Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0185

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Frar 2006.
Ulf Öberg vs Försäkringskassan, länskontoret Stockholm.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Länsrätten i Stockholms län - l-Iżvezja.
Moviment liberu tal-ħaddiema - Uffiċjali u aġenti tal-Komunitajiet Ewropej - Benefiċċju tal-ġenituri - Teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodu ta' sħubija fl-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej.
Kawża C-185/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:107

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Frar 2006 (*)

"Moviment liberu tal-ħaddiema – Uffiċjali u aġenti tal-Komunitajiet Ewropej – Benefiċċju tal-ġenituri – Teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ sħubija fl-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej "

Fil-kawża C-185/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-länsrätten i Stokholms län (L-Iżvezja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-20 ta’ April 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2004, fil-kawża

Ulf Öberg

vs

Försäkringskassan, länskontoret Stockholm, li qabel kien Stockholms läns allmänna försäkringskassa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Novembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal U. Öberg, minnu stess u minn J. Hettne,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet - wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali - li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE, 17(2) KE, 18 KE u 39 KE, ta’ l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIE, ĊEIP u ta’ KETU (ĠU L 145, p. 4).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn U. Öberg u l-Fond tas-Sigurtà Soċjali ta’ Stokkolma (Försäkringskassan, länskontoret Stockholm, li qabel kien Stockholms läns allmänna försäkringskassa) dwar it-teħid in kunsiderazzjoni, għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-benefiċċju tal-ġenituri, tal-perijodu ta’ attività li matulu U. Öberg kien jaqa’ taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Il-Kapitolu 4 tal-liġi Żvediża fuq l-iskema ta' sigurtà soċjali [lag (1962:381) om allmän försäkring, iktar 'il quddiem l-"AFL"] tinkludi dispożizzjonijiet fuq il-benefiċċju tal-ġenituri.

4       Skond l-Artikolu 3 tal-Kapitolu 4 ta' l-AFL, benefiċċju tal-ġenituri huwa mħallas lill-ġenituri meta titwieled tarbija għal perijodu massimu ta' 450 ġurnata u l-iktar sakemm it-tarbija tilħaq l-età ta' 8 snin jew sakemm hija tispiċċa l-ewwel sena skolastika tagħha, jekk din l-aħħar data tkun posterjuri għall-oħra.

5       Skond l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 4 ta' l-AFL, l-ammont tal-benefiċċju tal-ġenituri huwa ta' minn ta' l-inqas 60 SEK għal kull ġurnata (iktar 'il quddiem l-"ammont garantit"). Barra minnhekk, huwa previst li, matul l-ewwel 180 ġurnata, il-benefiċċju tal-ġenituri jkun ta' somma li tikkorrispondi għall-benefiċċju tal-mard għal kull ġurnata kalendarja, jekk il-ġenitur ikun issieħeb f'fond ta' assigurazzjoni kontra l-mard, għal ammont li huwa akbar mill-ammont garantit, matul minn ta' l-inqas 240 ġurnata konsekuttiva qabel it-twelid jew id-data prevista tat-twelid.

6       Skond l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 3 ta' l-AFL, il-benefiċċju tal-mard għal kull ġurnata kalendarja huwa kkalkulat abbażi tad-dħul annwali li l-assigurat jista' jirċievi, ħlief fil-każ ta' bdil fil-qliegħ mill-attività professjonali tiegħu fl-Iżvezja

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Wara li ħadem mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitarjiet Ewropej mill-1995 sa l-2000, U. Öberg, ċittadin Żvediż, irritorna fl-Iżvezja. Huwa l-missier ta' tifel li twieled fit-22 ta’ Settembru 1999.

8       B'deċiżjonijiet tat-28 ta’ Awwissu u tas-16 ta’ Novembru 2001, il-Fond tas-Sigurtà Soċjali ta’ Stokkolma irrifjuta li jagħti lil U. Öberg benefiċċju tal-ġenituri li jikkorrispondi għall-benefiċċju tal-mard għal kull ġurnata kalendarja għall-ewwel 180 ġurnata tal-leave tal-ġenituri tiegħu minħabba li, matul il-perijodu ta’ qabel it-twelid tat-tifel tiegħu, huwa kien impjegat mal-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk ma kienx imsieħeb fl-iskema nazzjonali ta' l-assigurazzjoni kontra l-mard għal ammont superjuri għall-ammont garantit matul perijodu ta' minn ta' l-inqas 240 ġurnata konsekuttiva qabel id-data prevista tat-twelid.

9       U. Öberg ressaq rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-länsrätten i Stockholms län, li ddeċidiet tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      In-neċessità msemmija fl-leġiżlazzjoni nazzjonali li ġenitur kellu jkun domiċiljat u msieħeb, fl-Istat Membru in kwistjoni, f'skema nazzjonali ta' l-assigurazzjoni kontra l-mard għal minn ta' l-inqas 240 ġurnata konsekuttiva qabel id-data tat-twelid sabiex ikollu dritt għall-benefiċċju tal-ġenituri ta’ ammont li jikkorrispondi għall-benefiċċju tal-mard għal kull ġurnata kalendarja hija kompatibbli ma’ l-Artikoli 12 KE, 17(2) KE, 18 KE u 39 KE, l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 u mad-Direttiva 96/34 […]?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva, id-dritt Komunitarju jeżiġi li, f'dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ jekk il-ħaddiem jissodisfax il-kriterju taż- żmien minimu ta’ assigurazzjoni meħtieġ mil-liġi nazzjonali, it-total għandu jinkludi l-perijodu li matulu l-ħaddiem kien jaqa’ taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard skond ir–regoli tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ?"

 Fuq id-domandi preliminari

10     Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f'każ ta' applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, id-Dritt Komunitarju, u b'mod partikolari id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-persuni, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-perijodu ta' attività li matulu ħaddiem kien jaqa' taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej għandu jittieħed in kunsiderazzjoni.

11     Skond ġurisprudenza kostanti, kull ċittadin Komunitarju, indipendentement mill-post tar-residenza u n-nazzjonalità tiegħu, li eżerċita d-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru għajr dak tar-residenza tiegħu, jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 39 tat-Trattat (sentenzi tat-12 ta' Diċembru 2002, De Groot, C‑385/00, Ġabra p. I‑11819, punt 76; tat-2 ta' Ottubru 2003, Van Lent, C‑232/01, Ġabra p. I ‑11525, punt 14, u tat-13 ta' Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C‑209/01, Ġabra p. I‑13389, punt 23).

12     Barra minnhekk, għandu jiġi mfakkar li uffiċjal tal-Komunitajiet Ewropej għandu l-istatus ta' ħaddiem li jmur jaħdem f'pajjiż ieħor. Fil-fatt, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li ċittadin Komunitarju li jaħdem fi Stat Membru għajr milli fl-Istat ta' l-oriġini ma jitlifx l-istatus ta' ħaddiem skond l-Artikolu 39(1) tat-Trattat minħabba l-fatt li huwa jokkupa impjieg ma' organizzazzjoni internazzjonali, anki jekk il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza tiegħu fil-pajjiż ta' l-impjieg huma speċifikament rregolati minn ftehim internazzjonali (sentenzi tal-15 ta' Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 11; Schilling u Fleck-Schilling, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28, u tas-16 ta' Diċembru 2004, My, C‑293/03, Ġabra p. I‑12013, punt 37).

13     Minn dan jirriżulta li ħaddiem li jkun ċittadin ta' Stat Membru, bħal A. Rockler, m'għandux jiġi rrifjutat milli jingħata d-drittijiet u l-vantaġġi soċjali li l-Artikolu 48 tat-Trattat jagħtih (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Echternach u Moritz, punt 12, u My, punt 38).

14     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi sabiex jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini Komunitarji, l-eżerċizzju ta' attivitajiet professjonali ta' kull xorta fit-territorji kollha tal-Komunità u jipprekludu l-miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawn iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta' Stat Membru ieħor (sentenzi tas-7 ta' Lulju 1992, Singh, C‑370/90, Ġabra p. I‑4265, punt 16; De Groot, iċċitata iktar 'il fuq, punt 77, u Van Lent, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15).

15     F'dan ir-rigward, dispożizzjonijiet li jimpedixxu jew jiddiswadu ċittadin ta' Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta' l-oriġini tiegħu sabiex jeżerċità d-dritt tiegħu tal-moviment liberu, jikkostitwixxu ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn japplikaw indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq De Groot, punt 78; Van Lent, punt 16, u Schilling u Fleck-Schilling, punt 25).

16     Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiħux in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċju tal-ġenituri, il-perijodi ta' attività mwettqa taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej tista' tiddiswadi liċ-ċittadini ta' Stat Membru milli jitilqu minn dan l-Istat sabiex jeżerċitaw attività professjonali fi ħdan istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tinsab fit-territorju ta' Stat Membru ieħor peress illi, billi jaċċettaw impjieg ma' tali istituzzjoni, huma jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw, taħt l-iskema nazzjonali ta' l-assigurazzjoni kontra l-mard, minn benefiċċju tal-familja li huma kien ikollhom dritt għalih kieku ma kinux aċċetaw dan l-impjieg (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza My, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47).

17     Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li, fil-prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 39 KE.

18     Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk dan l-ostakolu jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

19     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura li tirristrinġi l-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat tista' tiġi ġġustifikata biss jekk hija tkun trid tilħaq għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li tali miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni ta' l-għan li hija tkun trid tilħaq u li ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32, u tas-26 ta' Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C‑100/01, Ġabra p. I-10981, punt 43).

20     Il-Gvern Żvediż isostni li l-AFL hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendentement min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati u pproporzjonati ma' l- għan leġittimu li l-ġlieda kontra l-abbuż f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni trid tilħaq. Skond dan il-Gvern, l-għoti ta' benefiċċju tal-ġenituri li jaqbeż l-ammont garantit lill-ħaddiema li jmorru jaħdmu barra mill-pajjiż li jkunu eżerċitaw attività professjonali fi ħdan istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea jkun ta' piż finanzjarju sostanzjali fuq is-sistemi nazzjonali ta' għajnuna soċjali, b'tali mod li l-Istati Membri li, bħar-Renju ta' l-Iżvezja, iħallsu benefiċċju tal-ġenituri ta' ammont għoli jistgħu jiġu kostretti jnaqqsu dawn l-ammonti.

21     F'dan ir-rigward, kunsiderazzjonijiet ta' natura purament ekonomika ma jistgħux jiġġustifikaw il-fatt li jiġu miksura d-drittijiet tal-persuni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

22     Barra minnhekk, għandu jiġi mfakkar li r-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi ta' l-adattezza u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat (sentenza tat-18 ta' Marzu 2004, Leichtle, C‑8/02, Ġabra p. I-2641, punt 45).

23     Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f'din il-kawża, tali analiżi mhijiex tajba. Fil-fatt, il-Gvern Żvediż jillimita ruħu li jagħmel referenza, mingħajr ma jagħti elementi preċiżi li jissostanzjaw l-argument tiegħu, għal spiża finanzjarja ipotetika li tkun ta' piż fuq is-sistema nazzjonali ta' għajnuna soċjali kieku l-perijodu ta' attività mwettaq minn ħaddiem li jmur jaħdem barra mill-pajjiż taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej kellu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 tal-Kapitolu 4 ta' l-AFL.

24     Minn dan jirriżulta li l-ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jirriżulta mir-rifjut li jittieħdu in kunsiderazzjoni, għall-ikkalkolar ta’ l-ammont tal-benefiċċju tal-ġenituri, il-perijodi ta’ attività imwettqa minn ħaddiema li jmorru jaħdmu barra mill-pajjiż taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej mhuwiex iġġustifikat.

25     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, mhuwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE, 17 KE, 18 KE u 7(1)(2) tar-Regolament Nru 1612/68 lanqas fuq dik tad-Direttiva 96/34.

26     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'każ ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta' attività li matulu ħaddiem kien jaqa' taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej għandu jittieħed in kunsiderazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

27     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li :

L-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'każ ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta' attività li matulu ħaddiem kien jaqa' taħt l-Iskema Konġunta ta' l-Assigurazzjoni kontra l-Mard tal-Komunitajiet Ewropej għandu jittieħed in kunsiderazzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.

Top