EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0436

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Marzu 2006.
Proċedura kriminali kontra Leopold Henri Van Esbroeck.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen - Artikoli 54 u 71 - Prinċipju ne bis in idem - Applikazzjoni ratione temporis - Kunċett ta' 'l-istess azzjonijiet' - Importazzjoni u esportazzjoni ta' drogi narkotiċi li fir-rigward tagħhom ikunu tressqu proċedimenti kriminali fi Stati kontraenti differenti.
Kawża C-436/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:165

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta' Marzu 2006 (*)

"Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen – Artikoli 54 et 71 – Prinċipju ne bis in idem – Applikazzjoni ratione temporis – Kunċett ta' 'l-istess azzjonijiet' – Importazzjoni u esportazzjoni ta' drogi narkotiċi li fir-rigward tagħhom ikunu tressqu proċedimenti kriminali fi Stati kontraenti differenti"

Fil-kawża C-436/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Hof van Cassatie (Il-Belġju), permezz ta' Deċiżjoni tat-5 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Ottubru 2004, fil-proċedimenti kriminali

Leopold Henri Van Esbroeck,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal M. Van Esbroeck, minn T. Vrebos, advocaat,

–       għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. M. Wissels, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Gvern Slovakk, minn R. Procházka, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 54 u 71 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ta' l-14 ta' Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' L-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar 'il quddiem il-"KFS", iffirmata fid-19 ta' Ġunju f'Schengen (Il-Lussemburgu).

2       Din il-kwistjoni ġiet issollevata fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali li nbdew fil-Belġju kontra s-Sur Van Esbroeck, għal traffikar ta' drogi narkotiċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen

3       Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta' Amsterdam (iktar 'il quddiem il-"Protokoll"), tlettax-il Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju tal-Belġju, huma awtorizzati jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam kopert mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen, kif definit fl-Anness ta' l-imsemmi Protokoll.

4       Jagħmlu parti mill-acquis ta' Schengen kif definit, b'mod partikolari, il-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f'Schengen fl-14 ta' Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Schengen"), kif ukoll il-KFS.

5       Skond l-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, l-acquis ta' Schengen japplika immedjatament għat-tlettax-il Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Protokoll, jiġifieri mill-1 ta' Mejju 1999.

6       Skond l-applikazzjoni tat-tieni frażi tat-tieni sub-paragrafu ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, fl-20 ta' Mejju 1999 adotta d-Deċiżjoni 1999/436/KE li tiddetermina, b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 17). Jirriżulta mill-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, flimkien ma' l-Anness A tagħha, li l-Kunsill stabbilixxa rispettivament l-Artikoli 34 UE u 31 UE kif ukoll l-Artikoli 34 UE, 30 UE u 31 UE, li jagħmlu parti mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat "Dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f' materji kriminali" bħala bażi legali ta' l-Artikoli 54 u 71 tal-KFS.

7       Skond l-Artikolu 54 tal-KFS, li jagħmel parti mill-Kapitolu 3, intitolat "Applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem" tat-Titolu III tal-KFS, intitolat "Pulizija u sigurtà":

"Persuna li l-każ tagħha jkun inqata' b'mod finali f'Parti Kontraenti waħda ma tistax [tkun is-suġġett ta' proċedimenti kriminali] f'Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista' tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza."

8       L-Artikolu 71 tal-KFS, li jagħmel parti mill-Kapitolu 6, intitolat "Drogi Narkotiċi", ta' l-istess Titolu III, jipprovdi:

"1.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta' kull tip, inkluża kannabis, u l-pussess ta' prodotti bħal dawn għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b'mod konformi mal-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda [Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narcotici ta' l-1961 kif emendata mill-protokoll ta' l-1972 li emenda l-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotici ta' l-1961 u l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra it-traffikar illeċitu ta' Drogi Narcotici u Sostanzi Psikotropiċi ta' l-20 ta' Diċembru 1988] il-miżuri kollha meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni u jikkastiga it-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

2.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jipprevjenu u jikkastigaw permezz ta' miżuri amministrattivi u penali l-esportazzjoni illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-bejgħ, il-provvista u l-għoti ta' dawn il-prodotti u sustanzi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-Artikoli 74, 75 u 76.

3.      Sabiex tkun miġġielda l-importazzjoni illegali ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, il-Partijiet Kontraenti għandhom iżidu l-kontrolli fuq il-moviment ta' persuni, oġġetti, u mezzi ta' trasport fuq il-fruntieri esterni tagħhom. Dawn il-miżuri għandhom jiġu abbozzati mill-grupp tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 70. Dan il-grupp tax-xogħol għandu jikkunsidra, fost affarijiet oħra, li jittrasferixxi xi wħud mill-persunal tal-puluzija u tad-dwana meħlusa mid-doveri tagħhom fuq il-fruntieri interni u l-użu ta' metodi ġodda għas-sejba tad-drogi u klieb tax-xamm.

4.      Sabiex ikun hemm konformità ma' dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu sorveljanza speċifika ta' postifijiet magħrufin li jintużaw għat-traffikar tad-droga.

5.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom kollu sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-effetti negattivi li jirriżultaw mid-domanda illeċita għal drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta' kull tip, inkluża l-kannabis. Kull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli għall-miżuri adottati għal dawn il-finijiet."

  Il-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma' l-implementazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen

9       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 tal-Protokoll, ftehim kien ġie konkluż fit-18 ta' Mejju 1999, bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja fuq l-assoċjazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar ma' l-implementazzjoni, applikazzjoni u żvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 36, iktar 'il quddiem il-"Ftehim").

10     L-Artikolu 1(b) tad-Deciżjoni tal-Kunsill 2000/777/KE tal-1 ta' Diċembru 2000 dwar l-applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen fid-Danimarka, il-Finlandja u l-Isvezja u fl-Islanda u n-Norveġja (ĠU L 309, p. 24) jipprovdi, b'mod konformi ma' l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim, li d-dispożizzjonijiet kollha msemmija fl-Annessi A u B tal-Ftehim, sa mill-25 ta' Marzu 2001, għandhom japplikaw "għall-Islanda u n-Norveġja, fir-relazzjoni tagħhom ma' xulxin u mal-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, il-Finlandja u l-Isvezja". L-Artikoli 54 u 71 tal-KFS jagħmlu parti mill-imsemmi Anness A.

11     Minn dan isegwi li l-Artikoli 54 u 71 tal-KFS għandhom japplikaw mill-25 ta' Marzu 2001 fir-relazzjonijiet bejn ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju tal-Belġju.

 Il-Konvenzjonijiet tal-Ġnus Magħquda dwar Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi

12     Skond l-Artikolu 36 tal-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi ta' l-l961, kif emendata bil-Protokoll ta' l-1972 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Unika"):

"Dispożizzjonijiet penali

1.      a) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tagħha, kull Parti għandha tadotta l-miżuri neċessarji sabiex il-koltivazzjoni u l-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, il-pussess, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, ix-xiri, il-bejgħ, il-kunsinna, taħt kwalunkwe forma, is-sensarija, id-dispaċċ, l-ispedizzjoni in transitu, it-trasport, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' drogi narkotiċi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, jew kull azzjoni oħra li, fl-opinjoni ta' din il-Parti, tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, jkunu kkunsidrati bħala reati, meta dawn isiru intenzjonalment u li reati gravi jkunu punibbli b'piena adegwata, b'mod partikolari b'pieni ta' priġunerija jew b'pieni oħra li jċaħdu mill-libertà.

b […]

2.      Bla ħasra għad-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali ta' kull Parti, għas-sistema ġuridika tagħha u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha,

a) i) Kull wieħed mir-reati elenkati fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala ksur distint, jekk dawn jitwettqu f'pajjiżi differenti;

[…]"

13     L-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' l-1971 dwar Sustanzi Psikotopiċi (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' 1971") jinkludi dispożizzjoni li fis-sustanza hija identika għal dik ta' l-Artikolu 36(2)(a)(i) tal-Konvenzjoni Unika.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Is-Sur Van Esbroeck, ta' nazzjonalità Belġjana, kien ġie kkundannat permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Ottubru 2000 mill-qorti ta' l-ewwel istanza ta' Bergen (In-Norveġja) għal piena ta' priġunerija ta' ħames snin għal importazzjoni illegali fin-Norveġja, fl-1 ta' Ġunju 1999, ta' sustanzi narkotiċi (amfetamini, ħaxixa, ecstasy u diazepam). Wara li skonta parti mill-piena li kienet ġiet imposta fuqu, is-Sur Van Esbroeck kien ġie lliberat kondizzjonalment fit-8 ta' Frar 2002, u ntbagħat lura taħt skorta fil-Belġju.

15     Fis-27 ta' Novembru 2002, proċedimenti nbdew fil-Belġju kontra s-Sur Van Esbroeck, li wasslu għal kundanna permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Marzu 2003, tal-correctionele rechtbank te Antwerpen (Il-Belġju) għal piena ta' sena priġunerija b'mod partikolari minħabba l-esportazzjoni illegali, barra l-Belġju, fil-31 ta' Mejju 1999, tas-sustanzi imsemmija iktar 'il fuq. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta' sentenza tad-9 ta' Jannar 2004 mill-hof van beroep te Antwerpen. Dawn iż-żewġ qrati kienu applikaw l-Artikolu 36(2)(a) tal-Konvenzjoni Unika li jipprovdi li kull wieħed mir-reati imsemmija fiha, li fosthom hemm l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' drogi narkotiċi, għandu jiġi kkunsidrat bħala reat distint jekk dawn kienu twettqu f'pajjiżi differenti.

16     Il-persuna kkonċernata ressqet appell kontra din is-sentenza, fejn invokat il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem, imsemmi fl-Artikolu 54 tal-KFS.

17     Kien f'dawn il-kundizzjonijiet li l-Hof van Cassatie iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 54 tal-[KFS] għandu jiġi interpretat fis-sens li jista' jiġi applikat minn qorti Belġjana fir-rigward ta' persuna li kontriha tressqu proċedimenti kriminali fil-Belġju wara l-25 ta' Marzu 2001 quddiem qorti kriminali għall-istess fatti li għalihom dik il-persuna kienet ġiet kkundannata permezz ta' deċiżjoni ta' qorti kriminal Norveġġiża fit-2 ta' Ottubru 2000 u meta l-piena jew l-ordni imposta kienet diġa ġiet skontata, meta, skond l-Artikolu 2(1) tal-[Ftehim], l-Artikolu 54 tal-[KFS] b'mod partikolari mhux ser ikun implementat u applikat min-Norveġja ħlief mill-25 ta' Marzu 2001?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun affermattiva:

2)      L-Artikolu 54 tal-[KFS], moqri flimkien ma' l-Artikolu 71 ta' din l-istess Konvenzjoni, għandu konsegwentement jiġi interpretat fis-sens li r-reati ta' pussess għall-esportazzjoni u għall-importazzjoni li jikkonċernaw dawn l-istess drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta' kull tip, li jinkludu l-kannabis, u li fir-rigward tagħhom tmexxew proċedimenti kriminali fi Stati differenti li ffirmaw il-[KFS] jew li implementaw u applikaw l-acquis Schengen, għandhom jiġu kkunsidrati inkwantu esportazzjoni jew importazzjoni bħala 'l-istess azzjonijiet' skond l-Artikolu 54 iċċitat iktar 'il fuq?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk il-prinċipju ne bis in idem, stabbilit mill-Artikolu 54 tal-KFS, għandux jiġi applikat għal proċedimenti kriminali li nbdew fi Stat kontraenti għal fatti li kienu diġa taw lok għall-kundanna tal-persuna kkonċernata fi Stat kontraenti ieħor, anki jekk il-KFS kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ f'dan l-aħħar l-Stat fil-mument ta' l-għoti tas-sentenza.

19     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar fl-ewwel lok li l-acquis ta' Schengen kien japplika fil-Belġju mill-1 ta' Mejju 1999 u fin-Norveġja mill-25 ta' Marzu 2001, Ir-reati li għalihom kien akkużat is-Sur Van Esbroek kienu twettqu fil-31 ta' Mejju 1999 u fl-1 ta' Ġunju 1999. Barra minn hekk, il-persuna kkonċernata kienet ġiet ikkundannata fin-Norveġja fit-2 ta' Ottubru 2000 għal importazzjoni illegali ta' sustanzi projbiti u, fil-Belġju, fid-19 ta' Marzu 2003, għall-esportazzjoni illegali ta' l-istess prodotti.

20     Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-acquis ta' Schengen ma fih ebda dispożizzjoni speċifika li tikkonċerna d-dħul fis-seħħ ta' l-Artikolu 54 tal-KFS jew ta' l-effetti tagħha matul iż-żmien.

21     Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-problema ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem ma tinqalax ħlief fil-mument fejn it-tieni proċedimenti kriminali jinbdew kontra l-istess individwu fi Stat kontraenti ieħor.

22     Peress illi huwa fil-kuntest ta' dawn l-aħħar proċedimenti li l-qorti kompetenti għandha l-obbligu li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju humiex sodisfatti, huwa neċessarju għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KFS mill-qorti li quddiemha tressaq il-każ għat-tieni darba li l-KFS tkun fis-seħħ f'din id-data fit-tieni Stat kontraenti kkonċernat.

23     Konsegwentement, iċ-ċirkostanza li l-KFS ma kinitx għadha torbot l-ewwel Stat kontraenti fil-mument meta l-persuna kkonċernata diġa kellha l-każ tagħha deċiż b'mod finali f'dak l-Istat, skond l-Artikolu 54, mhijiex rilevanti.

24     F'dawn iċ-ċirkostanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipju ne bis in idem, stabbilit mill-Artikolu 54 tal-KFS, għandu jiġi applikat għal proċedimenti kriminali li nbdew fi Stat kontraenti għal azzjonijiet li kienu diġa taw lok għall-kundanna tal-persuna kkonċernata fi Stat kontraenti ieħor, anki jekk il-KFS kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ f'dan l-aħħar Stat fil-mument ta' l-għoti ta' din is-sentenza, sakemm il-KFS kienet fis-seħħ fl-Istati kontraenti in kwistjoni fil-mument ta' l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem mill-qorti li quddiemha tressqu t-tieni proċedimenti.

 Fuq it-tieni domanda

25     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, liema huwa l-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tal-kunċett ta' l-"istess azzjonijiet" skond l-Artikolu 54 tal-KFS u, b'mod aktar partikolari, jekk l-imġieba illeċita li tikkonsisti fl-esportazzjoni mit-territorju ta' Stat kontraenti u fl-importazzjoni fi Stat kontraenti ieħor ta' l-istess drogi narkotiċi, li taw lok għal proċedimenti kriminali fiż-żewġ Stati kkonċernati, taqax taħt dan il-kunċett.

26     F'dan ir-rigward, il-Gvern Ċek sostna li l-identiċità tal-fatti tippresupponi l-identiċità tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom kif ukoll dik ta' l-interessi ġuridici protetti.

27     Madankollu, minn naħa, jirriżulta mill-kliem ta' l-Artikolu 54 tal-KFS, li juża t-termini "għall-istess azzjonijiet", li din id-dispożizzjoni hija intiża biss għall-materjalità tal-fatti in kwistjoni u mhux tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom.

28     Għandu jiġi kkonstatat ukoll li t-termini użati f'dan l-Artikolu jiddistingwu lilhom infushom minn dawk li jinsabu fi ftehim internazzjonali oħra li jistabbilixxu l-prinċipju ne bis in idem. Fil-fatt, kuntrarjament għall-Artikolu 54 tal-KFS, l-Artikolu 14(7) tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kif ukoll l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jużaw il-kunċett ta' "reat" li jimplika r-rilevenza tal-kriterju tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem stabbilit minn dawn l-aħħar trattati.

29     Min-naħa l-oħra, għandu jiġi mfakkar, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstat fil-punt 32 tas-sentenza Göżütok u Brügge, tal-11 ta' Frar 2003 (C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345), li ebda dispożizzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f' materji kriminali, fejn l-Artikoli 34 u 31 tagħhom ġew indikati bħala li jikkostitwixxu l-bażi legali ta' l-Artikoli 54 sa 58 tal-KFS, tal-Ftehim ta' Schengen, jew tal-KFS stess ma jissoġġettaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KFS għall-armonizzazzjoni jew, ta' l-anqas, għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali ta' l-Istati Membri.

30     Il-prinċipju ne bis in idem, stabbilit f'dan l-aħħar Artikolu, jimplika neċessarjament li teżisti aspettativa reċiproka ta' l-Istati kontraenti fir-rigward tas-sistemi ġuridiċi kriminali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minn dawn l-Istati jaċċetta l-applikazzjoni tal-liġi kriminali fis-seħħ fl-Istati kontraenti l-oħra, anki meta l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu twasslu għal soluzzjoni differenti (sentenza Göżütok u Brügge, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

31     Minn dan jirriżulta li l-eventwalità ta' klassifikazzjoni ġuridika diverġenti ta' l-istess fatti f'żewġ Stati kontraenti differenti ma tistax tkun ta' ostaklu għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KFS.

32     Għall-istess raġunijiet, il-kriterju ta' l-identiċità ta' l-interess ġuridiku protett ma jistax jiġi aċċettat, peress illi dan jista' jvarja minn Stat kontraenti għall-ieħor.

33     Dawn il-konstatazzjonijiet huma sostnuti wkoll mill-iskop ta' l-Artikolu 54 li huwa intiż sabiex jevita li persuna, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt għall-moviment liberu tagħha, tista' tkun is-suġġett ta' proċedimenti kriminali fir-rigward ta' l-istess azzjonijiet fuq it-territorju ta' bosta Stati kontraenti (sentenzi Göżütok u Brügge, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38, kif ukoll ta' l-10 ta' Marzu 2005, Miraglia, C-469/03, Ġabra p. I-2009, punt 32).

34     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan id-dritt għall-moviment liberu huwa ggarantit b'mod effettiv biss jekk l-awtur ta' att jaf li, ladarba jkun ikkundannat u jkun skonta l-piena tiegħu, jew, jekk ikun il-każ, wara li jkun ġie meħlus b'mod definittiv fi Stat Membru, huwa jista' jiċċaqlaq ġewwa t-territorju Schengen mingħajr biża' li jitmexxew proċedimenti kriminali kontrih fi Stat Membru ieħor għar-raġuni li dan l-att jikkostitwixxi reat distint fis-sistema legali ta' dan l-aħħar Stat Membru.

35     Minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali nazzjonali, kriterju bbażat fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti jew fuq l-interess ġuridiku protett jkun ta' natura li joħloq l-istess numru ta' ostakli għall-moviment liberu fit-territorju Schengen daqskemm jeżistu sistemi penali fl-Istati kontraenti.

36     F'dawn il-kundizzjonijiet, l-uniku kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 54 tal-KFS huwa dak ta' l-identiċità ta' l-azzjonijiet materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' ċirkostanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom.

37     Fir-rigward b'mod aktar partikolari ta' sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li hija tista' tikkostitwixxi, bħala prinċipju, ġabra ta' azzjonijiet li, minħabba n-natura tagħhom stess, huma inseparabbilment marbuta.

38     Madankollu, kif ġustament osserva l-Gvern Olandiż, l-evalwazzjoni finali hija kompetenza tal-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jiddeterminaw jekk il-fatti materjali in kwistjoni jikkostitwixxu ġabra ta' azzjonijiet inseparabbilment marbuta fiż-żmien, fl-ispazju kif ukoll mill-iskop tagħhom.

39     Kuntrarjament għal dak li jallega l-Gvern Slovakk, din l-interpretazzjoni mhijiex affettwata mill-Artikolu 71 tal-KFS li jipprevedi l-adozzjoni, mill-Istati kontraetni, tal-miżuri kollha neċessarji għall-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi narkotiċi.

40     Kif ġustament sostna l-Gvern Olandiż, il-KFS ma jipprevedix ordni ta' prijorità bejn id-dispożizzjonijiet differenti, u, barra minn hekk, l-Artikolu 71 ta' din il-Konvenzjoni ma fih ebda element li jipprova jillimita l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 54 li jistabbilixxi, fit-territorju Schengen, il-prinċipju ne bis in idem, rikonoxxut bħala prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju mill-ġurisprudenza (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59).

41     Minn dan jirriżulta li r-referenza magħmula għall-Artikolu 71 tal-KFS għall-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tostakola l-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS li jipprojbixxi biss il-pluralità ta' proċedimenti kontra persuna għall-istess azzjonijiet mingħajr ma għaldaqstant iwassal għal sitwazzjoni fejn xi azzjonijiet ma ma jibqgħux jikkostitwixxu reati fit-territorju Schengen.

42     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–       il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu tal-KFS huwa kkostitwit minn dak ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti jew ta' l-interess ġuridiku protett;

–       il-fatti punibbli li jikkonsistu fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni ta' l-istess drogi narkotiċi u li fir-rigward tagħhom tmexxew proċedimenti kriminali fi Stati kontraenti tal-KFS differenti, bħala prinċipju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala "l-istess azzjonijiet" skond dan l-Artikolu 54, u l-evalwazzjoni finali f'dan ir-rigward tappartjenti lill-qrati nazzjonali kompetenti.

 Fuq l-ispejjeż

43     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ne bis in idem stabbilit mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Ġvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, għandu jiġi applikat għal proċedimenti kriminali li nbdew fi Stat kontraenti għal azzjonijiet li kienu diġa taw lok għall-kundanna tal-persuna kkonċernata fi Stat kontraenti ieħor, anki jekk din il-Konvenzjoni kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ f'dan l-aħħar Stat fil-mument ta' l-għoti ta' din is-sentenza, sakemm il-KFS kienet fis-seħħ fl-Istati kontraenti in kwistjoni fil-mument ta' l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem mill-qorti li quddiemha tressqu t-tieni proċedimenti.

2)      L-Artikolu 54 ta' l-istess Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–       il-kriterju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu huwa kkostitwit minn dak ta' l-identiċità tal-fatti materjali, mifhuma bħala l-eżistenza ta' ġabra ta' azzjonijiet inseparabbilment marbuta bejniethom, indipendentement mill-klassifikazzjoni ġuridika ta' dawn il-fatti jew ta' l-interess ġuridiku protett;

–       il-fatti punibbli li jikkonsistu fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni ta' l-istess drogi narkotiċi u li fir-rigward tagħhom tmexxew proċedimenti kriminali fi Stati kontraenti differenti għal din il-Konvenzjoni, bħala prinċipju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala "l-istess azzjonijiet" skond dan l-Artikolu 54, u l-evalwazzjoni finali f'dan ir-rigward tappartjenti lill-qrati nazzjonali kompetenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top