EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0434

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Settembru 2006.
Proċedura kriminali kontra Jan-Erik Anders Ahokainen u Mati Leppik.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein oikeus - il-Finlandja.
Moviment liberu tal-merkanzija - Artikoli 28 u 30 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, ħlief b'awtorizzazzjoni minn qabel, l-importazzjoni ta' alkoħol etiliku li m'għandux imħallat miegħu xi ħaġa li ma tagħmlux tajjeb għax-xorb, ta' qawwa alkoħolika ta' iktar minn 80 % - Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva - Ġustifikazzjoni abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ordni pubbliku.
Kawża C-434/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:609

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta' Settembru 2006 (*)

" "Moviment liberu tal-merkanzija — Artikoli 28 u 30 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, ħlief b'awtorizzazzjoni minn qabel, l-importazzjoni ta' alkoħol etiliku li m'għandux imħallat miegħu xi ħaġa li ma tagħmlux tajjeb għax-xorb, ta' qawwa alkoħolika ta' iktar minn 80 % — Miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva — Ġustifikazzjoni abbażi tal-protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ordni pubbliku"

Fil-kawża C-434/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Ottubru 2004, fil-proċeduri penali kontra

Jan-Erik Anders Ahokainen,

Mati Leppik,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet (Relatur), A. Borg Barthet, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Mejju 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għall-Virallinen syyttäjä, minn M. Illman, prosekutur fil-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Raasepori,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u E. Bygglin, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u Â. Seiça Neves, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta' Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE, u tqajmet fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali li nbdew kontra s-Sinjuri Ahokainen u Leppik talli importaw alkoħol etiliku fil-Finlandja bil-kuntrabandu.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 1 tagħha, l-Liġi Nru 1143/1994 dwar l-alkoħol [alkoholilaki (1143/1994), iktar 'il quddiem il-"Liġi dwar l-alkoħol"] għandha bħala għan li tiggwida l-konsum ta' l-alkoħol b'mod li tevita l-effetti dannużi kkawżati lis-saħħa u lis-soċjetà mis-sustanzi alkoħoliċi.

3       Skond l-Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar l-alkoħol, kif emendata permezz tal-Liġi Nru 1/2001, "xorb alkoħoliku" jfisser kull xarba ddestinata għall-konsum li l-kontenut tagħha ta' alkoħol etiliku huwa inqas jew ugwali għal 80 grad.

4       Skond l-imsemmija Liġi dwar l-alkoħol, l-ispirti, li mhumiex ikkunsidrati bħala xorb alkoħoliku li jista' jiġi kkonsmat, huma ddefiniti bħala alkoħol etiliku li m'għandux imħallat miegħu xi ħaġa li ma tagħmlux tajjeb għax-xorb jew soluzzjoni bl-ilma ta' alkoħol etiliku li m'għandhiex imħallta magħha xi ħaġa li ma tagħmilhiex tajba għax-xorb ta' qawwa alkoħolika ta' aktar minn 80°.

5       Din il-leġiżlazzjoni tipprovdi, b'mod partikolari, li l-użu, il-produzzjoni u l-importazzjoni ta' l-ispirti huma rriżervati għal dawk li għandhom awtorizzazzjoni maħruġa għal dan il-għan.

6       L-AL-Artikolu 8 tal-Liġi dwar l-alkoħol jirregola l-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku u ta' "spirti" għal finijiet kummerċjali kif ukoll l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta' alkoħol etiliku. Skond l-Artikolu 8(1), l-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku għal konsum personali kif ukoll għal finijiet kummerċjali mhijiex suġġetta għal awtorizzazzjoni ta' importazzjoni speċjali. Skond l-ewwel subparagrafu, ta' l-Artikolu 8(2), operatur ekonomiku jista' jimporta l-ispirti bl-awtorizzazzjoni tal-tuotevalvontakeskus (korp ta' kontroll tal-prodotti). Skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8(2), individwu jista' jimporta l-ispirti għall-konsum personali jekk ikun kiseb l-awtorizzazzjoni mill-imsemmi korp ta' kontroll, skond l-Artikolu 17 ta' l-istess Liġi, wara li jkun bagħat dikjarazzjoni lill-korp li tagħti xhieda ta' l-status tiegħu ta' importatur.

7       Għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni għall-użu ta' l-ispirti, l-applikant għandu juri li għandu bżonn iġġustifikat (Artikolu 17(3) tal-Liġi dwar l-alkoħol).

8       Skond l-Artikolu 82 tal-Liġi dwar l-alkoħol Nru 459/1968 – li ġiet sostitwita, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-pieni, mil-Liġi dwar l-alkoħol –, kull min jimporta jew jesporta, jew jittanta jimporta jew jesporta, b'mod illegali, xorb alkoħoliku jew alkoħol etiliku huwa suġġett għal piena għall-kuntrabandu ta' sustanzi alkoħoliċi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Waqt kontroll doganali mwettaq fl-1 ta' Awwissu 2002, instabu 9 492 litru ta' spirtu (alkoħol etiliku b'kontenut ta' alkoħol bejn 96.4 u 96.5 gradi), fi fliexken ta' litru, fi trakk li kien ġej mill-Ġermanja. Fid-dawl tal-mod kif ġie ppakkjat u ta' l-ispjegazzjonijiet li ngħataw, il-prodott kien probabbilment iddestinat sabiex jiġi kkonsmat fil-forma ta' xarba alkoħolika dilwita. Skond in-nota tal-konsenja, dan it-trakk kellu jkollu bħala tagħbija 32 palit ta' żejt tal-ġunġlien.

10     Is-Sinjuri Ahokainen u Leppik ġew ikkundannati mir-Raaseporin käräjäoikeus (Qorti tal-Prim'Istanza ta' Raasepori) għal pieni ta' priġunerija għal kuntrabandu ta' sustanzi alkoħoliċi. Din il-qorti ordnat ukoll il-konfiska ta' l-alkoħol etiliku favur l-Istat.

11     Il-Helsingin hovioikeus (Qorti ta’ l-Appell ta' Ħelsinki) ikkonfermat din is-sentenza.

12     Il-Korkein oikeus (Qorti Suprema), li quddiemu tressaq appell ippreżentat mis-Sinjuri Ahokainen u Leppik kontra d-deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell, ikkunsidra, b'mod partikolari, il-kwistjoni jekk is-sistema Finlandiża ta' awtorizzazzjoni fir-rigward ta' l-ispirti għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE, u, jekk dan huwa l-każ, jekk tistax tiġi kkunsidrata bħala leġittima, meta jitqies l-għan tagħha, skond l-Artikolu 30 KE.

13     Peress li deherlu li kien neċessarju li ssir interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, il-Korkein oikeus iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)       L-Artikolu 28 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li skondha huwa biss min ikun kiseb l-awtorizzazzjoni relattiva li jista' jimporta l-alkoħol etiliku li m'għandux imħallat miegħu xi ħaġa li ma tagħmlux tajjeb għax-xorb, ta' qawwa alkoħolika ta' iktar minn 80 grad?

2)       F’każ ta’ risposta affermativa għall-ewwel domanda, is-sistema ta' awtorizzazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala awtorizzata mill-Artikolu 30 KE?"

 Fuq id-domandi preliminari

14     Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jipprekludux kundizzjoni ta' awtorizzazzjoni mogħtija minn qabel għall-importazzjoni ta' l-ispirti bħalma huwa previst fil-Liġi dwar l-alkoħol.

15     Sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), li hija intiża sabiex tiddefinixxi r-regoli doganali u fiskali applikabbli għal dawn il-prodotti, li l-alkoħol jagħmel parti minnhom, m'għandhiex bħala għan li tirregola b'mod speċifiku l-protezzjoni tar-rekwiżiti ta' interess ġenerali previsti fl-Artikolu 30 KE, b'mod li l-Istati Membri, f'konformità mat-Trattat, iżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti (ara, b'analoġija, s-sentenza tal-15 ta' Ġunju 1999, Heinonen, C-394/97, Ġabra p. I-3599, punt 29).

16     Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata, minn naħa, l-eżistenza ta' restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE, u min-naħa l-oħra, il-possibbiltà ta' ġustifikazzjoni taħt l-Artikolu 30 KE.

 Ir-restrizzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 28 KE

 L-argumenti tal-partijiet

17     Għall-Virallinen syyttäjä (Prosekutur Pubbliku) kif ukoll għall-Gvern Finlandiż u għall-Gvern Portugiż, leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tissuġġetta l-importazzjoni ta' l-ispirti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni mhijiex kuntrarja għall-Artikolu 28 KE. Minn naħa l-oħra, l-Gvern Żvediż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li l-obbligu li tintalab awtorizzazzjoni lill-Istat ta' importazzjoni qabel ma wieħed jimporta l-merkanzija kkonċernata hija miżura pprojbita mill-Artikolu 28 KE, anki jekk din l-awtorizzazzjoni hija sempliċi formalità u tingħata awtomatikament.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18     Kull leġiżlazzjoni kummerċjali ta' l-Istati Membri li tista' tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi u, għaldaqstant, hija pprojbita mill-Artikolu 28 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; tad-19 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-420/01, Ġabra p. I-6445, punt 25, u tas-26 ta' Mejju 2005, Burmanjer et, C-20/03, Ġabra p. I-4133, punt 23). Anki leġiżlazzjoni indistintament applikabbli għall-prodotti nazzjonali u għall-prodotti importati, li l-applikazzjoni tagħha għall-prodotti importati tista' tnaqqas il-volum tal-bejgħ tagħhom, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, miżura li għandha effett ekwivalenti, ipprojbita mill-Artikolu 28 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-20 ta' Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa "Cassis de Dijon", 120/78, Ġabra p. 649).

19     Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, speċifikat li dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ li, minn naħa, japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju nazzjonali u, min-naħa l-oħra, jaffettwaw bl-istess mod, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra mhumiex ta' natura tali li jfixklu, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-ġurisprudenza introdotta permezz tas-sentenza Dassonville, iċċitata iktar 'il fuq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-24 ta' Novembru 1993, Keck u Mithouard, C-267/91 u C-268/91, Ġabra p. I-6097, punt 16).

20     Fir-rigward, b'mod aktar speċifiku, tal-kwalifikazzjoni ta' awtorizzazzjoni minn qabel għall-importazzjoni skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tiddeċiedi li tali sistema hija, bħala prinċipju, kuntrarja għall-Artikolu 28 KE, billi din id-dispożizzjoni tipprekludi l-applikazzjoni, għall-kummerċ intrakomunitarju, ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi, anki purament bħala formalità, il-ħtieġa ta' liċenzji ta' importazzjoni jew kull proċedura oħra simili (sentenzi tat-8 ta' Frar 1983, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, imsejħa "ħalib UHT", 124/81, Ġabra p. 203, punt 9, u tal-5 ta' Lulju 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-304/88, Ġabra p. I-2801, punt 9; ara wkoll is-sentenza tas-26 ta' Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-212/03, Ġabra p. I-4213, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti ta’ l-EFTA tas-16 ta' Diċembru 1994, Restamark, E-1/94, EFTA Court Report, p. 15 punti 49 u 50).

21     Il-fatt li jiġu imposti formalitajiet għall-importazzjoni, bħalma huwa l-każ għad-dispożizzjoniet in kwistjoni fil-kawża prinċipali li jimplementaw sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel, jista' effettivament ifixkel il-kummerċ intrakomunitarju u jostakola l-aċċess għas-suq ta' merkanzija li hija mmanifatturata b'mod legali u kkummerċjalizzata fi Stati Membri oħra. L-ostakolu huwa iktar u iktar kbir jekk is-sistema tissuġġetta l-imsemmija prodotti għal spejjeż addizzjonali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' Ottubru 1997, Franzén, C-189/95, Ġabra p. I-5909, punt 71). F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan mhuwiex il-każ ta' "sempliċi" limitazzjoni jew projbizzjoni ta' ċerti modalitajiet ta' bejgħ.

22     Kundizzjoni ta' awtorizzazzjoni minn qabel bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 KE.

 Ir-raġunijiet ġustifikattivi fis-sens ta' l-Artikolu 30 KE

23     Madankollu, tali ostakolu jista' jiġi ġġustifikat minħabba r-raġunijiet previsti fl-Artikolu 30 KE.

 L-argumenti tal-partijiet

24     Il-Virallinen syyttäjä u l-Gvern Finlandiż josservaw li l-konsum ta' l-alkoħol, partikolarment fost iż-żgħażagħ, jirrappreżenta mhux biss il-fattur prinċipali ta' riskju għas-saħħa pubblika fil-Finlandja, iżda huwa wkoll il-kawża ta' problemi għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika, billi huwa marbut mill-qrib mal-kriminalità kif ukoll mal-fatt li jseħħu l-inċidenti.

25     Fir-rigward tal-proporzjonalità, huma jsostnu li leġiżlazzjoni in kwistjoni hija adattata u neċessarja sabiex tilħaq l-għanijiet imfittxija minnha, peress li l-projbizzjonijiet fuq l-alkoħol ta' qawwa alkoħolika ta' iktar minn 80 % jillimitaw il-konsum privat u peress li s-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel timmira li tevita r-riskji ta' tali konsum, partikolarment dannuż għaż-żgħażagħ, li għalihom, preparazzjoni alkoħolika partikolarment qawwija, iżda bi prezz baxx ħafna, bħalma huma l-ispirti, tikkostitwixxi prodott attraenti. F'kull każ, din is-sistema ma żżommx persuna li tkun ingħatat awtorizzazzjoni milli timporta spirti mmanifatturati fi Stat Membru ieħor u ddestinati għall-użi elenkati mil-liġi.

26     Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra l-miżuri in kwistjoni bħala sproporzjonati għall-għan imfittex. B'mod partikolari hija tosserva li, bħala regola ġenerali, id-dikjarazzjonijiet ta' l-importaturi u l-liċenzji ta' importazzjoni huma biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi ta' l-Istat Membru.

27     Fid-dawl tal-fatt li l-ispirti huma esklużi mis-suq Finlandiż tal-konsum privat, il-Kummissjoni tistaqsi wkoll safejn sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel li tikkonċerna l-użu u l-importazzjoni tagħhom għal finijiet kummerċjali tista' tissodisfa l-għan ta' protezzjoni tas-saħħa u ta' l-ordni pubbliku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28     Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni, bħalma hija dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha bħala għan li tiggwida l-konsum ta' l-alkoħol b'mod li tevita l-effetti dannużi kkawżati lis-saħħa tal-persuni u lis-soċjetà mis-sustanzi alkoħoliċi u għalhekk tfittex li tiġġieled kontra l-abbuż ta' l-alkoħol, twieġeb għall-preokkupazzjonijiet ta' saħħa pubblika u ta' ordni pubbliku rikonoxxuti mill-Artikolu 30 KE.

29     Sabiex preokkupazzjonijiet ta' saħħa pubblika u ta' ordni pubbliku jistgħu jiġġustifikaw ostakolu bħalma huwa dak li toħloq is-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa madankollu neċessarju li l-miżura in kwistjoni tkun proporzjonata għall-għan li għandu jintlaħaq u la tikkostitwixxi mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn Stati Membri.

30     F'dak li jirrigwarda r-riskji ta' diskriminazzjoni u ta' restrizzjoni, mhemm xejn fl-atti tal-proċess li jista' jwassal lil dak li jkun biex jaħseb li r-raġunijiet ta' saħħa pubblika u ta' ordni pubbliku invokati mill-awtoritajiet Finlandiżi ġew żvijati mill-għan tagħhom u użati b’mod li joħolqu diskriminazzjoni fir-rigward ta’ merkanzija li toriġina minn Stati Membri oħra jew li jipproteġu indirettament ċerti prodotti nazzjonali (sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1979, Henn u Darby, 34/79, Ġabra p. 3795, punt 21, kif ukoll tal-25 ta' Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía, C-1/90 u C-176/90, Ġabra p. I-4151, punt 20).

31     F'dak li jirrigwarda l-karattru proporzjonali F'dak li jirrigwarda n-natura proporzjonata tal-miżura, peress li din tikkonċerna eċċezzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom tissodisfa l-prinċipju ta' proporzjonalità, jiġifieri li hija neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan invokat, f'dan il-każ il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta' l-ordni pubbliku, u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta' projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet li għandhom portata inqas wiesgħa jew li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju, Van der Veldt, C-17/93, Ġabra p. I-3537, punt 15, kif ukoll is-sentenza Franzén, iċċitata iktar 'il fuq, punti 75 u 76).

32     Kif isostnu wkoll il-Virallinen syytäjä u l-Gvern Finlandiż, l-Istati Membri madankollu jgawdu marġni ta' diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw, skond il-kuntesti soċjali partikolari u l-importanza li huma jagħtu lil għanijiet leġittimi skond id-dritt Komunitarju, bħall-prevenzjoni ta' l-abbuż ta' l-alkoħol u l-ġlieda kontra d-diversi forom ta' kriminalità marbuta mal-konsum tiegħu, il-miżuri li huma ta' natura li jwasslu għal riżultati konkreti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Heinonen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43).

33     Kif osserva wkoll il-Gvern Żvediż, fost il-beni jew interessi protetti mill-Artikolu 30 KE, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post. Huma l-Istati Membri li, filwaqt li jirrispettaw id-dritt Komunitarju u partikolarment il-prinċipju ta' proporzjonalità, jiddeċiedu x'livell ta' protezzjoni jixtiequ jassiguraw lil dawn il-beni jew interessi, u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq (sentenza ta' l-10 ta' Novembru 1994, Ortscheit C-320/93, Ġabra p. I-5243, punt 16; ara wkoll, f'dan is-sens, is-sentenza Heinonen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 45).

34     Fir-rigward tal-kompatibbiltà, mad-dritt Komunitarju, ta' sistema Belġjana ta' importazzjoni ta' annimali ħajjin u ta' sistema Ingliża ta' importazzjoni ta' ħalib UHT, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel kienet tikkostitwixxi miżura sproporzjonata biex tiġi assigurata l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u ta' l-annimali. Hija speċifikat li Stat Membru jista' jieħu miżuri inqas restrittivi sabiex jipproteġi dawn l-interessi, billi jillimita ruħu li jiġbor l-informazzjoni li hija utli għalih, per eżempju, permezz ta' dikjarazzjonijiet iffirmati mill-importaturi, li jkollhom magħhom, jekk ikun il-każ, iċ-ċertifikati xierqa maħruġa mill-Istat Membru ta' esportazzjoni (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq ħalib UHT, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 14).

35     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li saru, wara li ġew emendati, l-Artikoli 28 KE u 30 KE) jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw l-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku għall-operaturi li jkollhom awtorizzazzjoni għall-produzzjoni jew għall-kummerċ bl-ingrossa meta, minn naħa, is-sistema ta' awtorizzazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għall-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku li jkun ġej minn Stati Membri oħra inkwantu tesponi l-imsemmi xorb għal spejjeż addizzjonali u meta, min-naħa l-oħra, ma jiġix stabbilit li s-sistema ta' liċenzji implementat mill-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet relattivi għall-kapaċità tal-ħażna u għad-drittijiet u taxxi ta' ammont għoli mitluba mingħand id-detenturi tal-liċenzji, huwa proporzjonat għall-għan ta' saħħa pubblika segwit u lanqas li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta' miżuri li jirrestrinġu inqas il-kummerċ intrakomunitarju (sentenza Franzén, iċċitatata iktar 'il fuq, punti 71, 76 u 77).

36     Min-naħa l-oħra, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Heinonen, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-punti 40 sa 44 ta' din is-sentenza, li leġiżlazzjoni Finlandiża, ibbażata fuq il-Liġi dwar l-alkoħol u li introduċiet restrizzjoni għall-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku minn min jivvjaġġa li jkun ġej minn pajjiżi terzi skond it-tul tal-vjaġġ, ma kinitx kuntrarja għad-dritt Komunitarju. Hija ddeċidiet li l-miżura kienet adattata u neċessarja peress li kkontribwiet sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni soċjali u sanitarja u peress li kienet limitata u kienet tikkonċerna biss vjaġġi li jissodisfaw kriterji preċiżi, filwaqt li l-miżuri alternattivi proposti mill-Kummissjoni ma dehrux li kienu effettivi biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

37     MadanMadankollu, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni dwar il-proporzjonalità ta' leġiżlazzjoni Żvediża – immotivata minn preokkupazzjonijiet ta' saħħa pubblika simili għal dawk li fuqhom kienet ibbażata l-leġiżlazzjoni Finlandiża msemmija fil-punt preċedenti – li tipprojbixxi l-inserzjoni f'perijodiċi ta' reklami li jippromwovu xorb alkoħoliku, u b'mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk l-għan imfittex, jiġifieri l-ġlieda kontra l-abbuż ta' l-alkoħol, setax jintlaħaq permezz ta' restrizzjonijiet ta' portata inqas wiesgħa jew li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-evalwazzjoni kienet tippressupponi analiżi taċ-ċirkustanzi ta' dritt u ta' fatt li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat li l-qorti tar-rinviju kienet f'pożizzjoni aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaqha (sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, Gourmet International Products, C-405/98, Ġabra p. I-1795, punt 33).

38     Fil-kawża preżenti, għar-raġunijiet invokati fil-punt preċedenti, huwa lill-qorti nazzjonali li għandu jiġi fdat il-kompitu li tiddeċiedi, billi tibbaża ruħha fuq l-elementi ta' dritt u ta' fatt li għandha quddiemha, jekk il-miżuri adottati konkretament mir-Repubblika tal-Finlandja humiex ta' natura li jiġġieldu b'mod effikaċi l-abbużi marbuta mal-konsum ta' spirti bħala xarba jew jekk miżuri inqas restrittivi jistgħux jiksbu riżultat simili. Fil-fatt, l-isħarriġ dwar il-proporzjonalità u l-effikaċja tal-miżuri meħuda huwa bbażat fuq evalwazzjonijiet ta' fatt li l-qorti tar-rinviju hija f'pożizzjoni aħjar mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaqhom.

39     Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-kredibbiltà ta' l-allegazzjonijiet tal-Virallinen syyttäjä u tal-Gvern Finlandiż, dwar ir-riskji tal-konsum ta' l-ispirti u l-effikaċja tas-sistema ta' awtorizzazzjoni minn qabel. Hija r-responsabbiltà tagħha wkoll li tivverifika r-riżultati tal-miżuri restrittivi, jiġifieri jekk dawn kinux kapaċi jwaqqfu, imqar parzjalment, il-fenomeni ta' problemi għall-ordni pubbliku u ta' dannu għas-saħħa taċ-ċittadini indikati mill-Virallinen syyttäjä u mill-Gvern Finlandiż. Fl-aħħar nett, filwaqt li m'għandux jintesa li l-użu u l-bejgħ ta' l-ispirti huma wkoll suġġetti għal sistema ta' awtorizzazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha wkoll ir-responsabbiltà li teżamina jekk l-għan segwit mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni jistax ukoll jintlaħaq permezz ta' dikjarazzjonijiet iffirmati mill-importaturi, li jkollhom magħhom, jekk ikun il-każ, iċ-ċertifikati xierqa maħruġa mill-Istat Membru ta' esportazzjoni, li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jiksbu l-informazzjoni neċessarja għall-verifika tad-destinazzjoni ta' l-ispirti importati u sabiex jevitaw l-abbużi.

40     għaldaqstantGħaldaqstant, ir-risposta għandha tkun li l-Artikoli 28 KE u 30 KE ma jipprekludux sistema, bħalma hija dik prevista mil-Liġi dwar l-alkoħol, li tissuġġetta l-importazzjoni ta' alkoħol etiliku li m'għandux imħallat miegħu xi ħaġa li ma tagħmlux tajjeb għax-xorb, ta' qawwa alkoħolika ta' iktar minn 80 grad, għal awtorizzazzjoni minn qabel, ħlief jekk ikun jidher li, fiċ-ċirkustanzi ta' dritt u ta' fatt li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta' l-ordni pubbliku kontra d-dannu kkawżat mill-alkoħol tista' tiġi assigurata permezz ta' miżuri li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju.

 Fuq l-ispejjeż

41     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikoli 28 KE u 30 KE ma jipprekludux sistema, bħalma hija dik prevista mil-Liġi Nru 1143/1994 dwar l-alkoħol [alkoholilaki (1143/1994)], li tissuġġetta l-importazzjoni ta' alkoħol etiliku li m'għandux imħallat miegħu xi ħaġa li ma tagħmlux tajjeb għax-xorb, ta' qawwa alkoħolika ta' iktar minn 80 grad, għal awtorizzazzjoni minn qabel, ħlief jekk ikun jidher li, fiċ-ċirkustanzi ta' dritt u ta' fatt li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ta' l-ordni pubbliku kontra d-dannu kkawżat mill-alkoħol tista' tiġi assigurata permezz ta' miżuri li għandhom inqas effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top