EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0351

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-27 ta' Settembru 2007.
Ikea Wholesale Ltd vs Commissioners of Customs & Excise.
Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division - ir-Renju Unit.
Dumping - Importazzjonijiet ta' lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan - Regolament (KE) Nru 2398/97 - Regolament (KE) Nru 1644/2001 - Regolament (KE) Nru 160/2002 - Regolament (KE) Nru 696/2002- Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp responsabbli għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ODK) - Effetti ġuridiċi -Regolament (KE) Nru 1515/2001- Retroattività - Rifużjoni ta' dazji mħallsa.
Kawża C-351/04.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-07723

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:547

Kawża C-351/04

Ikea Wholesale Ltd

vs

Commissioners of Customs & Excise

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division)

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan — Regolament (KE) Nru 2398/97 — Regolament (KE) Nru 1644/2001 — Regolament (KE) Nru 160/2002 — Regolament (KE) Nru 696/2002 — Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) — Effetti ġuridiċi — Regolament (KE) Nru 1515/2001 — Retroattività — Rifużjoni ta’ dazji mħallsa”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Impossibbiltà li jiġu invokati l-ftehim tal-WTO sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att Komunitarju

2.        Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 1( 2), 2(1) u 6(a))

3.        Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu. 2(10) u 11, u Nru 2398/97)

4.        Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Preġudizzju

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(5))

5.        Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolament Komunitarju li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv — Effetti

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 236(1))

1.        Fid-dawl tan-natura u ta’ l-istruttura tagħhom, il-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ma jirriżultawx, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Huwa biss fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku meħud fil-kuntest tal-WTO jew fil-każ fejn l-att Komunitarju jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO.

(ara l-punti 29-30)

2.        F’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ dazji antidumping, il-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat, meta kkunsidra li, matul id-determinazzjoni ta’ l-ammonti li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għall-spejjeż oħra ġenerali, kif ukoll għall-profitti, l-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, minn naħa, ma jeskludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda biss waħda mill-impriżi, li, fost l-impriżi l-oħra li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni, wettqet, fis-suq intern ta’ l-Istat ta’ l-oriġini, bejgħ rappreżentattiv ta’ prodott simili matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, jippermetti li jiġi mwarrb mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ profitt il-bejgħ ta’ esportaturi jew produtturi oħrajn li ma jkunx sar matul operazzjonijiet ta’ negozju normali, skond il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi regolament, li jgħidu li l-valur normali għandu, bħala prinċipju, jkun ibbażat fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ magħmul matul operazzjonijiet ta’ negozju normali.

(ara l-punti 46-48)

3.        Għaldaqstant li l-marġni ta’ dumping għandu jiġi ddeterminat billi jsir paragun, b’mod “xieraq”, bejn il-valur normali ta’ prodott simili u l-prezz ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità, il-Kunsill iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping globali ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping, l-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi, safejn l-użu ta’ tali metodu, li għalih l-Artikolu 2 tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma jagħmlu l-ebda referenza, jirriżulta, matul il-paragun bejn il-valur medju peżat u l-medja peżata tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet kollha lejn il-Komunità, permezz ta’ bdil fil-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni u allura permezz ta’ paraguni li ma jirriflettux kompletament il-prezzijiet kollha ta’ l-esportazzjoni paragunabbli. Konsegwentement l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan, huwa invalidu safejn il-Kunsill applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping globali li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattiv għal kull waħda mill-klassijiet ta’ prodotti kkonċernati.

(ara l-punti 55-57 u d-dispożittiv 1)

4.        L-Artikolu 3(5) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, li jesponi l-fatturi kollha rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, jagħti lill-awtoritajiet Komunitarji setgħa ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżami u l-evalwazzjoni tad-diversi indizji fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu.

B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni teżiġi biss li jiġu eżaminati l-fatturi u l-indizji ekonomiċi rilevanti li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja, li tagħhom hija tistabbilixxi, barra minn dan, lista mhux eżawrjenti. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma marrux lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, billi evalwaw, għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, biss il-fatturi rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità.

(ara l-punti 61-63)

5.        Importatur li jkun ressaq, quddiem qorti nazzjonali, rikors kontra deċiżjoni li permezz tagħha huwa ġie ordnat iħallas dazji antidumping abbażi tar-Regolament Komunitarju li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet, li ġie ddikjarat invalidu mill-qorti Komunitarja fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda evalwazzjoni tal-validità, għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jagħmel użu minn din l-invalidità fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jikseb ir-rifużjoni ta’ dawn id-dazji skond l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità. F’dan ir-rigward, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tivverifika jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tingħata tali rifużjoni.

(ara l-punti 67, 69 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Settembru 2007 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan – Regolament (KE) Nru 2398/97 – Regolament (KE) Nru 1644/2001 – Regolament (KE) Nru 160/2002 – Regolament (KE) Nru 696/2002 – Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Effetti ġuridiċi –Regolament (KE) Nru 1515/2001 – Retroattività – Rifużjoni ta’ dazji mħallsa”

Fil-kawża C‑351/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2004, fil-proċedura

Ikea Wholesale Ltd

vs

Commissioners of Customs & Excise,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, P. Kūris, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal Ikea Wholesale Ltd, minn B. Servais u Y. Melin, avukati,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn R. Thompson, QC,

–        għall-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Righini u K. Talaber-Ricz, kif ukoll minn C. Brown, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ 6 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97 tat-28 ta’ Novembru 1997 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan (ĠU L 332, p. 1) u min-naħa l-oħra, il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tar-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1644/2001, tas-7 ta’ Awwissu 2001, li jemenda r-Regolament Nru 2398/97 u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provejenti mill-Indja (ĠU L 219, p. 1), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill Nru 2398/97 u li jagħlaq il-proċedura f’dak li għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan (ĠU L 26, p. 1) u kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 696/2002, tat-22 ta’ April 2002, li jikkonferma d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja mir-Regolament Nru 2398/97, emendat u sospiż mir-Regolament Nru 1644/2001 (ĠU L 109, p. 3) (iktar ’il quddiem, kollha flimkien, ir-“regolamenti sussegwenti”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kwistjoni li rriżultat meta l-Commissioners of Customs & Excise (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) irrifjuta r-rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsa minn Ikea Wholesale Ltd (iktar ’il quddiem l-“Ikea”) fuq l-importazzjoni ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill- Pakistan u mill-Indja.

 Kuntest Ġuridiku

3        Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Komunità Ewropea jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56 P. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”).

4        L-Artikolu 1(1) tar-regolament bażiku jipprovdi li kull prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping jista’ jiġi suġġett għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping meta r-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni tiegħu fil-Komunità tikkawża dannu.

5        L-Artikolu 2 (6) u (11) tar-regolament bażiku jipprovdi:

“6.      L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

a)       il-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini

[...]

11.      Soġġetti għad-disposizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun xieraq, l-eżistenza ta’ marġini ta’ bejgħ taħt il-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transizzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità fuq bażi ta’ transizzjoni ma transizzjoni. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transizzjonijiet individwali kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità, jekk hemm mudell ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni li ma jaqbilx b’mod sinifikanti fost xerrejja differenti, reġjuni jew perjodi ta’ żmien differenti, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma kinux jirriflettu l-grad sħiħ tal-bejgħ taħt il-prezz ipprattikat. Dan il-paragrafu m’għandux iħalli barra l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni skond l-Artikolu 17”

6        L-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Komunità konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet Komunitarji; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkulazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.”

7        Il-leġiżlazzjoni Komunitarja bażika fil-qasam tad-dwana hija kkostitwita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p.1). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament applikabbli għal din il-proċedura huma dawk ta’ l-Artikolu 236 u 239.

8        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta’ Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq antidumping u antisussidji (ĠU L 201, p. 10), fis-sitt premessa tiegħu jipprovdi:

“Ir-Rikors għad-DSU m’għandux limitu ta’ żmien. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti adottati [mill-korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim, (iktar ’il quddiem id-“DSB”)] għandhom biss effett prospettiv. Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi speċifikat illi, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, kwalunkwe miżura li tittieħed permezz ta’ dan ir-Regolament jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u, għaldaqstant, ma tipprovdix l-eba bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data”

9        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1. Kull meta d-DSB tadotta Rapport dwar miżura tal-Komunità li ttieħded skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, ir-Regolament (KE) Nru 2026/97 jew dan ir-Regolament ("miżura kontestata"), il-Kunsill jista’, billi jaġixxi b’maġġoranza sempliċi fuq proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv stabbilit skond l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 384/96 jew l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 (‘Kumitat Konsultattiv’), jieħu wieħed jew aktar mill-miżuri li ġejjin, skond liema tqis xieraq:

a)       tħassar jew temmenda l-miżura kontestata, jew

b)      tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra meqjusa xierqa fiż-ċirkostanzi.”

10      Skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1515/2001:

“Il-Kunsill jista’ ukoll jadotta kwalunkwe mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) sabiex jieħu konsiderazzjoni ta’ l-interpretazzjonijiet legali magħmula fir-rapport adottat mid-DSB dwar miżura mhux kontestata, jekk tqis li dan ikun xieraq”

11      L-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej:

“Kwalunkwe miżura adottata skond dan ir-Regolament, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdix l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data għandha.”

12      Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1069/97 tat-12 ta’ Ġunju 1997, stabbilixxa dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan (ĠU L 156, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”. Permezz tar-Regolament Nru 2398/97, il-Kunsill stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq dawn l-importazzjonijiet.

13      Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB fir-rigward ta’ l-imsemmija importazzjonijiet u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1515/2001, il-Kunsill adotta, fis-7 ta’ Awwissu 2001, ir-Regolament (KE) Nru 1644/2001. Fit-28 ta’ Jannar u fit-22 ta’ April 2002, huwa adotta, rispettivament, ir-Regolament Nru 160/2002 u r-Regolament Nru 696/2002. L-ebda wieħed minn dawn ir-Regolamenti ma jipprovdi għar-rimborż ta’ l-ammonti li kienu diġà ġew imħallsa skond ir-Regolament Nru 2398/97.

14      Il-ftehim fuq l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994 (ĠU L 336, 1994, p 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”) li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem l-“WTO”), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p.1). L-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO fih il-memorandum tal-Ftehim fuq ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tal-Kontroversji. Skond dan il-memorandum, ġie stabbilit korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim.

15      L-Artikolu 3(2) ta’ l-imsemmi memorandum jipprovdi:

“[…] Il-Membri jagħrfu [li s-sistema ta’ soluzzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ l-WTO] sservi biex tippreserva d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri taħt il-ftehim koperti, u biex tiċċara d-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehim skond ir-regoli tas-soltu ta’ l-interpretazzjoni tal-liġi pubblika internazzjonali. Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tad-DSB ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi provduti fil-ftehim koperti.”

 Il-Proċedura quddiem id-DSB

16      Fir-rapport tiegħu tat-30 ta’ Ottubru 2000, grupp speċjali tas-soluzzjoni tal-kontroversji (iktar ’il quddiem il-“grupp speċjali”) ikkunsidra li l-Komunitajiet Ewropej kienu aġixxew b’mod inkompatibbli ma l-obbligi li huma għandhom skond l-Artikoli 2.4.2, 3.4 u 15 tal-Ftehim antidumping, f’dak li jirrigwarda l-metodu użat għall-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2398/97.

17      Il-Komunità appelat minn uħud mill-konklużjonijiet tal-grupp speċjali. Il-korp permanenti ta’ l-appell stabbilit fi ħdan l-WTO (iktar ’il quddiem il-“korp ta’ appell”), fir-rapport tiegħu ta’ l-1 ta’ Marzu 2001, ikkonferma li l-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” applikat mill-Komunità kien inkompatibbli ma’ l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping meta hija kienet għamlet il-kalkolu, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni antidumping, ta’ l-ammonti li jikkorrispondu għall-ispejjeż amministrattivi, tal-bejgħ u dawk ġenerali u kif ukoll għall-benefiċċji. Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, l-imsemmi korp irrakkomanda li d-DSB titlob li l-Komunità tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tassigura l-kompatibbiltà tar-Regolament Nru 2398/97 ma’ l-obbligi li hija għandha abbażi tal-Ftehim antidumping.

18      Fit-12 ta’ Marzu 2001, id-DSB adottat ir-rapport tal-korp ta’ appell u dak tal-grupp speċjali, kif emendat mir-rapport ta’ l-imsemmi korp.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Ikea teżerċita fir-Renju Unit attività ta’ produzzjoni u distribuzzjoni ta’ oġġetti għad-dar.

20      Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002, din il-kumpannija talbet lill-Commissioners rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjoni ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Pakistan u mill-Indja skond ir-Regolament Nru 2398/97. Hija talbet ir-rifużjoni tas-somma ta’ GBP 230 301,74 li kienet tikkorrispondi għad-dazji mħallsa fuq l-importazzjoni ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Pakistan għall-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Marzu 2000 u d-29 ta’ Jannar 2002, kif ukoll tas-somma ta’ GBP 69 902,29 li kienet tikkorrispondi għal parti mid-dazji mħallsa fuq l-importazzjoni tagħha ta’ dawn l-istess prodotti provenjenti mill-Indja għall-perijodu ta’ bejn Marzu 2000 u t-8 ta’ Awwissu 2001. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikoli 236 u 239 tar-Regolament Nru 2913/92.

21      Ikea sostniet in-natura illegali tal-kalkolu ta’ l-ammont tad-dazji antidumping magħmul abbażi tar-Regolament Nru 2398/97 kif ukoll l-illegalità ta’ dan ir-Regolament. Hija bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq ir-rapporti, il-konstatazzjonijiet u l-konklużjonijiet approvati mid-DSB fl-1 ta’ Marzu 2001. Permezz ta’ l-ittra tas-26 ta’ Ġunju 2002, il-Commissioners ċaħdu t-talba ta’ rifużjoni ppreżentata minn Ikea.

22      Wara talba ppreżentata minn Ikea li kienet intiża għal stħarriġ amministrattiv formali tad-deċiżjoni ta’ rifjut adottata mill-Commissioners, l-aġent eżaminatur ikkonferma din id-deċiżjoni permezz ta’ l-ittra tas-27 ta’ Novembru 2002.

23      Għalhekk Ikea ressqet rikors, quddiem il-VAT and Duties Tribunal of London, kontra d-deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tad-deċiżjoni tal-Commissioners. Fit-8 ta’ Settembru 2003, il-VAT and Duties Tribunal ċaħad ir-rikors ta’ Ikea billi ddeċieda li għalkemm din ta’ l-aħħar setgħet tikkuntesta l-legalità tar-Regolament Nru 2398/97 abbażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, hija ma kinitx għamlet dan fit-terminu preskritt. Konsegwentement, il-VAT and Duties Tribunal qies li Ikea ma setgħetx tevita l-preskrizzjoni prevista billi tikkuntesta r-Regolamenti Nri 2398/97, 1644/2001 u 160/2002 fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari.

24      Fil-31 ta’ Ottubru 2003, Ikea ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, abbażi ta’ l-Artikoli 14 u 15 tal-liġi tal-finanzi ta’ l-1994 (Finance Act 1994). Sabiex issostni r-rikors tagħha Ikea essenzjalment sostniet li, minn naħa, il-Vat and Duties Tribunal kien żbaljat meta kkunsidra li r-Regolamenti Nri 2398/97, 1644/2001 u 160/2002 kienu jikkonċernawa direttament u individwalment, u li, min-naħa l-oħra, dawn ta’ l-aħħar huma, kompletament jew parzjalment, illegali. Fis-17 ta’ Frar 2004, Ikea ġiet awtorizzata temenda t-talbiet ta’ l-appell tagħha sabiex testendi l-kontestazzjoni tagħha għar-Regolament Nru 696/2002.

25      Wara li ddeċidiet li Ikea ma kellhiex locus standi sabiex tressaq, abbażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, rikors kontra r-Regolament Nru 2398/97, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division annullat id-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-grupp speċjali ta[d-DSB] fir-rapport tiegħu tat-30 ta’ Ottubru 2000, punt 7.2(g) u (h), WT/DS1412/R, u tal-Korp permanenti ta’ l-appell […[] fid-deċiżjoni tiegħu ta’ l-1 ta’ Marzu 2002, punti 86 u 87, WT/DS1141/AB/R, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament […] Nru 2398/97 […] huwa, in toto jew in parte inkompatibbli mad-dritt Komunitarji safejn dan:

–        jissuġġetta l-kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħrajn, kif ukoll il-profitti, għal metodu żbaljat, li jmur kontra l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament [bażiku], kif emendat, u kontra l-Artikolu 2.2.2(ii) tal-ftehim antidumping,

–        japplika metodu żbaljat billi jagħmel użu mill-prassi tar-‘riduzzjoni għal żero’ biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping meta jqabbel il-valur normali mal-prezz ta’ l-esportazzjoni, u dan kontra l-Artikolu 2(11) tar-Regolament ġbażoku] u l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, u/jew

–        jonqos milli jevalwa l-fatturi kollha rilevanti li jikkawżaw dannu u li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, u huwa żbaljat meta, sabiex jistabbilixxi d-dannu, jistrieħ fuq fatturi li jikkonċernaw kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-industrija tal-Komunità, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament [bażiku] u ta’ l-Artikolu 3.4 tal-ftehim antidumping?

2)      Wieħed jew iktar mir-Regolamenti […]:

–        […] Nru 1644/2001 […],

–        […] Nru 160/2002 […], u/jew

–        […] Nru 696/2002 […],

[huwa] inkompatibbli mad-dritt Komunitarji (inklużi l-Artikoli 1, 7(1), u 9(4) tar-Regolament [bażiku], meta moqrija fid-dawl ta’ l-Artikoli 1, 7.1, u 9 tal-ftehim antidumping), safejn dawn ġew adottati abbażi ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ l-informazzjoni miġbura matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni inizjali, evalwazzjoni mill-ġdid li minnha rriżulta li ma kien hemm ebda dumping u li l-istess dumping kien ta’ livell iktar baxx matul il-perijodu msemmi, iżda li dawn ma kinux jipprovdu għar-rifużjoni ta’ l-ammonti mħallsin diġà skond ir-Regolament Nru 2398/97?

3)      Ir-Regolamenti Nru 1644/2001, 160/2002 u 696/2002 huma, barra minn hekk, inkompatibbli ma’ l-Artikoli 7(2) u 9(4) tar-Regolament [bażiku] u mal-prinċipju tal-proporzjonalità, safejn jipprovdu livell ta’ dazju antidumping li mhuwiex strettament proporzjonat ma’ l-ammont ta’ dumping jew mad-dannu li dan id-dazju huwa maħsub sabiex jikkompensa?

4)      Ir-risposti għad-domandi ta’ hawn fuq għandhom ikunu differenti f’dak li jikkonċerna l-esportazzjonijiet provenjenti mill-Indja meta mqabbla ma’ dawk provenjenti mill-Pakistan, fid-dawl:

–        tal-proċeduri segwiti quddiem [id-DSB], u/jew

–        tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fir-Regolamenti Nri 1644/2001, 160/2002 u 696/2002?

5)      Fid-dawl tar-risposti għad-domandi ta’ hawn fuq:

–        awtorità doganali nazzjonali għandha tirrifondi in toto jew in parte d-dazji antidumping li hija tkun ġabret b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 2398/97, u

–        jekk iva, min għandu jibbenefika minn din ir-rifużjoni, u taħt liema kundizzjonijiet għandha sseħħ l-istess rifużjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

26      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità tar-Regolament Nru 2398/97 fid-dawl tal-Ftehim antidumping, kif sussegwentement interpretat mir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB, kif ukoll fid-dawl tar-regolament bażiku.

 Fuq il-validità tar-Regolament Nru 2398/97 fid-dawl tal-Ftehim antidumping kif interpretat mir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB

27      Ir-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq isostni li r-rakkomandazzjonijiet u kif ukoll id-deċiżjonijiet tad-DSB jikkostitwixxu, evidentement, l-unika bażi ta’ rikors, peress li l-validità tar-Regolament Nru 2398/97 ma kienet is-suġġett ta’ l-ebda azzjoni indipendenti qabel l-imsemmija konklużjonijiet. Huwa jsostni li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, retroattiviament, fuq il-legalità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB, li jgħoddu għall-futur, jew fid-dawl tad-deċiżjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn ir-rakkomandazzjonijiet, imur kontra l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat r-Regolament Nru 1515/2001.

28      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-imsemmija rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ lożor u mħaded tal-qoton ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja u li r-Regolament Nru 2398/97 mhuwiex, sempliċiment minħabba l-fatt li d-DSB iddeċieda li l-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament jikser l-obbligi li l-Komunità għandha abbażi tal-Ftehim Antidumping, ivvizzjat b’invalidità f’dak li jirrigwarda d-dritt Komunitarju.

29      Għandu preliminarjament jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl tan-natura u ta’ l-istruttura tagħhom, il-ftehim tal-WTO ma jirriżultawx, bħala prinċipju, fost ir-regoli fid-dawl ta’ liema l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 52, u kif ukoll ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C-377/02, Ġabra p. I-1465, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Huwa biss fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku meħud fil-kuntest tal-WTO jew fil-każ fejn l-att Komunitarju jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO (sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 49, Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u kif ukoll Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1515/2001, il-Kunsill jista’, wara rapport adottat mid-DSB, skond iċ-ċirkustanzi, iħassar jew jemenda l-miżura kkontestata, jew inkella jadotta kull miżura oħra speċifika li huwa jidhirlu li tkun xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-każ.

32      Abbażi ta’ l-Artikolu 4 tiegħu, ir-Regolament Nru 1515/2001 huwa applikabbli għar-rapporti li d-DSB tadotta b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001. F’dan il-każ, id-DSB adottat, fit-12 ta’ Marzu 2001, ir-rapport tal-korp ta’ Appell u dak tal-grupp speċjali, kif emendat mir-rapport ta’ l-imsemmi korp.

33      Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1515/2001, miżura adottata fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament issir effettiva b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha u minħabba f’hekk ma tistax tiġi invokata sabiex jinkiseb ir-rimborż tad-dazji mħallsa qabel din id-data, ħlief jekk jiġi previst mod ieħor. F’dan ir-rigward, is-sitt premessa ta’ l-imsemmi regolament tipprovdi li r-rakkomandazzjonijiet magħmulin fir-rapporti adottati mid-DSB għandhom biss effett prospettiv. Għaldaqstant, “kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, kwalunkwe miżura li tittieħed [fil-kuntest tar-Regolament Nru 1515/2001] jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u, […] ma tipprovdix l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data”.

34      F’dan il-każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1515/2001 u għar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB, il-Kunsill l-ewwel nett adotta, fis-7 ta’ Awwissu 2001, ir-Regolament Nru 1644/2001. Wara dan huwa adotta, fit-28 ta’ Jannar 2002, ir-Regolament Nru 160/2002 u, fl-aħħar nett, fit-22 ta’ April 2002, ir-Regolament Nru 696/2002 li jikkonfermaw id-dazju antidumping definittiv stabbilit mir-Regolament Nru 2398/97, kif emendat u sospiż mir-Regolament Nru 1644/2001.

35      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, li f’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-legalità tar-Regolament Nru 2398/97 ma tistax tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-ftehim antidumping, kif susegwentement interpretat mir-rakkomandazzjonijiet tad-DSB, peress li minn regolamenti suċċessivi jirriżulta b’mod ċar li, billi eskludiet ir-rifużjoni tad-dazji mħallsa skond ir-Regolament Nru 2398/97, il-Komunità bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni li timplementa obbligu speċifiku meħud fil-kuntest tal-WTO.

 Fuq il-validità tar-Regolament Nru 2398/97 fid-dawl tar-regolament bażiku

36      Barra minn dan il-qorti ta’ rinviju tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament Nru 2398/97 fid-dawl tar-regolament bażiku. Hija essenzjalment tistaqsi jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeterminat il-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat, meta stabbiliet il-marġni ta’ dumping u l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

37      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 2(6) tar-regolament bażiku, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott, fuq l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping u fuq l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dannu kkawżat lil industrija Komunitarja.

38      F’dan ir-rigward, Ikea ssostni li, peress li l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija Artikolu tal-ftehim andidumping, li d-DSB għamel fid-deċiżjonijiet tiegħu li jikkonfermaw il-fatt li l-metodi użati mill-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dumping u tad-dannu huma żbaljati, għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-metodi jmorru wkoll kontra r-regolament bażiku.

39      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkunsidraw li r-Regolament Nru 2398/97 jibqa’ validu mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tqis li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2398/97, ikkontestati fid-dawl tar-regolament bażiku, jikkostitwixxu prassi li ilha fis-seħħ għal diversi snin u li, sal-ġurnata tal-lum, għadha ma ġietx iddikjarata invalida mill-qrati Komunitarji.

40      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-Istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ottubru 1983 Fediol vs il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punt 26, u tas-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill, 255/84, Ġabra p. 1861, punt 21).

41      Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li l-għażla bejn id-diversi metodi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping, bħall dawk indikati fl-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott jew ukoll id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu jippresupponu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1987, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 240/84, Ġabra p. 1809, punt 19; ta’ l-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u L-Kummmissjoni, C-156/87, Ġabra p. I-781, punt 63, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-150/94, Ġabra p. I-7235, punt 54).

42      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju meta ddeterminaw il-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat, il-marġni ta’ dumping u l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

 Fuq il-kalkolu tal-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat

43      Il-valur normali huwa kkalkulat fuq it-tipi kollha ta’ prodotti esportati lejn il-Komunità mill-kumpanniji kollha, skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku. Dan huwa ddeterminat billi ma’ l-ispiża ta’ produzzjoni tat-tipi ta’ prodotti esportati minn kull kumpannija, jiġi miżjud ammont raġjonevoli li jikkorrispondi, minn naħa, għall-ispejjeż tal-bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għal spejjeż oħra ġenerali inkorsi, u min-naħa l-oħra, mal-profitti magħmulin

44      F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja, peress li kumpannija waħda biss għamlet bejgħ globali intern rappreżentattiv u peress li l-bejgħ intern ta’ mudelli vijabbli kien jirrappreżenta anqas minn 80 % iżda iktar minn 10 % tal-bejgħ intern totali, dan il-bejgħ għalhekk ġie kkunsidrat bħala li sar matul operazzjonijiet ta’ negozju normali. Konsegwentement, l-ammont li jikkorrispondi, minn naħa, għall-ispejjeż ta’ bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għall-ispejjeż l-oħra ġenerali u, min-naħa l-oħra, għall-profitti, li ntuża għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali għall-kumpanniji kollha li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni, jirrappreżentaw, rispettivament, l-ispejjeż inkorsi u l-profitti magħmulin minn dik il-kumpannija, skond l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. L-istess konstatazzjoni saret f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan.

45      F’dak li jirrigwarda l-użu tal-marġni ta’ profitt ta’ kumpannija waħda, ir-Regolament Nru 2398/97 ifakkar, fit-18-il premessa tiegħu, li l-investigazzjoni ġiet illimitata għal kampjun ta’ produtturi/esportaturi skond l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku u li l-parti l-kbira tal-kumpanniji Indjani li kkooperaw huma kumpanniji ta’ esportazzjoni li ma jbiegħux prodotti simili fis-suq intern tagħhom. Il-Kummissjoni inkludiet f’dan il-kampjun ħames produtturi/esportaturi Indjani li fosthom tnejn minnhom iddikjaraw, matul is-selezzjoni, li huma kienu biegħu prodotti simili fl-imsemmi suq.

46      Madankollu, kif tipprovdi t-tmienja u għoxrin premessa tar-regolament provviżjorju, mill-investigazzjoni rriżulta li wieħed biss minn dawn il-produtturi/esportaturi kien wettaq bejgħ rappreżentattiv ta’ prodott simili fis-suq intern tiegħu matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni. Barra minn dan, ir-referenza, fl-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku, għall-medja peżata tal-profitti stabbiliti għal esportaturi jew produtturi oħra ma teskludix li dan l-ammont jista’ jiġi ddeterminat billi ssir il-medja peżata tat-tranżazzjonijiet u/jew tat-tipi ta’ prodotti ta’ esportatur jew ta’ produttur wieħed.

47      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 132 sa 142 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li, matul id-determinazzjoni ta’ l-ammonti li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għall-spejjeż oħra ġenerali, kif ukoll għall-profitti, l-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku jista jiġi applikat meta l-informazzjoni disponibbli tikkonċerna produttur wieħed u jippermetti li tiġi mwarrba l-informazzjoni li tirrigwarda bejgħ li ma sarx matul operazzjonijiet ta’ negozju normali.

48      Fil-fatt, minn naħa, l-użu, fl-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku, tal-plural fl-espressjoni “esportaturi jew produtturi oħra”, ma teskludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda biss waħda mill-impriżi li, fost l-impriżi l-oħra li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni, wettqet, fis-suq intern ta’ l-Istat ta’ l-oriġini, bejgħ rappreżentattiv ta’ prodott simili matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-fat li fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ profitt ma jiġix meqjus il-bejgħ ta’ esportaturi jew produtturi oħra li ma jkunx sar matul operazzjonijiet ta’ negozju normali, jikkostitwixxi metodu adatt għall-kostruzzjonital-valur normali, skond il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, li jgħidu li l-valur normali għandu, bħala prinċipju, jkun ibbażat fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ magħmul matul operazzjonijiet ta’ negozju normali.

49      Minn dan isegwi li l-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkalkula l-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat.

 Fuq id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping

50      F’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni finali tal-marġni ta’ dumping, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk il-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’ użat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping globali, bħal dak li ġie applikat fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni antidumping in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex kompatibbli ma’ l-Artikoli 2(11) tar-regolament bażiku.

51      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-iżbalji allegatament imwettqa fil-kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ bejgħ, ta’ l-ispejjeż amministrattivi, ta’ spejjeż oħra ġenerali u tal-profitti, kif ukoll l-użu tal-metodu ta’ “riduzzjoni għal żero”, jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping. Madankollu, l-illegalita ta’ aġġustament magħmul fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dumping taffettwa l-legalita ta’ l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping biss jekk id-dazju antidumping impost jaqbeż dak li jkun applikabbli mingħajr dan l-aġġustament.

52      Skond l-Artikolu 2(12) tar-regolament bażiku, il-marġni ta’ dumping huwa l-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz ta’ l-esportazzjoni. Dan il-marġni huwa b’hekk stabbilit mill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni, skond l-Artikolu 2(10), billi jsir paragun, b’mod “xieraq”, bejn il-valur normali ta’ prodott simili u l-prezz ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità.

53      Fil-kawża prinċipali mhuwiex ikkontestat li l-marġni ta’ dumping ġie kkalkolat billi l-valur normali “kostrutt” medja peżata għall-klassijiet ta’ prodotti ġie mqabbel mal-prezz ta’ l-esportazzjoni medja peżata għall-klassijiet ta’ prodotti. Għalhekk, l-istituzzjonijiet ikkonċernati l-ewwel nett identifikaw diversi mudelli differenti tal-prodotti li huwa s-suġġett ta’ l-investigazzjoni. Għall kull wieħed minn dawn il-mudelli huma kkalkulaw valur normali medja peżata u prezz ta’ l-esportazzjoni medja peżata u wara dan ipparagunawhom għal kull mudell. Għal uħud mill-mudelli, peress li l-prezz ta’ l-esportazzjoni kien inferjuri mill-valur normali, ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ dumping. Min-naħa l-oħra, għal mudelli oħra, peress li l-prezz ta’ l-esportazzjoni kien għola mill-valur normali, ġie stabbilit marġni ta’ dumping negattiv.

54      Sabiex jikkalkolaw l-ammont globali ta’ dumping għall-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni, dawn l-istituzzjonijiet wara dan żiedu flimkien l-ammont ta’ dumping tal-mudelli kollha fir-rigward ta’ liema kienet ġiet stabbilità l-eżistenza ta’ dumping. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija istituzzjonijiet aġġustaw għal żero l-marġni kollha ta’ dumping negattiv. L-ammont globali ta’ dumping ġie, wara dan, espress bħala persentaġġ tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni tal-mudelli kollha li kienu jew li ma kinux is-suġġett ta’ dumping.

55      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-termini ta’ l-Artikolu 2 tar-regolament bażiku ma jagħmlu l-ebda referenza għal metodu ta’ “riduzzjoni għal żero”. Bil-kontra ta’ dan, dan ir-regolament b’mod espliċitu jimponi fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji l-obbligu li jagħmlu paragun ekwu bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 (10) u (11) tiegħu.

56      Fil-fatt, l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku jindika li l-valur normali medja peżata għandu jiġi pparagunat ma’ “medja peżata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità”. F’dan il-każ, matul dan il-paragun, l-użu tal-metodu ta’ “riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi rriżulta fi bdil tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. Konsegwentement, billi uża dan il-metodu l-Kunsill ma kkalkolax il-marġni ta’ dumping globali billi bbaża ruħu fuq paraguni li jirriflettu kompletament il-prezzijiet kollha ta’ l-esportazzjoni paragunabbli, u għalhekk, billi kkalkula b’dan il-mod l-imsemmi marġni, wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

57      Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet Komunitarji aġixxew b’mod inkompatibbli ma’ l-Artikolu 2(11) tar-regolament bażiku billi applikaw, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi għall-kull waħda mill-klassijiet ta’ prodotti kkonċernati.

 Fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu

58      Il-qorti ta’ rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-validità tar-regolament Nru 2398/97 safejn dan, għall-finijiet ta’ l-eżami tal-preġudizzju, naqas milli jevalwa l-fatturi kollha tad-dannu rilevanti li jaffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja u b’mod żbaljat jibbaża ruħu fuq informazzjoni miksuba mingħand kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-industrija Komunitarja, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku.

59      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(1) tar-regolament bażiku, dazju antidumping jista’ jiġi impost fuq prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping biss jekk ir-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunita jikkawża dannu, fejn il-kelma “[dannu]” tfisser, skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-istess regolament, dannu materjali lill-industrija tal-Komunità, theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Komunità jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ industrija Komunitarja.

60      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skond l-erba’ u tletin premessa tar-Regolament Nru 2398/97, il-35 kumpannija li kienu lmentaw mal-Kummissjoni kienu jirrappreżentaw proporzjoni ikbar mill-produzzjoni Komunitarja totali fis-sens ta’ l-Artikolu 5(4) tar-regolament bażiku u kienu jikkostitwixxu wkoll, minħabba f’dan, l-industrija Komunitarja kif definita fl-Artikolu 4(1) ta’ dan l-aħħar regolament. Madankollu mill-wieħed u erbgħin il-premessa tar-Regolament Nru 2398/97 jirriżulta li l-eżami tad-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja kien jirrigwarda l-informazzjoni li tikkonċerna l-Komunità kollha kemm hi u ma ġiex analizzat biss fuq il-livell ta’ l-industrija Komunitarja kif definita fl-imsemmi Artikolu 4(1).

61      Fir-rigward ta’ jekk l-awtoritajiet Komunitarji wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma evalwawx il-fatturi kollha rilevanti li jeffetwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, esposti fl-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku, għandu jiġi indikat li din id-dispożizzjoni tinvesti lill-dawn l-awtoritajiet b’setgħa ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżami u l-evalwazzjoni tad-diversi indizji.

62      Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 193 u 194 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi biss li jiġu eżaminati l-fatturi u l-indizji ekonomiċi “tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija [Komunitarja]” u min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-lista ta’ fatturi u ta’ l-indizji ekonomiċi “[mhijiex waħda eżawrjenti]”.

63      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn l-Istituzzjonijiet, billi evalwaw, għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, biss il-fatturi rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, ma marrux lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Barra minn hekk, matul l-evalwazzjoni l-ġdida magħmula fil-kuntest tar-Regolament Nru 1644/2001, l-iżbalji allegatament imwettqa fl-evalwazzjoni tad-dannu ma kellhomx effett fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma wettqu l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza u ta’ l-importanza ta’ l-imsemmi dannu.

65      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97 mhuwiex validu safejn il-Kunsill applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattiv għal kull waħda mill-klassijiet ta’ prodotti kkonċernati.

66      Konsegwentement u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata risposta għad-domandi l-oħra li jirrigwardaw il-validità tar-regolamenti suċċessivi, għandha tiġi eżaminata l-ħames domanda, li tirrigwarda x’għandhom ikunu l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ l-invalidità ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97, fir-rigward tad-dritt ta’ l-importatur il-kwistjoni fil-kawża prinċipali għar-rifużjoni tad-dazji antidumping li huwa ħallas skond l-imsemmi regolament.

67      Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-konsegwenzi, fis-sistema legali tagħhom, ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tkun saret fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda evalwazzjoni tal-validità (sentenza tat-30 ta’ Ottubru 1975, Rey Soda, 23/75, Ġabra p. 1279, punt 15), li jkollha bħala konsegwenza li d-dazji antidumping, imħallsa abbażi tar-Regolament Nru 2398/97, ma jkunux legalment dovuti fis-sens ta’ l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92 u għandhom, bħala prinċipju, jkunu rifużi mill-awtoritajiet doganali, skond din id-dispożizzjoni, jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet, fosthom dawk previsti fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi artikolu, li għalihom hija suġġetta din ir-rifużjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti ta’ rinviju.

68      Wara dan għandu jiġi osservat li huma biss il-qrati nazzjonali li huma kompetenti sabiex jippresjedu azzjonijiet għall-irkupru ta’ ammonti indebitament miġbura minn korp nazzjonali abbażi ta’ regolament Komunitarju li iktar tard ġie ddikjarat invalidu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette vs Il-Kummissjoni, 20/88, Ġabra p. 1553, punt 14, u tat-13 ta’ Marzu 1992, Vreugdenhil vs Il-Kummissjoni, C-282/90, Ġabra I-1937, punt 12).

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li importatur, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li quddiem qorti nazzjonali jkun ressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huwa ġie ordnat iħallas dazji antidumping abbażi tar-Regolament Nru 2398/97, li ġie ddikjarat invalidu f’din is-sentenza, għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jagħmel użu minn din l-invalidità fil-kuntest tal-kawża prinċipali sabiex jikseb ir-rifużjoni ta’ dawn id-dazji skond l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2398/97 tat-28 ta’ Novembru 1997 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan huwa invalidu safejn il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattiv għal kull waħda mill-klassijiet ta’ prodotti kkonċernati.

2)      Importatur, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li quddiem qorti nazzjonali jkun ressaq rikors kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom huwa ġie ordnat iħallas dazji antidumping abbażi tar-Regolament Nru 2398/97, li ġie ddikjarat invalidu f’din is-sentenza, għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jagħmel użu minn din l-invalidità fil-kuntest tal-kawża prinċipali sabiex jikseb ir-rifużjoni ta’ dawn id-dazji skond l-Artikolu 236(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top