EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0168

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Settembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Artikolu 49 KE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Impriża li timpjega ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz - Impriża li tipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor - 'Attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea'.
Kawża C-168/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:595

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta' Settembru 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 KE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Impriża li timpjega ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz – Impriża li tipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor – 'Attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea'"

Fil-kawża C-168/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-5 ta' April 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Eggers, E. Traversa u G. Braun, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali ta' l-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, G. Hesse u C. Pesendorfer, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Ottubru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi limitat b'mod disproporzjonat il-kollokazzjoni ta' ħaddiema impjegati li huma ċittadini ta' Stat terz fil-kuntest ta' provvista ta' servizzi, permezz ta' l-Artikolu 18 tal-liġi Awstrijaka dwar l-impjieg ta' ħaddiema barranin (Ausländerbeschäftigungsgesetz), ta' l-20 ta' Marzu 1975 (BGBl. I, 218/1975), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 120/1999 (iktar 'il quddiem l-"AuslBG"), u ta' l-Artikolu 10(1)(3) tal-liġi dwar il-barranin (Fremdengesetz) ta' l-14 ta' Lulju 1997 (BGBl. I, 75/1997), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fil-BGBl. I, 34/2000 (iktar 'il quddiem il-"FrG"), ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 49 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-AuslBG tistabbilixxi, fl-Artikolu 18(1), li persuna li tħaddem li m'għandhiex l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju ta' l-Awstrija għandha ġġib awtorizzazzjoni qabel ma timpjega l-barranin fl-Awstrija. Għal dak li jikkonċerna l-kollokazzjoni, minn impriża li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru, ta' ċittadini ta' Stat terz sabiex jiġu pprovduti servizzi fl-Awstrija, l-Artikolu 18(12) sa (16) ta' l-AuslBG jipprovdi proċedura speċjali. L-awtorizzazzjoni hija ssostitwita b'attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea, maħruġa bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet.

3       L-Artikolu 18(12) ta' l-AuslBG jipprovdi li:

"L-impjieg ta' barranin li mhumiex koperti mill-Artikolu 1(2)(m) u jintbagħtu fit-territorju federali minn persuna barranija li tħaddem li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fit-territorju ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu pprovduti servizzi temporanji għandu jiġi ddikjarat ma' l-uffiċċju reġjonali tad-Dipartiment ta' l-Impjieg qabel ma s-servizzi jibdew jiġu pprovduti. L-uffiċċju regjonali kompetenti tad-Dipartiment ta' l-Impjieg għandu joħroġ attestazzjoni ta' dikjarazzjoni (attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea) fi żmien sitt gimgħat. […]"

4       Il-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' l-attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea huma stabbiliti mill-Artikolu 18(13). Dan il-ħruġ isir:

–       jekk il-ħaddiem kollokat, li huwa cittadin ta' Stat terz, ikollu ma' l-impriża li timpjegah fl-Istat Membru ta' oriġini impjieg abitwali u regolari mill-inqas matul l-aħħar sena jew kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat, u

–       jekk il-kundizzjonijiet ta' paga, ta' impjieg u ta' dispożizzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali previsti fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka huma osservati matul il-perijodu ta' kollokazzjoni.

5       Skond il-FrG, l-impjegati li huma ċittadini ta' Stat terz li huma kollokati fl-Awstrija minn impriża li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ta' l-Unjoni sabiex jipprovdu hemmhekk servizzi huma suġġetti, sabiex jidħlu u jirrisjedu fit-territorju Awstrijak, għal obbligu ta' viża u ta' permess ta' residenza.

6       Skond l-Artikolu 8(1) tal-FrG:

"Id-dokumenti ta' dħul u ta' residenza jistgħu jinħarġu għall-barranin fuq talba tagħhom jekk ikollhom dokument ta' vvjaġġar validu u jekk ma tapplikax ebda motiv għal rifjut (Artikoli 10 sa 12). Il-viżi jistgħu jinħarġu biss għal żmien limitat, id-dokumenti ta' residenza jistgħu jinħarġu wkoll għal żmien indeterminat. Iż-żmien ta' validità tal-viżi u tad-dokumenti ta' residenza għal żmien limitat ma jistax ikun itwal minn dak tad-dokument ta' vvjaġġar. […]"

7       L-Artikolu 10(1)(3) tal-FrG jipprovdi li l-ħruġ ta' dokument ta' dħul jew ta' residenza għandu jiġi rrifjutat meta dan id-dokument irid jinħareġ wara dħul mingħajr viża fit-territorju Awstrijak. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li, meta ċittadin ta' Stat terz ikun daħal illegalment fit-territorju Awstrijak, il-qagħda tiegħu ma tistax tiġi rregolarizzata fuq il-post bil-ħruġ ta' dokument ta' dħul jew ta' residenza.

8       Fl-aħħar nett, il-liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol (Arbeitsvertragsrechts- Anpassungsgesetz) ta' l-1993 (BGBl., 459/1993, iktar 'il quddiem l-"AVRAG"), li tittrasponi fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg [il-kollokazzjoni] ta’ ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, p. 1), timponi fuq il-persuna li tħaddem u li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ta' l-Unjoni obbligu ġenerali ta' dikjarazzjoni. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 7b(3) ta' l-AVRAG, il-persuna li tħaddem għandha tiddikjara l-kollokazzjoni ta' ħaddiema mibgħuta fl-Awstrija sabiex iwettqu hemmhekk xogħol għal ċertu żmien mad-Dipartiment Ċentrali ta' Koordinazzjoni għall-Kontroll tax-Xogħol Illegali mill-inqas gimgħa qabel ma jibdew jaħdmu.

9       F'dan ir-rigward, minn iħaddem għandu jagħti serje ta' informazzjoni dwarhom, dwar il-klijent nazzjonali, il-ħaddiema kollokati, l-attività in kwistjoni u r-remunerazzjonijiet. Il-paragrafu 9 ta' l-imsemmi Artikolu 7b jipprovdi ammendi f'każ li dan l-obbligu ta' dikjarazzjoni ma jiġix osservat.

 Il-proċedura prekontenzjuża

10     Wara li rċeviet ilment dwar l-inkompatibbiltà tar-regoli Awstrijaċi fil-qasam ta' kollokazzjoni ta' ċittadini ta' Stati terzi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 49 KE, il-Kummissjoni, fl-14 ta' Lulju 1997, indirizzat ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika ta' l-Awstrija. Fiha hija ssostni li l-awtorizzazzjoni ta' kollokazzjoni u l-permess ta' residenza meħtieġa f'dan il-każ mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka jikkostitwixxu ostaklu għall-kummerċ intrakomunitarju. L-ilmenti tal-Kummissjoni jikkonċernaw b'mod iktar partikolari l-kundizzjonijiet materjali ta' l-awtorizzazzjoni ta' kollokazzjoni u n-natura awtomatika tar-rifjut li jinħareġ permess ta' residenza f'każ li l-ħaddiem barrani jidħol fit-territorju Awstrijak mingħajr viża.

11     B'risposta, il-Gvern Awstrijak sostna, permezz ta' ittra tat-12 ta' Diċembru 1997, li d-dispożizzjonijiet ta' dritt nazzjonali dwar il-kollokazzjoni ta' ħaddiema barranin kienu ġew emendati b'effett mill-1 ta' Jannar 1998. Proċedura ġdida ta' dikjarazzjoni ta' kollokazzjoni msejħa "attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea" kienet ġiet introdotta, minflok il-proċedura ta' awtorizzazzjoni, sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta' ċerti kundizzjonijiet preliminari għall-kollokazzjoni.

12     Fit-2 ta’ Lulju 1998, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika ta’ l-Awstrija ittra ta’ intimazzjoni supplementarja li fiha indikat li hija tikkunsidra li l-proċedura l-ġdida ma kellhiex in-natura ta’ sempliċi dikjarazzjoni, iżda li kienet proċedura ta’ awtorizzazzjoni kumplessa, simili għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkwalifikat bħala restrizzjonijiet għall-Artikolu 49 KE.

13     Permezz ta’ ittra datata 2 ta’ Settembru 1998, il-Gvern Awstrijak indika li l-proċedura ta’ attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea kellha biss valur dikjaratorja u li kienet tissodisfa r-rekwiżiti preskritti, f’dan il-qasam, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjoni dwar ir-rifjut awtomatiku li jinħareġ permess ta’ residenza, huwa indika li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma taffettwax il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jiddeċiedu dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ Stati terzi fit-territorju tagħhom.

14     Billi ma kinitx sodisfatta b’dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni, fil-5 ta’ April 2002, indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika ta’ l-Awstrija fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. Hija sostniet li l-obbligu amministrattiv li tinvolvi l-proċedura ta’ kollokazzjoni skond il-leġiżlazzjoni Awstrijaka kif ukoll l-impossibbiltà li tiġi rregolarizzata l-qagħda ta’ ħaddiem kollokat, li jkun daħal fit-territorju Awstrijak mingħajr dokument ta’ dħul u ta’ residenza, għandhom effett dissważiv fir-rigward ta’ impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

15     Fir-risposta tiegħu tas-7 ta’ Ġunju 2002, il-Gvern Awstrijak sostna li d-dispożizzjonijiet dwar l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea kienu ġġustifikati minn neċessità li jiġu protetti l-ħaddiema kollokati kontra abbuż eventwali filwaqt li l-klawżola ta’ rifjut awtomatiku tibbaża ruħha fuq il-prerogattivi mogħtija lill-Istati Membri skond il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 2000, p. 19), iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990 f’Schengen (il-Lussemburgu).

16     Peress illi r-Repubblika ta’ l-Awstrija ma kkonformatx ruħha ma' l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

17     Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċedura ta' ħruġ ta’ l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea kif ukoll il-possibbiltà ta’ rifjut awtomatiku ta’ permess ta’ residenza f’każ ta’ dħul ta’ ħaddiem kollokat fit-territorju Awstrijak mingħajr dokument ta’ dħul jew ta’ residenza tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi pprojbit mill-Artikolu 49 KE u li ma jistax jiġi ġġustifikat mill-objettivi invokati mir-Repubblika ta’ l-Awstrija.

18     Il-Gvern Awstrijak ma jikkontestax il-fatt li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 ta’ l-AuslBG u ta’ l-Artikolu 10 tal-FrG jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Billi jirrefri għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari għas-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et (C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831) u ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (C-164/99, Ġabra p. I-787), huwa jikkunsidra madankollu li l-imsemmija restrizzjonijiet huma ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jiġifieri, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 ta’ l-AuslBG, il-protezzjoni ta’ ħaddiema u, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 10 tal-FrG, il-ħarsien ta’ l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika. F’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet huma proporzjonati għall-objettivi li huma jipprovaw jilħqu.

 Fuq il-proċedura ta' ħruġ ta’ l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea

19     Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea mhijiex ir-riżultat ta’ proċedura purament dikjaratorja, iżda tikkostitwixxi awtorizzazzjoni amministrattiva fil-veru sens. Fil-fatt, hija tinħareġ biss wara l-verifika mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(13) ta’ l-AuslBG. Barra minn hekk, hija prerekwiżit indispensabbli għat-twettiq ta’ kull servizz fit-territorju Awstrijak f’dak illi hija neċessarja sabiex jinkiseb permess ta’ residenza tal-ħaddiema kollokati, peress illi l-bidu tat-twettiq tas-servizzi qabel ma tinkiseb din l-attestazzjoni jwassal għar-rifjut awtomatiku ta’ l-imsemmi permess ta’ residenza.

20     Il-Kummissjoni ssostni barra minn hekk li, anki li kieku l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea kienet biss ta’ natura dikjaratorja, l-eżistenza ta’ proċedura doppja, jiġifieri dik tal-viża u dik ta’ l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni, tikkostitwixxi, fiha nnifisha, restrizzjoni disproporzjonata għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif jirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C-43/93, Ġabra p. I-3803).

21     L-obbligu, għal kull min jipprovdi servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor li jixtieq jikkolloka ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat terz fit-territorju Awstrijaku, li jikseb attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea, flimkien mal-proċedura ta’ viża prevista fil-FrG u mal-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ l-AVRAG, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, l-objettivi invokati mill-Gvern Awstrijak jistgħu jinkisbu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi.

22     Il-Gvern Awstrijak isostni, min-naħa tiegħu, li l-proċedura ta’ ħruġ ta’ l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea mhijiex daqstant peżanti kif deskritta mill-Kummissjoni.

23     Minn naħa, l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea hija proċedura dikjaratorja. L-ammont mhux għoli ħafna ta’ l-ammenda f’każ li din il-formalità ma tiġix osservata jindika dan. Barra minn hekk, hija proċedura flessibbli, billi l-Artikolu 18(16) ta’ l-AuslBG jippermetti li din tiġi mressqa minn diversi persuni kkonċernati bil-kollokazzjoni.

24     Min-naħa l-oħra, wieħed ma jistax, fl-opinjoni tiegħu, jitkellem dwar proċedura doppja f’dak illi dik li tirrigwarda l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea għandha objettiv ieħor minn dik li tirrigwarda l-permess ta’ residenza, billi l-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet kompetenti huma f’kull każ differenti.

25     It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-kundizzjonijiet bażiċi meħtieġa għall-ħruġ ta’ l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea.

26     Minn naħa, il-garanzija ta’ l-osservanza tal-kundizzjonijiet nazzjonali ta’ salarju u ta’ impjieg, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transkonfinali, prevista fl-Artikolu 18(13)(2) ta’ l-AuslBG, hija diġà prevista fid-Direttiva 96/71, trasposta fid-dritt Awstrijak mill-AVRAG. Id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija direttiva jipprovdu l-possibbiltà ta’ kontroll a posteriori ta’ dawn il-kundizzjonijiet, fejn l-awtoritajiet Awstrijaċi jiddisponu għalhekk minn mezz inqas restrittiv sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ l-imsemmija kundizzjonijiet.

27     Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta' perijodu ta' impjieg minn qabel ta' mill-inqas sena jew ta’ kuntratt għal żmien indeterminat previst fl-Artikolu 18(13)(1) ta’ l-AuslBG, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-formula ta’ "b'mod regolari u abitwali", użata fis-sentenza Vander Elst, iċċitata iktar ‘il fuq, ma tistax tiġġustifika restrizzjoni temporali jew ġuridika ta’ l-istess natura bħal dik in kwistjoni. Fil-fatt, din il-formula hija strettament marbuta mal-kuntest tad-domanda preliminari li kienet ġiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

28     Fl-aħħar nett, il-motivi ta’ ordni ekonomika invokati mill-Gvern Awstrijak ma jiġġustifikawx tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet espressament, fis-sentenzi tas-27 ta' Marzu 1990, Rush Portuguesa (C-113/89, Ġabra p. I-1417), u Finalarte et iċċitata iktar ‘il fuq, il-possibbiltà għal Stat Membru li jinvoka kunsiderazzjonijiet marbuta mas-suq ta’ l-impjieg. Għal dak li jirrigwarda l-motiv marbut mal-protezzjoni tal-ħaddiema, il-kundizzjoni tat-tul ta’ l-impjieg minn qabel għandha effett negattiv għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat terz f’dak illi tali dispożizzjoni hija ta’ natura li tostakola l-impjieg tagħhom. Barra minn hekk, din hija totalment disproporzjonata fil-każ ta’ provvisti ta' servizzi partikolari.

29     Il-Gvern Awstrijak isostni li d-dispożizzjonijiet ta’ l-AVRAG mhumiex, fihom infushom, biżżejjed sabiex jippermettu l-kollokazzjoni ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat terz, liema fatt jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti supplementari previsti fil-proċedura ta’ attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea.

30     Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni tittrasponi biss il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif tirriżulta mis-sentenza Vander Elst, iċċitata iktar ‘il fuq, skond liema l-ħaddiem kollokat li huwa ċittadin ta' Stat terz għandu jkun impjegat "b'mod regolari u abitwali" fl-Istat Membru ta' oriġini sabiex tinħareġ l-awtorizzazzjoni ta’ kollokazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jagħti prova ta’ rabta partikolari mal-persuna li timpjegah permezz ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ mill-inqas sena jew permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat. Dan ir-rekwiżit jippermetti li l-ħaddiema kollokati jiġu protetti kontra abbuż eventwali.

 Fuq ir-rifjut awtomatiku ta’ permess ta’ dħul u ta' residenza

31     Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kull persuna li tipprovdi servizzi tagħti lill-impjegati tagħha "id-dritt sekondarju" li jirċievu permess ta’ residenza għaż-żmien neċessarju sabiex jiġi pprovdut is-servizz. Safejn il-ħaddiema kollokati ma jippretendu bl-ebda mod li jkollhom aċċess għas-suq ta’ l-impjieg ta’ l-Istat ta’ kollokazzjoni, il-motiv għal rifjut awtomatiku previst fl-Artikolu 10(1)(3) tal-FrG huwa disproporzjonat b’relazzjoni għall-objettiv li jiġu mħarsa l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

32     Fil-fatt, il-viża maħruġa liċ-ċittadini ta’ Stat terz li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta mid-dritt Komunitarju għandha natura purament formali u għandha tingħata b’mod awtomatiku. Għaldaqstant, ir-rifjut awtomatiku f’każ ta’ dħul "formalment illegali" fit-territorju jillimita b’mod kunsiderevoli l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jrendi tali libertà illużorja għal ċerti setturi. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Awstrijaċi jiddisponu minn mezzi inqas restrittivi iżda fl-istess ħin effikaċji sabiex jivverifikaw jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

33     Il-Gvern Awstrijak isostni li l-ħaddiema li jiddisponu minn dokument ta’ residenza maħruġ minn Stat li huwa parti għall-Ftehim ta' Schengen u li jiġu kollokati fl-Awstrija għal perijodu inferjuri għal tliet xhur mhumiex, fihom infushom, ikkonċernati bil-motiv għal rifjut awtomatiku ta’ dokument ta' dħul u ta' residenza.

34     Dan il-Gvern ifakkar li għandha tinħoloq distinzjoni bejn il-proċedura ta’ attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea u dik li tikkonċerna l-permess ta’ dħul u ta' residenza. Għaldaqstant, it-tieni waħda ma tikkonċernax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda d-dritt tal-barranin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-legalità tad-dħul fit-territorju ma tiddependix esklużivament mil-legalità tal-kollokazzjoni, iżda wkoll minn fatturi oħrajn marbuta mal-politika dwar il-barranin.

35     Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li l-Istat ta’ kollokazzjoni għandu jkun jista’ jivverifika jekk persuna tirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika jew ukoll jekk hijiex ipprojbita milli tirrisjedi fit-territorju Awstrijak. Huwa jsostni li ma jkunx opportun li tiġi stabbilita miżura ta’ interdizzjoni ta’ residenza fir-rigward ta’ persuna li titlob permess ta’ residenza minkejja li hija diġà tinstab fit-territorju Awstrijak.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni fil-konfront ta' persuna li tipprovdi servizzi u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tagħha, iżda wkoll l-abolizzjoni ta' kull restrizzjoni, ukoll jekk tapplika indistintament għall-persuni nazzjonali li jipprovdu servizzi u għal dawk ta' Stati Membri oħrajn, meta hija ta' natura li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li trendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-persuna li tipprovdi servizzi li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, fejn hija legalment tipprovdi servizzi simili (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Portugaia Construções, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37     Madankollu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżulta minn qasam li mhuwiex is-suġġett ta' armonizzazzjoni f'livell Komunitarju u li tapplika indistintament għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat tista', minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata sakemm tirrispondi għal raġuni imperattiva ta' interess ġenerali u sakemm dan l-interess mhuwiex diġà mħares bir-regoli li għalihom il-persuna li tipprovdi servizzi hija suġġetta fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, u li hija tkun adattata sabiex tiggarantixxi l-ksib ta' l-għan li jrid jintlaħaq u ma tmurx 'lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkiseb dan (ara s-sentenzi tat-23 ta' Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C‑376/96, Ġabra p. I-8453, punti 34 et 35, kif ukoll Portugaia Construções, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

38     Peress li s-suġġett relattiv għal kollokazzjoni ta' ħaddiema impjegati li huma ċittadini ta' Stat terz fil-kuntest ta' provvista ta' servizzi bejn il-fruntieri, mhuwiex, sa din il-ġurnata, armonizzat fuq livell Komunitarju, huwa fid-dawl tal-prinċipji msemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta' din is-sentenza li għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam ta’ kollokazzjoni ta’ ħaddiema ma' l-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq ir-rekwiżit li tinkiseb l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea kif prevista fl-Artikolu 18(12) sa (16) ta’ l-AuslBG

39     Mhuwiex ikkontestat li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati, skond l-Artikolu 18(12) sa (16) ta’ l-AuslBG, minn impriża li tipprovdi servizzi u li tixtieq tikkolloka, fit-territorju Awstrijak, ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat terz jostakolaw, minħabba l-obbligi amministrattivi u b’mod partikolari ż-żmien meħtieġ ta’ sitt ġimgħat għall-ħruġ ta’ l-attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea li huma jimplikaw, il-kollokazzjoni prevista u, konsegwentement, l-eżerċizzju minn din l-impriża ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-445/03, Ġabra p. I-10191, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40     Għal dak li jirrigwarda l-kollokazzjoni tal-ħaddiema ta' Stat terz minn impriża Komunitarja li tipprovdi servizzi, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta' provvista ta' servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-ħruġ ta' awtorizzazzjoni amministrattiva tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens ta' l-Artikolu 49 KE (ara sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Vander Elst, punt 15, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 24).

41     F’dan ir-rigward, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, il-proċedura ta’ attestazzjoni ta’ kollokazzjoni Ewropea għandha n-natura ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Fil-fatt safejn il-ħruġ ta’ din l-attestazzjoni huwa indispensabbli sabiex wieħed jipproċedi bil-kollokazzjoni u li din issir biss wara l-kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-rekwiżiti preskritti mill-Artikolu 18(13) ta’ l-AuslBG, ma jistax jiġi allegat li din hija sempliċi proċedura dikjaratorja.

42     Barra minn hekk, proċedura bħal din tista' tagħmel iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, il-provvista ta’ servizzi billi jiġu impjegati ħaddiema kollokati li huma ċittadini ta’ Stat terz minħabba li din timplika dewmien ta' pproċessar tat-talba għall-imsemmija attestazzjoni li jista' jlaħħaq sa sitt ġimgħat.

43     Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Istati Membri l-fakultà li jivverifikaw l-osservanza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji fil-qasam ta' provvista ta' servizzi. Bl-istess mod, hija ammettiet il-fondatezza ta' miżuri neċessarji sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti stess iġġustifikati minn raġunijiet ta' interess pubbliku (ara s-sentenza Arblade et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn il-kontrolli għandhom jirrispettaw il-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u m'għandhomx irendu illużorja l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara s-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17).

44     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mill-Artikolu 18(12) sa (16) ta’ l-AuslBG jidhrux ġustifikati minn objettiv ta' interess pubbliku u, fil-każ li huma, jekk humiex meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-għan b’mod effettiv u bil-mezzi adattati (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 26, u tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-244/04, Ġabra p. I-885, punt 37).

45     F’din il-kawża, qed jiġu invokati motivi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, minn naħa, u ta' stabbiltà tas-suq ta’ l-impjieg, min-naħa l-oħra, b’sostenn għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 18(12) sa (16) ta’ l-AuslBG.

46     L-ewwel nett, il-Gvern Awstrijak jinvoka n-neċessità li jassigura ruħu li l-kundizzjonijiet ta' kollokazzjoni fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiġu sodisfatti. F'dan ir-rigward, l-għan huwa li jiġi assigurat li l-impriża li qiegħda twettaq il-kollokazzjoni ma tabbużax mid-dritt mogħti lilha mit-Trattat bi ħsara għall-ħaddiema kollokati. B'mod partikolari, il-kundizzjonijiet għal ħruġ previsti fl-Artikolu 18(13) ta' l-AuslBG huma intiżi, skond dan il-Gvern, sabiex jeliminaw ir-riskji ta' esplojtazzjoni abbużiva tal-ħaddiema li joriġinaw minn Stat terz u, b'mod partikolari, sabiex dawn ta' l-aħħar jiġu impjegati biss għall-iskopijiet tal-kollokazzjoni.

47     Fost ir-raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku diġà rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm il-protezzjoni tal-ħaddiema (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Finalarte et, punt 33, u Portugaia Construções, punt 20). Barra minn hekk, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-Istati Membri jestendu l-leġiżlazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettivi ta' xogħol konklużi mill-imsieħba soċjali, għal kull persuna li hija impjegata, anki jekk temporanjament, fit-territorju tagħhom, ikun xi jkun il-pajjiż ta' stabbiliment ta' min jimpjegahom, u ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu l-osservanza ta' dawn ir-regoli b'mezzi adattati (ara s-sentenza tat-3 ta' Frar 1982, Seco u Desquenne & Giral, 62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 14) meta l-protezzjoni mogħtija minnhom mhijiex iggarantita b'obbligi identiċi jew essenzjalment simili għal dawk li għalihom l-impriża hija diġà suġġetta fl-Istat Membru fejn hija stabbilita (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48     Madankollu, l-attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea kif prevista fl-Artikolu 18(12) sa (16) ta' l-AuslBG ma tistax tiġi kkwalifikata bħala mezz adattat sabiex jintlaħaq l-objettiv allegat.

49     Fil-fatt, minn naħa, billi timponi l-osservanza sistematika tal-kundizzjonijiet Awstrijaċi ta' salarju u ta' impjieg, tali proċedura ma tiħux in kunsiderazzjoni l-miżuri ta' protezzjoni tal-ħaddiema li għalihom l-impriża li tixtieq twettaq kollokazzjoni hija suġġetta fl-Istat ta' oriġini, b'mod partikolari fil-qasam ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' remunerazzjoni, skond id-dritt ta' l-Istat Membru in kwistjoni jew ta' ftehim eventwali ta' kooperazzjoni konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat terz ikkonċernat, u li l-applikazzjoni tiegħu hija ta' natura li teskludi riskji apprezzabbli ta' esplojtazzjoni tal-ħaddiema u l-indeboliment tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Vander Elst, punt 25 u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 35).

50     Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-issuġġettar tal-ħruġ ta' l-attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea għall-eżistenza ta' kuntratti ta' xogħol ta' mill-inqas sena jew għal żmien indeterminat, tali miżura teċċedi dak li jista' jiġi mitlub f'isem l-objettiv ta' protezzjoni soċjali bħala kundizzjoni neċessarja sabiex jiġu pprovduti servizzi permezz ta' kollokazzjoni ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punti 32 u 33, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 58).

51     Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak ma jistax jibbaża ruħu fuq il-formula użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 26 tas-sentenza Vander Elst, iċċitata aktar 'il fuq, billi jsostni li dan ir-rekwiżit jippermetti li jiġi vverifikat li l-ħaddiem kollokat li huwa ċittadin ta' Stat terz għandu impjieg regolari u abitwali fl-Istat Membru ta' stabbiliment ta' min jimpjegah. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma żiditx mal-kunċett ta' "impjieg regolari u abitwali" il-kundizzjoni ta' residenza jew impjieg għal żmien determinat fl-Istat ta' stabbiliment ta' l-impriża li tipprovdi servizzi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

52     F'dan ir-rigward, l-obbligu impost, fil-kuntest ta' l-AVRAG, fuq impriża li tipprovdi servizzi sabiex tinforma, qabel ma ssir kollokazzjoni, lill-awtoritajiet lokali dwar il-preżenza ta' wieħed jew iktar ħaddiema impjegati li għandhom jiġu kkollokati, iż-żmien previst ta' din il-preżenza u s-servizz jew servizzi li jiġġustifikaw il-kollokazzjoni jikkostitwixxi miżura daqstant effikaċji u inqas restrittiva mir-rekwiżit in kwistjoni. Fil-fatt, huwa jippermetti lil dawn l-awtoritajiet jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali u tas-salarji Awstrijaka matul il-kollokazzjoni billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-obbligi li għalihom l-impriża hija diġà suġġetta skond ir-regoli ta' dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta' oriġini.

53     Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta' attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea teċċedi dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-objettiv ta' protezzjoni tal-ħaddiema.

54     It-tieni nett, il-Gvern Awstrijak jenfasizza li l-proċedura ta' attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea hija intiża sabiex tevita li s-suq nazzjonali ta' l-impjieg jiġi mfixkel minn affluss ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz.

55     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru u li jiġu kollokati fi Stat Membru ieħor sabiex jiġu pprovduti servizzi, ma jippretendux li jkollhom aċċess għas-suq ta' l-impjieg ta' dan it-tieni Stat, peress illi huma jirritornaw lejn il-pajjiżi ta' oriġini jew ta' residenza tagħhom wara li jkunu wettqu xogħolhom (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

56     Ċertament, Stat Membru jista' jivverifika li l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka fit-territorju tiegħu ħaddiema ta' Stat terz, ma tużax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bi skop ieħor għajr it-twettiq tas-servizz ikkonċernat, per eżempju bl-għan li ġġib il-personal tagħha sabiex jiġu impjegati jew it-tqiegħid għad-dispożizzjoni ta' ħaddiema (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Rush Portuguesa, punt 17, u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, punt 39). Madankollu, il-proċedura ta' attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea ma tistax tiġi kkunsidrata bħala mezz adattat sabiex jinkiseb l-objettiv invokat mill-Gvern Awstrijak.

57     L-informazzjoni mogħtija skond il-proċedura dwar id-dikjarazzjoni minn qabel prevista fl-AVRAG u msemmija fil-punt 52 ta' din is-sentenza kif ukoll dik trażmessa fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ ta' permess ta' residenza tagħti lill-awtoritajiet Awstrijaċi l-possibbiltà li jassiguraw li l-ħaddiema kkonċernati huma f'qagħda regolari, partikolarment fir-rigward ta' kundizzjonijiet ta' residenza, ta' permess ta' xogħol u ta' sigurtà soċjali, fl-Istat Membru fejn l-impriża timpjegahom, u toffri lill-imsemmija awtoritajiet, b'mod anqas restrittiv u daqstant effikaċi daqs ir-rekwiżiti in kwistjoni, garanziji dwar ir-regolarità tal-qagħda ta' dawn il-ħaddiema u dwar il-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi servizzi.

58     Minn dan jirriżulta li l-proċedura ta' attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea ma tistax tiġi ġġustifikata bl-objettiv li jiġi evitat tfixkil tas-suq nazzjonali ta' l-impjieg u, għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata bħala disproporzjonata sabiex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa mir-Repubblika ta' l-Awstrija.

 Fuq it-tieni lment ibbażat fuq in-natura awtomatika tar-rifjut ta' permess ta' dħul u ta' residenza kif previst fl-Artikolu 10(1)(3) tal-FrG

59     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li s-suġġett relattiv għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' Stati terzi fit-territorju ta' Stat Membru, fil-kuntest ta' kollokazzjoni mwettqa minn impriża li tipprovdi servizzi u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, mhuwiex armonizzat fuq livell Komunitarju.

60     Madankollu, il-kontroll li jeżerċita Stat Membru għal dak li jikkonċerna dan is-suġġett ma jistax jaffettwa l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta' l-impriża li timpjega l-imsemmija ċittadini (sentenza Seco u Desquenne & Giral, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12).

61     F'din il-kawża, billi jeskludi kull possibbiltà ta' regolarizzazzjoni tal-qagħda ta' ħaddiem li huwa ċittadin ta' Stat terz, kollokat legalment minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, u li daħal fit-territorju Awstrijak mingħajr dokument validu ta' dħul jew ta' residenza, filwaqt illi tali rekwiżit huwa meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, l-Artikolu 10(1)(3) tal-FrG jipprovdi restrizzjoni għall-eżerċizzju minn din l-impriża ta' attivitajiet ta' provvista ta' servizzi. Fil-fatt din id-dipożizzjoni tesponi lil dan il-ħaddiem għal riskju ta' tkeċċija mit-territorju nazzjonali, li tista' tikkomprometti r-realizzazzjoni ta' l-operazzjoni ta' kollokazzjoni prevista.

62     Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-impriża li tipprovdi servizzi li trid tevita d-diffikultajiet marbuta ma' l-impossibbiltà li tiġi rregolarizzata tali qagħda hija obbligata tassigura ruħha, qabel ma tipproċedi għall-kollokazzjoni, li kull ħaddiem ikkonċernat bil-kollokazzjoni għandu dokument li jippermettilu jidħol fit-territorju Awstrijak, li jista' jiddisswadi impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor milli tipprovdi, fl-Awstrija, servizzi permezz tal-kollokazzjoni ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz.

63     Il-Gvern Awstrijak jiġġustifika, madankollu, tali restrizzjoni b'motivi marbuta mal-ħarsien ta' l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika.

64     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, tali ġustifikazzjoni tista' tiġi invokata biss f'każ ta' theddida reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara s-sentenzi tad-29 ta' Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 46, u ta' l-14 ta' Ottubru 2004, Omega, C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 30).

65     Naturalment, mhuwiex ikkontestat li d-dħul ta' ċittadin ta' stat terz, li huwa suġġett għall-obbligu ta' viża, fit-territorju ta' Stat Membru mingħajr viża jikkostitwixxi reat. Madankollu, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-interdizzjoni awtomatika li jinħareġ dokument ta' dħul jew ta' residenza lil ħaddiem kollokat li huwa ċittadin ta' Stat terz u li daħal fit-territorju nazzjonali mingħajr il-viża meħtieġa tikkostitwixxi sanzjoni ħafna inqas proporzjonata għall-gravità tar-reat imwettaq li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ħaddiem kollokat, li mhuwiex fil-pussess ta' viża, huwa f'qagħda regolari fit-territorju ta' l-Istat Membru minn fejn ġie kollokat kif ukoll għal dak li jirrigwarda r-regoli Awstrijaċi fil-qasam ta' kollokazzjoni u, għaldaqstant, ma jistax jirrappreżenta ex officio theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

66     Barra minn hekk, l-argumenti tal-Gvern Awstrijak ibbażati fuq in-numru ristrett ta' ċittadini ta' Stat terz li fil-konfront tagħhom jista' japplika dan l-obbligu ta' rifjut awtomatiku u l-fatt li ma jkunx opportun li tiġi stabbilita interdizzjoni ta’ residenza fir-rigward ta’ ċittadin ta' Stat terz li jinsab fit-territorju Awstrijak mhumiex rilevanti. Fil-fatt, permezz ta' l-informazzjoni mogħtija fil-kuntest tad-dikjarazzjoni qabel il-kollokazzjoni msemmija fil-punti 52 u 57 ta' din is-sentenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dejjem jistgħu jadottaw, skond il-każ, il-miżuri neċessarji jekk jirriżulta li ħaddiem li għandu jiġi kollokat jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika qabel ma huwa jidħol fit-territorju Awstrijak.

67     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li n-natura awtomatika tar-rifjut li jinħareġ dokument ta' dħul u ta' residenza f'każ ta' dħul ta' ħaddiem kollokat legalment, li huwa ċittadin ta' Stat terz, mingħajr viża fit-territorju Awstrijak għandha tiġi kkunsidrata bħala disproporzjonat b'relazzjoni għall-objettiv li għandu jintlaħaq.

68     Jirriżulta minn dak kolli li ntqal li, minn naħa, billi ssuġġettat il-kollokazzjoni ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-kisba ta' l-"attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea" prevista fl-Artikolu 18(12) sa (16) ta' l-AuslBG, li l-ħruġ tagħha jirrikjedi, l-ewwel nett, li l-ħaddiema kkonċernati jkunu ilhom impjegati mill-imsemmija impriża għal mill-inqas sena jew li jkunu marbuta b'kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat u, it-tieni nett, il-prova ta' l-osservanza tal-kundizzjonijiet Awstrijaċi ta' impjieg u ta' salarju, u min-naħa l-oħra, billi pprovdiet fl-Artikolu 10(1)(3) tal-FrG motiv għal rifjut awtomatiku ta' dokument ta' dħul u ta' residenza, mingħajr eċċezzjoni, li ma jippermettix li tiġi rregolarizzata l-qagħda tal-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz, kollokati legalment minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija ħaddiema jkunu daħlu fit-territorju nazzjonali mingħajr viża, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 49 KE.

 Fuq l-ispejjeż

69     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta' l-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Minn naħa, billi ssuġġettat il-kollokazzjoni ta' ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, għall-kisba ta' l-"attestazzjoni ta' kollokazzjoni Ewropea" prevista fl-Artikolu 18(12) sa (16) tal-liġi Awstrijaka dwar l-impjieg ta' ħaddiema barranin (Ausländerbeschäftigungsgesetz), li l-ħruġ tagħha jirrikjedi, l-ewwel nett, li l-ħaddiema kkonċernati jkunu ilhom impjegati mill-imsemmija impriża għal mill-inqas sena jew li jkunu marbuta b'kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat u, it-tieni nett, il-prova ta' l-osservanza tal-kundizzjonijiet Awstrijaċi ta' impjieg u ta' salarju, u min-naħa l-oħra, billi pprovdiet fl-Artikolu 10(1)(3) tal-liġi dwar il-barranin (Fremdengesetz) motiv għal rifjut awtomatiku ta' dokument ta' dħul u ta' residenza, mingħajr eċċezzjoni, li ma jippermettix li tiġi rregolarizzata l-qagħda tal-ħaddiema li huma ċittadini ta' Stat terz, kollokati legalment minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta l-imsemmija ħaddiema jkunu daħlu fit-territorju nazzjonali mingħajr viża, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset mill-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 49 KE.

2)      Ir-Repubblika ta' l-Awstrija għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top