbilita f’Torrelavega, Kantabrija (ĠU 1999, L 149, p. 40 iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998”), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/43/KE ta’ l-20 ta’ Settembru 2000 (ĠU 2001, L 11, p. 46, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ikkontestata”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża
2 Fil-punti 8 sa 29 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet il-fatti li wasslu għall-kawża bil-mod li ġej:
“8 Lenzing AG [iktar ’il quddiem ‘Lenzing’] hija kumpannija Awstrijaka li tipproduċi u tikkummerċjalizza fibri taċ-ċelluloża (viscose, modal u lyocell).
9 Sniace SA (iktar ’il quddiem ‘Sniace’), hija kumpannija Spanjola li tipproduċi ċelluloża, karti, fibri tal-viscose, fibri sintetiċi u sulfat tas-sodju. […]
10 F’Marzu 1993, il-qrati Spanjoli ordnaw is-sospensjoni ta’ ħlasijiet minn Sniace, li kienet ilha tinsab f’diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji għal ħafna snin. F’Ottubru ta’ l-1996, il-kredituri privati ta’ Sniace laħqu ftehim fejn iddeċidew li jikkonvertu 40 % tad-djun dovuti lilhom f’ishma fil-kumpannija, ftehim li rriżulta fir-revoka ta’ l-ordni ta’ sospensjoni tal-ħlasijiet. Billi użaw id-dritt tagħhom ta’ astensjoni, il-kredituri pubbliċi ta’ Sniace ddeċidew li ma jieħdux sehem f’dan il-ftehim.
11 Fil-5 ta’ Novembru 1993 u [fil]-31 ta’ Ottubru 1995, Sniace laħqet diversi ftehim mal-Fogasa [Fond Spanjol ta’ Garanzija tas-Salarji] dwar il-ħlas lura lil dan ta’ l-aħħar ta’ l-arretrati tas-salarji u l-indennizzi li dan kien ħallas lill-impjegati ta’ Sniace. L-ewwel ftehim kien jipprovdi għall-ħlas lura tas-somma ta’ 897 652 789 pesetas Spanjoli (ESP), flimkien ma’ ESP 465 055 911 bħala mgħaxijiet ikkalkulati bir-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 10 %, imħallsa bin-nifs darba kull sitt xhur għal perijodu ta’ tmien snin (iktar ’il quddiem il-‘ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993’). It-tieni ftehim kien jipprovdi għall-ħlas lura tas-somma ta’ ESP 229 424 860 flimkien ma’ ESP 110 035 018 bħala mgħaxijiet ikkalkulati bir-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9 %, imħallsa bin-nifs darba kull sitt xhur għal perijodu ta’ tmien snin (iktar ’il quddiem il-‘ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1995’). Sabiex tingħata garanzija għad-djun dovuti lill-Fogasa, Sniace kkostitwiet favur dan ta’ l-aħħar, fl-10 ta’ Awwissu 1995, ipoteka fuq żewġ proprjetajiet tagħha. L-ammont imħallas lura minn Sniace fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ ftehim kien ta’ ESP 186 963 594 f’Ġunju ta’ l-1998.
12 Fit-8 ta’ Marzu 1996, il-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali (iktar ’il quddiem il-‘FĠSS’) laħaq ftehim ma’ Sniace sabiex id-djun ta’ din ta’ l-aħħar fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li kienu jammontaw għas-somma totali ta’ ESP 2 903 381 848 għall-perijodu minn Frar ta’ l-1991 sa Frar ta’ l-1995 jiġu ppjanati mill-ġdid (iktar ’il quddiem il-‘ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996’). Dan il-ftehim kien jipprovdi għall-ħlas lura ta’ din is-somma, flimkien ma’ l-imgħaxijiet ikkalkulati bir-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9 %, imħallsa bin-nifs kull xahar għall-perijodu ta’ 96 xahar li jispiċċa f’Marzu ta’ l-2004. Dan ġie emendat permezz ta’ ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996, li kien jipprovdi għal differiment b’sena tal-ħlas, il-ħlas lura bin-nifs kull xahar għall-perijodu ta’ 84 xahar u l-applikazzjoni tar-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9 % (iktar ’il quddiem il-‘ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996’). Peress li dawn il-ftehim ma ġewx rispettati minn Sniace, huma ġew issostitwiti minn ftehim ġdid li ntlaħaq fit-30 ta’ Settembru 1997 bejn din il-kumpannija u l-FĠSS (iktar ’il quddiem il-‘ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997’). Is-somma li kellha titħallas lura telgħat għal ESP 3 510 387 323, liema somma kienet tikkorrispondi għal arretrati ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-perijodu minn Frar ta’ l-1991 sa Frar ta’ l-1997, flimkien mal-penalitajiet għal ħlas tardiv li kienu jammontaw għal ESP 615 056 349, u kellha titħallas fuq perijodu ta’ għaxar snin. Matul l-ewwel sentejn, kellhom jitħallsu biss l-imgħaxijiet, ikkalkulati bir-rata annwali ta’ 7.5%, filwaqt li l-ħlasijiet li kellhom jiġu affettwati fis-snin ta’ wara kienu jkopru kemm il-kapital kif ukoll l-imgħaxijiet. F’April ta’ l-1998, Sniace kienet ħallset lura ESP 216 118 863 fil-kuntest tal-ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997.
13 Fl-4 ta’ Lulju 1996, [Lenzing] ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar numru ta’ sitwazzjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat li kienet allegatament ingħatat lil Sniace matul diversi snin mill-aħħar tas-snin 80. Hija bagħtet informazzjoni supplimentari lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Novembru u tad-9 ta’ Diċembru 1996. L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 1997.
[...]
16 Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Spanjol li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) fir-rigward ta’ wħud mill-allegati għajnuniet li lmentat dwarhom [Lenzing], fosthom il-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 u tal-31 ta’ Ottubru 1995 u n-‘nuqqas ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mill-1991’, u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri l-oħra u l-partijiet ikkonċernati ġew informati bil-ftuħ ta’ din il-proċedura u ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din l-ittra fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-14 ta’ Frar 1998 (ĠU C 49, p. 2). Il-Gvern Spanjol bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 1997. Ċerti partijiet terzi interessati, inkluża [Lenzing] permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 1998, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li fuqhom ikkummenta l-Gvern Spanjol permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Ġunju 1998. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 1998, dan ta’ l-aħħar irrisponda d-domandi magħmula mill-Kummissjoni f’ittra tat-23 ta’ Frar 1997.
17 Fit-28 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni [tat-28 ta’ Ottubru 1998].
18 Il-parti operattiva ta’ din id-deċiżjoni tgħid li ġej:
‘Artikolu 1
L-għajnuna li ġejja mogħtija minn Spanja lil [Sniace] hija inkompatibbli mas-suq komuni:
a) il-ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996 (emendat mill-ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996) bejn Sniace u l-[FĠSS] dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ dejn għas-somma totali ta’ ESP 2 903 381 848, bħala kapital, kif emendat għal darb’oħra mill-ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997 dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ djun għas-somma totali ta’ ESP 3 510 387 323, bħala kapital, safejn ir-rata ta’ mgħax kienet inferjuri għar-rati tas-suq; u
b) il-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 u tal-31 ta’ Ottubru 1995 bejn Sniace u l-[Fogasa] dwar żewġ ammonti ta’ ESP 1 362 708 700 u ESP 339 459 878 rispettivament (imgħaxijiet inklużi), safejn ir-rata ta’ mgħax kienet inferjuri għar-rati tas-suq.
Għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet l-oħra koperti mill-proċeduri li nbdew skond l-Artikolu [88(2) KE], jiġifieri garanzija ta’ self li tammonta għal biljun [ESP] u awtorizzata bil-liġi 7/93, l-arranġamenti finanzjarji għall-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament ta’ l-iskart u t-tħassir parzjali ta’ djun mill-Kunsill Muniċipali ta’ Torrelavega, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna u l-proċedura tista’ tingħalaq […] Għal dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent li ma tħallsux għall-perijodu 1987-1995, il-Kummissjoni ser tadotta deċiżjoni separata iktar ’il quddiem.
Artikolu 2
1. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mill-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu illegalment.
[…]’
19 Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti [tal-Ġustizzja] fl-24 ta’ Diċembru 1998, ir-Renju ta’ Spanja ressaq rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998 (Kawża C-479/98). Il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża għall-ewwel darba, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1999, sakemm [ġiet] deċiża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-342/96, Spanja vs Il-Kummissjoni, li kienet qajmet kwistjonijiet simili.
[...]
21 Fid-29 ta’ April 1999, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża C-342/96 (Ġabra p. I-2459, iktar ’il quddiem is-‘sentenza Tubacex’). Qabel kollox, hija kkonstatat li l-Fogasa ma kienx jislef flus lil impriżi fi stat ta’ falliment jew f’diffikultà, iżda kien jissodisfa t-talbiet leġittimi kollha ppreżentati mill-ħaddiema bil-flus li huwa kien iħallas u wara jirkupra mill-impriżi. Hija żiedet tgħid li l-Fogasa seta’ jilħaq ftehim dwar ħlas lura li jippermettulu jippjana mill-ġdid jew li jippermett[u] li l-ħlas isir bin-nifs u li, bl-istess mod, l-FĠSS seta’ jilħaq ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas bin-nifs tad-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat sussegwentement li l-Istat ma kienx aġixxa bħala investitur pubbliku li l-intervent tiegħu kellu jiġi mqabbel ma’ l-aġir ta’ investitur privat li jinvesti l-kapital tiegħu bl-għan li jagħmel profitt fi żmien relattivament qasir, iżda bħala ‘kreditur pubbliku li, bħal kreditur privat, jipprova jirkupra l-ammonti dovuti lilu u li, għal dak il-għan, jilħaq ftehim mad-debitur, li bis-saħħa tagħhom id-djun akkumulati jiġu ppjanati mill-ġdid jew imħallsa bin-nifs sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas lura tagħhom’ (punt 46). Hija ppreċiżat li l-ftehim in kwistjoni kienu ntlaħqu minħabba ċ-ċirkustanza li kienet teżisti qabel l-obbligu stipulat mil-liġi għal Tubacex li tħallas lura s-salarji mħallsa mill-Fogasa u li tħallas id-djun fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u li l-ftehim ma ħolqux għalhekk djun ġodda dovuti minn Tubacex lill-awtoritajiet pubbliċi (punt 47). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ‘[l-]imgħaxijiet li normalment japplikaw għal dawn it-tipi ta’ djun huma dawk li huma intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għad-danni subiti mill-kreditur minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni min-naħa tad-debitur ta’ l-obbligu tiegħu li jħallas id-dejn, jiġifieri l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv’, u li, ‘[f’]każ li r-rata ta’ l-imgħax għal ħlas tardiv applikabbli għad-djun dovuti lil kreditur pubbliku mhijiex l-istess bħar-rata applikabbli għad-djun dovuti lil kreditur privat, għandha tiġi applikata din l-aħħar rata f’każ li hija ogħla minn ta’ l-ewwel’ (punt 48). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni 97/21 ‘f’dak illi hija tiddikjara li l-miżuri adottati mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward ta’ [Tubacex] huma inkompatibbli ma’ l-Artikolu [87 KE] inkwantu r-rata ta’ imgħax ta’ 9 % applikata għas-somom dovuti minn din ta’ l-aħħar lill-Fogasa u lill-FĠSS hija inferjuri għar-rati applikabbli fis-suq’.
[...]
23 Wara s-sentenza Tubacex, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid id-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Frar 2000, hija informat lill-Gvern Spanjol bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ ‘elementi ta’ għajnuna […] meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq komuni u msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni [tat-28 ta’ Ottubru 1998]’ u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. […]
24 Fl-20 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-[d]eċiżjoni [kkontestata].
[...]
26 [F’din id-deċiżjoni], il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni […] li ‘il-ftehim dwar ħlas lura li ntlaħqu bejn il-Fogasa u Sniace u l-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid bejn is-sigurtà soċjali u Sniace ma [jikkostitwixxux] għajnuna mogħtija mill-Istat’ (premessa 31) u li, għaldaqstant, ‘[kien] hemm lok li tiġi emendata d-Deċiżjoni tagħha [tat-28 ta’ Ottubru 1998]’ (premessa 32).
27 Il-parti operattiva tad-Deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 2000 tipprovdi:
‘Artikolu 1
Id-Deċiżjoni [tat-28 ta’ Ottubru 1998] hija emendata kif ġej:
1) L-Artikolu 1(1) huwa sostitwit mill-paragrafu li ġej:
‘Il-miżuri li ġejjin implementati minn Spanja favur [Sniace] ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat:
a) il-ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996 (emendat mill-ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996) bejn Sniace u l-[FĠSS] dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ dejn għas-somma totali ta’ [ESP] 2 903 381 848 (jew EUR 17 449 676,34), bħala kapital, kif emendat għal darb’oħra mill-ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997 dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ djun għas-somma totali ta’ [ESP] 3 510 387 323 (jew EUR 21 097 852,72), bħala kapital u
b) il-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 u tal-31 ta’ Ottubru 1995 bejn Sniace u l-[Fogasa] dwar żewġ ammonti ta’ [ESP] 1 362 708 700 (jew EUR 8 190 044.23) u ta’ [ESP] 339 459 878 (jew EUR 2 040 194.96) rispettivament.’
2) L-Artikolu 2 huwa mħassar.
[...]’
[...]
29 Permezz ta’ digriet ta’ l-4 ta’ Diċembru 2000, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tħassir tal-Kawża C-479/98 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja”.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
3 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Frar 1999, Lenzing ressqet talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998. Wara li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, Lenzing ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Frar 2001 li fiha hija fformulat mill-ġdid it-talbiet tagħha u talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn jipprovdi li n-nuqqas ta’ rkupru tad-djun, tal-penalitajiet għal ħlas tardiv u ta’ l-imgħaxijiet dovuti lill-FĠSS, il-ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996, tas-7 ta’ Mejju 1996 u tat-30 ta’ Settembru 1997, in-nuqqas ta’ rkupru tad-djun u l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv dovuti lill-Fogasa kif ukoll il-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 u tal-31 ta’ Ottubru 1995 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE.
4 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni billi kkonkludiet b’mod partikolari li Lenzing kellha titqies bħala individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.
5 F’dan ir-rigward, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni.
6 Sussegwentement hija enfasizzat, fil-punt 74 ta’ l-imsemmija sentenza, li fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura formali ta’ investigazzjoni li mibdija skond l-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward ta’ għajnuna individwali (iktar ’il quddiem il-“proċedura formali ta’ investigazzjoni”), tikkonċerna individwalment mhux biss l-impriża li tirċievi l-għajnuna iżda wkoll l-impriżi li jikkompetu magħha u li jkollhom rwol attiv f’din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ l-imsemmija deċiżjoni (sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punt 25).
7 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-parteċipazzjoni ta’ Lenzing fil-proċedura formali ta’ investigazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, li kienet Lenzing li ressqet l-ilment li ta lok għall-bidu ta’ din il-proċedura u li kienet ipparteċipat effettivament fiha billi ressqet osservazzjonijiet dettaljati.
8 Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ħsara li saret għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ Lenzing, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt 80 ta’ l-imsemmija sentenza, li meta tkun qed tiġi eżaminata l-ammissibbiltà, huwa biżżejjed li r-rikorrenti tindika r-raġunijiet rilevanti li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni.
9 Fil-punti 81 sa 91 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-argumenti mressqa minn Lenzing sabiex turi l-ħsara li saret għall-pożizzjoni tagħha fis-suq. Dawn il-punti jipprovdu dan li ġej:
“81 Għandu jiġi kkonstatat, f’din il-kawża, li, fir-rikors tagħha, [Lenzing] enfasizzat il-fatt li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet affettwat ħażin il-pożizzjoni tagħha bħala kompetitriċi fis-suq tal-fibri tal-viscose u billi kienet ippermettiet lil Sniace tibqa’ topera b’mod artifiċjali filwaqt li s-suq kien ikkaratterizzat minn numru limitat ħafna ta’ produtturi, kompetizzjoni kiefra u sitwazzjoni ta’ kapaċità eċċessiva ħafna.
82 Sabiex turi l-eżistenza ta’ din il-kapaċità eċċessiva, [Lenzing] għamlet referenza speċifika għal ċerti paġni ta’ l-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 1998 wara li kienu bdew il-proċedimenti previsti fl-Artikolu 88(2) KE u li jinsabu f’anness mar-rikors tagħha. Dawn il-paġni fihom informazzjoni dwar il-konsum, il-produzzjoni u l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ fibri tal-viscose fil-Komunità mill-1992 sa l-1997, liema informazzjoni ngħatat mill-Comité international de la rayonne et des fibres synthétiques (CIRFS).
83 Barra minn hekk, fis-seduta, [Lenzing] għamlet referenza għal ċerta informazzjoni li tinsab fl-ilment ta’ l-4 ta’ Lulju 1996, ukoll inkluż f’anness mar-rikors tagħha. F’dan l-ilment, hija tat indikazzjonijiet dwar is-suq tal-fibri tal-viscose, identifikat il-produtturi tal-viscose li f’dak iż-żmien kienu jinsabu fis-suq, billi tat stima tal-kapaċità rispettiva tagħhom ta’ produzzjoni, u tat dettalji dwar il-kwantitajiet ta’ fibri tal-viscose mibjugħa minn Sniace mill-1991 sa l-1995, billi ddistingwiet b’mod partikolari l-kwantitajiet mibjugħa fi Spanja minn dawk esportati lejn l-Italja.
84 Il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element li seta’ jqajjem dubju dwar l-eżattezza ta’ l-informazzjoni mogħtija [minn Lenzing]. Għall-kuntrarju, hija tirrikonoxxi, kemm fl-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà kif ukoll fid-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998, li s-suq tal-fibri tal-viscose sofra minn kapaċità eċċessiva. Għaldaqstant, fl-74 premessa ta’ din id-deċiżjoni, hija ssemmi espressament li ‘Sniace topera f’settur li qed imur lura, fatt li ġiegħel ċerti kompetituri tagħha jnaqqsu l-kapaċitajiet tagħhom’, li ‘[i]l-produzzjoni ta’ dawn il-fibri fiż-[Żona Ekonomika Ewropea] naqset minn 760 000 tunnellata fl-1992 għal 684 000 tunnellata fl-1997 (jiġifieri tnaqqis ta’ 10 %) u l-konsum matul l-istess perijodu naqas bi 11 %’ u li ‘ir-rata medja ta’ użu tal-kapaċità matul dan il-perijodu kienet ta’ madwar 84 %, li hija baxxa għal settur li jikkonċentra daqstant fuq il-kapital’.
85 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, kemm fid-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998 (premessa 80) kif ukoll [fid-deċiżjoni kkontestata] (premessa 29), li d-diffikultajiet finanzjarji sinjifikanti li ffaċċjat Sniace kienu affettwaw ħażin il-possibbiltajiet tagħha li tkompli topera u li jekk l-FĠSS kien ipproċeda sabiex jirkupra d-djun dovuti lilu, dan seta’ jwassal għall-għeluq tal-kumpannija. Meta wieħed jikkunsidra n-numru ridott ħafna ta’ produtturi fis-suq u l-kapaċità eċċessiva ta’ produzzjoni li kienet teżisti f’dan is-suq, l-għeluq ta’ Sniace seta’ jkollu effetti tajbin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi l-oħra fil-forma ta’ tnaqqis fil-kapaċitajiet eċċessivi tagħhom u titjib tas-sitwazzjoni kummerċjali tagħhom. Għalkemm Sniace ma kinitx waħda mill-ikbar produtturi tal-fibri tal-viscose tal-Komunità, il-pożizzjoni tagħha fis-suq bl-ebda mod ma kienet insinjifikanti. Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premessa 9 tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998, li l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ fibri tal-viscose ta’ Sniace ‘[kienet toqrob] it-32000 tunnellata (madwar 9 % tal-kapaċità totali fuq il-livell Komunitarju)’.
86 Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi huma ta’ natura li jistabbilixxu li l-pożizzjoni [ta’ Lenzing] fis-suq hija affetwata sostanzjalment mid-deċiżjoni [kkontestata].
87 Barra minn hekk, [Lenzing] enfasizzat il-fatt li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet ippermettiet lil Sniace tbiegħ il-prodotti tagħha, fil-Komunità, bi prezzijiet li kienu inferjuri b’madwar 20 % meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-kompetituri tagħha. In sostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, [Lenzing] għamlet referenza għad-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji Courtauld plc u Säteri, imsemmija fil-premessi 15 u 17 tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998. Fir-replika tagħha, hija sostniet iktar din id-dikjarazzjoni permezz ta’ referenza espressa għall-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 1997, li tinsab f’anness mar-rikors tagħha, li fiha hija kienet tat lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari fuq is-suq Ewropew tal-fibri tal-viscose. F’din l-ittra, wieħed isib tabelli li jindikaw, b’mod partikolari, għas-snin 1989 sa l-1996, il-kwantitajiet ta’ fibri tal-viscose u ta’ modal ikkunsinnati minn Sniace u [minn Lenzing] fi Spanja kif ukoll minn Sniace u l-produtturi Awstrijaċi fi Franza u fl-Italja. L-imsemmija ittra fiha wkoll indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet għall-importazzjoni applikati fi Franza u fl-Italja, mill-1989 sa l-1996, minn Sniace u minn produtturi oħrajn. Barra minn hekk, [Lenzing] hemżet f’anness mar-replika tagħha t-tabelli li fihom jinsabu l-istess indikazzjonijiet għas-snin 1997 sa nofs l-2001. Jirriżulta minn dawn l-indikazzjonijiet differenti li, fil-maġġoranza tal-każijiet, bl-eċċezzjoni tal-produtturi tal-pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant, il-prezzijiet ta’ Sniace kienu inferjuri għal dawk ta’ produtturi Ewropej oħrajn.
88 Il-Kummissjoni ma tikkontestax li Sniace biegħet il-prodotti tagħha bi prezzijiet inferjuri għal dawk tal-kompetituri Ewropej tagħha. Hija ssostni biss li t-tnaqqis ġenerali fil-prezzijiet ta’ iktar minn 30 % osservat fis-suq bejn l-1990 u l-1996 mhuwiex riżultat ta’ l-għajnuna allegatament mogħtija lil Sniace iżda ta’ fatturi esterni, inklużi l-importazzjonijiet mill-Asja. Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li skond l-artiklu tal-pubblikazzjoni speċjalizzata European Chemical News ippreżentat mill-Kummissjoni f’anness ma’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, ‘[l]-osservaturi tas-suq jaffermaw li Sniace qed tkompli teżerċita influwenza negattiva fuq il-prezzijiet li teċċedi l-kapaċità żgħira tagħha għal dak li jirrigwarda l-pożizzjoni fis-suq’.
89 Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-għajnuna allegatament mogħtija, li partijiet minnha ġew deskritti bħala ‘vantaġġ kunsiderevoli’ mill-Kummissjoni stess (premessa 80 tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998), ippermettiet lil Sniace tbiegħ il-prodotti tagħha bi prezzijiet inferjuri għal dawk tal-kompetituri tagħha, fosthom [Lenzing].
90 Fl-aħħar nett, l-argument li l-Kummissjoni ddeduċiet mill-fatt li, matul is-snin in kwistjoni, [Lenzing] kellha riżultati tajbin u żiedet il-produzzjoni huwa nieqes minn kull rilevanza. L-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-persuna kkonċernata mhux bilfors, fil-fatt, għandu jfisser tnaqqis fid-dħul tagħha, tnaqqis tas-sehem tagħha mis-suq jew telf mill-operat. Il-kwistjoni f’dan il-kuntest hija jekk il-persuna kkonċernata kinitx tinsab f’sitwazzjoni iktar favorevoli li kieku ma kinitx teżisti d-deċiżjoni li hija qed tipprova tannulla. Kif tenfasizza ġustament [Lenzing], dan jista’ jkopri validament is-sitwazzjoni li fiha hija titlef l-opportunità li tagħmel dħul għaliex l-awtoritajiet pubbliċi taw vantaġġ lil wieħed mill-kompetituri tagħha.
91 Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li [Lenzing] indikat b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni [kkontestata] setgħet tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni [kkontestata]”.
10 Fir-rigward tal-mertu tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet il-motiv imqajjem minn Lenzing ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ l-Artikolu 87(1) KE, minħabba li applikat il-kriterju ta’ kreditur privat b’mod żbaljat.
11 Fil-fatt, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-imġieba kkontestata tal-FĠSS u tal-Fogasa kienet tissodisfa l-kriterju ta’ kreditur privat. Ir-raġunament li fuqu mxiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ dan l-aspett huwa espost kif ġej fil-punti 154 sa 160 tas-sentenza appellata:
“154 Jirriżulta mid-deċiżjoni [kkontestata] kif ukoll mis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni li hemm tliet raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-FĠSS u l-Fogasa aġixxew bħala kreditur privat.
155 L-ewwel nett, il-Kummissjoni tagħmel paragun bejn l-aġir ta’ dawn iż-żewġ korpi u dak tal-kredituri privati ta’ Sniace. Hija tibbaża l-argument tagħha prinċipalment fuq il-fatt li l-FĠSS u l-Fogasa, billi użaw id-dritt tagħhom ta’ astensjoni, ma ħadux sehem fil-ftehim ta’ Ottubru 1996 u li, għaldaqstant, ma rrinunzjawx de facto, għad-differenza tal-kredituri privati, għal 40 % tad-djun dovuti lilhom. […]
156 Dan l-ewwel paragun huwa manifestament żbaljat. [Il]-FĠSS u l-Fogasa kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti mill-kredituri privat[i] ta’ Sniace. Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li dawn il-korpi għandhom id-dritt ta’ astensjoni, li d-djun dovuti lilhom huma pprivileġġjati u li huma jiddisponu minn ċerti garanziji, jiġifieri drittijiet ta’ rahan fil-każ [tal]-FĠSS u ipoteka fil-każ tal-Fogasa. […]
157 It-tieni nett, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li Banesto ma pproċediex għall-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilu għalkemm kienu ggarantiti b’ipoteka […]
158 Għandu jiġi kkonstatat li dan it-tieni paragun mhuwiex iktar konvinċenti mill-ewwel wieħed. M’hemm xejn fil-proċess li minnu jista’ jiġi dedott li Banesto kien jinsab f’sitwazzjoni li setgħet tiġi pparagunata ma’ dik [tal]-FĠSS u tal-Fogasa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-proċess ma fih ebda indikazzjoni, anki sommarja, dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għad-deċiżjoni ta’ dan il-bank li ma jipproċedix għall-irkupru impost tad-djun dovuti lilu. […]
159 It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li, billi laħqu l-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura kkonċernati, [i]l-FĠSS u l-Fogasa ‘ppruva[w] [iżidu] sakemm l-aktar setgħ[u] il-prospetti tagħh[om] li [j]irkupra[w] l-ammonti kollha dovuti lilh[om] mingħajr ma [j]sofr[u] telf finanzjarju’ (premessa 30 tad-[d]eċiżjoni [kkontestata]). Fil-premessa 29 tad-[d]eċiżjoni [kkontestata, li tirreferi għad-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Ottubru 1998], hija tippreċiża, fir-rigward ta’ l-FĠSS, li, ‘billi evita li jipproċedi għall-irkupru sabiex ma jipprovokax l-istralċ ta’ [l-]impriża, [dan il-korp] aġixxa b’mod li żied sakemm l-aktar seta’ l-prospetti tiegħu li jirkupra d-dejn’.
160 Għandu jiġi kkonstatat li ma ngħatawx provi in sostenn ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Minn naħa, dawn huma f’kontradizzjoni diretta ma’ l-allegazzjoni ripetuta tal-Kummissjoni li l-FĠSS u l-Fogasa jiddisponu minn privileġġi u garanziji suffiċjenti, b’mod illi ma kienx hemm l-inċentiv sabiex jipproċedu bl-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni m’għandhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tevalwa b’konox[x]enza sħiħa tal-fatti l-prospetti ta’ Sniace f’dak li jirrigwarda l-profittabbiltà u l-vijabbiltà tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, meta ġie mistieden mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura […] sabiex jikkomunika l-iżviluppi fir-riżultati (id-dħul u l-profitti jew it-telf) u fil-volum tad-djun ta’ Sniace mill-1991 sa l-2000, ir-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li huwa ma kellux din l-informazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jistrieħ fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ‘il-Gvern Spanjol ta […] assigurazzjoni kredibbli lill-konvenuta li s-Sigurtà Soċjali kienet aġixxiet bl-għan li tippreżerva d-drittijiet kollha li hija kellha fir-rigward ta’ Sniace’. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ngħatat ebda pjan ta’ ristrutturazzjoni kredibbli u realistiku fir-rigward ta’ Sniace […]”.
12 Konsegwentement, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-ewwel motiv tar-rikors kien fondat u, għaldaqstant, annullat l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma qieset li kien neċessarju li jiġi eżaminat it-tieni motiv imqajjem minn Lenzing.
It-talbiet tal-partijiet
13 Fl-appell tiegħu r-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, tiċħdu bħala infondat, u
– tikkundanna lil Lenzing tbati l-ispejjeż ta’ l-appell.
14 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata;
– tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, u
– tikkundanna lil Lenzing tbati l-ispejjeż ta’ l-appell.
15 Lenzing titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tilqa’ t-talbiet ippreżentati minn Lenzing fl-ewwel istanza, u
– tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jbati l-ispejjeż ta’ l-appell u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.
Fuq l-appell
16 In sostenn ta’ l-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju jibbaża ruħu fuq l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq minn Lenzing fl-ewwel istanza filwaqt li t-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat lill-kriterju ta’ kreditur privat.
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
17 Permezz ta’ l-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja sostnut mill-Kummissjoni, jgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball tad-dritt billi kkunsidrat li Lenzing kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.
18 L-ewwel nett, il-Gvern Spanjol isostni, billi jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, għall-kuntrarju ta’ dak li titlob il-ġurisprudenza Komunitarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal din il-konklużjoni billi bbażat ruħha esklużivament fuq ir-rwol ta’ Lenzing matul il-proċedura formali ta’ investigazzjoni mingħajr ma investigat jew, ta’ l-inqas, billi investigat b’mod żbaljat jekk il-pożizzjoni ta’ din l-impriża fis-suq kinitx ġiet sostanzjalment affetwata mid-deċiżjoni kkontestata.
19 F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Spanjoli josservaw li l-miżuri li ttieħdu mill-Fogasa u mill-FĠSS fil-konfront ta’ Sniace, operatur żgħir li għandu sehem ta’ madwar 10 % fis-suq, ma kinux tali li jikkawżaw xi tip ta’ ħsara lil Lenzing, impriża li tappartjeni għal grupp li huwa fost il-produtturi Komunitarji prinċipali ta’ fibri tal-viscose. Għaldaqstant, matul il-perijodu in kwistjoni, kemm is-sehem fis-suq kif ukoll il-profitti ta’ Lenzing marru ’l quddiem.
20 Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu injorat dawn l-elementi, jew qieset li ma kinux rilevanti, u ħadet in kunsiderazzjoni, min-naħa l-oħra, ċirkustanzi li jikkaratterizzaw mhux is-sitwazzjoni ta’ Lenzing fis-suq iżda esklużivament dik ta’ Sniace, bħall-fatt li din l-impriża kienet għadha topera grazzi għall-għajnuna in kwistjoni jew għal-livell ta’ prezzijiet li hija kienet qed titlob. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-kundizzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-ħsara reali u effettiva għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-impriża li tkun qed tilmenta, ma kinitx neċessarja.
21 Il-Gvern Spanjol, sussegwentement, jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli essenzjalment ibbażat ir-raġunament tagħha fuq it-telf mid-dħul subit minn Lenzing minħabba l-fatt li Sniace kienet qegħda tinżamm fis-suq. Jekk jitqies li Lenzing effettivament sofriet minn telf mid-dħul, dan il-fatt ma jistax fih innifsu jippermetti li jiġi konkluż li ġiet issodisfata l-kundizzjoni tal-ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni tal-parti kkonċernata fis-suq. Il-ħtieġa ta’ tali ħsara teskludi, barra minn hekk, li t-telf mid-dħul jista’, bħal ma ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġi preżunt.
22 Fi kwalunkwe każ, skond l-awtoritajiet Spanjoli, Lenzing ma subiet ebda telf mid-dħul, bħal ma jixhed il-fatt li s-sitwazzjoni globali ta’ din l-impriża tjiebet matul il-perijodu kkonċernat. Huma josservaw fl-aħħar nett li l-miżuri in kwistjoni ma kinux jikkonsistu fi trasferiment ta’ fondi lil Sniace iżda fi ftehim ta’ ħlas lura ta’ djun bil-ħlas ta’ l-imgħaxijiet, li wassal għal piż finanzjarju ġdid fuq din l-impriża. Ma jistax, għaldaqstant, jiġi sostnut li, fin-nuqqas ta’ dawn il-miżuri, il-kompetituri ta’ Sniace kienu neċessarjament jinsabu f’pożizzjoni aħjar.
23 Il-Kummissjoni żżid tgħid li mill-ġurisprudenza tal-Komunità jirriżulta li huwa l-kompetitur li jagħmel l-ilment li għandu jindika b’mod rilevanti r-riperkussjonijiet negativi subiti konkretament u personalment minħabba l-għotja ta’ għajnuna kif ukoll il-livell ta’ gravità tal-ħsara kkawżata lill-pożizzjoni tagħha fis-suq. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet fil-qasam ta’ l-oneru tal-prova ta’ ħsara bħal din billi bbażat ruħha biss fuq informazzjoni ġenerali tas-suq u l-effetti li nħassew minn kompetituri oħra sabiex tiddeċiedi li Lenzing kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Wara kollox, minkejja li ġiet mistiedna bosta drabi sabiex tagħmel dan, Lenzing ma kinitx f’pożizzjoni li matul il-proċedura fl-ewwel istanza ġġib eżampju ta’ ħsara subita minħabba l-għajnuna in kwistjoni, meta l-imġieba tagħha fis-suq kienet tjiebet konstantement u kunsiderevolment matul il-perijodu kkonċernat.
24 Għall-kuntrarju, Lenzing tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Skond il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza Komunitarja, fil-fatt, hija stabbiliet b’mod dettaljat u konvinċenti l-ħsara sostanzjali magħmula lill-pożizzjoni tagħha fis-suq, fid-dawl ta’ elementi bħas-sehem mis-suq li kellha Sniace, il-kontinwazzjoni ta’ l-attività tagħha f’suq ikkaratterizzat minn kapaċità eċċessiva u minn numru dgħajjef ta’ kompetituri jew il-prattika minn din l-impriża ta’ prezzijiet artifiċjalment baxxi. Għaldaqstant, l-affermazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha biss fuq l-eżistenza ta’ allegat telf mid-dħul mhijiex eżatta. Madankollu, dan l-element ikun effettivament rilevanti fil-kuntest ta’ l-analiżi tal-ħsara kkawżata lill-pożizzjoni kompetittiva ta’ Lenzing safejn din ta’ l-aħħar tkun ċertament sabet lilha nnifisha f’sitwazzjoni iktar favorevoli fil-każ li kompetitur bħal dak in kwistjoni ma jibqax fuq is-suq. Fil-fatt, l-impriżi l-oħra li kien jibqa’ setgħu jiksbu ishma mis-suq li jkunu nħelsu u jużaw il-kapaċità eċċessiva tagħhom.
25 L-eżistenza ta’ ħsara konkreta lill-pożizzjoni kompetittiva ta’ Lenzing hija kkonfermata minn numru ta’ ċirkustanzi, jiġifieri r-relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta eżistenti bejn iż-żewġ impriżi fl-istess swieq ġeografiċi u fir-rigward ta’ l-istess klijenti, il-kisba ta’ ishma ġodda fis-suq min-naħa ta’ Sniace matul il-perijodu in kwistjoni, il-fatt li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament ta’ l-impriża b’effetti partikolarment restrittivi fuq il-kompetizzjoni jew l-ispejjeż sostnuti minn Lenzing fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni.
26 Lenzing tenfasizza, barra minn hekk, li r-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni bbażaw l-argumenti tagħhom fuq interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-ġurisprudenza Komunitarja u, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tillimita ruħha li teżiġi li l-kompetitur li jkun qed jilmenta jistabbilixxi li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq “tista’” tiġi affettwata mill-għajnuna mill-Istat u għaldaqstant ma tirrikjedix prova ta’ ħsara “reali u effettiva”, liema prova timponi oneru eċċessiv tal-prova fuq il-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ tali għajnuna.
27 Fl-aħħar nett, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet immaġini eċċessivament pożittiva tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ Lenzing matul il-perijodu in kwistjoni sabiex jiġu timminimizza l-effetti ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Din l-immaġini hija, madankollu, kontradetta minn ċerta informazzjoni li tinsab f’dokumenti użati mill-Kummissjoni stess fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
28 Permezz ta’ l-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja, sostnut mill-Kummissjoni, isostni essenzjalment li l-elementi kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala li huma ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ Lenzing fis-suq mhumiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ħsara vera.
29 L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra fil-każ biss li l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda lil dik il-persuna direttament u individwalment.
30 Skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 20, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 33).
31 Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tal-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-persuni li mhumiex id-destinatarji u li jikkontestaw il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tevalwa l-għajnuna, huma meqjusa bħala individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni fil-każ li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija sostanzjalment affettwata mill-għajnuna li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cofaz et vs Il-Kummissjoni, punti 22 sa 25, u Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punti 37 u 70).
32 Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ tali ħsara, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li s-sempliċi fatt li att bħal ma hija d-deċiżjoni kkontestata jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jeżistu fis-suq in kwistjoni u li l-impriża kkonċernata kienet tinsab f’relazzjoni kompetittiva mal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma tista’ fl-ebda każ tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmija impriża titqies bħala individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1969, Eridania et vs Il-Kummissjoni, 10/68 u 18/68, Ġabra p. 459, punt 7 kif ukoll id-digriet tal-21 ta’ Frar 2006, Deutsche Post u DHL Express vs Il-Kummissjoni, C‑367/04 P, Ġabra p.I-26, punt 40).
33 Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward ta’ l-impriża li tirċievi l-għajnuna, iżda għandha turi wkoll li hija tinsab f’ċirkustanzi ta’ fatt li jidentifikawha bl-istess mod kif jidentifikaw l-impriża lid-destinatarju (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C‑106/98 P, Ġabra p. I‑3659, punt 41, kif ukoll id-digriet Deutsche Post u DHL Express vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 41).
34 Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li sitwazzjoni ta’ dan it-tip, li tidentifika persuna li mhijiex id-destinatarju ta’ deċiżjoni, fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ kull operatur ekonomiku ieħor, għandha bilfors tiġi dedotta minn elementi bħal tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux żgħir jew inkella tnaqqis sinjifikanti ta’ ishma fis-suq wara li tkun ingħatat l-għajnuna in kwistjoni.
35 Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità ta’ din il-ħsara tista’ tvarja skond numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq in kwistjoni jew in-natura ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Il-prova ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-preżenza ta’ ċertu elementi li jindikaw li jkun mar lura fil-kapaċitajiet kummerċjali jew finanzjarji tiegħu.
36 Mill-bqija, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċertu każijiet, impriża jirnexxielha tevita jew, ta’ l-inqas, tillimita l-fatt li tkun qed tmur lura, per eżempju billi tnaqqas ċerti spejjeż jew tiffoka fuq swieq li jħallu iktar qliegħ. B’hekk, kieku l-argument ta’ l-awtoritajiet Spanjoli u tal-Kummissjoni kellu jiġi milqugħ, dan iwassal għal interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE li tgħid li f’ċirkustanzi bħal dawn, minkejja li ssofri minn riperkussjonijiet sostanzjali minħabba għajnuna mill-Istat lil kompetitur, impriża tgħaddi mir-riskju li ma jiġix rikonoxxut li għandha locus standi fir-rigward ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-miżuri in kwistjoni.
37 F’dan il-każ, mill-punti 81 sa 90 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma llimitatx ruħha li tinvoka, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn Lenzing u Sniace, iżda bbażat il-konklużjoni tagħha fuq il-ħsara kkawżata lill-pożizzjoni ta’ Lenzing fis-suq fuq numru ta’ fatturi, li kienu prodotti minn din ta’ l-aħħar u li huma ta’ natura li jistabbilixxu essenzjalment il-partikolarità tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq tal-fibri tal-viscose, ikkaratterizzat minn numru limitat ħafna ta’ produtturi u minn kapaċitajiet żejda ta’ produzzjoni li kienu kbar ħafna, l-importanza tad-distorsjonijiet li jipproduċi l-għoti ta’ għajnuna lil impriża li topera f’dan is-suq kif ukoll l-effett ta’ l-għajnuna fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba minn Sniace.
38 B’mod partikolari, minħabba r-raġunijiet esposti mill-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tikkunsidra, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-fatt li operatur jinżamm jopera f’suq bħal dak tal-viscose, li l-karatteristiċi tiegħu ma ġewx ikkontestati mill-Gvern Spanjol, jista’ jipproduċi effetti partikolarment effettivi fuq il-pożizzjoni tal-kompetituri tiegħu.
39 Għalhekk, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ Lenzing hija kjarament differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm nuqqas ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni kompetittiva tal-membri ta’ l-assoċjazzjoni rikorrenti f’din il-kawża minħabba l-fatt li numru kbir ħafna ta’ operaturi, jiġifieri l-agrikolturi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, setgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri tal-benefiċjarju tal-programm ta’ akkwist ta’ artijiet in kwistjoni.
40 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni ma pprovdew ebda element lill-Qorti tal-Ġustizzja li jipprova l-eżistenza ta’ tibdil fil-provi ppreżentati lill-Qorti tal-Prim’Istanza jew ineżattezza tal-konstatazzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar fir-rigward tad-dokumenti fil-proċess li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti rigward il-ħsara kkawżata lill-pożizzjoni ta’ Lenzing fis-suq.
41 Fl-aħħar nett, f’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas tista’ tiġi kkritikata li, bħalma tallega l-Kummissjoni, għamlet kunsiderazzjoni żbaljata tar-regoli dwar min kellu l-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza Cofaz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28), li hija Lenzing biss li għandha tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni. Jirriżulta li minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 34 sa 39 ta’ din is-sentenza, l-elementi invokati minn Lenzing u eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza kienu ta’ natura li jistabbilixxu din il-ħsara.
42 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
43 Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt billi interpretat il-kriterju ta’ kreditur privat b’mod żbaljat.
44 Fil-fatt, is-sentenza appellata qieset b’mod żbaljat, minn naħa, li l-għoti ta’ ristrutturar ta’ djun fih nnifisu jmur kontra l-kriterju ta’ kreditur privat u, min-naħa l-oħra, li, fil-każ li ma jiġix irrispettat ftehim li jiġi ppjanat mill-ġdid id-dejn, kreditur privat dejjem u neċessarjament jagħżel l-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilu. Dan l-approċċ imur kontra l-ġurisprudenza u, b’mod partikolari, kontra is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Tubacex, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni (T‑152/99, Ġabra p. II‑3049) li aċċettaw espliċitament li miżuri ta’ ppjanar mill-ġdid ta’ dejn jew saħansitra tat-tnaqqis tad-djun huma perfettament kumpatibbli mal-kriterju ta’ kreditur privat.
45 F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Spanjoli jippreċiżaw li l-eżami ta’ miżuri bħal dawn għandu dejjem isir skond iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni numru ta’ elementi u fatturi li jindikaw li ż-żewġ korpi pubbliċi Spanjoli ħadu deċiżjoni adegwata, konformi ma’ l-aġir ta’ kreditur privat, rigward l-irkupru tad-djun dovuti lilhom. Il-Gvern Spanjol jirreferi b’mod partikolari għall-fatt li l-istralċ ta’ Sniace minħabba eżekuzzjoni eventwali tad-djun kien iwassal għal djun ġodda fil-konfront ta’ Fogasa għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħlas ta’ pagi u indennizzi oħra lill-ħaddiema mkeċċija, li s-somom dovuti kienu suffiċjentement iggarantiti u kienu jagħtu lok għal imgħaxijiet b’rata skond il-liġi, li l-impriża kienet diġà ħallset lura parti mid-djun tagħha u ma kinitx daħlet fi djun ġodda u li kredituri oħra ma eżegwewx id-djun dovuti lilhom.
46 Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, sussegwentement, in-natura kuntradditorja tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 146 tas-sentenza appellata li jikkonsisti, minn naħa, fir-rikonoxximent li l-intervent ta’ Fogasa, previst mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, ma jinkludix fih innifisu elementi ta’ għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni li kull intervent pubbliku intiż sabiex jiffinanzja spejjeż ta’ l-attività ta’ impriża, bħall-ħlas tas-salarji, jista’ jikkostitwixxi għajnuna kull darba li din tasal biex tagħti vantaġġ lil impriża. Minn dan l-aspett, fil-fatt, l-intervent tal-Fogasa, li l-funzjoni tiegħu huwa jassigura li l-ħaddiema ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultajiet ekonomiċi jitħallsu, dejjem jikkostitwixxi vantaġġ għall-impriża kkonċernata.
47 Il-Kummissjoni, li taqbel ma’ l-argumenti esposti mir-Renju ta’ Spanja, iżżid tgħid li, billi ma laqgħetx l-analiżi li saret fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx is-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam ta’ kwistjonijiet ekonomiċi kumplessi. Din is-setgħa hija suġġetta biss għal stħarriġ ġuridiku ristrett, limitat għal żball manifest ta’ evalwazzjoni.
48 Madankollu, jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni, minn naħa, il-garanziji f’idejn Fogasa u l-FĠSS u, min-naħa l-oħra, l-aġir tal-kredituri privati, ir-rifjut mill-Kummissjoni li tikkunsidra l-miżuri in kwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, ma kien ikun fl-ebda każ żbaljat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, madankollu, marret lilhinn mil-limiti imposti fuq il-kontroll tagħha u ssostitwiet l-evalwazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni, bi ksur mhux biss ta’ l-Artikolu 87(1) KE iżda wkoll tal-prinċipju ta’ l-ekwilibriju istituzzjonali bejn il-poteri eżekuttivi u ġudizzjarji tal-Komunità, kif jirriżulta mit-Trattat KE.
49 Il-Kummissjoni tilmenta wkoll li fl-istħarriġ tagħha ta’ l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqetx eżami separat, minn naħa, tal-konklużjoni minn Fogasa u l-FĠSS ta’ ftehim li jikkonċernaw ħlas bin-nifs u ppjanar mill-ġdid tad-djun u, min-naħa l-oħra, tan-nuqqas ta’ rkupru tad-djun fil-każ li dawn il-ftehim ma jiġux irrispettati. Teżisti differenza ċara, għall-kreditur li jimxi skond ir-regoli ta’ l-ekonomija tas-suq, skond jekk il-kwistjoni tirrigwardax il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ppjanar mill-ġdid jew l-għarfien tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti, jekk ikun il-każ, mill-ksur min-naħa tad-debitur ta’ dan it-tip ta’ ftehim.
50 Lenzing, filwaqt li tapprova kompletament ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, issostni, min-naħa tagħha, li numru ta’ argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni huma inammissibbli peress li jikkostitwixxu sempliċi repetizzjoni ta’ l-argumenti esposti fl-ewwel istanza jew huma limitati li jikkontestaw evalwazzjonijiet ta’ fatti jew provi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
51 L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti esposti mir-Renju ta’ Spanja u mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju huma bbażati fuq il-prinċipju li fis-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ristrutturar ta’ djun kif ukoll in-nuqqas ta’ rkupru tad-djun wara l-ksur ta’ dawn il-ftehim ma jistgħu qatt jissoddisfaw il-kriterju ta’ kreditur privat.
52 Għalhekk, dawn l-argumenti huma r-riżultat ta’ interpretazzjoni żbaljata tas-siltiet rilvanti ta’ l-imsemmija sentenza.
53 Fil-fatt, mill-punti 152 sa 161 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza la bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-miżuri in kwistjoni fuq xi tip ta’ illegalità fiha nnifisha tal-ftehim ta’ ppjanar mill-ġdid u ta’ ħlas lura tad-djun u lanqas fuq il-perżunzjoni li, fil-każ li ma jiġux irrispettati dawn il-ftehim, kull kreditur privat neċessarjament jibda proċedimenti eżekutorji sabiex jirkupra d-djun dovuti lilu. Għall-kuntrarju, mill-punti msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li kien jeżisti żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fid-dawl ta’ numru ta’ elementi u ta’ ċirkustanzi speċifiċi għall-każ in kwistjoni.
54 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parti l-kbira ta’ l-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli u mill-Kummissjoni huma, fil-verità, intiżi sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi din ta’ l-aħħar tiġi kkritikata li ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċerti elementi li huma kienu jqisu bħala rilevanti jew inkella li ħadet in kunsiderazzjoni elementi oħra li skond huma ma kinux rilevanti. Madankollu, evalwazzjoni ta’ dan it-tip ma taqax taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ħlief fil-każ li jiġu mibdula l-fatti u l-provi ppreżentati lill-Qorti tal-Prim’Istanza, liema tibdil, f’dan il-każ, la ġie pprovat u lanqas allegat mill-Gvern Spanjol (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, C‑53/92 P, Ġabra p. I‑667, punt 42; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 49, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs L-UASI, C‑206/04 P, Ġabra p. I‑2717, punt 28).
55 Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa inammissibbli safejn huwa dirett kontra l-evalwazzjoni ta’ provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
56 Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza marret lilhinn mil-livell ta’ kontroll mogħti lilha mill-ġurisprudenza f’qasam li jagħti lok għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, għandu, l-ewwel nett, jiġi mfakkar li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ta’ l-ekonomija, dan ma jfissirx li l-Imħallef Komunitarju għandu joqgħod lura milli jivverifika l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39).
57 Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallef Komunitarju m’għandux jivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandu wkoll jikkontrolla jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5; tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12; Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑326/05 P, Ġabra p. I-6557, punt 76). Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (digriet tal-25 ta’ April 2002, DSG Dradenauer Stahlgesellschaft vs Il-Kummissjoni, C‑323/00 P, Ġabra p. I‑3919, punt 43).
58 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha diskrezzjoni wiesgħa, il-kontroll tal-ħarsien ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha għaldaqstant l-okkażjoni li tippreċiża li fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni, C-258/90 u C-259/90, Ġabra p. I‑2901, punt 26).
59 Għal dak li jirrigwarda din il-kawża, huwa paċifiku li l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri partikolari jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux imxew bl-istess mod bħal kreditur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa.
60 Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ġuridiku magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ l-imsemmi eżami, mill-punti 154 sa 160 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, ħadet ħsieb li tosserva, minn naħa, ċertu kuntradizzjonijiet manifesti li jirriżultaw mit-test innifsu tad-deċiżjoni kkontestata, fil-paragun li l-Kummissjoni għamlet bejn is-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi u dik tal-kredituri privati kif ukoll, min-naħa l-oħra, nuqqas ta’ elementi li jsostnu l-konklużjonijiet tagħha rigward is-sitwazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-kredituri privati u l-perspettivi ta’ profitti u ta’ vijabbiltà ta’ Sniace.
61 B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispettat il-limiti ta’ l-istħarriġ ġuridiku li l-Imħallef Komunitarju jista’ jeżerċita fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.
62 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li t-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
63 Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mir-Renju ta’ Spanja in sostenn ta’ l-appell tiegħu ma ġew milqugħa, dan l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
64 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta’ Lenzing fir-rigward ta’ din l-istanza, kif mitlub minn Lenzing.
65 Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż ta’ Lenzing AG.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.