This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0167
Judgment of the Court (Second Chamber) of 21 September 2006.#JCB Service v Commission of the European Communities.#Appeals - Cartels - Article 81 EC - Distribution agreements - Concerted practices - Notification - Form A/B - Application for exemption - Rejection - Duration of the assessment of the notification procedure - Rights of the defence - Presumption of innocence - Complaint - Infringement - General prohibition on passive sales - Limitation of the sources of supply - New pleas in law - Fines - Guidelines - Gravity of the infringement - Duration - Attenuating circumstances - Cross-appeal - Aggravating circumstances.#Case C-167/04 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Settembru 2006.
JCB Service vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Akkordji - Artikolu 81 KE - Ftehimiet ta' distribuzzjoni - Prattiċi miftiehma - Notifikazzjoni - Formula A/B - Applikazzjoni għal eżenzjoni - Rifjut - Dewmien ta' l-eżami tal-proċedura ta' notifikazzjoni - Drittijiet tad-difiża - Preżunzjoni ta' innoċenza - Ilment - Ksur - Projbizzjoni ġenerali ta' bejgħ passiv - Limitazzjoni tal-fonti ta' provvista - Motivi u argumenti ġodda - Multi - Linji gwida - Gravità tal-ksur - Dewmien - Ċirkustanzi attenwanti - Appell inċidentali - Ċirkustanzi aggravanti.
Kawża C-167/04 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Settembru 2006.
JCB Service vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Akkordji - Artikolu 81 KE - Ftehimiet ta' distribuzzjoni - Prattiċi miftiehma - Notifikazzjoni - Formula A/B - Applikazzjoni għal eżenzjoni - Rifjut - Dewmien ta' l-eżami tal-proċedura ta' notifikazzjoni - Drittijiet tad-difiża - Preżunzjoni ta' innoċenza - Ilment - Ksur - Projbizzjoni ġenerali ta' bejgħ passiv - Limitazzjoni tal-fonti ta' provvista - Motivi u argumenti ġodda - Multi - Linji gwida - Gravità tal-ksur - Dewmien - Ċirkustanzi attenwanti - Appell inċidentali - Ċirkustanzi aggravanti.
Kawża C-167/04 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:594
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Settembru 2006 (*)
“Appell – Akkordji – Artikolu 81 KE – Ftehimiet ta’ distribuzzjoni – Prattiċi miftiehma – Notifikazzjoni – Formula A/B – Applikazzjoni għal eżenzjoni – Rifjut – Dewmien ta’ l-eżami tal-proċedura ta’ notifikazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Ilment – Ksur – Projbizzjoni ġenerali ta’ bejgħ passiv – Limitazzjoni tal-fonti ta’ provvista – Motivi u argumenti ġodda – Multi – Linji gwida – Gravità tal-ksur – Dewmien – Ċirkustanzi attenwanti – Appell inċidentali – Ċirkustanzi aggravanti”
Fil-kawża C-167/04 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-5 ta’ April 2004,
JCB Service, irrappreżentata minn E. Morgan de Rivery u E. Friedel, avukati,
rikorrenti
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C.W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta’ l-appell, il-kumpannija JCB Service titlob l-annullament totali jew parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni (T-67/01, Ġabra p. II-49, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li fiha hija laqgħet parzjalment ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/190/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP.F.1/35.918 - JCB) (ĠU L 69, 2002, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
Il-kuntest ġuridiku
2 L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] u tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 17”) jipprovdi li fuq applikazzjoni ta' l-impriża jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tista’ tiddeċiedi li, abbażi tal-fatti fil-pussess tagħha, mhemmx għalfejn tieħu azzjoni fir-rigward ta’ ftehim, deċiżjoni jew prattika skond l-Artikolu 81(1) KE jew l-Artikolu 82 KE.
3 Skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-istess Regolament, fejn il-Kummissjoni, fuq applikazzjoni jew ex officio, issib illi hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 KE jew 82 KE, hija tista’, permezz ta’ deċiżjoni, titlob mill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati li jtemmu dan il-ksur.
4 L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi miftiehma koperti mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 81(1) KE tat-Trattat li jibdew jeżistu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u li fir-rigward tagħhom il-partijiet jixtiequ li jiġi applikat l-Artikolu 81(3) KE għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni.
5 Skond l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 27, tat-3 ta’ Mejju 1962, l-ewwel Regolament li japplika r-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962 (Forma, kontenut u modalitajiet oħra dwar applikazzjonijiet u notifiki) (ĠU 35, 1962, p. 1118), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1133/68/KEE, tas-26 ta’ Lulju 1968 (ĠU L 189, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 27”), l-applikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17 u li jikkonċernaw l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 81(1) KE kif ukoll in-notifikazzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan l-aħħar Regolament għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ formola A/B u għandu jinkludu l-informazzjoni mitluba f’din il-formola.
6 L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 li jirrigwarda l-multi jgħid:
“[...]
2. Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:
(a) dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat: jew
(b) dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).
Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.
[...]
5. Il-multi pprovduti fil-paragrafu 2 (a) m’għandhomx ikunu imposti għal atti li jseħħu:
(a) wara n-notifikazzjoni lill-Kummissjoni u qabel id-deċiżjoni tagħha fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu [81](3) tat-Trattat, sakemm dawn jaqgħu fil-limiti ta' l-attivita deskritta fin-notifikazzjoni [...]”
7 Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ta’ l-14 ta’ Jannar 1998, intitolata “Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), tgħid b’mod partikolari:
“Il-prinċipji ndikati hawnhekk għandhom jiżguraw [i]t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10% [tad-dħul mil]-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.
Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew [jitnaqqas] biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità."
8 Skond il-punt 1 tal-linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa huwa ddeterminat skond il-gravità u d-dewmien tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17.
9 Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, skond dawn l-istess linji gwida, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura propja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista' jiġi kkalkolat u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.
10 F’dan ir-rigward, il-punt 1A, ta’ l-imsemmija linji gwida jiddistingwi bejn ksur ftit serju, serju u serju ħafna. Għall-ksur serju ħafna, l-istess punt jippreċiża li dan ġeneralment jikkonsisti f'restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “konsorzji ta’ prezzijiet” u kwoti ta’ tqassim tas-swieq, jew prattiċi oħrajn li huma ta’ ħsara għall-operat tajjeb tas-suq intern, bħalma huma dawk intiżi sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali jew abbużi ċari ta' pożizzjoni dominanti ta’ impriżi f’sitwazzjoni ta’ kważi-monopolju.
11 Fir-rigward tad-dewmien tal-ksur, fil-punt 1B tal-linji gwida, issir distinzjoni bejn il-ksur ta’ dewmien qasir – ġeneralment ta’ inqas minn sena – li ma jwassalx għal żieda fil-multa bażika, il-ksur ta’ dewmien medju – ġeneralment minn sena sa ħames snin – u dak ta’ dewmien twil – ġeneralment iżjed minn ħames snin – li fir-rigward tiegħu l-ammont tal-multa jista' jiġi ffissat għal kull sena għal 10 % ta’ l-ammont iddeterminat għall-gravità tal-ksur.
12 Il-punt 2 ta’ dawn il-linji gwida jipprovdi għal żieda ta’ l-ammont bażiku minħabba ċirkustanzi aggravanti, bħal b’mod partikolari l-miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra impriżi oħrajn bil-għan li jiġu rispettati d-deċiżjonijiet jew il-prattiċi li jikkostitwixxu ksur. It-tnaqqis ta’ l-ammont bażiku minħabba ċirkustanzi attenwanti partikolari huwa wkoll previst fil-punt 3 ta’ l-imsemmija linji gwida.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
13 JCB Service hija kumpannija inkorporata taħt il-liġi Ingliża, li l-ishma tagħha huma miżmuma mill-kumpannija Transmissions and Engineering Services Netherlands BV. Hija għandha l-proprjetà u l-kontroll dirett jew indirett tal-kumpanniji tal-grupp JCB, li jinkludu 28 kumpannija fosthom, b’mod partikolari JC Bamford Excavators, JCB Sales, JCB SA, JCB Germany u JCB Spain. Il-grupp JCB jipproduċi u jikkumerċjalizza makkinarju għas-siti ta' kostruzzjoni, makkinarju li jneħħi l-bċejjeċ tal-ġebel u tagħmir għall-kostruzzjoni kif ukoll makkinarju agrikolu u spare parts għal dawn id-diversi prodotti.
14 In-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB huwa strutturat fuq bażi nazzjonali permezz ta’ kumpannija sussidjarja f'kull Stat Membru (ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta' l-Olanda) jew permezz ta’ importatur esklużiv.
15 Żewġ kumpanniji tal-grupp JCB (JC Bamford Excavators u JCB Sales) innotifikaw lill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Ġunju ta’ l-1973, skond il-formola A/B imfassla skond ir-Regolament Nru 27, dwar numru ta’ ftehimiet standard ta’ distribuzzjoni, li kellhom jiġu konklużi mad-distributuri jew il-bejjiegħa prinċipali marbuta mal-grupp. Dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw Stati Membri tas-suq komuni, minbarra r-Repubblika Franċiża. Uħud mill-kumpanniji tal-grupp JCB innotifikaw lill-Kummissjoni wkoll dwar xi ftehimiet applikabbli fi Stati oħrajn li, sadanittant, saru Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġifieri r-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja,u r-Renju ta’ l-Iżvezja jew, taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jiġifieri r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja.
16 Il-ftehimiet ikkonċernati ġew irreġistrati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 1973.
17 B’ittra tas-27 ta’ Ottubru 1975, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni indika lil JCB Sales li l-ftehimiet innotifikati kienu jinkludu numru ta’ restrizzjonijiet li kienu jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 KE u talbet sabiex dawn jiġu emendati. Il-Kummissjoni bbażat l-attenzjoni tagħha fuq il-ftehimiet relatati mas-suq komuni, u indikat, fir-rigward tal-ftehimiet l-oħra, li ma kienx jidher li dawn setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
18 F’laqgħa miżmuma fit-18 ta’ Diċembru 1975, bejn il-membri tad-DĠ “Kompetizzjoni” u JCB Service, din ta’ l-aħħar kienet ippreżentat verżjonijiet modifikati tal-ftehimiet li kienu jikkonċernaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq u Stati Membri oħrajn tas-suq komuni fiż-żmien meta seħħew il-fatti, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Franċiża.
19 B’ittra tat-13 ta’ Jannar 1976, il-Kummissjoni ddikjarat li rċiviet dawn il-verżjonijiet il-ġodda u indikat lil JCB Sales li ċerti inkompatibbiltajiet preċedentement indikati kienu ġew solvuti, filwaqt li oħrajn kienu għadhom jeżistu. Barra minn hekk, hija talbet biex jiġu ppreċiżati numru ta’ klawżoli ta’ dawn il-ftehimiet.
20 JCB Sales irrispondiet għal din it-talba b’ittra tal-11 ta’ Marzu 1976 u tat informazzjoni dettaljata dwar l-inkompatibbiltajiet li allegatament kienu għadhom jeżistu skond l-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 1976.
21 Barra minn hekk, f’laqgħa li saret fit 18 ta’ Marzu 1976, JCB Service ikkomunikat ċerti elementi ta’ informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni mingħajr madankollu ma tat verżjoni ġdida tal-ftehimiet ikkonċernati.
22 Fl-istess data, JCB Service ikkomunikat ukoll kopja ta’ ftehim li hija kienet ikkonkludiet mal-kumpannija sussidjarja Franċiża tagħha JCB SA u li kien simili għall-ftehimiet li diġà kienu ġew innotifikati.
23 Ma kienx hemm żviluppi fil-fajl tan-notifikazzjonijiet tal-grupp JCB sas-6 ta’ Marzu 1980, data li fiha JCB Sales bagħtet il-ftehim standard konkluż mad-distributuri stabbiliti fir-Renju Unit lill-Kummissjoni, liema ftehim issostitwixxa l-ftehimiet innotifikati fl-1973 u fl-1975 li kienu skadew u li, skond din il-kumpannija, kellu biss emendi żgħar.
24 B’ittra tad-29 ta’ Diċembru 1995, JCB Sales bagħtet ftehim standard ieħor lill-Kummissjoni li ġie konkluż mad-distributuri tar-Renju Unit, intiż sabiex jissostitwixxi l-ftehim innotifikat fl-1980.
25 Iż-żewġ ftehimiet imsemmija hawn fuq ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni permezz tal-formola A/B u din ma rreaġixxietx għall-ftehimiet li ntbagħtu.
26 Deċiżjoni tat-Tribunal de commerce de Paris (Franza) tal-11 ta’ Diċembru 1995 ċaħdet parzjalment l-azzjoni ta’ kompetizzjoni żleali li l-kumpannija sussidjarja ta’ JCB Service fi Franza, JCB SA, li ddikjarat ruħha bħala importatriċi esklużiva tal-prodotti tal-grupp JCB fi Franza, kienet għamlet fit-28 ta’ Novembru 1990 kontra l-kumpannija Central Parts SA (iktar ’il quddiem “Central Parts”), li kienet takkwista spare parts ta' dan il-grupp fir-Renju Unit bil-għan li terġa' tbiegħhom fi Franza. JCB SA kienet akkużat lil Central Parts li użat is-sinjal “JCB” u l-indikazzjoni “distributur awtorizzat” mingħajr awtorizzazzjoni. Sussegwentement, din is-sentenza nqalbet mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (Franza) tat-8 ta’ April 1998, għar-raġuni li Central Parts kienet ikkommettiet atti ta’ kompetizzjoni żleali fil-konfront ta’ JCB SA.
27 Fil-15 ta’ Frar 1996, Central Parts ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni fir-rigward tal-prattiċi kummerċjali tal-kumpannija JCB Gran Brittanja li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tal-prodotti tagħha.
28 Sabiex tivverifika u tikkompleta l-informazzjoni fil-pussess tagħha, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, wettqet investigazzjoni fil-bini ta’ JCB Service, tal-kumpannija sussidjarja Franċiża tagħha, JCB SA, u ta' tnejn mill-konċessjonarji tagħha fir-Renju Unit, jiġifieri Gunn JCB Ltd, stabbilita f’Altrincham u Watling JCB Ltd stabbilita f’Leicester.
29 Fl-24 ta’ Marzu 1998, il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel komunikazzjoni ta’ l-ilmenti lil JCB Bamford Excavators, li ma ħaditx in kunsiderazzjoni n-notifikazzjoni tal-ftehimiet li saret fl-1973, fatt li l-parti kkonċernata semmiet, fis-6 ta’ Lulju 1998, fin-nota ta' l-osservazzjonijiet tagħha b'risposta għad-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, kif ukoll meta nstemgħet mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ottubru 1998.
30 Komunikazzjoni ta’ l-ilmenti oħra, li ħadet in kunsiderazzjoni din in-notifikazzjoni tal-ftehimiet li saret fl-1973, intbagħtet lil JCB Service, fit-30 ta’ Lulju 1999, li għaliha JCB Bamford Excavators irrispondiet permezz ta’ dikjarazzjonijiet bil-miktub, fit-13 ta’ Diċembru 1999, segwiti minn dikjarazzjonijiet orali f'seduta li saret f’Jannar 2000.
Id-deċiżjoni kontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
31 Fil-21 ta’ Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża. Wara li fakkret il-kuntest fattwali rilevanti f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat, l-ewwel nett, il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE min-naħa ta' JCB Service u l-kumpannija sussidjarja tagħha (premessi 137 sa 196 tad-deċiżjoni kontenzjuża).
32 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-ftehimiet kontenzjużi kellhomx bħala għan jew riżultat ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Wara l-evalwazzjoni ta’ l-għan u r-riżultat restrittiv tal-ftehimiet u l-prattiċi kollha in kwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li f’dan il-każ kien jeżisti tqassim tas-swieq nazzjonali u protezzjoni territorjali assoluta. Fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ JCB Service u tal-kumpanniji sussidjarji tagħha fis-swieq ikkonċernati u n-natura stess tar-restrizzjonijiet li jimplikaw it-tqassim tas-swieq bejn numru ta’ Stati membri permezz ta' protezzjoni territorjali assoluta u l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni speċifikat li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u l-effetti probabbli fuq il-kummerċ bejn Stati Membri huma sostanzjali.
33 B’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehimiet kontenzjużi għandhomx bħala għan jew bħala riżultat ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li JCB Service u l-konċessjonarji tagħha applikaw diversi ftehimiet jew prattiċi miftiehma li għandhom bħala għan jew riżultat individwali r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’diversi Stati membri, fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE. Dawn kienu elementi ta’ ftehim iktar wiesgħa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, skond dan l-Artikolu, u li jirregola d-distribuzzjoni ta’ makkinarju u ta' l-ispare parts tal-grupp JCB fil-Komunità Ewropea.
34 Dawn l-elementi li, skond il-Kummissjoni, m’għandhomx bżonn li jiġu ddefiniti b’mod iżjed preċiż bħala ftehimiet jew bħala prattiċi miftiehma peress li huma jaqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE huma dawn li ġejjin:
– projbizzjoni jew restrizzjoni għall-konċessjonarji tal-grupp JCB milli jbigħu barra mit-territorji li ġew allokati lilhom, u b’mod partikolari fi Stati Membri oħra, li tkopri bejgħ attiv jew passiv, lil konsumaturi finali u bejjiegħa, awtorizzati u mhux awtorizzati;
– impożizzjoni ta’ ħlas għal servizz ta’ wara l-bejgħ fuq il-bejgħ magħmul mill-konċessjonarji barra mit-territorji rispettivi tagħhom, u b’mod partikolari fi Stati Membri oħra;
– applikazzjoni, f’kull każ fir-Renju Unit, tas-sistema ta’ rimunerazzjoni msejħa “għajnuna kummerċjali għat-tranżazzjonijiet multipli” li tagħmel it-tnaqqis akkordat lill-konċessjonarji dipendenti mid-destinazzjoni tal-bejgħ u tillimitah għal bejgħ lill-konsumaturi finali;
– determinazzjoni tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid jew bl-imnut jew tat-tnaqqis fuq il-prodotti mixtrija mill-grupp JCB bil-għan li jerġgħu jinbiegħu minn konċessjonarji ta’ dan il-grupp u
– obbligu għall-konċessjonarji li jixtru l-makkinarji u l-ispare parts kollha intenzjonati għall-bejgħ mill-ġdid esklużivament mill-grupp JCB, bil-projbizzjoni, b’mod partikolari, li jixtru minn konċessjonarji ta’ Stati Membri oħra.
35 Fir-rigward ta’ l-għan u r-riżultat restrittiv ta’ l-elementi diversi tal-ftehimiet kollha, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-kuntest tad-differenzi fil-prezzijiet u tal-benefiċċji bejn l-Istati Membri għall-makkinarji u l-ispare parts tal-grupp JCB jispjega l-interess tiegħu u ta’ wħud mill-konċessjonarji tiegħu biex iqassmu s-swieq nazzjonali u jiffissaw il-prezzijiet għall-bejgħ mill-ġdid jew it-tnaqqis ġewwa s-suq komuni sabiex iwaqqfu lix-xerrejja milli jgawdu mid-differenzi kbar ta’ prezzijiet fil-Komunità.
36 Fil-premessa 181 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat li r-restrizzjonijiet kollha stabbiliti fil-ftehim bejn il-grupp JCB u l-konċessjonarji tiegħu mingħajr dubju jsegwu għan ta’ tqassim tas-swieq nazzjonali ġewwa s-suq komuni sabiex jiżguraw protezzjoni territorjali assoluta.
37 Fil-premessa 182 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li, min-natura tagħhom stess, il-modalitajiet li jikkonċernaw it-tnaqqis li għandu jiġi applikat kif ukoll l-għan li jittieħed l-akbar vantaġġ possibbli mill-marġini grossi, adottati mill-grupp JCB u l-konċessjonarji Britanniċi tiegħu, joħolqu distorsjoni u jarmonizzaw il-prezzijiet tas-suq fit-territorji kollha. Skond hi, dan japplika wkoll għall-għajnuna finanzjarja partikolari offerta fi Franza mill-grupp JCB lill-konċessjonarji li kienu f’kompetizzjoni mal-bejjiegħa paralleli.
38 Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 185 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li d-disponibbiltà ta’ territorju bħala kundizzjoni neċessarja, u għalhekk bħala restrizzjoni, sabiex persuna ssir konċessjonarju tal-grupp JCB, m’għandhiex rapport dirett mal-kwalità tas-servizz li għandu jingħata. Distributur stabbilit f’reġjun fejn konċessjonarju tal-grupp JCB, li bih hu kompletament sodisfatt dan ta' l-aħħar, jopera, m’għandu l-ebda possibbiltà li jsir konċessjonarju ta’ dan il-grupp, ikun x'ikun il-mertu jew il-potenzjal reali tiegħu. Bħala riżultat ta' din il-limitazzjoni, in-numru ta’ konċessjonarji u l-kompetizzjoni li tirriżulta huma kwantitattivament limitati mill-kundizzjoni li territorju għandu jiġi allokat lilhom. Din il-limitazzjoni prevista mis-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tal-grupp JCB, li ma hi la ta’ natura kwalitattiva u lanqas iffissata uniformement għall-bejjiegħa potenzjali kollha, tista' taqa' taħt l-Artikolu 81(1) KE.
39 Barra minn hekk, skond il-premessa 187 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-konċessjonarji Britanniċi li huma pprojbiti milli jbigħu makkinarji ġodda lil bejjiegħa mhux awtorizzati huma wkoll mitluba li jħallsu kummissjoni għas-servizz ta’ wara l-bejgħ fuq il-bejgħ magħmul barra mit-territorju tagħhom. Din il-kummissjoni hija ntiża sabiex jinżamm il-livell tal-kwalità tas-servizz ta’ wara l-bejgħ tal-grupp JCB, filwaqt li l-konċessjonarju lokali jiġi kkumpensat għall-ispejjeż ta’ l-għoti ta’ servizzi għal makkinarju li ma jkunx biegħ.
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond il-premessa 188 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-projbizzjoni li jinbiegħ il-makkinarju direttament jew indirettament lil bejjiegħa mhux awtorizzati stabbiliti f’pajjiżi fi Stati Membri oħrajn tmur lilhinn mill-għan li jikkonsisti fl-iżgurar ta' livell għoli ta’ kwalità ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ u għandha bħala għan u bħala riżultat li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.
41 Skond il-premessa 189 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-effetti tat-tqassim tas-suq li jirriżultaw mill-esklużività territorjali li tirrestrinġi l-bejgħ bejn il-fruntieri flimkien mal-klawżoli selettivi ġew estiżi minħabba tliet restrizzjonijiet oħra, jiġifieri, l-ewwel nett, il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni tal-provvisti reċiproki (cross-supplies) fi ħdan in-netwerk uffiċjali, it-tieni nett, il-kummissjoni għas-servizz ta’ wara l-bejgħ miġbura fuq il-bejgħ magħmul barra mit-territorju allokat u t-tielet nett, fir-Renju Unit, is-sistema ta’ għajnuna kummerċjali għat-tranżazzjonijiet multipli.
42 F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, l-ewwel nett ikkonkludiet, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-għanijiet u r-riżultati ta’ l-elementi differenti tal-ftehim jgħinu lil xulxin sabiex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ġewwa jew barra n-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB sabiex jiżguraw protezzjoni territorjali assoluta. Id-distribuzzjoni selettiva (projbizzjoni milli jbigħu lil bejjiegħa mhux awtorizzati) prevista fil-ftehimiet ta’ konċessjoni tal-grupp JCB flimkien, l-ewwel nett, mat-tliet kategoriji ta’ restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq, it-tieni nett, mar-restrizzjonijiet l-oħrajn li jarmonizzaw artifiċjalment il-prezzijiet u t-tnaqqis f'territorji differenti u, fl-aħħar nett, mal-protezzjoni territorjali li tirrestrinġi l-bejgħ passiv għandhom kjarament bħala għan it-tqassim b’mod anti-kompetittiv tas-swieq nazzjonali tal-Komunità u, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE.
43 It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 81(3) KE kinux sodisfatti u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ hawnhekk (premessi 197 sa 222 tad-deċiżjoni kontenzjuża).
44 It-tielet nett, wara li kkunsidrat li hija ma kellha l-ebda prova li kien ingħata tmiem għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 KE u wara li kkonstatat li l-grupp JCB jiċħad l-eżistenza ta’ dan il-ksur, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17, qieset, fil-premessa 224 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li hemm lok li l-grupp JCB jintalab itemm l-imsemmi ksur.
45 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq il-multa li għandha tingħata. F’dan ir-rigward, u qabel ma ddeċidiet fuq din il-multa, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 228 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li huma biss il-ftehimiet innotifikati fit-30 ta’ Ġunju 1973 permezz tal-formola A/B li kienu ġew debitament innotifikati. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, il-ftehimiet l-oħra kkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr ma ġiet użata din il-formola ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17.
46 Fir-rigward ta’ l-ammont tal-multa li għandha tingħata, il-Kummissjoni fakkret, fil-premessa 247 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-gravità u d-dewmien tal-ksur, filwaqt li jitqiesu wkoll, jekk ikun meħtieġ, iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti.
47 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qieset fil-premessa 251 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur li kien sar kien “gravi ħafna” u, minħabba dan, hija ffissat il-multa għal EUR 25 000 000.
48 It-tieni nett, fir-rigward tad-dewmien tal-ksur, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 252 ta’ din id-deċiżjoni, li l-provi juru li l-elementi differenti tal-ksur kienu fis-seħħ mill-1988 sa l-1998.
49 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 253 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-perijodu ta’ ħdax-il sena li matulu għall-inqas element wieħed minn dawn il-ftehimiet u prattiċi ġie applikat għandu jiġi kkunsidrat bħala perijodu twil. Imbagħad, fil-premessa 254 ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonkludiet li l-ammont bażiku tal-multa li jirriżulta mill-gravità u d-dewmien tal-ksur għandu jiġi ffissat għal EUR 38 750 000.
50 Fl-aħħar nett, billi ħadet in kunsiderazzjoni ċirkustanza aggravanti, jiġifieri s-sanzjoni fi flus applikata lil distributur bħala miżura ta' ritaljazzjoni għal bejgħ magħmul ’il barra mit-territorju, il-Kummissjoni żiedet bi EUR 864 000 il-multa imposta filwaqt li ppreċiżat, fil-premessa 257, li ma kinux jeżistu ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni. B’hekk, l-ammont totali tal-multa imposta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, telgħet għal EUR 39 614 000.
51 Għaldaqsant, id-deċiżjoni kontenzjuża tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Artikolu 1
JCB Service u l-kumpanniji sussidjarji tagħha kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE, billi kkonkludew ftehimiet jew prattiċi miftiehma ma’ xi konċessjonarji bil-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali u jassiguraw protezzjoni assoluta fit-territorji esklużivi li barra minnhom il-konċessjonarji huma pprojbiti milli jagħmlu bejgħ attiv, u li jinkludu l-elementi li ġejjin:
a) restrizzjonijiet fuq bejgħ passiv minn konċessjonarji stabbiliti fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fi Franza u fl-Italja, li jinkludi l-bejgħ lil bejjiegħa mhux awtorizzati, lill-konsumaturi finali jew lill-konċessjonarji barra mit-territorji esklużivi, u b’mod partikolari fi Stati Membri oħra;
b) restrizzjonijiet fuq il-fonti ta’ provvista li jikkonċernaw ix-xiri ta’ prodotti kuntrattwali minn konċessjonarji stabbiliti fi Franza u fl-Italja, li jimpedixxu l-provvisti reċiproki bejn konċessjonarji;
ċ) iffissar ta’ tnaqqis jew ta’ prezzijiet għal bejgħ mill-ġdid applikabbli mill-konċessjonarji stabbiliti fir-Renju Unit u fi Franza;
d) impożizzjoni ta’ kummissjonijiet għal servizz ta’ wara l-bejgħ fuq il-bejgħ lil Stati Membri oħra effettwat minn konċessjonarji stabbiliti barra mit-territorji esklużivi tar-Renju Unit, fuq l-inizjattiva ta’ JC Bamford Excavators Ltd jew ta’ kumpanniji sussidjarji oħra ta’ JCB Service u skond il-parametri ffissati minn dawn il-kumpanniji, fejn b’hekk ir-rimunerazzjoni tal-konċessjonarji tiddependi mid-destinazzjoni ġeografika tal-bejgħ;
e) tneħħija tat-tnaqqis skond jekk il-bejgħ fir-Renju Unit isirx ġewwa jew barra mit-territorji esklużivi jew jekk il-konċessjonarji li fit-territorju tagħhom jintużaw il-prodotti kuntrattwali, jaslux għal ftehim mal-konċessjonarji bejjiegħa, fejn b’hekk ir-rimunerazzjoni tal-konċessjonarji tiddependi fuq id-destinazzjoni ġeografika tal-bejgħ.
Artikolu 2
L-applikazzjoni għal eżenzjoni ppreżentata minn JC Bamford Excavators Ltd fit-30 ta’ Ġunju 1973 hija rrifjutata.
Artikolu 3
Man-notifikazzjoni ta' din id-deċiżjoni, JCB Service u l-kumpanniji sussidjarji tagħha għandhom itemmu l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1. JCB Service jew il-kumpanniji sussidjarji tagħha, u b’mod partikolari JC Bamford Excavators Ltd, għandhom, fi żmien xahrejn min-notifikazzjoni ta' din id-deċiżjoni:
a) jinformaw lill-konċessjonarji tagħhom stabbiliti fil-Komunità li jistgħu jeffettwaw bejgħ passiv lil konsumaturi finali u lil konċessjonarji;
b) jemendaw il-ftehimiet konklużi mal-konċessjonarji tagħhom billi jawtorizzaw il-bejgħ passiv lil bejjiegħa mhux awtorizzati ġewwa t-territorji esklużivi ta’ konċessjonarji oħra u l-bejgħ attiv u passiv lil bejjiegħa mhux awtorizzati ġewwa t-territorju tagħhom stess, jew billi jawtorizzaw il-bejgħ attiv u passiv minn konċessjonarji lil konċessjonarji oħra, lil konsumaturi finali jew lill-aġenti tagħhom li huma debitament nominati barra t-territorju esklużiv tagħhom;
ċ) jemendaw il-ftehimiet konklużi mal-konċessjonarji tagħhom fl-Italja u fi Franza billi jawtorizzaw ix-xiri ta’ prodotti kuntrattwali minn konċessjonarji oħra stabbiliti fil-Komunità u konsegwentement jinformaw lill-konċessjonarji kollha stabbiliti fil-Komunità;
d) jinformaw lill-konċessjonarji tagħhom stabbiliti fil-Komunità li t-talbiet mis-sussidjarji intiżi sabiex jiksbu kummissjonijiet ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ mill-konċessjonarji mingħajr ma jkollhom il-prova ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-konċessjonarji kkonċernati huma kkunsidrati bħala nulli u għandhom jiġu injorati;
e) jinformaw lill-konċessjonarji tagħhom stabbiliti fir-Renju Unit li t-tnaqqis previst bħala għajnuna kummerċjali għat-tranżazzjonijiet multipli huwa mogħti indipendentement mill-fatt li l-bejgħ ikun ġie effettwat ġewwa t-territorju tal-konċessjonarji jew barra jew li jkun sar ftehim ma' konċessjonarji oħra barra minn dan it-territorju;
f) jgħaddu lill-Kummissjoni xi kopji tal-korrispondenza u tal-ftehimiet emendati msemmija iktar ’il fuq.
Artikolu 4
Multa ta’ EUR 39 614 000 hija imposta fuq JCB Service minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1, bl-eċċezzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ lil bejjiegħa mhux awtorizzati fir-Renju Unit, li għalihom ma ġiet imposta ebda multa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
52 B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Marzu 2001 (kawża T-67/01), JCB Service ressqet, abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE, prinċipalment, talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, sussidjarjament, talba għall-annullament parzjali ta’ l-istess deċiżjoni u għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha.
53 Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-Artikolu 1(c) sa (e) u l-Artikolu 3(d) u (e) tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, skond il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza kkontestata, l-ammont tal-multa imposta fuq JCB Service fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni tnaqqset għal EUR 30 000 000. Fl-aħħar nett, skond il-punt 4 ta’ l-imsemmi dispożittiv, il-bqija tar-rikors ta’ JCB Service ġie miċħud.
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
54 Fl-appell tagħha, JCB Service titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tannulla s-sentenza kkontestata kollha safejn din ma tirrispettax il-leġiżlazzjoni Komunitarja billi hi ta’ ħsara lid-drittijiet tad-difiża ta’ JCB Service;
– tannulla s-sentenza kkontestata safejn, minn naħa, tikkundanna restrizzjoni allegatament ġenerali tal-bejgħ passiv mill-konċessjonarji stabbiliti fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fi Franza u fl-Italja, kif ukoll l-allegata restrizzjoni tal-fonti ta’ provvista tad-distributuri stabbiliti fi Franza u fl-Italja, li jostakolaw il-provvisti reċiproki bejn id-distributuri, u, min-naħa l-oħra, din timponi multa fuq JCB Service minħabba dan l-allegat ksur;
– tiddeċiedi hija stess il-kawża T-67/01 definittivament skond l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni kontenzjuża u, fl-eżerċizzju tal-kompetenza limitata tagħha, tannulla jew tnaqqas il-multa ta’ EUR 30 000 000 imposta fuq JCB Service mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata;
– skond l-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura, tordna lill-Kummissjoni biex tbati l-ispejjeż sostnuti kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;
– sussidjarjament f'każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix din il-kawża hija stess, tirriżerva l-ispejjeż u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal kunsiderazzjoni mill-ġdid, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
55 Fir-risposta tagħha ppreżentata fit-23 ta’ Ġunju 2004, skond l-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li fiha hija ressqet appell inċidentali kontra s-sentenza kkontestata, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tiċħad l-appell kollu kemm hu;
– tannulla s-sentenza kkontestata safejn din tnaqqas il-multa bl-ammont stabbilit biex tittieħed in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti (EUR 864 000) u, f’dan ir-rigward, iżżid il-multa ffissata mis-sentenza kkontestata bl-ammont korrispondenti;
– tordna lil JCB Service tbati l-ispejjeż ta’ din l-istanza.
56 B’ittra tas-26 ta’ Lulju 2004, JCB Service, skond l-Artikolu 117(1) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet l-awtorizzazzjoni biex tressaq replika.
57 B’deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2004, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza li tiġi ppreżentata replika li fiha JCB Service żammet it-talbiet relattivi għall-appell u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell inċidentali.
Fuq l-appell prinċipali
58 In sostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tas-sentenza kkontestata, JCB Service tagħti tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni wieħed fuq ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u t-tielet wieħed fuq ksur ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.
Fuq l-ewwel motiv
59 Dan l-ewwel motiv huwa maqsum f'żewġ partijiet. JCB Service tinvoka, minn naħa, id-dewmien eċċessiv tal-proċedura li żvolġiet quddiem il-Kummissjoni li rriżulta f'vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-dritt tagħha li tibbenefika mill-preżunzjoni ta’ innoċenza. Kull waħda minn dawn il-partijiet tippreżenta lmenti differenti.
Fuq l-ewwel parti
60 Għandu jiġi rrivelat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, fakkret, fil-punt 36 tas-sentenza kkontestata, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-osservanza ta’ żmien raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li l-Qorti Komunitarja tiżgura r-rispett tagħha (ara, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 167 sa 171).
61 Imbagħad, u qabel ma adottat pożizzjoni fuq l-argumenti mressqa minn JCB Service, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ proċeduri amministrattivi in kwistjoni, jiġifieri, minn naħa, l-eżami tal-ftehimiet innotifikati fl-1973, li ntemm permezz ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża li rrifjuta l-applikazzjoni għal eżenzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni ta’ l-ilment imressaq fl-1996, li l-konklużjonijiet tagħha huma jinsabu fl-artikoli l-oħra tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kontenzjuża, relatati mal-ksur.
62 Fir-rigward tal-proċedura li segwiet in-notifikazzjoni ta’ l-1973, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, li fl-1992 il-Kummissjoni kklassifikat il-ftehimiet innotifikati mingħajr ma ħadet deċiżjoni u li kienet biss ir-risposta ta’ JCB Bamford Excavators għall-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet li wasslet lill-konvenuta sabiex terġa' teżamina dawn il-ftehimiet fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ilment.
63 Fl-istess punt tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li “d-dewmien ta’ 27 sena ta’ din il-proċedura jivvjola l-obbligu ta' l-amministrazzjoni li tieħu pożizzjoni u li tagħlaq proċedura miftuħa fi żmien raġonevoli”, filwaqt li ppreċiżat, madankollu, li “minkejja li din il-vjolazzjoni mhijiex mixtieqa, hija ma setax ikollha effett fuq il-legalità tar-rifjut ta' l-applikazzjoni għal eżenzjoni u lanqas fuq ir-regolarità tal-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-ksur.”
64 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 40 tas-sentenza kkontestata, li l-ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, jekk jiġi stabbilit, jiġġustifika l-annulament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni biss meta dan iwassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża kkonċernata. Fil-fatt, meta ma jiġix stabbilit li dewmien eċċessiv ikun affettwa l-kapaċità ta’ l-impriżi kkonċernati milli jiddefendu rwieħhom effettivament, in-nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju taż-żmien raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċedura amministrattiva.
65 Fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ukoll li JCB Service ma sostnietx li d-dewmien kellu bħala konsegwenza irregolarità proċedurali partikolari u hija limitat ruħa għal dikjarazzjoni li l-aġir tal-Kummissjoni kien juri ġestjoni ħażina tal-fajl. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, għaldaqstant, ma tista' tiġi dedotta ebda konsegwenza, għall-finijiet ta’ l-eżami tat-talbiet għall-annullament, miż-żmien li għadda wara n-notifikazzjonijiet magħmula fl-1973.
66 Fir-rigward ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ilment li tressaq quddiem il-Kummissjoni fil-15 ta’ Frar 1996, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata, li d-dewmien totali tal-proċedura, ta’ 4 snin, 10 xhur u 6 ijiem, ma kienx jidher eċċessiv meta titqies il-kumplessità tal-kawża, li tikkonċerna numru ta’ Stati Membri u li tirrigwarda ħames kapijiet ta’ ksur, u n-neċessità li ssir dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet oħra.
67 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li JCB Service ma sostnietx li n-nuqqas allegat ta’ osservanza ta’ żmien raġonevoli fl-investigazzjoni ta’ l-ilment min-naħa tal-Kummissjoni wassal, f’dan il-każ, għal vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet: “kif ġie kkonfermat fis-seduta, JCB Service limitat ruħha għal dikjarazzjoni li d-dewmien tal-proċedura turi l-parzjalità u l-ġestjoni żbaljata tal-fajl mill-Kummissjoni u b'hekk turi l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr mhemm bżonn li tiddeċiedi fuq in-natura allegatament eċċessiva taż-żmien ta’ l-investigazzjoni ta’ l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li motiv kif inhu fformulat ma jistax iwassal għall-annullament totali jew parzjali tal-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata.”
68 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 46 tas-sentenza kkontestata, li l-motiv invokat minn JCB Service mhuwiex kapaċi jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża, kemm fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni, kif ukoll fir-rigward tal-ksur, u għandu jiġi respint bħala ineffettiv.
69 L-ewwel nett, JCB Service tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv imressaq in sostenn tar-rikors magħmul kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u bbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tosserva l-obbligu tagħha li taġixxi fi żmien raġonevoli, mingħajr ma ħadet deċiżjoni fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li hija kienet espressament invokat. Hija ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-vjolazzjoni oġġettiva tad-drittijiet tad-difiża li, fil-fehma tagħha, tirriżulta sempliċiment mill-konstatazzjoni tad-dewmien manifestament eċċessiv tal-proċedura kollha kemm hi.
70 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 tas-sentenza kkontestata, li JCB Service sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni naqqset milli twettaq l-obbligu tagħha li taġixxi fi żmien raġonevoli li jirriżulta kemm minn prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Skond JCB Service, il-ftehimiet relatati mas-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha kienu ġew innotifikati wara t-30 ta’ Ġunju 1973 u l-Kummissjoni għalqet din il-proċedura 27 sena iżjed tard billi rrifjutat l-applikazzjoni għal eżenzjoni. Barra minn hekk, skond din l-istess kumpannija, il-proċedura ta’ ksur li saret wara l-ilment ta’ Central Parts damet madwar ħames snin, żmien li wkoll mhuwiex raġonevoli.
71 Għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju tat-teorija ta' JCB Service, b’mod pjuttost ġenerali, hija invokat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha relatat mad-dewmien allegatament eċċessiv taż-żewġ proċeduri amministrattivi (notifikazzjoni u ksur) mingħajr madankollu ma ppreċiżat in concreto b'liema mod il-kapaċità tagħha li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha, pass pass, kienet ġiet affettwata f'proċedura waħda jew oħra.
72 B’mod partikolari, fir-rigward tal-proċedura ta’ notifikazzjoni, JCB Service limitat ruħha għal kritika dwar iż-żmien eċċessivament twil ta’ din il-proċedura. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat, fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi fatt li deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni wara n-notifikazzjoni ta’ ftehim ma tkunx ġiet adottata fi żmien raġonevoli ma jrendihiex illegali.
73 Barra minn hekk, dan id-dewmien waħdu ma ppreġudikax l-interessi ta’ JCB Service. Fil-fatt, wara n-notifikazzjoni tal-ftehimiet fl-1973 u waqt il-perijodu kollu li għadda sa ma ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, JCB Service ibbenefikat mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17.
74 Fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li kkonstatat il-ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u imponiet multa fuq JCB Service, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat il-fatt li JCB Service limitat ruħha biex tiddefendi l-argument li d-dewmien tal-proċedura wera il-parzjalità u l-ġestjoni żbaljata tal-fajl mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, kien suffiċjenti sabiex jipprova l-illegalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.
75 Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tissostanzja r-raġunament tagħha mingħajr ma tikser id-dritt Komunitarju u mingħajr ma tiżnatura l-argumenti ta’ JCB Service.
76 Madankollu, JCB Service issostni li ġiet miċħuda mid-dritt tagħha li tara li l-passività tal-Kummissjoni tiġi ppenalizzata permezz ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skond l-Artikolu 232 KE u, f’kull każ, li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha kontra kull raġunament żbaljat tal-Kummissjoni fil-kuntest tad-djalogu proċedurali miftuħ bejn il-parti li tinnotifika u l-Kummissjoni kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur.
77 Anki jekk jitqies li JCB Service tista' tinvoka l-argumenti msemmija iktar ’il fuq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi speċifikat li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha ma jistgħux jiġu affettwati miż-żmien twil li jkun għadda bejn in-notifikazzjoni tal-ftehimiet fl-1973 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, waqt dan il-perijodu, JCB Service setgħet, minn naħa, tippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni sabiex din ta’ l-aħħar tieħu deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal eżenzjoni in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, tinnotifika l-ftehimiet jew il-prattiċi li kienet qed twettaq lill-Kummissjoni permezz tal-formola A/B. Issa, dan mhuwiex il-każ hawnhekk.
78 Minn dan isegwi li JCB Service ma tistax, fi kwalunkwe każ, tallega l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifikazzjoni.
79 Fir-rigward tal-proċedura ta’ ksur, għandu jiġi rrivelat li JCB Service ma ressqet ebda argument konkret biex turi l-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża fil-kuntest tat-trattament ta’ l-ilment ta’ Central Parts mid-dipartimenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, JCB Service ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza għaċ-ċaħda ta’ l-ilment tagħha bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma tatx kas tad-dritt tagħha li jkollha aċċess għal ċerti dokumenti inklużi fil-fajl li huma utili għad-difiża tagħha.
80 B’hekk, dan l-argument għandu jiġi respint u l-ewwel ilment ta' JCB Service għandu jiġi ddikjarat bħala infondat.
81 It-tieni nett, JCB Service tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ evalwazzjoni billi ma ssanzjonatx id-distinzjoni li tagħmel il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża bejn il-proċedura ta’ notifikazzjoni u l-proċedura ta’ ksur. Tali distinzjoni m'għandha ebda bażi u hija intiża sabiex tiċħad l-impatt negattiv li d-dewmien żejjed tal-proċedura deċiżjonali kellu fuq il-każ kollu in kwistjoni.
82 Għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, formalment, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-proċedura ta’ notifikazzjoni u l-proċedura ta’ ksur, jirriżulta b’mod ċar minn din id-deċiżjoni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tittratta separatament l-applikazzjoni għal eżenzjoni u l-proċedura ta’ ksur.
83 L-ewwel nett, fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li tirrigwarda r-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni ta' l-1973, jirriżulta b’mod ċar mill-premessi 197 sa 222 ta’ din id-deċiżjoni li, qabel ma rrifjutat l-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk din l-applikazzjoni setgħetx tiġi aċċettata skond l-Artikolu 81(3) KE jew skond ir-regoli stipulati fir-regolamenti adottati biex jimplementaw dan l-Artikolu, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1983/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet ta’ distribuzzjoni esklużiva (ĠU L 173 p. 1), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1475/95, tat-28 ta’ Ġunju 1995, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet ta’ distribuzzjoni u ta’ servizz ta’ bejgħ u ta’ wara l-bejgħ ta' vetturi awtomobilistiċi (ĠU L 145, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1475/95”), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, p. 21).
84 It-tieni nett, l-istess japplika fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li tikkonstata l-ksur. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 140 sa 170 tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija mingħajr dubju bbażata fuq xi ftehimiet ta’ JCB Service jew fuq klawżoli minnhom li ma ġewx innotifikati kif suppost, jiġifieri notifikazzjoni permezz tal-formola A/B prevista mir-Regolament Nru 27. Barra minn hekk, jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni aġir ta’ JCB Service li ma kienx marbut mal-ftehimiet innotifikati fl-1973.
85 F’dan ir-rigward, JCB Service sostniet madankollu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u fil-kuntest ta’ din il-kawża li l-emendi ulterjuri tal-ftehimiet innotifikati fl-1973, minkejja li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni mingħajr il-formola A/B, kien imisshom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ittieħdu in kunsiderazzjoni u bbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17.
86 Allegazzjoni bħal din għandha f’kull każ tiġi skartata. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-użu tal-formola A/B msemmija iktar ’il fuq hija obbligatorja u tikkostitwixxi kundizzjoni minn qabel indispensabbli għall-validità tan-notifikazzjoni (ara, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punti 61 u 62).
87 Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ġustament ikkonstatat, fil-punt 41 tas-sentenza kkontestata, li, fir-rigward tad-deċiżjoni li ddikjarat l-eżistenza ta’ ksur, min ħadha ħa ħsieb li ma jibbażax ruħu fuq elementi li kienu ġew innotifikati u li jistabbilixxi li l-prattiċi allegati kontra JCB Service kienu differenti minn dak li ġie stipulat fil-ftehimiet innotifikati. Kien ukoll ġustament li hija kkonkludiet li l-fatt li l-ftehimiet kienu ilhom ħafna li ġew innotifikati ma jaffettwax ir-regolarità tal-proċedura ta’ ksur ibbażata fuq elementi li mhumiex dawk li ġew innotifikati.
88 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq JCB Service, jirriżulta mingħajr ebda ambigwità minn din id-deċiżjoni u, b’mod partikolari, mill-premessi 227 u 228 tagħha, li l-ftehimiet ta’ 1973, li ġew innotifikati skond l-eżiġenzi formali tar-Regolament Nru 27, ġew esklużi mill-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta’ l-ammont tal-multa li kellha tingħata.
89 Jirriżulta minn dak li jippreċedi li t-tieni lment imqajjem minn JCB Service għandu jiġi respint u, għaldaqstant, l-ewwel parti ta' dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat bħala infondat.
Fuq it-tieni parti
90 Għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju u japplika għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi u li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta' pieni perjodiċi (is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150, kif ukoll Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punti 175 u 176).
91 Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 53 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni adottat żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet suċċessivi ma jistax ikun biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza ġie vvjolat.
92 Fl-istess punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li preżunzjoni ġenerali tal-ħtija ta’ l-impriża kkonċernata tista' eventwalment tiġi imputata lill-Kummissjoni biss jekk il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula minnha fid-deċiżjoni kontenzjuża ma ġewx sostnuti mill-elementi ta’ prova li hija ressqet.
93 Issa, fid-dawl ta' l-eżistenza ta’ memorandum datat 16 ta’ Mejju 1995 tad-direttur tas-servizz ta’ bejgħ, mibgħut lid-diriġenti tal-kumpanniji tal-grupp JCB, li jindika li l-projbizzjoni ta’ l-importazzjonijiet paralleli tmur kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata, li JCB Service ma tistax tippretendi li ma kinitx taf bl-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, kif inhu attestat, barra minn hekk, min-notifikazzjoni tal-ftehimiet tagħha mad-dħul tar-Renju Unit fil-Komunità.
94 Fl-istess kuntest, fir-rigward ta’ ittra tat-13 ta’ April 1995 minn Berkeley JCB lil JCB Sales, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata, li din il-korrispondenza tindika l-fatt li dan id-distributur seta' jiġi avviċinat kemm mill-konsumaturi finali kif ukoll mill-aġenti, u żiedet li, li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni żbaljata ta’ din il-parti tas-sentenza, billi indikat fid-deċiżjoni kkontestata li kien hemm referenza għal konsumaturi finali barranin u l-aġenti tagħhom debitament innominati, din l-eventwali ineżattezza ma turix fiha nfisha attitudni parzjali, iżda, fl-agħar possibbiltà, turi komprensjoni żbaljata tad-dokument.
95 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata, fir-rigward ta’ sentenza tal-Cour d’appel de Paris tat-8 ta’ April 1998 u ta’ sentenza tat-Tribunal de commerce de Nîmes (Franza) tat-22 ta’ Ġunju 1999, li l-fatt li min għamel l-ilment fi proċedura ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 17 ikun seta', eventwalment, jaġixxi b'mod repprensibbli, u fir-rigward ta' dan l-aġir ikun ġie kkundannat b’deċiżjoni ta' qorti huwa rrilevanti għall-ksur sostnut kontra JCB Service, li, fuq kollox, hu ħaġa distinta.
96 Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ laqgħa li saret fis-6 ta’ Novembru 1996 fil-bini tad-distributur awtorizzat Watling JCB bejn uffiċjali tad-DĠ “Kompetizzjoni” u xi membri superjuri tal-persunal ta' dan id-distributur, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 58 tas-sentenza kkontestata, li fid-deskrizzjoni mogħtija dwar ir-relazzjonijiet bejn il-grupp JCB u wieħed mid-distributuri awtorizzati, ebda element ma jista' jiġi kjarament iżolat bħala li jikkostitwixxi prova, negattiva jew pożittiva, tal-kwistjoni jekk il-prattiċi tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jammontawx għal ksur. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jidhirx possibbli li jista' jiġi affermat li l-Kummissjoni eliminat id-dokument mill-eżami tagħha ta’ l-elementi tal-ksur sabiex titneħħa prova li kienet tiskolpa lill-impriża kkonċernata.
97 Skond JCB Service, is-sentenza kkontestata tivvjola l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, li jistipula li kull dubju raġonevoli fir-rigward ta’ l-elementi ta’ prova għandu jintuża favur l-akkużat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni minħabba li naqqset fl-obbligu tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni ċertu elementi ta’ prova li JCB Service kienet ippreżentat u li teżaminahom, flimkien ma' elementi ta’ prova oħra, sabiex tkun tista' tibbaża ruħha fuq numru ta’ indizji solidi, preċiżi u koerenti. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet indotta biex tiċħad jew biex inġustament tinjora l-elementi ta’ prova li kienu jikkonfermaw, skond JCB Service, il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza mill-Kummissjoni.
98 B’mod partikolari, JCB Service issostni, l-ewwel nett, li l-mod kif ġie ttrattat il-fajl f'dan il-każ bit-tfassil taż-żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet juri l-parzjalità tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza hija fondata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, JCB Service issostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament ikkonstatat, fil-punt 53 tas-sentenza kkontestata, li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni adottat żewġ dikjarazzjonijiet ta' l-oġġezzjonijiet suċċessivi mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-prinċipju in kwistjoni f’dan il-każ ma ġiex irrispettat.
99 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tfassil ta’ dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni fl-ebda każ ma jista' jiġi kkunsidrat bħala prova tal-preżunzjoni tal-ħtija ta’ l-impriża kkonċernata. Inkella, il-ftuħ ta’ kwalunkwe proċedura f’dan il-kamp jista' potenzjalment jivvjola l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza.
100 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet ma ħaditx in kunsiderazzjoni n-notifikazzjoni magħmula fl-1973, fatt li JCB Service irrilevat, fis-6 ta’ Lulju 1998, fin-nota ta' l-osservazzjonijiet tagħha bħala tweġiba għal din il-komunikazzjoni, u wara meta nstemgħet mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fis-16 ta’ Ottubru 1998. Huwa għalhekk f’dan il-kuntest, u sabiex jiġu korretti l-ommissjonijiet ta’ l-ewwel dikjarazzjoni, li l-Kummissjoni adottat it-tieni dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, wara l-osservazzjonijiet ta’ JCB Service.
101 Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ JCB Service f’dan il-każ, it-tfassil ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet suċċessivi fil-kuntest imsemmi fil-punt preċedenti bl-ebda mod ma jikkostitwixxi element li jistabbilixxi l-vjolazzjoni tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.
102 Għaldaqstant, l-ewwel ilment imqajjem minn JCB Service għandu jiġi respint bħala infondat.
103 It-tieni nett, JCB Service tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssanzjonatx l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq dokumenti interni ta' JCB Service, bħall-ittra tat-13 ta’ April 1995 minn Berkeley JCB lil JCB Sales, il-memorandum tas-16 ta’ Mejju 1995, u t-traskrizzjoni tal-laqgħa ma’ Watling JCB, li saret fis-6 ta’ Novembru 1996. Skond JCB Service, il-Kummissjoni eżaminat dawn id-dokumenti b’parzjalità, billi ma tatx kas il-provi li kienu jiskolpawha u ppreżumiet il-ħtija tagħha.
104 F’dan il-kuntest, JCB Service issostni, ukoll, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, bħall-Kummissjoni, inġustament skartat jew ma tatx kas ċerti deċiżjonijiet tal-qrati jew ta' l-awtoritajiet nazzjonali li kienu juru l-validità tal-ftehimiet li JCB Service kienet ikkonkludiet kif ukoll l-implementazzjoni tagħhom, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-Cour d’appel de Paris tat-8 ta’ April 1998, tat-Tribunal de commerce de Nîmes tat-22 ta’ Ġunju 1999, tal-Conseil français de la concurrence ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 u ta’ l-Awtorità Irlandiża tal-Kompetizzjoni tat-22 ta’ Settembru 1994.
105 Għandu jiġi kkonstatat mill-ewwel li, anki jekk hija formalment tinvoka żbalji ta’ evalwazzjoni jew ta’ motivazzjoni, JCB Service tipprova, sostanzjalment, tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u, b’mod partikolari, tikkontesta l-valur probatorju ta’ ċerti fatti u dokumenti li wasslu lil din ta’ l-aħħar għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma wrietx parzjalità fil-konfront tagħha.
106 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti, minn naħa, biex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, biex tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li tistħarreġ, skond l-Artikolu 225 KE, il-karatterizzazzjoni legali ta' dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 23, u tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).
107 Barra minn hekk, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun aċċettat in sostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova u tas-smigħ tal-provi jkunu ġew irrispettati, hija biss ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa l-valur li għandha tagħti lill-provi li jkunu ġew ippreżentati quddiemha. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix għalhekk, ħlief għall-każ taż-żnaturazzjoni ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24; ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Rica Foods, vs Il-Kummissjoni, C-40/03 P, Ġabra p. I-6811, punt 60; General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 85).
108 Għandu jiġi mfakkar ukoll li tali żnaturazzjoni għandha tidher b’mod ċar mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (is-sentenza General Motors vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).
109 Għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 54 sa 59 tas-sentenza kkontestata, tikkostitwixxi evalwazzjoni tal-fatti li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell, billi JCB Service ma pprovatx li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-dokumenti tal-proċess ppreżentati quddiemha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza limitat ruħha sabiex teżamina jekk it-trattament ta’ dawn il-provi mill-Kummissjoni setax jiġi kkwalifikat bħala parzjali, biex tikkonkludi li dan ma kienx il-każ hawnhekk.
110 Għaldaqstant, dawn l-ewwel argumenti ta' JCB Service fil-kuntest tat-tieni lment għandhom jiġu respinti bħala inammissibbli.
111 JCB Service tinvoka, ukoll fil-kuntest ta’ dan l-ilment, deċiżjoni tal-conseil français de la concurrence ta’ l-20 ta’ Lulju 2001 u deċiżjoni ta’ l-Awtorità Irlandiża tal-Kompetizzjoni tat-22 ta’ Setembru 1994, li huma favuriha.
112 Fir-rigward l-ewwel waħda mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, anki jekk jiġi meqjus li din tista' tiġi invokata f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li hija ttieħdet wara d-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, waħedha, hija ma tistax tikkontesta l-legalità tas-sentenza kkontestata jew tad-deċiżjoni kontenzjuża.
113 Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ l-imsemmija Awtorità Irlandiża tal-Kompetizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi rrivelat li hija ma ġietx invokata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza.
114 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem motiv jew argumenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajjmet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ikun ifisser, li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam ta’ l-appell, kawża iżjed estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l-argumenti li jkun ġew dibattuti quddiem l-ewwel qorti (ara, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C-266/97 P, Ġabra p. I-2135, punt 79).
115 B’hekk, l-allegazzjonijiet ta’ JCB Service ibbażati fuq id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Irlandiża tal-Kompetizzjoni wkoll għandhom jiġu respinti bħala inammissibbli.
116 Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li t-tieni lment ta' JCB Service għandu jiġi respint bħala inammissibbli.
117 Fl-aħħar nett, JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx kas, inġustament, fis-sentenza kkontestata, ta’ ċerti elementi ta’ prova li juru ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza, jiġifieri faks tat-2 ta’ Ġunju 1997 u memorandum tas-26 ta’ Jannar 1996 tad-direttur tal-marketing ta’ JCB Sales.
118 Fir-rigward tal-memorandum tas-26 ta’ Jannar 1996, għandu jiġi rrilevat li, bħal fil-każ tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Irlandiża tal-Kompetizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, lanqas dan ma ġie invokat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza u, għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 114 ta' din is-sentenza, l-argument imnissel minn dan il-memorandum ukoll għandu jiġi respint bħala inammissibbli.
119 Fir-rigward tal-faks tat-2 ta’ Ġunju 1997, mibgħuta minn uffiċjal tad-DĠ IV lil rappreżentant ta’ Central Parts, li kien juri l-allegata intenzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li jiġbru provi li kienu jinkolpaw JCB Service, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, l-allegazzjonijiet li jirriżultaw minn din il-faks mhumiex tali li jistabbilixxu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi li ġew ippreżentati quddiemha.
120 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din il-faks intbagħtet lil rappreżentant tal-parti li ressqet l-ilment, Central Parts, fit-2 ta’ Ġunju 1997, jiġifieri iżjed minn sitt xhur wara l-ispezzjoni magħmula mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, fil-5 ta’ Novembru 1996, fil-bini tal-kumpanniji tal-grupp JCB u l-konċessjonarji tagħha fir-Renju Unit. F'tali ċirkustanzi, il-fatt li uffiċjal tal-Kummissjoni, li pparteċipa, skond dak li tgħid JCB Service, fl-investigazzjoni ta’ l-ilment ta’ Central Parts, jista' jkollu opinjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan l-ilment jew il-ftuħ ta’ proċedura ta’ ksur ma jistax jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm trattament parzjali tal-każ in kwistjoni mid-dipartimenti tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ l-innoċenza.
121 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet, fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, li ma jirriżultax mill-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva li l-Kummissjoni interpretat id-dokumenti u l-fatti b’mod tendenzjuż jew preġudizzjuż jew li aġixxiet b'mod parzjali fir-rigward ta’ l-appellanti.
122 Minn dan isegwi li l-aħħar ilment imqajjem minn JCB Service u t-tieni parti ta’ dan il-motiv kif ukoll, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu għandhom jiġu respinti bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.
Fuq it-tieni motiv
123 Dan it-tieni motiv jinqasam f’żewġt partijiet. JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret, minn naħa, l-Artikolu 81(1) KE, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 81(3) KE billi rrifjutat li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża safejn din tirrifjuta l-applikzzjoni għal eżenzjoni ppreżentata minn JCB Service fl-1973. Kull waħda minn dawn iż-żewġ partijiet tqajjem ilmenti separati.
Fuq l-ewwel parti
124 JCB Service tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ċerti żbalji ta’ dritt fir-rigward, minn naħa, ta’ l-ewwel element tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kontenzjuża u relattiv għar-restrizzjonijiet ta’ bejgħ passiv mill-konċessjonarji tal-grupp JCB fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fi Franza lil distributuri mhux awtorizzati, konsumaturi finali jew distributuri stabbiliti barra t-territorji esklużivi u, b’mod partikolari, fi Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, tat-tieni element ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 1(b) ta’ din id-deċiżjoni u dwar restrizzjonijiet tal-fonti ta’ provvista imposti fuq il-konċessjonarji stabbiliti fi Franza kif ukoll fl-Italja u li jipprojbixxu l-provvisti reċiproki bejniethom.
– Fuq l-ewwel element tal-ksur relattiv għar-restrizzjonijiet ta’ bejgħ passiv mill-konċessjonarji stabbiliti fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fi Franza
125 Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 86 tas-sentenza kkontestata, li l-ftehimiet innotifikati li jikkonċernaw id-distributuri u l-bejjiegħa prinċipali ta’ l-Istat Membru kkonċernat jinkludu l-klawżola 4, fil-verżjoni tagħhom emendata fl-1975. Din il-klawżola, li tipprovdi projbizzjoni fuq il-bejgħ lil aġenti mhux awtorizzati, ma tipprovdix projbizzjoni ġenerali fuq il-bejgħ lil bejjiegħa finali u lanqas lil aġenti awtorizzati barra mit-territorju allokat. Madankollu, din ġiet interpretata mill-Kummissjoni bħala li tfisser projbizzjoni ġenerali fuq il-bejgħ barra mit-territorju.
126 F’dan ir-rigward, u wara li eżaminat diversi dokumenti fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, jiġifieri ittra mibgħuta fis-26 ta’ Ottubru 1992 minn Watling JCB lis-segretarju tal-Queen’s Award Office, ittra ta’ Berkeley JCB lil JCB Sales tat-13 ta’ April 1995, ittra tal-21 ta’ Novembru 1995 minn TC Harrison JCB u ittra ta’ Gunn JCB lil JCB Sales, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li d-dokumenti kollha kkonċernati jistabbilixxu li xi distributuri qiesu li l-ftehim tagħhom mal-grupp JCB kien jobbligahom jeżerċitaw prattiċi kummerċjali restrittivi u għaldaqstant aġixxew b'dan il-mod. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li, minbarra l-projbizzjoni ta’ bejgħ lil aġenti mhux awtorizzati fil-klawżola 4 tal-ftehim in kwistjoni, id-distributuri kkonċernati aġixxew bħallikieku kienu suġġetti għal projbizzjoni, iżjed ġenerali, milli jbigħu barra mit-territorju tagħhom, b’mod partikolari milli jesportaw.
127 Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 89 tas-sentenza kkontestata, li, fir-Renju Unit, xi prattiċi restrittivi distinti mill-kontenut tal-ftehimiet innotifikati ġew implementati u li, b’hekk, l-ewwel element tal-ksur relatat mar-restrizzjonijiet ta’ bejgħ passiv huwa stabbilit.
128 JCB Service issostni li, wara analiżi tal-fatti manifestament żbaljata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt billi ssanzjonat obbligu impost fuq distributur biex ma jbigħx prodotti bl-ingrossa bil-għan li jerġa' jbigħhom lil distributuri mhux awtorizzati, obbligu li kien jinsab fil-klawżola 4 tal-ftehim in kwistjoni.
129 Għandu jiġi kkonstatat mill-ewwel li, bl-ilment tagħha, JCB Service tillimita ruħha għal kontestazzjoni, b'mod globali, ta' l-evalwazzjoni tal-fatti u l-elementi ta’ prova magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, kif ukoll tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 89 ta’ l-istess sentenza, billi ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tasal għall-konklużjoni opposta meta jitqiesu l-fatti ta' dan il-każ. Madankollu, JCB Service ma tinvoka l-ebda argument serju li jippermetti li jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-dokumenti fil-proċess li ġew ippreżentati quddiemha jew li għamlet żball ta’ dritt.
130 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 106 sa 108 ta' din is-sentenza, l-ewwel argument ta’ l-ewwel ilment għandu jiġi respint bħala inammissibbli.
131 It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-Irlanda, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 90 tas-sentenza kkontestata, li l-ftehimiet standard innotifikati m'għandhomx klawżola li tipprojbixxi l-bejgħ bl-ingrossa lil aġenti mhux awtorizzati bħal dawk eżaminati fir-rigward tar-Renju Unit, iżda l-ftehim konkluż minn JCB Sales fl-1992 ma’ Earthmover Commercial Industrial (ECI) JCB, id-distributriċi tagħha fl-Irlanda, kellha klawżola 4 dwar bejgħ bl-ingrossa, li kienet simili għall-klawżoli 4 tal-ftehimiet li jikkonċernaw id-distributuri u l-bejjiegħa prinċipali tar-Renju Unit. Skond l-istess punt tas-sentenza kkontestata, il-ftehim in kwistjoni ma ġiex innotifikat.
132 F’dan ir-rigward, u wara li ġew eżaminati diversi dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri faks minn JCB Sales lil JCB SA, tal-31 ta’ Jannar 1995, u żewġ faksijiet oħra minn ECI JCB lil JCB Sales tal-31 ta’ Jannar u tat-30 ta’ Marzu 1995, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punt 92 tas-sentenza kkontestata li, fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali identiċi f’dan il-każ għal dawk tar-Renju Unit, iżda mhux innotifikati, l-elementi ta’ fatt li ġew ippreżentati lilha, ikkorroborati mill-aġir ġenerali ta’ limitazzjoni ta’ bejgħ barra mit-territorju fil-bqija tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB, huma suffiċjenti biex jistabbilixxu l-element tal-ksur, jiġifieri restrizzjonijiet imposti fuq il-bejgħ passiv barra mit-territorju.
133 JCB Service issostni li, għall-kuntrarju ta' dak li jirriżulta mill-punti 90 u 91 tas-sentenza kkontestata, il-klawżola 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni relattiv għall-Irlanda ma tiksirx l-Artikolu 81 KE. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-projbizzjoni fuq il-bejgħ li hemm fil-ftehim konkluż fl-1992 mad-distributuri u l-bejjiegħa fl-Irlanda hija mfassla f’termini identiċi għal dawk tal-klawżola 4 tal-verżjonijiet tal-ftehimiet li jikkonċernaw ir-Renju Unit. Fid-dawl tal-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 86 tas-sentenza kkontestata, li din il-klawżola li tikkonċerna l-ftehimiet applikabbli fir-Renju Unit ma tiksirx l-Artikolu 81 KE, mhuwiex importanti li l-ftehim li jirrigwarda l-Irlanda, li fih l-istess klawżola, ma ġiex innotifikat lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, JCB Service issostni li d-dokumenti msemmija fil-punt 92 tas-sentenza kkontestata ġew analizzati b’mod manifestament żbaljat mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
134 Għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kuntrarjament għall-allegazzjoni ta’ JCB Service, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx, fil-punt 86 tas-sentenza kkontestata, li l-klawżola 4 tal-verżjonijiet tal-ftehimiet mad-distributuri u l-bejjiegħa fir-Renju Unit ma tqajjimx problemi fir-rigward ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza sabet li, minkejja l-fatt li l-ftehim applikabbli għar-Renju Unit ma kellux projbizzjoni ġenerali ta’ bejgħ, il-klawżola in kwistjoni ġiet interpretata mid-distributuri bħala li timponi projbizzjoni ġenerali fuq il-bejgħ barra mit-territorju.
135 Min-naħa l-oħra, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 ta' din is-sentenza, għandu jiġi mfakkar li, sabiex notifikazzjoni ta’ ftehim tkun valida skond l-Artikolu 81 KE, din għandha tiġi effettwata permezz tal-formola A/B. F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ftehim konluż fl-1992 minn JCB Service u applikabbli fl-Irlanda, qatt ma ġie nnotifikat lill-Kummissjoni.
136 Jirriżulta minn dak li ntqal li t-tieni argument ta’ l-ewwel ilment imressaq minn JCB Service huwa nieqes minn kull bażi u, għaldaqstant, għandu jiġi respint.
137 Fir-rigward ta’ l-allegata evalwazzjoni żbaljata tad-dokumenti eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 92 tas-sentenza kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, bl-ilment tagħha, JCB Service tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ l-elementi ta’ prova magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma tinvoka argumenti li jippermettu li jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-dokumenti tal-proċess li ġew ippreżentati lilha jew għamlet żball ta' dritt.
138 F’dawn iċ-ċirkustanzi u skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 106 sa 108 ta' din is-sentenza, dan l-argument għandu wkoll jiġi respint bħala inammissibbli.
139 It-tielet nett, fir-rigward ta’ Franza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 96 tas-sentenza kkontestata, li l-ftehim standard ta’ konċessjoni ta’ l-1991, jinkludi, fl-Artikolu 2, klawżola ta’ esklużività reċiproka li tipprojbixxi, b’mod partikolari, lil konċessjonarju milli jbigħ, jiddistribwixxi jew jippromwovi direttament jew indirettament il-prodotti u l-ispare parts tal-grupp JCB barra mit-territorju allokat. Skond l-istess punt tas-sentenza kkontestata, dan il-ftehim mhux innotifikat, jipprojbixxi l-bejgħ attiv u, mill-kliem stess użat, jimponi wkoll projbizzjoni ta’ bejgħ passiv barra mit-territorju allokat.
140 Wara li eżaminat id-dokumenti li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża biex turi l-eżistenza tar-restrizzjonijiet ikkontestati, jiġifieri faks tal-21 ta’Ġunju 1988 minn JCB SA lil konċessjonarju stabbilit, ittra ta’ l-10 ta’ Jannar 1995 minn JCB SA lill-kumpannija Philippe MPT u ittra tal-31 ta’ Jannar 1996 mibgħuta lil JCB SA minn Pinault Équipement, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 98 tas-sentenza kkontestata, li l-imsemmija dokumenti jikkonfermaw b’mod kunsiderevoli l-prattiċi restrittivi u t-tqassim tas-suq li huma stipulati fil-ftehim standard ta’ konċessjoni.
141 F’dan ir-rigward, JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet analiżi manifestament żbaljata ta’ l-Artikolu 2 tal-ftehim li jikkonċerna Franza billi indikat li dan kien “jipprojbixxi l-bejgħ attiv u mill-kliem tiegħu kien jimponi wkoll projbizzjoni tal-bejgħ passiv barra mit-territorju allokat”. Barra minn hekk, skond JCB Service, il-Qorti tal-Prim’Istanza invokat elementi ta’ prova manifestament irrilevanti sabiex tipprova r-restrizzjoni allegata.
142 Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kontenzjuża mhijiex ibbażata fuq allegata projbizzjoni li tidher espressament fil-ftehim ta’ konċessjoni stess, iżda fuq il-mod kif ġiet effettivament applikata. Din il-konklużjoni tirriżulta mill-premessi 111 sa 114 tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari mill-premessa 146 ta’ din id-deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li “l-ftehim bejn il-grupp JCB u l-konċessjonarji tagħha, kif inhu effettivament applikat, jillimita jew iwaqqaf lil dawn ta’ l-aħħar milli jbigħu barra mit-terrotirju li ġie allokat lilhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
143 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-validità tad-deċiżjoni kontenzjuża b'ebda mod ma hija affettwata. Minn dan isegwi li l-argument imressaq f’dan il-każ minn JCB Service huwa irrilevanti u, għaldaqstant, għandu jiġi respint.
144 Fir-rigward ta’ l-argumenti ta’ JCB Service li l-Qorti tal-Prim’Istanza invokat provi li ma kinux rilevanti biex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur, jiġifieri faks tal-21 ta’ Ġunju 1988 mibgħuta minn JCB SA lil konċessjonarju u ittra tal-31 ta’ Jannar 1996 mibgħuta minn Pinault Équipement lil JCB SA, għandu jiġi kkonstatat li JCB Service tikkontesta għal darb’oħra l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-eżistenza ta’ prattiċi pprojbiti mingħajr ma turi l-inqas żnaturament tal-provi.
145 Il-konstatazzjoni hija l-istess fir-rigward ta’ l-esportazzjonijiet paralleli fis-suq ġeografiku kollu kkonċernat, f'dak li jikkonċerna l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 106 u 107 tas-sentenza kkontestata, evalwat b’mod żbaljat xi dokumenti li hija eżaminat, jiġifieri ittra tat-2 ta’ Ġunju 1992, li JCB Sales bagħtet lil Watling JCB, u żewġ faksijiet, tal-11 u l-15 ta’ Mejju 1995, tal-kumpannija sussidjarja Ġermaniża JCB Germany.
146 Fil-fatt, fil-punt 107 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fid-diskrezzjoni wiesgħa tagħha, mingħajr ebda żnaturament, minn naħa, li d-dokumenti in kwistjoni jistabbilixxu li JCB Service għandha politika ta’ tqassim tat-territorji tad-distributuri tagħha u tas-swieq nazzjonali li wassluha biex tipprojbixxi, b’mod ġenerali, kull bejgħ barra mit-territorju kemm f'każ ta' esportazzjonijiet paralleli, barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha, jew le, u, min-naħa l-oħra, li l-aġir in kwistjoni jsaħħaħ ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-bejgħ passiv.
147 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-argumenti kollha mressqa minn JCB Service intiżi sabiex jikkontestaw l-ewwel element tal-ksur għandhom jiġu respinti.
– Fuq it-tieni element tal-ksur dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-fonti ta’ provvista tal-konċessjonarji stabbiliti fi Franza u fl-Italja u fuq il-projbizzjoni ta' provvisti reċiproki bejn konċessjonarji
148 Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 112 tas-sentenza kkontestata, li, fir-rigward ta’ Franza, l-Artikolu 2 tal-ftehim standard ta’ konċessjoni jimponi, bħala kundizzjoni essenzjali ta’ dan il-ftehim, il-provvista fi prodotti u fi spare parts tal-grupp JCB esklużivament mill-kumpannija sussidjarja Franċiża, JCB SA, u minn JCB Service.
149 Skond l-istess punt, fl-Italja, l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni jipprojbixxi lid-distributuri milli jbigħu jew li jkunu involuti, direttament jew indirettament, fil-bejgħ ta’ prodotti minbarra dawk tal-grupp JCB, u l-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim jimponilhom li jiksbu l-ispare parts u prodotti oħra sussidjarji li huma użati għat-tiswija tal-prodotti tal-grupp JCB esklużivament mingħand JCB SpA, sakemm ma jingħatawx il-kunsens bil-miktub ta' JCB Service, fil-każijiet koperti minn dawn iż-żewġ artikoli.
150 Wara li kkunsidrat li l-klawżoli tal-ftehimiet imsemmija ’iktar il fuq għandhom suġġett restrittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 115 tas-sentenza kkontestata, eżaminat id-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha biex tikkonstata l-ksur fi Franza, jiġifieri ittra datata l-21 ta’ Ġunju 1996, mibgħuta minn JCB SA lil Sem-Cedima, wieħed mill-konċessjonarji tagħha, u ittra oħra, ta’ l-10 ta’ Frar 1999, minn konċessjonarju awtorizzat fi Franza. Skond l-istess punt tas-sentenza kkontestata, dawn id-dokumenti jikkonfermaw l-implementazzjoni tal-ftehimiet u l-eżistenza fi Franza ta’ restrizzjonijiet fuq il-fonti ta' provvisti minn aġenti awtorizzati tal-grupp JCB.
151 Fir-rigward ta’ l-Italja, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 116 tas-sentenza kkontestata, li, biex tqis li t-tieni element tal-ksur kien ġie stabbilit, il-Kummissjoni ma bbażat ruħha fuq ebda prova ħlief id-dispożizzjonijiet tal-ftehim u li f’dan ir-rigward, JCB Service issostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tippenalizzaha għal klawżoli li ma ġewx interpretati u applikati b’mod strett, mingħajr ma tinvestiga u tipprova jekk dawn kinux ġew effettivament implementati.
152 Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 117 tas-sentenza kkontestata, li l-fatt li xi klawżoli li kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni ma ġewx interpretati u applikati strettament mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk ġiex stabbilit l-allegat ksur. Fl-istess punt, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li n-nuqqas ta’ kwalunkwe analiżi ta’ l-effetti tal-ftehim fid-deċiżjoni kontenzjuża ma tikkostitwixxix, fiha nfisha, difett li jinvalida din id-deċiżjoni, peress li l-għan jew l-effett anti-kompetittiv ta’ ftehim huma meħuda in kunsiderazzjoni b’mod alternattiv u mhux b'mod kumulattiv.
153 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ġustament qieset li l-element tal-ksur li jirrigwarda r-restrizzjonijiet tal-fonti ta’ provvista li jikkonċernaw ix-xiri ta’ prodotti kuntrattwali minn konċessjonarji li joperaw fi Franza u fl-Italja ġie stabbilit.
154 F’dan ir-rigward, JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt, bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli, f'dan il-każ tar-Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 1983/83 u Nru 67/67/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1967, dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81](3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehimiet ta’ esklużività (ĠU 57, 1967 p. 849). Fil-fatt, l-eżenzjoni ġenerali tista' tingħata skond ir-Regolamenti Nru 67/67 u Nru 1983/83.
155 Għandu jiġi mfakkar li JCB Service sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ilment skond liema l-ftehimiet kienu jistabbilixxu restrizzjonijiet fir-rigward tal-fonti ta’ provvista tad-distributuri awtorizzati fi Franza u fl-Italja, li jobbligawhom jiksbu l-provvisti tagħhom biss mill-kumpannija sussidjarja nazzjonali ta’ JCB Service u jipprojbixxuhom milli jagħmlu provvisti reċiproki bejn distributuri awtorizzati, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ftehimiet mill-Kummissjoni, billi l-għan tal-klawżoli kontenzjużi huwa biss li jiġi żgurat li d-distributuri jikkummerċjalizzaw biss il-prodotti tal-grupp JCB. Barra minn hekk, JCB Service sostniet li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk il-klawżoli kkontestati kinux ġew effettivament applikati.
156 Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa minn JCB Service biex issostni l-motiv tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma ġodda u għaldaqstant inammissibbli. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar, kif ġie indikat fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, li fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija lill-motivi u l-argumenti dibattuti quddiem l-ewwel qorti.
157 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-argumenti ta’ JCB Service intiżi sabiex jikkontestaw it-tieni element tal-ksur għandhom jiġu respinti u, għaldaqstant, li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi respinta bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.
Fuq it-tieni parti
158 Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, l-ewwel nett, fil-punt 160 tas-sentenza kkontestata, li jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni rrifjutat l-applikazzjoni għal eżenzjoni ppreżentata fl-1973 minħabba li l-eżami ta’ din l-applikazzjoni kien jeħtieġ komprensjoni sħiħa tas-sistema ta’ distribuzzjoni kollha tal-grupp JCB, li kienet impossibbli meta jitqies il-karattru parzjali tan-notifikazzjonijiet u peress li l-ftehimiet u l-prattiċi tal-grupp JCB kellhom restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni u ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi previsti mill-Artikolu 81(3) KE biex ikunu suġġetti għal eżenzjoni. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, din l-applikazzjoni kienet tkopri biss il-ftehim standard li jikkonċerna l-Irlanda, l-Iżvezja u ċ-Channel Islands u ġie mfassal minn JCB Sales.
159 Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 161 tas-sentenza kkontestata, li l-partijiet iddibattew quddiemha l-kwistjoni ġenerali dwar jekk is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB setgħetx tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 81(3) KE u jekk din il-kwistjoni ġietx ittrattata fil-premessi 201 u 222 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
160 Hija żiedet li, madankollu, fi kwalunkwe każ, eżenzjoni ma setgħetx, tingħata ħlief fir-rigward tal-ftehim, regolarment innotifikat, li fil-konfront tiegħu kienet saret l-applikazzjoni u li, f’dan ir-rigward, it-talba ta’ JCB Service kienet intiża biex tikseb l-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża li tirrifjuta l-applikazzjoni magħmula fl-1973. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa fid-dawl tal-ftehim imsemmi fil-punt 160 tas-sentenza kkontestata li għandu jiġi evalwat il-mertu ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni mingħajr mhemm bżonn li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina jekk tali eżenzjoni setgħetx tingħata għall-ftehimiet kollha mibgħuta mill-grupp JCB lill-Kummissjoni.
161 It-tieni nett, wara li kkonstatat, fil-punt 164 tas-sentenza kkontestata, li l-ftehim in kwistjoni ma setax jiġi kopert mis-sistema ta’ eżenzjoni ġenerali prevista mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 123/85/KEE, tat-12 ta’Diċembru 1984, dwar l-applikazzjoni ta’l-Artikolu [81](3) tat-Trattat KEE għal kategoriji ta’ ftehimiet ta’ distribuzzjoni u ta’ servizz ta’ bejgħ u wara l-bejgħ ta’ vetturi awtomobilistiċi (ĠU L 15, 1985, p. 16, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 123/85), kif sostitwit mir-Regolament Nru 1475/95, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk il-ftehim in kwistjoni setax ikun is-suġġett ta’ eżenzjoni individwali skond l-Artikolu 81(3) KE.
162 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 165 tas-sentenza kkontestata, li tali possibbiltà kienet prevista f'każ li l-ftehimiet jew il-prattiċi in kwistjoni jikkontribwixxu sabiex tittejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew biex jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li jirriżervaw parti ekwa mill-profitt li jirriżulta għall-konsumaturi, mingħajr ma jimponu restrizzjonijiet fuq l-impriżi interessati li mhumiex indispensabbli sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet u mingħajr ma jagħtu l-possibbiltà lil ċerti impriżi li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, hija ppreċiżat fl-istess punt tas-sentenza kkontestata li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-selettività flimkien ma’ l-esklużività li kien hemm fis-sistema ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB kien iwassal għal numru ta’ restrizzjonijiet mhux indispensabbli mingħajr ma dawn il-limitazzjonijiet ma kienu bbilanċjati minn effetti benefiċi, b’mod partikolari għall-konsumaturi.
163 Issa, skond il-punt 166 tas-sentenza kkontestata, JCB Service limitat ruħha għal affermazzjoni, b’mod ġenerali, li l-ftehimiet ta’ distribuzzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ eżenzjoni mingħajr ma indikat preċiżament liema vantaġġi joffri l-ftehim ikkonċernat sabiex ikun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni. Barra minn hekk, skond l-istess punt tas-sentenza kkontestata, JCB Service issostni sempliċiment li dan il-ftehim ma jiżvantaġġax lill-konsumaturi u li l-Kummissjoni ma stabbilietx li mhumiex se jirriżultaw vantaġġi minnu, iżda hija fl-ebda ħin ma tindika l-vantaġġi u l-ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet implementati.
164 Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jagħtu eċċezzjonijiet individwali fil-każ ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni li jgħaqqdu l-esklużività mas-selettività, u li huma invokati minn JCB Service biex issostni l-motiv tagħha, jiġifieri d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 75/73/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1974, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/14.650 – Bayerische Motoren Werke AG) (ĠU L 29, 1975, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni BMW”), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 85/559/KEE, tas-27 ta’ Novembru 1985, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu [81] tat-Trattat KEE (IV/30.846 - Ivoclar) (ĠU L 369, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Ivoclar”), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 93/C 275/03 skond l-Artikolu 19(3) tar-Regolament Nru 17 – Każ Nru IV/34.084 – Sony España SA (ĠU C 275, 1993, p. 3), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 167 tas-sentenza kkontestata, li s-soluzzjonijiet mogħtija f’dawn il-każijiet ma jistgħux jiġu trasposti għas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB.
165 Fil-fatt, skond l-istess punt tas-sentenza kkontestata, fil-każ tad-deċiżjoni BMW, il-bejgħ attiv barra mit-territorju ma kienx ipprojbit, u lanqas a fortiori l-bejgħ passiv u l-provvisti fi ħdan in-netwerk. Barra minn hekk, fir-rigward tas-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ Ivoclar, kien ġie ulterjorment miltub lill-parti kkonċernata biex tagħżel bejn mudell esklużiv u mudell selettiv. Fl-aħħar nett, Sony España SA kellha biss element restrittiv wieħed komuni mas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB.
166 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 168 tas-sentenza kkontestata, li JCB Service ma pprovatx li l-ftehim tagħha seta' jiġi kopert mis-sistema ta’ eżenzjoni ġenerali prevista mir-Regolament Nru 123/85 sostitwit mir-Regolament Nru 1475/95, u lanqas ma wriet li l-ftehim seta' jikkwalifika għal eżenzjoni individwali skond l-Artikolu 81(3) KE.
167 JCB Service issostni, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ evalwazzjoni manifest tal-portata ta’ l-eżenzjoni individwali li għaliha saret l-applikazzjoni, billi limitat, kif jirriżulta mill-punt 161 tas-sentenza kkontestata, l-eżami ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni għal wieħed biss mill-ftehimiet innotifikati.
168 Għandu jiġi rrivelat li, wara li ppreċiżat fil-premessi 197 sa 200 li l-ebda eżenzjoni ġenerali ma tista' tingħata skond ir-Regolamenti Nru 1983/83, Nru 1475/95 u Nru 2790/1999, il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 17, hija tistax tagħti eżenzjoni individwali skond l-Artikolu 81(3) KE.
169 Wara li fakkret fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ebda deċiżjoni skond l-Artikolu 81(3) KE ma setgħet tittieħed fir-rigward tal-ftehimiet jew tal-prattiċi miftiehma restrittivi li ma ġewx validament innotifikati, il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 207 sa 220 ta’ din id-deċiżjoni, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ l-Artikolu msemmi iktar ’il fuq kinux sodisfatti fir-rigward tal-ftehimiet jew tal-prattiċi miftiehma effettivi.
170 Wara li kkonstatat, fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li dan ma kienx il-każ hawnhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa segwenti, li ebda eżenzjoni ma setgħet tingħata anki li kieku JCB Service kienet innotifikat il-ftehimiet tagħha kif ġew applikati.
171 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni eżaminat, fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE, il-ftehimiet jew il-prattiċi miftiehma effettivi kollha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qajjmitx dubji dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq ir-referenza, fil-punti 160 u 161 tas-sentenza kkontestata, biss għall-ftehim li jikkonċerna l-Irlanda, l-Iżvezja u ċ-Channel Islands, għandu jiġi respint.
172 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ewwel ilment imressaq minn JCB service għandu jiġi respint.
173 It-tieni nett, JCB Service tirrileva kontradizzjoni fis-sentenza kkontestata fir-rigward tar-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni tagħha.
174 Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, rispettivament fil-punti 133, 145 u 154 tas-sentenza kkontestata, li t-tliet infrazzjonijiet li ġejjin ma ġewx stabbiliti:
– l-iffissar tat-tnaqqis jew tal-prezzijiet għall-bejgħ mill-ġdid applikabbli mill-konċessjonarji stabbiliti fir-Renju Unit u fi Franza;
– l-impożizzjoni ta’ kummissjonijiet għal servizz ta’ wara l-bejgħ fuq il-bejgħ magħmul mid-distributuri stabbiliti fir-Renju Unit lejn Stati Membri oħrajn, skond il-parametri ffissati minn JCB Service, u
– it-tneħħija ta’ l-għajnuna kummerċjali għat-tranżazzjonijiet multipli lill-aġenti tar-Renju Unit f'każ ta’ bejgħ estern, fejn b’hekk ir-rimunerazzjoni tal-konċessjonarji tiddependi mid-destinazzjoni ġeografika tal-bejgħ.
175 Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza approvat ukoll ir-rifjut ta' l-applikazzjoni għal eżenzjoni, billi bbażat ruħha, fis-sentenza kkontestata, fuq il-premessi 201 sa 222 tad-deċiżjoni kontenzjuża, premessi li, skond JCB Service, jikkonċernaw dawn it-tliet elementi tal-ksur.
176 Għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, mingħajr ma qajmet dubji dwaru, il-mertu ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni fuq ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni individwali ta’ JCB Service fil-punti 160 sa 169 tas-sentenza kkontestata.
177 F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrivelat li, fil-premessa 209 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rriferiet għall-fatt li l-esklużività territorjali flimkien mal-projbizzjoni ta’ bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati li jistgħu jikkompetu mal-konċessjonarji, kif ukoll max-xiri esklużiv ta’ spare parts għall-konċessjonarji, jipprevjeni jew jirrestrinġi l-iżvilupp tas-suq tal-manteniment, tat-tiswija u tal-provvistta ta’ spare parts f’kundizzjonijiet ideali ta’ sigurtà, li huwa distint mis-suq tal-bejgħ ta’ makkinarju ġdid. Fl-istess premessa, hija żiedet li, fir-rigward tas-setgħa kummerċjali lokali li għandu l-konċessjonarju għal provvisti fi żmien qasir ħafna, din l-għaqda ta' elementi tipprevali fuq il-vantaġġi għall-konsumatur, meta titqies, b’mod partikolari, is-sehem importanti mis-suq ta’ l-apparat li jgħabbi l-magni tat-taħfir li għandha JCB Service.
178 Fil-premessi 214 u 215 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li, f’sistema ta’ distribuzzjoni esklużiva, il-bejgħ passiv għandu jkun awtorizzat sabiex jiġi evitat li, l-iżvantaġġi fil-kompetizzjoni jipprevalu fuq il-vantaġġi u li, fis-suq komuni, l-esklużività territorjali flimkien mar-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv u passiv u mad-distribuzzjoni selettiva fi ħdan in-netwerk tal-grupp JCB ma jistgħux jiġu meqjusa bħala indispensabbli għat-titjib tad-distribuzzjoni ta’ makkinarju għall-kostruzzjoni u għat-tħaffir, li fosthom il-grupp JCB għandha sehem mis-suq Komunitarju ta’ 45 % għall-apparat li jgħabbi l-magni tat-taħfir. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ppreċiżat li, kuntrarjament għall-vetturi awtomobilistiċi, dan il-makkinarju huwa, ġeneralment, użat f’żoni ġeografiċi limitati u ma jiċċirkolax fuq distanzi twal u f’żoni varjabbli.
179 Fl-aħħar nett, fil-premessa 218, il-Kummissjoni qieset li, biex titjieb id-distribuzzjoni filwaqt li l-konsumaturi jibbenefikaw minn standards ta’ sigurtà stretti, mhuwiex indispensabbli li tiġi limitata l-provvista ta’ makkinarju u ta’ spare parts tal-grupp JCB lid-distributuri awtorizzati jew lill-konsumaturi finali u lanqas li jiġu allokati territorji esklużivi li barra minnhom ma jkunx possibbli li jsir bejgħ attiv u, a fortiori, bejgħ passiv.
180 Jirriżulta minn dak li ntqal li, fl-eżami tal-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ l-Artikolu 81(3) KE, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, irreferiet għall-elementi li jikkostitwixxu l-ewwel żewġ elementi tal-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma tista' tiġi invokata ebda kontraddizzjoni biex jiġi kkontestat ir-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni.
181 Għaldaqstant, it-tieni lment ta' JCB Service għandu jiġi respint ukoll.
182 It-tielet nett, JCB Service tippretendi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ evalwazzjoni meta hija affermat, fil-punt 166 tas-sentenza kkontestata, li hija ma kinitx indikat il-vantaġġi preċiżi offerti mill-ftehimiet tagħha ta’ distribuzzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-vantaġġi in kwistjoni diġà ġew analizzati fil-premessi 207 u 208 tad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kjarament ma tatx kas dan l-element.
183 Għandu jiġi mill-ewwel rilevat li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 166 tas-sentenza kkontestata, li JCB Service ma tindikax liema vantaġġi preċiżi jagħti l-ftehim in kwistjoni biex jikkwalifika għal eżenzjoni, hija żbaljata.
184 Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 207 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li wħud mill-vantaġġi li huma komuni għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ distribuzzjoni, bħad-distribuzzjoni esklużiva, ix-xiri u d-distribuzzjoni esklużivi ta’ vetturi awtomobilistiċi, jistgħu jitnisslu mill-modalitajiet ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB li, fil-fatt, jgħaqqdu dispożizzjonijiet li jeżistu f’dawn it-tliet kategoriji.
185 Barra minn hekk, fil-premessa 208 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li huwa korrett li l-konsumaturi jiksbu parti ekwa tal-vantaġġi oġġettivi li ġew esposti u li l-għażla tad-distributuri skond il-kapaċità tagħhom li jiżguraw lix-xerrejja ta’ prodotti tal-grupp JCB kwalità għolja tas-servizz hija preokkupazzjoni leġittima.
186 Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirrivelaw ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2004, José Martí Peix vs Il-Kummissjoni, C-226/03 P, Ġabra p. I-11421, punt 29).
187 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, sabiex applikazzjoni għal eżenzjoni individwali tingħata skond l-Artikolu 81(3) KE, il-kundizzjonijiet imsemmija mill-Artikolu in kwistjoni għandhom jiġu sodisfatti b'mod kumulattiv (ara d-Digriet tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 34).
188 Issa, indipendentement mill-mertu ta’ l-allegazzjoni ta’ JCB Service f’dan il-każ, din ma turix, mill-argumenti l-oħra tagħha, li l-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 221 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-kundizzjonijiet kumulattivi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(3) KE mhumiex sodisfatti f’dan il-każ, hija żbaljata u, għaldaqstant, billi aċċettat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt.
189 Minn dan isegwi li t-tielet ilment invokat mill-appellanti għandu jiġi respint.
190 Ir-raba’ nett, JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat, fil-punt 167 tas-sentenza kkontestata, ir-regoli relatati ma’ l-eżenzjonijiet. Fil-fatt, ma jeżistux restrizzjonijiet għall-bejgħ passiv. Għalhekk, il-prinċipji li tnisslu mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi BMW u Ivoclar kellhom jiġu applikati b’analoġija f’dan il-każ u, għaldaqstant, imisshom kienu biżżejjed sabiex tingħata l-eżenzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni.
191 Għandu jiġi kkonstatat li, bl-ilment tagħha, JCB Service tillimita ruħha għal kontestazzjoni ta' l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza billi ssostni li din il-Qorti missha waslet, fid-dawl tad-deċiżjonijiet BMW U Ivoclar iċċitati iktar ’il fuq, għall-konklużjoni opposta għal dik li tinsab fil-punt 167 tas-sentenza kkontestata. Madankollu, f’dan ir-rigward, JCB Service ma tinvoka ebda argument li jippermetti li jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat, bi kwalunkwe mod, il-fatti jew f’dan il-każ għamlet żball ta' dritt.
192 F’dawn iċ-ċirkustanzi u skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 106 sa 108 ta' din is-sentenza, ir-raba’ lment imressaq minn JCB Service għandu jiġi respint bħala inammissibbli.
193 Jirriżulta minn dak li ntqal li t-tieni parti tat-tieni motiv kif ukoll dan il-motiv kollu kemm hu għandu jiġi respint bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
Fuq it-tielet motiv
194 Dan it-tielet motiv jinqasam f’żewġt partijiet. Kull waħda minn dawn iż-żewġ partijiet tqajjem ilmenti distinti. JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u, f’dan ir-rigward, hija invokat, minn naħa, il-ksur ta’ ċerti prinċipji fundamentali u, min-naħa l-oħra, dak tar-regoli li jikkonċernaw il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa imposta.
Fuq l-ewwel parti
195 L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 176 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tikser id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament Nru 17, timponi multa fuq JCB Service minħabba l-ftehimiet innotifikati fl-1973 u fl-1975. Fil-fehma tagħha, il-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża f’dan ir-rigward, kellha tiġi eżaminata biss fir-rigward ta’ l-elementi tal-ksur li huma kkonċernati min-notifikazzjoni u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat bħala li ġew stabbiliti. Dawn kienu jikkonsistu, minn naħa, mill-ewwel element tal-ksur relattiv għar-restrizzjonijiet imposti fuq il-bejgħ passiv imsemmija fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kontenzjuża li huma marbuta mal-ftehimiet innotifikati għar-Renju Unit li jirriżultaw mill-klawżola 4 ta’ l-imsemmija ftehimiet u, min-naħa l-oħra, mit-tieni element tal-ksur relattiv għar-restrizzjonijiet fuq il-fonti ta’ provvista, msemmija fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, mhuwiex kopert min-notifikazzjoni.
196 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 177 tas-sentenza kkontestata, li l-klawżola 4 ġiet applikata b’mod differenti mit-termini tagħha stess, billi l-portata tagħha ġiet estiża sabiex tinkludi projbizzjoni ġenerali għad-distributuri milli jbigħu barra mit-territorju tagħhom, b’mod partikolari għall-esportazzjoni. Hija ppreċiżat ukoll li, safejn il-prattiċi li taw lok għall-impożizzjoni ta’ multa ma baqgħux fil-limitu tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet innotifikati, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament Nru 17 ma ġewx ivvjolati.
197 F’dan ir-rigward, JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt inkwantu, meta eżaminat il-kwistjoni tal-multa, hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-ksur, minn naħa, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fid-dawl ta’ l-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fi żmien raġonevoli u, min-naħa l-oħra, ta’ l-aspettattivi leġittimi ta’ JCB Service. Fil-fatt, l-ittra tat-13 ta’ Jannar 1976 tal-Kummissjoni kif ukoll id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali taw lil JCB Service x’tifhem li kienet teżisti possibbiltà serja li l-ftehimiet kontenzjużi kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni li għaliha saret l-applikazzjoni u, għaldaqstant, li ma kinitx tiġi imposta fuqha l-eventwali multa.
198 Fir-rigward, minn naħa, tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fid-dawl ta’ l-obbligu tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni fi żmien raġonevoli, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan l-ilment, JCB Service tikkritika essenzjalment lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma ssanzjonatx il-fatt li l-Kummissjoni imponiet multa f’dan il-każ, mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ġietx adottata fi żmien raġonevoli.
199 Kif ġie indikat fil-punti 77 sa 79 ta’ din is-sentenza, JCB Service, fi kwalunkwe każ, ma tistax tippretendi, li f’dan il-każ għandu jkun hemm l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba li din ma ġietx adottata fi żmien raġonevoli, peress li d-drittijiet tad-difiża ma ġewx miksura. Għaldaqstant, dan l-ewwel ilment għandu jiġi respint.
200 Fir-rigward, min-naħa l-oħra, il-ksur tal-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi ppreċiżat li, bl-ilment tagħha, JCB Service tippretendi sostanzjalment il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament Nru 17. Issa, tali allegazzjoni għandha tiġi respinta bħala manifestament infondata fir-rigward ta' ftehimiet li ma ġewx regolarment innotifikati.
201 It-tieni nett, u bħala tweġiba għall-argument ta’ JCB Service li l-multa imposta hija sproporzjonata, b’mod partikolari meta mqabbla mal-multi imposti skond l-istess proċedura fuq impriżi bħal Volkswagen AG u Opel Nederland BV (Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta' l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/35.733 – VW) (ĠU L 124, p. 60) u 2001/146/KE, ta’ l-20 ta’ Settembru 2000, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/36.653 – Opel) (ĠU L 59, 2001, p. 1)), il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fil-punt 187 tas-sentenza kkontestata, li, indipendentement mit-tqabbil li setgħet tagħmel il-Kummissjoni biex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta fuq JCB Service, dawn l-elementi seta' jkollhom biss karattru indikattiv ladarba ċ-ċirkustanzi tal-każijiet, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati mhumiex identiċi.
202 Għaldaqstant, fil-punt 189 ta’ l-istess sentenza, hija kkonkludiet li l-fatt li l-ammont tal-multi imposti fuq Volkswagen AG, Opel Nederland BV u JCB Service jikkorrispondi għal perċentwali differenti tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom ma jurix, f’dan il-każ, trattament diskriminatorju fir-rigward ta’ l-appellanti.
203 F’dan ir-rigward, JCB Service issostni, madankollu, li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvjolat il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ma weġbitx għall-argument tagħha li l-multa kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-multi imposti f’ċirkustanzi li jistgħu jiġu mqabbla mad-deċiżjonijiet Volkswagen AG u Opel Nederland BV.
204 Għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni JCB Service f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondiet b’mod ċar għall-allegazzjonijiet tagħha fil-punti 187 u 189 tas-sentenza kkontestata.
205 Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, bl-argumenti tagħha, JCB Service m’għandhiex l-intenzjoni li tqajjem dubji dwar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.
206 Jirriżulta minn dak li ntqal li dan it-tieni grupp ta' l-ilmenti ta' JCB Service għandu jiġi respint u, għaldaqstant, anki l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.
Fuq it-tieni parti
207 Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm il-linji gwida ma jistgħux leġittimament jiġu kkwalifikati bħala regoli ta' dritt li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom dejjem josservaw, madankollu huma jistabbilixxu regoli tal-kondotta li jindikaw prattika li l-awtoritajiet amministrattivi ma jistgħux jinjoraw, f’każ partikolari, mingħajr ma jagħtu raġunijiet li huma kumpatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 209).
208 Meta tadotta regoli ta' kondotta bħal dawn u meta tiddikjara billi tippubblikahom li hija se tapplikahom minn issa ’l quddiem għall-każijiet relatati magħhom, il-Kummissjoni tkun qed tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tinjora dawn ir-regoli taħt il-piena li tiġi ssanzjonata, jekk xieraq, talli tkun ivvjolat prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali jew il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 211).
209 Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skond l-istess ġurisprudenza, il-linji gwida jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti skond l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17. Dawn il-linji gwida, li għat-tfassil tagħhom il-Kummissjoni, b’mod partikolari, irrikorriet għal kriterji li tnisslu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jassiguraw, għaldaqstant, iċ-ċertezza legali ta’ l-impriżi (ara, f’dan il-każ, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 213).
210 Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa minn JCB Service intiżi biex juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament ma ssanzjonatx l-allegat ksur tal-linji gwida mill-Kummissjoni.
211 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-ksur, għandu jiġi ppreċiżat li fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, ħlief għall-verżjoni Ingliża li tuża t-terminu “serju” għall-ksur ikkonċernat, skond il-punt 182 tas-sentenza kkontestata, l-imsemmi ksur jista' jitqies bħala li huwa “serju ħafna” minħabba l-ħsara li jagħmel għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari, minħabba t-tqassim tas-swieq nazzjonali li huwa għandu bħala għan u bħala effett li jikseb u, għaldaqstant, huwa stess jiġġustifika multa għolja. Skond il-punt segwenti ta’ l-istess sentenza, JCB Service hija impriża relattivament importanti fil-Komunità u fis-settur ikkonċernat u, għaldaqstant, il-Kummissjoni m’għamlitx żball fl-evalwazzjoni tagħha ta’l-impatt tal-ksur fuq is-swieq nazzjonali kkonċernati sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa.
212 Imbagħad, fir-rigward tad-dewmien tal-ksur, jirriżulta mill-punt 184 tas-sentenza kkontestata li dan kien ikopri perijodu ta’ għaxar snin. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fil-punt 185 tas-sentenza kkontestata, li “[ż]-żewġ elementi tal-ksur kienu preżenti fl-istess ħin matul nofs dan il-perijodu. U JCB Service ippreċiżat li kien biss matul perijodu ta’ ħames snin li l-elementi kollha tal-ksur – li tnaqqsu għal tnejn – kienu preżenti fl-istess ħin. Madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti fuq l-esportazzjonijiet, li jikkostitwixxu l-ewwel element tal-ksur, li huma importanti ħafna fis-sistema ta’ distribuzzjoni [tal-grupp] JCB, għandhom importanza kbira u jagħtu lok, loġikament, għar-restrizzjonijiet fuq il-fonti ta' provvista, li jikkostitwixxu t-tieni element tal-ksur.[...] [F]id-dawl ta' l-importanza ta’ l-ewwel element tal-ksur, li huwa relatat ma' aspett ċentrali tas-sistema ta’ distribuzzjoni [tal-grupp] JCB, mhemmx raġuni għaliex għandu jiġi kkunsidrat li d-dewmien tal-ksur kellu jitnaqqas għal inqas minn għaxar snin”.
213 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni xi ċirkustanzi attenwanti partikolari, skond il-punt 190 tas-sentenza kkontestata, JCB Service ma tistax validament issostni li n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni formali tal-Kummissjoni fuq il-ftehimiet tagħha kienet “approvazzjoni impliċita”, peress li tali kunsiderazzjoni hija estranja għad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.
214 Barra minn hekk, skond l-istess punt tas-sentenza kkontestata, JCB Service lanqas ma tista' targumenta fuq il-bażi ta' deċiżjoni ta’ l-Awtorità Irlandiża tal-Kompetizzjoni jew tas-sentenza tal-cour d’appel de Paris, iċċitati iktar ’il fuq. Bl-istess mod, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi r-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal eżenzjoni ta’ JCB Service ġie kkunsidrat bħala fondat, l-ebda ċirkustanza attenwanti bbażata fuq l-allegata kompatibbiltà tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-grupp JCB mar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tista' tiġi rrikonoxxuta f’dan il-każ.
215 L-ewwel nett, JCB Service issostni, sostanzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljatament ikkunsidrat, fil-punt 182 tas-sentenza kkontestata, li ż-żewġ tipi ta’ prattiċi anti-kompetittivi stabbiliti f’dan il-każ jiġġustifikaw, fihom infushom, multa għolja bħala ksur “serju ħafna”. Fil-fatt, indipendentement mill-kwalifika formali tagħhom fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-prattiċi kkonċernati ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala ksur “serju ħafna” minħabba n-natura tagħhom u l-impatt effettiv tagħhom fuq is-suq.
216 Għall-kuntrarju ta' dak li JCB Service issostni f’dan il-każ, il-ksur li ġie kkonstatat kjarament juri ksur “serju ħafna" fis-sens tal-punt 1A tal-linji gwida u, għaldaqstant, jista' jagħti lok għall-impożizzjoni ta' multa xierqa għal dan it-tip ta’ ksur.
217 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-premessa 248 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-ftehimiet ta’ konċessjoni li, bħal dawk ta’ JCB Service, għandhom bħala għan li jqassmu s-swieq nazzjonali ġewwa s-suq komuni permezz ta’ numru ta’ restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni, iqiegħdu fil-periklu l-operat tajjeb tas-suq komuni, imorru kontra waħda mill-għanijiet prinċipali tal-Komunità u ilhom kkunsidrati għal għexieren ta’ snin, fil-prattika tad-deċiżjonijiet u fil-ġurisprudenza, bħala li jiksru l-Artikolu 81 KE.
218 Fil-premessi 249 u 250 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet ġiet ikkonstatata b’ċertezza fir-rigward tal-konċessjonarji ta’ mill-inqas bosta Stati Membri, li jikkostitwixxu parti sostanzjali tas-suq komuni, li JCB Service hija impriża kbira li għandha saħħa konsiderevoli f'uħud mis-swieq ta’ prodotti u mis-swieq ġeografiċi milquta, li għandha l-kapaċità effettiva, bl-aġir tagħha, li tikkawża danni konsiderevoli lil operaturi oħrajn fil-linja l'isfel, u li hija għandha l-infrastrutturi li kienu jmisshom ippermettewlha li tinduna li kienet qed tikser l-Artikolu 81 KE.
219 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 251 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-ksur min-naħa ta' JCB Service huwa “serju ħafna” u għandu jagħti lok għall-impożizzjoni ta' multa fl-ammont ta’ EUR 25 000 000, minħabba s-serjetà tiegħu.
220 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun li ma tissanzjonax lill-Kummissjoni talli applikat multa li tikkorrispondi għal ksur ikkwalifikat bħala “serju ħafna” fir-rigward ta’ dan il-ksur.
221 Fir-rigward tal-fatt li, fil-punt 182 tal-verżjoni Ingliża tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għal ksur “serju” minflok “serju ħafna”, għandu jiġi ppreċiżat li dan jirrigwarda sempliċi żball fil-kitba. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-kliem “serju ħafna” jinsabu fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra kollha tas-sentenza kkontestata, għandu jiġi rrivelat li l-użu tal-kelma “serju” mhuwiex importanti f’dan il-każ peress li jirriżulta mingħajr ambigwità mill-punt 182 tas-sentenza kkontestata li dan huwa ksur “serju ħafna” skond il-punt 1A tal-linji gwida, li jiġġustifika multa għolja.
222 It-tieni nett, JCB Service issostni li, billi ffissat id-dewmien tal-ksur għal għaxar snin, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet, bħall-Kummissjoni, għal evalwazzjoni inkorretta ta’ dan id-dewmien. Fil-fatt, għandu jiġi evalwat id-dewmien tal-prattika illegali kkonċernata fid-dawl tan-negliġenza tal-Kummissjoni, li wasslet lil JCB Service biex temmen leġittimament li n-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha ma kienx jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F'tali kuntest, fid-dawl tal-fatt li d-dewmien ta’ prattika illegali huwa fattur li jiġġustifika żieda fl-ammont tal-multa, id-dewmien tal-prattiċi kkontestati m’għandhux jiġi kkunsidrat bħala fattur li għandu jintuża sabiex jiżdied l-ammont ta’ multa li tibqa' inġustfikata.
223 Dan l-argument huwa irrilevanti għal kollox. Għandu jiġi rrivelat li l-evalwazzjoni tal-Kummssjoni dwar id-dewmien tal-ksur ikkonstatat tikkonċerna ftehimiet u prattiċi li ma ġewx notifikati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, JCB Service ma tistax, fi kwalunkwe każ, tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha fuq ftehimiet mhux innotofikati skond il-proċedura mitluba mill-ġurisprudenza, biex jiġi kkontestat il-mertu ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dewmien tal-ksur skond il-linji gwida.
224 Fuq dan il-punt, JCB Service issostni li madankollu ma jeżisti ebda element ta’ prova li jista' jsostni konstatazzjoni li l-allegat ksur sar fuq perijodu ta’ għaxar snin. Fil-fatt, fid-dawl tad-dokumenti eżaminati li jikkonċernaw iż-żewġ elementi tal-ksur kkunsidrati bħala li ġew stabbiliti fis-sentenza kkontestata u li jmorru lura għall-1992, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tikkunsidra li l-perijodu tal-ksur beda fl-1988, u lanqas ma tista' tgħid, fil-punt 184 tas-sentenza kkontestata, li “l-Kummissjoni rrilevat fatti marbuta maż-żewġ elementi tal-ksur li huma stabbiliti” u li “[x]i elementi ta’prova, li ġew preċedentement eżaminati, huma inklużi fil-fajl fir-rigward tal-perijodu globali kkunsidrat”, mingħajr ma jiġu verament eżaminati l-elementi ta’ prova.
225 Għandu jiġi kkonstatat li, bl-ilment tagħha, JCB Service tillimita ruħha biex tilmenta essenzjalment li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma semmietx jew ma ċċitatx l-elementi ta’ prova kollha li jippermettulha tistabbilixxi d-dewmien tal-ksur. Madankollu, hija ma turix li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt fil-punt 184 tas-sentenza kkontestata billi aċċettat il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dewmien tal-ksur. Fil-fatt, JCB Service ma ressqet ebda argument biex turi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma tosservax il-punt 1B tal-linji gwida. B’hekk dan l-argument għandu jiġi respint.
226 Fl-aħħar nett, JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssanzjonatx il-fatt li l-Kummissjoni ma rikonoxxietx f’dan il-każ l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti skond il-punt 3 tal-linji gwida. L-ewwel nett, il-prattiċi allegatament illegali ma twettqux b'mod intenzjonali minn JCB Service iżda kienu r-riżultat tan-negliġenza u ta’ l-amministrazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni. It-tieni nett, JCB Service ma rrikorrietx fl-Italja għall-prattika illegali li hija akkużata li għamlet. Fl-aħħar nett, il-memorandum tas-16 ta’ Mejju 1995, iċċitata fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti partikolari u mhux ċirkustanza aggravanti.
227 Fir-rigward ta’ l-ewwel ilment imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi rrivelat li JCB Service tibbaża r-raġunament tagħha fuq il-fatt li d-dewmien tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tagħha għal eżenzjoni kellu effetti fuq il-proċedura ta’ ksur imressqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta' ftehimiet u prattiċi mhux innotifikati. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, dan l-element għandu jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti partikolari biex jiġi ddeterminat l-ammont finali tal-multa.
228 Għandu jiġi kkonstatat li JCB Service qed terġa' tipprova tistabbilixxi rabta proċedurali bejn il-ftehimiet innotifikati u l-ftehimiet mhux innotifikati sabiex tikkontesta l-mertu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-multa imposta. Issa, tali rabta hija kjarament ma teżistix u, għaldaqstant, ma tista' fl-ebda każ tiġġustifika l-eżistenza ta’ ċirkustanza attenwanti fis-sens tal-punt 3 tal-linji gwida.
229 Fir-rigward tat-tieni lment imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punt 103 tas-sentenza kkontestata, li għalih jirreferi wkoll il-punt 117 ta’ l-istess sentenza, li, “fi kwalunkwe każ, tkun xi tkun l-implementazzjoni tal-ftehimiet fil-prattika, l-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi l-eżistenza stess, fil-kuntratti ta’ distribuzzjoni, ta’ klawżoli li għandhom bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġu l-bejgħ. Dawn jikkostitwixxu limitazzjoni tal-kompetizzjoni li tista' tiġi sanzjonata skond l-Artikolu 81(1) KE jekk jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. […] Il-fatt li klawżola ta’ ftehim li għandha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ma ġietx implementata bejn il-kontraenti mhuwiex biżżejjed biex ma taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE”.
230 Jirriżulta minn dak li ntqal li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni JCB Service, il-Qorti tal-Prim’Istanza qatt ma kkunsidrat fis-sentenza kkontestata li din ma kinitx wettqet il-prattika li biha hija akkużata fl-Italja. Anzi, hija limitat ruħha li ssemmi l-allegazzjonijiet ta’ JCB Service sabiex tasal għal konklużjoni differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment ta' JCB Service għandu jiġi respint ukoll.
231 Fir-rigward tat-tielet ilment imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi mfakkar li l-memorandum tas-16 ta’ Mejju 1995 jindika li l-projbizzjoni ta’ l-importazzjonijiet paralleli tmur kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, dan juri li JCB Service kienet taf dwar il-fatt li l-aġir tagħha kien imur kontra l-Artikolu 81 KE u, għalhekk, m’għandux jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti partikolari.
232 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball ta' dritt jew ta’ evalwazzjoni fil-punt 190 tas-sentenza kkontestata billi aċċettat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, għall-kalkolu tal-multa, mhemmx lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti partikolari.
233 Għalhekk, it-tieni parti tat-tielet motiv u l-istess motiv kollu kemm hu għandhom jiġu respinti bħala infondat u, għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tas-sentenza kkontestata għandhom jiġu miċħuda, peress li l-ebda motiv ma rnexxa.
234 Peress li t-talbiet l-oħra ta’ l-appell ġew ippreżentati f'każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza kkontestata, l-appell prinċipali kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.
Fuq l-appell inċidentali
235 Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17, billi sabiex tikkalkola l-multa, hija ma tatx kas iċ-ċirkustanza aggravanti deskritta fid-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-miżuri ta' ritaljazzjoni meħuda minn JCB Service kontra distributur li kien kiser l-Artikolu 4 tal-ftehim ta’ distribuzzjoni għar-Renju Unit (projbizzjoni ta’ bejgħ lil bejjiegħa mhux awtorizzati). B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li kien hemm ċirkustanza aggravanti mhux abbażi tal-klawżola 4 nnotifikata, iżda peress li l-karattru restrittiv ta’ dan l-Artikolu ġie msaħħaħ minn pieni pekunjarji.
236 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 191 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni sabet li kien hemm xi ċirkustanzi aggravanti, u kkunsidrat bħala tali piena pekunjarja imposta minn JCB Service fuq Gunn JCB għall-ksur tal-klawżola 4, deskritta bħala "miżuri ta' ritaljazzjoni" u li konsegwentement hija żiedet l-ammont tal-multa imposta bi EUR 864 000. Hija rrilevat ukoll li ma kienx ikkontestat li Gunn JCB aġixxiet b'mod li jmur kontra r-responsabbiltajiet kuntrattwali tagħha u li hija kisbet għajnuna kummerċjali għal tranżazzjonijiet multipli meta ma kienx intitolata għaliha u, fl-aħħar nett, li JCB Service imponiet piena għall-ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat li klawżola, kemm jekk tkun legali jew illegali, għandu jkollha immunità mill-multi li tirriżulta mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17, meta tkun inkluża fi ftehim innotifikat.
237 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 192 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment timponi multa għal aġir ikkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti, iżda marbut ma’ l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ ftehim regolarment innotifikat. Il-Kummissjoni ma setgħetx għalhekk iżżid l-ammont tal-multa biex tieħu in kunsiderazzjoni l-allegati ċirkustanzi aggravanti.
238 JCB Service issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball ta' dritt. L-ewwel nett, il-kumpens mitlub minn JCB Service mingħand wieħed mid-distributuri tagħha kien sanzjoni mogħtija biex timplementa l-imsemmija klawżola u mhux biex tapplika dispożizzjoni mhux innotifikata. B’hekk, it-talba għal kumpens kienet ukoll meħtieġa sabiex tiggarantixxi l-validità tal-ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva u biex tevita diskriminazzjoni illegali bejn id-distributuri. Fl-aħħar nett, it-talba kkonċernata kienet ġiet deskritta b'mod inkorrett mill-Kummissjoni bħala “miżura ta' ritaljazzjoni” li tikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti peress li, skond il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi, jikkostitwixxu “miżuri ta’ ritaljazzjoni” dawk il-miżuri meħuda kontra “impriżi oħra bil-għan li jissaħħu l-prattiċi li jikkostitwixxu ksur”.
239 Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni indikat fil-premessa 40 tad-deċiżjoni kontenzjuża li “[k]ien ġie mitlub minn JCB biex tipprovdi, fiż-żewġ formoli A/B magħmula għar-Renju Unit, informazzjoni fuq il-kontenut tal-ftehim jew tal-prattiċi miftiehma, iżjed preċiżament fil-parti II(3)(f), fuq is-[…] ‘sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu kontra impriżi li jipparteċipaw (pieni, tkeċċija, żamma tal-provvisti, eċċ.)'. Fiż-żewġ formoli, ir-risposta kienet ‘Le’. Din ir-risposta la ngħatat b'negliġenza u lanqas b'mod mekkaniku. Fil-formola A/B li ntbagħtet mal-ftehim, innotifikat għad-Danimarka, tat-30 ta’ Ġunju 1973 ukoll, piena ta’ GBP 250 jew tat-triplu tal-prezz ta' l-ispare parts mixtrija minn sorsi li ma kinux JCB, ġiet indikata”.
240 Il-konstatazzjonijiet preċedenti la ġew kkontestati minn JCB Service fil-kuntest ta' din il-proċedura u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tat-tweġiba “le” fil-parti II(3)(f) tal-formola A/B li tikkonċerna s-sanzjonijet li jistgħu jittieħdu kontra impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju għar-Renju Unit, JCB Service kienet innotifikat l-intenzjoni tagħha li ma timponix tali sanzjonijiet lill-Kummissjoni.
241 B’hekk, it-tweġiba “le” fil-parti msemmija iktar ’il fuq tal-formola A/B timplika li s-sanzjonijiet imposti fuq id-distributur stabbilit fir-Renju Unit kienu jmorru lil hinn mil-limiti ta’ l-attività deskritta fin-notifikazzjoni u, għaldaqstant, għall-kuntrarju ta' dak li ġie indikat fil-punt 191 tas-sentenza kkontestata, is-sanzjonijiet in kwistjoni ma jistgħux jibbenefikaw mill-immunità tal-multi li tirriżulta mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17.
242 Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta' dritt fil-punti 191 u 192 tas-sentenza kkontestata billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi multa ta’ EUR 864 000 għal aġir li jikkwalifika bħala ċirkustanza aggravanti u li ma setgħetx iżżid l-ammont tal-multa biex tieħu in kunsiderazzjoni l-allegati ċirkustanzi aggravanti.
243 Jirriżulta minn dak li ntqal li l-appell inċidentali għandu jintlaqa' fir-rigward tal-punti 191 u 192 tas-sentenza kkontestata u l-punt 2 tad-dispożittiv tagħha.
244 Skond l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista' allura jew hija stess tista' tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha. Billi l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, għandha tingħata deċiżjoni definittiva fuq l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq JCB Service u dan għandu jiġi ffissat għal EUR 30 864 000.
Fuq l-ispejjeż
245 Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.
246 Peress li JCB Service tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ l-appell prinċipali, kif mitlub mill-Kummissjoni. Peress li l-Kummissjoni talbet li JCB Service tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' l-appell inċidentali, hemm lok li JCB Service tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż ta' dan l-appell ukoll.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) L-appell inċidentali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej huwa milqugħ.
3) Il-punt 2 tad-dispożittv tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni (T-67/01), huwa annullat.
4) L-ammont tal-multa imposta fuq JCB Service skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/190/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2000, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (każ COMP.F.1/35.918 – JCB), huwa ffissat għal EUR 30 864 000.
5) JCB Service għandha tbati l-ispejjeż kollha ta' din l-istanza.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.