Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0411

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta* 25 ta' Jannar 2007.
    Salzgitter Mannesmann GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Kompetizzjoni - Akkordju - Suq ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura - Elementi ta' prova ta' oriġini anonima - Multa - Kooperazzjoni - Trattament ugwali.
    Kawża C-411/04 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:54


    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    25 ta' Jannar 2007 (*)

    “Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Suq ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura – Elementi ta' prova ta' oriġini anonima – Multa – Kooperazzjoni – Trattament ugwali”

    Fil-kawża C-411/04 P,

    li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja mressaq fit-23 ta' Settembru 2004,

    Salzgitter Mannesmann GmbH, li qabel kienet Mannesmannröhren-Werke GmbH, stabbilita f'Mülheim an der Ruhr (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u F. Wiemer, Rechtsanwälte,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan u H. Gading, bħala aġenti, assistiti minn H.-J. Freund, Rechtsanwalt, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, K. Schiemann u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 8 ta' Diċembru 2005,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Settembru 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Bl-appell tagħha, il-kumpannija Salzgitter Mannesmann GmbH, li qabel kienet Mannesmannröhren-Werke GmbH u, jerġa' qabel, Mannesmannröhren-Werke AG (iktar 'il quddiem "Mannesmann" jew ir-"rikorrenti"), titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-44/00, Ġabra p. II-2223, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), safejn din ċaħdet ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/382/KE, tat-8 ta' Diċembru 1999, rigward proċedura ta' implementazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża IV/E-1/35.860-B – Tubu ta' l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU L 140, 2003, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

     Id-deċiżjoni kkontestata

     L-akkordju

    2       Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indirizzat id-deċiżjoni kkontestata kontra tmien impriżi produtturi ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura. Fost dawn l-impriżi jinsabu erba' kumpanniji Ewropej (iktar 'il quddiem il-"produtturi Komunitarji"): Mannesmann, Vallourec SA (iktar 'il quddiem "Vallourec"), Corus UK Ltd (li qabel kienet British Steel Ltd, iktar 'il quddiem "Corus") u Dalmine SpA (iktar 'il quddiem "Dalmine"). L-erba' destinatarji l-oħra ta' l-imsemmija deċiżjoni huma kumpanniji Ġappuniżi (iktar 'il quddiem il-"produtturi Ġappuniżi"): NKK Corp., Nippon Steel Corp., Kawasaki Steel Corp. u Sumitomo Metal Industries Ltd (iktar 'il quddiem "Sumitomo").

    3       It-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura huma użati mill-industrija taż-żejt u l-gass, u jinkludu żewġ kategoriji wiesgħa ta' prodotti.

    4       L-ewwel kategorija hija dik tat-tubi ta' tiftix, komunement imsejħa "Oil Country Tubular Goods" jew "OCTG". Dawn it-tubi jistgħu jinbiegħu mingħajr kamin ("tubi lixxi") jew bil-kamin. Is-sistema tal-kamini hija operazzjoni intiża sabiex tippermetti l-għaqda tat-tubi OCTG. Dan jista' jitwettaq b'mod konformi ma' l-istandards stabbiliti mill-American Petroleum Institute (API), it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa "tubi OCTG standard", jew magħmula skond tekniċi partikolari, li s-soltu jkunu taħt privattiv. F'dan il-każ ta' l-aħħar, tissemma sistema tal-kamini jew, jekk ikun il-każ, "joints ta' l-aqwa kwalità" jew "premium", it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa "tubi OCTG premium".

    5       It-tieni kategorija ta' prodotti hija kostitwita minn pajpijiet ta' ġarr taż-żejt u tal-gass ("line pipe"), li fosthom jinsabu, minn naħa, dawk magħmula skond normi standardizzati u, min-naħa l-oħra, dawk magħmula fuq ordni fil-kuntest ta' proġetti speċifiċi (iktar 'il quddiem it-"pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’").

    6       F'Novembru 1994, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-eżistenza ta' prattiċi antikompetittivi fir-rigward ta' dawn il-prodotti. F'Diċembru ta' l-istess sena, hija għamlet verifiki għand diversi impriżi, fosthom Mannesmann. Bejn Settembru 1996 u Diċembru 1997, Il-Kummissjoni għamlet verifiki addizzjonali għand Vallourec, Dalmine u Mannesmann. Waqt verifka magħmula għand Vallourec fis-17 ta' Settembru 1996, il-president ta' Vallourec Oil & Gas, is-Sur Verluca, għamel ċerti dikjarazzjonijiet (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca"). Waqt verifika għand Mannesmann f'April 1997, il-manager ta' din l-impriża, is-Sur Becher, ukoll għamel dikjarazzjonijiet (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher").

    7       Il-Kummissjoni indirizzat ukoll talbiet ta' informazzjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), lil diversi impriżi. Peress li Dalmine rrifjutat li tibgħat ċerta informazzjoni mitluba, id-deċiżjoni C(97) 3036 tal-Kummissjoni, tas-6 ta' Ottubru 1997, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 ġiet indirizzata lilha. Dalmine ressqet rikors intiż għall-annullament ta' din id-deċiżjoni, li ġiet iddikjarata manifestament inammissibbli b'digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Ġunju 1998, Dalmine vs Il-Kummissjoni (T-596/97, Ġabra p. II-2383). Mannesmann, ukoll irrifjutat li tagħti ċerta informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Minkejja l-adozzjoni fil-konfront tagħha tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(98) 1204, tal-15 ta' Mejju 1998, rigward proċedura ta' implementazzjoni ta' l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998"), Mannesmann baqgħet tirrifjuta. Hija ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra din id-deċiżjoni. B'sentenza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-112/98, Ġabra p. II-729), il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat parzjalment l-imsemmija deċiżjoni u ċaħdet ir-rikors għall-bqija.

    8       Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u tas-Sur Becher kif ukoll fid-dawl ta' elementi oħra ta' prova, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li tmien impriżi destinatarji ta' din id-deċiżjoni kienu kkonkludew ftehim li kellu, b'mod partikolari, bħala suġġett il-ħarsien reċiproku tas-swieq nazzjonali tagħhom. Skond it-termini ta' dan il-ftehim, kull impriża ntrabtet li ma tbigħx tubi OCTG standard u pajpijiet ta' ġarr "proġett" fis-suq nazzjonali ta' parti oħra fl-imsemmi ftehim.

    9       Il-ftehim ġie konkluż fil-kuntest ta' laqgħat bejn produtturi Komunitarji u Ġappuniżi magħrufa bl-isem "klabb Ewropa-Ġappun".

    10     Il-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali kien indikat bl-espressjoni "regoli fundamentali" ("fundamentali"). Il-Kummissjoni osservat li r-regoli fundamentali kienu ġew effettivament mħarsa u li, għalhekk, il-ftehim in kwistjoni kellu effetti antikompetittivi fis-suq komuni.

    11     Il-ftehim kellu, b'kollox, tliet taqsimiet, l-ewwel waħda rrappreżentata mir-regoli fundamentali rigward il-ħarsien tas-swieq nazzjonali, evokati iktar 'il fuq, li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni waħda kkostitwita mill-iffissar ta' prezzijiet għas-sejħiet ta' offerti u ta' prezzijiet minimi għas-"swieq speċjali" ("special markets") u t-tielet waħda tikkonsisti fi tqassim tas-swieq dinjija l-oħra, bl-esklużjoni tal-Kanada u ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, permezz ta' ċwievet ta' tqassim ("sharing keys").

    12     Rigward l-eżistenza ta' regoli fundamentali, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sett ta' indizji dokumentati ċċitati fil-punti 62 sa 67 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fit-tabella li tinsab fil-punt 68 ta' dawn il-motivi. Minn din it-tabella jirriżulta li l-parti tal-produttur nazzjonali fil-kunsinni magħmula mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġappun u fis-suq domestiku ta' kull wieħed mill-produtturi Komunitarji hija għolja ħafna. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li, b'mod ġenerali, is-swieq nazzjonali ġew effettivament imħarsa mill-partijiet fil-ftehim.

    13     Il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun iltaqgħu f'Tokyo, fil-5 ta' Novembru 1993, sabiex jippruvaw jaslu għal ftehim ġdid ta' tqassim tas-swieq mal-produtturi ta' l-Amerika Latina. Il-kontenut ta' dan il-ftehim deċiż f'din l-okkażjoni jidher f'dokument mogħti lill-Kummissjoni fit-12 ta' Novembru 1997 minn informatur terz fil-proċedura, li kien jinkludi, b'mod partikolari, "ċavetta ta' tqassim " (iktar 'il quddiem id-dokument ‘ċavetta ta' tqassim’").

     It-tul ta' l-akkordju

    14     Il-klabb Ewropa-Ġappun ilu jiltaqa' mill-1977, madwar darbtejn fis-sena, u għamel dan sa l-1994.

    15     Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija s-sena 1990 li għandha titqies bħala l-punt ta' tluq tal-ftehim għall-għanijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont ta' tal-multi, fid-dawl ta' l-eżistenza, bejn l-1977 u l-1990, ta' akkordji ta' awtolimitazzjoni ta' l-esportazzjonijiet konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun. Skond il-Kummissjoni, il-ksur intemm fl-1995.

     Il-multi

    16     Għall-għanijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna għar-raġuni li l-ftehim kien intiż għall-ħarsien tas-swieq nazzjonali u għalhekk kien jippreġudika l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Madankollu hija osservat li l-bejgħ tat-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura mill-impriżi destintarji tad-deċiżjoni kkontestata fl-erba' Stati Membri kkonċernati kien jammonta biss għal madwar EUR 73 miljun fis-sena.

    17     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni stabbilit l-ammont tal-multa skond is-serjetà tal-ksur għal EUR 10 miljun għal kull waħda mit-tmien impriżi. Peress li huma kollha ta' daqs kbir, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm lok, għal din ir-raġuni, li tagħmel differenza fl-ammonti adottati.

    18     Peress li qieset li l-ksur kien ta' tul medju, il-Kummissjoni applikat żjieda ta' 10 % għal kull sena ta' parteċipazzjoni fl-akkordju stabbilit għall-ammont stabbilit skond is-serjetà sabiex tiffissa l-ammont bażi tal-multa imposta fuq kull impriża in kwistjoni. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-qasam tat-tubi ta' l-azzar għadda minn sitwazzjoni ta' kriżi li damet għal żmien twil u fid-dawl tal-fatt li s-sitwazzjoni ta' dan il-qasam marret lura mill-1991, il-Kummissjoni naqqset l-imsemmija ammonti bażi b'10 % minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti.

    19     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqqset b'40 % l-ammont tal-multa imposta fuq Vallourec, u naqqset b'20 % l-ammont ta' dik imposta fuq Dalmine, skond il-punt D 2 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-non impożizzjoni ta' multi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 207, 1996, p. 4, iktar 'il quddiem il-"komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni"), sabiex tikunnsidra l-fatt li dawn iż-żewġ impriżi kienu kkooperaw mal-Kummissjoni fl-istadju tal-proċedura amministrattiva.

     Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

    20     Skond l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tmien impriżi destinatarji ta' din id-deċiżjoni "[...] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, billi ħadu sehem [...] f'akkordju li jipprovdi, fost oħrajn, għall-ħarsien tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom għat-tubi OCTG [...] standard u tal-[pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’] mingħajr saldatura".

    21     L-Artikolu 1(2) ta' din id-deċiżjoni jipprovdi li l-ksur seħħ bejn l-1990 u l-1995 fil-każ ta' Mannesmann, Vallourec, Dalmine, Sumitomo, Nippon Steel Corp., Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp. Fir-rigward ta' Corus, huwa indikat li l-ksur kien dam mill-1990 sa Frar 1994.

    22     Id-dispożizzjonijiet l-oħra rilevanti tal-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

    "L-Artikolu 2      

    1.      [Mannesmann], Vallourec [...], [Corus] u Dalmine [...]kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, billi kkonkludew, fil-kuntest tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, kuntratti li rriżultaw fi tqassim tal-provvisti ta' tubi OCTG lil [Corus] (Vallourec [...] mill-1994).

    2.      Fir-rigward ta' [Corus], il-ksur seħħ bejn l-24 ta' Lulju 1991 u Frar 1994. Fil-każ ta' Vallourec [...], il-ksur seħħ bejn l-24 ta' Lulju 1991 u t-30 ta' Marzu 1999. Fil-każ ta' Dalmine [...], il-ksur seħħ bejn l-4 ta' Diċembru 1991 u t- 30 ta' Marzu 1999. Fil-każ ta' [Mannesmann], il-ksur seħħ bejn id-9 ta' Awwissu 1993 u l-24 ta' April 1997.

    [...]

    L-Artikolu 4

    Il-multi li ġejjin kienu huma imposti fuq l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1, minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:

    1.      [Mannesmann] EUR 13 500 000

    2.      Vallourec [...] EUR 8 100 000

    3.      [Corus] EUR 12 600 000

    4.      Dalmine [...] EUR 10 800 000

    5.      Sumitomo [...] EUR 13 500 000

    6.      Nippon Steel [...] EUR 13 500 000

    7.      Kawasaki Steel [...] EUR 13 500 000

    8.      NKK [...] EUR 13 500 000".


     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

    23     B'rikorsi ppreżentati lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sebgħa mit-tmien impriżi ssanzjonati mid-deċiżjoni kkontestata, fosthom Mannesmann, ressqu rikorsi, kollha għall-annullament, totali jew parzjali, ta' din id-deċiżjoni u, sussidjarjament, għall-annullament tal-multa imposta fuqhom jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħha.

    24     Bis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza:

    –       annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata safejn din ddeċidiet li kien jeżisti l-ksur li bih dan l-Artikolu akkuża lil Mannesmann qabel l-1 ta' Jannar 1991;

    –       iffissat l-ammont tal-multa imposta fuq Mannesmann għal EUR 12 600 000;

    –       ċaħdet ir-rikors għall-bqija;

    –       ordnat li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25     Fl-appell tagħha, Mannesmann talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    –       tannulla s-sentenza kkontestata safejn din ċaħdet ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata;

    –       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    –       sussidjarjament, tnaqqas il-multa ffissata fl-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata u l-imgħax għal dewmien ffissat fl-Artikolu 5 ta' din ta' l-aħħar;

    –       kif ukoll, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, bl-iskop ta' deċiżjoni ġdida ta' din ta' l-aħħar fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    26     Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

     Fuq l-appell

    27     Mannesmann tqajjem tliet motivi ta' annullament, ibbażati rispettivament fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, fuq applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 81 KE għall-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq

     L-argumenti tal-partijiet

    28     Skond Mannesmann, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta kkunsidrat li d-dokument "ċavetta ta' tqassim", imsemmi fil-punt 13 ta' din is-sentenza u li fuqha l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata, b'mod partikolari l-punti 85 u 86 tal-motivi ta' din id-deċiżjoni, kien ammissibbli inkwantu element ta' prova kontriha.

    29     B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret id-dritt għal smigħ xieraq. Fil-fatt, peress li dan id-dokument kien intbagħat lill-Kummissjoni minn terz mhux magħruf minn Mannesmann, din ta' l-aħħar ma setgħatx tivverfika l-awtentiċità ta' l-imsemmi dokument, u ma setgħetx tiddefendi lilha nnfisha b'mod effettiv.

    30     Barra minn hekk, peress li dan it-terz afferma lill-Kummissjoni li huwa kien kiseb id-dokument "ċavetta ta' tqassim" minn aġent kummerċjali ta' waħda mill-impriżi kkonċernati, mingħajr ma identifikah, il-Kummissjoni lanqas ma taf l-identità tal-persuna min għand min oriġina d-dokument.

    31     Skond Mannesmann, jirriżulta mill-ġurisprudenza li element ta' prova ma jistax jiġi użat jekk l-awtur tiegħu ma jiġix żvelat. Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma interpretatx korrettament din il-ġurisprudenza, li tgħid, li waqt l-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' prova, hemm lok li tiġi vverifikata l-oriġini ta' dawn ta' l-aħħar. F'dan ir-rigward, Mannesmann tosserva li mhux eskluż li terzi jibagħtu lill-Kummissjoni elementi ta' prova ffalsifikati sabiex jikkawżaw ħsara lil impriża għal motivi personali jew kummerċjali. Għaldaqstant, l-impriża kkonċernata għandha tkun tista' tesprimi l-opinjoni tagħha fuq il-kredibbiltà ta' l-informatur.

    32     Mannesmann tinvoka wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem relatata mad-dritt għal smigħ xieraq, li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea"). Skond din il-ġurisprudenza, il-konvenut għandu jkollu l-possibbiltà li jikkontesta mhux biss l-awtentiċità ta' dikjarazzjonijiet anonimi, iżda wkoll il-kredibbiltà tal-persuna protetta mill-anonimat. Barrra minn hekk, din il-ġurisprudenza tikkonferma illi, anki jekk l-użu ta' dikjarazzjonijiet anonimi huwa ammissibbli matul il-fażi ta' inkjesta ta' proċediment, tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jiġi użati bħala elementi ta' prova kontra l-parti akkużata.

    33     Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-Artikoli 46 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Karta"), li jikkorrispondu għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea u li jiggarantixxu d-dritt għal smigħ xieraq. Hija tenfasizza li, skond l-Artikolu 52(3), il-Karta għandha tagħti lok għal interpretazzjoni mill-qrati li tiggarantixxi livell ta' protezzjoni li mhuwiex inqas minn dak offert mill-Konvenzjoni Ewropea.

    34     Mannesmann tqis, barra minn hekk, li l-użu ta' element ta' prova ta' oriġini anonima huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta' l-Istat suġġett għar-regola ta' dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 6(1), UE. Fil-fatt, jekk ma jistax jiġi vverifikat li dan l-element ta' prova ġie effettivament mibgħut lill-Kummissjoni minn terza persuna, jeżisti riskju ta' manipulazzjoni u ta' arbitrarjetà.

    35     Skond il-Kummissjoni, dan il-motiv huwa inammissibbli għaliex ir-rikorrenti tinvoka għall-ewwel darba ksur tal-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza hija kienet sostniet, b'mod ġenerali, ksur tad-drittijiet tad-difiża. Barra minn hekk, Mannesmann ma tistax takkuża lill-Kummissjoni bi ksur tal-Karta, peress li din ġiet ipproklamata biss fis-7 ta' Diċembru 2000, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata ġġib id-data tat-8 ta' Diċembru 1999.

    36     F'kull każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata minn Mannesmann mhijiex rilevanti f'din il-kawża, peress li hija tikkonċerna l-użu ta' xhieda anonimi fil-kuntest ta' proċediment kriminali, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna proċediment intiż għall-impożizzjoni ta' multa taħt id-dritt tal-kompetizzjoni.

    37     Imbagħad, il-Kummissjoni ssostni li ksur tad-drittijiet tad-difiża jista' jittieħed in kunsiderazzjoni biss meta l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tevalwa elementi ta' prova li jitressqu quddiemha fuq il-bażi ta' informazzjoni li d-difiża ma setgħetx tesprimi ruħha fuqhom. Issa, Mannesmann setgħet tesprimi ruħha fuq l-argumenti esposti mill-Kummissjoni fil-punti 121 u 122 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-awtentiċità tad-dokument in kwistjoni. Barra minn hekk, l-anonimat ta' l-awtur ta' dan id-dokument u tat-terz li bagħat id-dokument lill-Kummissjoni, ma pprekludiex lir-rikorrenti milli jivverifika l-kredibbiltà u r-rilevanza tal-kontenut ta' l-imsemmi dokument.

    38     Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet affidabbiltà limitata ħafna lid-dokument in kwistjoni għall-motiv, preċiżament, li l-kuntest tat-tfassil tiegħu, fil-biċċa l-kbira, mhux magħruf. Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet madankollu ċertu valur ta' prova lil dan id-dokument, dan kien minħabba l-fatt li dan jinkludi informazzjoni partikolari li taqbel ma' l-informazzjoni li tinsab f'dokumenti oħra.

    39     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk hija ma kinitx setgħet tuża l-imsemmi dokument bħala prova mressqa, dan il-fatt ma affettwax il-konstatazzjoni tal-ksur deskritt fl-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-esklużjoni ta' ċerti dokumenti użati mill-Kummissjoni bi ksur tad-drittijiet tad-difiża hija biss rilevanti safejn l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni ma jistgħux jiġu ppruvati ħlief b'riferiment għal dawn id-dokumenti, li mhuwiex il-każ f'din il-kawża.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    40     Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-prinċipju ġenerali ta' dritt Komuitarju li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq (is-sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra. p. I-8417, punt 21; tal-11 ta' Jannar 2000, L-Olanda u Van der Wal vs Il-Kummissjoni, C-174/98 P u C-189/98 P, Ġabra p. I-1, punt 17, u tat-2 ta' Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punt 65).

    41     Hija ddeċidiet ukoll li dan il-prinċipju huwa ispirat mid-drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali ta' dritt Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassigura r-rispett tagħhom billi tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet pprovduti b'mod partikolari mill-Konvenzjoni Ewropea (is-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar 'il fuq, punt 65).

    42     Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata mir-rikorrenti mhijiex determinanti fil-każ in kwistjoni. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna b'mod partikolari x-xhieda fil-proċedimenti kriminali, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna dokument imfassal fil-kuntest ta' proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81. Issa, fil-kawżi ta' dritt Komunitarju fuq il-kompetizzjoni, ix-xhieda għandha biss rwol sekondarju, filwaqt li d-dokumenti bil-miktub għandhom rwol ċentrali.

    43     Kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-produzzjoni ta' prova fil-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju fuq il-kompetizzjoni hija kkaratterizzata mill-fatt li d-dokumenti eżaminati spiss jinkludu sigrieti kummerċjali jew informazzjoni oħra li ma tistax tiġi żvelata jew li tista' tiġi żvelata biss taħt restrizzjonijiet importanti.

    44     F'dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prattiċi antikompetittivi, il-prinċipju li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq jista' jiġi interpretat biss fis-sens li d-dokumenti li jinkludu elementi ta' prova mressqa għandhom awtomatikament jiġu esklużi bħala mezz ta' prova meta ċerti informazzjoni għandha tibqa' kunfidenzjali. Din il-kunfidenzjalità tista' wkoll tapplika għall-identità ta' l-awturi tad-dokumenti kif ukoll tal-persuni li bagħtu dawn id-dokumenti lill-Kummissjoni.

    45     Fir-rigward ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet:

    "84      […], li f'dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tad-dokument 'ċavetta ta' tqassim' bħala prova tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt Komunitarju huwa dak ta' l-evalwazzjoni ħielsa tal-provi u li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti huwa l-kredibbiltà tagħhom […]. Barra minn hekk, jista' jkun li l-Kummissjoni jkollha bżonn tipproteġi l-anonimat ta' l-informaturi […] u dan il-fatt ma jistax ikun biżżejjed sabiex jobbliga lill-Kummissjoni twarrab prova li hija għandha f'idejha.

    85      Għaldaqstant, minkejja li l-argumenti ta' Mannesmann jistgħu jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà u, għalhekk, tal-valur probatorju tad-dokument "ċavetta ta' tqassim", m'hemmx lok li jiġi kkunsidrat li din hija prova inammissibbli li għandha titneħħa mill-inkartament".

    46     Jirriżulta barra minn hekk, mis-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kredibbiltà tad-dokument "ċavetta ta' tqassim", l-oriġini anonima tagħha. Fil-fatt hija ddeċidiet fil-punt 86 tas-sentenza kkontestata, li "safejn Mannesmann użat l-argumenti tagħha dwar l-ammissibiltà ta' l-imsemmi dokument bħala bażi għal ilment rigward il-kredibbiltà ta' dan id-dokument, għandu jiġi kkonstatat li din il-kredibbiltà neċessarjament tonqos minħabba l-fatt li l-kuntest tat-tfassil tiegħu, fil-biċċa l-kbira, mhux magħruf u li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward ma jistgħux jiġu vverifikati."

    47     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrikonoxxiet li element ta' prova ta' oriġini anonima, bħad-dokument "ċavetta ta' tqassim" ma jistax minnu nnifsu jistabbilixxi l-eżistenza ta' ksur tad-dritt Komunitarju fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt hija ddeċidiet fil-punt 87 tas-sentenza kkontestata li huwa biss "safejn id-dokument 'ċavetta ta' tqassim' jinkludi informazzjoni speċifika li tikkorrispondi għal dik li tinsab f'dokumenti oħra, b'mod partikolari fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, li għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi jistgħu jsaħħu ruħhom reċiprokament". Fil-punti 81 u 82 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà kienet enfasizzat li d-dokument "ċavetta ta' tqassim" jagħmel parti minn sett ta' elementi ta' prova u li huwa kellu biss importanza inċidentali. Din l-evalwazzjoni tidher ukoll fil-punt 94 ta' l-istess sentenza, li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonkludi li l-imsemmi dokumenti jżomm valur probatorju biss "sabiex jikkorrobora, fil-kuntest ta' sett ta' indizji koerenti identifikati mill-Kummissjoni, ċerti stqarrijiet essenzjali li jidhru fl-istqarrijiet tas-Sur Verluca".

    48     Fir-rigward tal-limiti b'hekk applikati mill-Qorti tal-Prim'Istanza għas-saħħa probatorja tad-dokument "ċavetta ta' tqassim", għandu jiġi konkluż li ebda żball ta' dritt ma twettaq fl-analiżi ta' l-ammissibbiltà u ta' l-utlità ta' dan id-dokument inkwantu element ta' prova.

    49     Għall-bqija, huwa paċifiku li Mannesmann setgħet tesprimi l-opinjoni tagħha fuq id-dokument "ċavetta ta' tqassim" u li ssostni l-argumenti tagħha kontra l-valur probatorju ta' dan id-dokument, fir-rigward ta' l-oriġini anonima ta' dan.

    50     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi mwarrab, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk Mannesmann invokatx, essenzjalment, id-dritt għal smigħ xieraq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, jew dwar jekk Mannesmann setgħetx, f'din il-kawża, tinvoka l-Karta, li ġiet ipproklamata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 81 KE għall-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

     L-argumenti tal-partijiet

    51     Skond Mannesmann, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat bi żball l-eżistenza tal-ksur tad-dritt fuq il-kompetizzjoni deskritt fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ma ppruvatx li, billi kkonkludiet kuntratt ta' provvista ma' Corus fl-1993, Mannesmann kienet ikkonkludiet ftehim orizzontali ma' Vallourec u Dalmine jew stabbilit prattika miftiehma ma' dawn l-impriżi.B'mod partikolari, hija ma ppruvatx li Mannesmann kienet taf bl-eżistenza tal-kuntratt ta' provvista konkluż bejn Corus u Vallourec, kif ukoll dak konkluż bejn Corus u Dalmine, u tal-pjan globali allegatament stabbilit minn Vallourec. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonfermat din l-evalwazzjoni żbaljata u mhux kompleta tal-provi tal-Kummissjoni.

    52     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball meta ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntratti ta' provvista in kwistjoni ma ġewx konklużi fl-istess żmien, billi kkunsidrat li ż-żmien relattivament twil ta' dawn il-kuntratti kien juri l-eżistenza ta' ftehim orizzontali u billi qieset li ebda eżenzjoni ma kienet applikabbli f'din il-kawża.

    53     Fuq dan il-punt ta' l-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljatament warrbet l-argumenti tagħha dwar l-applikabblità, dwar ir-relazzjonijiet vertikali bejn Cours u Mannesmann, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta' Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, p. 21). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ħaditx in kunsiderazzjoni r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1983/83, tat-22 ta' Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu [81] (3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehimiet ta' distribuzzjoni esklużiva (ĠU L 173, p. 1), u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta' Ġunju 1983, li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' l-Artikolu [81] (3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehimiet ta' xiri eslużiv (ĠU L 173, p. 5), u li teskludi, fuq din il-bażi, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(1) KE għall-kuntratt bejn Mannesmann u Corus.

    54     Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli peress li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti. Barra minn hekk, anki kieku dan il-motiv kien ammissibbli u fondat, huwa ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata u tad-deċiżjoni kkontestata safejn l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija deċiżjoni huwa kkonċernat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    55     Għandu jiġi mfakkar li, f'każ ta' appell, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola ġenerali, li teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset in sostenn ta' dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi inkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali ta' dritt u r-regoli ta' proċedura applikabbli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha (is-sentenza tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 22). Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta' żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kwistjoni ta' dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi tat-2 ta' Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, C-53/92 P, Ġabra p. I-667, punt 42, u s-sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 49)

    56     Għandu jiġi kkonstatat li, bl-eżami tagħha ta' l-eżistenza tal-ksur deskritt fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbilit elementi ta' fatt li huma barra mill-kompetenza ta' stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell. Għaldaqstant, peress li ma kkonstatatx żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova, ineżattezza materjali jew ksur tar-regoli fil-qasam ta' provi u ta' evalwazzjoni tal-provi, l-argument tar-rikorrenti rigward il-kwistjonijiet dwar jekk, minn naħa, hija kinitx ikkonkludiet ftehim orrizzontali jew stabbiliet prattika miftiehma ma' Vallourec u Dalmine, u, min-naħa l-oħra, jekk hija kinitx taf bil-kuntratti konklużi bejn dawn l-impriżi l-oħra jew bi pjan globali stabbilit minn Vallourec, għandu jiġi mwarrab bħala inammissibbli. Dan japplika wkoll għall-argument tagħha li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tevalwa b'mod differenti ċerti ċirkustanzi ta' fatt, bħat-tul tal-kuntratti in kwistjoni u l-fatt li dawn ma ġewx konklużi fl-istess żmien.

    57     Rigward ir-Regolamenti Nru 1983/83 u Nru 1984/83, għandu jiġi kkonstatat li huma invokati għall-ewwel darba fl-istadju ta' l-appell. L-ilment ibbażat fuq dawn ir-Regolamenti huwa għaldaqstant inammissibbli.

    58     Safejn ir-rikorrenti tinvoka r-Regolament Nru 2790/1999, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet korrettement, fil-punt 171 tas-sentenza kkontestata, li "dan ir-Regolament ma jistax jiġi applikat korrettament f'din il-kawża, ladarba d-deċiżjoni [kkontestata] ġiet adottata fit-8 ta' Diċembru 1999 u ladarba l-Artikolu 2 tiegħu jirrigwarda, f'dak li jikkonċerna Mannesmann, perijodu li jmur bejn l-1993 u l-1997, jiġifieri perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru  2790/1999, l-1 ta' Ġunju 2000". Fil-punt 172 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet, ukoll ġustament li "safejn dan ir-Regolament jista' madankollu jkun rilevanti b'mod indikattiv f'din il-kawża, fis-sens li jikkostitwixxi teħid ta' pożizzjoni mill-Kummissjoni f'Diċembru 1999 fir-rigward tan-natura ta' ftit dannu fuq il-kompetizzjoni tal-ftehimiet vertikali, għandu jiġi osservat li dan ir-Regolament japplika l-Artikolu 81( 3) KE. Issa, jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 17 li l-ftehimiet bejn l-impriżi jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni individwali skond din id-dispożizzjoni biss jekk huma nnotifikaw lill-Kummissjoni għal dan il-għan, li ma sarx f'dan il-każ."

    59     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat.

     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

     L-argumenti tal-partijiet

    60     Mannesmann issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali billi ma naqqsithiliex il-multa skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

    61     F'dan ir-rigward, Mannesmann tfakkar li, mad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher, hija kkontribwiet għall-istabbiliment tal-fatti u li hija ma kkontestatx dawk stabbiliti fil-komunikazzjoni ta' lmenti. Hija osservat li Vallourec kisbet tnaqqis ta' 40 % fl-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni peress li, bid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, hija kienet kkontribwiet għall-istabbiliment tal-fatti u li Dalmine kisbet tnaqqis ta' 20 %, għaliex ma kinitx ikkontestat il-fatti. L-assenza ta' tnaqqis mogħti lil Mannesmann jikkostitwixxi inugwaljanza ta' trattament.

    62     Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-portata tar-rikors tagħha, imsemmija fil-punt 7 ta' din is-sentenza, magħmul kontra d-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998.

    63     Hija tqis, l-ewwel nett, li l-motivi tas-sentenza kkontestata relatati ma' dan ir-rikors m'għandhomx x'jaqsmu ma' din il-kawża.

    64     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġibdet konklużjonijiet żbaljati mill-għeluq tal-kawża fuq id-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li hija ma aċċettatx li tirtira l-appell tagħha magħmul mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza f'din il-kawża ħlief wara li laħqet kompromess mal-Kummissjoni li jgħid li din tirrinunzja għat-talba tagħha għal informazzjoni.

    65     Mannesmann tfakkar ukoll li r-rikors tagħha dirett kontra d-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998 kien ġie ddikjarat parzjalment fondat. Fl-aħħar nett, hija tosserva li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet fil-punt 310 tas-sentenza kkontestata, hija ma tistax tiġi akkużata li żammet ir-rifjut tagħha li tagħti l-informazzjoni mitluba.

    66     Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-fatti u li huwa għalhekk inammissibbli. F'dan ir-rigward, hija tenfasizza li r-rikorrenti ma ssostniex li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat fatti jew elementi ta' prova billi kkonstatat, fil-punt 309 tas-sentenza kkontestata, li Mannesmann ma kinitx ippruvat li l-kooperazzjoni tagħha effettivament iffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fis-sejba ta' ksur u fit-teħid ta' proċeduri kontrihom.

    67     Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat ġustament, fil-punti 302 u 305 tas-sentenza kkontestata, li l-informazzjoni mogħtija minn Mannesmann lill-Kummissjoni mhijiex komparabbli ma' dik mogħtija minn Vallourec, u li, kuntrarjament għal Dalmine, Mannesmann ma indikatx espressament li hija ma tikkontestax il-fatti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    68     Għandu jiġi mfakkar li minkejja li, fil-kuntest ta' appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi, għal raġunijiet ta' ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multi imposti fuq l-impriżi minħabba l-ksur, minn dawn, tad-dritt Komunitarju, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta' tali kompetenza ma jistax iwassal, waqt l-istabbiliment ta' l-ammont ta' l-imsemmija multi, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew għal prattika miftiehma li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE (is-sentenzi tas-16 ta' Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 96 u 97, u tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 617).

    69     Madankollu, l-appell għandu jindika argumenti ġuridiċi li jsostnu b'mod speċifiku l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, u fin-nuqqas dan l-imsemmi motiv ikun inammissibbli (is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et. vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 618).

    70     Għandu jiġi kkonstatat li, safejn ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, magħmula fil-punt 301 tas-sentenza kkontestata għar-raġunijiet spjegati fil-punti 297 sa 300 ta' din is-sentenza, li tgħid li "l-utilità tad-dikjarazzjoni tas-Sur Becher tistrieħ esklużivament fuq il-fatt li huwa jikkorrobora, sa ċertu punt, dawk tas-Sur Verluca li l-Kummissjoni diġà kellha fid-dispożizzjoni tagħha, u li, għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ma ffaċilitatx il-kompitu tal-Kummissjoni b'mod sinjifikanti u, għalhekk, suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni", l-argument tagħha huwa ta' natura fattwali u għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Għaldaqstant mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' dan l-appell, li tistħarreġ il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 302 tas-sentenza kkontestata, li tgħid li "l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni minn Mannesmann qabel ma tintbagħat il-[komunikazzjoni ta' lmenti] mhijiex komparabbli ma' dik mogħtija minn Vallourec" u li, "[f']kull każ, din l-informazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika tnaqqis ta' l-ammont tal-multa imposta skond il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni".

    71     Fir-rigward, imbagħad, tat-tqabbil mal-kooperazzjoni ta' Dalmine, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punti 303 sa 305 tas-sentenza kkontestata, li "sabiex tibbenefika minn tnaqqis ta' l-ammont minħabba n-nuqqas ta' kontestazzjoni tal-fatti, b'mod konformi mal-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, impriża għandha tinforma b'mod espliċitu lill-Kummissjoni li mhijiex biħsiebha tikkontesta s-sustanza tal-fatti, wara li tkun mgħarrfa bil-komunikazzjoni ta' lmenti". Din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustrrizzja, li tgħid li għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ir-rikonoxximent espliċitu ta' ksur u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi nuqqas ta' kontestazzjoni ta' dan, li ma jgħinx sabiex jiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li jikkonsisti fis-sejba u t-twaqqif tal-ksur tar-regoli Komunitarji fuq il-kompetizzjoni (is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni, C‑65/02 P u C-73/02 P, Ġabra p. I-6773, punt 58). Għalhekk, fin-nuqqas ta' tali rikonoxximent espliċitu min-naħa tar-rikorrenti, l-argument ta' din ta' l-aħħar ibbażat fuq diskriminazzjoni fir-rigward ta' Dalmine għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

    72     Rigward ir-rikors imressaq minn Mannesmann kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 310 u 311 tas-sentenza kkontestata, li anki jekk "l-aġir ta' Mannesmann li jikkonsisti fil-kontestazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni tal-15 ta' Mejju 1998 kien, ovvjament, perfettament leġittimu u ma jistax jitqies li jaqa' taħt nuqqas ta' kooperazzjoni", jibqa' l-fatt li r-rikors tagħha f'dan ir-rigward ġie miċħud fil-biċċa l-kbira, bis-sentenza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, għar-raġuni li "il-biċċa l-kbira ta' l-informazzjoni li Mannesmann irrifjutat li tipproduċi kienet ġiet mitluba mill-Kummissjoni b'mod leġittimu".

    73     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'istanza setgħet tikkonkludi ġustament, fil-punt 312 tas-sentenza kkontestata, li, "minħabba l-aġir illegali ta' Mannesmann, il-Kummissjoni qatt ma kellha numru importanti ta' informazzjoni li hija kienet talbet legalment li jiġu prodotti fl-istadju tal-proċedura amministrattiva" u li, għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-attitudni ta' Mannesmann fl-istadju tal-proċedura amministrattiva, evalwata globalment, huwa aġir ta' kooperazzjoni effettiva f'din il-kawża". Din il-konklużjoni mhijiex, barra minn hekk, ikkontestata mill-fatt li l-appell inizjalment imressaq minn Mannesmann mis-sentenza ta' l-20 ta' Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, tneħħa wara l-intervent ta' kompromess bejn il-partijiet.

    74     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

    75     Peress li ebda wieħed mill-motivi tar-rikorrenti ma jista' tintlaqa', l-appell għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    76     Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69 (2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 ta' l-istess Regolament, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Mannesmann tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mill-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Salzgitter Mannesmann GmbH hija ordnata tbati l-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top