EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0255

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Ġunju 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Franċiża.
Ammissibbiltà - Nuqqas ta' qbil bejn il-motivi u t-talbiet tar-rikors promotorju ta' istanza - Regola skond liema qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita - Artikolu 49 KE - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja għall-bżonnijiet tas-suq - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni ta' impjegat - Inverżjoni ta' l-oneru tal-prova - L-ebda modalità proċedurali fis-sens tal-ġurisprudenza Peterbroeck - Protezzjoni soċjali - Koordinament tal-leġiżlazzjoni applikabbli permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Prelazzjoni - Ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.
Kawża C-255/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:401

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

tal-15 ta' Ġunju 2006(*)

"Ammissibbiltà – Nuqqas ta' qbil bejn il-motivi u t-talbiet tar-rikors promotorju ta' istanza - Regola skond liema qorti ma tistax tiddeċiedi ultra petita – Artikolu 49 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja għall-bżonnijiet tas-suq – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni ta' impjegat – Inverżjoni ta' l-oneru tal-prova – L-ebda modalità proċedurali fis-sens tal-ġurisprudenza Peterbroeck – Protezzjoni soċjali – Koordinament tal-leġiżlazzjoni applikabbli permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat"

Fil-kawża C-255/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta' Ġunju 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A.‑M. Rouchaud-Joët u E. Traversa, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A. Hare, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–       billi tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja lil aġenzija għall-impjieg ta' l-artisti stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-kriterju ta' l-interess ta' l-attività ta' l-aġenzija b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti,

–       billi timponi l-preżunzjoni ta' impjegat fuq artista li huwa rrikonoxxut bħala prestatarju ta' servizzi stabbilit fl-Istat Membru tiegħu ta' oriġini fejn jipprovdi abitwalment servizzi analogi

ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Il-preżenti kawża tqajjem, barra l-kwistjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 49 KE, kwistjonijiet li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja fir-rigward ta' sigurtà soċjali.

3       L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tagħha emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta' Ġunju 1998 (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71") jipprovdi li:

"Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

(a)      il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

(b)      il-benefiċċji ta’ l-invalidità, inklużi dawk intenzjonati għall-manteniment u l-miljorament tal-kapaċità tal-qliegħ;

(ċ)      il-benefiċċji tax-xjuħija;

(d)      il-benefiċċji tas-superstiti;

(e)      benefiċċji fejn jidħlu inċidenti fuq ix-xogħol u mard okkupazzjonali;

(f)      għotjiet tal-mewt;

(g)      benefiċċji tad-disimpjieg;

(h)      benefiċċji tal-familja".

4       L-Artikolu 13(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi li:

"[…] persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġislazzjoni tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu."

5       Skond il-punt 1(a) ta' l-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71, "Persuna normalment impjegata għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru u li twettaq xogħol f’territorju ta’ Stat Membru ieħor tkompli tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta t-tul antiċipat tax-xogħol ma jaqbiżx it-12-il xahar."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Il-leġiżlazzjoni Franċiża in kwistjoni f'dan il-każ tirrigwarda, min-naħa, l-attività ta' impjieg ta' l-artisti u, min-naħa l-oħra, l-attività ta' artista.

 Ir-regoli Franċiżi li jirregolaw l-attività ta' impjieg ta' l-artisti

–       L-issuġġettar ta' l-għotja ta' liċenzja għall-bżonnijiet tas-suq

7       L-Artikolu L. 762-3 tal-Kodiċi tax-xogħol [Liġi Nru 73-4, tat-2 ta' Jannar 1973, (JORF tat-3 ta' Jannar 1973, p. 52)], fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, jipprovdi:

"Digriet tal-Conseil d'État għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal għoti, tiġdid u rtirar tal-liċenzja ta' aġent artistiku.

Dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw il-moralità ta' l-aġent artistiku, il-metodi ta' eżerċizzju ta' l-attività tiegħu u l-interess ta' dan ta' l-aħħar b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti ta' l-ispettaklu."

8       Għal dan il-għan, l-Artikolu R. 762-6 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, jipprovdi li "id-dokumenti u l-informazzjoni kollha fuq il-personalità, il-moralità u l-attivitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati, dwar il-kundizzjonijiet partikolari li fihom dawn ta' l-aħħar jeżerċitaw jew eżerċitaw l-attività ta' aġent artistiku kif ukoll dwar il-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti ta' l-ispettaklu, għandhom jiġu kkomunikati lill-membri tal-kummissjoni [konsultattiva mwaqqfa mill-ministru inkarigat mix-xogħol skond l-Artikolu R. 762-3 tal-kodiċi ta' xogħol], li huma obbligati jirrispettaw in-natura kunfidenzjali ta' l-informazzjoni li jkunu jafu biha b'dan il-mod".

9       L-Artikolu L. 762-3 tal-kodiċi tax-xogħol sadattant ġie emendat bil-liġi Nru 2005-32, tat-18 ta' Jannar 2005, ta' programm għall-inklużjoni soċjali (JORF tad-19 ta' Jannar 2005, p. 864), u ma fadallux riferenza għall-bżonnijiet tas-suq.

–       L-eżiġenza li jgħaddu mill-intermedjarju ta' aġent Franċiż

10     Skond l-Artikolu L. 762-9 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, "ħlief fil-każ ta' ftehim ta' reċiproċità bejn Franza u l-Istat tagħhom, l-aġenti artistiċi barranin ma jistgħux jeffettwaw l-impjegar ta' l-artisti ta' l-ispettaklu fi Franza mingħajr ma jgħaddu mill-intermedjarju ta' aġent artistiku Franċiż".

11     Din id-dispożizzjoni ġiet emendata bid-digriet Nru 2001-177, tat-22 ta' Frar 2001, adottat għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea għall-professjoni ta' aġent artistiku (JORF ta' l-24 ta' Frar 2001, p. 3024). Wara din l-emenda, l-aġenti artistiċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor m'għadhomx obbligati li jgħaddu mill-intermedjarju ta' aġent Franċiż, iżda għandhom biss, f'ċerti każijiet, jiksbu liċenzja.

–       L-eżiġenza li tinkiseb liċenzja

12     Wara d-digriet Nru 2001-177, l-Artikolu L.762-9 tal-kodiċi tax-xogħol jipprovdi li "l-aġenti artistiċi […] ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew ta' Stat li huwa membru fil-Ftehim Ekonomiku Ewropew jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Franza, jekk jiksbu liċenzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L.762-3 jew jekk jippreżentaw liċenzja maħruġa f'wieħed minn dawn l-Istati taħt kundizzjonijiet simili".

–       L-eżiġenza ta' stabbiliment fi Franza

13     Skond l-Artikolu R.762-12 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata:

"Kull ingaġġ ta' aġent għall-impjieg f'aġenzija artistika għandu jiġi nnotifikat fi żmien xahar mill-proprjetarju ta' liċenzja, lid-direttur dipartimentali tax-xogħol u tal-manutenzjoni tad-dipartiment fejn tinsab is-sede ta' l-aġenzija. […]"

14     L-Artikolu R. 762-13 ta' l-istess kodiċi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, jipprovdi:

"Kull aġenzija artistika hija obbligata tressaq kull xahar, quddiem id-direzzjoni dipartimentali tax-xogħol u tal-manutenzjoni tad-dipartiment fejn tinsab is-sede ta' l-aġenzija, l-informazzjoni statistika fuq l-impjegar effettwat. […]

[…]"

15     Issa, wara d-digriet Nru 2004-206, tat-8 ta' Marzu 2004, dwar l-eżerċizzju ta' l-attività ta' aġent artistiku miċ-ċittadini ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew ta' Stat Membru li huwa membru fil-Ftehim Ekonomiku Ewropew u li jemenda l-kodiċi tax-xogħol (it-tieni parti: Décrets en Conseil d'État) (JORF ta' l-10 ta' Marzu 2004, p. 4685), l-Artikoli R. 762-15 u R. 762-17 jillimitaw ruħhom li jipprovdu li t-talbiet magħmula minn aġent artistiku li ġej minn Stat Membru ieħor għandhom jippreċiżaw, "jekk ikun il-każ, il-post ta' stabbiliment tal-friegħi ta' uffiċċji jew ta' ħwienet li l-aġent artistiku bi ħsiebu jiftaħ fi Franza".

 Ir-regoli Franċiżi li jirregolaw l-attività ta' artist

16     L-Artikolu L.762-1 tal-kodiċi tax-xogħol, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, jistabbilixxi preżunzjoni ta' impjegat. Skond dan l-Artikolu:

"Kull kuntratt li bih persuna fiżika jew ġuridika tassigura, permezz ta' rimunerazzjoni, il-parteċipazzjoni ta' artist ta' l-ispettaklu bl-għan li dan iseħħ, huwa preżunt li huwa kuntratt ta' xogħol jekk dan l-artist ma jeżerċitax l-attività, suġġett ta' dan il-kuntratt, f'ċirkostanzi li jimplikaw r-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru tal-kummerċ.

Din il-preżunzjoni teżisti indipendentement mill-mod u l-ammont tar-rimunerazzjoni, kif ukoll mid-deskrizzjoni mogħtija lill-kuntratt mill-partijiet. Lanqas ma titneħħa bil-prova li l-artist iżomm il-libertà ta' espressjoni ta' l-arti tiegħu, kemm jekk huwa proprjetarju tal-materjal kollu użat jew ta' parti minnu jew jekk jimpjega huwa nnifsu persuna waħda jew diversi persuni sabiex jissekkondawh, jekk jipparteċipa personalment fl-ispettaklu.

[…]"

 Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

17     Wara li qiegħdet ir-Repubblika Franċiża f'pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni indirizzat fir-rispett tagħha, fis-26 ta' Jannar 2000, opinjoni motivata li tosserva li ċerti aspetti ta' regoli nazzjonali li jirregolaw l-attività ta' impjieg ta' artisti u l-attività ta' artist dehrulha inkompatibbli ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Għaldaqstant hija stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat KE fi żmien xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni motivata. Minħabba li mhix sodisfatta bir-risposta li ngħatat mill-awtoritajiet Franċiżi b'ittra tat-28 ta' April 2000 u bil-preċiżjonijiet mogħtija fid-29 ta' Diċembru 2000, fit-13 ta' Marzu 2002, fl-20 ta' Frar u fl-4 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

18     Fil-motivi tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti dwar ir-regoli Franċiżi li jirregolaw l-attività ta' impjieg ta' l-artisti u l-attività ta' artist, li l-ewwel wieħed minnhom huwa maqsum f'erba' partijiet.

19     L-erba' partijiet ta' l-ewwel ilment huma bbażati fuq:

–       l-inkompatibbiltà ma' l-Artikoli 43 KE u 49 KE tal-leġiżlazzjoni Franċiża, fis-seħħ fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, li teżiġi li l-aġenti għall-impjieg ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandhom jgħaddu mill-intermedjarju ta' aġent Franċiż;

–       l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE tal-leġiżlazzjoni Franċiża, fis-seħħ fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, li teżiġi li l-aġenti għall-impjieg ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandhom is-sede tagħhom jew stabbiliment permanenti fi Franza;

–       l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE tal-leġiżlazzjoni Franċiża, adottata fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, li teżiġi li l-aġenti għall-impjieg ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor jiksbu, f'ċerti każijiet, liċenzja mingħand l-awtoritajiet Franċiżi, mingħajr ma jiġu meħuda in kunsiderazzjoni l-ġustifikazzjonijiet u garanziji diġà ppreżentati fl-Istat Membru ta' oriġini, u

–       l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE tal-leġiżlazzjoni Franċiża, fis-seħħ fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, li tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja lill-aġenti għall-impjieg ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti.

20     It-tieni ilment huwa bbażat fuq l-inkompatibbiltà ma' l-Artikolu 49 KE tal-leġiżlazzjoni Franċiża, fis-seħħ fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata, li tipprovdi li kull kuntratt li permezz tiegħu persuna fiżika jew ġuridika tassigura, permezz ta' rimunerazzjoni, il-parteċipazzjoni ta' artist ta' l-ispettaklu bl-iskop li dan iseħħ huwa preżunt li huwa kuntratt ta' xogħol, peress illi din il-leġiżlazzjoni tapplika għall-artisti prestatarji ta' servizzi li ġejjin minn Stat Membru ieħor (iktar 'il quddiem il-"preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni").

21     Matul il-proċedura bil-miktub, il-Kummissjoni rrinunċjat għall-ewwel u t-tieni parti ta' l-ewwel ilment.

22     Dan ir-rikors għaldaqstant huwa llimitat għal eżami rigward l-Artikolu 49 KE tat-tielet u r-raba' parti ta' l-ewwel ilment kif ukoll tat-tieni ilment.

 Fuq it-tielet parti ta' l-ewwel ilment dwar l-eżiġenza li tinkiseb, f'ċerti każijiet, liċenzja mingħand l-awtoritajiet Franċiżi mingħajr ma jiġu meħuda in kunsiderazzjoni l-ġustifikazzjonijiet u l-garanziji diġà ppreżentati fl-Istat Membru ta' oriġini

23     Il-gvern Franċiż iqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta' qbil bejn il-motivi u t-talbiet tar-rikors. Fl-opinjoni tiegħu, it-tielet parti ta' l-ewwel ilment ma tidhirx fit-talbiet tar-rikors.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta' l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tindika, fit-talbiet tar-rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE, l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tieħu deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta' Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-347/88, Ġabra p. I-4747, punt 28, u tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-52/90, Ġabra p. I-2187, punt 17). Dawn it-talbiet għandhom jiġu fformulati b'mod non-ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 1962, Meroni vs Haute Autorité, 46/59 u 47/59, Ġabra p. 783, 801, u ta' l-20 ta' Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑296/01, Ġabra p. I-13909, punt 121).

25     Issa, għandu jiġi kkonstatat f'dan il-każ li, minkejja li l-Kummissjoni ssemmi l-ilment in kwistjoni fil-motivi tar-rikors tagħha, hija ma tinkludihx fit-talbiet tagħha. Peress li ma jidhirx fost l-ilmenti li huma s-suġġett tat-talba tagħha, dan l-ilment għandu jitqies bħala inammissibbli.

26     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar ‘il fuq, it-tielet parti ta' l-ewwel ilment hija innammissibbli.

 Fuq ir-raba' parti ta' l-ewwel ilment, dwar l-issuġġetar ta' l-għotja ta' liċenzja għall-bżonnijiet tas-suq

 L-argumenti tal-partijiet

27     Il-Kummissjoni ssostni li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja lill-aġenti ta' ippostjar ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti tikkostitwixxi ostakolu illegali għad-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti fl-Artikolu 49 KE.

28     Il-gvern Franċiż jirrikonoxxi l-eżistenza ta' ostakolu għad-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' l-aġenti artistiċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li l-Kummissjoni tilmenta' dwaru, iżda tippreċiża li d-dispożizzjoni in kwistjoni ġiet sadattant emendata bil-liġi Nru 2005-32.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif, barra minn hekk, jammettih il-gvern Franċiż, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja għall-eżerċizzju ta' attività, bħall-attività ta' impjieg ta' l-artisti, għall-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti tikkostitwixxi ostakolu billi għandha t-tendenza li tillimita n-numru ta' prestatarji ta' servizzi. Issa, il-gvern Franċiż ma pprovda l-ebda raġuni li tista' tiġġustifika dan l-ostakolu.

30     Dwar l-argument tal-gvern Franċiż ibbażat fuq emenda leġiżlattiva li saret sadattant, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta' rikors skond l-Artikolu 226 KE, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni fl-Istat Membru hekk kif kienet fit-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-13/00, Ġabra p. I-2943, punt 21).

31     Issa, f'dan il-każ, fit-tmiem tal-perijodu, jiġifieri fis-26 ta' Marzu 2000, il-leġiżlazzjoni Franċiża li tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja għall-aġenti artistiċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti ma kinitx għadha ġiet emendata.

32     Għaldaqstant, ir-raba' parti ta' l-ewwel ilment hija fondata.

 Fuq it-tieni ilment, dwar il-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

33     Il-Kummissjoni ssostni li l-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni, li hija diffiċli sabiex tiġi kkonfutata, hija ostakolu għall-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwantu, sabiex jevitaw li l-kuntratt tagħhom jiġi deskritt bħala kuntratt ta' xogħol, li jimplika l-issuġġettar għall-iskema ta' sigurtà soċjali tal-persuni impjegati, kif ukoll għal dik tal-leave imħallas, l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għandhom jippruvaw li huma ma jeżerċitawx xogħol taħt kuntratt ta' impjieg, iżda, bil-kontra, xogħol għal rashom. Dan l-ostakolu huwa sproporzjonat meta mqabbel ma' l-għanijiet li hija għandha.

34     Il-gvern Franċiż jirrispondi li l-imsemmija preżunzjoni ma tikkostitwixxix ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u barra minn hekk hija faċli sabiex tiġi kkonfutata. Wara ċ-ċirkulari DSS/DACI Nru 2001/34 tal-Ministru għax-Xogħol u għas-Solidarità, tat-18 ta' Jannar 2001, dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropew li tispjega l-kunċetti ta' dritt li jinsabu fl-Artikoli 14(1)(a), 14a u 14ċ tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, is-sempliċi ħruġ tal-formularju E 101 huwa biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta' impjieg.

35     Barra minn hekk, dan il-gvern isostni li l-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni hija f'kull każ iġġustifikata permezz tar-raġunijiet ta' interess ġenerali marbuta mal-protezzjoni soċjali ta' l-artisti u mal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li dan ir-rikors jillimita ruħu għall-artisti li huma rrikonoxxuti bħala prestatarji ta' servizzi stabbiliti fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom fejn jipprovdu abitwalment servizzi analogi (iktar 'il quddiem l-"artisti in kwistjoni"). Huma in kwistjoni barra minn hekk persuni li jiġu jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Franza temporanjament u indipendentement. Għaldaqstant dan ir-rikors la jirrigwarda l-artisti stabbiliti fi Franza (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-171/02, Ġabra p. I-5645, punt 24), u lanqas l-artisti li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Franza b'mod dipendenti, għaldaqstant bħala "persuni impjegati" fis-sens tad-dritt Komunitarju (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-27 ta' Ġunju 1996, Asscher, C-107/94, Ġabra p. I-3089, punt 25). Għaldaqstant, b'dan ir-rikors, il-Kummissjoni tikkontesta d-dritt Franċiż biss inkwantu dan ta' l-aħħar japplika għall-artisti prestatarji ta' servizzi li ġejjin minn Stat Membru ieħor.

37     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-prestatarji ta' servizzi ta' l-Istati Membri l-oħra, iżda wkoll l-abolizzjoni ta' kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anke jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għal prestatarji nazzjonali u għal dawk ta' Stati Membri oħrajn, meta hija tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-prestatarji ta' l-Istati Membri oħra li jipprovdu, legalment, fl-Istat Membru tagħhom ta' oriġini, servizzi analogi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta' Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12, u tal-25 ta' Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa 54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831, punt 28). Din il-libertà hija ta' benefiċċju kemm għall-prestatarju kif ukoll għad-destinatarju ta' servizzi (ara s-sentenzi tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 16, u tat-13 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑262/02, Ġabra p. I-6569, punt 22).

38     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-preżunzjoni ta' xogħol in kwistjoni tikkostitwixxi, indipendentement min-natura tagħha ftit jew wisq diffiċli li tiġi kkonfutata, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, anke jekk hija ma ċċaħħadx stricto sensu l-artisti in kwistjoni mill-possibbiltà li jeżerċitaw indipendentement l-attività tagħhom fi Franza, hija madankollu tinvolvi żvantaġġ ta' natura li tfixkel l-attivitajiet tagħhom bħala prestatarji. Sabiex jevitaw li l-kuntratt tagħhom jiġi deskritt bħala kuntratt ta' xogħol, li jimplika spejjeż supplementarji minħabba l-obbligu ta' ħlas, fi Franza, tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet dovuti skond l-affiljazzjoni fl-iskema tas-sigurtà soċjali tal-persuni impjegati, kif ukoll l-issuġġettar għall-iskema tal-leave imħallas, huma għandhom jippruvaw li huma ma jaħdmux fil-kuntest ta' xogħol taħt kuntratt ta' impjieg, iżda, bil-kontra, li jaħdmu għal rashom. B'hekk, il-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni hija ta' natura li tiskoraġixxi, min-naħa, l-artisti in kwistjoni milli jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Franza u, min-naħa l-oħra, l-organizzaturi ta' l-ispettaklu Franċiż milli jimpjegaw dawn l-artisti.

39     F'dan ir-rigward, il-gvern Franċiż isostni li l-preżunzjoni ta' xogħol in kwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi peress li hija tirrigwarda modalità proċedurali li tirrispetta l-prinċipju ta' effettività li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40     Jekk huwa minnu li l-preżunzjoni ta' xogħol in kwistjoni tikkostitwixxi, bħal kull preżunzjoni, provvediment ta' natura proċedurali, għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza li jirreferi għaliha l-gvern Franċiż ma tapplikax awtomatikament għall-provvedimenti nazzjonali kollha li huma ta' natura proċedurali, iżda tirrigwarda biss il-modalitajiet proċedurali ta' azzjonijiet legali intiżi sabiex jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet in kawża għandhom bl-effett dirett tad-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12). Issa, il-preżunzjoni ta' xogħol in kwistjoni f'dan il-każ mhix intiża sabiex tassigura d-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, iżda hija, bil-kontra, ta' ostakolu għal dawn id-drittijiet.

41     Il-gvern Franċiż isostni barra minn hekk li, wara l-introduzzjoni taċ-ċirkulari DSS/DACI Nru 2001/34, is-sempliċi preżentazzjoni tal-formularju E 101 hija biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni għall-artisti in kwistjoni.

42     Issa, anke li kieku l-imsemmija ċirkulari għandha effettivament bħala konsegwenza li tirrendi l-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni awtomatikament inapplikabbli għall-artisti li jibbenefikaw minn formularju E 101, għandu jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkulari ġiet adottata fit-18 ta' Jannar 2001, għaldaqstant f'data ħafna wara t-tmiem tal-perijodu stipulat fl-opinjoni motivata. Din iċ-ċirkulari ma tistax għaldaqstant, f'kull każ, tbiddel b'xi mod l-evalwazzjoni pprovduta fil-punt 38 ta' din is-sentenza.

43     Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista' madankollu tiġi llimitata permezz ta' leġiżlazzjonijiet nazzjonali ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 46(1) KE, moqri flimkien ma' l-Artikolu 55 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23), sakemm ma teżistix miżura Komunitarja ta' armonizzazzjoni li tipprovdi l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw il-protezzjoni ta' dawn l-interessi (ara f'dan is-sens, fil-kuntest taċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle, C-323/93, Ġabra p. I-5077, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

44     Huwa, bħala regola ġenerali, l-kompitu ta' l-Istati Membri li jiddeċiedu l-livell li fih bi hsiebhom jassiguraw il-protezzjoni ta' dawn l-interessi leġittimi kif ukoll il-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq. Madankollu huma jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti pprovduti fit-Trattat u, b'mod partikolari, fir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità, li jeżiġi li l-miżuri adottati jkunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-objettiv li huma għandhom u ma jmorrux lil 'hemm minn dak li huwa neċessarju sabiex ikun milħuq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Säger, punt 15, u tat-13 ta' Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 24).

45     F'dan il-każ, għandu għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat il-mertu tat-tieni ilment imqajjem mill-Kummissjoni, jiġi eżaminat jekk il-preżunzjoni ta' impjieg in kwistjoni, li timplika l-issuġġettar għall-iskema ta' sigurtà soċjali tal-persuni impjegati kif ukoll għal dik tal-leave imħallas, tista' tiġi ġġustifikata fil-konfront ta' waħda mir-raġunijiet msemmija fil-punt 43 ta' din is-sentenza u jekk din il-miżura hija proporzjonata ma' l-għanijiet mfittxija, jew inkella jekk jeżistu miżuri Komunitarji ta' armonizzazzjoni li jeskludu tali ġustifikazzjoni.

46     Il-gvern Franċiż isostni f'dan ir-rigward li l-imsemmija preżunzjoni hija ġġustifikata permezz ta' żewġ esiġenzi imperattivi ta' interess ġenerali, jiġifieri, fl-ewwel lok, il-protezzjoni soċjali ta' l-artisti in kwistjoni u, fit-tieni lok, il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

47     Dwar, fl-ewwel lok, il-protezzjoni soċjali ta' l-artisti in kwistjoni, ċertament mhux eskluż li, bħal fil-każ tal-persuni impjegati, il-persuni li jaħdmu għal rashom, bħall-prestatarji ta' servizzi, jista' jkollhom bżonn ta' miżuri speċifiċi sabiex jiggarantixxu ċerta protezzjoni soċjali (ara f'dan is-sens, fir-rigward tal-libertà ta' stabbiliment, is-sentenza tal-15 ta' Frar 1996, Kemmler, C-53/95, Ġabra p. I-703, punt 13). B'hekk, il-protezzjoni soċjali tal-prestatarji ta' servizzi tista', b'mod ġenerali, taqa' taħt raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

48     Madankollu, fir-rigward, min-naħa, il-garanzija ta' sigurtà soċjali, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni speċifika tal-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward ta' sigurtà soċjali tal-prestatarji ta' servizzi hija s-suġġett ta' koordinament Komunitarju. Fil-fatt, mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta, meta moqri flimkien ma' l-Artikolu 4 u punt 1(a) ta' l-Artikolu 14a ta' dan l-istess Regolament, li l-persuni li jeżerċitaw normalment attività għal rashom fuq it-territorju ta' Stat Membru u li jeffettwaw temporanjament xogħol fuq it-territorju ta' Stat Membru ieħor jibqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' l-ewwel Stat Membru. Skond is-sistema stabbilta bl-imsemmi Regolament, l-artisti in kwistjoni jibbenefikaw għalhekk mis-sigurtà soċjali prevista mill-Istat Membru tagħhom ta' oriġini u mhux dik prevista mill-Istat Membru destinatarju, protezzjoni li jistgħu barra minn hekk jippruvaw b'ċertifikat tat-tip, imsejjaħ "ċertifikat E 101" (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta' Marzu 2000, Banks et, C-178/97, Ġabra p. I-2005, punti 33 u 34).

49     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Franċiża mhix iġġustifikata fl-issuġġettar ta' l-artisti in kwistjoni għall-iskema tagħha ta' sigurtà soċjali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Banks et, iċċitata iktar 'il fuq, punti 41 u 42).

50     Dwar, min-naħa l-oħra, id-dritt għal-leave imħallas, għandu jiġi osservat li d-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta' Novembru 1993, dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18) tipprovdi regoli fir-rigward ta' leave imħallas. Madankollu, dawn ir-regoli jikkonċernaw biss il-persuni impjegati u mhux il-prestatarji ta' servizzi.

51     Minkejja li l-kwistjoni tal-leave imħallas għall-artisti in kwistjoni mhix għaldaqstant armonizzata fuq il-livell Komunitarju u minkejja li r-Repubblika Franċiża żżomm għalhekk, b'mod ġenerali, il-possibbiltà li tipprovdi tali protezzjoni, għandu madankollu jiġi kkonstatat li dritt għal-leave imħallas għall-prestatarji ta' servizzi (stabbilit kemm b'mod indirett permezz ta' preżunzjoni ta' impjieg, kemm b'mod dirett) huwa diffiċli sabiex jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta' attività indipendenti. Id-dritt għal-leave imħallas minn min iħaddem huwa, fil-fatt, wieħed mill-prerogattivi l-iktar importanti u karatteristiċi tax-xogħol b'salarju. Barra minn hekk, l-attività ta' persuna li taħdem għal rasha tikkaratterizza ruħha preċiżament bin-nuqqas ta' tali dritt għal-leave imħallas.

52     Dwar, fit-tieni lok, l-objettiv ta' ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-artisti huma normalment impjegati b'mod intermittenti u għall-perijodi qosra minn organizzaturi differenti ta' spettaklu ma jistax, minnu nnifsu, jiġġustifika suspett ġenerali ta' xogħol mhux iddikjarat. Aktar u aktar jekk l-artisti in kwistjoni huma rrikonoxxuti bħala prestatarji ta' servizzi stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom ta' oriġini fejn jipprovdu abitwalment servizzi analogi.

53     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, huwa biżżejjed li tiġi stabbilita skema ta' kontroll a posteriori flimkien ma' sanzjonijiet dissważivi sabiex jiġu evitati u identifikati każijiet individwali ta' użu ta' stat falz ta' dilettant jew volontarju għall-ġlieda effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

54     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar ‘il fuq, it-tieni ilment huwa ġġustifikat.

55     Konsegwentement, għandu jiġi mfakkar li r-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikolu 49 KE:

–       billi tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja lill-aġenti ta' impjieg ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti u

–       billi timponi preżunzjoni ta' impjegat fuq l-artisti li huma rrikonoxxuti bħala prestatarji ta' servizzi stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom ta' oriġini fejn jipprovdu abitwalment servizzi analogi,

ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

56     Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq diversi kapi, għandu jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tordna:

1)      Billi tissuġġetta l-għotja ta' liċenzja lill-aġenti ta' impjieg ta' l-artisti stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-bżonnijiet ta' impjieg ta' l-artisti u

–       billi timponi preżunzjoni ta' impjegat fuq l-artisti li huma rrikonoxxuti bħala prestatarji ta' servizzi stabbiliti fl-Istat Membru tagħhom ta' oriġini fejn jipprovdu abitwalment servizzi analogi,

ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikolu 49 KE.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u ir-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom .

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top