Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0356

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta' Settembru 2006.
    Lidl Belgium GmbH & Co. KG vs Etablissementen Franz Colruyt NV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank van koophandel te Brussel - il-Belġju.
    Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE - Reklamar qarrieqi - Reklamar komparattiv - Kundizzjonijiet li taħthom reklamar komparattiv huwa permess - Paragun tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ - Paragun tal-prezzijiet ta' assortiment ta' prodotti.
    Kawża C-356/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:585

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    19 ta' Settembru 2006 (*)

    "Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE – Reklamar qarrieqi – Reklamar komparattiv – Kundizzjonijiet li taħthom reklamar komparattiv huwa permess – Paragun tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ – Paragun tal-prezzijiet ta' assortiment ta' prodotti"

    Fil-kawża C-356/04,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-29 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Awwissu 2004, fil-proċedura

    Lidl Belgium GmbH & Co KG

    vs

    Etablissementen Franz Colruyt NV,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann (Relatur) u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Diċembru 2005,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Lidl Belgium GmbH & Co KG , minn M. Lebbe, advocaat,

    –       għal Etablissementen Franz Colruyt NV, minn H. De Bauw, advocaat,

    –       għall-Gvern Belġjan, minn M. Wimmer, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli‑Surrans, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u R. Troosters, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Marzu 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3a (1) (a), (b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/450/KEE ta' l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 250, p. 17), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE tas-6 ta' Ottubru 1997 (ĠU L 290, p.18, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

     Il-kuntest ġuridiku

    2       L-Artikolu 1 tad-Direttiva jipprovdi:

    "Il-għan ta' din id-Direttiva huwa li jipproteġi konsumaturi, persuni eżerċjenti f'sengħa jew negozju jew eżerċjenti f'okkupazzjoni jew professjoni u l-interessi tal-pubbliku in ġenerali kontra reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi inġusti tiegħu u biex jistipula l-kondizzjonijiet li bihom reklamar komparattiv huwa permess."

    3       Skond l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, reklamar qarrieqi jfisser

    "kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż il-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm proababilta li jqarraq lill-persuni li lejhom ikun ġie indirizzati jew li jasal għandhom u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwaw l-imġieba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabilta li jagħmel ħsara lill-kompetitur".

    4       l-Artikolu 2(2a) tad-Direttiva jiddefinixxi r-reklamar komparattiv bħala:

    "kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur".

    5       L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

    Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tiegħu kollha, u b'mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar:

    a)      il-karatteristiċi tal-merkanzija jew servizzi, bħad-disponibbiltà tagħhom, in-natura, l-eżekuzzjoni, l-kompożizzjoni, il-metodu u d-data ta’ manifattura jew provvista, kemm huma adattati għall-iskop, l-użu, il-kwantita, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li għandhom jistennew mill-użu tagħhom, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi materjali tat-testijiet jew kontrolli mwettqa fuq il-merkanzija jew servizzi;

    b)      il-prezz jew il-manjiera li bihom l-prezz jiġi kkalkolat, u l-kondizzjonijiet li bihom il-merkanzija tkun pprovduti jew is-servizzi jkunu mogħtija;

    ċ)      in-natura, l-attributi u d-drittijiet ta’ min jagħmel ir-reklam, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki u l-pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premjijiet u d-distinzjonijiet tiegħu."

    6        L-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva jipprovdi:

    "Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    a)      ma jkunx qarrieqi skond l-Artikoli 2(2), 3 […]

    b)      jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop;

    ċ)      jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta' dawk l-oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

    […]"

    7       L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jipprovdi:

    "L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm mezzi adekwati u effettivi biex jikkumbattu reklamar qarrieqi u b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' reklamar komparattiv fl-interessi tal-konsumaturi kif ukoll tal-kompetituri u l-pubbliku ġenerali.

    [...]"

    8       Skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva:

    "L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi setgħat li jagħtuhom poteri fil-proċeduri ċivili jew amministrattivi li hemm ipprovdut dwarhom fl-Artikolu 4:

    a)      biex jeżiġu mill-konsulent li jagħti xhieda għall-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar jekk, waqt li jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-konsulent u kull parti oħra tal-proċeduri, dan ir-rekwiżit jidher xieraq fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u fil-każ ta' reklamar komparattiv biex jeżiġu mill-konsulent biex jagħti din ix-xhieda f'perijodu qasir ta' żmien;

    u

    b)      biex jikkunsidra l-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk ix-xhieda mitluba skond (a) ma tingħatax jew titqies bħala mhux suffiċjenti mill-qorti jew awtorità amministrattiva."

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9       Kemm il-kumpannija Lidl Belgium GmbH & Co KG (iktar 'il quddiem "Lidl") kif ukoll il-kumpannija Etablissementen Franz Colruyt NV (iktar 'il quddiem "Colruyt") għandhom netwerk ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ fil-Belġju li l-attività prinċipali tagħhom hija l-bejgħ bl-imnut ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum, taħt l-ismijiet Lidl u Colruyt rispettivament.

    10     Fid-19 ta' Jannar 2004, Colruyt bagħtet ittra lill-klijenti tagħha (iktar 'il quddiem l-"ittra kkontestata") li taqra kif ġej:

    "[…]

    Matul is-sena li għaddiet, jiġifieri l-2003, inthom stajtu mill-ġdid tiffrankaw b'mod sostanzjali billi tagħmlu x-xirja tagħkom mingħand Colruyt.

    Fuq il-bażi ta' l-indiċi tagħna tal-prezzijiet medji għas-sena li għaddiet, aħna kkalkulajna li familja li tonfoq 100 EUR fil-ġimgħa għand Colruyt:

    –       iffrankat bejn 366 u 1129 EUR billi għamlet ix-xiri tagħha mingħand Colruyt u mhux mingħand xi supermarkit ieħor (bħal Carrefour, Cora, Delhaize, etc.);

    –       iffrankat bejn 155 u 293 EUR billi għamlet ix-xiri tagħha mingħand Colruyt u mhux mingħand xi 'hard discounter' jew xi bejjiegħ bl-ingrossa (Aldi, Lidl, Makro).

    Fuq wara tistgħu taqraw l-evoluzzjoni tad-differenza fil-prezzijiet fil-konfront ta' l-istabbilimenti l-oħra tal-bejgħ matul l-2003. Dawn iċ-ċifri jindikaw li d-differenza bejn Colruyt u l-istabbilimenti l-oħra tal-bejgħ kibret iktar f'dawn l-aħħar xhur.

    Sabiex ikunu jistgħu jiġu assigurati l-irħas prezzijiet b'mod permanenti, aħna, ta' kuljum, nagħmlu paragun ma' tmintax il-elf prezz ta' l-istabbilimenti oħra tal-bejgħ. Barra minn dan, aħna niġbru wkoll il-promozzjonijiet kollha. Minn dan isegwi li l-informazzjoni tagħna hija aġġornata sewwa. Aħna nżommu l-prezzijiet kollha fil-kompjuter ċentrali tagħna.

    Fuq din il-bażi, ta' kull xahar aħna nikkalkulaw id-differenza li jkun hemm bejn il-prezzijiet ta' Colruyt u dawk ta' l-istabbilimenti l-oħra tal-bejgħ. Dan insejħulu l-indiċi tal-prezzijiet tagħna li huwa ċċertifikat minn Quality Controle, l-istitut indipendenti tal-kontroll tal-kwalità.

    Konklużjoni: għand Colruyt intom tgawdu l-irħas prezzijiet, ta' kuljum u f'kull mument tas-sena. Aħna nagħtu din il-garanzija wkoll għall-2004".

    11     Fuq wara ta' l-imsemmija ittra jidhru żewġ graffs. L-ewwel wieħed jindika d-differenza fil-prezzijiet bejn Colruyt u l-kompetituri tagħha fit-22 ta' Diċembru 2003, differenza li jingħad li ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta' paragun ta' kuljum tal-prezzijiet, fosthom il-prezzijiet promozzjonali, ta' prodotti simili mibjugħa f'kull stabbiliment Colruyt u fl-istabbilimenti li jikkompetu miegħu li jinsabu fir-reġjun. It-tieni graff jindika l-evoluzzjoni ta' din l-istess differenza għas-sena 2003 kollha.

    12     Barra minn hekk, fuq l-irċevuti maħruġa mill-istabbilimenti tal-bejgħ immexxija minn Colruyt jidher messaġġ li jgħid hekk:

    "Kemm iffrankajtu fl-2003?

    Jekk kull ġimgħa nfaqtu 100 EUR għand Colruyt, skond l-indiċi tal-prezzijiet tagħna intom għalhekk iffrankajtu:

    –       minn 366 sa 1129 EUR meta mqabbla mas-supermarkits l-oħra (bħal Carrefour, Cora, Dalhaize, etc.)

    –       Minn 155 sa 293 EUR meta mqabbla ma' hard discounter jew ma' bejjiegħ bl-ingrossa (Aldi, Lidl, Makro)."

    13     Kemm l-ittra kkontestata kif ukoll l-irċevuti jirreferu wkoll għas-sit internet ta' Colruyt fejn huma spjegati f'iktar dettall is-sistema ta' paragun tal-prezzijiet li tuża Colruyt u l-metodu li bih jiġi kkalkulat l-indiċi tal-prezzijiet.

    14     Barra minn hekk, xi fuljetti pubbliċitarji ta' Colruyt u rċevuti maħruġa minnha jinkludu d-dikjarazzjoni segwenti dwar assortiment ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum ikkummerċjalizzati mill-istabbilimenti Colruyt u li jistgħu jintgħarfu bis-saħħa ta' tikketta ħamra mwaħħla fuqhom li fuqha tidher il-kelma "BASIC":

    "BASIC: assolutament l-irħas prezzijiet fil-Belġju. Saħansitra irħas mill-assortiment simili tal-hard discounters (Aldi, Lidl) u tal-prodotti ‘Eerste prijs/1er prix’ tas-supermarkits l-oħra (bħal Carrefour, Cora, etc.).

    Inthom tagħrfu l-prodotti BASIC permezz tat-tikketta ħamra li fiha l-kelma BASIC"

    15     Uħud mill-fuljetti pubbliċitarji fihom ukoll il-kliem segwenti:

    "BASIC = Assolutament l-iktar prezzijiet baxxi:

    Minbarra roħs ġenerali tal-prezzijiet, mil-lum 'il quddiem aħna noffrulkom ukoll serje sħiħa ta' prodotti li intom tistgħu tqabblu ma' dawk tal-hard discounters tipiċi (bħal Aldi u Lidl) u tal-prodotti ‘Eerste prijs/1er prix’ tas-supermarkits l-oħra. Dawn huma l-prodotti BASIC tagħna: prodotti bażiċi għall-użu ta' kuljum b'assolutament l-iktar prezz baxx."

    16     Lidl ressqet proċeduri quddiem ir-rechtbank van koophandel te Brussel sabiex tikseb il-waqfien ta' dawn id-diversi prattiċi pubbliċitarji li hija tikkunsidra li jmorru kontra l-Artikolu 23 bis tal-Liġi Belġjana ta' l-14 ta' Lulju 1991 dwar il-prattiċi kummerċjali u l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur kif emendata mil-Liġi tal-25 ta' Mejju 1999 (Moniteur belge/Belgisch Staatsblad tat-23 ta' Ġunju 1999, p.23670), dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 3a tad-Direttiva.

    17     Skond Lidl, ir-reklamar in kwistjoni mhuwiex oġġettiv, mhuwiex verifikabbli u huwa qarrieqi. F'dak li jirrigwarda, minn naħa, ir-reklamar dwar il-livell ġenerali tal-prezzijiet, ir-reklamar in kwistjoni la jindika l-prodotti pparagunati, la l-kwantitajiet tagħhom u lanqas il-prezzijiet tagħhom. Barra minn hekk, dan il-livell ġenerali ta' prezzijiet, ikkalkulat fuq il-bażi ta' kampjun magħżul ta' prodotti kkummerċjalizzati minn Colruyt, huwa wkoll estiż, b'estrapolazzjoni, għall-assortiment kollu ta' din il-persuna li qed tagħmel ir-reklamar. Fl-aħħar nett, l-imsemmi reklamar ma jiddivrenzjax individwalment bejn id-diversi kompetituri tal-persuna li qed tagħmel ir-reklamar permezz ta' referenza speċifika għal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' kull wieħed minnhom iżda jirreferi għal dawn il-kompetituri bħala gruppi u jqiegħdhom, b'mod impreċiż, fi skala ta' livell tal-prezzijiet. F'dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-prodotti msemmija "BASIC", ir-reklamar ikkontestat la jidentifika l-prodotti li huma s-suġġett tal-paragun u lanqas il-prezzijiet tagħhom.

    18     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank van koophandel te Brussel iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    "1)      Għandu l-Artikolu 3a(1)(a) tad-[Direttiva] jiġi interpretat fis-sens li mhuwiex permess li jsir paragun tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' min jagħmel ir-reklam ma' dak tal-kompetituri tiegħu, li fih issir estrapolazzjoni fuq il-bażi tal-paragun tal-prezzijiet ta' kampjun ta' prodotti, minħabba li dan il-paragun jagħti l-impressjoni li min jagħmel ir-reklam għandu prezzijiet irħas għall-assortiment kollu tal-prodotti tiegħu, filwaqt li l-paragun magħmul ikun jikkonċerna biss kampjun limitat ta' prodotti, sakemm ir-reklam ma jippermettix li jiġi ddeterminat liema huma l-prodotti u l-kwantitajiet ta' prodotti ta' min jagħmel ir-reklamar, minn naħa, u tal-kompetituri kkonċernati mill-paragun, min-naħa l-oħra, li jkunu ġew ipparagunati, u sakemm dan ir-reklam ma jippermettix li jsir magħruf fejn jinsabu fil-paragun il-kompetituri kkonċernati mill-paragun u għaldaqstant liema huma l-prezzijiet tagħhom meta mqabbla ma' dawk ta' min jagħmel ir-reklam u tal-kompetituri l-oħra kkonċernati mill-paragun?

    2)      Għandu l-Artikolu 3a(1)(b) tad-[Direttiva] jiġi interpretat fis-sens li r-reklamar komparattiv huwa permess biss jekk il-paragun jirrigwarda oġġetti jew servizzi kkunsidrati individwalment li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall-istess skop, bl-esklużjoni ta' l-assortimenti ta' prodotti, anke jekk dawn l-assortimenti, ikkunsidrati kollha flimkien u mhux neċessarjament kull element tagħhom, jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew huma maħsuba għall-istess skop?

    3)      Għandu l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-[Direttiva] jiġi interpretat fis-sens li reklamar komparattiv li fih isir paragun tal-prezzijiet ta' prodotti jew tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' kompetituri, huwa oġġettiv biss jekk dan ikun jinkludi lista tal-prodotti u tal-prezzijiet ipparagunati ta' min jagħmel ir-reklam u tal-kompetituri kollha kkonċernati mill-paragun u jekk dan jippermetti li jsiru magħrufa l-prezzijiet ta' min jagħmel ir-reklam u tal-kompetituri tiegħu, f'liema każ il-prodotti kollha kkonċernati mill-paragun għandhom jissemmew espliċitament għal kull fornitur meħud separatament?

    4)      Għandu l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-[Direttiva] jiġi interpretat fis-sens li karatteristika msemmija f'reklamar komparattiv tissodisfa l-ħtieġa ta' verifikabbiltà prevista f'dan l-Artikolu biss jekk l-eżattezza tagħha tista' tiġi vverifikata mill-persuni li għalihom huwa intiż ir-reklamar jew ikun biżżejjed li din il-karatteristika tista' tiġi vverifikata minn terzi li għalihom ma jkunx intiż ir-reklamar?

    5)      Għandu l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-[Direttiva] jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-prodotti u l-livell ġenerali tal-prezzijiet tal-kompetituri jikkostitwixxu fihom infushom karatteristiċi verifikabbli?"

     Fuq id-domandi preliminari

     Kunsiderazzjonijiet preliminari

    19     Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li l-kawża prinċipali tikkonċerna żewġ metodi differenti ta' reklamar komparattiv.

    20     L-ewwel każ jirrigwarda l-paragun tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin f'dak li jirrigwarda l-assortimenti tagħhom ta' prodotti komparabbli u minn dan il-paragun jinħareġ l-ammont li wieħed jista' jiffranka, fuq bażi ta' sena, jekk jagħmel ix-xiri ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum mingħand wieħed minn dawn in-netwerks minflok mingħand l-ieħor (iktar 'il quddiem l-"ewwel metodu ta' paragun ikkontestat"). L-imsemmi livell ġenerali tal-prezzijiet huwa ddeterminat ta' kull xahar, u wara ta' kull sena, fuq il-bażi ta' ġbir, ta' kuljum, ta' informazzjoni fuq il-prezzijiet individwali ta' kampjun wiesa' ħafna ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum kultant identiċi (prodotti tad-ditta), kultant simili (prodotti mhux tad-ditta jew tad-ditta ta' l-istess distributur), ikkummerċjalizzati, minn naħa, minn min jagħmel ir-reklam u, min-naħa l-oħra, minn kull wieħed mill-kompetituri tiegħu. Sabiex jiġi ddeterminat dan il-livell ġenerali tal-prezzijiet, il-prezzijiet individwali hekk miġbura huma stmati skond il-kwantitajiet rispettivi li fihom dawn il-prodotti jinxtraw mingħand min jagħmel ir-reklam.

    21     It-tieni metodu ta' reklamar jirriżulta mid-dikjarazzjoni li l-prodotti kollha ta' min jagħmel ir-reklam li għandhom tikketta ħamra li fiha l-kelma "BASIC" huma kkummerċjalizzati minnu bl-irħas prezzijiet offerti fit-territorju Belġjan (iktar 'il quddiem it-"tieni metodu ta' paragun ikkontestat"). L-imsemmi assortiment ta' prodotti jinkludi, minn naħa, prodotti tad-ditta u, min-naħa l-oħra, prodotti kkummerċjalizzati li mhumiex tad-ditta jew li huma tad-ditta ta' l-istess persuna li tagħmel ir-reklam. Il-paragun tal-prezzijiet jikkonċerna, f'dak li jirrigwarda l-ewwel kategorija, esklużivament prodotti tad-ditta identiċi kkummerċjalizzati kemm minn min jagħmel ir-reklam kif ukoll mill-kompetitur tiegħu, u, f'dak li jirrigwarda t-tieni kategorija, prodotti ta' kwalità komparabbli kkummerċjalizzati minn min jagħmel ir-reklam u mill-kompetitur tiegħu.

    22     It-tieni nett, għandu jiġi mfakkar li, fid-dawl ta' l-għanijiet tad-Direttiva u b'mod partikolari tal-fatt li, kif tenfasizza t-tieni premessa tad-Direttiva 97/55, ir-reklamar komparattiv jgħin biex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi u b'hekk jistimula l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta' l-oġġetti u s-servizzi għall-vantaġġ tal-konsumatur, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iktar jiffavorixxi lil dan ta' l-aħħar (sentenzi tal-25 ta' Ottubru 2001, Toshiba Europe, C-112/99, Ġabra p. I-7945, punti 36 u 37, kif ukoll tat-8 ta' April 2003, Pippig Augenoptik, C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 42; ara, ukoll, is-sentenza tat-23 ta' Frar 2006, Siemens, C-59/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 22 sa 24).

     Fuq l-ordni li fih għandhom jiġu eżaminati d-domandi

    23     Peress li l-ewwel domanda tirrigwarda iktar speċifikament il-kunċett ta' reklamar qarrieqi u peress li din saret esklużivament fir-rigward ta' l-ewwel metodu ta' paragun ikkontestat, għandhom l-ewwel nett jiġu ttrattati l-erba' domandi l-oħra li, b'mod iktar ġenerali, jirrigwardaw il-kundizzjonijiet l-oħra li taħthom ir-reklamar komparattiv huwa permess u jikkonċernaw iż-żewġ metodi ta' paragun ikkontestati.

     Fuq it-tieni domanda

    24     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li reklamar komparattiv li jirrigwarda kollettivament assortimenti ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum ikkummerċjalizzati minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin aktar milli prodotti individwali kkummerċjalizzati minn dawn ta' l-aħħar jista' jissodisfa l-kundizzjoni, stabbilita minn din id-dispożizzjoni, li "jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop".

    25     Kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 97/55, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tar-reklamar komparattiv li twettaq id-Direttiva għandha tgħin sabiex turi oġġettivament il-meriti "tal-prodotti komparabbli diversi". Skond id-disa' premessa ta' l-istess Direttiva, din il-ħtieġa ta' komparabbiltà tal-prodotti hija b'mod partikolari intiża sabiex ikun evitat li r-reklamar komparattiv jintuża b'mod antikompettitiv jew żleali.

    26     L-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva jispeċifika din il-ħtieġa u f'dan ir-rigward jimponi l-kundizzjoni, sabiex ir-reklamar komparattiv ikun permess, li l-oġġetti pparagunati li jikkompetu ma' xulxin jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop, jiġifieri, li jkunu suffiċjentement interkambjabbli għall-konsumatur.

    27     Minn dan isegwi, bla dubju, li sabiex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet preskritti minn din id-dispożizzjoni, ir-reklamar komparattiv kollu għandu, fl-interess kemm tal-konsumatur kif ukoll tal-kompetituri, ikun ibbażat, meta jitqies kollox, fuq il-paragun tal-pari ta' prodotti li jissodisfaw din il-ħtieġa ta' interkambjabbiltà.

    28     Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3a(1)(b), tad-Direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li kull reklam komparattiv għandu jirreferi esklużivament għal tali pari ta' prodotti komparabbli kkunsidrati separatament mingħajr ma jkun jista' jirreferi kollettivament għal żewġ assortimenti magħmula minn tali prodotti komparabbli.

    29     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-għażla tan-numru tal-paraguni li min jagħmel ir-reklam jixtieq jagħmel bejn il-prodotti li huwa joffri u dawk li joffru l-kompetituri tiegħu jaqa' taħt l-eżerċizzju tal-libertà ekonomika tiegħu (sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81).

    30     Xejn ma jagħti l-wieħed x'jifhem a priori li tali libertà ma testendix ukoll għall-possibbiltà li jsir paragun dwar l-assortiment komparabbli kollu kkummerċjalizzat minn min jagħmel ir-reklam u mill-kompetituri tiegħu jew dwar parti minnu.

    31     Minn naħa, il-kliem użat fl-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva bl-ebda mod ma jimponi interpretazzjoni bħal din.

    32     Min-naħa l-oħra, kif ġie mfakkar fil-punt 22 ta' din is-sentenza, il-kundizzjonijiet meħtieġa għar-reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-iktar jiffavorixxi lil dan ta' l-aħħar.

    33     Fid-dawl, b'mod partikolari, tal-fatt li r-reklamar komparattiv jgħin sabiex jistimula l-kompetizzjoni bejn il-fornituri ta' l-oġġetti u s-servizzi għall-benefiċċju tal-konsumaturi, il-vantaġġ ta' tali reklamar għal dawn ta' l-aħħar għandu għalhekk neċessarjament jittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta' komparabbiltà imposta mill-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva (ara, f'sens analogu fir-rigward ta' l-Artikolu 3a(1)(g) tad-Direttiva, is-sentenza Siemens, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 u 24).

    34     Issa, f'dan ir-rigward, għandu jiġi ammess, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 35 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-possibbiltà li jsir paragun kollettiv ta' assortiment ta' prodotti komparabbli hija ta' natura li tippermetti lil min jagħmel ir-reklam li joffri lill-konsumatur informazzjoni pubbliċitarja li jkun fiha informazzjoni globali u sintetizzata li tista' tkun partikolarment relevanti għalih.

    35     Dan huwa speċjalment il-każ f'settur bħalma huwa dak tad-distribuzzjoni kbira li fih il-konsumatur normalment jagħmel id-diversi xirjiet tiegħu intiżi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta' konsum ta' kuljum tiegħu. Mill-aspett ta' tali xirjiet, informazzjoni komparattiva dwar il-livell ġenerali tal-prezzijiet tan-netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ jew dwar il-livell tal-prezzijiet ta' dawn ta' l-aħħar fir-rigward ta' assortiment partikolari ta' prodotti li huma jikkummerċjalizzaw tista' tkun iktar utli għall-konsumatur minn informazzjoni komparattiva li tkun limitatà għall-prezz ta' xi prodott partikolari jew ieħor. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur b'mod regolari jagħmlu stħarriġ dwar il-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' tali stabbilimenti.

    36     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, sakemm l-assortimenti ta' żewġ kompetituri li fuqhom isir il-paragun ikunu magħmula, minn naħa u mill-oħra, minn prodotti li, meħuda individwalment, jissodisfaw il-ħtieġa ta' komparabbiltà prevista mill-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva, ħaġa li għanda tkun ivverifikata mill-qorti tar-rinviju, tali assortimenti jistgħu, fihom infishom, jiġu kkunsidrati bħala li jissodisfaw l-imsemmija ħtieġa.

    37     Dan jista' jgħodd ukoll għal assortimenti magħmula minn prodotti komparabbli kkummerċjalizzati minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin u li fir-rigward tagħhom jiġi affermat li l-prodotti li jikkomponu l-assortiment ta' min jagħmel ir-reklam għandhom il-karatteristika komuni li huma irħas mill-prodotti, komparabbli, li jikkomponu l-assortiment tal-kompetitur tiegħu. Tali pari ta' prodotti komparabbli, fil-fatt, ma jiqfux jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop sempliċement għaliex ikunu s-suġġett ta' paragun kollettiv mill-aspett ta' din il-karatteristika komparattiva komuni.

    38     Il-ħtieġa prevista mill-Artikolu 3a(1)(b) tista' wkoll tkun sodisfatta meta jsir paragun tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' l-oġġetti kollha ta' konsum ta' kuljum komparabbli mibjugħa minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin bil-għan li minnu jinħareġ l-ammont li jista' jiffranka l-konsumatur li jagħmel x-xiri tiegħu ta' dawn l-oġġetti mingħand wieħed minn dawn in-netwerks pjuttost milli mingħand ieħor. Fil-fatt, f'sitwazzjoni bħal din, kemm il-pari ta' prodotti komparabbli kkummerċjalizzati minn dawn in-netwerks li jikkompetu ma' xulxin kif ukoll l-assjem li jifformaw dawn il-prodotti komparabbli meta dawn jinxtraw flimkien fil-kuntest ta' xirjiet ta' kunsum ta' kuljum, jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall-istess skop.

    39     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva sabiex ir-reklamar komparattiv ikun permess għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li reklamar komparattiv ikun jirrigwarda, b'mod kollettiv, assortimenti ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum ikkummerċjalizzati minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin safejn l-imsemmija assortimenti jkunu magħmula, minn naħa u mill-oħra, minn prodotti individwali li, meħuda par par, jissodisfaw individwalment il-ħtieġa ta' komparabbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni.

     Fuq it-tielet domanda

    40     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1)(c) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ħtieġa prevista minn din id-dispożizzjoni li r-reklamar "jikkompara oġġettivament" il-karatteristiċi ta' l-oġġetti kkonċernati timplikax, fil-każ ta' paragun tal-prezzijiet ta' assortiment ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum ikkummerċjalizzati minn netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ jew tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' dawn ta' l-aħħar f'dak li jirrigwarda l-assortiment tal-prodotti komparabbli li huma jikkummerċjalizzaw, li l-prodotti u l-prezzijet kollha kkomparati, jiġifieri kemm dawk ta' min jagħmel ir-reklam kif ukoll dawk tal-kompetituri kollha tiegħu kkonċernati mill-paragun, għandhom ikunu espressament elenkati fir-reklam.

    41     Kif jirriżulta mit-tieni premessa tad-Direttiva 97/55, l-armonizazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tar-reklamar komparattiv li twettaq id-Direttiva għandha b'mod partikolari tgħin biex "turi oġġettivament" il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi.

    42     Min-naħa tagħha, is-seba' premessa ta' din l-istess Direttiva tipprovdi li l-kundizzjonijiet ta' reklamar permess għandhom jinkludu kriterji ta' paragun oġġettiv ta' karatteristiċi ta' oġġetti u servizzi.

    43     Moqri fid-dawl ta' dawn iż-żewġ premessi, l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprovdi żewġ tipi ta' ħtiġijiet li jirrigwardaw l-oġġettività tal-paragun.

    44     Minn naħa, kif jirriżulta mis-seba' premessa tad-Direttiva 97/55, il-kriterji kumulattivi tan-natura materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva tal-karatteristika ta' prodott li fuqhom isir il-paragun, kif imposti minn din id-dispożizzjoni, jikkontribwixxu sabiex ikun assigurat li l-imsemmi paragun ikun oġġettiv. It-tielet domanda preliminari madankollu ma tirrigwardax direttament dawn il-kriterji, u b'mod partikolari, il-kriterju tal-verifikabbiltà, huwa s-suġġett tar-raba' u l-ħames domandi.

    45     Min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 3a(1)(ċ), jenfasizza espliċitament, u f'hekk jirrifletti t-tieni premessa tad-Direttiva 97/55, li l-karatteristiċi li jissodisfaw l-erba' kriterji msemmija iktar 'il fuq għandhom, barra minn hekk, jiġu kkomparati oġġettivament.

    46     Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-aħħar ħtieġa hija essenzjalment intiża sabiex teskludi l-paraguni li jirriżultaw mill-evalwazzjoni suġġettiva ta' l-awtur tagħhom aktar milli minn konstatazzjoni ta' natura oġġettiva.

    47     Minn dan isegwi li f'dan il-każ, ma jistax jiġi impost obbligu, minħabba tali ħtieġa, li d-diversi prodotti li jikkomponu l-assortimenti kkomparati u l-prezzijiet tagħhom jiġu espressament elenkati fir-reklam. Fil-fatt, ma jidhirx li informazzjoni bħalma hija l-prezz ta' oġġett jew il-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerk ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ f'dak li jirrigwarda assortiment ta' prodotti tista' tkun is-suġġett ta' evalwazzjoni suġġettiva, u l-eżistenza jew in-nuqqas ta' elenkar espress tal-prodotti u tal-prezzijiet li fuqhom isir il-paragun ma jistax jaffettwa n-natura oġġettiva jew suġġettiva ta' dan ta' l-aħħar.

    48     Għandu wkoll jiġi enfasizzat li skond l-Artikolu 2(2a) tad-Direttiva, ir-reklamar komparattiv huwa definit bħala kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur, b'mod li reklamar jista' jiġi kkwalifikat bħala komparattiv fis-sens tad-Direttiva meta, għalkemm prodotti jew servizzi ta' kompetitur ma jkunux esplicitament indikati f'dan ir-reklamar, huma jkunu identifikati minnu b'mod impliċitu.

    49     Barra minn dan, ikkunsidrati l-prinċipji interpretattivi mfakkra fil-punt 22 ta' din is-sentenza, għandu jiġi rilevat li f'każ ta' reklam li jkun jirrigwarda, kif jagħmlu ż-żewġ metodi ta' paragun ikkontestati, numru kunsiderevoli ta' oġġetti kkummerċjalizzati minn diversi netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin, li jkun mistenni li kull prodott li jkun ġie pparagunat, f'kull każ, jissemma espressament fir-reklam, jista' jaffettwa l-istess prattikabbiltà ta' tali metodi ta' reklamar.

    50     Madankollu Lidl ħadet vantaġġ minn dak li diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, li eventwali obbligu li kull paragun ta' prezzijiet jiġi ċirkoskritt għall-prezzijiet medji tal-prodotti offerti minn min jagħmel ir-reklam u tal-prodotti li jikkompetu magħhom imur kontra l-objettivi tal-leġiżlatur Komunitarju, u minn dak li hija enfasizzat f'dan ir-rigward li, billi r-reklamar komparattiv għandu jgħin biex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi, tali oġġettività timplika li l-persuni li għalihom huwa intiż ir-reklamar ikunu jistgħu jsiru jagħrfu d-differenzi reali bejn il-prezzijiet tal-prodotti komparati u mhux biss id-differenza medja bejn il-prezzijiet ta' min jagħmel ir-reklam u dawk tal-kompetituri tiegħu (sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar 'il fuq, punti 81 u 82).

    51     Għandu jiġi speċifikat li permezz ta' din id-dikjarazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li b'mod ġenerali teskludi kull possibbiltà ta' reklamar komparattiv dwar il-livell ġenerali tal-preżżijiet taż-żewġ kompetituri f'dak li jirrigwarda l-assortiment komparabbli tagħhom. Sakemm l-allegata differenza fil-livell ġenerali tal-prezzijiet tkun ibbażata fuq differenzi reali ta' prezzijiet li jkunu ġew ikkonstatati bejn prodotti komparabbli u sakemm il-kriterju ta' paragun użat jissodisfa, skond il-kuntest tar-reklam, id-diversi ħtiġijiet previsti mid-Direttiva u b'mod partikolari mill-Artikolu 3a(1)(ċ) tagħha, tali metodu ta' reklamar komparattiv ma jistax ikun eskluż.

    52     Fil-fatt, f'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, min-naħa, paragun intiż sabiex juri d-differnezi tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin f'dak li jirrigwarda assortiment ta' prodotti bilfors jippresupponi li preċedentement ikun sar paragun individwali tal-prezzijiet reali tal-prodotti komparabbli kkummerċjalizzati miż-żewġ kompetituri.

    53     Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa evidenti li l-kriterju komparattiv tad-differenza medja bejn il-prezzijiet ta' żewġ kompetituri jew dak tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' dawn ta' l-aħħar jidhru totalment irrilevanti f'ċerti kuntesti fattwali li, bħall-kawża li tat lok għas-sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar 'il fuq, li kienet tirrigwarda reklamar għal pari ta' nuċċalijiet, jirrigwardaw reklam intiż għal konsumaturi msejħa biex jagħmlu xirja waħda f'ħanut li jikkummerċjalizza biss ċerta kategorija ta' prodotti, dan jista' assolutament ma jkunx il-każ f'kuntesti fattwali oħra. Issa, dan jista' jkun il-każ tal-kuntest fattwali ta' din il-kawża fejn, kif jirriżulta mill-punt 35 ta' din is-sentenza, il-livell ġenerali tal-prezzijiet jista' jikkostitwixxi kriterju ta' paragun partikolarment rilevanti.

    54     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-ħtieġa li r-reklam "jikkompara oġġettivament" il-karatteristiċi ta' l-oġġetti in kwistjoni, prevista mill-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma timplikax, fil-każ ta' paragun tal-prezzijiet ta' assortiment ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum komparabbli kkummerċjalizzati minn netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin jew tal-livell ġenerali tal-prezzijet ta' dawn ta' l-aħħar f'dak li jirrigwarda l-assortiment tal-prodotti komparabbli li huma jikkummerċjalizzaw, li l-prodotti u l-prezzijiet ikkomparati, jiġifieri kemm dawk ta' min jagħmel ir-reklam kif ukoll dawk tal-kompetituri kollha tiegħu kkonċernati mill-paragun, għandhom ikunu elenkati espressament u b'mod eżawrjenti fir-reklam.

     Fuq il-ħames domanda

    55     Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prezzijiet tal-prodotti, min-naħa, u l-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ f'dak li jirrigwarda l-assortiment tagħhom ta' prodotti komparabbli, minn naħa l-oħra, jikkostitwixxu karatteristiċi verifikabbli fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

    56     Fir-rigward tal-prezzijiet tal-prodotti mibjugħa minn żewġ kompetituri, bħalma huma, b'mod partikolari, dawk koperti mit-tieni metodu ta' paragun ikkontestat, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva jikkonferma espliċitament li l-prezzijiet ta' żewġ oġġetti jistgħu jagħmlu parti mill-karatteristiċi li huma fl-istess ħin materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u li għaldaqstant huwa permess, bħala regola, li jsir il-paragun tagħhom sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra li d-Direttiva timponi sabiex ikun permess ir-reklamar komparattiv. Min-naħa tagħha, it-tmien premessa tad-Direttiva 97/55 tikkonferma ukoll li l-paragun tal-prezz biss ta' l-oġġetti u tas-servizzi għandu jkun possibbli jekk dan il-paragun jissodisfa ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li m'għandux ikun qarrieqi.

    57     Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-paragun ta' l-offerti ta' kompetituri, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet, huwa tabilħaqq inerenti fl-istess natura tar-reklamar komparattiv (sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar 'il fuq, punt 80).

    58     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-prezz ta' prodott jikkostitwixxi karatteristika verifikabbli fis-sens ta' l-artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva.

    59     Fid-dawl, b'mod partikolari, tal-prinċipju interprettativ imfakkar fil-punt 22 ta' din is-sentenza, xejn ma jidher li jipprekludi li dan jgħodd ukoll għal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin f'dak li jirrigwarda l-assortiment komparabbli tagħhom ta' oġġetti ta' konsum ta' kuljum u għall-ammont li konsumatur jista' jiffranka jekk jixtri tali oġġetti mingħand wieħed minn dawn in-netwerks li jikkompetu ma' xulxin minflok mingħand l-ieħor.

    60     Fil-fatt, hekk kif ikunu ttieħdu in kunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-prodotti komparabbli speċifiċi li jikkomponu l-assortiment offrut minn netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' dawn ta' l-aħħar fir-rigward ta' l-imsemmi assortiment komparabbli, kemm il-prezzijiet individwali ta' kull prodott speċifiku hekk meħud in kunsiderazzjoni, kemm l-imsemmi livell ġenerali tal-prezzijiet u l-ammonti li konsumatur jista' jiffranka jekk jagħmel ix-xiri ta' oġġetti ta' konsum ta' kuljum mingħand wieħed minn dawn in-netwerks li jikkompetu ma' xulxin minflok mingħand l-ieħor, kif ukoll fl-aħħar nett, il-fondatezza tal-metodi ta' kalkolu użati għal dan il-għan, jistgħu, fil-prinċipju, ikunu s-suġġett ta' verifiki.

    61     Madankollu għandu jiġi speċifikat li l-verifikabbiltà tal-prezzijiet li jikkomponu assortiment ta' prodotti jew dik tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerk ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ fir-rigward ta' l-assortiment tiegħu ta' oġġetti komparabbli bilfors tippresupponi li l-oġġetti li l-prezzijiet tagħhom ikunu ġew hekk ipparagunati, anke jekk mhuwiex meħtieġ li dawn jiġu elenkati espressament u b'mod eżawrjenti fir-reklam indirzzat lill-konsumatur kif jirriżulta mill-punt 54 ta' din is-sentenza, madankollu għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati individwalment u konkretament fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi reklam. Kull verifikabbiltà tal-prezzijiet ta' oġġetti hija, fil-fatt, neċessarjament suġġetta għall-possibiltà li dawn ta' l-aħħar jiġu identifikati.

    62     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar il-fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-segwenti jikkostitwixxu, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, karatteristiċi "verifikabbli" ta' oġġetti kkummerċjalizzati minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin:

    –       il-prezzijiet ta' l-imsemmija oġġetti;

    –       il-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' tali netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ f'dak li jirrigwarda l-assortiment tagħhom ta' prodotti komparabbli, rispettivament, u l-ammont li konsumatur jista' jiffranka jekk jixtri tali prodotti mingħand wieħed minn dawn in-netwerks minflok mingħand l-ieħor, sakemm l-oġġetti in kwistjoni effettivament ikunu jagħmlu parti mill-assortiment ta' prodotti komparabbli li fuq il-bażi tagħhom ġie ddeterminat l-imsemmi livell ġenerali tal-prezzijiet.

     Fuq ir-raba' domanda

    63     Permezz tar-raba' domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li karatteristika msemmija f'reklamar komparattiv tissodisfa l-ħtieġa ta' verifikabbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni biss jekk id-destinatarji ta' l-imsemmi reklamar ikunu f'pożizzjoni li jivverifikaw huma stess l-eżattezza ta' din il-karatteristika.

    64     F'dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rilevat li jekk minn naħa l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi, sabiex tiġi assigurata l-oġġettività tar-reklamar komparattiv, li l-karatteristiċi kkomparati mir-reklamar ikunu verifikabbli, jiġifieri li dawn jistgħu jiġu ppruvati, min-naħa l-oħra, din ma tinkludi l-ebda indizju sabiex jiġu determinati taħt liema kundizzjonijet preċiżi u minn min għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati l-imsemmija karatteristiċi.

    65     It-tieni nett, l-għanijiet li d-Direttiva tfittex li tilħaq ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-verifika ta' l-eżattezza tal-karatteristiċi kkomparati għandha tkun iktar aċċessibbli għall-konsumatur milli għall-partijiet l-oħra kkonċernati, b'mod partikolari l-kompetituri involuti fil-paragun.

    66     Is-seba' premessa tad-Direttiva 97/55 f'dan ir-rigward tenfasizza li l-impożizzjoni tal-kundizzjonijiet għal reklamar komparattiv permess, kundizzjonijiet li għandhom b'mod partikolari jinkludu kriterji ta' paragun oġġettiv tal-karatteristiċi ta' l-oġġetti u tas-servizzi, għandha tippermetti li jiġu ddeterminati liema prattiċi relatati mar-reklamar komparattiv li jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni, ikunu detrimentali għall-kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumaturi.

    67     L-Artikolu 4 tad-Direttiva jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li jkun hemm mezzi adekwati u effettivi sabiex jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet relatati mar-reklamar komparattiv fl-interess tal-konsumaturi kif ukoll f'dak tal-kompetituri u tal-pubbliku in ġenerali.

    68     It-tielet nett, għandu jiġi rilevat li l-premessa ta' qabel ta' l-aħħar tad-Direttiva tenfasizza li min jagħmel ir-reklam għandu jkun jista' jipprova, b'mezzi xierqa, l-eżattezza materjali ta’ l-asserzjonijiet fattwali li jagħmel fir-reklamar tiegħu u li, fejn ikun meħtieġ, huwa jista' jiġi obbligat li jagħmel dan mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva kompetenti.

    69     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 6 tad-Direttiva jimponi iktar preċiżament l-obbligu, fuq l-Istati Membri, li jagħtu lill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji li huma mitluba jassiguraw li d-Direttiva tiġi rispettata, il-poter li jeżiġu, meta ċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni hekk jeħtieġu u kkunsidrati l-interessi leġittimi ta' min jagħmel ir-reklam u ta' kull parti oħra fil-proċeduri, li min jagħmel ir-reklam iġib il-prova dwar l-eżattezza materjali ta' l-asserzjonijiet fattwali magħmula fir-reklam u, "fil-każ ta' reklamar komparattiv [li] jeżiġu mi[nn min jagħmel ir-reklam li jġib din il-prova] f'perijodu qasir ta' żmien". Din l-istess dispożizzjoni teżiġi wkoll li dawn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji jiġu mogħtija l-poter li jikkunsidraw asserzjonijiet fattwali magħrufa bħala mhux eżatti jekk il-provi hekk meħtieġa ma jitressqux jew jitqiesu bħala insuffiċjenti.

    70     Minn dan isegwi li għalkemm min jagħmel ir-reklam għandu, bla dubju, ikun f'pożizzjoni li jipprova, f'perijodu qasir ta' żmien, l-eżattezza materjali tal-paragun li huwa jkun għamel, min-naħa l-oħra d-Direttiva ma teżiġix li huwa jpoġġi tali provi għad-dispożizzjoni tal-persuni kollha kkonċernati qabel ma jagħmel ir-reklam tiegħu.

    71     Madankollu, il-possibiltà li l-konsumatur jikseb mingħand min jagħmel ir-reklam, fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva jew ġudizjarja, provi dwar l-eżattezza materjali ta' l-informazzjoni li tinsab fir-reklam mhijiex ta' natura li teħles lil min jagħmel ir-reklam, meta l-prodotti u l-prezzijiet komparati ma jkunux elenkati fir-reklam, mill-obbligu li jindika, b'mod partikolari għall-attenzjoni tad-destinatarji ta' dan ir-reklam, fejn u kif dawn ta' l-aħħar jistgħu faċilment isiru jafu bl-elementi tal-paragun sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jew jaraw li tiġi vverifikata l-eżattezza tagħhom.

    72     Fil-fatt, tali obbligu huwa intiż sabiex jippermetti, skond l-għan ta' protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva, li d-destinatarju ta' tali reklam ikun jista' jassigura ruħu li ġie infurmat korrettament mill-perspettiva tax-xiri ta' oġġetti ta' konsum ta' kuljum li huwa jkollu jagħmel.

    73     Tali aċċessibbiltà għall-elementi tal-paragun madankollu ma timplikax li l-eżattezza tal-karatteristiċi kkomparati għandha, f'kull ċirkustanza, tkun tista' tiġi vverifikata personalment mid-destinatarju tar-reklam. F'dan ir-rigward ikun biżżejjed li l-elementi li jistgħu jippermettu tali verifika jkunu aċċessibbli għall-imsemmi destinatarju skond il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 71 ta' din is-sentenza, b'mod li jkun jista', bħala regola ġenerali, jagħmel huwa stess il-verifika mixtieqa, jew, f'każijiet eċċezzjonali u jekk tali verifika teħtieġ kompetenza li huwa m'għandux, jara li din il-verifika ssir minn terz.

    74     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar 'il fuq, ir-risposta għar-raba' domanda għandha tkun li l-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li karatteristika msemmija f'reklamar komparattiv tissodisfa l-ħtieġa ta' verifikabbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni, meta l-elementi ta' paragun li fuqhom tkun ibbażata din il-karatteristika li tissemma fir-reklamar ma jkunux elenkati f'dan ir-reklamar, biss jekk min jagħmel ir-reklam jindika, b'mod partikolari għall-attenzjoni tad-destinatarji ta' dan ir-reklam, fejn u kif dawn ta' l-aħħar jistgħu faċilment isiru jafu b'dawn l-elementi tal-paragun sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jew, jekk ma jkollhomx il-kompetenza meħtieġa biex jagħmlu dan huma stess, jaraw li tiġi vverifikata l-eżattezza ta' dawn l-elementi kif ukoll dik tal-karatteristika in kwistjoni.

     Fuq l-ewwel domanda

    75     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk reklam li jkun fih paragun tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' netwerk ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ ma' dak tan-netwerks li jikkompetu miegħu f'dak li jirrigwarda l-assortiment ta' prodotti komparabbli tagħhom u li jsemmi l-ammont li konsumatur jista' jiffranka jekk jagħmel ix-xiri tiegħu ta' oġġetti ta' konsum ta' kuljum mingħand wieħed minnhom, għandux jiġi kkwalifikat bħala reklamar qarrieqi fis-sens ta' l-Artikolu 3a(1)(a) tad-Direttiva meta l-imsemmi livell ġenerali tal-prezzijiet ikun iddeterminat fuq il-bażi ta' parti biss mill-prodotti kkummerċjalizzati minn min jagħmel ir-reklam, minħabba li tali reklamar bilfors jagħti lill-konsumatur l-impressjoni li l-oġġetti ta' din il-persuna li tagħmel ir-reklam huma irħas għall-assortiment ta' prodotti kollu tagħha. Madankollu l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-fatt li r-reklam jippermetti li jiġi ddeterminat, kemm fir-rigward ta' min jagħmel ir-reklam kif ukoll fir-rigward ta' kull wieħed mill-kompetituri tiegħu, liema prodotti huma kkomparati u f'liema kwantitajiet, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' kull wieħed minnhom, huwiex possibbilment tali li jeħles l-imsemmi reklamar minn kull natura qarrieqa. Din il-qorti tistaqsi wkoll fuq il-kwistjoni jekk f'din l-aħħar perspettiva huwiex rilevanti li r-reklamar jindika f'liema livell ġenerali ta' prezzijiet jinsab kull wieħed mid-diversi kompetituri involuti fil-paragun, kemm meta mqabbel ma' min jagħmel ir-reklam, kif ukoll meta mqabbla ma' xulxin.

    76     L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva jiddefinixxi bħala reklamar qarrieqi kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż il-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm proababbiltà li jqarraq lill-persuni li lilhom ikun ġie indirizzat jew li jolqothom u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwa l-imġieba ekonomika tagħhom jew li, għal dawn ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabbiltà li jagħmel ħsara lil kompetitur.

    77     Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta' kull każ in kwistjoni, jekk, ikkunsidrati l-konsumaturi li lilhom ikun indirizzat, reklamar jistax ikollu tali natura qarrieqa (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Jannar 1992, X, C-373/90, Ġabra p, I-131, punti 15 u 16).

    78     F'dan ir-rigward, l-imsemmija qrati għandhom, minn naħa, jieħdu in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni li għandu l-konsumatur medju, li jkun normalment informat u raġjonevolment attent u prudenti, tal-prodotti jew servizzi li huma s-suġġett tar-reklamar in kwistjoni (ara s-sentenzi X, iċċitata iktar 'il fuq, punti 15 u 16; tas-16 ta' Lulju 1998, Gut Springenheide u Tusky, C- 210/96, Ġabra p. I-4657, punt 31; tat-3 ta' Jannar 2000, Estée Lauder, C-220/98, Ġabra p. I-117, punt 27; ta' l-24 ta' Ottubru 2002, Linhart u Biffl, C-99/01, Ġabra p. I-9375, punt 31, u Pippig Augenoptik, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55). F'dan il-każ, iż-żewġ metodi ta' reklamar ikkontestati mhumiex indirizzati lil pubbliku speċjalizzat iżda lill-konsumatur finali li jagħmel ix-xiri tiegħu ta' oġġetti ta' konsum ta' kuljum mingħand netwerk ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ.

    79     Sabiex jagħmlu l-evalwazzjoni meħtieġa, il-qrati nazzjonali għandhom, min-naħa l-oħra, jieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha relevanti tal-kawża (sentenza Estée Lauder, iċċitata iktar 'il fuq, punti 27 u 30), billi jagħtu każ, kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva, ta' l-informazzjoni li tinsab fir-reklamar u, b'mod iktar ġenerali, tal-karatteristiċi kollha tiegħu.

    80     Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ommissjoni tista' tirrendi reklam qarrieqi, b'mod partikolari, meta, ikkunsidrati l-konsumaturi li lilhom dan huwa indirizzat, dan ir-reklam ikollu l-iskop li jaħbi fatt li, kieku kellu jkun magħruf, kien ikun tali li jġiegħel numru sinjifikattiv ta' konsumaturi jirrinunzjaw għax-xiri (sentenza X, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15).

    81     F'dak li jirrigwarda, iktar speċifikament, il-paragun tal-prezzijiet, it-tmien premessa tad-Direttiva 97/55 tenfasizza li l-paragun tal-prezz biss ta' l-oġġetti u servizzi għandu jkun possibbli jekk dan il-paragun jissodisfa ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikulari li m'għandux ikun qarrieqi.

    82     Fuq dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li reklamar dwar il-prezz irħas ta' vetturi li jkunu s-suġġett ta' importazzjoni parallela jista' jiġi kkwalifikat bħala qarrieqi biss fl-ipoteżi li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni tax-xiri ta' numru sinjifikattiv ta' konsumaturi li lilhom ikun indirizzat ir-reklamar in kwistjoni tkun ittieħdet fin-nuqqas ta' għarfien li l-prezz irħas tal-vetturi huwa akkumpanjat minn numru inqas ta' aċċessorji li bihom huma armati l-vetturi mibjugħa mill-importatur parallel (sentenza X, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16).

    83     B'mod analogu, reklamar komparattiv dwar il-livell ġenerali tal-prezzijiet tan-netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ kompetituri f'dak li jirrigwarda l-assortiment komparabbli tagħhom u dwar l-ammont li konsumatur jista' jiffranka jekk jagħmel ix-xiri tiegħu ta' oġġetti ta' konsum ta' kuljum mingħand wieħed minn dawn in-netwerks minflok mingħand l-ieħor għandu, per eżempju, jiġi kkwalifikat bħala qarrieqi jekk jiġi stabbilit, meqjusa ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ in kwistjoni, li d-deċiżjoni tax-xiri ta' numru sinjifikattiv ta' konsumaturi li lilhom huwa indirizzat dan ir-reklamar tittieħed għaliex huma żbaljatament jaħsbu li jkunu ttieħdu in kunsiderazzjoni l-prodotti kollha ta' min jagħmel ir-reklam sabiex ġew ikkalkulati l-livell ġenerali tal-prezzijiet u l-ammont li jista' jiġi ffrankat li jiftaħar bihom ir-reklamar. Dan għandu jgħodd ukoll jekk jiġi stabbilit li tali deċiżjoni tittieħed għaliex il-konsumatur żbaljatament jaħseb li jista' jiffranka dan l-ammont ikunu xi jkunu n-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li huwa jixtri mingħand min jagħmel ir-reklam, jew ukoll, per eżempju, għaliex huwa żbaljatament jaħseb li l-prodotti kollha ta' min jagħmel ir-reklam, mingħajr ebda eċċezzjoni, huma irħas minn dawk tal-kompetituri tiegħu.

    84     Tali reklamar ikun ukoll ta' natura qarrieqa jekk ikun stabbilit li r-referenza kollettiva li huwa jagħmel għal skala ta' ammonti li konsumatur jista' jiffranka jekk jixtri l-oġġetti ta' konsum ta' kuljum mingħand min jagħmel ir-reklam minflok mingħand netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ kompetituri u n-nuqqas ta' individwalizazzjoni tal-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' kull wieħed minn dawn in-netwerks li jikkompetu ma' min jagħmel ir-reklam u ta' l-ammont li jista' jiġi ffrankat fir-rigward ta' kull wieħed minnhom, ikunu ta' natura li jwasslu lil numru sinjifikattiv ta' persuni li lilhom ikun indirizzat dan ir-reklamar sabiex jiġu mqarrqa dwar l-ammont li realment jistgħu jiffrankaw jekk jixtru l-oġġetti ta' konsum ta' kuljum mingħand min jagħmel ir-reklam minflok mingħand kompetitur partikolari jew ieħor u li, b'dan il-mod, jaffettwa l-imġieba ekonomika ta' dawn il-persuni.

    85     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3a(1)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li reklamar komparattiv li jiftaħar li l-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' min jagħmel ir-reklam huwa l-irħas fil-konfront tal-kompetituri prinċipali tiegħu meta l-paragun ikun sar fuq kampjun ta' prodotti jista' jkollu natura qarrieqa jekk ir-reklam:

    –       ma jurix li l-paragun kien jirrigwarda biss tali kampjun ta' prodotti u mhux il-prodotti kollha ta' min jagħmel ir-reklam,

    –       ma jidentifikax l-elementi tal-paragun magħmul jew ma jinformax lid-destinatarju fuq is-sors ta' informazzjoni li permezz tiegħu tista' ssir tali identifikazzjoni, jew

    –       ikun fih referenza kollettiva għal skala ta' ammonti li konsumatur jista' jiffranka jekk jagħmel ix-xiri tiegħu mingħand min jagħmel ir-reklam minflok mingħand il-kompetituri tiegħu, mingħajr ma jindividwalizza l-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' kull wieħed mill-imsemmija kompetituri rispettivament u l-ammont li konsumatur jista jiffranka jekk jagħmel ix-xiri tiegħu mingħand min jagħmel ir-reklam minflok mingħand kull wieħed minnhom.

    86     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-reklami in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx tali karatteristiċi.

     Fuq l-ispejjeż

    87     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      Il-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/450/KEE ta' l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/55/KE tas-6 ta' Ottubru 1997, sabiex ir-reklamar komparattiv ikun permess, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li reklamar komparattiv ikun jirrigwarda, b'mod kollettiv, assortimenti ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum ikkummerċjalizzati minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin safejn l-imsemmija assortimenti jkunu magħmula, minn naħa u mill-oħra, minn prodotti individwali li, meħuda par par, jissodisfaw individwalment il-ħtieġa ta' komparabbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni.

    2)      L-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 85/450 kif emendata mid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħtieġa li r-reklam "jikkompara oġġettivament" il-karatteristiċi ta' l-oġġetti in kwistjoni, prevista minn din id-dispożizzjoni, ma timplikax, fil-każ ta' paragun tal-prezzijiet ta' assortiment ta' prodotti ta' konsum ta' kuljum komparabbli kkummerċjalizzati minn netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin jew tal-livell ġenerali tal-prezzijet ta' dawn ta' l-aħħar f'dak li jirrigwarda l-assortiment tal-prodotti komparabbli li huma jikkummerċjalizzaw, li l-prodotti u l-prezzijiet ikkomparati, jiġifieri kemm dawk ta' min jagħmel ir-reklam kif ukoll dawk tal-kompetituri kollha tiegħu kkonċernati mill-paragun, għandhom ikunu elenkati espressament u b'mod eżawrjenti fir-reklam.

    3)      L-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 85/450 kif emendata mid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-segwenti jikkostitwixxu, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, karatteristiċi "verifikabbli" ta' oġġetti kkummerċjalizzati minn żewġ netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ li jikkompetu ma' xulxin:

    –       il-prezzijiet ta' l-imsemmija oġġetti;

    –       il-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' tali netwerks ta' stabbilimenti kbar tal-bejgħ f'dak li jirrigwarda l-assortiment tagħhom ta' prodotti komparabbli, rispettivament, u l-ammont li konsumatur jista' jiffranka jekk jixtri tali prodotti mingħand wieħed minn dawn in-netwerks minflok mingħand l-ieħor, sakemm l-oġġetti in kwistjoni effettivament ikunu jagħmlu parti mill-assortiment ta' prodotti komparabbli li fuq il-bażi tagħhom ġie ddeterminat l-imsemmi livell ġenerali tal-prezzijiet.

    4)      L-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 85/450 kif emendata mid-Direttiva 97/55 għandu jiġi interpretat fis-sens li karatteristika msemmija f'reklamar komparattiv tissodisfa l-ħtieġa ta' verifikabbiltà prevista minn din id-dispożizzjoni, meta l-elementi ta' paragun li fuqhom tkun ibbażata din il-karatteristika li tissemma fir-reklamar ma jkunux elenkati f'dan ir-reklamar, biss jekk min jagħmel ir-reklam jindika, b'mod partikolari għall-attenzjoni tad-destinatarji ta' dan ir-reklam, fejn u kif dawn ta' l-aħħar jistgħu faċilment isiru jafu b'dawn l-elementi tal-paragun sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jew, jekk ma jkollhomx il-kompetenza meħtieġa biex jagħmlu dan huma stess, jaraw li tiġi vverifikata l-eżattezza ta' dawn l-elementi kif ukoll dik tal-karatteristika in kwistjoni.

    5)      L-Artikolu 3a(1)(a), tad-Direttiva 85/450, kif emendata mid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis sens li reklamar komparattiv li jiftaħar li l-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' min jagħmel ir-reklam huwa l-irħas fil-konfront tal-kompetituri prinċipali tiegħu meta l-paragun ikun sar fuq kampjun ta' prodotti jista' jkollu natura qarrieqa jekk ir-reklam:

    –       ma jurix li l-paragun kien jirrigwarda biss kampjun ta' prodotti u mhux il-prodotti kollha ta' min jagħmel ir-reklam,

    –       ma jidentifikax l-elementi tal-paragun magħmul jew ma jinformax lid-destinatarju fuq is-sors ta' informazzjoni li permezz tiegħu tista' ssir tali identifikazzjoni, jew

    –       ikun fih referenza kollettiva għal skala ta' ammonti li konsumatur jista' jiffranka jekk jagħmel ix-xiri tiegħu mingħand min jagħmel ir-reklam minflok mingħand il-kompetituri tiegħu, mingħajr ma jindividwalizza l-livell ġenerali tal-prezzijiet ta' kull wieħed mill-imsemmija kompetituri rispettivament u l-ammont li konsumatur jista' jiffranka jekk jagħmel ix-xiri tiegħu mingħand min jagħmel ir-reklam minflok mingħand kull wieħed minnhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top