Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0294

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Frar 2006.
Carmen Sarkatzis Herrero vs Instituto Madrileño de la Salud (Imsalud).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social nº 30 de Madrid - Spanja.
Direttiva 76/207/KEE - Trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa - Leave tal-maternità - Aċċess għal karriera ta' funzjonarju - Impjegata temporanja fuq leave tal-maternità li tikseb impjieg permanenti wara li tkun għaddiet minn eżami - Kalkolu ta' l-anzjanità.
Kawża C-294/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:109

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tas-16 ta' Frar 2006 (*)

"Direttiva 76/207/KEE – Trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa – Leave tal-maternità – Aċċess għal karriera ta' funzjonarju – Impjegata temporanja fuq leave tal-maternità li tikseb impjieg permanenti wara li tkun għaddiet minn eżami – Kalkolu ta' l-anzjanità"

Fil-kawża C-294/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social n° 30 de Madrid (Spanja), permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta' Lulju 2004, fil-kawża

Carmen Sarkatzis Herrero

vs

l-Instituto Madrileño de la Salud (Imsalud),

IL-QORTI TAL-ĠUSITZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Schintgen, P. Kūris (Relatur) u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Instituto Madrileño de la Salud (Imsalud), minn F. Peláez Albendea, bħala aġent,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martínez del Peral u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill, 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikulari skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1) u tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC (ĠU L 145, p. 4).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn C.Sarkatzis Herrero u l’Instituto Madrileño de la Salud (Institut madrilène de la santé, Imsalud) fir-rigward tad-data li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-anzjanità tal-persuna kkonċernata bħala uffiċjal, peress illi C.Sakartzis Herrero kienet qed issostni li għandha tiġi kkunsidrata d-data tal-ħatra tagħha, anki jekk hija kienet fuq leave tal-maternità f'din id-data effettiva tad-dħul fis-servizz tagħha wara li ntemm dan il-leave.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva 76/207 fl-Artikolu 2 tagħha tipprovdi:

"1.      Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.

[…]

3.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.

[…]"

4       Skond l-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva:

"L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-kondizzjonijiet, inklużi l-kriterji tal-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x'ikun is-settur jew il-qasam tal-attività, u għal-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol"

5       L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi:

" L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema [nisa tqal li welldu reċentement jew li qed ireddgħu] huma intitolati għal żmien kontinwu ta' leave tal-maternità ta' mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali."

6       Taħt it-titolu "Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta' l-impjieg" l-Artikolu 11(2) ta' l-istess Direttiva jgħid hekk:

"[F] il-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

         a)      id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta' l-impjieg tal-ħaddiema [nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed jreddgħu], barra minn dawk imsemmija f'punt (b) hawn taħt;

         b)       il-manteniment ta' ħlas ta', u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema [nisa tqal, li għadhom kif welldu jew li qed ireddgħu]".

7       Id-Direttiva 96/34 timplementa l-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż fl-14 ta' Diċembru 1995 mill-organizzazzjonijiet ta' natura ġenerali ta' l-industrija tipprovdi fl-Artikolu 2(5) tagħha li "fl-aħħar tal-leave tal-ġenituri, il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt jirritornaw għall-istess impjieg jew, jekk dan mhuwiex possibbli, għal impjieg ekwivalenti jew simili konsistenti mal-kuntratt ta' l-impjieg jew mar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol dwar l-okkupazzjoni ta' pożizzjonijiet uffiċjali jipprovdu li d-dħul fis-servizz huwa rekwiżit meħtieġ sabiex jingħataw id-drittijiet marbuta ma din il-pożizzjoni. Ir-regolament tal-persunal applikabbli għall-persunal li, m'għandux x'jaqsam mas-saħħa, impjegat ma' l-istituzzjonijiet tas-saħħa tas-sigurtà soċjali (Estatuto de personal no sanitario al servicio de las Instituciones Sanitarias de la Seguridad Social), approvati premezz tad-digriet tal-5 ta' Lulju 1971 (BOE n° 174, tat-22 ta' Lulju 1971, p. 12015), ma jipprovdix eċċezzjoni f'dan ir-rigward.

9       Premezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Diċembru 1997 l’Instituto Nacional de la Salud (l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa, Insalud) ħejja eżami ġenerali u stabbilixxa l-kriterji komuni għall-eżamijiet ta' selezzjoni għall-għoti ta' diversi postijiet vojta ta' diversi kategoriji fi ħdan l-istiuzzjonijiet tas-saħħa marbuta ma' dan l-istitut. Fil-parti tad-deċiżjoni dwar il-ħatra u d-dħul fis-servizz, it-tieni paragrafu tal-punt 9(2) jipprovdi li l-kanididati maħtura għandhom xahar, li jibda' jidekorri mill-ewwel ġurnata wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li fiha l-ħatra tagħhom sabiex jibdew jaħdmu. Skond il-paragrafu 3 ta' l-istess punt, il-kandidat li ma jibdiex jaħdem fiż-żmien preskritt jitlef id-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tiegħu fl-eżami, sakemm ma jipproduċix raġuni ġustifikata li tiġi evalwata mill-korp li organizza l-eżami.

10     Il-qorti ta' rinviju tqabbel din il-leġiżlazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Irjali 118/1991, tal-25 ta' Jannar 1991, dwar l-għażla ta' impjegati li jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-persunal u l-okkupazzjoni ta' postijiet vakanti fl-istituzzjonijiet tas-Saħħa tas-Sigurtà Soċjali (Real Decreto sobre selección de personal estatutario y provisión de plazas en las Instituciones Sanitarias de la Seguridad Social, BOE Nru 33, tas-7 ta' Frar 1991, p. 4325), li fl-Artikolu 12(5) jipprovdi li, ħlief fil-każ ta' forza maġġuri, il-persuni li jkunu għaddew iżda li ma jkunux ippreżentaw id-dokumenti ġustifikattivi mitluba fl-avviż ta' l-eżami fiż-żmien preskritt ma jistgħux jiġu maħtura.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11     C.Sarkatzis Herrero kienet impjegata bħala aġent temporanju ma' l-Insalud u wara, b'riżultat ta' trasferiment ta' kompetenzi u tad-Dipartimenti tas-Saħħa kkonċernati, fliemkien ma' l-assunzjoni tal-persunal ma' l-Imsalud.

12     Meta C.Sarkatzis Herrero kienet għadha impjegata ma' l-Insalud, l-Insalud ħejja eżami sabiex jimpjega persunal permanenti. Peress li hija kienet għaddiet minn dan l-eżami, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali permezz ta' deċiżjoni ppubblikata fl-20 ta' Diċembru 2002 ingħatat pożizzjoni ta' uffiċjal. Permezz ta' din id-deċiżjoni ġie assenjat lilha impjieg li hija kellha tibda' fi żmien xahar.

13     C.Sakartzis Herrero, li f'dak iż-żmien kienet fuq leave tal-maternità, immedjatament talbet proroga tat-data tad-dħul fis-servizz sat-tmiem ta' dan il-leave, filwaqt li talbet li l-imsemmi leave jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-anzjanità tagħha fis-servizz. Permezz ta' komunikazzjoni tat-8 ta' Jannar 2003, l-Imsalud laqa' it-talba għall-proroga taż-żmien, mingħajr madankollu, ma semma' l-kwistjoni tal-kalkolu ta' l-anzjanità tal-persuna kkonċernata.

14     Fit-12 ta' Settembru 2003 C.Sakartzis Herrero ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, rikors kontra l-Imsalud intiż sabiex l-anzjanità tagħha bħala uffiċjal tiġi kkalkulata mid-data li fiha hija ġiet maħtura u mhux mid-data li fiha hija effettivament daħlet fis-servizz wara li ntemm il-leave tagħha tal-maternità.

15     Permezz ta' digriet ta' l-20 ta' Novembru 2003, din il-qorti ssospendiet il-proċedimenti u stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq ir-rilevanza li titressaq talba preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmija qorti wara tat id-deċiżjoni tar-rinviju li fiha għamlet tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

16     Fl-ewwel lok il-qorti tar-rinviju ssostni li d-dħul fis-servizz ta' l-uffiċjal huwa meħtieġ sabiex jinkisbu u wieħed jkun jista' jgawdi mid-drittjiet statutorji, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi l-ebda eċċezzjoni li tqis sitwazzjonijiet bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u li, fil-każ in kwistjoni l-awtoritajiet ikkonċernati assimilaw l-istat ta' maternità ta' impjegata ma' forza maġġuri jew, ma' raġuni ġġustifikata li tippermetti li jiġi pospost id-dħul fis-servizz.

17     Minn dan il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li, minn naħa l-proroga taż-żmien preskritt għad-dħul fis-servizz ta' ħaddiema bħal din teħtieġ il-preżentazzjoni ta' talba, u għaldaqstant hemm riskju li din tiġi miċħuda, u min-naħa l-oħra li din il-ħaddiema tgawdi kompletament mid-drittijiet tagħha biss wara t-tmiem tal-leave tal-maternità. Għalhekk jkun hemm dritt għall-ħlas u għall-benefiċċji tas-sigurta soċjali biss wara d-dħul fis-servizz u, l-avvanzament fl-anzjanità tal-persuna kkonċernata huwa ttardat meta mqabbel ma' dak tal-persuni l-oħra li għaddew mill-istess eżami u li effettivament bdew jaħdmu fid-data prevista.

18     Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tikkonstata b'riżultat tal-ħatra tagħha għal impjieg permanenti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienet diġà qed taħdem għall-Imsalud bħala aġent temporanju ingħatat promozzjoni, anke jekk formalment, dan kien impjieg ġdid.

19     Minn dawn l-element kollha hija tiddeduċi li d-deċiżjoni ta' Imsalud fil-kawża prinċipali mhijiex konformi ma' l-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 92/85.

20     Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ebda kunsidrazzjoni li tirriżulta mill-leġiżlazzjoni tradizzjonali dwar l-aċċess għas-servizz pubbliku ma tista' tipprevali fuq id-drittijiet ta' l-uffiċjal femminili li tibbenefika minn leave tal-maternità, jew tiġġustifika l-possibbiltà li tiġi pperikolata s-sitwazzjoni professionali ta' din ta' l-aħħar jew li jiġi mfixxkel il-bilanċ bejn il-ħajja familiari tal-persuna kkonċernata u l-iżvolġiment normali tal-karriera tagħha.

21     Fl-aħħar l-imsemmija qorti tqis li d-differenza fit-trattament li tagħha hija vittma C.Sakartzis Herrero, meta mqabbla mal-persuni l-oħra li għaddew mill-istess eżami li setgħu jibdew jaħdmu normalment, hija inkompatibbli mad-dritt ta' ħaddiema fuq leave tal-maternità li ssib fit-tmiem tal-leave tagħha l-impjieg tagħha jew impjieg ekwivalenti taħt kundizzjonijet li mhumiex inqas favorevoli u li, tibbenefika minn kull titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li kellha dritt għalihom waqt li kienet nieqsa; dritt rikonoxxut mid-Direttivi 76/207 u 96/34.

22     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social n° 30 de Madrid iddeċidiet li tissopendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta' leave ta' maternità u ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg, għandhom jiġu interpretati fis-sens li mara fuq leave tal-maternità, u li, tikseb waqt dan il-perijodu pożizzjoni ta' uffiċjal għandha tibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li huma rrikonoxxuti lill-kandidati l-oħra li għaddew mill-eżami li jagħti aċċess għas-servizz pubbliku?

2)      Irrispettivament minn dak li jista' jiġri fil-każ ta' ħaddiema li taċċeddi għall-ewwel darba għall-impjieg, fejn jeżisti rapport ta' xogħol iżda huwa sospiż minħabba l-leave tal-maternità, l-aċċess għall-istatus ta' impjegata tal-persunal jew ta' ħaddiema għal terminu indeterminat jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet għall-promozzjoni fl-impjieg li n-natura effettiva tiegħu ma tistax tiġi ppreġudikata mill-fatt li l-ħaddiema tinsab waqt perijodu ta' leave tal-maternità?

3)      Konkretament, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq, b'mod partikolari dawk dwar it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg u wara li dan ikun inkiseb, il-ħaddiema impjegata b'kuntratt temporanju li qegħda fuq leave tal-maternità li fih hija tikseb pożizzjoni permanenti għandha d-dritt li tieħu din il-pożizzjoni u li tikseb l-istatus ta' uffiċjal bil-vantaġġi marbuta ma' dan l-istatus, bħad-data li fiha tibda din il-pożizzjoni sabiex tiġi kkalkulata l-anzjanità minn dak l-istess mument u taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kandidati l-oħra li kisbu tali pożizzjoni, indipendentement mill-fatt li, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mat-twettiq effettiv tax-xogħol jistgħu jiġu sospiżi sal-mument li fih verament ix-xogħol jibda' jitwettaq?"

 Fuq id-domandi preliminari

23     L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li peress illi d-domandi magħmula jirreferu b'mod ġenerali għad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-leave tal-maternità u tat-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa, hemm lok li jiġu identifikati r-regoli komunitarji rilevanti sabiex tkun tista' tingħata tweġiba għall-msemmija domandi.

24     Qabel kollox il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, id-Direttiva 96/34 dwar il-leave tal-ġenituri.

25     Issa, għandu jiġi madankollu kkonstatat li fid-data tal-ħatra tagħha bħala uffiċjal, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet fuq leave tal-maternità u mhux fuq leave tal-ġenituri. Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 96/34 mhijiex rilevanti fil-kuntest ta' l-eżami tad-domandi magħmula.

26     Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata b'rigward għad-Direttiva 92/85 jekk it-trattament sfavorevoli li tirreferi għalih C.Sakartzis Herrero ma jirrispettax id-drittijiet protetti minn din id-Direttiva.

27     Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali invokat il-ksur ta' dwan id-drittijiet fil-kuntest tax-xogħol preżenti.

28     Fil-fatt, is-stwazzjoni ta' C.Sarkatzis Herrero, ikkaratterizzata mil-ħolqien ta' relazzjoni ta' xogħol ġdida waqt il-leave tal-maternità, hija nettament distinta minn dik ta' tkomplija ta' impjieg qadim jew ta' impjieg ekwivalenti għal ta' qabel ma' nbeda l-leave.

29     Il-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jammettu barra minnhekk li teżisti differenza fundamentali bejn is-sitwazzjoni ta' aġent temporanju u dik ta' uffiċjal.

30     Fil-fatt id-dħul fis-servizz ta' uffiċjal, skond ir-regoli applikabbli f'dan il-każ, jiddependi fuq l-amissjoni għal eżami u deċiżjoni tal-ħatra. Il-fatt li C.Sakartzis Herrero kienet impjegata mill-istess istituzzjoni qabel u wara l-leave tal-maternità m'għandhu ebda rilevanzaf'dan ir-rigward.

31     Minn dan jirriżulta li, ma teżistix kontinwità ġuridika bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet suċċessivi ta' C.Sakartzis Herrero, li għandha għaldaqstant tiġi meqjusa bħala li aċċediet għal impjieg ġdid meta laħqet uffiċjal u mhux bħala li reġgħat daħlet fl-impjeg preċedenti tagħha.

32     Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 92/85 mhijiex iktar relevanti sabiex tingħata tweġiba għad-domandi magħmula. Għalhekk mhemmx lok li tingħata tweġiba għat-tieni domanda preliminari.

33     Permezz ta' l-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, għall-kalkolu ta' l-anzjanità ta' uffiċjal, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni biss id-data tad-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata, mingħajr ma tipprovdi deroga għal dak li jikkonċerna n-nisa li jkunu qegħdin fuq leave tal-maternità fid-data li fiha huma jiġu msejħa sabiex jibdew jaħdmu fil-pożizzjoni li huma jkunu ġew maħtura għalih.

34     Dawn id-domandi għandhom jiġu eżaminati b'rigward għad-dispożizzjonijet ta' l-Artikoli 2(1) u (3), u 3 tad-Direttiva 76/207 sabiex jiġi ddeterminat jekk, meta uffiċjal femminili tkun fuq leave tal-maternità fil-mument tal-ħatra tagħha, il-posponiment tal-bidu tal-karriera tagħha sad-data effettiva tad-dħul fis-servizz tagħha jikostitwixxix diskriminazzjoni minħabba s-sess.

35     Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 76/207 tapplika għar-rapporti ta' impjieg fis-settur pubbliku. Din id-Direttiva għandha portata ġenerali, inerenti għall-istess natura tal-prinċipju li hija tiddefinixxi (ara s-sentenza tal-21 ta' Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 248/83, Ġabra p. 1459, punt 16).

36     Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba s-sess u l-Artikolu 3 u u dawk segwenti ta' l-istess Direttiva jiddefinixxu l-oqsma li fihom ma tista' ssir ebda diskriminazzjoni. Għaldaqstant, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta hija pprojbita f'dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-aċċess għal-impjiegi inklużi l-kriterji ta' l-għażla u l-kundizzjonijiet għar-reklutaġġ, l-aċċess għat-tipi kollha u għall-livelli kollha ta' tmexxija professjonali, it-taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avanzat u t-taħriġ mill-ġdid kif ukoll esperjenzi professjonali, il-kundizzjonijiet ta' impjieg u ta' xogħol u l-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni li tirrappreżenta l-ħaddiema jew oħrajn.

37     Fl-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti skond l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207, in-nisa ma jistgħux ikunu suġġetti għal trattament sfavorevoli f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom peress illi l-imsemmija Direttiva hija intiża, f'dan ir-rigward, sabiex tassigura ugwaljanza sustanzjali mhux formali (ara f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-30 ta' April 1998, Thibault, C‑136/95, Ġabra p. I‑2011, punt 26).

38     Għaldaqstant l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tan-nisa tqal ma tistax ikollha bħala konsegwenza trattament sfavorevoli f'dak li jikkonċerna l-aċċess għall-impjieg ta' tali mara, b'tali mod li minn iħaddem ma jistax jirrifjuta li jimpjega kandidata li tkun tqila, għal raġuni li projbizzjoni mix-xogħol ikkawżata minħabba din it-tqala timpedixxiha milli tiġi impjegata mill-bidunett u għat-tul tat-tqala fil-pożizzjoni ta' dewmien indeterminat li tkun trid timtela (sentenza tat-3 ta' Frar 2000, Mahlburg, C‑207/98, Ġabra p. I‑549, punt 27).

39     Fl-aħħar, f'dak li jikkonċerna t-teħid in kunsiderazzjoni ta' perijodu ta' leave tal-maternità għall-aċċess għal livell superjuri tal-ġerarkija tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, ħaddiema hija protetta fir-relazzjoni tax-xogħol tagħha, kontra kull trattament sfavorevoli mmotivat mill-fatt li hija jew li kienet fuq leave tal-maternità u li, mara li ġiet ittrattata sfavorevolment minħabba assenza għal raġuni ta' leave tal-maternità hija vittma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq it-tqala tagħha u dan il-leave (ara s-sentenza tat-18 ta' Novembru 2004, Sass, C‑284/02, Ġabra p. I‑11143, punti 35 u 36).

40     Madankollu kif ġustament enfasizza l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tiegħu waqt is-seduta, il-fatti li wasslu għas-sentenza Sass, iċċitata iktar 'il fuq, huma nettament distinti minn dawk tal-kawża prinċipali f'dak illi fil-każ ta' M.Sass, il-leave tal-maternità kien ikkoinċida ma' evoluzzjoni fil-karriera tagħha, peress illi l-kawża kienet tikkonċerna bidla fil-kategorija tas-salarju. Min-naħa l-oħra fil-kawża prinċipali C.Sarkatzis Herrero kisbet xogħol ġdid waqt il-leave tal-maternità, u d-data tad-dħul fis-servizz tagħha kienet ġiet posposta għal meta jispiċċa dan il-leave.

41     Madankollu kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijet tiegħu, peress illi d-Direttiva 76/207 tipprovdi għal ugwaljanza sustanzjali u mhux formali, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2(1) u (3) u 3 ta' din id-Direttiva għandhom jiġu intepretati fis-sens li huma jipprojbixxu kull trattament sfavorevoli lil ħaddiema minħabba l-leave tal-maternità jew b'relazzjoni ma' tali leave, u li huma intiżi għall-protezzjoni tal-mara tqila, u dan mingħajr m'hemm bżonn li jiġi kkunsidrat il-fatt li, l-imsemmi trattament jikkonċerna relazzjoni tax-xogħol li diġà teżisti jew relazzjoni tax-xogħol ġdida.

42     Din l-interpretazzjoni hija kkoroborata mill-pożizzjoni espressa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza Sass, iċċitatata iktar 'il fuq, skond liema d-dritt Komunitarju jeżiġi li tteħid tal-leave protettiv minn naħa ma jinterrompix, la r-relazzjoni tax-xogħol tal-mara kkonċernata lanqas l-applikazzjoni tad-drittijiet relatati, u min-naħa l-oħra lanqas ma jwassal għal trattament sfavorevoli ta' din ta' l-aħħar.

43     Huwa neċessarju li jiġi ppreċiżat li la d-dokumenti tal-proċess u lanqas l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Spanjol ma jippermettu li jiġi ddeterminat b'ċertezza jekk aġenti li, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienu impjegati bħala aġenti temporanji qabel ma nħatru bħala uffiċjali, kienu, fil-mument li saru uffiċjali, ibbenefikaw minn traspożizzjoni ta' l-anzjanità li kienu, kisbu fix-xogħol preċedenti tagħhom, inklużi eventwali leave tal-maternità, u jekk dan kien il-każ, jekk din l-anzjanità hijiex meħuda in kunsiderazzjoni għall-progress fil-livell tal-karriera ta' l-imsemmija aġenti.

44     Peress illi, minn naħa, hemm dubbju fuq l-effett tal-Liġi 70/1978, tas-26 ta' Diċembru 1978, dwar ir-rikonoxximent ta' servizzi preċedenti fl-amministrazzjoni pubblika (Ley de Reconocimiento de Servicios Previos en la Administración Pública, BOE n° 9, ta' l-10 ta' Jannar 1979, p.464) u tad-deċiżjoni ta' applikazzjoni 1181/89, tad-29 ta' Settembru 1989 (BOE n° 237, tat-3 ta' Ottubru 1989, p. 30952) kif ukoll id-Digriet Irjali 3/1987, tal-11 ta' Setembru 1987, dwar is-salarju ta' l-uffiċjal (Real Decreto-Ley de la Jefatura del Estado, sobre retribuciones del personal estatutario del Instituto Nacional de la Salud, BOE n° 219, tat-12 ta' Settembru 1987, p. 27649), iċċitat minn Imsalud, fuq is-sitwazzjoni ta' C.Sarkatzis Herrero, u min-naħa l-oħra l-Liġi 55/2003, tas-16 ta' Diċembru 2003, li tistabbilixxi dawn ir-Regolamenti tal-Persunal tad-Dipartiment tas-Saħħa (Ley del Estatuto Marco del personal estatutario de los Sercivios de Salud, BOE n° 301, tas-17 ta' Diċembru 2003, p. 44742) ma kinitx fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-servizz tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk C.Sakartzis Herrero kinitx effettivament suġġetta għal trattament sfavorevoli.

45     Jekk wieħed jimxi mal-premessi esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-posponiment tad-dħul fis-servizz ta' C.Sakartzis Herrero bħala uffiċjal wara l-leave tal-maternità li minnu bbenefikat il-persuna kkonċernata jikkostitwixxi trattament sfavorevoli skond id-Direttiva 76/207.

46     Il-fatt li l-persuni l-oħra, b'mod partikolari dawk ta' sess maskili, jistgħu għal raġunijiet oħra, jiġu ttrattati bl-istess mod bħal C.Sakartzis Herrero mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha peress illi l-posponiment tad-dħul fis-servizz tal-persuna kkonċernata kien biss riżultat tal-leave tal-maternità li minnu hija bbenefikat.

47     B'rigward għall-kunsidrazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għall-ewwel u għat-tielet domanda għandha tkun illi, d-Direttiva 76/207 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirrikonoxxix lil ħaddiema fuq leave tal-maternità, l-istess drittijiet bħal dawk rikonoxxuti lin-nies l-oħra li għaddew mill-eżami għar-reklutaġġ, f'dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-karriera ta' uffiċjal billi tipposponi d-dħul fis-servizz sa wara li jkun intemm dan il-leave mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien ta' dan l-imsemmi leave għal kalkolu ta' l-anzjanità tas-servizz ta' din il-ħaddiema.

 Fuq l-ispejjeż

48     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-Qorti ta' rinviju li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Id-Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta' Frar 1976, 76/207/KEE dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tirrikonoxxix lil ħaddiema fuq leave tal-maternità, l-istess drittijiet bħal dawk rikonoxxuti lin-nies l-oħra li għaddew mill-eżami għar-reklutaġġ, f'dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-karriera ta' uffiċjal billi tipposponi d-dħul fis-servizz sa wara li jkun intemm dan il-leave mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien ta' dan l-imsemmi leave għal kalkolu ta' l-anzjanità tas-servizz ta' din il-ħaddiema.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top