Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0248

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-26 ta' Ottubru 2006.
Koninklijke Coöperatie Cosun UA vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Rinviju preliminari - Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-swieq - Zokkor - Artikolu 26 tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 u Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2670/81 - Ammont dovut fir-rigward taz-zokkor C ikkumerċjalizzat fis-suq intern - Inapplikabbiltà ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1430/79 - Nuqqas ta' possibbiltà ta' ħlas lura jew ta' remissjoni minħabba motivi ta' ekwità - Validità tar-Regolamenti (KEE) Nri 1785/81 u 2670/81 - Prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali - Ekwità.
Kawża C-248/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:666

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta' Ottubru 2006 (*)

"Rinviju preliminari – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Zokkor – Artikolu 26 tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 u Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2670/81 – Ammont dovut fir-rigward taz-zokkor C ikkumerċjalizzat fis-suq intern – Inapplikabbiltà ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1430/79 – Nuqqas ta' possibbiltà ta' ħlas lura jew ta' remissjoni minħabba motivi ta' ekwità – Validità tar-Regolamenti (KEE) Nri 1785/81 u 2670/81 – Prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali – Ekwità"

Fil-kawża C-248/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tad-9 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta' Ġunju 2004, fil-proċedimenti

Koninklijke Coöperatie Cosun UA

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues u M. Ilešič (Relatur),

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Marzu 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Koninklijke Coöperatie Cosun UA, minn N. J. Helder u M. Slotboom, advocaten,

–       għall-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit, minn E. R. Kleijwegt, bħala aġent,

–       għar-Renju ta' l-Olanda, minn H. G. Sevenster, C. M. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn F. Ruggeri Laderchi u B. Driessen, wara minn B. Driessen u A. Gregorio Merino, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Nolin u X. Lewis, bħala aġenti, assistiti minn F. Tuytschaever, advocaat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 305/91, ta' l-4 ta' Frar 1991 (ĠU L 37, p. 1, aktar 'il quddiem ir-"Regolament bażiku"), kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2670/81, ta' l-14 ta' Settembru 1981, li jippreskrivi regoli dettaljati ta' implementazzjoni rigward il-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU L 262, p. 14), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3559/91, tas-6 ta' Diċembru 1991 (ĠU L 336, p. 26, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 2670/81").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa minn Koninklijke Coöperatie Cosun UA (aktar 'il quddiem "Cosun"), kooperattiva stabbilita fl-Olanda, kontra l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit (il-Ministru Olandiż ta' l-Agrikoltura, ta' l-Ambjent u tal-Kwalità ta' l-Ikel, aktar 'il quddiem il-"Ministru"), irrappreżentat mill-Hoofdproductschap Akkerbouw (aktar 'il quddiem l-"HPA"), dwar ammont mitlub mingħand Cosun taħt l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor

3       Fil-kuntest ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (aktar 'il quddiem l-"OKS taz-zokkor"), ir-Regolament bażiku huwa intiż sabiex, billi jistabbilizza s-suq taz-zokkor, iżomm fis-seħħ il-garanziji meħtieġa fir-rigward ta' l-impjieg u l-livell ta' għajxien tal-produtturi ta' prodotti bażiċi kif ukoll tal-produtturi taz-zokkor tal-Komunità Ewropea u sabiex jassigura s-sigurtà tal-provvista ta' zokkor għall-konsumaturi kollha bi prezzijiet raġonevoli.

4       Għal dawn il-finijiet, huwa jirregola l-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni taz-zokkor. Huwa jistabbilixxi, b'mod partikolari, skema ta' kwoti ta' produzzjoni li, skond il-ħmistax-il premessa tiegħu, tikkostitwixxi mezz sabiex il-produtturi jkunu ggarantiti l-prezzijiet Komunitarji u l-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom.

5       Fil-kuntest ta' din l-iskema ta' kwoti, l-Artikolu 24 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi, fir-rigward ta' kull sena kummerċjali (jiġifieri mill-1 ta' Lulju ta' sena sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' wara), kwantitajiet bażiċi għaz-"zokkor A" u għaz-"zokkor B" li kull Stat Membru għandu jaqsam bejn il-produtturi taz-zokkor stabbiliti fit-territorju tiegħu. Għalhekk, kull impriża li tipproduċi zokkor tingħata kwota A u kwota B għal kull sena kummerċjali. Kull kwantità ta' zokkor prodotta aktar aktmill-kwoti A u B tissejjaħ "zokkor C".

6       Iz-zokkor C la huwa eliġibbli għall-iskema ta' sostenn tal-prezzijiet u lanqas għall-iskema ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, iz-zokkor C ma jistax ikun ikkummerċjalizzat fis-suq intern u, għaldaqstant, għandu jiġi kkummerċjalizzat barra mill-Komunità sabiex jinbiegħ fis-suq mondjali. F'dan ir-rigward, l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku jipprovdi kif ġej:

"1.       […] iz-zokkor C li ma jkunx imwarrab għas-sena sussegwenti bis-saħħa ta' l-Artikolu 27 […] ma jistax jiġi kkummerċjalizzat fis-suq intern tal-Komunità u għandu jkun esportat fl-istat li jkun qabel l-1 ta' Jannar ta' wara t-tmiem tas-sena kummerjċali in kwistjoni.

[...]

3.       Ir-regoli ddettaljati ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 41.

Dawn ir-regoli ddettaljati għandhom jipprovdu, b'mod partikolari, għall-ġbir ta' ammont fuq iz-zokkor C […] imsemmi fil-paragrafu 1 li l-esportazzjoni tiegħu fl-istat naturali tiegħu fit-terminu preskritt ma tkunx għadha ġiet provata sa data li għandha tkun iddeterminata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond l-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku, "[k]ull impriża tista' tiddeċiedi li twarrab għas-sena kummerċjali sussegwenti, sabiex tiġi kkunsidrata mal-produzzjoni ta' dik is-sena kummerċjali, il-produzzjoni ta' zokkor kollha, jew parti minnha, li taqbeż il-kwota A". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Ir-Regolament Nru 2670/81, adottat abbażi ta' l-Artikolu 26(3) tar-Regolament bażiku, jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-esportazzjoni taz-zokkor C għandha titqies li tkun saret.

9       L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2670/81 jipprovdi li:

"L-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1785/81 għandha tkun meqjusa li saret jekk:

a)      iz-zokkor [C] [...] ikun esportat mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun prodott;

b)      id-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni fil-kwistjoni tkun aċċettata mill-Istat Membru msemmi taħt (a) qabel l-1 ta’ Jannar [ta'] wara t-tmiem tas-sena ta’ marketing [sena kummerċjali] li matulha z-zokkor C [...] kien prodott;

ċ)      iz-zokkor [C] [...] ikun telaq mit-territorju tad-dwana tal-Komunità ta’ l-anqas fi żmien 60 jum mill-1 ta’ Jannar imsemmi taħt (b);

d)      il-prodott ikun ġie esportat mingħajr rifużjoni jew dazju [...] mill-Istat Membru msemmi taħt (a).

Minbarra f’każi ta’ forza maġġuri, jekk il-kundizzjonijiet kollha pprovduti fl-ewwel subparagrafu ma jkunux imħarsa, il-kwantità ta’ zokkor [C] [...] fil-kwistjoni għandh[a] [t]iġ[i] kkunsidrat[a] li nbiegħ[et] fis-suq intern.

Fil-każ ta’ forza maġġuri, l-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu z-zokkor [C] [...] jkun ġie prodott għandha tadotta l-miżuri li huma meħtieġa minħabba ċ-ċirkustanzi mressqa mill-parti interessata."

10     Skond it-tielet premessa tar-Regolament Nru 2670/81, "meta jiġi fissat il-ħlas ta' l-imposti f'każi ta' bejgħ fis-suq intern, huwa essenzjali li z-zokkor tat-tip [C] [...] li ma jkun[x ġie] esporta[t] jitq[iegħed] fuq l-istess livell bħaz-zokkor [...] importa[t] minn pajjiżi mhux membri" u, "għal dan il-għan, il-ħlas għandu jiġi ffissat billi jitqiesu kemm l-imposta fuq l-importazzjoni taz-zokkor [...] bl-ogħla rata applikabbli matul il-per[i]jodu ta' żmien li jinkludi s-sena tas-suq [sena kummerċjali] li fiha z-zokkor [...] involu[t] kie[n] prodot[t] u s-sitt xhur ta' wara dik is-sena tas-suq, u anke ta' l-ammont b'rata fissa kalkolat fuq il-bażi ta' l-ispiża tal-bejgħ taz-zokkor importat minn pajjiżi mhux membri".

11     L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 jipprovdi li:

"1.       L-Istat Membru kkonċernat għandu jimponi fuq il-kwantitajiet li, fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(1) ikunu ġew mibjugħa fis-suq intern, ħlas ugwali għas-somma ta':

a)      għaz-zokkor tat-tip [C], għal kull 100 kilogramma:

–       l-ogħla imposta fuq l-importazzjoni għal kull 100 kilogramma ta’ zokkor abjad jew zokkor mhux maħdum, kif ikun il-każ, applikabbli matul il-per[i]jodu ta’ ż-żmien li jinkludi s-sena tas-suq [sena kummerċjali] li matulha kien prodott iz-zokkor in kwistjoni u s-sitt xhur ta’ wara dik is-sena tas-suq, u

–       1 [euro];

[...]

4.      Fil-każ ta’ kwantitajiet ta’ zokkor tat-tip [C] [...] li, qabel l-esportazzjoni, kienu nqerdu jew ġarrbu ħsara mingħajr il-posssibiltà ta’ rkupru, f’ċirkustanzi magħrufa mill-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru interessat bħala każ ta’ force majeure, l-ammont rilevanti imsemmi fil-paragrafu 1 m’għandux jiġi impost."

 Il-leġiżlazzjoni doganali

12     L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1430/79, tat-2 ta' Lulju 1979, dwar il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni (ĠU L 175, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3069/86, tas-7 ta' Ottubru 1986, (ĠU L 286, p. 1, aktar 'il quddiem ir-Regolament Nru 1430/79), jipprovdi li:

"Id-dazji fuq l-importazzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta' ħlas lura jew ta' remissjoni f'sitwazzjonijiet speċjali […] li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata.

Is-sitwazzjonijiet li fihom jista' jiġi applikat l-ewwel paragrafu, kif ukoll ir-regoli dettaljati ta' proċedura li għandha tkun adottata għal dan il-għan, għandhom ikunu definiti skond il-proċedura prevista [għall-adozzjoni tal-miżuri ta' applikazzjoni]. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni jistgħu jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet partikolari." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13     Skond l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79, "dazji fuq l-importazzjoni" jfissru "kemm id-dazji doganali u taxxi b'effett ekwivalenti u kemm l-imposti agrikoli u imposti oħra fuq l-importazzjoni previsti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni jew fil-kuntest ta' skemi speċifiċi applikabbli, taħt l-Artikolu 235 tat-Trattat, għal ċerta merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14     L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3799/86, tat-12 ta' Diċembru 1986, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 4a, 6a, 11a, u 13 tar-Regolament Nru 1430/79 (ĠU L 352, p. 19), jelenka s-sitwazzjonijiet partikolari li jirriżultaw minn ċirkustanzi li ma jinvolvux qerq jew negliġenza evidenti min-naħa tal-persuna kkonċernata, fis-sens ta' l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1430/79. Ċirkustanzi oħra jistgħu jitqiesu wkoll li jammontaw għal sitwazzjonijiet partikolari bħal dawn wara li tkun saret evalwazzjoni ta' kull każ fil-kuntest ta' proċedura li teħtieġ l-intervent tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

 Il-kawża prinċipali

15     Cosun, li hija kooperattiva stabbilita fl-Olanda, ipproduċiet zokkor C matul is-snin kummerċjali 1991/1992 u 1992/1993. Matul is-sena 1993, hija biegħet numru ta' lottijiet ta' zokkor C lil partijiet kontraenti differenti bl-intenzjoni li dawn il-lottijiet ikunu esportati lejn il-Kroazja, l-Iżvezja u l-Marokk rispettivament.

16     Dawn l-operazzjonijiet kienu l-kawża ta' frodi mwettqa, mingħajr l-għarfien ta' Cosun, mill-partijiet kontraenti tagħha, liema frodi kienu kkaratterizzati b'mod partikolari mill-ittimbrar li ma kienx konformi mad-dokumenti T5, intiż sabiex jiġi ppruvat li l-lottijiet ta' zokkor C kienu verament ġew esportati mit-territorju tal-Komunità.

17     L-awtoritajiet Olandiżi kompetenti, li kienu nnotifikaw lill-HPA, l-awtorità kompetenti fl-Olanda għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, fetħu investigazzjoni dwar l-imġiba ta' l-imsemmija partijiet kontraenti. Mill-banda l-oħra, inizjalment, Cosun ma kinitx ġiet informata dwar din l-investigazzjoni.

18     Permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' April 1994, emendata mid-deċiżjoni tat-13 ta' Ġunju 1994, l-HPA, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, talbet lil Cosun tħallas ammont ta' NLG 6,250,856.78 (EUR 2,836,515.14) minħabba li ma kinitx ipprovat li ċerti lottijiet ta' zokkor C kienu ġew esportati mit-territorju tal-Komunità.

19     Peress li l-HPA ċaħdet l-ilment imressaq minn Cosun, din ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni ta' ċaħda quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven u fl-istess ħin ippreżentat talba għar-remissjoni ta' l-ammont mitlub quddiem l-HPA, abbażi ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

20     Fl-ewwel lok, fir-rigward ta' din it-talba għal remissjoni, l-awtoritajiet Olandiżi għaddewha lill-Kummissjoni, li kienet kompetenti sabiex teżaminaha, flimkien ma' opinjoni pożittiva. Permezz tad-deċiżjoni REM 19/01 tagħha – identifikata wkoll bin-numru C (2002) 1580 def. –, tat-2 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni ddikjarat din it-talba inammissibbli. Għalhekk Cosun ressqet rikors għall-annullament ta' din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. Permezz ta' sentenza tas-7 ta' Diċembru 2004, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni (T-240/02, Ġabra p. II-4273), il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat. L-appell imressaq minn Cosun kontra din is-sentenza ġie miċħud permezz ta' sentenza ta' llum, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni (C-68/05 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

21     Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rikors imressaq quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven kontra d-deċiżjoni ta' l-HPA li tiċħad l-ilment ta' Cosun, din il-qorti ssospendiet il-proċedimenti quddiemha sabiex tistenna s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 1999, De Haan (C-61/98, Ġabra p. I-5003), minħabba x-xebh bejn iż-żewġ kawżi.

22     Fis-sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, fejn kienu in kwistjoni dazji doganali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżiġenzi ta' investigazzjoni mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, fin-nuqqas ta' qerq jew negliġenza min-naħa tal-persuna obbligata tħallas id-dazji doganali u sakemm din il-persuna ma tkunx ġiet informata dwar l-iżvolġiment ta' l-investigazzjoni, jammontaw għal sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, peress li l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali, fl-interess ta' l-investigazzjoni, deliberatament ippermettew li jitwettqu ksur u irregolaritajiet, u għalhekk ħolqu dejn doganali fir-rgiward tal-persuna prinċipalment obbligata tħallas, iqiegħed lil din il-persuna f'sitwazzjoni eċċezzjonali meta mqabbla ma' l-operaturi l-oħra li jeżerċitaw l-istess attività.

23     Meta kompliet tinstema' l-kawża prinċipali, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven warrbet diversi motivi mqajma minn Cosun in sostenn tar-rikors tagħha. B'mod partikolari, hija ddeċidiet li Cosun ma setgħetx tinvoka l-forza maġġuri peress li n-nuqqas ta' parti kontraenti li twettaq l-obbligi tagħha huwa riskju kummerċjali magħruf u mhux barra minn normal.

24     Peress li Cosun sostniet ukoll li hija tinsab f'sitwazzjoni eċċezzjonali li kienet tiġġustifika remissjoni tad-dazji skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ikkonstatat li, mill-aspett fattwali, is-sitwazzjoni ta' Cosun kienet verament tixbah dik tal-kumpannija De Haan Beheer BV fil-kawża li wasslet għas-sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq.

25     Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven għandha dubju dwar jekk, fil-każ li l-possibbiltà li tingħata remissjoni tad-dazji skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma tapplikax għal ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, in-nuqqas, fl-OKS taz-zokkor, ta' kull bażi li tippermetti l-għoti ta' remissjoni bħal din jivvizja b'invalidità, f'dan ir-rigward, ir-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/91 u, jekk dan ikun il-każ, liema huma l-konsegwenzi ta' nullità ta' dawn ir-regolamenti f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

26     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Fil-każ li l-possibbiltà li tingħata remissjoni tad-dazji taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1430/79, attwalment mibdul bl-Artikolu 239 tar-[Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-]Kodiċi Doganali tal-Komunità [(ĠU L 302, p. 1], ma tapplikax għal [ammonti] fuq iz-zokkor C bħal dak in kwistjoni, ir-Regolament (KEE) Nru 1785/81 […] u r-Regolament (KEE) Nru 2670/81 […] huma invalidi, fl-intier tagħhom jew parzjalment, fid-dawl tan-nuqqas tal-possibbiltà ta' ħlas lura jew ta' remissjoni ta' l-[ammonti] fuq iz-zokkor C minħabba numru ta' raġunijiet ibbażati fuq l-ekwità?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-obbligu legali li jitħallas l-[ammont] fuq iz-zokkor C jispiċċa fix-xejn jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat u/jew il-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2670/91, li jħallu kwantitajiet ta' zokkor C barra mill-[ammont] meta l-persuna obbligata tħallas l-[ammont] ma tkunx tista' tiġi akkużata b'ebda qerq jew negliġenza li setgħet ikkontribwiet għall-fatt li dawn il-kwantitajiet li hija kellha tesporta ma kinux esportati u meta, fl-interess ta' investigazzjoni miftuħa mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jistħarrġu ksur u irregolaritajiet, din il-persuna obbligata tħallas [l-ammont] ma kinitx ġiet informata dwar din l-investigazzjoni?"

 Il-kunsiderazzjonijiet preliminari

27     Għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa, minn naħa, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma japplikax għal ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 u, min-naħa l-oħra, li, minbarra f'każ ta' forza maġġuri, ir-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/81 ma jipprovdu l-ebda possibbiltà ta' remissjoni jew ta' ħlas lura ta' ammont bħal dan.

28     Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat, preliminarjament, jekk ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 u, fl-istess ħin, jekk ir-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/81 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprovdu l-ebda possibbiltà ta' remissjoni jew ta' ħlas lura ta' ammont bħal dan minħabba diversi raġunijiet ibbażati fuq l-ekwità.

 Fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79

29     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li d-dazji fuq l-importazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79, jiġifieri, rispettivament, id-dazji doganali fuq l-importazzjoni, it-taxxi b'effett ekwivalenti għal dawn id-dazji kif ukoll l-imposti agrikoli u imposti oħra fuq l-importazzjoni previsti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni jew fil-kuntest ta' skemi speċifiċi oħra applikabbli, taħt l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE), għal ċerta merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli, huma kollha imposti minħabba l-qsim tal-fruntieri esterni tal-Komunità.

30     Dan huwa l-każ, evidentement, fir-rigward tad-dazji doganali u t-taxxi b'effett ekwivalenti, peress illi dawn ta' l-aħħar huma kkostitwiti minn kull piż finanzjarju, impost unilateralment, irrispettivament mill-isem u mill-mod kif ikun impost, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li taqsam il-fruntiera meta dan il-piż ma jkunx dazju doganali fil-veru sens tal-kelma (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Settembru 1997, UCAL, C-347/95, Ġabra p. I-4911, punt 18, u tat-8 ta' Ġunju 2006, Koornstra, C-517/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).

31     Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward ta' l-imposti agrikoli fuq l-importazzjoni u l-imposti l-oħra fuq l-importazzjoni li huma miġbura minħabba l-qsim tal-fruntieri esterni tal-Komunità minn prodotti agrikoli jew minn ċerta merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli.

32     Mill-banda l-oħra, ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 mhuwiex miġbur minħabba l-qsim tal-fruntieri esterni tal-Komunità minn kwantità ta' zokkor C iżda, għall-kuntrarju, għaliex din il-kwantità ma kinitx ġiet esportata barra mill-Komunità jew għaliex l-esportazzjoni tagħha ma rrispettatx il-kundizzjonijiet u t-termini stabbiliti mir-Regolament Nru 2670/81.

33     Għalhekk, ammont bħal dan ma jikkorrispondi għall-ebda waħda mit-tliet kategoriji msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79 u, għaldaqstant, ma jaqax taħt id-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 13 ta' l-istess regolament.

34     Fit-tieni lok, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa f'dan is-sens minn Cosun, mill-Ministru u mill-Gvern Olandiż m'huwa ta' natura tali li jipprova li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jassimila ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/91 mad-dazji fuq l-importazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79 għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 ta' dan ir-regolament ta' l-aħħar.

35     L-ewwel nett, ammont bħal dan u d-dazji fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79 m'għandhomx l-istess għanijiet.

36     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-OKS taz-zokkor hija essenzjalment ibbażata fuq skema ta' prezzijiet (li tipprovdi b'mod partikolari għall-iffissar ta' prezz indikattiv u ta' intervent), fuq skema ta' skambji mal-pajjiżi terzi (li tinkludi b'mod partikolari l-ġbir ta' imposta fuq l-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi) u fuq skema ta' kwoti (li tikkonsisti fl-allokazzjoni ta' kwoti ta' produzzjoni u l-iffissar tal-metodi tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor prodott barra l-kwoti).

37     L-għan finali tal-miżuri kollha hekk stabbiliti huwa li jistabbilizzaw is-suq Komunitarju taz-zokkor u, għaldaqstant, li jassiguraw iż-żamma tal-garanziji meħtieġa fir-rigward ta' l-impjieg u l-livell ta' għajxien tal-produtturi kif ukoll is-sigurtà tal-provvista ta' zokkor għall-konsumaturi kollha.

38     Madankollu, l-għanijiet immedjati tagħhom ivarjaw b'mod sostanzjali. F'dan is-sens, mill-ħames premessa tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-iskema ta' skambji mal-pajjiżi terzi hija intiża sabiex jiġi evitat li l-varjazzjonijiet fil-prezz taz-zokkor fis-suq mondjali jkollhom effett fuq il-prezzijiet applikabbli ġewwa l-Komunità.

39     Evidentement, dan mhux l-għan ta' l-iskema tal-kwoti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li qiegħda ssostni Cosun, dan l-għan mhuwiex iddikjarat fl-għaxar premessa tar-Regolament bażiku, li hija intiża sabiex tiġġustifika l-ħtieġa tal-miżuri previsti fl-Artikolu 22 ta' l-imsemmi regolament.

40     Skond il-ħmistax-il premessa tar-Regolament bażiku, il-kwoti ta' produzzjoni huma mezz sabiex il-produtturi jiġu garantiti l-prezzijiet Komunitarji u l-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom. Barra minn hekk, fir-rigward b'mod aktar speċifiku ta' l-ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, din id-dispożizzjoni hija ta' natura prinċipalment diżważiva, intiża sabiex tassigura r-rispett tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor C – prodott barra mill-kwoti – fis-suq intern.

41     Għaldaqstant, l-imposti fuq l-importazzjoni ta' zokkor minn pajjiżi terzi u l-ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 fir-rigward taz-zokkor C ikkummerċjalizzat fis-suq intern m'għandhomx l-istess għanijiet.

42     It-tieni nett, la mill-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku u lanqas mit-tielet premessa u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 ma jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq li l-importatur ta' zokkor minn pajjiżi terzi u l-produttur ta' zokkor C ikkummerċjalizzat fus-suq intern jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni.

43     Fil-fatt, mit-tielet premessa u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 jirriżulta b'mod ċar li r-referenza għaz-zokkor importat minn pajjiżi terzi hija limitata għall-metodu ta' kalkolu ta' l-ammont previst fl-imsemmi artikolu. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tilħaqx l-għan immedjat tagħha, jiġifieri li tassigura r-rispett tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor C fis-suq intern, jekk ekonomikament kien jagħmel aktar sens li jinkiseb iz-zokkor C fis-suq intern milli li jkun importat zokkor minn pajjiżi terzi. Mill-banda l-oħra, fl-imsemmija premessa u artikolu, bl-ebda mod ma tissemma s-sitwazzjoni rispettiva ta' l-importaturi ta' zokkor u tal-produtturi ta' zokkor C.

44     Fir-rigward tal-fatt li l-imposta fuq l-importazzjoni ta' zokkor minn pajjiżi terzi sservi bħala bażi ta' kalkolu ta' l-ammont miġbur taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/91, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika l-assimilazzjoni tagħhom peress li dan il-metodu ta' kalkolu huwa ġġustifikat minħabba x-xewqa li tkun assigurata n-natura diżważiva ta' dan l-ammont, kif ġie enfasizzat fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza.

45     Fir-rigward ta' l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku, mill-kliem użat f'dan l-artikolu ma tirriżulta l-ebda volontà min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju li jagħti liz-zokkor C ikkummerċjalizzat fis-suq intern l-istatus ta' prodott importat minn pajjiżi terzi peress li dan l-artikolu jillimita ruħu li jsemmi l-projbizzjoni fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor C fis-suq intern.

46     Finalment, it-tielet nett, il-fatt li l-imposti agrikoli fuq l-importazzjoni u l-imposti l-oħra fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1430/79, minn naħa, u l-ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, min-naħa l-oħra, jagħmlu parti mir-riżorsi proprji tal-Komunità mhux rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta' jekk dan l-ammont jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79. Fil-fatt, ir-riżorsi proprji tal-Komunità huma komposti minn dħul ta' natura diversa ħafna li jaqa' taħt skemi li huma wkoll differenti ħafna (ara, bħala eżempju, id-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud).

47     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79.

48     Fit-tielet lok, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Diċembru 1985, Krohn (165/84, Ġabra p. 3997), Cosun u l-Gvern Olandiż madankollu jsostnu li, minkejja li, fid-dritt, l-applikkabbiltà ta' regolament hija determinata minnu stess u, fil-prinċipju, ma tistax tkun imwessa' għal sitwazzjonijiet oħra ħlief dawk li jipprovdi għalihom ir-regolament, dawn il-limiti jistgħu jkunu mwessa' f'ċerti każijiet eċċezzjonali. Għalhekk, operaturi ekonomiċi jistgħu ġustament jinvokaw l-applikazzjoni, permezz ta' analoġija, ta' regolament li normalment ma jkunx japplika għalihom jekk jipprovaw li s-sistema ġuridika applikabbli għalihom, minn naħa, hija simili ħafna għal dik li huma jitolbu l-applikazzjoni tagħha permezz ta' analoġija u, min-naħa l-oħra, fiha lacuna li hija inkompatibbli ma' prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u li tista' tkun irrimedjata minn din l-applikazzjoni permezz ta' analoġija.

49     Skond Cosun u l-Gvern Olandiż, iż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti minn din il-ġurisprudenza huma sodisfatti f'dan il-każ. Minn naħa, iz-zokkor C ikkummerċjalizzat fis-suq intern jinsab fl-istess pożizzjoni bħaz-zokkor importat minn pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' possibbiltà ta' remissjoni, f'sitwazzjonijiet speċifiċi u minħabba raġunijiet ta' ekwità, ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, meta din il-possibbiltà hija prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 fir-rigward tad-dazji fuq l-importazzjoni, imur kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza kif ukoll, skond Cosun, kontra allegat prinċipju ta' ekwità.

50     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Krohn, iċċitata aktar 'il fuq, importaturi ta' manjoka mit-Tajlandja talbu li jgawdu minn dispożizzjonijiet ta' dritt sekondarju applikabbli għall-importaturi ta' manjoka minn pajjiżi terzi oħra u intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi ta' bidla fl-iskema Komunitarja ta' ħruġ ta' ċertifikati ta' importazzjoni ta' manjoka, peress illi din il-bidla kienet applikabbli irrispettivament mill-pajjiż ta' oriġini. F'ċirkustanzi bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-importaturi ta' manjoka mit-Tajlandja u l-importaturi ta' manjoka minn pajjiżi terzi oħra kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni u għalhekk is-sistema ġuridika applikabbli għall-importazzjonijiet ta' manjoka mit-Tajlandja kienu simili ħafna għal dawk li fl-istess żmien kienu jirregolaw l-importazzjonijiet ta' manjoka minn pajjiżi terzi oħra.

51     Mill-banda l-oħra, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 46 ta' din is-sentenza, produttur Komunitarju ta' zokkor obbligat iħallas taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 ma jinsabx fl-istess sitwazzjoni bħal importatur ta' zokkor minn pajjiżi terzi obbligat iħallas dazji fuq l-importazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ kategoriji ta' operaturi ma jaqawx taħt sistemi ġuridiċi simili ħafna fis-sens tal-ġurisprudenza Krohn, iċċitata aktar 'il fuq.

52     Għaldaqstant, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma jistax iservi bħala bażi għal remissjoni jew għal ħlas lura ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81.

 Fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku u tar-Regolament Nru 2670/81 

53     Għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament bażiku u lanqas ir-Regolament Nru 2670/81 ma jawtorizzaw lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-awtoritajiet Komunitarji jagħtu r-remissjoni jew il-ħlas lura, minħabba motivi ta' ekwità, ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81.

54     Madankollu, Cosun issostni, fl-ewwel lok, li, minkejja l-kliem użat fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, fis-sens li jipprovdi l-possibbiltà, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jagħtu remissjoni minħabba motivi ta' ekwità f'ċirkustanzi partikolari bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

55     F'dan ir-rigward, fis-sentenza tad-19 ta' Frar 2004, British Sugar (C-329/01, Ġabra p. I-1899, punti 64 sa 67), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk f'dik il-kawża, li kienu kkaratterizzati min-nuqqas totali ta' mġiba żbaljata min-naħa ta' l-aġenzija nazzjonali kompetenti, la din l-aġenzija u lanqas il-qrati nazzjonali ma kellhom setgħa diskrezzjonali sabiex inaqqsu l-ammont qabel ma jkun miġbur b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81.

56     Għaldaqstant, a fortiori, huma ma kellhomx is-setgħa li jagħtu, f'ċirkustanzi simili, ir-remissjoni jew il-ħlas lura ta' ammont bħal dan minħabba motivi ta' ekwità.

57     Issa, f'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet nazzzjonali ma jistgħu jiġu akkużati bl-ebda mġiba żbaljata.

58     Huwa veru li, kieku l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti informaw lill-produttur dwar il-possibbiltà ta' frodi mwettqa mill-partijiet kontraenti li lilhom huwa fada l-esportazzjoni ta' lottijiet ta' zokkor C, dan il-produttur kien ikun jista' jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex, jekk mhux biex jevita li jinħoloq dejn, minn ta' l-anqas jevita jew jillimita li dan jiżdied.

59     Madankollu, l-eżiġenzi ta' investigazzjoni intiża sabiex ikunu identifikati u arrestati l-awturi jew il-kompliċi ta' frodi li tkun diġa twettqet jew li tkun qiegħda tiġi ppreparata jistgħu leġittimament jiġġustifikaw l-ommissjoni intenzjonata li l-persuna kkonċernata tkun informata, kompletament jew parzjalment, dwar l-elementi ta' l-investigazzjoni anki meta din il-persuna ma tkun implikata bl-ebda mod fit-twettiq ta' l-atti frodulenti (ara, f'dan is-sens, is-sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, punt 32).

60     Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali informati dwar il-possibbiltà ta' frodi li tinvolvi l-kummerċjalizzazzjoni fis-suq intern taz-zokkor C li kien is-suġġett ta' dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mhumiex obbligati li jinformaw lill-produttur li huwa jista' jkun obbligat iħallas ammont taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81, anki meta dan l-persuna kkonċernata ma tkunx implikata fit-twettiq ta' l-atti frodulenti (ara, b'analoġija, is-sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, punt 36).

61     Fit-tieni lok, matul is-seduta fejn instemgħu t-trattazzjonijiet, Cosun sostniet li, skond is-sentenza tas-27 ta' Mejju 1993, Peter (C-290/91, Ġabra p. I-2981), id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, ta' prinċipju ta' dritt nazzjonali ta' ekwità sakemm applikazzjoni bħal din ma twassalx għal diskriminazzjoni bejn operaturi u ma trendix prattikament impossibbli l-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Skond Cosun, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Olandiżi għandhom jagħtu r-remissjoni ta' l-ammont in kwistjoni.

62     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skond Cosun, kull produttur ta' zokkor C li jinsab fl-istess ċirkustanzi fattwali oġġettivi – ikkaratterizzati mill-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali ppermettew li jitwettaq frodi li kien jikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni fis-suq intern taz-zokkor C li kien is-suġġett ta' dikjarazzjoni ta' esportazzjoni mingħajr ma informaw lill-produttur, minkejja li huwa ma kienx implikat fit-twettiq ta' l-atti frodulenti – għandu jgawdi minn remissjoni bħal din.

63     Issa, skond ġurisprudenza stabbilita, fid-dritt Komunitarju ma teżistix bażi ġuridika li tippermetti remissjoni, minħabba motivi ta' ekwità, ta' piżijiet finanzjarji stabbiliti minn dan id-dritt (sentenzi tat-28 ta' Ġunju 1977, Balkan-Import-Export, 118/76, Ġabra p. 1177, punti 7, 8 u 10; ta' l-14 ta' Novembru 1985, Neumann, 299/84, Ġabra p. 3663, punt 24, u tat-28 ta' Ġunju 1990, Hoche, C-174/89, Ġabra p. I-2681, punt 31). Barra minn hekk, mingħajr ħsara għal każijiet partikolari previsti espressament mil-leġiżlatur Komunitarju (ara, per eżempju, is-sentenza tas-26 ta' Novembru 1996, T. Port, C-68/95, Ġabra p. I-6065, punti 42 u 43), id-dritt Komunitarju ma jagħrafx prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprovdi li regola tad-dritt Komunitarju li tkun fis-seħħ ma tistax tkun applikata minn awtorità nazzjonali meta din ir-regola tkun timplika, għall-persuna kkonċernata, piż li l-leġiżlatur Komunitarju kien manifestament jipprova jevita li kieku kien ikkunsidra dan il-każ meta adotta r-regola (sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Neumann, punt 33, u Hoche, punt 31).

64     Għaldaqstant, l-ekwità ma tippermettix li jsiru derogi għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji ħlief fil-każijiet previsti mil-leġiżlazzjoni jew fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nfisha tkun iddikjarata invalida (sentenza tad-29 ta' Settembru 1998, First City Trading et, C-263/97, Ġabra p. I-5537, punt 48).

65     Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju ma tax il-possibbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu remissjoni jew ħlas lura, minħabba motivi ta' ekwità, ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81.

66     Għaldaqstant, ir-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/81 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minbarra fil-każ ta' forza maġġuri, dawn ma jippermettux li tingħata remissjoni jew ħlas lura ta' ammont bħal dan.

 Fuq l-ewwel domanda

67     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tan-nuqqas ta' possibbiltà ta' remissjoni jew ħlas lura ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 minħabba diversi raġunijiet ibbażati fuq l-ekwità, ir-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/81 humiex invalidi minħabba li jmorru kontra l-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali kif ukoll kontra l-ekwità.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza

68     Cosun, il-Ministru u l-Gvern Olandiż isostnu li z-zokkor C ikkummerċjalizzat fis-suq intern jinsab f'pożizzjoni identika għal dik taz-zokkor importat minn pajjiżi terzi u għaldaqstant għandu jkun ittrattat bl-istess mod. Għaldaqstant, ikun kontra l-prinċipju ta' ugwaljanza jekk importatur ta' zokkor minn pajjiżi terzi li jkun jinsab f'sitwazzjoni partikolari fis-sens ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ikun jista', skond dan l-artikolu, jibbenefika minn remissjoni tad-dazji filwaqt li possibbiltà bħal din ma teżistix għal produttur ta' zokkor C li jkun jinsab fl-istess sitwazzjoni partikolari.

69     Għaldaqstant, Cosun, il-Ministru u l-Gvern Olandiż jidhrilhom li n-nuqqas ta' possibbiltà li ssir remissjoni, f'sitwazzjonijiet partikolari u għal raġunijiet ta' ekwità, ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 iwassal għall-invalidità parzjali ta' dan ir-regolament peress li dan in-nuqqas jikser il-prinċipju ta' ugwaljanza. Il-Ministru u l-Gvern Olandiż jikkonkludu wkoll li r-Regolament bażiku huwa parzjalment invalidu minħabba l-istess raġuni.

70     Fis-seduta fejn instemgħu t-trattazzjonijiet, Cosun sostniet, barra minn hekk, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 jikser it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40(3) tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE). Fl-1993, minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet Olandiżi, Cosun la kienet f'pożizzjoni li tesporta l-kwantitajiet ta' zokkor C in kwistjoni u lanqas li twarrabhom għas-sena kummerċjali ta' wara, filwaqt li l-produtturi l-oħra taz-zokkor C setgħu jagħmlu għażla bħal din u b'hekk jevitaw li jkunu obbligati jħallsu ammont taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni bejn produtturi tal-Komunità stabbilita fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40(3) tat-Trattat, Cosun kienet tqiegħdet f'sitwazzjoni partikolari meta mqabbla ma' operaturi l-oħra fl-istess settur.

71     Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jikkunsidra li n-nuqqas, fil-leġiżlazzjoni dwar l-OKS taz-zokkor, ta' klawżola ġenerali ta' ekwità simili għal dik li teżisti fil-leġiżlazzjoni doganali u li tinsab fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1430/79 ma jammontax għal ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni peress li r-regoli doganali u dawk ta' l-OKS taz-zokkor japplikaw għal setturi differenti u d-derogi li huma jipprovdu, jekk ikun il-każ, jikkonċernaw obbligi differenti f'kuntesti ġuridiċi differenti ħafna.

72     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, ir-rispett tal-prinċipju ta' ugwaljanza u ta' non-diskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b'mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Ottubru 1995, Fishermen's Organisations et, C-44/94, Ġabra p. I 3115, punt 46, kif ukoll tat-30 ta' Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-87/03 u C-100/03, Ġabra p. I-2915, punt 48) u, min-naħa l-oħra, li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 40(3) tat-Trattat, li jistabbilixxi l-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, huwa biss espressjoni speċifika ta' dan il-prinċipju (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta' April 2000, Karlsson et, C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 39).

73     Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta' l-allegata diskriminazzjoni ta' produttur ta' zokkor C bħalma hija Cosun meta mqabbel ma' l-importaturi ta' zokkor minn pajjiżi terzi, huwa biżżejjed jekk jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija bbażata fuq il-premessa li z-zokkor C ikkummerċjalizzat fis-suq intern huwa simili għaz-zokkor importat u għandu jiġi ttrattat bl-istess mod.

74     Madankollu, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 35 sa 46 ta' din is-sentenza, premessa bħal din hija żbaljata.

75     Fir-rigward, fit-tieni lok, ta' l-allegata diskriminazzjoni ta' produttur bħalma hija Cosun meta mqabbel mal-produtturi Komunitarji taz-zokkor l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta' produttur ta' zokkor C li l-produzzjoni tiegħu tagħti lok għal imġiba frodulenti ma tistax titqabbel ma' dik ta' produttur li z-zokkor C tiegħu huwa esportat fit-termini u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2670/81.

76     Barra minn hekk, l-ebda element fl-inkartament sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja m'huwa ta' natura li jagħti lok li jiġi preżunt li, li kieku produttur ieħor minbarra Cosun kien jinsab fl-istess sitwazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kienu jinformawh li kienet qiegħda ssir investigazzjoni li kienet tikkonċerna l-partijiet kontraenti tiegħu.

77     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li n-nuqqas ta' possibbiltà ta' remissjoni jew ta' ħlas lura minħabba raġunijiet ta' ekwità ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jammontax għal ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali

78     Cosun tallega ukoll li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 huwa invalidu minħabba li jikser il-prinċipju ta' ċertezza legali peress li dan l-artikolu ma jipprovdix għall-possibbiltà li tingħata remissjoni jew li jsir ħlas lura ta' l-ammont previst f'dan l-artikolu.

79     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżiġi, b'mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex dawk li huma suġġetti għaliha jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skond dan it-tagħrif (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta' Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u ta' l-14 ta' April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30). Dan ir-rekwiżit ta' ċertezza legali għandu jiġi rispettat b'rigorożità partikolari fil-każ ta' leġiżlazzjoni li jista' jkollha konsegwenzi finanzjarji (sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1987, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, 326/85, Ġabra p. 5091, punt 24, u tas-16 ta' Marzu 2006, Emsland-Stärke, C-94/05, Ġabra p. I-2619, punt 43).

80     Barra minn hekk, sanzjoni, anki mhux ta' natura kriminali, tista' tiġi imposta biss jekk din tistrieħ fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11; tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C 210/00, Ġabra p. I 6453, punt 52, u Emsland-Stärke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 44).

81     Issa, billi jipprovdi għall-ġbir ta' ammont fil-każijiet kollha, minbarra fil-każ ta' forza maġġuri, fejn lott ta' zokkor C mhuwiex esportat skond il-kundizzjonijiet u fit-termini preskritti fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2670/81, l-Artikolu 3 ta' l-istess regolament jikkostitwixxi dispożizzjoni ċara u preċiża.

82     Għaldaqstant, in-nuqqas ta' possibbiltà ta' remissjoni jew ta' ħlas lura, għal raġunijiet ta' ekwità, ta' ammont dovut taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jikkostitwix ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali.

 Fuq l-allegat ksur ta' allegat prinċipju ta' ekwità

83     Cosun issostni, fl-aħħar nett, li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2670/81 huwa invalidu wkoll minħabba l-ksur ta' allegat prinċipju ta' ekwità.

84     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skond Cosun, l-allegat ksur jirriżulta mill-fatt li importatur, bħal De Haan Beheer VB, li kienet involuta fis-sentenza De Haan, iċċitata aktar 'il fuq, li huwa persuna obbligata tħallas dejn doganali minħabba ksur imwettaq mingħajr l-għarfien tagħha u li l-awtoritajiet nazzjonali intenzjonalment ħallewh jitwettaq sabiex ikollhom aktar provi kontra l-persuni kkonċernati, jista' jibbenefika minn remissjoni ta' dan id-dejn jew minn ħlas lura tas-somma mħallsa sabiex jinfeda dan id-dejn, filwaqt li produttur ta' zokkor C li jinsab fl-istess sitwazzjoni partikolari ma jibbenefikax minn possibbiltà bħal din.

85     Għalhekk jidher li, fil-verità, l-allegat prinċipju ta' ekwità invokat minn Cosun qiegħed jiġi konfuż mal-prinċipju ta' ugwaljanza li fir-rigward tiegħu ġie kkonstatat, fil-punti 68 sa 77 ta' din is-sentenza, li r-Regolament bażiku u r-Regolament Nru 2670/81 ma jiksruhx.

86     Minn dan isegwi li mill-eżami ta' l-ewwel domanda ma jirriżulta l-ebda element ta' natura tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament bażiku u tar-Regolament Nru 2670/81.

 Fuq it-tieni domanda

87     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

88     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Mill-eżami ta' l-ewwel domanda ma jirriżulta l-ebda element ta' natura tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81, tat-30 ta' Ġunju 1981, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 305/91, ta' l-4 ta' Frar 1991 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2670/81, ta' l-14 ta' Settembru 1981, li jippreskrivi regoli dettaljati ta' implementazzjoni rigward il-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 3559/91, tas-6 ta' Diċembru 1991.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top