Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0174

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-2 ta' Ġunju 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 56 KE - Sospensjoni awtomatika tad-drittijiet ta' vot fl-impriżi privatizzati.
    Kawża C-174/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:350

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    2 ta’ Ġunju 2005 (*)

    "Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 56 KE – Sospensjoni awtomatika tad-drittijiet ta' vot fl-impriżi privatizzati"

    Fil-kawża C-174/04,

    li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-13 ta’ April 2004,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn E. Traversa u C. Loggi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Repubblika Taljana, irrapreżentata minn M. I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, M. K. Lenaerts, N. Colneric u K. Schiemann u E. Juhász, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet l-Avukat Ġenerali u l-konklużjonijiet tagħha, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tiddikjara li d-digriet leġiżlattiv (decreto-legge) Nru 192 tal-25 ta' Mejju 2001 (GURI Nru 120 tal-25 ta' Mejju 2001, p. 4), li sar il-liġi Nru 301 fl-20 ta' Lulju 2001, bit-titolu "Disposizioni urgenti per salvaguardare i processi di liberalizzazione e privatizzazione di specifici settori dei servizi pubblici", (GURI Nru 170 ta' l-24 ta' Lulju 2001, p. 4), iktar ‘il quddiem id-"digriet leġiżlattiv Nru 192/2001", mhuwiex kompatibbli ma l-Artikolu 56 KE, peress li jipprevedi s-sospenjoni awtomatika tad-drittijiet ta’ vot marbuta ma l-ishma li jeċċedu t-2% tal-kapital tal-kumpanniji li joperaw fl-elettriku u fil-gas.

    Il-Kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    2       L-Artikolu 56(1) KE jgħid hekk:

    "Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita."

    3       L-Ewwel Anness tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 88/361/KEE, ta' l-24 ta' Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta' l-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU L 178, p. 5), jinkludi nomenklatura ta' dawk il-movimenti ta' kapitali msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva, (iktar ‘il quddiem in-"nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361". B'mod partikolari, dan jelenka dawn il-movimenti:

    "I.      Investimenti diretti […]

    1)      L-istabbiliment u l-estensjoni ta' friegħi jew impriżi ġodda li jappartjenu biss għall-persuna li tipprovdi l-kapital, u l-akkwist sħiħ ta' impriżi eżistenti.

    2)      Parteċipazzjoni f'impriża ġdida jew eżistenti bi skop li jkunu stabbiliti jew mantenuti rabtiet ekonomiċi dewwiema.

    [...]"

    4       Bis-saħħa tan-Noti ta' Spjegazzjoni li jidhru fl-aħħar parti ta' l-Ewwel Anness, tad-Direttiva 88/361, "investimenti diretti" tfisser:

    "Investimenti ta' kull xorta minn persuni naturali jew impriżi kummerċjali, industrijali jew finanzjarji, u li jservu biex jistabilixxu jew imantnu rabtiet dewwiema u diretti bejn persuna li tipprovdi l-kapital u l-intraprenditur li lilu jew l-impriża li lilha huwa disponibbli l-kapital sabiex twettaq attività ekonomika. Dan il-kunċett irid għalhekk ikun mifhum fl-iktar sens wiesgħa tiegħu.

    [...]

    Rigward dawk l-impriżi msemmija fil-punt I 2 tan-Nomenklatura li għandhom l-istatus ta' kumpaniji limitati b'ishma, hemm parteċipazzjoni fin-natura ta' investiment dirett fejn il-blokk ta' ishma miżmuma minn persuna naturali ta' impriża oħra jew kwalunkwe possessur ieħor jippermetti lill-possessur ta’ l-ishma, jew in segwitu għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jirrelataw għal kumpaniji limitati b'ishma jew mod ieħor, biex jipparteċipaw effettivament fl-immaniġġjar tal-kumpanija jew fil-kontroll tagħha.

    [...]"

    5       In-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361 tikkonċerna wkoll il-movimenti segwenti:

    "III - Operazzjonijiet fl-Assigurazzjonijiet [titoli] li normalment [jiġu] innegozjati fuq is-suq tal-kapital [...]

    [...]

    A -       Transazzjonijiet fl-Assigurazzjonijiet fis-suq tal-kapital

    1.       Akkwist minn non residenti ta' Assigurazzjonijiet domestiċi negozjati fil-Borża […]

    […]

    3.       Akkwist minn non residenti ta' Assigurazzjonijiet domestiċi mhux negozjati fil-Borża [11]

    [...]"

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6       Fl-Italja, l-Artikolu 1(1) u (2) tad-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 jgħid:

    "Sakemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea jitwettaq suq kompletament kompetittiv fis-setturi ta' l-elettriku u tal-gass, bħala salvagwardja tal-proċessi ta' liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni relattivi li qegħdin iseħħu f'dawn is-setturi, l-għotja jew it-trasferiment ta' miżuri ta' awtorizzazzjoni jew ta' konċessjoni previsti mid-digrieti leġiżlattivi Nru 79 tas-16 ta' Marzu 1999 rigward l-enerġija elettrika, u Nru 164 tat-23 ta' Mejju 2000 rigward is-suq intern tal-gass naturali huma suġġetti għall-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(2) f'dak li jikkonċerna persuni morali kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra, li jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali u li ma jkunux ikkwotati fis-swieq finanzjarji regolati, li jakkwistaw, b'mod dirett jew indirett, jew permezz ta' intermedjarji, kif ukoll permezz ta' offerta pubblika b'terminu jew b'manjiera differita, parteċipazzjonijiet ta' aktar minn 2 % tal-kapital soċjetarju tal-kumpanniji li joperaw fis-setturi in kwistjoni, direttament jew permezz ta' l-operat ta' kumpanniji kkontrollati minnhom jew li huma msieħba magħhom. Il-limitu totali ta' 2% huwa applikabbli għall-persuna morali stess u għall-grupp li tifforma parti minnu, kemm il-persuna morali, anki jekk din ma tkunx kumpannija, li teżerċita l-kontroll, il-kumpanniji kkontrollati u dawk suġġetti għal kontroll konġunt, kif ukoll dawk il-kumpanniji msieħba. Il-limitu huwa applikabbli wkoll għal dawk il-persuni morali li, direttament jew indirettament, inkluż permezz ta' l-operat ta' kumpanniji kkontrollati jew marbuta, ta’ kumpanniji fiduċjarji jew bl-intervent ta' terzi, ikunu parti, inkluż ma’ terzi, ta’ ftehim dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ vot jew ta’ ftehim jew patti bejn azzjonisti.

    Fil-każ ta' superament tal-limitu msemmi fis-subparagrafu 1, tal-ħruġ jew it-trasferiment ta' l-awtorizzazzjonijiet jew tal-konċessjonijiet imsemmija, id-dritt ta’ vot marbut ma' dawk l-ishma li jeċċedu dak il-limitu jiġi awtomatikament sospiż, u ma jittiħidtx in kunsiderazzjoni fil-kworum ta’ l-assemblej deliberattivi. Id-drittijiet ta' akkwist jew ta' sottoskrizzjoni b'terminu jew differiti ma jkunux jistgħu jiġu użati iktar.”

     Il-proċedura prekontenzjuża

    7       Permezz ta' l-ittra tat-23 ta' Ottubru 2002, Il-Kummissjoni infurmat lill-Gvern Taljan li hija kienet tal-fehma li d-Digriet leġiżlattiv Nru 192/2001, sa fejn jipprevedi, fil-konfront ta' l-impriżi li joperaw fis-setturi ta' l-elettriku u tal-gass, is-sospensjoni tad-dritt ta’ vot marbut ma' dawk l-ishma li jeċċedu t-2 % meta dawn l-ishma jkunu akkwistati minn impriżi pubbliċi, kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment ħieles tal-kapitali. Il-Kummissjoni għaldaqstant stiednet lil dan il-Gvern jgħarrafha bl-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn.

    8       Il-Gvern Taljan wieġeb li jekk id-Digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 joħloq restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, huwa madankollu l-uniku strument li jista' jipproteġi s-suq Taljan minn forom ta' investiment li ma jirrispettawx il-kriterji tal-kompetizzjoni ħielsa.

    9       Peress li l-Kummissjoni qieset l-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw din il-leġiżlazzjoni, fil-11 ta' Lulju 2003 hija bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana, li biha talbitha tikkonforma ruħha f’terminu ta’ xahrejn.

    10     Peress li l-Gvern Taljan baqa’ ma rrispondiex għal din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-rikors preżenti quddiem il-Qorti.

     Fuq ir-rikors

     L-argumenti tal-partijiet

    11     Abbażi tad-deċiżjonijiet tal-Qorti ta’ l-4 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-367/98 Ġabra p.I‑4731), Il-Kummissjoni vs Franza, (C-483/99 Ġabra p.I‑4781), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-503/99 Ġabra p.I‑4809); tat-13 ta' Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-463/00 Ġabra p.I-4581) u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-98/01 Ġabra p.I‑4641), Il-Kummissjoni sostniet li d-Digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 introduċa trattament iddifferenzjat u restrittiv għall-investimenti mwettqa minn kategorija partikolari ta' investituri, u għalhekk jostakola l-moviment ħieles tal-kapital fi ħdan il-komunità. B'mod partikolari dan id-Digriet leġiżlattiv jzomm lura milli jinvestu lill-dawk l-impriżi pubbliċi ta' Stat Membru ieħor li jkunu potenzjalment interessati li jipparteċipaw permezz ta' investimenti fil-kumpanniji li joperaw fis-setturi ta' l-elettriku u l-gass, peress li dawn isibu ruħhom fl-impossibbiltà li jipparteċipaw b'mod effettiv fid-deċiżjonijiet ta' dawn il-kumpanniji, u li jeżerċitaw influwenzaw fuq it-tmexxija tagħhom.

    12     L-Artikolu 56 KE ma jagħmel ebda distinzjoni bejn miżuri diskriminatorji u miżuri mhux diskriminatorji, u lanqas bejn impriżi pubbliċi u impriżi privati. Jekk l-imsemmi Artikolu ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta' "moviment tal-kapital", l-investiment dirett transkonfinali jaqa’ taħt dan il-kunċett skond in-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361. B'mod partikolari, dan ikun ikkaratterizzat mill-possibbiltà ta' parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija ta' kumpannija u fil-kontroll tagħha. L-akkwist ta' investimenti kif ukoll l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet ta’ vot marbuta magħhom għandhom għalhekk jiġu inklużi fil-kunċett ta' "moviment tal-kapital".

    13     Il-Gvern Taljan jitlob li r-rikors għandu jiġi miċħud.

    14     Id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 ma joħloq ebda trattament diskriminatorju. Din il-liġi tikkonċerna l-akkwisti magħmula minn impriżi pubbliċi nazzjonali daqskemm dawk magħmula minn impriżi pubbliċi ta' Stati Membri oħra.

    15     Barra minn hekk, il-limitazzjoni tad-dritt ta’ vot mhux dejjem taffettwa l-moviment liberu tal-kapital. Bħala eżempju, il-Gvern Taljan jinvoka l-Artikoli 85 sa 97 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/34/KE tat-28 ta' Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta' titoli fil-listi tas-suq ta’ l-ishma uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata fuq dawk il-titoli (ĠU L 184, p. 1), u l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2004/39/KE tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq ta’ l-istrumenti finanzjarji, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, p. 1), li implementaw direttament l-Artikolu 56 KE. Dawn id-dispożizzjonijiet, li wkoll jippermettu limitazzjoni għad-dritt ta’ vot sabiex jiġi evitat li sempliċi investiment kapitali jinbidel f'kapaċità effettiva ta’ kontroll u direzzjoni ta’ kumpannija, mhumiex inkompatibbli mal-prinċipju taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali.

    16     Id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 huwa konformi maċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali, prinċipalment għaliex isegwi l-għanijiet komunitarji fformulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2001, intitolat "It-twettiq tas-suq intern ta' l-enerġija" [KOM (2001) 125 finali], b'mod partikolari l-għan li tiġi limitata l-influenza antikompetittiva li xi impriżi pubbliċi f'sitwazzjoni ta' monopolju li jieħdu l-kontroll ta' l-impriżi li joperaw fis-setturi ta' l-elettriku u l-gass jistgħu jeżerċitaw fuq is-swieq relattivi.

    17     Huwa minnu li l-ftuħ tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass ta' l-Istati Membri mexa l-quddiem b'mod kunsiderevoli minħabba l-iżviluppi fil-liġi komunitarja ta' dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari permezz tad-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/92/CE tad-19 ta' Diċembru 1996, rigward ir-regoli komuni għas-suq intern ta' l-elettriku (ĠU 1997, L 27, p.20), u 98/30/KE tat-22 ta' Ġunju 1998, rigward ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU L 204, p. 1).

    18     Madankollu, l-implementazzjoni ta' dawn id-direttivi fis-sistemi legali interni ta' l-Istati Membri ġabet magħha l-ftuħ asimetriku ta' diversi swieq nazzjonali. Xi Stati Membri għażlu li jiftħu s-suq tagħhom b'mod aktar wiesgħa minn dak previst mid-direttivi, filwaqt li oħrajn illimitaw irwieħhom għall-ftuħ tas-suq tagħhom fil-parametri strettament imposti mid-Direttivi. Il-miżuri adottati fil-livell komunitarju sabiex jirrimedjaw għan-nuqqas ta' bilanċ irriżultaw insuffiċjenti. Imiss għalhekk mhux biss lill-Istituzzjonijiet Komunitarji, imma wkoll lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-asimetriji li jeżistu fl-istruttura kompetittiva tas-suq in kwistjoni, u d-distorzjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta f'abbużi eventwali.

    19     Għalhekk, id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 kien l-uniku strument kapaċi li jevita li s-suq Taljan ikun suġġett għal attakki spekulattivi antikompetittivi minn naħa ta' entitajiet pubbliċi li joperaw fl-istess setturi ta' Stati Membri oħrajn u vvantaġġati minħabba l-liġijiet nazzjonali tagħhom.

    20     Il-problema f'dan il-każ hija differenti minn dik fil-kawżi preċitati Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, Il-Kummissjoni vs Franza, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, Il-Kummissjoni vs Spanja u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit. F’dawn il-kawżi, il-miżuri nazzjonali kontroversi kienu f'kull każ jimmiraw li tinżamm l-influwenza ta' l-Istat u sabiex tipprojbixxi l-liberalizzazzjoni. Bil-kontra, id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001, sa fejn huwa intiż għall-impriżi pubbliċi, jimmira li jeskludi l-influwenza statali. Għalhekk, il-kriterji fformulati fil-kawżi preċitati ma jistgħux jiġu adottati fil-kawża preżenti.

    21     Barra minn hekk, l-imsemmi digriet leġiżlattiv huwa ta' natura temporanja. Din il-liġi tibqa’ applikabbli biss sakemm jitwettaq kompletament is-suq intern fis-setturi ta' l-elettriku u l-gass.

    22     Fl-aħħar nett, peress li tikkonċerna biss dawk l-impriżi pubbliċi li jgawdu pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tagħhom, din il-liġi timponi biss dawk il-miżuri strettament neċessarji u proporzjonali.

    23     Skond il-Kummissjoni, dawn l-argumenti huma kollha rrilevanti.

    24     L-Istati Membri ma humiex intitolati li jidħlu fuq l-kompetenza tal-Komunità f'dan il-qasam. Imiss mhux lill-gvernijiet nazzjonali, iżda lill-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati, li tassigura li jiġu applikati b'mod tajjeb id-dispożizzjonijiet Komunitarji in kwistjoni u li twaqqf ksur eventwali tal-kompetizzjoni ħielsa. Miżuri unilaterali adottati minn xi Stati Membri bl-iskuża li jevitaw id-distorsjoni fis-swieq tagħhom, ikollhom l-effett kuntrarju li jintroduċu tali distorsjonijiet fis-suq Komunitarju, ħaġa li ma tistax tiġi aċċettata. Il-miżuri nazzjonali in kwistjoni huma ta' natura rigorożament protezzjonista.

    25     Barra minn hekk, ma jistax jiġi allegat li hemm nuqqas ta' legislazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam. Il-liġi Komunitarja ssaħħet reċentement bl-introduzzjoni ta' miżuri varji, b'mod partikolari d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54/KE, tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku, u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, p. 37) u d-Direttiva 2003/55/KE tas-26 ta' Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU L 176, p 57).

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    26     Ta' min ifakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 56(1) KE jimplementa ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u Stati terzi. Għal dan il-għan, huwa jipprevedi, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet indikati fil-Kapitolu tat-Trattat intitolat "Il-Kapital u l-Pagamenti", li kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi hija pprojbita.

    27     Jekk it-Trattat ma jagħti l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta' movimenti ta' kapitali u ta' pagamenti, huwa kostanti li d-Direttiva 88/361, flimkien man-nomenklatura annessa magħha, għandha valur indikattiv sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta' movimenti ta' kapitali (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39, u tas-16 ta' Marzu 1999, Trummer u Mayer, C-222/97, (Ġabra. p. I-1661, punti 20 u 21).

    28     Fil-fatt, il-punti I u II tan-nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361, kif ukoll in-noti ta’ spjegazzjoni li hemm fiha, jindikaw li l-investiment dirett taħt forma ta' parteċipazzjoni f'impriża permezz tad-detenzjoni ta' ishma kif ukoll l-akkwist ta' titoli fis-suq tal-kapitali jikkostitwixxi moviment tal-kapitali skond l-Artikolu 56 KE. Bis-saħħa ta’ l-imsemmija noti ta’ spjegazzjoni, l-investiment dirett, b'mod partikolari, huwa kkaratterizzat mill-possibbilità ta' parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u l-kontroll ta' kumpannija.

    29     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001, li jipprevedi s-sospensjoni awtomatika tad-drittijiet ta’ vot marbuta ma dawk l-ishma li jeċċedu t-2% tal-kapital soċjali ta' impriżi li joperaw fis-setturi ta' l-elettriku u l-gass, meta dawn l-ishma jiġu akkwistati minn impriżi pubbliċi mhux ikkwotati fis-swieq finanzjarji rregolati u li jkunu jgawdu minn pożizzjoni dominanti, jikkostitwix restrizzjoni għall-moviment tal-kapitali bejn l-Istati Membri.

    30     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li s-sospensjoni tad-drittijiet ta’ vot, prevista mill-imsemmi digriet leġiżlattiv, teskludi, għal dawk il-kategoriji ta' impriżi pubbliċi kkonċernati, parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u l-kontroll ta' l-impriżi Taljani li joperaw fis-swieq ta' l-elettriku u tal-gass. Peress li l-għan tad- digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 huwa dak li jevita "attakki antikompetittivi minn naħa ta' entitajiet pubbliċi li joperaw fl-istess setturi fi Stati Membri oħrajn", din għandha l-effett li tiddisswadi b'mod partikolari lill-dawk l-impriżi pubbliċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn milli jakkwistaw ishma fl-impriżi Taljani li joperaw fis-setturi ta' l-enerġija.

    31     Jirriżulta minn dak li ntqal li s-sospensjoni tad-drittijiet ta’ vot prevista mid-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 tikkostitwixxi restrizzjoni għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali, kif ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 56

    32     Din il-konstatazzjoni mhijiex kontradetta mill-fatt li l-liġi in kwistjoni tindirizza biss kategorija ta' impriżi pubbliċi li jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-swieq nazzjonali tagħhom. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn impriżi privati u oħrajn pubbliċi, u lanqas bejn dawk li jgawdu pożizzjoni dominanti u dawk li ma jgawdux tali pożizzjoni.

    33     Barra minn hekk, il-Gvern Taljan ma jistax jippretendi illi, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39, li jipprevedu l-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ vot marbuta ma' ċerti ishma taħt ċerti kundizzjonijiet, huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati maċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali, l-istess jista' jingħad għad-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001. Din id-Direttiva, li kienet ġiet adottata fil-kuntest tal-libertà ta' istabbiliment u mhux, kif isostni l-Gvern Taljan, fil-kuntest ta' l-Artikolu 56 KE, tidħol f'kuntest differenti u speċifiku ħafna, jiġifieri l-ammissjoni ta' titoli mobiljari fil-kwotazzjonijiet uffiċjali. Dawn il-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ vot mhumiex previsti jekk mhux bħala sanzjoni f'każ tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi. Dawn il-limitazzjonijiet ma għandhomx għalhekk, kuntrarjament għad-digriet leġiżlattiv Nru  192/2001, l-effett li jiddisswadu l-impriżi ta' Stati Membri oħra milli jinvestu f'ċerti impriżi nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikoli 85 sa 97 tad-Direttiva 2001/34 jipprevedu biss obbligi ta' informazzjoni meta tiġi akkwistata jew ittrasferita parteċipazzjoni mdaqqsa f'kumpannija kkwotata fil-borża, kif ukoll fuq l-Istati Membri li jimplementaw sanzjonijiet adegwati f'każ ta' ksur ta' dawn l-obbligi. Il-miżuri li adottaw l-Istati Membri f'dan ir-rigward huma rrilevanti fil-kuntest ta' din il-kawża.

    34     Għandu wkoll jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-trattat.

    35     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali, bħala prinċipju fondamentali tat-Trattat, ma tistax tiġi limitata minn liġi nazzjonali sakemm ma tkunx iġġustifikata minn xi raġunijiet previsti mill-Artikolu 58(1) KE, jew għal raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, il-liġi nazzjonali għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq il-għan tagħha, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan, sabiex jissodisfa l-kriterju ta’ proporzonalità (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju C-503/99, [Ġabra. p, I-4809], punt 45, u tas-7 ta' Settembru 2004, Manninen C-319/02 li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

    36     Il-Gvern Taljan isostni li bil-proċess ta' liberalizzazzjoni u privatizzazzjoni, is-swieq ta' l-enerġija fl-Italja nfetħu għall-kompetizzjoni. Id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 huwa intiż li jżomm stat ta' kompetizzjoni b'saħħitha u ekwa fis-swieq tagħha. Id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 jippermetti li, sakemm tintlaħaq liberalizzazzjoni effettiva fis-settur ta' l-enerġija fl-Ewropa, jiġi evitat li s-suq Taljan ikun suġġett għal attakki antikompetittivi minn naħa ta' impriżi pubbliċi li joperaw fl-istess settur fi Stati Membri oħrajn li jkunu f'pożizzjoni vantaġġjuża minħabba l-liġi nazzjonali li tpoġġihom f'pożizzjoni privileġġjata. Il-kisba ta' kontroll f'impriżi li joperaw fis-swieq Taljani ta' l-elettriku u l-gass minn dawn l-impriżi pubbliċi jista’ jxejjen l-isforzi tal-Gvern Taljan għall-ftuħ tas-settur ta' l-enerġija għall-kompetizzjoni.

    37     F'dan ir-rigward, kif diġà ddeċidiet il-Qorti, l-interess li tissaħħah l-istruttura ta' kompetizzjoni fis-suq in-kwistjoni b'mod generali, ma tistax tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għar-restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-kapitali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 52).

    38     F'kull każ, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ta' l-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1), huma applikabbli. Għandu jiġi mfakkar li l-liġi nazzjonali in kwistjoni ma tapplikax ħlief għal dawk l-impriżi pubbliċi li diġa jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tagħhom. Skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni tipprojbixxi dawk il-konċentrazzjonijiet li għandhom dimensjoni komunitarja u li jkunu ta' tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali minnu, "b'mod partikolari minħabba [...] t-tisħiħ ta' pożizzjoni dominanti", eżistenti minn qabel.

    39     Il-Gvern Taljan għal darb'oħra jirreferi għan-neċessità li tiġi ggarantita l-proviżjoni ta' l-enerġija fit-territorju Taljan.

    40     Ani jekk in-neċessità li tiġi ggarantita l-provvista ta' l-enerġija tista’, taħt ċertu kundizzjonijiet, tiġġustifika restrizzjonijiet għal-libertajiet fondamentali tat-Trattat (ara s-sentenzi ta' l-10 ta' Ġunju 1984, Campus Oil, 72/83 Ġabra. p. 2727, puni 34 u 35, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46), il-Gvern Taljan ma weriex kif il-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ vot, li taffettwa biss kategorija ta' impriżi publiċi, hija indispensabbli sabiex jintlaħaq dan il-għan. B'mod partikolari, il-Gvern Taljan ma jispjegax ir-raġuni għalfejn huwa neċessarju li l-ishma ta' l-impriżi li joperaw fis-settur ta' l-enerġija fl-Italja għandhom ikunu miżmuma minn azzjonisti privati jew minn azzjonist pubbliċi kwotati fis-swieq finanzjarji rregolati sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jiggarantixxu proviżjoni suffiċjenti u mingħajr interruzzjoni ta' l-elettriku u l-gass fis-suq Taljan.

    41     Isegwi għalhekk li l-Gvern Taljan ma weriex kif id-digriet leġiżlattiv Nru 192/2001 huwa indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-provvista ta' l-enerġija ġewwa l-pajjiż.

    42     Għalhekk għandu jiġi kkonstatat illi, biż-żamma fis-seħħ ta' liġi li tipprevedi s-sospenjoni awtomatika tad-drittijiet ta’ vot marbuta ma l-ishma li jeċċedu t-2% tal-kapital soċjali ta' l-impriżi li joperaw fis-setturi ta’ l-elettriku u fil-gas, meta dawn l-ishma jkunu akkwistati minn impriżi pubbliċi mhux ikkwotati fis-swieq finanzjarji rregolati u li jkunu jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tagħhom, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

     Fuq l-ispejjeż

    43     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Il-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, u peress li din ta' l-aħħar tilfet, ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi li:

    1)      Billi żammet fis-seħħ ta' liġi li tipprevedi s-sospenjoni awtomatika tad-drittijiet ta’ vot marbuta ma l-ishma li jeċċedu t-2% tal-kapital soċjali ta' l-impriżi li joperaw fis-setturi ta’l-elettriku u l-gas, meta dawn l-ishma jkunu akkwistati minn impriżi pubbliċi mhux ikkwotati fis-swieq finanzjarji rregolati u li jkunu jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tagħhom, ir-Repubblika Taljana naqqset mill-obligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE..

    2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem


    *Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top