EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0473

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tad-9 ta' Frar 2006.
Plumex vs Young Sports NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Kooperazzjoni ġudizzjarja - Regolament (KE) Nru 1348/2000 - Artikoli 4 sa 11 u 14 - Notifiki u komunikazzjoni ta' dokumenti ġudizzjarji - Notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji - Notifika bil-posta - Konnessjoni bejn il-metodi ta' trażmissjoni u ta' notifika - Prijorità - Terminu ta' Appell.
Kawża C-473/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:96

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

tad-9 ta' Frar 2006 (*)

"Kooperazzjoni ġudizzjarja – Regolament (KE) Nru 1348/2000 – Artikoli 4 sa 11 u 14 – Notifiki u komunikazzjoni ta' dokumenti ġudizzjarji – Notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji – Notifika bil-posta – Konnessjoni bejn il-metodi ta' trażmissjoni u ta' notifika – Prijorità – Terminu ta' Appell"

Fil-kawża C-473/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Hof van Cassatie (Il-Belġju), permezz ta' Deċiżjoni tat-22 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-9 ta' Novembru 2004, fil-proċedura

Plumex

vs

Young Sports NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský (Relatur), A. La Pergola, S. von Bahr u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,  minn A.‑M. Rouchaud-Joët u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 4 sa 11 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU L 160, p. 37, iktar 'il quddiem "ir-Regolament").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' rikors imressaq mill-kumpannija Plumex kontra r-rifjut, minħabba skadenza ta' terminu, mill-hof van beroep te Gent, ta' appell minn deċiżjoni ta' Qorti ta' l-Ewwel Istanza li ddeċidiet fuq kawża bejnha u l-kumpannija Young Sports NV.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond it-tieni premessa tar-Regolament, il-funzjonament xieraq fis-suq intern jeħtieġ li jkunu mtejba u mħaffa t-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għall-finijiet tan-notifika jew tal-komunikazzjoni.

4       Ir-Regolament għandu bħala għan it-titjib ta' l-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji billi jistabbilixxi l-prinċipju ta' trażmissjoni diretta tad-dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji.

5       Dan huwa applikabbli, skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali meta dokument ġudizzjarju jew extraġudizzjarju jkun irid jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed lejn ieħor sabiex jiġi nnotifikat jew ikkomunitat hemmhekk.

6       Il-Kapitolu II tar-Regolament fih dispożizzjonijiet li jipprovdu diversi mezzi ta' trażmissjoni u ta' notifika jew komunikazzjoni ta' l-atti ġudizzjarji. Dan huwa maqsum f'żewġ sezzjonijiet.

7       L-ewwel sezzjoni ta' dan il-kapitolu, li tiġbor l-Artikoli 4 sa 11, tirrigwarda l-ewwel metodu ta' trażmissjoni u ta' notifika (iktar 'il quddiem in-"notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji"), u li f'dan il-kuntest dokument ġudizzjarju li għandu jiġi nnotifikat jiġi trażmess fl-ewwel lok direttament u fl-iqsar żmien bejn l-aġenziji nnominati mill-Istati Membri, imsejħa "aġenziji li jitrażmettu" u "aġenziji li jirċievu", Sussegwentement, l-aġenzija li tirċievi għandha hija stess tinnotifika d-dokument jew tara li jiġi kkomunikat dan id-dokument, jew skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru mitlub, jew skond il-mod partikolari mitlub mill-entità li tittrażmetti, sakemm dan il-mod ma jkunx inkompatibbli mal-liġi ta' dak l-Istat Membru.

8       Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-formalitajiet kollha meħtieġa għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tad-dokument għandhom ikunu effettwati fl-iqsar żmien.

9       It-tieni sezzjoni tal-kapitolu tar-Regolament tipprovdi: "[m]ezzi oħra ta' trasmissjoni u notifika [jew komunikazzjoni] ta' dokumenti ġudizzjarji", jiġifieri t-trażmissjoni b'mezzi konsolari jew diplomatiċi (Artikolu 12), in-notifika jew komunikazzjoni b'aġenti diplomatiċi jew konsolari (Artikolu 13), in-notifika jew il-komunikazzjoni bil-posta (Artikolu 14) u t-talba diretta tan-notifika jew komunikazzjoni (Artikolu 15).

10     Aktar preċiżament, fir-rigward tan-notifika jew komunikazzjoni bil-posta, l-Artikolu 14 tar-Regolament jgħid:

"1.      Kull Stat Membru għandu jkun liberu li jagħmel notifika [jew komunikazzjoni] ta' dokumenti ġudizzjarji direttament bil-posta lill-persuni li jabitaw fi Stat Membru ieħor.

2.      Xi [Kull] Stat Membru jista' jispeċifika, bi qbil ma' l-Artikolu 23(1), il-kundizzjonijiet li bihom hu jaċċetta n-notifika [jew il-komunikazzjoni] ta' dokumenti uffiċjali bil-posta."

11     Jirriżulta mill-komunikazzjonijiet ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (ĠU 2001, C 151, p. 4), kif emendati b'mod partikolari permezz ta' l-ewwel aġġornament tagħhom (ĠU 2001, C 202, p. 10), li r-Repubblika Portugiża aċċettat in-notifiki u l-komunikazzjonijiet bil-posta, sakemm dawn isiru permezz ta' ittra reġistrata bir-riċevuta tan-notifika u jkollhom traduzzjoni magħhom.

  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Jirriżulta mill-Artikolu 1051 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Belġjan li t-terminu sabiex jitressaq appell huwa ta' xahar min-notifika tad-deċiżjoni.

13     Skond din l-istess dispożizzjoni, moqrija flimkien ma' l-Artikolu 55 ta' dan il-Kodiċi, meta waħda mill-partijiet li lilha tkun ġiet innotifikata deċiżjoni fil-Belġju la jkollha indirizz, la residenza u lanqas indirizz għan-notifika, it-terminu għal appell jiġi pprorogat 30 ġurnata, meta hija toqgħod f'pajjiż ieħor ta' l-Ewropa li ma jkunx wieħed mill-pajjiżi li jmissu mal-Belġju u r-Renju Unit.

14     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 40 ta' l-istess Kodiċi jipprovdi li, għal dawk li m'għandhomx, fil-Belġju, la indirizz, la residenza u lanqas indirizz għan-notifika magħruf, il-kopja ta' l-att tiġi maħruġa mill-Marixxal tal-Qorti permezz ta' ittra reġistrata, bl-indirizz tagħhom jew tar-residenza tagħhom barra l-pajjiż u n-notifika tkun ikkunsidrata mwettqa bil-preżentazzjoni ta' l-att lid-Dipartiment tal-posta taħt riċevuta skond il-forom previsti f'dan l-Artikolu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15     Plumex, kumpannija reġistrata taħt id-dritt Portugiż li għandha l-uffiċċju tagħha fil-Portugal, ġiet innotifikata fl-indirizz tagħha f'dan l-Istat Membru b'deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Ewwel Istanza Belġjana, mogħtija f'kawża bejn din il-kumpannija u Young Sports NV. Din in-notifika ġiet effettwata fl-istess ħin bl-intervent ta' aġenziji u bil-posta.

16     Fis-17 ta' Diċembru 2001, Plumex ressqet appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep. Dan ta' l-aħħar ċaħad l-appell peress li kkunsidra li t-terminu ta' l-appell kif previst fl-Artikolu 1051 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Belġjan kien skada fil-11 ta' Diċembru 2001, minħabba li t-terminu kien beda jiddekorri fil-ġurnata ta' l-ewwel notifka validament effettwata, f'dan il-każ bil-posta.

17     Plumex ressqet appell kontra d-deċiżjoni ta' rifjut quddiem il-Hof van Cassatie, li fiha sostniet li r-regolament kellu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji kienet tikkostitwixxi l-mezz prinċipali ta' notifika li tipprevali fuq dik tal-posta. Għaldaqstant, it-terminu ta' appell kellu jiġi kkalkulat mid-data ta' din in-notifika prinċipali – li saret wara n-notifka bil-posta – minħabba li din ta' l-aħħar m'għandhiex ħlief natura sekondarja.

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jirrinvija d-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

"1)      In-notifika msemmija fl-Artikoli 4 sa 11 inklużi hija l-mezz prinċipali ta' notifika u n-notifika magħmula direttament bil-posta, imsemmija fl-Artikolu 14, hija mezz sussidjarju ta' notifika fis-sens li l-ewwel mezz jieħu preċedenza fuq it-tieni mezz meta t-tnejn jitwettqu skond id-dispożizzjonijiet legali?

2)      F'każ ta' akkumulu ta' notifiki, magħmula, minn naħa, skond l-Artikoli 4 sa 11 inklużi u, min-naħa l-oħra, direttament bil-posta skond l-Artikolu 14, it-terminu ta' l-appell jibda japplika fir-rigward tad-destinatarju tan-notifika fid-data tan-notifika li ssir skond l-Artikoli 4 sa 11 inklużi u mhux fid-data tan-notifika magħmula skond l-Artikolu 14?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk teżistix konnessjoni ġerarkika bejn il-mezz ta' notifika permezz ta' l-intervent ta' l-aġenziji u l-mezz ta' notifika bil-posta, b'mod li l-ewwel mezz jieħu preċedenza fuq it-tieni meta t-tnejn jiġu validament imwettqa.

20     Għandu l-ewwel nett jingħad li xejn fil-kitba tar-Regolament ma jindika li dan kien stabbilixxa ġerarkija bejn dawn il-metodi ta' notifika. Kemm il-premessi tiegħu, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jgħidux li mezz ta' trażmissjoni u ta' notifika, utilizzat skond il-modalitajiet tar-Regolament, ma jiġi attribwit grad inferjuri fir-rigward tal-metodu tan-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji.

21     Minbarra dan, jirriżulta mill-ispirtu u mill-iskop tar-Regolament li dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi t-twettiq effettiv tan-notifiki tad-dokumenti ġudizzjarji, filwaqt li jirrispetta l-interessi leġittimi tad-destinatarji tagħhom. Madankollu, jekk il-mezzi kollha ta' notifika previsti minn dan ir-Regolament jistgħu jassiguraw, bħala prinċipju, ir-rispett ta' dawn l-interessi, għandu jkun possibbli, fil-kunsiderazzjoni ta' dan l-iskop, li wieħed jirrikorri għal waħda jew għall-oħra, anki simultanjament għat-tnejn jew għal bosta minn dawn il-mezzi ta' notifika li jirriżultaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li jkunu l-aktar opportuni jew l-aktar xierqa.

22     Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandu jiġi mwieġeb għall-ewwel domanda li r-Regolament ma jistabilixxi ebda ġerarkija bejn in-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u n-notifika bil-posta u li, konsegwentament, huwa possibbli li dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat permezz ta' wieħed jew l-ieħor ta' dawn iż-żewġ mezzi jew kumulattivament.

 Fuq it-tieni domanda

23     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, għad-data ta' liema notifika hija għandha tirrerferi sabiex tiddetermina fir-rigward tad-destinatarju il-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbut mat-twettiq ta' notifika f'każ ta' akkumulu tan-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u tan-notifika bil-posta.

24     Fis-sottomissjonijiet li huma ressqu lill-Qorti, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jesprimu dubji fuq il-kompetenza tal-Qorti sabiex tirrispondi għal din id-domanda sa fejn din tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali. Fil-fatt, meta Stat Membru jippermetti li ssir notifika ta' deċiżjoni ġudizzjarja b'metodi differenti, it-terminu ta' appell fil-liġi Belġjana jibda, bħala prinċipju, sa mill-ewwel notifika valida. Dan il-mument jiddetermina ruħu skond il-liġi ta' l-Istat li jirċievi u f'kull każ skond il-liġi interna.

25     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom jitressqu l-kawżi u li għandhom jieħdu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġurdika li għandhom jintervjenu sabiex jikkunsidraw, fir-rigward tal-karatteristiċi ta' kull kawża, in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex ikunu fil-pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu lill-Qorti. Konsegwentement, peress illi id-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti hija, bħala regola ġenerali, obbligata li tiddeċiedi (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tat-22 ta' Mejju 2003, Korhonen et, C-18/01, Ġabra p. I-5321, punt 19).

26     Madankollu, it-tieni domanda kkunsidrat il-konnessjoni bejn il-metodi diversi ta' notifika previsti mir-Regolament u hija b'hekk tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.

27     Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tiddeċiedi.

28     Fuq il-mertu, mall-ewwel jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li ma teżistix ġerarkija bejn in-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u dik bil-posta.

29     Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, sabiex id-dispożizzjonijet tar-Regolament rigward dawn il-metodi ta' notifika ma jitilfux is-sustanza tagħhom, l-effetti ġuridiċi kollha marbuta mat-twettiq validu ta' wieħed minnhom għandhom jiġu kkunsidrati independentement mir-riżultat sussegwenti ta' forom oħra ta' notifika.

30     Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, skond it-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament huwa intiż sabiex iħaffef it-trażmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji għan-notifika, u għaldaqstant, l-iżvolġiment tal-proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, jekk, għall-finijiet tal-kalkolu ta' terminu ta' proċedura, l-ewwel waħda min-notifiki tad-dokument in kwistjoni tiġi kkunsidrata, id-destinatarju ta' dan id-dokument – li għalih japplika dan it-terminu – huwa obbligat li jaġixxi skond il-liġi l-aktar kmieni possibbli, li jista' jippermetti lill-qorti kompetenti li tiddeċiedi f'termini aktar qosra.

31     Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li, fil-każ ta' akkumulu ta' bosta notifiki effettwati skond ir-Regolament, għandha tiġi kkunsidrata dik li saret l-ewwel. Xejn f'dan ir-Regolament ma jipprekludi li tali approċċ jiġi applikat għall-konnessjonijiet bejn in-notifika permezz ta' l-intervent ta' aġenziji u n-notifika bil-posta. Għaldaqstant, fil-każ ta' akkumulu ta' dawn iż-żewġ mezzi ta' notifika, għandu jsir riferiment, sabiex jiġi ddeterminat fir-rigward tad-destinatarju l-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbuta mat-twettiq ta' notifika, għad-data tan-notifika bil-posta peress illi hija kienet seħħet l-ewwel.

32     Din il-konklużjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-interessi tad-destinatarju ta' dokument ġudizzjarju fil-każ fejn l-ewwel notifika valida tippermettilu li effettivament jieħu konoxxjenza ta' dan id-dokument u sabiex ikollu tul ta' żmien biżżejjed sabiex jaġixxi skond il-liġi. Madankollu, iċ-ċirkustanza li fiha huwa jiġi nnotifikat sussegwentement bl-istess dokument ġudizzjarju permezz ta' mezz ieħor ma jbiddel xejn mill-fatt li dawn l-eżiġenzi kienu diġà ġew irrispettati permezz tan-notifika inizjali.

33     Għaldaqstant, għandu jiġi mwieġeb għat-tieni domanda li, fil-każ ta' akkumulu ta' notifiki permezz ta' l-intervent ta' aġenziji jew ta' notifika bil-posta, sabiex jiġi ddeterminat fir-rigward tad-destinatarju l-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbuta mat-twettiq ta' notifika, għandu jsir riferiment għad-data ta' l-ewwel notifika effettwata validament.

 Fuq l-ispejjeż

34     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipal, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, għandu jiġi interpretat li ma jistabbilixxi ebda ġerarkija bejn il-mezz ta' trażmissjoni u tan-notifika previsti fl-Artikoli 4 sa 11 tiegħu u dak previst fl-Artikolu 14 tiegħu u li, konsegwentement, huwa possibbli li dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat permezz ta' wieħed jew l-ieħor ta' dawn iż-żewġ mezzi jew kumulattivament.

2)      Ir-Regolament Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat li, fil-każ ta' akkumulu tal-mezzi ta' trażmissjoni u ta' notifika previst fl-Artikoli 4 sa 11 tiegħu, u dak previst fl-Artikolu 14 tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat fir-rigward tad-destinatarju l-bidu tad-dekorrenza ta' terminu ta' proċedura marbuta mat-twettiq ta' notifika, għandu jsir riferiment għad-data ta' l-ewwel notifika effettwata validament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top