This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0413
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 28 November 2006.#European Parliament v Council of the European Union.#Directive 2003/54/EC - Common rules for the internal market in electricity - Directive 2004/85/EC - Temporary derogations in favour of Estonia - Legal basis.#Case C-413/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta' Novembru 2006.
il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Direttiva 2003/54/KE - Regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku -Direttiva 2004/85/KE- Derogi provviżorji favur l-Estonja - Bażi legali.
Kawża C-413/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-28 ta' Novembru 2006.
il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Direttiva 2003/54/KE - Regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku -Direttiva 2004/85/KE- Derogi provviżorji favur l-Estonja - Bażi legali.
Kawża C-413/04.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:741
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C‑413/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fit-23 ta’ Settembru 2004,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Baas u U. Rösslein, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrent,
sostnut minn
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Sack u P. Van Nuffel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti,
vs
Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Lopes Sabino u M. Bishop, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Ir-Repubblika ta’ l-Estonja, irrappreżentata minn L. Uibo, bħala aġent,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Węglarz, T. Nowakowski u T. Krawczyk, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, R. Schintgen, P. Kūris u E. Juhász, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), J. Makarczyk, G. Arestis, A. Borg Barthet, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 1 ta’ Ġunju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew jitlob l-annullament tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/85/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2004, li temenda d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja (ĠU L 236, p. 10, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva kkontestata").
2. Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU L 27, 1997, p. 20), daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 1997. Din kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Frar 1999.
3. It-Trattat li jirrigwarda l-adeżjoni ma’ l-Unjoni Ewropea ta’ għaxar Stati Membri, fosthom ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ġie ffirmat fis-16 ta’ April 2003 (ĠU L 236, 2003, p. 17, iktar ‘il quddiem it-"Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003"). Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta’ l-imsemmi Trattat, il-kundizzjonijiet ta’ dan id-dħul u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea, li saru meħtieġa b’din l-adeżjoni, huma stabbiliti fl-Att anness ma’ dan it-Trattat li jagħmel parti integrali minn dan ta’ l-aħħar (iktar ‘il quddiem l-"Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003").
4. L-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jipprovdi miżuri tranżitorji favur ir-Repubblika ta’ l-Estonja b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/92.
5. Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92 (ĠU L 176, p. 37) ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE.
6. Sabiex iddewwem, fuq bażi tranżitorja, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 f’dak li jirrigwarda r-Repubblika ta’ l-Estonja, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva kkontestata. Din id-Direttiva ġiet adottata abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
7. In sostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew isostni, minn naħa, li d-Direttiva kkontestata ma setgħetx tiġi validament adottata abbażi ta’ l-imsemmi Artikolu 57 u, min-naħa l-oħra, li hija ma tissodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.
8. B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2004 u tad-9 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika ta’ l-Estonja u r-Repubblika tal-Polonja ġew awtorizzati jintervjenu f’din il-proċedura sabiex, fir-rigward tal-Kummissjoni, issostni l-Parlament u, fir-rigward taż-żewġ partijiet l-oħra, isostnu l-Kunsill.
Il-kuntest ġuridiku
It-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003
9. L-Artikolu 2(2) u (3) tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jistipula li:
"2. Dan it-Trattat għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 […].
3. Minkejja l-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-Adeżjoni l-miżuri li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 6(2) it-tieni sub-paragrafu, 6(6) it -tieni sub-paragrafu, […] 38, 39, 41, 42 u 55 sa 57, ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni, l-Annessi III sa XIV ta’ dak l-Att, […]. Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ biss suġġetti għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat."
10. L-Artikolu 20 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jipprovdi li:
"L-atti mniżżla fl-Anness II ma’ dan l-Att għandhom ikunu adattati kif speċifikat f’dak l-Anness."
11. Skond l-Artikolu 21 ta’ dan l-istess Att:
"L-adattamenti għall-atti mniżżla fl-Anness III ma’ dan l-Att li li saru meħtieġa bl-adeżjoni għandhom jiġu fformulati b’mod konformi mal-linji gwida murija f’dak l-Anness u skond il-proċedura u bil-kundizzjonijiet kif indikati fl-Artikolu 57."
12. L-Artikolu 24 ta’ l-imsemmi Att jiddisponi li:
"Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi."
13. L-Artikolu 55 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jipprovdi li:
"Fuq talba li tkun sostanzjata kif dovut minn xi wieħed mill-Istati Membri l-ġodda, il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jieħu miżuri li jkunu jikkonsistu f’derogi temporanji mill-atti ta’ l-istituzzjonijiet adottati bejn l-1 ta’ Novembru 2002 u d-data tal-firma tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni."
14. L-Artikolu 57 ta’ l-imsemmi Att jgħid li:
"1. Meta l-atti ta’ l-istituzzjonijiet meħuda qabel l-adeżjoni jeħtieġu adattament minħabba l-adeżjoni, u l-adattamenti meħtieġa ma jkunux ġew previsti f’dan l-Att jew l-Annessi tiegħu, dawk l-adattamenti għandhom isiru skond il-proċeduri kif stabbiliti fil-paragrafu 2. Dawn l-adattamenti għandhom jidħlu fis-seħħ ma’ l-adeżjoni.
2. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni, skond liema minn dawn iż-żewg istituzzjonijiet ikun adotta l-atti orġinali, għandu għal dan l-iskop iħejji t-test meħtieġ."
15. Qabel xejn, għandu jiġi speċifikat li minkejja li l-verżjoni Franċiża ta’ l-imsemmi Artikolu 57 tissuġġerixxi li l-adattamenti magħmula skond din id-dispożizzjoni għandhom isiru qabel l-adeżjoni – "avant l’adhésion" –, l-imsemmi limitu temporali, fir-realtà, u kif jirriżulta mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni, ma jirreferix għall-possibbiltà li jintuża l-Artikolu 57, iżda għad-data ta’ l-atti li jridu jiġu emendati [ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-dispożizzjoni identika li fih l-Att relattiv għall-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja, u tar-Renju ta’ l-Iżvezja u dwar l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, 1994, p. 21, iktar ‘il quddiem l-"Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994"), is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑259/95, Ġabra p I‑5303, punti 12 sa 22].
16. L-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 fih id-dispożizzjoni li tipprovdi li:
"Fl-Estonja, l-Artiklu 19(2) tad-Direttiva 96/92/KE ma għandux japplika sal-31 ta’ Diċembru 2008."
17. Anness ma’ l-Att Finali tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, id-Dikjarazzjoni Nru 8 komuni għall-ħmistax-il Stat Membru intitolata "Dikjarazzjoni dwar l- oil shale , is-suq intern ta’ l-elettriku u d-Direttiva 96/92/KE […] (Direttiva dwar l-Elettriku): Estonja" (iktar ‘il quddiem id-"Dikjarazzjoni Nru 8") tgħid li:
"L-Unjoni se tikkontrolla mill-qrib li l-Estonja taqdi l-impenji li ħadet b’mod partikolari fir-rigward ta’ aktar preparazzjoni tas-suq intern ta’ l-enerġija (ir-ristrutturar tas-settur ta’ l- oil shale , ir-ristrutturar tas-settur ta’ l-elettriku, il-leġislazzjoni, it-tisħiħ ta’ l-Ispettorat tas-Suq ta’ Enerġija, eċċ).
L-Unjoni tiġbed l-attenzjoni ta’ l-Estonja għall-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta’ Lisbona u ta’ Barċellona, li għandhom x’jaqsmu mal-ftuħ aċċellerat tas-suq tas-setturi ta’ l-elettriku u tal-gass fost oħrajn, bl-iskop li jinkiseb suq intern li jaħdem b’mod sħiħ f’dawk l-oqsma, u tinnota d-dikjarazzjonijiet li l-Estonja għamlet aktar qabel f’dan ir-rigward fis-27 ta’ Mejju 2002 fil-kuntest tan-negozjati għall-adeżjoni. Minkejja l-bżonn ta’ implementazzjoni bikrija ta’ suq intern ta’ l-elettriku operazzjonali, l-Unjoni tieħu nota tal-fatt li l-Estonja tirriżerva l-posizzjoni tagħha dwar l-iżviluppi leġislattivi futuri f’dan il-qasam. L-Unjoni tirrikonoxxi f’dan ir-rigward is-sitwazzjoni speċifika li għandha x’taqsam mar-ristrutturar tas-settur ta’ l- oil shale li se jirrikjedi sforzi partikolari sa l-aħħar tas-sena 2012, kif ukoll il-bżonn tal-ftuħ gradwali tas-suq ta’ l-elettriku ta’ l-Estonja għal klijenti li mhumiex residenzi sa dik id-data.
L-Unjoni tinnota li, bl-iskop li titnaqqas id-distorzjoni li jista’ jkun hemm fis-suq intern ta’ l-elettriku, jista’ jinħtieġ li jiġu applikati ċerti mekkaniżmi ta’ salvagwardja bħalma hija l-klawsola tar-reċiproċità tad-Direttiva 96/92/KE.
Il-Kummissjoni se tikkontrolla mill-qrib l-iżvilupp tal-produzzjoni ta’ l-elettriku kif ukoll it-tibdiliet li jistgħu jseħħu fis-suq ta’ l-elettriku fl-Estonja u fil-pajjiżi ġirien.
Bla ħsara għal li dak li jidher hawn fuq, mill-2009 ‘il quddiem, kull Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel stima ta’ l-iżvilupp tas-swieq ta’ l-elettriku fir-reġjun tal-Baħar Baltiku. Skond din l-istima, b’kunsiderazzjoni sħiħa għall-karattru uniku ta’ l- oil shale u tal-kunsiderazzjoniet soċjali u ekonomiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-estrazzjoni, il-produzzjoni u l-konsum ta’ l- oil shale fl-Estonja, u waqt li tqis l-iskopijiet tal-Komunità dwar is-suq ta’ l-elettriku, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Kunsill bir-rakkomandazzjonijiet xierqa."
Id-dritt sekondarju
18. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92 kien jiddisponi li:
"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw il-ftuħ tas-swieq ta’ l-elettriku, sabiex kuntratti skond il-kundizzjonijiet mniżżla fl-Artikolu 17 u 18 jistgħu jkunu konklużi ta’ l-inqas sa livell sinifikkattiv, li għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.
Is-sehem tas-suq nazzjonali għandu jkun ikkalkulat fuq bażi tas-sehem Komunitarju ta’ l-elettriku kkunsmat mill-konsumatur finali li jikkonsma aktar minn 40 GWh kull sena (fuq bażi ta’ sit ta’ konsum u jinkludi awtoproduzzjoni).
Is-sehem medju Komunitarju għandu jkun ikkalkulat mill-Kummissjoni fuq bażi ta’ informazzjoni regolarment mogħtija lilha mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għand[ha] tippublika dan is-sehem Komunitarju medju li jispjega l-grad tal-ftuħ tas-suq fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej qabel Novembru ta’ kull sena, bl-informazzjoni xierqa kollha li tispjega l-kalkolazzjoni.
2. Is-sehem tas-suq nazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiżdied b’mod progressiv matul perjodu ta’ sitt snin. Din iż-żjieda għandha tkun ikkalkolata billi jitnaqqas il-minimu ta’ konsum Komunitarju ta’ 40 GWh, imsemmi fil-paragrafu 1 minn 40 GWh sa livell ta’ 20 GWh konsum ta’ elettriku annwali tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u sa livell ta’ 9 GWh konsum ta’ elettriku annwali sitt snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.
3. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dawk il-konsumaturi ġot-territorju tagħhom li jirrappreżentaw l-ishma kif speċifikati f’paragrafi 1 u 2 illi għandhom kapaċità legali illi jikkontrattaw l-elettriku skond l-Artikoli 17 u 18, peress illi l-konsumaturi finali kollha kkonsmaw aktar minn 100 GWh kull sena (fuq sit ta’ bażi ta’ konsum u jinkludi awtoproduzzjoni) għandhom ikunu inklużi f’din il-kategorija.
Kumpanniji ta’ distribuzzjoni, jekk mhux diġà speċifikati bħala konsumaturi eliġibbli taħt dan il-paragrafu, għandhom ikollhom il-kapaċità legali illi jikkontrattaw taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikoli 17 u 18 għall-volum ta’ elettriku li qed ikun ikkonsmat mill-konsumaturi tagħhom innominati bħala eliġibbli fis-sistema tad-distribuzzjoni tagħhom, sabiex jissuplixxu dawk il-konsumaturi.
4. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar kull sena il-kriterji għad-definizzjoni ta’ konsumaturi eliġibbli li huma kapaċi jikkonkludi kuntratti skond il-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikoli 17 u 18. […]"
19. It-tlieta u tletin premessa tad-Direttiva 2003/54 tippreċiża li "[s]kond l-għan ta’ l-emendi li qed isiru għad-Direttiva 96/92/KE, huwa mixtieq, għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni għandhom isiru f’għamla ġdida".
20. It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 29 ta’ l-imsemmija Direttiva jiddisponi f’dan ir-rigward li "[i]d-Direttiva 96/92/KE għandha titħassar mill-1 ta’ Lulju 2004 mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw it-terminu perentorju għat-trasposizzjoni u l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva. Ir-referenzi li jsiru għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħallikieku qed isiru għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f’konformità ma’ l-iskeda ta’ korrelazzjoni li hemm fl-Anness B". Skond l-imsemmija skeda ta’ korrelazzjoni, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/54 jikkorrispondi għall-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92.
21. L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/54 jaqra kif ġej:
"Il-ftuħ tas-suq u r-reċiproċità
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti eliġibbli jkunu:
(a) sa’ l-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti eliġibbli kif speċifikat fl-Artikolu 19(1) sa (3) tad-Direttiva 96/92/KE. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena l-kriterji għad-definizzjoni ta’ dawn il-klijenti eliġibbli;
(b) sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004, il-klijenti non-domestiċi kollha;
(ċ) mill-1 ta’ Lulju 2007, il-klijenti kollha.
[…]"
22. Skond l-Artikolu 30(1) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004.
Id-Direttiva kkontestata
23. Filwaqt li għamlet referenza għall-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, b’ittra tas-17 ta’ Settembru 2003, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba biex tiġi emendata d-Direttiva 2003/54 b’mod li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm id-deroga mogħtija lil dan l-Istat Membru bl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 96/92 kif ukoll id-Dikjarazzjoni Nru 8.
24. Fis-27 ta’ April 2004, il-Kummissjoni fformulat proposta għal direttiva intiża sabiex iddewwem, fuq bażi tranżitorja, l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 f’dak li jirrigwarda r-Repubblika ta’ l-Estonja (COM/2004/318 finali). Din il-proposta kienet ibbażata fuq l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE.
25. Minkejja li tikkonferma l-imsemmija proposta li t-termini tagħha huma essenzjalment riprodotti fiha, id-Direttiva kkontestata ġiet adottata mill-Kunsill, fit-28 ta’ Ġunju 2004, abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003. Il-Parlament ġie informat b’din l-adozzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill b’ittra tad-9 ta’ Lulju 2004.
26. Din l-ittra kienet tispeċifika li "[fid-dawl tar-]rabta bejn it-Trattat ta’ Adeżjoni u [din] il-proposta […] u fid-dawl tal-bżonn li [dan] l-att jiġi adottat fi żmien utli, u f’kull każ qabel l-1 ta’ Lulju 2004, id-data ta’ l-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/54 […], il-Kunsill iddeċieda li jadotta l-Artikolu 57 ta’ l-[Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003] bħala bażi legali […], bażi li ma teħtieġx il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċess leġiżlattiv".
27. L-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jipprovdi għaż-żieda ma’ l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2003/54 ta’ paragrafu 3 li jaqra kif ġej:
"L-Estonja ser tiġi mogħtija derogazzjoni temporanja mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) sal-31 ta’ Diċembru 2012. L-Estonja għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku tagħha. Dan għandu jiġi eżegwit gradwalment tul il-perjodu ta’ referenza bil-għan tal-ftuħ komplet tas-suq sa l-1 ta’ Jannar 2013. Fl-1 ta’ Jannar 2009, il-ftuħ tas-suq għandu jirrappreżenta mill-inqas 35% tal-konsum. L-Estonja għandha tikkomunika kull sena lill-Kummissjoni l-limiti ta’ konsum li jestendu l-eliġibbiltà lill-klijenti finali."
28. L-ewwel sar-raba’, is-seba’ u t-tmien premessi tad-Direttiva kkontestata jispeċifikaw li:
"(1) Matul in-negozjati għal adeżjoni, l-Estonja invokat il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ta’ l-elettriku tagħha biex titlob perjodu ta’ transizzjoni għall-applikazzjoni ta’ Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Deċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku […].
(2) Fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, l-Estonja kienet mogħtija perjodu ta’ transizzjoni sal- 31 ta’ Diċembru 2008 għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 96/92/KE, relatat mal-ftuħ gradwali tas-suq.
(3) Dikjarazzjoni Nru 8 annessa mat-Trattat ta’ l-Adeżjoni għarfet barra minn hekk li s-sitwazzjoni speċifika relatata mar-ristrutturar tas-settur ta’ l- oil shale fl-Estonja kien se jitlob sforzi partikolari sal-aħħar tal-2012.
(4) Direttiva 96/92/KE kienet sostitwita minn Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Ġunju 2003 dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku, li għandha tiġi implimentata mill-1 ta’ Lulju 2004 u li għandha l-effett li tħaffef il-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku.
[…]
(7) L- oil shale hu l-uniku riżorz ta’ enerġija veru indiġena fl-Estonja u produzzjoni nazzjonali tirrappreżenta kważi 84% tal-produzzjoni dinjija. 90% ta’ l-elettriku prodott fl-Estonja huwa mill-fuel solidu. Huwa għalhekk ta’ importanza strateġika kbira għas-sigurtà ta’ proviżjoni fl-Estonja.
(8) L-għoti ta’ derogazzjoni ulterjuri għall-perjodu 2009-2012 għandha tiggarantixxi s-sigurtà ta’ investimenti f’impjanti li jiġġeneraw u sigurtà ta’ proviżjoni fl-Estonja filwaqt li tippermetti li l-problemi ambjentali serji li jinħolqu minn dawn l-impjanti jiġu solvuti."
Fuq ir-rikors
29. Il-Parlament jinvoka żewġ motivi in sostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in-natura żbaljata tal-bażi legali tad-Direttiva kkontestata u, it-tieni wieħed, fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fuq l-ewwel motiv
30. Permezz ta’ l-ewwel motiv tiegħu, il-Parlament isostni li d-Direttiva kkontestata, li tistabbilixxi derogi tranżitorji f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/54, ma setax jiġi validament adottat abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 u li kien imissu ġie adottat skond il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista mit-Trattat KE, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi ta’ l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE li servew ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/54. L-imsemmi Artikolu 57 fil-fatt jippermetti biss adattamenti intizi biex jippermettu l-applikabbiltà sħiħa ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet fir-rigward ta’ l-Istati aderenti u mhux l-għoti ta’ derogi tranżitorji lil dawn l-Istati.
31. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif enfasizza l-Parlament, jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 li din id-dispożizzjoni tawtorizza l-adozzjoni ta’ "l-adattamenti" li jkunu saru "meħtieġa" minħabba l-adeżjoni iżda li ma kinux ġew previsti fl-Att ta’ Adeżjoni jew fl-Annessi tiegħu.
32. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, jirriżulta mill-Artikoli 20 u 21 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, li flimkien jifformaw it-Titolu I, intitolat "Adattamenti għal atti adottati mill-istituzzjonijiet", tat-Tielet Parti ta’ l-imsemmi Att, hija stess intitolata "Disposizzjonijiet permanenti", li l-"adattamenti" li għalihom jirreferu l-imsemmija Artikoli fil-prinċipju jikkorrispondu għal emendi ta’ natura neċessarja sabiex tiġi żgurata l-applikabbiltà sħiħa ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet lill-Istati Membri l-ġodda u li huma intiżi, f’din il-perspettiva, biex jikkompletaw l-imsemmija atti għal żmien twil.
33. Min-naħa l-oħra, tali "adattamenti" normalment ma jkoprux id-derogi temporanji mill-applikazzjoni ta’ atti Komunitarji li, min-naħa tagħhom, huma s-suġġett ta’ l-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, li jinsab fit-Titolu I, intitolat "Miżuri transitorji", tar-Raba’ Parti ta’ l-imsemmi Att, intitolata "Disposizzjonijiet temporanji".
34. Xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ "adattament" għandu jkollu sinjifikat differenti skond jekk jintużax fil-kuntest ta’ l-Artikoli 20 jew 21 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jew f’dak ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-istess Att. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 21 stess jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 57 f’dak li jikkonċerna l-proċedura u l-kundizzjonijiet li fihom l-adattamenti li huwa jipprovdi għandhom jiġu stabbiliti, filwaqt li l-Artikolu 57 li jirreferi għal adattamenti li "ma jkunux ġew previsti f’dan l-Att jew l-Annessi tiegħu" jissuġġerixxi min-naħa tiegħu li l-adattamenti li għandhom jiġu adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni huma ta’ l-istess tip bħal dawk li jipprovdu, b’mod partikolari, l-Artikoli 20 u 21 ta’ l-imsemmi Att.
35. Minbarra dan, l-għoti ta’ derogi temporanji fil-perspettiva ta’ adeżjoni fil-qrib jikkostitwixxi, kif ġustament enfasizzaw il-Parlament u l-Kummissjoni, l-għan speċifiku ta’ dispożizzjoni oħra ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, jiġifieri l-Artikolu 55 tiegħu, u, f’dan ir-rigward, huwa diffiċilment konċepibbli li l-firmatarji ta’ l-imsemmi Att kellhom l-intenzjoni li jipprovdu żewġ dispożizzjonijiet distinti sabiex jippermettu l-adozzjoni ta’ l-istess att.
36. Dan huwa iktar u iktar il-każ billi l-imsemmi Artikolu 55 jissuġġetta l-għoti ta’ tali derogi temporanji għal kundizzjonijiet nettament iktar restrittivi minn dawk li jipprovdi l-Artikolu 57 għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ adattament. Minn naħa, fil-fatt, dan l-Artikolu 55 jawtorizza derogi biss f’dak li jikkonċerna atti Komunitarji li ġew adottati bejn l-1 ta’ Novembru 2002 (data ta’ għeluq tan-negozjati għall-adeżjoni) u s-16 ta’ April 2003 (data tal-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003). Min-naħa l-oħra, tali għoti huwa suġġett għar-rekwiżit ta’ l-unanimità fi ħdan il-Kunsill.
37. Jirriżulta minn dak li ntqal li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 huma limitati, fil-prinċipju, għal adattamenti intiżi biex jagħmlu atti Komunitarji preċedenti applikabbli fl-Istati Membri l-ġodda, billi jeskludu kull emenda oħra (ara, f’sens analogu, fir-rigward tad-dispożizzjoni identika li tinsab fl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 14 u 19), u, b’mod partikolari, derogi provviżorji.
38. Minn dan isegwi li derogi provviżorji mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ att Komunitarju, li għandhom bħala skop u għan waħdieni li jdewwmu temporanjament l-applikazzjoni effettiva ta’ l-att Komunitarju kkonċernat fir-rigward ta’ Stat Membru ġdid, ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu kkwalifikati bħala "adattamenti" fis-sens ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-imsemmi Att.
39. F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi osservat li għalkemm id-Direttiva kkontestata għandha żgur bħala għan li ddewwem temporanjament l-applikazzjoni effettiva ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 fir-rigward tar-Repubblika ta’ l-Estonja, jibqa’ l-fatt li ċerti miżuri li fiha f’din il-perspettiva għandhom min-naħa l-oħra n-natura ta’ miżuri ta’ adattament neċessarji sabiex jiżguraw l-applikabbiltà sħiħa tad-Direttiva 2003/54 f’dak li jikkonċerna dan l-Istat Membru.
40. Dan huwa l-każ tal-miżuri intiżi biex jieħdu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest stabbilit mid-Direttiva 2003/54, tal-miżura tranżitorja mogħtija preċedentement lir-Repubblika ta’ l-Estonja bl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 96/92. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin jiġġustifikaw tali konklużjoni.
41. Minn naħa, kif ġustament sostnew il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni, u kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill, id-deroga tranżitorja li tinsab fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 f’dak li jikkonċerna d-Direttiva 96/62 ma tilfitx il-validità tagħha minħabba r-revoka ta’ din id-Direttiva mid-Direttiva 2003/54.
42. Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 10 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jipprovdi li l-applikazzjoni tat-Trattati u ta’ l-atti adottati mill-istituzzjonijiet għandha, bħala miżura tranżitorja, tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ deroga previsti fl-imsemmi Att. L-Artikolu 24 ta’ l-istess Att jispeċifika f’dan ir-rigward, li l-miżuri tranżitorji mniżżla fid-diversi Annessi li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni, fosthom l-Anness VI, għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 60 ta’ l-istess Att, dan jikkonferma li l-Annessi ta’ l-imsemmi Att għandhom jifformaw parti integrali ta’ dan ta’ l-aħħar.
43. Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 huma għalhekk is-suġġett ta’ ftehim bejn l-Istati Membri u l-Istati aderenti u jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 1988, LAISA u CPC España vs Il-Kunsill, 31/86 u 35/86, Ġabra p. 2285, punt 12).
44. It-tieni nett, jirriżulta mit-tlieta u tletin premessa u mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 2003/54 li din id-Direttiva għandha tiġi kkunsidrata bħala l-estensjoni tad-Direttiva 96/92 li hija tikteb mill-ġdid, u dan minħabba l-portata ta’ l-emendi li twettaq lil din ta’ l-aħħar u għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalizzazzjoni, mingħajr, madankollu, ma tippreġudika t-termini għat-traspożizzjoni u għall-applikazzjoni li kienet tipprovdi d-Direttiva 96/92.
45. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li, kif il-Gvern Estonjan ġustament sostna, id-deroga tranżitorja prevista fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 tibqa’ kompletament intiża biex tapplika fil-kuntest leġiżlattiv il-ġdid ikkostitwit mid-Direttiva 2003/54.
46. Min-naħa l-oħra, u f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi Gvern ġustament ukoll sostna li, kieku l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/54 ma ġiex adattat biex tittieħed in kunsiderazzjoni bis-sħiħ id-deroga tranżitorja fuq imsemmija, kien ikun hemm riskju ta’ kontradizzjoni bejn l-effetti li jirriżultaw minn din id-deroga u r-rekwiżiti li l-imsemmi Artikolu 21 jimponi fuq l-Istati Membri.
47. Fil-fatt, jirriżulta mill-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 li r-Repubblika ta’ l-Estonja hija dispensata, sal-31 ta’ Diċembru 2008, milli tiżgura l-ftuħ tas-suq tagħha ta’ l-elettriku taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 96/92. Dan b’mod partikolari jfisser li skond din l-aħħar dispożizzjoni, l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jiggarantixxu, taħt il-kundizzjonijiet previsti minnha, grad ta’ ftuħ tas-suq tagħhom ta’ l-elettriku li jqarreb il-35% [ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 2003, dwar il-kalkolu tas-sehem Komunitarju medju tal-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku, definit fid-Direttiva 96/92/KE (ĠU C 321, p. 51)] ġie pospost, fir-rigward tar-Repubblika ta’ l-Estonja, sal-31 ta’ Diċembru 2008.
48. Billi l-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 2003/54 ifakkar biss l-eżiġenzi li ġa rriżultaw għall-Istati Membri mill-ftuħ parzjali tas-suq imwettaq mill-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92, ifisser li d-deroga prevista relattivament għal din l-aħħar dispożizzjoni favur ir-Repubblika ta’ l-Estonja bl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 tapplika ipso jure f’dak li jikkonċerna dan l-Artikolu 21(1)(a) il-ġdid.
49. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54 jipprovdu li l-Istati Membri se jkunu wkoll obbligati jiftħu s-swieq rispettivi tagħhom, mill-1 ta’ Lulju 2004, f’dak li jikkonċerna l-klijenti non-domestiċi kollha u, mill-1 ta’ Lulju 2007, f’dak li jikkonċerna l-klijenti kollha. Il-ftuħ gradwali impost minn dan l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) għandu għalhekk iseħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2009 u, kif sostna l-Gvern Estonjan mingħajr ma ġie kkontradett, l-imsemmi ftuħ, barra minn hekk, jeċċedi fil-wisa’, f’kull waħda miż-żewġ każijiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, 35% tal-konsum.
50. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkontestat li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l- acquis li tikkostitwixxi għar-Repubblika ta’ l-Estonja d-deroga tranżitorja relattiva għad-Direttiva 96/92, li tinsab fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, kienet tiddetta, imqar biss għal kunsiderazzjonijiet elementari ta’ ċertezza legali, li l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54 jiġi adattat sabiex jiżgura l-applikabbiltà koerenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għal dan l-Istat Membru.
51. Għalhekk, tali adattament kien jeħtieġ, għall-inqas, sospensjoni ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54 sal-31 ta’ Diċembru 2008 f’dak li jikkonċerna r-Repubblika ta’ l-Estonja b’mod li tinżamm favur dan l-Istat Membru d-dispensa mill-ftuħ tas-suq tiegħu ta’ l-elettriku qabel l-1 ta’ Jannar 2009 li minnha kien jibbenefika fit-termini previsti fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
52. Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li, safejn id-Direttiva kkontestata pprovdiet għal tali sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54 sal-31 ta’ Diċembru 2008, hija setgħat tiġi validament adottata abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
53. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva kkontestata ma limitatx ruħha għal tali miżura. Hija fil-fatt tat lir-Repubblika ta’ l-Estonja perijodu tranżitorju addizzjonali, li jmur lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008 u li jibqa’ sejjer sa l-aħħar ta’ l-2012, f’dak li jikkonċerna l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54, filwaqt li pprovdiet, f’dan ir-rigward, li l-ftuħ tas-suq għandu jseħħ gradwalment biex jilħaq 35% tas-suq fl-1 ta’ Jannar 2009 u ftuħ totali sa l-aħħar ta’ l-2012 u, għal dan il-għan, imponiet obbligu fuq ir-Repubblika ta’ l-Estonja li kull sena tikkomunika lill-Kummissjoni l-limiti ta’ konsum li jestendu l-eleġibbiltà lill-konsumatur finali (iktar ‘il quddiem, flimkien, id-"derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata").
54. Issa tali derogi addizzjonali ma setgħux, min-naħa tagħhom, jingħataw abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
55. Huwa minnu, li ma jistax jiġi sostnut, kif għamel il-Parlament, li tali għoti jidderoga mill-Att ta’ Adeżjoni stess minħabba li dan ipprovda biss favur l-Estonja perijodu tranżitorju li jiskadi fl-aħħar ta’ l-2008.
56. Huwa fil-fatt manifest, kif ġustament enfasizza l-Gvern Estonjan, li d-deroga li tinsab fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 taqa’ f’kuntest leġiżlattiv li fih kien għadu previst biss ftuħ parzjali tas-suq mid-Direttiva 96/92 u li huwa fir-rigward ta’ dan is-sempliċi ftuħ parzjali li d-data tal-31 ta’ Diċembru 2008 tqieset li kienet adegwata biex tieħu in kunsiderazzjoni l-eżiġenzi li jirriżultaw mis-sitwazzjoni partikolari tas-settur ta’ l-elettriku ta’ dan l-Istat Membru l-ġdid. B’dan il-mod, bl-ebda mod ma ġew ippreġudikati dispożizzjonijiet li seta’ jkollhom jiġu adottati skond dawn l-istess eżiġenzi fil-każ ta’ żvilupp ulterjuri ta’ l-imsemmi kuntest leġiżlattiv, b’mod partikolari lejn ftuħ totali tas-suq ikkonċernat.
57. Barra minn hekk, huwa minnu li l-perijodu tranżitorju addizzjonali hekk mogħti lill-Estonja mid-Direttiva kkontestata jidħol manifestament, kif enfasizza l-Gvern Estonjan, fil-linja tad-Dikjarazzjoni Nru 8. L-imsemmija Dikjarazzjoni tirreferi fil-fatt għal aċċellerazzjoni tal-ftuħ tas-suq fis-settur ta’ l-elettriku li kienet dalwaqt se sseħħ u b’mod partikolari tirrikonoxxi, f’din il-perspettiva, is-sitwazzjoni partikolari ta’ dan l-Istat Membru l-ġdid marbuta mar-ristrutturazzjoni tas-settur ta’ l- oil shale li se tirrikjedi sforzi speċifiċi sa l-aħħar ta’ l-2012.
58. Madankollu, jibqa’ l-fatt li tali teħid ta’ pożizzjoni f’dikjarazzjoni komuni għall-Istati Membri ta’ l-Unjoni annessa ma’ l-att finali tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 ma jistax, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Estonjan, ikun ta’ natura li jiddetermina l-bażi legali li għandha tintuża biex jingħataw derogi bħalma huma d-derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata.
59. Għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija derogi addizzjonali ma jikkorrispondux mal-kunċett ta’ adattament fis-sens ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 kif ġie speċifikat fil-punti 31 sa 38 ta’ din is-sentenza.
60. L-imsemmija derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata fil-fatt jikkostitwixxu miżuri li, bħal fil-każ tal-parti l-kbira tad-derogi temporanji, għandhom bħala skop u għan waħdieni li jdewwmu temporanjament l-applikazzjoni effettiva ta’ l-att Komunitarju kkonċernat, u li l-adozzjoni tagħhom għalhekk tinvolvi evalwazzjoni ta’ natura politika. B’differenza mid-deroga in kwistjoni fil-punti 39 sa 52 ta’ din is-sentenza u li, minn naħa tagħha, hija intiża biex tintegra fil-kuntest leġiżlattiv tad-Direttiva 2003/54 l- acquis li tikkostitwixxi għar-Repubblika ta’ l-Estonja d-deroga prevista fl-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, l-imsemmija derogi addizzjonali ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma indispensabbli sabiex jiżguraw l-applikabbiltà sħiħa ta’ l-imsemmija Direttiva fir-rigward ta’ l-Istat Membru l-ġdid.
61. Minn dan isegwi li d-derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata ma setgħux jiġu validament adottati abbażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
62. Madankollu, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill, ma tirriżultax lakuna ġuridika f’dan ir-rigward. Ladarba ġie ffirmat it-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-proċeduri partikolari li jipprovdi dan it-Trattat sabiex jiġu deċiżi ċerti tipi ta’ miżuri tranżitorji, bħal, per eżempju, dawk li jistabbilixxu l-Artikoli 41 jew 42 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, ma teżisti, fil-fatt, l-ebda oġġezzjoni ta’ prinċipju biex atti Komunitarji adottati wa ra din il-firma u qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Trattat ta’ Adeżjoni u li fihom derogi temporanji favur Stat aderenti futur jiġu adottati direttament abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.
63. Fil-fatt, tali dispożizzjonijiet ta’ deroga, intiżi biex japplikaw biss suġġetti għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ effettiv tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, ma jistgħu, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill, la jiksru l-Artikoli 249(2) u (3) KE u 299 KE, li jipprovdu li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet japplikaw għall-Istati Membri, u lanqas l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ l-imsemmi Trattat ta’ Adeżjoni.
64. Minn naħa, tali dispożizzjonijiet speċifiċi, bħal wara kollox l-atti li fihom huma inklużi u/jew li minnhom jidderogaw, japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati aderenti biss fid-data li fiha l-adeżjoni ssir effettiva, data li fiha jiksbu l-kwalità ta’ Stat Membru.
65. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Artikolu 2(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 jiddisponi li l-imsemmi Trattat għandu jidħol fis-seħħ biss fl-1 ta’ Mejju 2004 u li l-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu jipprovdi li, b’deroga għal dan il-prinċipju, ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Trattat jistgħu jiġu applikati qabel ma jippreġudikax il-possibbiltà li jiġu previsti, f’atti adottati mhux taħt dan it-Trattat iżda abbażi tat-Trattat KE stess, il-kundizzjonijiet li taħthom tali atti adottati bejn il-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni u d-dħul fis-seħħ tiegħu għandhom jiġu applikati għall-Istati Membri futuri ladarba l-adeżjoni ssir effettiva.
66. Għall-kuntrarju, għandu jiġi rrilevat li, għall-atti li għandhom jiġu hekk adottati matul il-perijodu bejn id-data tal-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni u dik li fiha din l-adeżjoni tidħol fis-seħħ, l-istituzzjonijiet Komunitarji jafu perfettament bl-adeżjoni imminenti ta’ l-Istati Membri l-ġodda, filwaqt li dawn għandhom il-possibbiltà li jsostnu, f’każ ta’ bżonn, l-interessi tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 1982, Halyvourgiki u Helleniki Halyvourgia vs Il-Kummissjoni, 39/81, 43/81, 85/81 u 88/81, Ġabra p. 593, punt 10).
67. Għalhekk, fil-prinċipju, huwa fil-kuntest ta’ l-imsemmija proċedura u billi jsir użu mill-istatus ta’ osservatur li jibbenefikaw minnu fi ħdan il-Kunsill u bis-saħħa tal-possibbilitajiet ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni li jagħtu dawn il-mekkaniżmi speċifiċi li l-Istati Membri futuri jistgħu, ladarba jiġu informati bl-adozzjoni futura ta’ atti Komunitarji ġodda, isostnu l-interess tagħhom li jiksbu d-derogi tranżitorji neċessarji, per eżempju, minħabba l-impossibbiltà li fiha jinsabu biex jiżguraw l-applikazzjoni immedjata ta’ l-imsemmija atti fil-mument ta’ l-adeżjoni jew minħabba problemi kbar ta’ natura soċjo-ekonomika li tali applikazzjoni tista’ toħloq.
68. Huwa bis-saħħa ta’ tali mekkaniżmi li l-interessi partikolari hekk invokati jistgħu, b’mod partikolari, jiġu bbilanċjati b’mod xieraq ma’ l-interess ġenerali tal-Komunità u li l-kunsiderazzjonijiet dwar il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ lealtà jew ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri attwali u futuri invokati mill-Gvern Pollakk għandhom, jekk ikun il-każ, jissejħu biex ikollhom rwol.
69. L-eżistenza ta’ dawn il-mekkaniżmi speċifiċi għall-proċess ta’ adeżjoni implementat għalhekk tikkonferma li, fil-prinċipju, huwa permezz tal-proċedura leġiżlattiva normali prevista mit-Trattat, u mhux fil-kuntest tal-proċedura speċjali prevista fl-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, li d-derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata kien imisshom ġew adottati.
70. Bl-istess mod, ma jistax jiġi aċċettat l-argument li l-Kunsill jibbaża fuq l-urġenza li kien hemm biex jiġu adottati tali derogi addizzjonali fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 57 sa minn qabel id-data li fiha kellhom jiġu implementati d-dispożizzjonijiet neċessarji biex l-Istati Membri jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva 2003/54, minflok ma segwa l-proċedura leġiżlattiva ta’ kodeċiżjoni li tirrikjedi ħafna iktar żmien, sabiex jevita li joħloq inċertezza legali u li jippreġudika l-interessi leġittimi ta’ operaturi attivi fis-suq Estonjan ta’ l-elettriku.
71. Minn naħa, fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punti 66 sa 68 ta’ din is-sentenza, meta l-Komunità tikkunsidra l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv matul il-perijodu bejn il-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 u d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tista’ twassal għall-eventwali għoti ta’ derogi tranżitorji favur Stat aderenti f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-att li l-adozzjoni tiegħu hija hekk ikkunsidrata.
72. Barra minn hekk, fuq dan il-punt, l-ebda parti ma ressqet provi li jippermettu li wieħed jaħseb li l-imsemmija proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni ma ġietx regolarment segwita u li l-Gvern Estonjan ma kienx f’pożizzjoni li jsostni l-interessi tiegħu fir-rigward tal-proposta ta’ direttiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2003/54, skond ma tipprovdi din il-proċedura (ara, f’sens analogu, is-sentenza Halyvourgiki u Helleniki Halyvourgia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 15).
73. Min-naħa l-oħra, u kif fakkar il-Parlament, meta jirċievi proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, skond il-każ, il-possibbiltà li jiġbed l-attenzjoni tal-Parlament fuq l-urġenza li jista’ jkun hemm għall-adozzjoni ta’ att partikolari. Il-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE fil-fatt bl-ebda mod ma teskludi l-adozzjoni relattivament mgħaġġla ta’ test leġiżlattiv, partikolarment fin-nuqqas ta’ diverġenzi ta’ opinjoni sinjifikattivi bejn il-Parlament u l-Kunsill.
74. Fir-rigward ta’ l-inċertezza legali li tista’ eventwalment tirriżulta mid-dekors taż-żmien inerenti fil-proċedura leġiżlattiva normali, din tista’ tiġi rrimedjata biss, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, bl-għoti ta’ eventwali effett retroattiv lid-deroga tranżitorja mitluba jekk din tiġi deċiża.
75. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi att Komunitarju milli jibda jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’ eċċezzjonalment jiġri mod ieħor meta l-għan li jrid jintlaħaq hekk jitlob u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et , C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 45, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21).
76. Għandu wkoll jiġi rrilevat li huwa ċertament possibbli, kif sostna b’mod partikolari l-Gvern Polakk, li n-nuqqas ta’ dispożizzjoni ġenerali fl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 li tippermetti li jiġu deċiżi derogi tranżitorji f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni għall-Istati Membri l-ġodda ta’ atti adottati bejn id-data tal-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 u dik tad-dħul tiegħu fis-seħħ u s-sempliċi eżistenza għal dan il-għan tal-proċedura ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni jidhru retrospettivament li kienu insodisfaċenti. Huwa wkoll possibbli li din iċ-ċirkustanza tat lok għall-fatt li l-Artikolu 55 ta’ l-Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 157, 2005, p. 203), invokat minn diversi partijiet u li l-għan tiegħu huwa simili għal dak ta’ l-Artikolu 55 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, jipprovdi espressament li l-kompetenza tal-Kunsill biex jadotta derogi temporanji testendi wkoll għall-atti ta’ l-istituzzjonijiet adottati bejn id-data tal-firma tat-Trattat ta’ Adeżjoni u dik ta’ l-adeżjoni. Madankollu, l-eventwali imperfezzjonijiet li fih, f’dan ir-rigward, l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 ma jistax jawtorizza l-użu ta’ bażi legali żbaljata.
77. Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq li d-derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata u li huma msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza ma setgħux jiġu validament adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
78. Minn dan isegwi li l-ewwel motiv huwa fondat safejn jilmenta dwar l-illegalità ta’ l-imsemmija derogi addizzjonali.
Fuq it-tieni motiv
79. Billi l-eżami ta’ l-ewwel motiv wassal biex tiġi kkonstatata biss l-illegalità parzjali tad-Direttiva kkontestata, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva sabiex jiġi vverifikat jekk din ta’ l-aħħar hijiex totalment ivvizzjata b’illegalità taħt dan it-tieni kap.
80. B’dan it-tieni motiv, il-Parlament isostni li d-Direttiva kkontestata ma tispjegax jekk, u safejn, hija qed twettaq adattazzjoni minħabba l-adeżjoni, u lanqas ma tispjega r-raġunijiet għaliex intużat il-bażi legali eċċezzjonali li jikkostitwixxi l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 li jidderoga mill-proċedura leġiżlattiva normali. Barra minn hekk, il-preambolu ta’ din id-Direttiva ma ġiex emendat fir-rigward ta’ dak li fih il-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza meta din hija bbażata fuq l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE, u l-ebda spjegazzjoni ma ngħatat dwar din id-differenza.
81. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni. Għalkemm din il-motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni Komunitarja, awtriċi ta’ l-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, mhuwiex madankollu meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt. Fil-fatt, il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata b’referenza mhux biss għat-termini tagħha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, Ġabra p. I‑7281, punt 174).
82. F’dan il-każ, kif ġustament sostnew il-Kunsill u l-Gvern Estonjan, il-preambolu tad-Direttiva kkontestata li jirreferi għat-talba tar-Repubblika ta’ l-Estonja, għad-deroga tranżitorja relattiva għad-Direttiva 96/92 prevista favur ta’ dan l-Istat Membru permezz ta’ l-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, għad-Dikjarazzjoni Nru 8, għall-aċċellerazzjoni tal-ftuħ tas-suq ta’ l-elettriku mwettqa mid-Direttiva 2003/54, u, fl-aħħar nett, għaċ-ċirkustanzi partikolari tas-settur ta’ l- oil shale Estonjan kif ukoll għad-diffikultajiet li minnhom jgħaddi dan is-settur fin-nuqqas ta’ miżuri tranżitorji previsti fid-Direttiva kkontestata, huwa ta’ natura li jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkollhom biżżejjed għarfien tar-raġunijiet għall-imsemmija miżuri tranżitorji u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha.
83. Dawn l-elementi jippermettu b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ il-fondatezza tal-bażi legali adottata mil-leġiżlatur Komunitarju mingħajr il-ħtieġa ta’ motivazzjoni iktar dettaljata ta’ l-għażla ta’ dan ta’ l-aħħar, li ġiet espressament identifikata fil-preambolu tad-Direttiva kkontestata bħala l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003. Il-fatt li l-Kunsill ma adottax il-bażi legali proposta mill-Kummissjoni lanqas ma jirrikjedi motivazzjoni iktar speċifika f’dan ir-rigward.
84. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi ddikjarat infondat.
Fuq l-annullament parzjali tad-direttiva kkontestata
85. Kif jirriżulta mill-punti 77 u 78 ta’ din is-sentenza, l-ewwel motiv ġie ddikjarat parzjalment fondat safejn id-derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata ma setgħux jiġu validament adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 57 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.
86. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli safejn l-elementi li l-annullament tagħhom qed jiġi mitlub jistgħu jiġu mifruda mill-kumplament ta’ l-att (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-244/03, Ġabra p. I‑4021, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
87. Issa f’dan il-każ, id-derogi addizzjonali stabbiliti mid-Direttiva kkontestata jistgħu jiġu mifruda mill-kumplament ta’ l-imsemmija Direttiva li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha moqri fid-dawl tat-tieni u t-tmien premessi tagħha, għandha żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, it-teħid in kunsiderazzjoni fil-kuntest tas-sistema prevista mid-Direttiva 2003/54 tal-perijodu tranżitorju preċedentement mogħti lir-Repubblika ta’ l-Estonja permezz ta’ l-Anness VI ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 fir-rigward tad-Direttiva 96/92 u, min-naħa l-oħra, l-għoti, għall-perijodu 2009-2012, ta’ deroga addizzjonali flimkien ma’ obbligu ta’ implementazzjoni gradwali ta’ l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/54.
88. Minn dan isegwi li d-Direttiva kkontestata għandha tiġi annullata safejn tipprovdi favur l-Estonja deroga mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ), tad-Direttiva 2003/54, li tmur lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008 kif ukoll obbligu korrispettiv li tiggarantixxi ftuħ parzjali biss tas-suq li jirrappreżenta 35% tal-konsum fl-1 ta’ Jannar 2009 u obbligu ta’ komunikazzjoni annwali tal-limiti ta’ konsum li jestendu l-eleġibbiltà lill-konsumatur finali.
Fuq l-effetti fiż-żmien ta’ l-annullament
89. Filwaqt li invoka l-Artikolu 231(2) KE u l-bżonn li tiġi evitata sitwazzjoni ta’ inċertezza għall-operaturi ekonomiċi u investituri fis-settur ta’ l-elettriku fl-Estonja kif ukoll għall-ħaddiema kkonċernati, il-Kunsill, sostnut f’dan mill-Gvern Estonjan u mill-Kummissjoni, talab lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li din tannulla d-Direttiva kkontestata, li żżomm l-effetti ta’ l-imsemmi att sakemm tiġi adottata direttiva ġdida.
90. Filwaqt li enfasizza li r-rikors tiegħu ma jikkonċernax il-fondatezza sostantiva tat-talba għal deroga ppreżentata mir-Repubblika ta’ l-Estonja, iżda biss il-bażi legali li fuqha ġiet adottata d-Direttiva kkontestata, il-Parlament indika li ma xtaqx jesprimi ruħu fir-rigward ta’ din it-talba tal-Kunsill.
91. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din it-talba saret fil-perspettiva ta’ eventwali annullament totali tad-Direttiva kkontestata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
92. Issa, f’dan il-każ, id-Direttiva kkontestata hija biss is-suġġett ta’ annullament parzjali safejn speċifikat fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, filwaqt li d-deroga temporanja għall-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54 li kienet tipprovdi d-Direttiva kkontestata hija miżmuma sal-31 ta’ Diċembru 2008. F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tiġi deċiża t-talba fuq imsemmija tal-Kunsill.
Fuq l-ispejjeż
93. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(3) ta’ l-istess Regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, peress li l-Kunsill tilef fil-parti l-kbira tal-motivi tiegħu, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(4), ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja u l-Kummissjoni li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/85/KE, tat-28 ta’ Ġunju 2004, li temenda d-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet fl-Estonja, hija annullata safejn tipprovdi favur l-Estonja deroga mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 21(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, li tmur lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2008 kif ukoll obbligu korrispettiv li tiggarantixxi ftuħ parzjali biss tas-suq li jirrappreżenta 35% tal-konsum fl-1 ta’ Jannar 2009 u obbligu ta’ komunikazzjoni annwali tal-limiti ta’ konsum li jestendu l-eleġibbiltà lill-konsumatur finali.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż.
4) Ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika ta’ l-Estonja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.