Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0339

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Lulju 2006.
    Nuova società di telecomunicazioni SpA vs Ministero delle Comunicazioni u ENI SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
    Servizzi tat-telekomunikazzjonijiet -Direttiva 97/13/KE- Taxxi u imposti applikabbli għal-liċenzji individwali.
    Kawża C-339/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:490

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    18 ta' Lulju 2006 (*)

    "Servizzi tat-telekomunikazzjonijiet –Direttiva 97/13/KE– Taxxi u imposti applikabbli għal-liċenzji individwali"

    Fil-kawża C-339/04,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Frar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta' Awwissu ta' wara, fil-proċedura

    Nuova società di telecomunicazioni SpA

    vs

    Ministero delle Comunicazioni,

    ENI SpA,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.‑P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' Settembru 2005,

    wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

    –       għan-Nuova società di telecomunicazioni SpA, minn A. Santa Maria u F. G. Scoca, avvocati,

    –       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u M. Shotter, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Ottubru 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nuova società di telecomunicazioni SpA (Iktar 'il quddiem "NST") kontra l-Ministerio delle Comunicazioni (il-Ministeru tal-Komunikazzjoni) minħabba l-ħlas ta' imposti għall-użu privat ta' netwerk ta' telekomunikazzjonijiet.

     Il-kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       Id-Direttiva 97/13 stabbiliet qafas komuni applikabbli għas-sistemi ta' awtorizzazzjonijiet intiż li jiffaċilita b'mod sinjifikattiv id-dħul fis-suq ta' operaturi ġodda.

    4       Skond l-Artikolu 3(3) ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi u/jew in-netwerkijiet ta' telekomunikazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu pprovduti mingħajr jew b'awtorizzazzjoni. Din id-Direttiva tipprovdi żewġ strumenti ta' awtorizzazzjoni distinti, u cioe' l-awtorizzazzjoni ġenerali u l-liċenzja individwali.

    5       Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/13, l-awtorizzazzjoni li hija regolata permezz ta' "klassi ta' liċenzji" jew permezz ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali, ma tobbligax l-impriża kkonċernata tikseb deċiżjoni espliċita ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali.

    6       Skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 2(1)(a) ta' din id-Direttiva, il-liċenzja individwali tinħareġ minn awtorità regolatorja nazzjonali u tikkonferixxi drittijiet speċifiċi lill-impriża jew tissottometti l-attivitajiet tagħha għal obbligi speċifiċi.

    7       Skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/13, l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu liċenzji individwali ħlief għall-ċerti raġunijiet preċiżi, b'mod partikolari sabiex jagħtu lis-sid aċċess għall-frekwenzi tar-radju jew għall-numri.

    8       L-Artikolu 7(2) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi madankollu li l-istabbiliment u l-provvista ta' netwerkijiet ta' telekomunikazzjonijiet pubbliċi kif ukoll netwerkijiet li jimplikaw l-użu tal-frekwenzi tar-radju jistgħu jkunu s-suġġett ta' liċenzja individwali.

    9       F'dak li jirrigwarda t-taxxi u l-imposti applikabbli għal-liċenzji individwali l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jipprovdi li t-taxxi għandhom bħala uniku għan dak li jkopru l-ispejjeż amministrattivi konnessi mal-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. L-istess test jipprovdi wkoll li dawn it-taxxi huma proporzjonali mal-volum ta' xogħol mitlub u jiġu ppubblikati b'mod approprjat u suffiċjentement iddettaljat sabiex l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli.

    10     Fil-każ ta' riżorsi limitati, l-Istati Membri jistgħu madankollu, skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13, jawtorizzaw l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu imposti sabiex jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta' dawn ir-riżorsi.

     Il-leġiżlazzjoni Nazzjonali

    11     Qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, il-kumpanniji sidien ta' servizzi pubbliċi setgħu, fil-kuntest ta' sistema ta' konċessjonijiet, jużaw netwerkijiet ta' telekomunikazzjonijiet għall-bżonnijiet interni tagħhom, konformement mal-Kodiċi tal-Posti u tat-Telekomunikazzjoni, approvat mid-digriet tal-President tar-Repubblika tad-29 ta' Marzu 1973, Nru 156 (testo unico delle disposizioni legislative in materia postale di bancoposta e di telecomunicazioni approvato con decreto del Presidente della Repubblica 29 marzo 1973, n° 156, GURI n° 113, tat-3 ta' Mejju 1973 iktar 'il quddiem il-"kodiċi").

    12     Fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, id-digriet tal-President tar-Repubblika tad-19 ta' Settembru 1997, Nru 318, dwar ir-Regolament ta' l-applikazzjoni tad-Direttivi Komunitarji fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (decreto del Presidente della Repubblica 19 settembre 1997, n° 318, Regolamento per l’attuazione di direttive comunitarie nel settore delle telecomunicazioni, supplement ordinarju tal-GURI n° 221, tat-22 ta' Settembru 1997, iktar 'il quddiem "id-digriet Nru 318/97"), ipprovda l-possibbiltà għall-ċerti kumpanniji, li jiksbu liċenzja individwali għall-provvista lill-pubbliku tas-servizzi ta' telekomunikazzjonijiet.

    13     L-Artikolu 6 tad-digriet Nru 318/97 jirregola l-proċedura ta' l-għoti ta' l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u tal-liċenzji individwali kif ukoll il-modalitajiet tal-ġbir tal-kontribuzzjoni. Skond dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni ta' l-użu ta' riżorsi limitati, il-kontribuzzjoni mitluba lill-impriżi għall-proċeduri dwar il-liċenzji individwali huma esklużivament iddestinati jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mad-direzzjoni kif ukoll għall-kontroll tal-ġestjoni tas-servizzi u tal-manutenzjoni tal-kundizzjonijiet previsti għall-istess liċenzji.

    14     L-Artikolu 21 (2) sa (5) tad-Digriet Nru 318/97, li kien estenda s-sistema l-ġdida tan-netwerkijiet għall-użu privat, ġie abbrogat permezz ta' l-Artikolu 20 tal-liġi tat-23 ta' Diċembru 1998, Nru  448, dwar miżuri finanzjarji pubbliċi għall-istabilizzazzjoni u l-iżvilupp (legge 23, dicembre 1998, n° 448, Misure di finanza pubblica per la stabilizzazione e lo sviluppo, supplement ordinarju tal-GURI n° 302, tad-29 ta' Diċembru 1998, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 448/98"). Dan l-aħħar Artikolu madankollu pprovda li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-kalkolu ta' l-oneri finanzjarji relatati man-netwerkijiet privati għandhom jibqgħu applikabbli sa l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet regolatorji u leġiżlattivi f'dan il-qasam.

    15     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(6) tal-liġi tal-31 ta' Lulju 1997, n° 249, li waqqfet l-Awtorità garanti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (legge 31 luglio 1997, n° 249, Istituzione dell’Autorità per le garanzie nelle comunicazioni e norme sui sistemi delle telecomunicazioni e radiotelevisivo, supplement ordinarju tal-GURI Nru 177, tal-31 ta' Lulju 1997), il-kumpanniji li huma sidien tas-servizzi pubbliċi li ħolqu netwerkijiet għall-bżonnijiet tagħhom huma obbligati jikkostitwixxu kumpannija separata sabiex jeżerċitaw kwalsijasi attività f'dan il-qasam, u skond l-Artikolu 20 tal-liġi Nru 448/98, għandhom għal din ir-raġuni jħallsu t-taxxi.

     Il-kawża prinċipali

    16     L-elementi tal-kawża prinċipali li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta' Rinviju jistgħu jinġabru kif ġej.

    17     Skond l-Artikolu 21 tal-Kodiċi, ENI SpA (iktar 'il quddiem "ENI"), qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, kienet ġiet assenjatarja ta frekwenzi tar-radju għall-bżonnijiet interni tagħha.

    18     Wara l-imsemmija liberalizzazzjoni, li hija b'mod partikolari r-riżultat tad-Direttiva 97/13, Eni kkostitwiet NST u fdat lil din il-kumpannija bil-ġestjoni tan-netwerk ta' telekomunikazzjonijiet li sa dak iż-żmien kien jiġi użat għall-bżonnijiet interni tagħha.

    19     Fit-12 ta' Ġunju 1998, NST kisbet liċenzja individwali, skond id-Digriet Nru 318/97, li jittrasponi d-Direttiva 93/17 fis-sistema legali nazzjonali, għall-provvista, permezz ta' dan in-netwerk, ta' servizzi ta' telekomunikazzjonijiet lill-pubbliku.

    20     Il-Ministeru tal-Komunikazzjoni Taljan talab lill-NST sabiex tħallas żewġ kontribuzzjonijiet għall-imsemmi netwerk, wieħed għall-provvista tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet lill-pubbliku u l-ieħor għall-użu privat ta' dan in-netwerk. Din it-tieni kontribuzzjoni ġiet mitluba għas-sena 1999 permezz ta' komunikazzjoni miktuba mill-Ministeru tas-26 Frar 1999 u [din il-kontribuzzjoni] kienet tikkorrispondi għall-ammont imħallas minn qabel konformement mal-Kodiċi minn ENI.

    21     NST ikkontestat it-tieni kontribuzzjoni quddiem il-Qrati Amministrattivi Taljani.

    22     Il-Consiglio di Stato (Kunsill ta' Stat) kellu dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta' l-obbligu, ta' NST, li tħallas żewġ kontribuzzjonijiet distinti għall-użu pubbliku u l-użu privat ta' netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet mad-Direttiva 97/13. Sussidjarjament il-Consiglio di Stato jistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-kalkolu tat-tieni kontribuzzjoni ma din id-Direttiva.

    23     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)      Skema nazzjonali – li tkun imponiet fuq kumpanniji li huma s-sidien ta' servizzi ta' utilità pubblika, li fil-passat ħolqu netwerkijiet ta' telekomunikazzjonijiet għall-bżonnijiet tagħhom fil-kuntest ta' skema ta' konċessjonijiet b'titolu oneruż, li jikkostitwixxu kumpanniji separati għall-eżerċizzju ta' l-attivitajiet kollha fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet – li tipprevedi li kumpannija separata, anke jekk hi hija s-sid ta' liċenzja tas-servizz lill-pubbliku, trid, anki jekk provviżorjament, tħallas kontribut addizzjonali għall-użu mill-kumpannija parent tan-netwerk tat-telekomunikazzjoni, hija kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-[direttiva 97/13]?

    2)      Dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa [provviżorjament] it-tieni kontribut komplementari dovut għall-attivitajiet eżerċitati favur il-kumpannija parent, b'relazzjoni għall-ammonti li ħallset qabel din il-kumpannija taħt l-iskema ta' esklużività preċedentement fis-seħħ skema kkaratterizzata bid-distinzjoni bejn il-konċessonijiet tas-sistemi ta' telekomunikazzjonijiet għall-użu tal-pubbliku u konċessjonijiet li jirrigwardaw is-sistemi għall-użu privat, hija koerenti mad-Dritt Komunitarju [hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha tat-18 ta' Settembru 2003 Albacom u Infostrada (C‑292/01 u C‑293/01, Ġabra p. I‑9449)] ?"

     Fuq id-domanda preliminari

    24     Fis-sustanza, permezz taż-żewġ domandi tiegħu, il-Consiglio di Stato jsaqsi jekk l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta kumpannija li hija s-sid ta' liċenzja individwali għall-provvista ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet li għalih hi ħallset kontibuzzjoni bħal dik imsemmija f'dan l-Artikolu għal ħlas ta' kontribuzzjoni kumplementari minħabba l-użu privat ta' l-imsemmi netwerk.

    25     Il-Gvern Taljan josserva li d-Direttiva 97/13 mhijiex applikabbli għan-netwekijiet jew servizzi ta' telekomunikazzjonijiet privati, imma biss għan-netwerkijiet jew servizzi ta' telekomunikazzjonijiet pubbliċi. Konsegwentement hu josserva li l-imsemmija Direttiva ma tipprekludix ħlas ta' kontibuzzjoni komplementari, bħat-tieni kontribuzzjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward ta' l-użu privat ta' netwerk ta' telekomunikazzjoni.

    26     F'dan r-rigward għandu jiġi kkonstatat li skond l-ewwel paragrafu ta' l-ewwel Artikolu tad-Direttiva 97/13, dan jikkonċerna l-proċedura għall-għotja ta' l-awtorizzazzjonijiet intiżi għall-provvista ta' servizzi ta' telekomunikazzjonijiet mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn in-netwerkijiet miftuħa għall-pubbliku u n-netwerkijiet privati.

    27     Barra minn hekk l-Artikolu 7(2) ta' din id-Direttiva jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu sistema ta' liċenzji individwali għall-istabbiliment u l-provvista ta' netwerkijiet pubbliċi ta' telekomunikazzjonijiet kif ukoll ta' netwerkijiet oħra li jużaw l-użu ta' frekwenzi radju.

    28     Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-imsemmija Direttiva, fil-prinċipju, ma tapplikax biss għan-netwerkijiet u servizzi pubbliċi ta' telekomunikazzjoni, imma wkoll għall-netwerkijiet privati ta' telekomunikazzjonijiet li ma kinux miftuħa għall-pubbliku u li huma rriżervati għall-grupp limitat ta' utenti kif ukoll għas-servizzi mogħtija fuq tali netwerk.

    29     Issa, skond il-qorti ta' rinviju, in-netwerk fil-kawża prinċipali kien miftuħ għall-pubbliku bis-saħħa ta' liċenzja individwali li tawtorizza NST tipprovdi netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/13.

    30     F'dan ir-rigward hemm lok li jiġi mfakkar li skond il-ħames premessa tad-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet f'dak li jirrigwarda li jkunu żgurati s-servizz universali u interoperabbiltà permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU L 199, p. 32) [traduzzjoni mhux uffiċjali], it-terminu "pubbliku" jirrigwarda n-netwerkijiet kollha jew servizzi li huma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u huma aċċessibbli minn terzi.

    31     Barra minn hekk, jirriżulta, mit-tieni inċiżi tat-tieni punt ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE ta' 28 ta' Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-netwerk miftuħ (ĠU L 192, p.1), hekk kif emendata mid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997, (ĠU L 295, p23), [traduzzjoni mhux uffiċjali] li t-terminu "netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet" ifisser netwerk ta' telekomunikazzjonijiet "użat kollu kemm hu jew parti minnu għall-provvista ta' servizzi tat-telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku".

    32     Minn dan jirriżulta li netwerk bħal dak fil-kawża prinċipali, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku wara li ġie użat unikament għal skopijiet privati, irid jiġi kkunsidrat bħala netwerk ta' telekomunikazzjonijiet pubbliċi skond id-Direttiva 97/13.

    33     Għaldaqstant tali netwerk ta' telekomunikazzjonijiet, kif ukoll is-servizzi mogħtija minn fuqu jaqgħu kollha fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

    34     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-ħlas ta' żewġ kontribuzzjonijiet distinti għall-provvista ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet u s-servizz mogħti minn dan in-netwek huwiex konformi mar-regoli ta' l-imsemmija Direttiva.

    35     F'dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri ma jistgħux jirċievu taxxi jew imposti oħra minħabba l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, għajr dawk previsti mid-Direttiva 97/13 (ara f'dan ir-rigward is-sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41).

    36     L-Artikolu 11 ta' din id-Direttiva jipprovdi espressament li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi minħabba dawn il-proċeduri għandhom bħala uniku għan, bl-eċċezzjoni fil-każ ta' użu ta' riżorsi limitati, dak li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-volum ta' xogħol iġġenerat mis-sistema ta' liċenzji (ara s-sentenza Albacom u Infostrada, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

    37     Jirriżulta mid-deċiżjoni ta' rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-tieni kontribuzzjoni ġiet ikkalkulata skond il-kriterji previsti mill-Kodiċi qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li ma jikkorrispondux għal dawk previsti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13.

    38     Fid-dawl ta' dak li ntqal, għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta kumpannija li hija s-sid ta' liċenzja individwali għall-provvista ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet, li għalih hija ħallset kontribuzzjoni bħal dik imsemmija f'dan l-Artikolu, għall-ħlas ta' kontribuzzjoni komplementari minħabba l-użu privat ta' l-imsemmi netwerk, li jiġi kkalkulat skond il-kriterji li ma jikkorrispondux għall-dawk li huma previsti fl-imsemmi Artikolu.

     Fuq l-ispejjeż

    39     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tgħid:

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13/KE dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta kumpannija li hija s-sid ta' liċenzja individwali għall-provvista ta' netwerk pubbliku ta' telekomunikazzjonijiet li għalih hi ħallset kontibuzzjoni bħal dik imsemmija f'dan l-Artikolu, għall-ħlas ta' kontribuzzjoni komplementari minħabba l-użu privat ta' l-imsemmi netwerk, li jiġi kkalkulat skond il-kriterji li ma jikkorrispondux għall-dawk li huma previsti fl-imsemmi Artikolu.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top