Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0517

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Ġunju 2006.
Visserijbedrijf D. J. Koornstra & Zn. vof vs Productschap Vis.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Taxxa fuq it-trasport ta' gambli fuq dgħajjes tas-sajd irreġistrati fi Stat Membru li huwa destinatarju ta' l-iffinanzjar ta' faċilitajiet ta' għarbil u tneħħija ta' qxur ta' gambli fl-istess Stat Membru - Artikolu 25 KE- Piż li jkollu effett ekwivalenti għad-dazji tad-dwana - Artikolu 90 KE - Taxxa interna.
Kawża C-517/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:375

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑517/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), b'deċiżjoni tat-15 ta' Diċembru 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-20 ta' Diċembru 2004, fil-proċedura

Visserijbedrijf D. J. Koornstra & Zn. vof

vs

Productschap Vis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta' Jannar 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal Visserijbedrijf D. J. Koornstra & Zn. vof, minn E. J. Rotshuizen, Advocaat,

– għall-Productschap Vis, minn P. C. H. van Schooten, Advocaat,

– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, C. A. H. M. ten Dam u C. M. Wissels, bħala aġenti,

– għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 25 KE u 90 KE.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Visserijbedrijf D. J. Koornstra & Zn. vof (iktar 'il quddiem "Koornstra") u Productschap Vis dwar it-taxxa li din ta' l-aħħar imponiet fuq Koornstra għat-trasport ta' gambli fid-Danimarka waqt l-eżerċizzju 2000.

Il-kuntest ġuridiku

3. Il-Productschap Vis huwa korp professjonali Olandiż ta' dritt pubbliku stabbilit għall-impriżi li jipprattikaw is-sajd, li jipproċessaw il-ħut sabiex jiksbu, jekk ikun il-każ wara trasformazzjoni ta' dan ta' l-aħħar, prodotti li jistgħu jservu għall-alimentazzjoni umana jew ta' l-annimali, u li jikkumerċjalizzaw fil-ħut jew fi prodotti li jidderivaw minn ħut li jista' jservi għall-alimentazzjoni umana, wara l-ipproċessar jew le.

4. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament fuq l-iffinanzjar ta' faċilitajiet ta' għarbil u tneħħija ta’ qxur ta' gambli b'irkant għas-sena 2000 (Verordening financiering garnalenzeven en garnalenkrakers visafslagen 2000, iktar 'il quddiem ir-"Regolament") jipprovdi:

"Mill-ewwel nhar ta' Tnejn li jsegwi l-jum ta' dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, imprenditur li jittrasporta l-gambli fuq dgħajsa tas-sajd Olandiża għandu jħallas lil-Productschap taxxa ta' 0,01 fjorin kull kilogramm ta' gambli li jittrasporta u jbiegħ bl-għan tal-konsum uman."

5. L-Artikolu 3(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi li l-prodott intaxxat huwa intiż għall-iffinanzjar tax-xiri, mill-Productschap Vis, ta' faċilitajiet ta' għarbil u tneħħija ta’ qxur kif ukoll għall-iffinanzjar tat-tpoġġija tagħhom u tal-manutenzjoni tagħhom.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6. Koornstra hija impriża li tittrasporta l-gambli fuq id-dgħajsa tas-sajd Elizabeth. Skond id-dikjarazzjoni tagħha ta' l-1 ta' Awwissu 2002, Koornstra ttrasportat 52984 kilogramm ta' gambli matul is-sena 2000, li minnhom, 28774 kilogramm ġew mibjugħa b'irkant fl-Olanda u 24210 kilogramm ġew direttament ikkunsinnati fid-Danimarka sabiex jiġu kkumerċjalizzati.

7. B'applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament, il-Productschap Vis, b'deċiżjoni tad-19 ta' Settembru 2002, issuġġetta lill-Koornstra għal taxxa ta' 109.86 EUR għal dawn l-24210 kilogramm ta' gambli.

8. B'ittra tal-25 ta' Ottubru 2002, Koornstra ppreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni.

9. B'deċiżjoni tad-19 ta' Marzu 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kontenzjuża"), il-Productschap Vis ċaħad l-ilment ta' Koornstra.

10. B'rikors tal-25 ta' April 2003, Koornstra appellat mid-deċiżjoni kontenzjuża quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven. Billi kellu dubji fuq il-kompatibbiltà tat-taxxa prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (iktar 'il quddiem it-"taxxa kontenzjuża") mad-dritt Komunitarju, dan ta' l-aħħar iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1) Taxxa bħat-taxxa kontenzjuża imposta fuq impriża ta' Stat Membru għat-trasport ta' gambli permezz ta' dgħajsa tas-sajd irreġistrata f'dan l-Istat Membru u li għandha bħala għan l-iffinanzjar ta' faċilitajiet ta' għarbil u tneħħija ta’ qxur ta' gambli f'dan l-Istat Membru hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari ma' l-Artikoli 25 KE u 90 KE, peress li din it-taxxa tinġabar ukoll għall-gambli ttrasportati minn din l-impriża x'imkien ieħor fil-Komunità?

2) Ir-risposta għad-domanda preċedenti hija influwenzata:

a) mill-post fejn il-gambli ġew maqbuda;

b) mill-fatt li, wara li kienu ġew ittrasportati x'imkien ieħor fil-Komunità, il-gambli ġew sussegwentement ittrasportati lejn l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tad-dgħajsa tas-sajd;

c) mill-fatt li, fil-każ ta' trasport x'imkien ieħor fil-Komunità, l-għażla skond id-daqs u t-tneħħija ta’ qxur ta' gambli għandhom ukoll f'dan l-Istat ikunu suġġetti għal remunerazzjoni?"

Fuq id-domandi preliminari

11. B'dawn id-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk taxxa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti għad-dazji fis-sens ta' l-Artikolu 25 KE jew taxxa interna diskriminatorja pprojbita bl-Artikolu 90 KE.

12. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-provvedimenti dwar il-piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti u dawk dwar it-taxxi diskriminatorji mhumiex applikabbli b'mod kumulattiv, b'tali mod li l-istess taxxa m'għandhiex, fis-sistema tat-Trattat, tappartjeni simultanjament lil dawn iż-żewġ kategoriji (sentenzi tas-17 ta' Settembru 1997, UCAL, C‑347/95, Ġabra p. I-4911, punt 17; tat-22 ta' Mejju 2003, Freskot, C‑355/00, Ġabra p. I-5263, punt 39, u tas-27 ta' Novembru 2003, Enirisorse, C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra p. I-14243, punt 59).

13. Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk it-taxxa kontenzjuża tistax tiġi kkwalifikata bħala piż li jkollu effett ekwivalenti għad-dazji għall-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE. Jekk dan mhuwiex il-każ, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk l-imsemmija taxxa tikkostitwixxix taxxa interna diskriminatorja pprojbita mill-Artikolu 90 KE.

14. Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li t-taxxa kontenzjuża mhijiex miġbura minħabba l-fatt li l-merkanzija taqsam il-fruntiera ta' l-Istat Membru kkonċernat, iżda minħabba li hija applikata b'mod sistematiku u uniformi fuq il-gambli ttrasportati fuq dgħajsa tas-sajd Olandiża, kemm jekk dawn ta' l-aħħar huma intiżi għas-suq nazzjonali jew għall-esportazzjoni, u li l-prodott ta' din it-taxxa jservi sabiex jiffinanzja x-xiri, it-tpoġġija u l-manutenzjoni, mill-Productschap Vis, ta' faċilitajiet ta' għarbil u tneħħija ta’ qxur.

15. Skond ġurisprudenza stabbilità, kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, ikun xi tkun l-isem tiegħu u l-mod ta' kif jiġi applikat, u li huma applikabbli fuq il-merkanzija minħabba l-fatt ta' qsim ta' fruntiera, filwaqt li mhuwiex dazju fil-veru sens, jikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikoli 23 KE u 25 KE, anki jekk l-imsemmi piż finanzjarju mhuwiex miġbur għall-qligħ ta' l-Istat (sentenzi UCAL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 18, tad-9 ta' Settembru 2004, Carbonati Apuani, C-72/03, Ġabra p. I-8027, punt 20, u tat-8 ta' Novembru 2005, Jersey Produce Marketing Organisation, C-293/02, Ġabra p. I-9543, punt 55).

16. Madankollu, dan il-piż ma jikkostitwixxix piż li jkollu effett ekwivalenti ta' dazju, iżda taxxa interna fis-sens ta' l-Artikolu 90 KE, jekk huwa jaqa' taħt skema ġenerali ta' taxxi interni li tinkludi sistematikament il-kategoriji ta' prodotti skond il-kriterji oġġettivi applikati indipendentement mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tal-prodotti (sentenzi tat-23 ta' April 2002, Nygård, C‑234/99, Ġabra p. I‑3657, punt 19, u Carbonati Apuani, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

17. F'dan il-kuntest, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, għall-finijiet tal-kwalifika ġuridika ta' taxxa applikabbli fuq prodotti nazzjonali pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali u l-prodotti nazzjonali esportati fl-istat naturali tagħhom fuq il-bażi ta' kriterji identiċi, jista' ikun neċessarju li tittieħed in kunsiderazzjoni d-destinazzjoni tal-prodott tat-taxxa (sentenza Nygård, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

18. B'hekk, meta l-prodott ta' din it-taxxa huwa intiż sabiex isostni l-attivitajiet li jibbenefikaw speċjalment minnhom il-prodotti nazzjonali li huma pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali, minn dan jista' jirriżulta li t-taxxa miġbura skond l-istess kriterji tikkostitwixxi madankollu tassazzjoni diskriminatorja, peress illi l-piż fiskali applikat fuq il-prodotti pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali huwa nnewtralizzat b'vantaġġi li jservu biex jiffinanzja, filwaqt li dak applikat fuq il-prodotti esportati fl-istat naturali tagħhom jirrapreżenta piż nett (sentenza Nygård, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

19. F'dan ir-rigward, jekk il-vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' taxxa fuq il-prodott, li taqa' taħt skema ġenerali ta' taxxi interni u li hija applikabbli sistematikament fuq il-prodotti nazzjonali pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali u dawk esportati fl-istat naturali tagħhom, jikkumpensaw totalment għall-piż applikat fuq il-prodott nazzjonali pproċessat jew ikkumerċjalizzat fis-suq nazzjonali matul t-tqegħid fis-suq tiegħu, din it-taxxa tikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazju, kuntrarju għall-Artikoli 23 KE u 25 KE. Min-naħa l-oħra, din it-taxxa tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni mniżżla fl-Artikolu 90 KE jekk il-vantaġġi li tinkludi l-applikazzjoni tad-dħul tat-taxxa fuq dawk il-prodotti nazzjonali li huma pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali ma jikkumpensaw biss parzjalment għall-piż applikat fuq dawn ta' l-aħħar (sentenza Nygård, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

20. Fl-ipoteżi fejn dawn il-vantaġġi għall-produzzjoni nazzjonali pproċessata jew ikkumerċjalizzata fis-suq nazzjonali jikkumpensaw totalment għall-piż imħallas minn din ta' l-aħħar, it-taxxa miġbura fuq il-prodott għandha, fil-kwalità ta' piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazju, tiġi kkunsidrata bħala illegali fit-totalità tagħha. Fl-ipoteżi fejn, għall-kuntrarju, il-vantaġġi jikkumpensaw in parti għall-piż li japplika fuq prodotti nazzjonali pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali, it-taxxa miġbura fuq il-prodotti nazzjonali li ġew esportati, bħala prinċipju legali, għandha tiġi pprojbita safejn tikkumpensa l-imsemmi piż u tkun is-suġġett ta' riduzzjoni proporzjonali (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi UCAL iċċitati iktar 'il fuq, punt 23, u Nygård, punt 42).

21. Sabiex jiġi applikat utilment u korrettament, il-kriterju tal-kumpens jissupponi li tiġi vverifikata, matul perijodu ta' riferiment, l-ekwivalenza pekunjarja bejn l-ammonti globalment miġbura fuq il-prodotti nazzjonali pproċessati jew kkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali taħt it-titolu tat-taxxa kkunsidrata u l-vantaġġi li dawn il-prodotti jibbenefikaw minnhom b'mod esklużiv (sentenzi tas-17 ta' Settembru 1997, Fricarnes, C‑28/96, Ġabra p. I‑4939, punt 27, u Nygård, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).

22. Fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għadhom kif ġew imfakkra, hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta li l-prodotti nazzjonali pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali ma jagħmlux, de facto , qliegħ esklużiv jew proporzjonalment iktar sinjifikattiv mill-prodotti nazzjonali esportati tal-provvisti tal-korp destinatarju tat-taxxa kontenzjuża, li jista' jikkumpensa totalment jew parzjalment il-piż li jikkostitwixxi l-imsemmija taxxa (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi UCAL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 26, u Fricarnes, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29).

23. Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-installazzjonijiet ta' għarbil u tneħħija ta’ qxur iffinanzjati mit-taxxa kontenzjuża jibbenefikaw minnhom esklużivament l-impriżi li jittrasportaw il-gambli lejn l-Olanda.

24. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll bħala stabbilit li, minkejja li huma suġġetti għat-taxxa kuntenzjuża, l-impriżi li jittrasportaw il-gambli lejn Stati Membri oħra fuq dgħajjes tas-sajd Olandiżi ma jibbenefikawx mill-imsemmija installazzjonijiet.

25. Minn dan jirriżulta li t-taxxa kuntenzjuża timponi fuq il-prodotti intiżi għall-esportazzjoni piż iktar għoli minn dak li huwa mħallas fuq il-prodotti intiżi għas-suq Olandiż.

26. Għaldaqstant, jekk iseħħ li l-vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-taxxa kontenzjuża fuq il-prodott jibbenefikaw minnhom totalment mill-piż mħallas mill-impriżi li jittrasportaw, fuq dgħajjes tas-sajd Olandiżi, gambli intiżi għall-ipproċessar jew għall-kummerċ fis-suq nazzjonali, l-applikazzjoni ta' l-imsemmija taxxa fuq il-prodotti intiżi għall-esportazzjoni tikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazju, kuntrarju għall-Artikoli 23 KE u 25 KE, li għandu jiġi kkunsidrat bħala illegali fit-totalità tiegħu. Min-naħa l-oħra, taxxa bħal din tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni mniżżla fl-Artikolu 90 KE jekk il-vantaġġi li tinkludi l-applikazzjoni tad-dħul ta' din it-taxxa fuq dawk il-prodotti nazzjonali li huma pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali jikkumpensaw biss parzjalment għall-piż imħallas minn dawn ta' l-aħħar.

27. Il-post fejn il-gambli ġew maqbuda, il-fatt li, wara li kienu ġew ittrasportati fi Stat Membru ieħor, dawn ta' l-aħħar huma sussegwentement ittrasportati lejn dak l-Istat li fih id-dgħajsa tas-sajd hija rreġistrata, u ċ-ċirkustanza li, fil-każ ta' trasport fi Stat Membru ieħor, l-għażla skond id-daqs u t-tneħħija ta’ qxur ta' gambli għandhom ukoll ikunu s-suġġett ta' remunerazzjoni f'dan l-aħħar Stat Membru huma bla inċidenza fuq din l-evalwazzjoni.

28. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li taxxa miġbura minn korp ta' dritt pubbliku ta' Stat Membru skond kriterji identiċi fuq prodotti nazzjonali intiżi għas-suq nazzjonali jew għall-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra tikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazju fuq l-esportazzjoni, ipprojbita mill-Artikoli 23 KE u 25 KE, jekk il-prodott ta' din it-taxxa jservi biex jiffinanzja l-attivitajiet li jibbenefikaw minnhom biss il-prodotti nazzjonali intiżi għas-suq nazzjonali u jekk il-vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni fuq il-prodott ta' l-imsemmija taxxa jikkumpensaw totalment għall-piż imħallas mill-imsemmija prodotti. Min-naħa l-oħra, din it-taxxa tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni mniżżla fl-Artikolu 90 KE jekk il-vantaġġi li jinkludu l-applikazzjoni ta' dan il-piż fuq il-prodotti nazzjonali li huma pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali jikkumpensaw biss parzjalment għall-piż applikat fuq dawn ta' l-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

29. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Taxxa miġbura minn korp ta' dritt pubbliku ta' Stat Membru skond kriterji identiċi fuq il-prodotti nazzjonali intiżi għas-suq nazzjonali jew għall-esportazzjoni lejn Stati Membri oħra tikkostitwixxi piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazju fuq l-esportazzjoni, ipprojbita mill-Artikoli 23 KE u 25 KE, jekk il-prodott ta' din it-taxxa jservi biex jiffinanzja l-attivitajiet li jibbenefikaw minnhom biss prodotti nazzjonali intiżi għas-suq nazzjonali u jekk il-vantaġġi li jirriżultaw mill-applikazzjoni fuq il-prodott ta' l-imsemmija taxxa jikkumpensaw totalment għall-piż applikat fuq l-imsemmija prodotti. Min-naħa l-oħra, din it-taxxa tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni mniżżla fl-Artikolu 90 KE jekk il-vantaġġi inkluż l-applikazzjoni ta' dan il-piż fuq il-prodotti nazzjonali li huma pproċessati jew ikkumerċjalizzati fis-suq nazzjonali jikkumpensaw biss parzjalment għall-piż applikat fuq dawn ta' l-aħħar.

Top