This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0186
Judgment of the Court (Second Chamber) of 21 April 2005.#Pierre Housieaux v Délégués du conseil de la Région de Bruxelles-Capitale.#Reference for a preliminary ruling: Conseil d'État - Belgium.#Directive 90/313/EEC - Freedom of access to information on the environment - Request for information - Requirement to give reasons in the event of refusal - Mandatory time-limit - Failure of a public authority to respond within the time-limit for reply - Implied refusal - Fundamental right to effective judicial protection.#Case C-186/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' April 2005.
Pierre Housieaux vs Délégués du conseil de la Région de Bruxelles-Capitale.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Direttiva 90/313/KEE - Libertà ta' aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent - Talba għal informazzjoni - Obbligu li jingħataw raġunijiet f'każ ta' rifjut - Terminu imperattiv - Silenzju ta' awtorità pubblika matul it-terminu li fih għandha tingħata tweġiba - Rifjut impliċitu - Dritt fundamentali għal protezzjoni legali effettiva.
Kawża C-186/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' April 2005.
Pierre Housieaux vs Délégués du conseil de la Région de Bruxelles-Capitale.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - il-Belġju.
Direttiva 90/313/KEE - Libertà ta' aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent - Talba għal informazzjoni - Obbligu li jingħataw raġunijiet f'każ ta' rifjut - Terminu imperattiv - Silenzju ta' awtorità pubblika matul it-terminu li fih għandha tingħata tweġiba - Rifjut impliċitu - Dritt fundamentali għal protezzjoni legali effettiva.
Kawża C-186/04.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:248
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-186/04
li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta' April 2004, fil-kawża
Pierre Housieaux
vs
Délégués du conseil de la Région de Bruxelles-Capitale,
fil-preżenza ta':
Société de développement régional de Bruxelles (SDRB),
Batipont Immobilier SA (BPI),
Immomills Louis de Waele Development SA (ILDWD),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, R. Silva de Lapuerta, P. Kris, G. Arestis, u J. Kluka (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:
- għal Pierre Housieaux, minn J. Sambon u P. Reyniers, avocats ,
- għad-délégués du conseil de la Région de Bruxelles-Capitale, minn P. Coenraets u C. Lepinois, avocats ,
- għas-Société de développement régional de Bruxelles (SDRB), minn F. Krenc u P. Lambert, avocats ,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn U. Wölker u F. Simonetti, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3 (4) u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, tas-7 ta' Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent (ĠU L 158, p. 56).
2. Din it-talba hija ppreżentata fil-kuntest ta' kawża mressqa mis-Sinjur Housieaux kontra il-Collège des délégués du conseil de la Région de Bruxelles-Capitale (minn hawn il quddiem imsejjaħ Collège) fir-rigward ta' deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar dwar l-aċċess għad-dokumenti relatati ma' ftehim dwar l-ippjanar ta' żvilupp urban.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt komunitarju
3. L-Artikolu 3 (1) tad-Direttiva 90/313 jipprovdi li:
Ħlief kif previst f'dan l-Artikolu, l-Istati Membri għhandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu meħtieġa jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-ambjent lil kull persuna naturali jew legali fuq talba tiegħu u bla ma jkollu għalfejn jipprova li jkollu xi interess.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi li taħthom din l-informazzjoni issir effettivament disponibbli.
4. L-Artikolu 3 (2) u (3) ta' l-istess Direttiva jagħti lista tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta' talba għal informazzjoni.
5. L-Artikolu 3 (4) ta' l-imsemmija Direttiva jistabbilixxi dan li ġej:
[L-]Awtorità pubblika għandha twieġeb lil persuna li tkun qed titlob informazzjoni mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn xahrejn. Ir-raġunijiet għal rifjut biex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba għandhom jingħataw.
6. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/313 jipprovdi li:
Persuna li jidhrilha li t-talba tagħha għal informazzjoni tkun ġiet irrifjutata jew injorata b'mod mhux raġonevoli, jew ġiet imwieġba b'mod inadegwat minn awtorità pubblika, tista' tfittex reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva tad-deċiżjoni skond is-sistema [legali] nazzjonali rilevanti.
Il-liġi nazzjonali
7. Permezz ta' ordinanza tad-29 ta' Awissu 1991, dwar l-aċċess għall-informazzjoni relatata ma' l-ambjent fir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale ( Moniteur belge ta' l-1 ta' Ottubru 1991, p. 21505, minn hawn il quddiem imsejħa l-ordinanza ta' l-1991), id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 90/313 ġew trasposti fl-ordni ġuridiku ta' dan ir-Reġjun.
8. L-Artikolu 7 ta' l-ordinanza ta' l-1991 jgħid:
L-Eżekuttiv jistabbilixxi lista ta' kategoriji ta' dokumenti miktuba li l-amministrazzjonijiet ikkonċernati għandhom jippermettu li jiġu kkonsultati immedjatament fuq il-post.
9. L-Artikolu 8 ta' l-imsemmija ordinanza jistabbilixxi dan li ġej:
Fir-rigward tad-data, barra mid-dokumenti indikati fl-Artikolu 7, u mingħajr preġudizzju għall-fakultà ta' amministrazzjoni li tippermetti li jiġu kkonsultati immedjatament fuq il-post, l-amministrazzjoni li lilha ssir it-talba għhandha xahar sabiex twieġeb lill-applikant bil-miktub.
Meta, ma' l-iskadenza tat-terminu indikat, ma jkun sar xejn fir-rigward tat-talba, is-silenzju ta' l-amministrazzjoni huwa meqjus li jikkostitwixxi deċiżjoni ta' rifjut ta' aċċess. F'dan il-każ, l-applikant jista', b'deroga mill-Artikolu 12 (2), imur direttament quddiem id-délégues du Conseil li mbagħad jiddeċiedu dwar it-talba.
10. Skond l-Artikolu 12 ta' l-istess ordinanza:
1. Id-délégues du Conseil biss għandhom il-kompetenza li jirrifjutaw l-aċċess għal data miżmuma mill-amministrazzjoni [...]. Huma jeżerċitaw din il-kompetenza bħala kulleġġ u fil-limiti definiti fl-Artikolu 9.
2. [...] kull amministrazzjoni li tirrifjuta li tagħti data li għaliha tkun saret talba għal aċcċess għandha tinforma lill-applikant u fl-istess waqt għandha tirreferi l-każ lid-délégues du Conseil. Ir-referenza lid-délégués du Conseil issir permezz ta' trażmissjoni tat-talba għal aċċess, flimkien ma' kopja tad-data u tar-raġunijiet li, skond l-amministrazzjoni, jiġġustifikaw ir-rifjut ta' aċċess. It-terminu previst fl-Artikolu 8 (1) huwa mtawwal b'xahar min-notifika lill-applikant tar-referenza lid-délégués du Conseil.
11. L-Artikolu 13 ta' l-ordinanza ta' l-1991 jistabbilixxi li:
Kull deċiżjoni ta' rifjut, totali jew parzjali, ta' aċċess għhandha tindika b'mod ċar, preċiż, komplut u veru r-raġunijiet li jiġġustifikaw tali deċiżjoni.
12. L-Artikolu 14 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li:
Id-délégués du Conseil jikkomunikaw id-dokument mitlub lill-applikant jew jinnotifikawh bir-rifjut ta' aċċess fi żmien xahrejn wara li ssir it-talba. Wara li dan it-terminu jiskadi, is-silenzju huwa meqjus li jikkostitwixxi deċiżjoni ta' rifjut ta' aċċess. Id-deċiżjoni tagħhom tiġi wkoll ikkomunikata lill-amministrazzjoni li lilha tkun saret it-talba għal aċċess.
13. Fir-rigward ta' l-aċċess għall-informazzjoni relatata ma' l-ambjent, l-ordinanza ta' l-1991 ma twaqqaf ebda proċedura speċifika ta' reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-Collège u, għalhekk, il-possibbiltajiet ta' rikorsi ordinarji f'kawżi amministrattivi huma applikabbli għal dan is-suġġett.
14. B'hekk, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 14 (1), tal-liġijiet ikkonsolidati dwar il-Conseil d'État ( Moniteur belge tal-21 ta' Marzu 1973, p. 3459), is-sezzjoni [ta' amministrazzjoni tal-Conseil d'État] tiddeċiedi, permezz ta' sentenzi, ir-rikorsi għal annullament minħabba ksur tal-forma kemm sustanzjali, kemm preskritta taħt piena ta' nullità, abbuż jew użu ħażin ta' poter, imressqa kontra l-atti u regolamenti ta' diversi awtoritajiet amministrattivi.
15. Id-deċiżjoni tar-Régent tat-23 ta' Awissu 1948, dwar il-proċedura quddiem is-sezzjoni ta' amministrazzjoni tal-Conseil d'État, fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 4 tiegħu jippreċiża li, ir-rikorsi indikati fl-Artikolu [14] tal-liġi jiġgu preskritti sittin ġurnata wara li l-atti, ir-regolamenti jew id-deċiżjonijiet irregolari jiġu ppubblikati jew innotifikati. Jekk dawn ma jiġux ippubblikati u lanqas innotifikati, it-terminu jibda jiddekorri mill-ġurnata meta r-rikorrent isir jaf bihom.
Il-kawża prinċipali u l-mistoqsijiet għal deċiżjoni preliminari
16. Fix-xahar ta' Frar 1991, ir-Reġjun ta' Bruxelles-Capitale esproprja s-sit ta' sptar militari qadim favur is-Société de développement régional de Bruxelles (minn hawn il quddiem imsejjaħ SDRB), indikata bħala l-kuntrattur għar-rikonverżjoni ta' dan is-sit. Wara dan, is-SDRB ikkonkludiet ftehim privat (minn hawn il quddiem imsejjaħ ftehim) ma' l-assoċjazzjoni temporanja komposta mill-kumpanniji Batipont Immobilier SA. u Immomills Louis de Waele Development (minn hawn il quddiem imsejħa Batipont). Permezz ta' dan il-ftehim, Batipont impenjat ruħha sabiex ittella' kumpless ta' bini u kostruzzjonijiet fuq l-imsemmi sit konformement ma' programm li kien stabbilit minn qabel mis-SDRB.
17. Permezz ta' ittra tal-21 ta' Marzu 1993, indirizzata lill-President tas-SDRB, is-Sinjur Housieaux talab li jikkonsulta l-ftehim u li jikseb kopja. Permezz ta' deċiżjoni tal-5 ta' April 1994, is-SDRB irrifjutat it-talba għar-raġuni li, skond l-ordinanza ta' l-1991, huwa l-Eżekuttiv li jistabbilixxi, amministrazzjoni b'amministrazzjoni, il-metodi ta' organizzazzjoni ta' l-aċċess għall-informazzjoni.
18. Fit-22 ta' April 1994, is-Sinjur Housieaux ressaq rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Collège u reġa' tenna t-talba tiegħu għal aċċess għall-ftehim.
19. Wara diversi skambji ta' ittri mas-Sinjur Housieaux, permezz ta' deliberazzjoni ta' l-1 ta' Frar 1995, il-Collège ddeċieda li jikkomunika lill-applikant l-Annessi H u I tal-ftehim li jikkonċernaw l-ambjent u li l-komunikazzjoni tagħhom ma kienet tikkomprometti ebda interess kummerċjali jew industrijali. Il-Collège informa lis-Sinjur Housieaux u lis-SDRB b'din id-deċiżjoni permezz ta' ittra tat-3 ta' Frar 1995.
20. Peress illi is-Sinjur Housieaux ma kienx sodisfatt bl-imsemmija deċiżjoni, fil-31 ta' Marzu 1995 huwa ressaq rikors għall-annullament tagħha quddiem il-Conseil.
21. Quddiem din il-Qorti, il-Collège qajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tar-rikors, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta' l-1 ta' Frar 1995 ma kienet xejn ħlief deċiżjoni konfermattiva li, bħala tali, ma tistax tiġi kkontestata. Il-Collège sostna li, b'esklużjoni tal-komunikazzjoni ta' l-Annessi H u I tal-ftehim, kull ma tagħmel din id-deċiżjoni huwa li tikkonferma d-deċiżjoni impliċita ta' rifjut li kienet ingħatat preċedentement għar-raġuni tas-silenzju li kien osserva matul aktar minn xahrejn fir-rigward tat-talba għal informazzjoni ppreżentata mis-Sinjur Housieaux fit-22 ta' April 1994. Din id-deċiżjoni impliċita ta' rifjut issir definitiva f'każ li ma tiġix ikkontestata fit-terminu ta' 60 ġurnata previst fl-Artikolu 14 (1) tal-liġijiet ikkonsolidati dwar il-Conseil d'État. Konsegwentement, il-Collège isostni li, fil-31 ta' Marzu 1995 is-Sinjur Housieaux ma setgħax iressaq rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta' rifjut ta' l-1 ta' Frar 1995.
22. Huwa f'dawn iċ-ċirkostanzi li l-Conseil d'État iddeċidiet li tissopendi l-proċeduri u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-mistoqsijiet li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:
1) It-terminu ta' xahrejn indikat fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313 [...] huwa terminu li mhuwiex obbligatorju, jiġifieri sempliċement indikattiv għall-awtorità li lilha ssir it-talba għal informazzjoni, jew terminu obbligatorju li għandu jiġi mħares minn din l-awtorità?
2) Fil-każ li t-terminu ta' xahrejn huwa terminu obbligatorju u, fl-iskadenza ta' dan it-terminu, l-awtorità li lilha ssir it-talba għal informazzjoni ma tkun ħadet ebda deċiżjoni, liema hija d-'deċiżjoni' li ssir referenza għaliha fl-aħħar ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva hawn fuq imsemmija li tagħha tista' tintalab reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, konformement mas-sistema [legali] nazzjonali rilevanti?
3) L-Artikoli 3 (4) u (4) tad-Direttiva hawn fuq imsemmija jipprojbixxu "sistema [legali] nazzjonali rilevanti" milli tinterpreta s-silenzju ta' l-awtorità li lilha tkun saret talba għal informazzjoni, silenzju osservat matul ix-xahrejn indikati fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva, bħala deċiżjoni impliċita ta' rifjut tat-talba, deċiżjoni li għaliha ma ngħataw ebda raġgunijiet iżda li tista' tkun is-suġġett ta' reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva skond l-Artikolu 4?
4) Fil-każ li t-terminu ta' xahrejn indikat fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva huwa terminu li mhuwiex obbligatorju, l-Artikoli 3 (4) u 4 tad-Direttiva jipprekludu "sistema [legali] nazzjonali rilevanti" milli tipprovdi lill-applikant għal informazzjoni bil-possibbiltà li jagħti avviż lill-awtorità sabiex twieġeb għat-talba tiegħhu għal informazzjoni f'ċertu terminu ta' żmien, li fin-nuqqas tiegħu, is-silenzju osservat ta' l-awtorità jkun meqjus bħala deċiżjoni impliċcita ta' rifjut li tiġi kkomunikata l-informazzjoni, deċiżjoni li tista' tkun is-suġġett ta' reviżjoni ġudizzjarja amministrattiva?
Dwar il-mistoqsijiet għal deċiżjoni preliminari
Dwar l-ewwel mistoqsija
23. Permezz ta' l-ewwel mistoqsija, fis-sustanza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-terminu previst fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313 huwiex ta' karattru indikattiv jew imperattiv.
24. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif ingħad ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-paragrafi 23 u 24 tal-konklużjonijiet tagħha, li kemm mill-kliem kif ukoll mill-ispirtu ta' l-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li t-terminu ta' xahrejn previst minnha għandu jkun ikkunsidrat bħala ta' karattru imperattiv.
25. Fil-fatt, min-naħa, l-użu tal-frażi mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn xahrejn jindika b'mod ċar li l-awtorità pubblika kompetenti li tiddeċiedi dwar it-talba għal informazzjoni (minn hawn il quddiem imsejħa l-awtorità pubblika għandha tħares it-terminu preskritt sabiex teżamina t-talba u twieġeb għaliha.
26. Min-naħa l-oħra, jekk dan it-terminu ma kienx ta' karattru imperattiv iżda sempliċement indikattiv, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/313, li jipprovdi għall-protezzjoni legali ta' l-individwu, kien jiġi mċaħħad mill-effikaċja tiegħu. B'hekk l-awtur tat-talba għal informazzjoni ma kienx jista' ikun jaf eżattament minn liema data kien ikun jista' jressaq rikors.
27. Din l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313 hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva stess, kif jirriżulta b'mod partikolari mill-ħdax-il premessa tagħha, li ssostni li l-informazzjoni ġenerali dwar l-istat ta' l-ambjent għandha tiġi kkomunikata b'mod attiv lill-pubbliku.
28. Madankollu, kif issostni l-Avukat Ġeneral f'paragrafu 24 tal-konklużjonijiet tagħha, l-interess għal din l-informazzjoni jiddependi, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mill-fatt li din tista' tkun għad-dispożizzjoni ta' l-individwu mill-aktar fis possibbli.
29. B'referenza għal dawn il-kunsiderazzjoni, it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija għandha tkun li t-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313 huwa terminu imperattiv.
Dwar it-tielet mistoqsija
30. Permezz tat-tielet mistoqsija, li jkun aħjar li tiġi trattata qabel it-tieni waħda, il-qorti tar-rinviju, fis-sustanza, tistaqsi dwar jekk l-Artikoli 3 (4) u 4 tad-Direttiva 90/313 jipprekludux liġi nazzjonali milli tikkunsidra s-silenzju osservat matul it-terminu ta' xahrejn mill-awtorità pubblika fir-rigward tat-talba għal informazzjoni, wara l-iskadenza ta' dan it-terminu, bħala deċiżjoni impliċita ta' rifjut ta' din it-talba, deċiżjoni li żgur ma tagħhtix raġunijiet, iżda li tista' tkun is-suġġett ta' reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva skond l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva.
31. F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġa ddeċidiet li l-preżunzjoni li tgħid li s-silenzju ta' l-amministrazzjoni huwa meqjus bħala deċiżjoni impliċita ta' rifjut ma tistax, bħala tali, tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-kundizzjonijiet tad-Direttiva 90/313 għall-unika raġuni li deċiżjoni impliċita ta' rifjut, fiha nnifisha, ma tinkludi ebda raġguni (sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza , Kawża C-233/00, Ġabra p. I-6625, paragrafu 111).
32. Għall-kuntrarju, il-Qorti kkunsidrat li, fil-każ ta' rifjut impliċitu ta' talba għal informazzjoni relatata ma' l-ambjent, il-komunikazzjoni tar-raġunijiet għal dan ir-rifjut, anke jekk f'data wara dik tar-rifjut impliċitu, għandha ssir fi żmien ix-xahrejn ta' wara li ssir l-ewwel talba, peress illi f'dan il-każ ipotetiku, l-imsemmija komunikazzjoni għandha tiġi meqjusa li tikkostitwixxi tweġiba skond l-Artikolu 3 (4) ta' l-imsemmija Direttiva (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza , hawn fuq imsemmija, paragrafu 118).
33. Hija biss tali interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313 li tippermetti li tiġi kkonservata l-effikaċja ta' din id-dispożizzjoni li l-kliem tagħha stess jimplika li l-awtorità pubblika għandha tagħti raġunijiet għal kull deċiżjoni ta' rifjut ta' talba għal informazzjoni.
34. Peress illi kuntrarjament għal-liġi nazzjonali li kienet is-suġġett tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza , hawn fuq imsemmija, li tgħid li s-silenzju osservat mill-awtorità pubblika matul perijodu ta' xahar fir-rigward tat-talba għal informazzjoni kienet meqjusa li tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta' rifjut ta' dik it-talba, il-liġi in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi li deċiżjoni impliċita ta' rifjut tinkiseb wara silenzju ta' xahrejn minn meta ssir it-talba.
35. Għaldaqstant, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza , hawn fuq imsemmija, jirriżulta li jekk id-Direttiva 90/313, bil-għan li tagħti protezzjoni legali effettiva konformement ma' l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija Direttiva, ma tipprekludix il-preżunzjoni ta' deċiżjoni impliċita ta' rifjut ta' talba ta' aċċess għall-informazzjoni wara silenzju ta' xahrejn, l-Artikolu 3 (4) ta' l-imsemmija Direttiva jipprekludi li tali deċiżjoni ma tkunx akkumpanjata mir-raġunijiet fil-mument li jiskadi t-terminu ta' xahrejn. F'dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjoni impliċita ta' rifjut ċertament tikkostitwixxi tweġiba skond din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata b'illegalità.
36. Għalhekk, it-tweġiba għat-tielet mistoqsija għandha tkun li, l-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313, moqri flimkien ma' l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva, ma jipprekludix, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, liġi nazzjonali milli, bil-għan li tagħti protezzjoni legali effettiva, tipprovdi li s-silenzju ta' l-imsemmija awtorità matul terminu ta' xahrejn jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta' rifjut li tista' tkun is-suġġett ta' reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva konformement mas-sistema legali nazzjonali. Madankollu, l-Artikolu 3 (4) jipprekludi li tali deċiżjoni ma tkunx akkumpanjata mir-raġunijiet fil-mument li jiskadi t-terminu ta' xahrejn. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni impliċita ta' rifjut għandha tiġi kkunsidrata bħala vvizzjata b'illegalità.
Dwar it-tieni mistoqsija
37. Permezz tat-tieni mistoqsija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema hija d-deċiżjoni li tista' tkun is-suġġett ta' reviżjoni skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/313, meta l-awtorità pubblika ma tkun ħadet ebda deċiżjoni ma' l-iskadenza tat-terminu ta' xahrejn indikat fl-Artikolu 3 (4) ta' din id-Direttiva.
38. It-tweġiba għal din il-mistoqsija tirriżulta mill-iżviluppi relatati mat-tielet mistoqsija, li minnha jirriżulta li s-silenzju ta' l-awtorità pubblika matul it-terminu ta' xahrejn huwa kkunsidrat bħala deċiżjoni li tista' tiġi soġġetta għal reviżjoni konformement mas-sistema legali nazzjonali.
39. Konsegwentement, it-tweġiba għat-tieni mistoqsija għandha tkun li d-deċiżjoni indikata fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/313, li tagħha tista' tintalab reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mill-awtur tat-talba għal informazzjoni, hija d-deċiżjoni impliċita ta' rifjut li tirriżulta mis-silenzju osservat mill-awtorità pubblika, li jkollha l-kompetenza tirrispondi għat-talba matul terminu ta' xahrejn.
Dwar ir-raba' mistoqsija
40. Wara t-tweġiba li ngħatat għall-ewwel mistoqsija, jiġifieri li t-terminu previst fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313 huwa terminu imperattiv, mhuwiex aktar neċessarju li tingħata tweġiba għar-raba' mistoqsija.
Dwar l-ispejjeż
Peress illi, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-proċedura hija parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż involuti sabiex jiġu ppreżentati xi sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, apparti dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.
Għhal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), tiddeċiedi li:
1) It-terminu ta' xahrejn previst fl-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE, tas-7 ta' Ġunju 1990, dwar l-aċċess ħieles għall-informazzjoni dwar l-ambjent, huwa terminu imperattiv.
2) Id-deċiżjoni indikata fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/313, li tagħha tista' tintalab reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mill-awtur tat-talba għal informazzjoni, hija d-deċiżjoni impliċita ta' rifjut li tirriżulta mis-silenzju osservat, matul terminu ta' xahrejn, mill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba.
3) L-Artikolu 3 (4) tad-Direttiva 90/313, moqri flimkien ma' l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva, ma jipprekludix, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, liġi nazzjonali milli, bil-għan li tagħti protezzjoni legali effettiva, tipprovdi li s-silenzju ta' l-imsemmija awtorità matul terminu ta' xahrejn jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta' rifjut li tista' tkun is-suġġett ta' reviżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva konformement mas-sistema legali nazzjonali. Madankollu, l-Artikolu 3 (4) jipprekludi li tali deċiżjoni ma tkunx akkumpanjata mir-raġunijiet fil-mument li jiskadi t-terminu ta' xahrejn. F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni impliċita ta' rifjut għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali.