EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0309

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-1 ta' Diċembru 2005.
Fleisch-Winter GmbH & Co. KG vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Rifużjoni għall-esportazzjoni - Kundizzjoni għall-għotja - Laħam taċ-ċanga - Regolament Nru 3665/87 (KEE) - Enċefalopatija sponġiformi bovina - Projbizzjoni ta' esportazzjoni - Kwalita b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata - Dikjarazzjoni ta' esportazzjoni - Talba nazzjonali għall-ħlas - Sanzjoni.
Kawża C-309/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:732

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIŻŻJA (l-Ewwel Awla)

1 ta' Diċembru 2005 (*)

"Rifużjoni għall-esportazzjoni – Kundizzjoni għall-għotja – Laħam taċ-ċanga – Regolament Nru 3665/87 (KEE) – Enċefalopatija sponġiformi bovina – Projbizzjoni ta' esportazzjoni – Kwalita b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata – Dikjarazzjoni ta' esportazzjoni – Talba nazzjonali għall-ħlas – Sanzjoni"

Fil-kawża C-309/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' April 2004, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta' Lulju 2004, fil-proċedimenti

Fleisch-Winter GmbH & Co. KG

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, E. Juhász (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Lulju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Fleisch-Winter GmbH & Co. KG, minn U. Schrömbges u J. Vagt, Rechtsanwälte,

–       għall-Hauptzollamt Hamburg-Jonas, minn G. Seber, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn u F. Erlbacher, bħala aġenti,

rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3, 11 u 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3665/87 (KEE), tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2945/94 (KE) tat-2 ta' Diċembru 1994 (ĠU L 310, p. 57, aktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru 3665/87"), [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Fleisch Winter GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem «Fleisch-Winter») u l-Hauptzollamt Hamburg Jonas (Awtorità tad-Dwana Ġermaniża, aktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") li tikkonċerna t-talba għal ħlas lura ta' akkont fuq rifużjoni għall-esportazzjoni flimkien ma' sanzjoni fi-flus, kif ukoll iċ-ċaħda ta' rifużjoni mitluba.

 Il-kuntest ġuridiku komunitarju

3       Id-disaċ u s-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdu:

"Huwa neċessarju li l-prodotti jkunu ta' kwalità tali li jkunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati f'kundizzjonijiet normali;

[…]

[…]sabiex jgħin lill-esportaturi jiffinanzjaw it-transazzjonijiet tagħhom iżjed faċilment, l-Istati Membri għandhom jiġu awtoriżżati li joħorġu l-ammont sħiħ, jew parti, mir-rifużjonijiet malli tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni, soġġett għall-għotja ta’ garanzija biex jiġi ggarantit il-pagament lura ta’ l-ammont maħruġ jekk jinstab aktar tard li r-rifużjonijiet ma kellhomx jitħallsu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       L-Artikolu 3 ta' dan l-istess Regolament jipprovdi :

"1.      Ġurnata ta’ l-esportazzjoni, tfisser il-ġurnata li fiha l-awtoritajiet tad-dwana jaċċettaw id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni li fiha hemm indikat li ser issir applikazzjoni għar-rifużjoni.

2.      Id-data ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni tiddetermina:

a)      ir-rata ta’ rifużjoni applikabbli jekk ir-rifużjoni ma tkunx ġiet stabbilita bil-quddiem;

b)      l-aġġustamenti li għandhom isiru, skond il-każ, lir-rata ta’ rifużjoni jekk tkun ġiet stabbilita bil-quddiem;

3.      Kull att ieħor li għandu l-istess effetti legali ta’ l-aċċettazjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni huma ekwivalenti għal tali aċċettazzjoni.

4.      Il-ġurnata ta' l-esportazzjoni hija determinanti sabiex tiġi stabbilita l-kwantità, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott esportat.

5.      Id-dokument użat matul l-esportazzjoni sabiex prodotti jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal-rifużjoni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-kkalkolu tar-rifużjoni, u b’mod partikolari:

a)      id-deskrizzjoni tal-prodotti skond in-nomenklatura wżata għar-rifużjonijiet;

b)      il-massa netta ta' dawn il-prodotti, jew, fejn applikabbli, il-kwantità espressa fl-unita’ ta' kejl li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kkalkolu tar-rifużjoniji;

c)      safejn dan ikun meħtieġ għall-kalkolu tar-rifużjoni, il-kompożizzjoni tal-prodotti kkonċernati jew referenza għal din il-kompożizzjoni.

Fil-każ li d-dokument imsemmi f'dan il-paragrafu huwa d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni, dan għandu jkun fih ukoll, minnbarra dawn l-indikazzjonijiet, l-indikazzjoni 'kodiċi ta' rifużjoni'.

6.      Fil-mument ta’ din l-aċċettazzjoni jew ta’ dan l-att, il-prodotti jitpoġġew taħt il-kontroll tad-dwana sakemm dawn iħallu t-territorju doganali tal-Komunità." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru. 3665/87 jipprovdi għal sanzjonijiet fil-każ fejn l-esportatur talab rifużjoni akbar mir-rifużjoni applikabbli. It-tieni inċiż ta' dan il-paragrafu jipprovdi li r-rifużjoni li għaliha tkun saret applikazzjoni hija l-ammont ikkalkolat mill-informazzjoni pprovduta skond l-Artikoli 3 jew l-Artikolu 25(2) ta' l-imsemmi Regolament. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87:

Ma tingħata ebda rifużjoni għal prodotti li ma jkunux ta' kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata u, meta dawn il-prodotti jkunu intenzjonati għal konsum uman, l-użu tagħhom għal dak il-għan ikunx eskluż jew sostanzjalment imfixkel minħabbba l-karatteristiċi jew il-kundizzjoni tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       L-Artikolu 47(1) u (2) ta' dan ir-Regolament jipprovdi:

"1. Ir-rifużjoni għandha titħallas biss fuq talba speċifika ta' l-esportatur u mill-Istat Membru li fiħ id-dikjarazzjoni ta' esportazjoni tiġi aċċettata.

L-applikazzjoni għar-rifużjoni għanda ssir:

a)      bil-kitba; l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disposizzjonijiet għal formola speċjali għal dak il-għan;

b)      jew bl-użu ta' sistemi informatiċi, skond ir-regoli stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti u wara li jkun hemm ftehim mal-Kummissjoni.

[…]

2.      Ħlif fil-każijiet ta' force majeure, id-dokumenti għall-pagamenti tar-rifużjonijiet jew tar-rilaxx ta' garanzija għandhom ikunu ppreżentati fi żmien 12 il-xhar mid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta' l-esportazzjoni tkun aċċettata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Skond it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2945/94 :

"Peress illi, meta esportatur jagħti informazzjoni ħażina, din tista' twassal, jekk l-iżball ma jinkixifx, għall-għoti ta' rifużjoni li ma tkunx mistħoqqa; filwaqt li, jekk l-iżball jinkixef, ikun xieraq li tiġi imposta sanzjoni fuq l-esportatur li timplika l-ħlas ta' ammont proporzjonali għall-ammont li huwa kien jirċevi indebitament kieku l-iżball ma nkixifx u li, jekk l-informazzjoni żbaljata kienet ingħatat intenzjonalment, ikun ukoll xieraq li tiġi imposta sanżjoni akbar [...]"

9       L-ewwel u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 800/1999, tal-15 ta' April 1999, li jistabbbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 102, p. 11), jipprovdi:

"L-ebda rifużjoni m'għandha tingħata fuq prodotti li ma jkunux ta' kwalita’ tajba u ġusta biex jitpoġġew fuq is-suq [b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkumerċjaliżżata] fid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta’l-esportazzjoni tiġi aċċettata.

Il-prodotti għandhom jiġu meqjusa li jissodisfaw il-ħtiġiet stabbilit fl-ewwel subparagrafu jekk dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fuq is-suq fit-territorju tal-Komunità taħt kundizzjonijiet normali permezz tad-deskrizzjoni li tkun tidher fuq l-applikazzjoni għar-rifużjonijiet u jekk, fejn dawn il-prodotti huma ntenzjonati għal konsum uman, l-użu tagħhom għal dak il-għan ma jkunx eskluż jew sostanzjalment imfixkel minħabbba l-karatteristiċi jew il-kundizzjoni tagħhom."

10     It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2221/95 (KE), ta' l-20 ta' Settembru 1995, li jistabilixxi regoli dettaljati biex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 386/90 rigward verifiki fiżiċi imwettqa meta jiġu esportati prodotti agrikoli li jikkwalifikaw għar-rifużjoni (ĠU L 224, p. 13), jipprovdi:

"l-uffiċċju tad-dwana ta' l-esportazzjoni għandu jishar sabiex l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 ikun irrispettat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11     L-Artikolu 13(6),(9) u (10) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 805/68 (KEE), tas-27 ta' Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (ĠU L 148, p. 24), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 3290/94, tat-22 ta' Diċembru 1994, dwar l-aġġustamenti u l-arranġamenti transitorji meħtieġa fis-settur agrikolu sabiex jiġi implimentat ftehim konkluż matul ir-Round Urugwajan tan-negozjati kummerċjali multilaterali (ĠU L 349, p. 105, iktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru 805/68"), jipprovdi :

"6.      Ir-rifużjoni tingħata biss fuq applikazzjoni u fuq il-preżentazzjoni tal-liċenzja ta' esportazzjoni rilevanti

[…]

9.      Ir-rifużjoni titħallas mal-preżentazzjoni ta’ prova li l-prodotti:

–       joriġinaw mill-Komunità, minnbarra f'każ li japplika l-paragrafu 10.

–       ġew esportati mill-Komunità

         […]

[...]

10.      Ħlief b'deroga deċiża skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 27, ebda rifużjoni ta' esportazzjoni ma tingħata fil-każ ta' l-esportazzjoni ta' prodotti prodotti importati minn pajjiżi terzi u esportati mill-ġdid lejn pajjiżi terzi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/239/KE, tas-27 ta' Marzu 1996, dwar ċerti miżuri ta' urġenza fil-qasam ta' protezzjoni kontra l-enċefalopatija sponġiformi bovina (ĠU L 78, p. 47), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/362/KE, tal-11 ta' Ġunju 1996 (ĠU L 139, p. 17, iktar 'il quddiem "id-Deċiżjoni 96/239"), tipprovdi fl-Artikolu 1 tagħha:

"[…] [I]r-Renju Unit m'għandux jesporta mit-territorju tiegħu lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi:

[…]

–       laħam ta' bovini maqtula fir-Renju Unit,

–       prodotti miksuba minn bovini maqtula fir-Renju Unit li jistgħu jidħlu fil-katina alimentari umana [...]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[...]

13     L-Artikolu 1a tad-Deċiżjoni 96/239 jipprovdi:

"1.      Ir-Renju Unit m'għandux jibgħat:

–       laħmam għall-konsum uman,

[…]

li jkun ġej minn bovini li ma jkunux inqatlu fir-Renju Unit, Ħlief jekk dan ikun ġej minn stabbilimenti fir-Renju Unit li jkunu taħt kuntroll veterinarju uffiċjali li jkunu waqqfu sistema ta' rintraċċabbiltà tal-materja prima li tiggarantixxi l-oriġni tal-materja matul il-linja kollha tal-produzzjoni.

2.      Ir-Renju Unit għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-lista ta' stabbilimenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu.

3.      Ir-Renju Unit għandu jiggarantixxi li l-prodotti msemmija fl-ewwel paragrafu li jintbgħatu lejn Stati Membri oħra jkollhom magħhom ċertifikat veterinarju maħruġ minn veterinarju uffiċċjali u li jindika li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel paragrafu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Fleisch-Winter kienet, bejn Mejju u Ġunju 1997, iddikjarat ħames lottijiet ta' laħam taċ-ċanga ffriżat li kienu intiż, skond id-dikjarazzjonijiet ta' esportazzjoni, sabiex jiġu esportati lejn ir-Russja. Hija xtrat dan il-laħam taċ-ċanga mingħand kumpannija Franċiża li min-naħa tagħha kienet forniet ruħha mingħand kumpannija Belġjana. Inkjesta magħmula mid-dipartimenti Ġermaniżi tad-dwana u ta' kontra l-frodi żvelat elementi li minnhom jirriżulta li l-laħam seta' kien ġej mir-Renju Unit u li kien ġie importat fil-Belġju bi ksur tad-Deċiżjoni 96/239.

15     Il-Hauptzollamt għalhekk talbet il-ħlas lura ta' l-akkont fuq ir-rifużjoni għall-esportazzjoni u, f'każ minnhom, caħdet ir-rifużjoni mitluba. Wara li għamlet oġġezzjoni mingħajr ebda suċċess, Fleisch-Winter ressqet rikors kontra d-deċiżjonijiet ikkonċernati, liema rikors ukoll ġie miċħud.

16     B'deċiżjoni ta' l-24 ta' Novembru 1997, fil-verżjoni tad-deċiżjoni mogħtija fuq l-oġġezzjoni ta' l-10 ta' Settembru 1999, il-Hauptzollamt imponiet fir-rigward tal-ħames lottijiet imsemmija iktar 'il fuq, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87, sanzjoni fuq Fleisch-Winter ta' ammont totali ta' 104 312.90 DEM għar-raġuni li, bil-kontra ta' l-informazzjoni li hija kienet tagħat, hija ma kellha dritt għall-ebda rifużjoni għall-esportazzjoni.

17     Fleisch-Winter ressqet rikors quddiem il-Finanzgericht kompetenti, li ddeċidiet li l-Hauptzollamt kienet korretta meta imponiet is-sanzjoni. Skond il-Finanzgericht, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinetx fil-pożizzjoni li tneħħi s-suspetti li dan il-laħam intiż għall-esportazzjoni lejn ir-Russja kien soġġett għal projbizzjoni ta' esportazzjoni Komunitarja. Hija għalhekk ma setgħetx tippretendi l-imsemmija rifużjoni, għaliex il-laħam soġġett għal din il-projbizzjoni, ma kienx ta' "kwalità ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata" skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87.

18     Huwa f'dawn iċ-ċirkostanzi li Fleisch-Winter ressqet appell fuq punti ta' liġi kontra d-deċiżjoni ta' ċħid quddiem il-Bundesfinanzhof, li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Il-fatt li inkjesta ta' l-awtorità tad-dwana qajjmet suspett li merkanzija soġġetta għal projbizzjoni ta' esportazzjoni prevista mid-dritt komunitarju li kienet tipprojbixxi l-esportazzjoni, minn ċertu Stat Membru lejn l-Istati Membri l-oħra u l-pajjiżi terzi, ta' prodott soġġett għal restrizzjoni huwa biżżejjed, waħdu, sabiex jeskludi l-eżistenza ta' kwalita b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, mingħajr ma tkun relevanti l-kwalità effettiva jew il-possibbiltà li l-prodott in kwistjoni jista' jiġi kkummerċjalizzat?

2)      Il-garanzija, mogħtija f'applikazzjoni nazzjonali għall-ħlas, li prodott huwa ta' kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 tifformax parti mill-informazzjoni mogħtija skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) u ta' l-Artikolu 3 tar-Regolamet Nru 3665/87 moqrija flimkien?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel talba

19     B'din id-domanda, li tista' tiġi maqsuma f'żewġ partijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 għandux jiġi interpretat bħala li, min-naħa, jipprekludi li laħam taċ-ċanga li jkun is-suġġett ta' projbizzjoni ta' esportazzjoni, prevista mid-dritt komunitarju, minn ċertu Stat Membru lejn l-Istati Membnri l-oħra u l-Istati terzi jista' jiġi kkunsidrat li huwa ta' kwalità "b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata", u, min-naħa l-oħra, jeħtieġx, għal-finijiet ta' l-għoti tar-rifużjonijiet, li l-esportatur juri li l-prodott esportat ma joriġinax minn Stat Membru li minnu l-esportazzjonijiet huma projbiti, fil-każ fejn l-amministrazzjoni nazzjonali jkollha indizji li l-prodott huwwa soġġett għal projbizzjoni ta' esportazzjoni.

 Fuq l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda

20     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1041/67/KEE, tal-21 ta' Diċembru 1967, li jistabbilixxi regoli biex jiġu applikati r-rifużjonijiet għall-esportazzjoni fis-settur tal-prodotti soġġetti għal sistema ta' prezz uniku (ĠU 1967, 314, p. 9), li l-ħtieġa ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata" hija kundizzjoni ġenerali u oġġettiva għall-għoti ta' rifużjoni u li prodott li ma jistax jiġi kkummerċjalizzat fuq it-territorju komunitarju f'kundizzjonijiet normali u taħt id-deskrizzjoni li tidher fit-talba għal għoti ta' rifużjoni ma jissodisfax dawn il-ħtiġiet ta' kwalità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta' Ottubru 1973, Muras, 12/73, Ġabra p. 963, punt 12, u tas-26 ta' Mejju 2005, SEPA, C-409/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22).

21     Il-fatt li n-natura kummerċjalizzabbli ta' prodott "f'kundizzjonijiet normali" hija element inerenti għall-kunċett ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata" tirriżulta barra minn hekk b'mod ċar mil-leġiżlazzjoni dwar ir-rifużjonijiet għall-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli, safejn, ir-regolamenti kollha relevanti adottaw mir-Regolament Nru 1041/67, sabiex prodott ikun jista' jagħti lok għal rifużjoni għall-esportazzjoni, kemm il-kunċett ta' "kwalità f'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata" kif ukoll il-kriterju tan-natura kummerċjalizzabbli tal-prodott "f'kundizzjonijiet normali". F'dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 3665/87, hija d-disa' premessa tiegħu li tirreferi għal din il-ħtieġa (ara f'dan is-sens, is-sentenza SEPA, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 u 26)

22     Għandu jiġi osservat li l-esportazzjoni tal-laħam taċ-ċanga, li jkun ġej mir-Renju Unit, kienet projbita, fiż-żmien meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, bid-Deċiżjoni 96/239.

23     Issa, laħam, li d-distribuzzjoni tiegħu fil-Komunità hija konsiderevolment ristretta, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li għandu natura kummerċjalizzabbli "f'kundizzjonijiet normali" (ara, f'dan is-sens, is-sentenza SEPA, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

24     Minn dan isegwi li laħam taċ-ċanga, li ġie esportat minkejja projbizzjoni komunitarja, mhuwiex ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata", skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, u li l-esportazzjoni tiegħu ma tagħtix lok għall-għoti ta' rifużjonijiet.

25     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti ta' l-ewwel domanda għanda tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 għandu jiġi interpretat bħala li dan jipprekludi li laħam taċ-ċanga li jkun is-suġġett ta' projbizzjoni ta' esportazzjoni prevista mid-dritt komunitarju, minn ċertu Stat Membru lejn l-Istati Membri l-oħra u l-Istati terzi, jista' jiġi kkunsidrat bħala li huwa ta' "kwalita b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata".

 Fuq it-tieni parti ta' l-ewwel domanda

26     Fis-settur tal-laħam taċ-ċanga, skond l-Artikolu 13(9) tar-Regolament Nru 805/68, ir-rifużjoni għall-esportazzjoni titħallas kemm il-darba tinġab il-prova li l-prodotti huma ta' oriġni komunitarja, ħlief f'każ fejn ikun japplika l-paragrafu 10 ta' dan l-istess Artikolu. Ma jeżistux elementi fil-fajl li jindikaw li d-deroga prevista mill-Artikolu 13(10) kienet applikabbli. Mhemmx dubju li din il-prova għandha tinġieb mill-esportatur.

27     Jekk iqumu dubji dwar l-oriġni ta' prodott wieħed jew aktar, l-oriġni komunitarja tista' tintwera biss permezz tal-prova li dan il-prodott joriġina jew li dawn il-prodotti joriġinaw minn Stat Membru determinat jew minn Stati Membri determinati. B'din il-prova, jiġi stabbilit mingħajr ebda dubju jekk il-prodott li għalih intalbet ir-rifuzjoni għall-esportazzjoni jkunx ġej jew le minn Stat Membru li minnu l-esportazzjonijiet ikunu projbiti.

28     F'dak li jirrigwarda l-"kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata", qabel kollox għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 jifforma parti mill-kapitolu I intitolat "Intitolament għar-rifużjoni" tat-titolu II intitolat "Esportazzjoni lejn pajjiżi terzi", ta' dan ir-Regolament, li juri li l-"kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata" ta' prodott esportat hija kundizzjoni materjali meħtieġa għall-għoti tar-rifużjonijiet.

29     Il-fatt li l-"kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata" hija kundizzjoni materjali għall-għoti tar-rifużjonijiet mhijiex invalidata, kif issostni Fleisch-Winter, bl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 3665/87, għaliex l-informazzjoni msemmija fih tikkostitwixxi lista mhux eżawrjenti.

30     Bil-kontra ta' dak li ssostni Fleisch-Winter, dan il-fatt l-anqas mhuwa invalidat mir-Regolament Nru 800/1999. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dan ir-Regolament li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 3665/87 iġib data posterjuri għall-fatti tal-kawża prinċipali u għalhekk mhuwiex applikabbli ratione temporis. Fit-tieni lok, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 800/1999 jifforma parti mill-Kapitolu I, tat-titolu II, ta' l-istess Regolament imsemmi "Intitolament għar-rifużjonijiet", l-istess bħall-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, kif spjegat fil-punt 28 ta' din is-sentenza. Huwa għalhekk l-imsemmi Kapitolu I li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet materjali ta' l-intitolament għar-rifużjoni.

31     Is-sistema ta' rifużjonijiet għall-esportazzjoni għandha bħala karatteristiċi, min-naħa, li l-għajnuna komunitarja tingħata biss bil-kundizzjoni li l-esportatur japplika għaliha u, min-naħa l-oħra, li s-sistema hija iffinanzjata mill-baġit komunitarju. Peress illi s-sistema hija msejjsa fuq dikjarazzjonijiet fakultattivi, meta l-esportatur ikun iddeċieda, minn jeddu, li jibbenefika minnha, huwa għandu jipprovdi l-informazzjoni relevanti meħtiega sabiex jiġi stabbilit l-intitolament għar-rifużjoni u għad-determinazzjoni ta' l-ammont tagħha. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tar-Regolament Nru 3665/87 u s-sistema ta' sanzjonijiet tiegħu, diġa ddeċidiet li, f'dak li jirrigwarda sistema ta' għajnuna komunitarja, l-għoti ta' l-għajnuna huwa neċessarjament subordinat għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju jippreżenta l-garanziji kollha ta' integrità u ta' affidabbiltà (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 41).

32     Billi jiddikjara prodott fil-kuntest tal-proċedura ta' rifużjoni għall-esportazzjoni, esportatur ikun qiegħed jindika li dan il-prodott jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għar-rifużjoni. Ir-Regolament Nru 3665/87 ma jobbligax lill-esportatur jagħmel dikjarazzjoni espressa fuq l-eżistenza ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkumerċjalizzata", iżda, anke jekk l-esportatur ma jagħmilx tali dikjarazzjoni, l-applikazzjoni tiegħu għar-rifużjoni dejjem tfisser li huwa jiggarantixxi b'mod impliċitu li din il-kundizzjoni hija sodisfatta. L-argument ta' Fleisch-Winter li l-"Kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata" hija preżunta legalment, ma jistax jiġi aċċettat.

33     Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rifużjonijiet għall-espoertazzjoni għall-prodotti agrikoli huma rregolati mill-Kummissjoni u huma l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri li għandhom japplikaw il-leġiżlazzjoni komunitarja fit-territorju tagħhom u jaraw li din tiġi osservata. L-obbligu ta' verifika tal-kundizzjonijiet tar-rifużjoni huwa akbar f'kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn l-esportazzjoni ta' tip ta' laħam li jkun ġej minn Stat Membru ikun is-suġġett ta' projbizzjoni, minħabba l-ħarsien tas-saħħa pubblika kontra mard gravi u epidemiji. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi r-realtà u l-gravità tar-riskji marbuta mal-marda ta' l-enċefalopatija sponġiformi bovina u l-adegwatezza tal-miżuri kawtelatorji ġġustifikati mill-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fir-rigward ta' din il-marda (ara s-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1998, Renju Unit vs il-Kummissjoni, C 180/96, Ġabra p. I-2265; tat-12 ta' Lulju 2001, Portugal vs il-Kummissjoni, C 365/99, Ġabra p. I-5645, u tat-22 ta' Mejju 2003, Franza vs il-Kummissjoni, C 393/01, Ġabra p. I-5405, point 42).

34     F'dak li jikkonċerna l-verifika tal-kwistjoni dwar jekk il-ħtiġiet ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata" humiex sodisfatti, għanda jiġi miċħud l-argument ta' Fleisch-Winter li d-dispożizzjoni li tinsab fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2221/95, li teżiġi li d-dipartiment tad-dwana ta' l-esportazzjoni jassigura li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 jkun irrispettat, tpoġġi fuq l-awtoritajiet nazzjonali l-piż kollu ta' l-obbligu li jiġi kkonstatat jekk teżitix "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata". Fil-fatt, l-għan tar-Regolament Nru 2221/95 huwa l-kontroll fiżiku tal-prodotti filwaqt li l-verifika fil-kawża prinċipali tirreferi għal karatteristika ġuridika ta' din, ma tippermettix li jsir kontroll fiżiku.

35     Bil-kontra ta' dan, safejn l-esportatur, billi jressaq applikazzjoni għal rifużjoni, dejjem jiggarantixxi b'mod espliċitu jew impliċitu l-eżistenza ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkumerċjalizzata", huwa hu li għandu juri, skond ir-regoli tal-prova tad-dritt nazzjonali, li din il-kundizzjoni hija sodisfatta fil-każ fejn id-dikjarazzjoni tiġi kkontestata mill-awtoritajiet nazzjonali.

36     Min-naħa l-oħra, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li, wara li saru magħrufa ċerti elementi li minnhom irriżulta li l-laħam taċ-ċanga esportat seta' kien ġej mir-Renju Unit u għalhekk kien soġġett għall-projbizzjoni ta' esportazzjoni, intalab il-ħlas lura ta' l-akkont fuq ir-rifużjoni u waħda mir-rifużjonijiet mitluba ġiet miċħuda, li tagħat lok għal proċedimenti amministrattivi u, wara, ġudizzjarji. Matul dawn il-proċedimenti, Fleisch-Winter ma pprovdietx informazzjoni dwar l-oriġini tal-laħam u, iddikjarat ukoll, matul is-seduta, li hija ma kinitx taf l-oriġni tal-prodott in kwistjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha, billi tevalwa l-elementi kollha relevanti tal-kawża, tasal għall-konklużjoni definittiva minn dawn l-elementi.

37     F'dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, ir-risposta għat-tieni parti ta' l-ewwel domanda għanda tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 jeżiġi, għall-finijiet ta' l-għoti tar-rifużjonijiet, li l-esportatur juri li l-prodott esportat ma joriġinax minn Stat Membru li minnu l-esportazzjonijiet huma projbiti, meta l-amministrazzjoni nazzjonali jkollha indizji li l-prodott huwa soġġett għal projbizzjoni ta' esportazzjoni.

38     Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 għandu jiġi interpretat bħala li dan jipprekludi li laħam taċ-ċanga li jkun is-suġġett ta' projbizzjoni ta' esportazzjoni prevista mid-dritt komunitarju, minn ċertu Stat Membru lejn l-Istati Membri l-oħra u l-Istati terzi, jista' jiġi kkunsidrat bħala li huwa ta' "kwalita b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata", u li jeżiġi, għall-finijiet ta' l-għoti tar-rifużjonijiet, li l-esportatur juri li l-prodott esportat ma joriġinax minn Stat Membru li minnhu l-esportazzjonijiet huma projbiti, meta l-amministrazzjoni nazzjonali jkollha indizji li l-prodott huwa soġġett għal projbizzjoni ta' esportazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

39     Permezz ta' din id-domanda, il-qorti tar-rinvijju tistaqsi jekk il-garanzija, mogħtija f'applikazzjoni nazzjonali għal ħlas, li prodott hu ta' kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87 tifformax parti mill-informazzjoni pprovduta skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) u ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament 3665/87 moqrija flimkien.

40     F'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għal ħlas prevista fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 3665/87, il-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li dan huwa biss dokument tekniku u proċedurali. Peress illi din l-applikazzjoni tista' tiġi ppreżentata fi żmien tnax–il xahar wara li tkun aċċettata d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, jiġifieri ħafna wara l-esportazzjoni, ma tikkostitwixxix, anke jekk hija kundizzjoni preliminari għall-ħlas tar-rifuzjoni, il-bażi ġuridika tad-dritt għal tali ħlas. Għaldaqstant, it-talba għal rifużjoni, skond l-Artikolu 11(1) ta' l-imsemmi Regolament ma ssirx bil-preżentazzjoni ta' l-applikazzjoni għal ħlas skond l-Artikolu 47 ta' l-istess Regolament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, C-385/03, Ġabra p. I-2997, punti 26 u 27).

41     Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li huma d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 3665/87, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta' esportazzjoni jew kull dokument ieħor użat matul l-esportazzjoni, li jistgħu, min-naħa jiffurmaw il-bażi ġuridika ta' rifużjoni u, min-naħa l-oħra, jagħtu bidu għas-sistema ta' verifika tat-talba għal rifużjoni li tista' twassal għall-applikazzjoni ta' sanzjoni, skond l-Artikolu 11(1) ta' l-istess Regolament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23, 29 u 36).

42     Kif ġie ppreċiżat fil-punti 32 u 35 ta' din is-sentenza, il-preżentazzjoni ta' talba għal-rifużjoni dejjem tiggarantixxi b'mod espliċitu jew impliċitu li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' rifużjoni huma sodisfatti, inkluża l-eżistenza ta' "kwalità b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata" tal-prodott. F'dan il-każ, it-talba għal ħlas, imsemmija fl-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 3665/87, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala determinanti sabiex ikun stabbilit id-dritt sostantiv għar-rifużjoni.

43     B'rigward għall-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għalhekk għanda tkun li l-garanzija, mogħtija f'applikazzjoni nazzjonali għal ħlas, li prodott huwa ta' "kwalità b'saħħita, genwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata", skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, ma tagħmilx parti mill-informazzjoni mogħtija skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) u ta' l-Artikolu 3 ta' l-imsemmi Regolament moqrija flimkien. Madankollu, il-qorti nazzjonali tista' tikkunsidra din il-garanzija bħala element ta' prova għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni ta' l-esportatur.

 Fuq l-ispejjeż

44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3665/87, tas-27 ta' Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2945/94 (KE) tat-2 ta' Diċembru 1994 għandu jiġi interpretat bħala li dan jipprekludi li laħam taċ-ċanga li jkun is-suġġett ta' projbizzjoni ta' esportazzjoni prevista mid-dritt komunitarju, minn ċertu Stat Membru lejn l-Istati Membri l-oħra u l-Istati terzi, jista' jiġi kkunsidrat bħala li huwa ta' "kwalita b'saħħita, ġenwina u li tista' tiġi kummerċjalizzata", u li jeżiġi, għall-finijiet ta' l-għoti tar-rifużjonijiet, li l-esportatur juri li l-prodott esportat ma joriġinax minn Stat Membru li minnu l-esportazzjonijiet huma pprojbiti, meta l-amministrazzjoni nazzjonali jkollha indizji li l-prodott huwa soġġett għal projbizzjoni ta' esportazzjoni.

2)      Il-garanzija, mogħtija f'talba nazzjonali għal ħlas, li prodott huwa ta' "kwalità b'saħħita, genwina u li tista' tiġi kkummerċjalizzata", skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 3665/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2945/94, ma tifformax parti mill-informazzjoni mogħtija skond id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 11(1) u ta' l-Artikolu 3 ta' l-imsemmi Regolament moqrija flimkien. Madankollu, il-qorti nazzjonali tista' tikkunsidra din il-garanzija bħala element ta' prova għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni ta' l-esportatur

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top