This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62004CJ0156
Judgment of the Court (First Chamber) of 7 June 2007. # Commission of the European Communities v Hellenic Republic. # Failure of a Member State to fulfil obligations - Directive 83/182/EEC - Temporary import of means of transport - Tax exemptions - Normal residence in a Member State. # Case C-156/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 83/182/KEE - Importazzjoni temporanja tal-mezzi tat-trasport - Eżenzjonijiet mit-taxxa - Residenza normali fi Stat Membru.
Kawża C-156/04.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Ellenika.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 83/182/KEE - Importazzjoni temporanja tal-mezzi tat-trasport - Eżenzjonijiet mit-taxxa - Residenza normali fi Stat Membru.
Kawża C-156/04.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:316
Kawża C-156/04
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ir-Repubblika Ellenika
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 83/182/KEE — Importazzjoni temporanja tal-mezzi tat-trasport — Eżenzjonijiet mit-taxxa — Residenza normali fi Stat Membru”
Sommarju tas-Sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati
(Direttiva tal-Kunsill 83/182, Artikolu 7(1))
2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati
(Direttiva tal-Kunsill 83/182)
3. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati
(Direttiva tal-Kunsill 83/182)
4. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati
(Direttiva tal-Kunsill 83/182)
5. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati
(Direttiva tal-Kunsill 83/182)
6. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati
(Direttiva tal-Kunsill 83/182)
1. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tar-residenza normali fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1), tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, jinħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm ir-rabtiet professjonali u personali tal-parti kkonċernata f’post speċifiku kif ukoll it-tul tagħhom u, meta dawn ir-rabtiet mhumiex ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed, il-preminenza għandha tingħata lir-rabtiet personali. Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tar-rabtiet personali u professjonali tal-parti kkonċernata, l-elementi kollha ta’ fatt rilevanti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, partikolarment, il-preżenza fiżika tagħha kif ukoll dik tal-membri tal-familja tagħha, id-dispożizzjoni tal-post ta’ abitazzjoni, il-post ta’ eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali u dik tas-sitwazzjoni ta’ l-interessi patrimonjali tagħha. Fl-ewwel lok, huma l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istati Membri li għandhom jipproċedu b’evalwazzjoni u bl-għarbiel ta’ l-elementi kollha ta’ fatt rilevanti li jikkaratterizzaw kull każ.
(ara l-punti 45-46)
2. Fih innifsu, ma jammontax għal nuqqas ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 83/182, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, is-sempliċi fatt li regola nazzjonali astratta tikkwalifika bħala delitt kriminali mġiba li tikkonsisti f’li wieħed jevita d-dispożizzjonijiet doganali u fiskali normalment applikabbli. Il-ħtiġijiet tar-repressjoni u tal-prevenzjoni jistgħu jiġġustifikaw li Stat Membru jistabbilixxi sanzjonijiet f’ċertu livell ta’ severità, iżda li ma jistax jiġi eskluż li dawn is-sanzjonijiet jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi, ikunu sproporzjonati.
(ara l-punt 72)
3. Jonqos mill-obbligi tiegħu skond id-Direttiva 83/182, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, Stat Membru li jipprovdi li, f’każ ta’ żamma jew użu fit-territorju nazzjonali ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor minn individwu li għandu r-residenza normali fit-territorju nazzjonali, il-proċedimenti kriminali normalment previsti ma jitressqux jekk il-persuna kkonċernata tħallas it-taxxa ta’ reġistrazzjoni imposta u tirrinunzja għall-mezzi ta’ rikors previsti mid-dritt nazzjonali kontra l-att ta’ l-impożizzjoni ta’ l-imsemmija taxxa. Fil-fatt, sistema bħal din tista’ ċċaħħad lill-individwi mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva mixtieqa mid-dritt Komunitarju billi tħeġġiġhom, sabiex jevitaw proċedimenti kriminali, jirrinunzjaw għall-meżżi ta’ rikors normalment previsti mid-dritt nazzonali.
(ara l-punti 77, 97 u dispożittiv)
4. Jirriżultaw mill-qafas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 83/182, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, is-sanzjonijiet previsti minn Stat Membru għall-każ fejn vettura koperta mill-eżenzjoni fiskali temporanja hija misjuqa fit-territorju nazzjonali minn persuna oħra mhux benefiċjarja u fejn il-vettura in kwistjoni hija misjuqa minn persuna mhux benefiċjarja filwaqt li, fil-mument fejn il-ksur huwa mwettaq, il-benefiċjarja ta’ l-eżenzjoni fiskali mhijiex fit-territorju nazzjonali.
(ara l-punti 80-81)
5. Jonqos mill-obbligi tiegħu skond id-Direttiva 83/182, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, Stat Membru li jipprovdi li, f’każ ta’ impożizzjoni tal-multi għal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-vetturi huma wkoll is-suġġett ta’ immobilizzazzjoni kawtelatorja temporanja u t-tpoġġija tagħhom għad-dispożizzjoni sseħħ wara l-ħlas tal-multi dovuti u ħlasijiet oħra eventwali previsti. Fil-fatt, jista’ jiċħad lill-benefiċjarju mill-użu tal-vettura tiegħu għal perjodu li jista’ jkun twil, u minħabba l-importanza li wieħed għandu dritt isuq vettura għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li jirreferu għall-moviment ħieles tal-persuni, miżura bħal din hija sproporzjonata fir-rigward ta’ l-għan imħaddan, li huwa l-ġbir tal-multi, għan li jista’ jintlaħaq permezz ta’ mezzi aktar konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.
(ara l-punti 83, 97 u dispożittiv)
6. Ma jonqosx mill-obbligi tiegħu skond id-Direttiva 83/182, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa fil-Komunità għal ċerti mezzi ta’ trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor, Stat Membru li jipprovdi li l-persuni vittmi tas-serq ta’ tieni vettura li jinsabu taħt is-sistema ta’ l-importazzjoni temporanja fl-Istat Membru kkonċernat huma marbuta li jħallsu t-taxxa ta’ reġistrazzjoni. Fil-fatt, ma hemm l-ebda indizzju fid-direttiva li jista’ jkun il-bażi tal-konklużjoni li din kienet riedet testendi l-eżenzjoni u tillimita konsegwentement is-sovranità fiskali ta’ l-Istati Membri f’sitwazzjonijiet fejn ir-rabta bejn il-benefiċjarju ta’ l-eżenzjoni u l-vettura koperta minn din hija miksura, u b’mod partikulari f’każ ta’ serq fejn huwa probabbli ħafna li l-vettura tkompli tiċċirkola fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat u li tkun misjuqa minn persuna li m’għandha l-ebda rabta mal-benefiċjarju ta’ l-eżenzjoni. Każ bħal dan mhuwiex kopert mid-direttiva u jaqa’ taħt l-awtorità leġiżlattiva ta’ l-Istati Membri.
(ara l-punt 94)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta' Ġunju 2007 (*)
“Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 83/182/KEE – Importazzjoni temporanja tal-mezzi tat-trasport – Eżenzjonijiet mit-taxxa – Residenza normali fi Stat Membru”
Fil-kawża C‑156/04,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-26 ta' Marzu 2004,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos u I. Pouli, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, E. Juhász (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,
Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Ġunju 2006,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' 14 ta' Settembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi li r-Repubblika Ellenika:
– meta tapplika għall-użu temporanju fit-territorju tagħha ta' vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra d-dispożizzjonijiet tas-sistema doganali tad-dħul temporanju applikabbli għall-vetturi provenjenti minn pajjiżi terzi, minflok id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE tat-28 ta' Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor (ĠU L 105, p. 59, iktar 'il quddiem id-"Direttiva");
– meta tapplika, għall-ksur li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-vetturi li jinsabu fi dħul temporanju fit-territorju tagħha, sistema ta' sanzjonijiet li, b'rabta mal-prassi tad-determinazzjoni sistematika mill-awtoritajiet amministrattivi tar-residenza normali fil-Greċja ta' l-individwu li jimporta l-vettura, huma manifestament sproporzjonati;
– billi tirċievi sistematikament it-taxxi previsti għall-importazzjoni definittiva tal-vetturi, f'każ ta' serq mill-istess individwu ta’ t-tieni vettura li tinsab fi dħul temporanju,
naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 90 KE u d-Direttiva, b'mod partikulari l-Artikolu 1 tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2 Skond l-ewwel u t-tieni premessi tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li telimina x-xkiel għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-persuni u għall-ħolqien tas-suq intern li jirriżulta mis-sistemi fiskali ta' l-Istati Membri fil-qasam ta’ l-importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi ta' trasport.
3 Fit-tielet premessa tad-Direttiva hemm miktub li "[…] għandu jkun possibbli f'ċerti każijiet li jkun stabbilit b'mod definittiv jekk huwiex minnu jew le li persuna tkun fil-fatt residenti f'xi Stat Membru partikulari".
4 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha jeżentaw importazzjonijiet temporanji minn Stat Membru ieħor ta' vetturi tat-triq bil-mutur, eżenzjoni, b'mod partikulari, tat-taxxi fuq it-turnover, taxxi tas-sisa u taxxi oħrajn fuq il-konsum. L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva jeskludi l-vetturi kummerċjali mill-eżenzjoni.
5 Fir-rigward tal-vetturi privati, l-eżenzjoni tapplika, skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva, għall-importazzjoni temporanja tagħhom għal użu privat, għal terminu kontinwu jew le li ma jaqbiżx sitt xhur għall-perjodu ta' tnax-il xahar. Għal dak li jikkonċerna l-istess vetturi, l-eżenzjoni tapplika, skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva, għall-importazzjoni temporanja tagħhom għal użu kummerċjali, għal terminu kontinwu jew le ta' sitt jew seba' xhur għal perjodu ta' tnax il-xahar.
6 Kemm l-Artikolu 3 kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva jissuġġettaw il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-individwu li jimporta l-vettura għandu "jkollu r-residenza normali f'xi Stat Membru minbarra l-Istat Membru ta' importazzjoni temporanja", suġġett għall-osservanza ta' ċerti kundizzjonijiet addizzjonali għall-individwu li jimporta l-vettura għal użu kummerċjali.
7 Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta' "residenza normali", l-Artikolu 7 tad-Direttiva, intitolat "Regoli ġenerali biex tkun stabbilita residenza", jgħid:
"1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "residenza normali" tfisser il-post fejn xi persuna tgħix normalment, jiġifieri għal mill-inqas 185 jum f'kull sena kalendarja, minħabba xi rbit personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta' xi persuna li ma jkollhiex irbit tax-xogħol minħabba rbit personali li juru rabtiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn qed jgħix.
Iżda, ir-residenza normali ta' xi persuna li l-irbit tax-xogħol tagħha jkun f'post differenti minn dak ta' l-irbit personali u li jgħix konsegwentement f'postijiet differenti sitwati f'żewġ Stati Membri jew aktar għandu jitqies li jkun il-post ta' l-irbit personali tagħha, sakemm dik il-persuna tirritorna hemmhekk regolarment. Din l-aħħar kondizzjoni ma teħtieġx li tkun sodisfatta meta l-persuna tkun tgħix f'xi Stat Membru sabiex tagħmel xogħol ta' tul definit. Attendenza f'xi università jew skola ma timplikax trasferiment tar-residenza normali.
2. Individwi għandhom jagħtu prova tal-post tagħhom ta' residenza normali b'xi mezzi xierqa, bħall-karta ta' l-identità jew xi dokument ieħor validu.
3. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni jkollhom dubbji dwar il-validità ta' xi dikjarazzjoni dwar residenza normali magħmula skond il-paragrafu 2, jew għall-fini ta' ċerti kontrolli speċifiċi, dawn jistgħu jitolbu xi informazzjoni jew evidenza addizzjonali."
8 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jżommu u/jew jintroduċu arranġamenti aktar liberali minn dawk provduti f'din id-Direttiva. B'mod partikulari, dawn jistgħu, fuq talba ta' l-importatur, jippermettu importazzjoni temporanja għal perjodu itwal minn dawk imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta' din id-Direttiva.
9 L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva jipprovdi:
"L-Istati Membri ma jistgħu taħt l-ebda ċirkustanzi japplikaw, bis-saħħa ta' din id-Direttiva, eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità li huma inqas favorevoli minn dawk li huma jistgħu jagħtu għar-rigward tal-mezzi ta' trasport li joriġinaw f'xi pajjiż mhux membru."
10 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10 (2) tad-Direttiva jgħid:
"Billi l-applikazzjoni prattika ta' din id-Direttiva tagħti lok għal diffikultajiet, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri interessati għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim reċiproku, b'mod partikulari fid-dawl tal-Konvenzjonijiet u d-Direttivi tal-Komunità dwar assistenza reċiproka."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 Id-Deċiżjoni tal-Ministru tal-Finanzi Nru D 247/13, ta' l-1 ta' Marzu 1988, emendata mil-Liġi Nru 2187/94 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu 1988"), li permezz tagħha d-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt intern, tawtorizza fl-Artikolu 1 tagħha, l-importazzjoni temporanja, l-eżenzjoni tad-dazji tad-dwana korrispondenti u taxxi oħra, ta' mezzi tat-trasport għall-użu privat, bl-esklużjoni minn din is-sistema tal-vetturi kummerċjali.
12 L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu 1988 jiddefinixxi l-kunċett ta' "residenza normali" ta' individwu li jimporta l-vettura f'termini essenzjalment identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva.
13 L-Artikolu 4 ta' l-imsemmija deċiżjoni, dwar l-importazzjoni temporanja, għal użu privat, ta’ mezz ta' trasport apparti vettura kummerċjali, jistabbilixxi għal sitt xhur għal perjodu ta' tnax-il xahar it-terminu, interrot jew le, li fih dan il-mezz ta' trasport jista' jinsab fit-territorju nazzjonali. Huwa jipprovdi li dan it-terminu jista' jkun ipprorogat b'disa' xhur addizzjonali, ħlief jekk l-individwu li jimporta l-vettura jeżerċità attività professjonali fil-Greċja, f'liema każ il-proroga hija limitata għal massimu ta' tliet xhur.
14 L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu 1988 jistabbilixxi, għal dak li jikkonċerna l-importazzjoni temporanja ta’ vettura privata għal użu kummerċjali, għal sitt xhur, bħala prinċipju, it-terminu, interrott jew le, li fih din il-vettura tista' tkun fil-Greċja. Dan jeskludi l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni jekk il-vettura hija użata għat-trasport tal-persuni jew għat-trasport industrijali jew kummerċjali ta' l-oġġetti, b'remunerazzjoni jew le.
15 Kemm l-Artikolu 4 kif ukoll l-Artikolu 5 ta' l-imsemmija deċiżjoni jissuġġettaw il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-parti kkonċernata għandha r-residenza normali tagħha barra mill-Greċja.
16 It-tielet u r-raba' subparagrafi ta' l-Artikolu 15 tad-deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu 1988 jinkludu, fit-termini identiċi jew essenzjalment identiċi, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-prova tal-post tar-residenza normali.
17 L-Artikolu 133(2) tal-Liġi Nru 1165/1918 dwar il-Kodiċi tad-Dwana (FEK A' 73), fil-verżjoni applikabbli tiegħu matul il-proċedura prekontenzjuża mmexxija fil-kawża preżenti, jipprovdi:
"Il-vetturi Komunitarji jistgħu jibqgħu temporanjament fit-territorju nazzjonali mingħajr ma jkun mitlub il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Għall-għoti ta' din l-eżenzjoni temporanja […], it-termini u l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet tas-sistema doganali tad-dħul temporanja tal-vetturi provenjenti minn pajjiżi terzi importati temporanjament huma applikabbli mutatis mutandis, bil-kundizzjoni li dawn il-vetturi jkun re-esportati".
18 L-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 2682/1999, fil-verżjoni applikabbli tiegħu fil-proċedura prekontenzjuża użata fid-deċiżjoni preżenti, taħt it-titolu "Ksur-Sanzjonijiet", jipprovdi:
"A. Vetturi Komunitarji
1. Iż-żamma u l-użu ta' vetturi Komunitarji minn persuni stabbiliti fil-Greċja, mingħajr ebda formalità prevista fl-Artikoli 10 u 11 tal-liġi preżenti kienet ġiet osservata, tammonta għal reat ta' kuntrabandu u d-dispożizzjonijiet tal-kodiċi doganali dwar il-kuntrabandu huma applikabbli (Liġi 1165/1918, [...]). F'dawn il-każijiet, l-ebda konsegwenza kriminali ma hija applikata jekk il-persuni kkonċernati jħallsu t-taxxa miżjuda attribwita, stabbilita għall-ammont minimu, previst mid-dispożizzjonijiet in kwistjoni, u jekk huma jirrinunzjaw għall-mezzi ta' rikors previsti kontra l-att ta’ imputazzjoni ta' l-imsemmija taxxa. Fil-każijiet previsti f'dan il-paragrafu, il-multi previsti fil-paragrafu A4 ta' l-artikolu preżenti mhumiex imposti.
[…]
4. Il-ksur deskritti iktar 'il fuq huma kklassifikati bħala ksur doganali sempliċi u huma punibbli, skond il-każ, bil-multi segwenti:
[…]
d) Għall-[…] esportazzjoni […] tard ta' vettura, multa skond in-numru ta' granet tard, stabbilita hekk: vetturi privati u tat-tip Jeep: – sa 1,600 cc, 29 EUR: – sa minn 1,601 cc, 59 EUR. Trakkijiet ta' kull tip ta' ċilindrata, 29 EUR. Muturi ta' kull tip ta' ċilindrata, 14 EUR.
[…]
f) Meta l-vettura li qeda fit-territorju nazzjonali […] hija misjuqa minn persuna oħra mhux benefiċjarja, multa ta' 733 EUR, jekk il-benefiċjarju jinstab fit-territorju nazzjonali fil-mument meta twettaq il-ksur. L-użu tal-vettura msemmija iktar 'il fuq minn persuna oħra mhux benefiċjarja twassal għall-annulament tas-sistema prevista fl-Artikolu 14(2) tal-liġi preżenti jekk, fil-mument fejn twettaq il-ksur, il-benefiċjarju ma jinstabx fit-territorju nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu A1 ta' l-artikolu preżenti huma applikabbli għall-persuna mhux benefiċjarja."
19 L-Artikolu 18(C) tal-Liġi Nru 2682/1999, intitolat "Vetturi Komunitarji u pajjiżi terzi", jgħid:
"1. Minbarra l-impożizzjoni tal-multi previsti fil-paragrafi preċedenti A4, […], il-vetturi huma wkoll is-suġġett ta’ immobilizzazzjoni kawtelatorja temporanja permezz ta' att ta’ l-awtorità doganali li stabbilixxa ksur, u t-tpoġġija tagħhom għad-dispożizzjoni sseħħ wara l-ħlas tal-multi dovuti u l-ħlasijiet oħra eventwali previsti. […]
[…]"
20 Skond l-Artikolu 10(5) tal-Liġi Nru 2682/1999:
"Il-vetturi Komunitarji jistgħu jkunu mibgħuta fl-Istati Membri l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea jew ikunu esportati lejn pajjiżi terzi qabel ma tiġi stabbilita t-taxxa ta’ reġistrazzjoni dovuta".
21 Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12(1)(d) tad-deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu 1988, taħt it-titolu "Serq tal-vetturi", jgħid:
"1. Il-benefiċjarju li ddikjara s-serq tal-vettura li kien ħa kunsinna tagħha taħt is-sistema tad-dħul temporanja, […], mhux marbut iħallas id-dazji tad-dwana jew taxxi oħra applikabbli għall-vettura misruqa […], bil-kundizzjoni li l-benefiċjarju ma pparteċipax sabiex il-vettura tintuża għal skop illegali fil-Greċja u fejn il-kundizzjonijiet segwenti huma kollha sodisfatti:
[…]
d) il-benefiċjarju ma ddikjarax fil-passat is-serq ta’ vettura privata oħra li kien ha kunsinna tagħha taħt is-sistema tad-dħul temporanja."
Il-proċedura prekontenzjuża
22 Wara serje ta’ lmenti li kienet qiegħda tittratta u li jgħidu li r-regoli applikati għall-importazzjoni temporanja ta' ċerti mezzi ta' trasport fil-Greċja jammontaw għal xkiel serju għall-moviment ħieles tar-residenti Komunitarji f'dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni indirizzat, fis-17 ta' Mejju 1999, ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Elleniċi, sabiex tiġbed l-attenzjoni tagħhom għall-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u ta' l-Artikolu 90 KE.
23 Wara li eżaminat l-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika fformulati fir-risposta tagħha ta' l-1 ta' Settembru 1999 għall-imsemmija ittra ta' l-opinjoni motivata, fid-29 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru, opinjoni motivata li tinkludi disa' lmenti, li fihom huwa jikkonkludi li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni kienet inkompatibbli mar-regoli Komunitarji msemmija iktar 'il fuq.
24 Peress li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika Ellenika fir-risposta tagħha tal-21 ta' Frar 2001 għall-imsemmija opinjoni motivata ma kinux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti, fejn madankollu sostniet biss ċerti lmenti fformulati fl-opinjoni motivata.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment
L-argumenti tal-partijiet
25 Il-Kummissjoni takkuża lir-Republika Ellenika li applikat għall-użu temporanju fit-territorju tagħha vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra, id-dispożizzjonijiet tas-sistema doganali tad-dħul temporanju applikabbli għall-vetturi provenjenti minn pajjiżi terzi minflok tapplika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, li hija bbażata fuq in-neċessità ta’ integrazzjoni akbar ta' l-Istati Membri.
26 F'dan l-istess kuntest, il-Kummissjoni tikkritika lill-awtoritajiet Elleniċi sabiex jikkunsidraw li, sa mill-1 ta' Jannar 1993, data ta' tneħħija tal-prinċipju ta' tassazzjoni għall-importazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, id-Direttiva, li tagħti eżenzjonijiet fiskali fil-qasam ta' "importazzjoni", kienet waqfet milli jkollha effett u kienet saret bla skop.
27 Il-Gvern Elleniku jwieġeb li l-ilmenti tal-Kummissjoni mhumiex preċiżi, peress illi d-Direttiva ġiet trasposta b'mod korrett, għal żmien twil, fid-dritt intern u li hija tkompli tiġi applikata. Il-Kummissjoni ma tirreferix għall-ksur ta' obbligi konkreti li jirriżulta mid-Direttiva u mid-diskussjoni magħmula minnha għandha karattru teoriku, billi l-intenzjoni ta' l-awtoritajiet Elleniċi kienet li jinċitaw lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-inizjattiva leġiżlattiva li tadatta d-Direttiva għas-sitwazzjoni ġuridika eżistenti sa mill-1 ta' Jannar 1993, data li minnha l-kunċett ta’ "importazzjoni" bejn l-Istati Membri ma teżistix aktar.
28 Il-Gvern Elleniku jafferma li, fi kwalunkwe każ, huwa japplika d-Direttiva fir-relazzjonijiet intra-Komunitarji.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 Permezz ta' dan l-ilment, il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ellenika ma tapplikax id-Direttiva fiha nnifisha.
30 Il-Gvern Elleniku jippreċiża f'dan ir-rigward li l-kwistjoni mal-Kummissjoni ssib il-qofol tagħha fl-osservazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Elleniċi, f'kuntatti regolari mal-Kummissjoni, fuq in-neċessità li tadatta d-Direttiva, li fiha jidher il-kunċett ta' "importazzjoni", għas-sitwazzjoni stabbilita sa mill-1 ta' Jannar 1993, data li minnha dan il-kunċett ta' "importazzjoni" ġie abolit fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Skond il-Gvern Elleniku, din il-kwistjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva mir-Repubblika Ellenika.
31 Jinħtieġ li jingħad li, fis-sentenza tagħha tat-12 ta' Lulju 2001, Louloudakis (C‑262/99, Ġabra p. I‑5547, b'mod partikulari punti 20 sa 25), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal-leġiżlazzjoni Ellenika li tawtorizza l-importazzjoni temporanja, bħala eżenzjoni tat-taxxa tad-dwana u taxxi oħra, tal-mezzi tat-trasport għall-użu privat. Din il-leġiżlazzjoni hija inkluża fil-punti 11 sa 16 tas-sentenza preżenti. Jirriżulta, b'mod partikulari, minn din il-leġiżlazzjoni li din tiddefinixxi l-kunċett ta' "residenza normali" fit-termini essenzjalment identiċi għal dawk ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li l-eżenzjoni hija mogħtija kif previst fid-Direttiva, għal sitt xhur għal kull perjodu ta' tnax-il xahar u li din il-leġiżlazzjoni tuża, f'termini identiċi jew essenzjalment identiċi, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-prova tal-post tar-residenza normali.
32 Hemm lok li jiġi osservat ukoll li s-sentenza Louloudakis, iċċitata iktar 'il fuq, ingħatat fuq talba għal deċiżjoni preliminari li toħroġ minn qorti Ellenika, li kienet staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva sabiex tikklassifika kawża li kienet qiegħda tisma’, li turi li d-Direttiva hija applikata.
33 Minbarra dan, il-Kummissjoni hija stess stabbilixxiet fit-tielet paragrafu tal-punt 21 tar-risposta tagħha, li l-leġiżlazzjoni Griega tuża l-kriterji li jidhru fid-dispożizzjoni kkonċernata tad-Direttiva, għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tar-residenza normali.
34 Hemm lok li jingħad fl-aħħar nett li l-Istati Membri huma ħielsa li japplikaw għall-użu temporanju tal-vetturi provenjenti minn pajjiżi terzi s-sistema li kienet prevista mid-Direttiva għall-vetturi provenjenti minn Stat Membru ieħor. L-unika riżerva f'dan ir-rigward hija fformulata fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva, li abbażi tagħha l-Istati Membri ma setgħux japplikaw fil-Komunità eżenzjonijiet fiskali inqas favorevoli minn dawk li huma jagħtu għall-mezzi tat-trasport provenjenti minn pajjiż terz.
35 Ċertament, il-Kummissjoni fformulat kritiki speċifiċi dwar ċerti oqsma ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda hija ma ressqitx provi li juru li r-Repubblika Ellenika ma applikatx id-Direttiva fiha nnifisha.
36 L-evalwazzjonijiet teoriċi u l-kontroversji eventwali fuq il-bżonn ta' adattament tad-Direttiva għas-sitwazzjoni ġuridika li kienu jeżistu sa mill-1 ta' Jannar 1993,u li seħħew fil-kuntest tal-kuntatti regolari bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni, ma setgħux jammontaw għall-bażi ta' kostatazzjoni tan-nuqqas mill-Qorti tal-Ġustizzja.
37 Konsegwentement, dan l-ewwel ilment mhuwiex fondat.
Fuq it-tieni lment
38 Permezz ta' dan l-ilment, il-Kummissjoni tpoġġi fid-dubju s-sistema applikata mill-awtoritajiet Elleniċi.
39 Dan l-ilment jinkludi żewġ partijiet. Minn naħa, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Ellenika dwar l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva li tipprovdi li, fil-każijiet fejn l-elementi li jservu ta’ bażi għad-determinazzjoni tar-residenza normali huma maqsuma bejn il-Greċja u Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet Elleniċi jistabbilixxu sistematikament fil-Greċja r-residenza normali tal-persuni kkonċernati, u b’hekk jimponu fuqhom f'dan ir-rigward oneru tal-prova itqal. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li dan l-iffissar tar-residenza normali fil-Greċja tinkludi sanzjonijiet sproporzjonati.
Fuq il-prassi amministrattiva
L-argumenti tal-partijiet
40 Il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-leġiżlazzjoni Ellenika tuża l-kriterji użati mid-Direttiva għall-iffisar tal-pajjiż tar-residenza normali, l-awtoritajiet amministrattivi Elleniċi madankollu jiffissaw sistematikament fil-Greċja r-residenza normali tal-persuni li għandhom rabtiet personali u professjonali kemm fil-Greċja kif ukoll fi Stati Membri oħra, fejn jagħtu b'mod kwazi awtomatiku preminenza lir-rabtiet personali u fejn fil-prattika jdaħħlu preżunzjoni tar-residenza fit-territorju nazzjonali meta l-partijiet ikkonċernati għandhom in-nazzjonalità Ellenika.
41 Il-Kummissjoni ssostni f'dan ir-rigward li dawn l-awtoritajiet amministrattivi jaqilbu l-oneru tal-prova tal-post tar-residenza normali jew jimponu fuq il-persuni kkonċernati l-obbligu li jippreżentaw elementi ta' prova msaħħa, li huwa inkompatibbli mar-regoli ta’ l-istabbiliment tar-residenza stabbilita mid-Direttiva. Il-Kummissjoni tirreferi għal ċerti każi individwali li, waħedhom, ikunu fl-opinjoni tagħha suffiċjenti sabiex jistabbilixxu nuqqas għad-Direttiva. Minbarra dan, din il-prassi amministrattiva stabbilita hija ratifikata mill-attitudni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji.
42 Il-Gvern Elleniku jsostni li, fil-prattika, huwa normali li jkun hemm diffikultajiet fir-rigward ta’ l-istabbiliment tar-residenza normali taċ-ċittadini Griegi, fejn ir-rabtiet professjonali u personali tagħhom huma maqsuma bejn il-Greċja u Stat Membru ieħor. Il-każijiet individwali li għalihom tirreferi l-Kummissjoni jirriżultaw minn din is-sitwazzjoni.
43 F'każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet amministrattivi japplikaw kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, li jagħtu f'dan ir-rigward il-prijorità lir-rabtiet personali. F'każ ta' dubju, l-imsemmija awtoritajiet jagħmlu użu ġustifikat ta' l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva, li jagħtihom il-poter li jistaqsu lill-persuni kkonċernati għal kull element ta’ informazzjoni jew ta' prova addizzjonali. Il-Gvern Elleniku fl-aħħar nett isostni li, attwalment, il-parti l-kbira tal-vetturi li jinsabu fil-Greċja taħt is-sistema ta’ l-importazzjoni temporanja jappartjenu lil ċittadini Griegi li jużaw ir-residenza normali tagħhom f'pajjiż barrani bħala bażi ġuridika għall-eżenzjonijiet fiskali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-kriterji għad-determinazzjoni tal-kunċett tar-"residenza normali" li jinsabu fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirreferu għar-rabta professjonali u personali ta’ persuna ma’ post stabbilit kif ukoll it-tul ta' din ir-rabta, u jiddefinixxu dan il-kunċett bħala l-post fejn il-parti kkonċernata stabbilixxiet iċ-ċentru permanenti ta' l-interessi tagħha (sentenza Louloudakis, iċċitata aktar 'il fuq, punt 51 u ġurisprudenza ċċitata).
45 B'hekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-post tar-residenza normali, jinħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm ir-rabtiet professjonali u personali tal-parti kkonċernata f'post speċifiku kif ukoll it-tul tagħhom u, meta dawn ir-rabtiet mhumiex ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jagħti l-preminenza lir-rabtiet personali fuq ir-rabtiet professjonali. Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tar-rabtiet personali u professjonali tal-parti kkonċernata, l-elementi kollha ta' fatt rilevanti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, partikolarment, il-preżenza fiżika tagħha kif ukoll dik tal-membri tal-familja tagħha, id-dispożizzjoni tal-post ta' abitazzjoni, il-post ta' eżerċizzju ta' l-attivitajiet professjonali u dik tas-sitwazzjoni ta' l-interessi patrimonjali tagħha (ara, f'dan ir-rigward, sentenza Louloudakis, iċċitata iktar 'il fuq, punti 52, 53 u 55).
46 Fl-ewwel lok, huma l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istati Membri li għandhom jipproċedu b'evalwazzjoni u bl-għarbiel ta' l-elementi kollha ta' fatt rilevanti li jikkaratterizzaw kull każ, fid-dawl tal-kriterji meħuda mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' din sabiex tikkonstata n-nuqqas ta' l-Istat Membru in kwistjoni minħabba prassi amministrattiva kostanti li hija żbaljata jew abużiva.
47 F'dan il-każ partikulari, il-Kummissjoni tipprova turi, fuq il-bażi ta' ċerti każijiet individwali, l-eżistenza ta’ prassi kostanti, żbaljata u abużiva ta' l-awtoritajiet amministrattivi Elleniċi, li għandhom iwasslu għall-istabbiliment ta’ nuqqas ġenerali ta’ l-Istat Membru konvenut f'dan il-qasam. Fil-fatt, il-Kummissjoni tagħmel referenza fir-rikors tagħha għal "bosta lmenti", iżda hija tirreferi konkretement biss, madankollu b'mod lakoniku u mingħajr dettalji, għal żewġ każijiet individwali u, fir-replika tagħha, b'mod ftit dettaljat ukoll, għal sitt każijiet oħra biss.
48 Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjoni, għall-ewwel darba, fir-replika ta' sitt każijiet individwali, bħala offerti ta' prova, hija ammissibbli fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 42(1) tar-Regoli tal-Proċedura, madankollu jirriżulta mill-atti li, fit-tmien każijiet li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, erba' mill-persuni implikati kellhom nazzjonalità Ellenika u rabtiet personali u professjonali ċarissimi fil-Greċja (fejn wieħed ma kellu l-ebda rabta barra minn dan l-Istat Membru), żewġ persuni kellhom ċittadinanza doppja u rabtiet personali jew professjonali fil-Greċja u persuna oħra kellha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru ieħor, iżda rabtiet personali u professjonali stabbiliti sew fil-Greċja. L-elementi tal-fajl ma jippermettux li tiġi stabbilita b'mod ċar is-sitwazzjonu tat-tmien każ.
49 Fis-sitwazzjonijiet individwali kollha msemmija iktar 'il fuq, ħlief l-aħħar waħda, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Elleniċi ma jidhrux infondati. Fi kwalunkwe każ, dawn l-awtoritajiet ma jidhrux li qabżu d-diskrezzjoni li għandhom sabiex jistabbilixxu l-post tar-residenza normali tal-partijiet interessati.
50 Għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà tal-konstatazzjoni ta’ nuqqas fuq il-bażi tal-prassi amministrattiva segwita fi Stat Membru, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet il-kriterji applikabbli. Fil-fatt, f'dan il-każ, in-nuqqas jista' jkun stabbilit biss permezz ta' prova suffiċjentement dokumentata u dettaljata tal-prassi kkritikata, jinħtieġ li din il-prassi amministrattiva tippreżenta ċertu livell ta' konsistenza u ta' ġeneralità, u, sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ prassi ġenerali u kostanti, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (sentenza tas-27 ta' April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punti 49, 50 u 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
51 Fuq il-bażi tal-provi ppreżentati mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ċċitati fil-punt preċedenti huma f'dan il-każ partikolari issodisfati Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tan-numru għoli ħafna ta' ċittadini Komunitarji, kif ukoll taċ-ċittadini Griegi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jmorru kull sena l-Greċja bil-karozza, it-tmien każijiet individwali li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, anki jekk wieħed jikkunsidrahom stabbiliti, jammontaw għal perċentwal nettament insuffiċjenti, kif jirriżulta mill-eżiġenzi magħmula mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi murija l-eżistenza ta’ prassi amministrattiva stabbilita li tammonta għal nuqqas.
52 Minbarra dan, il-Kummissjoni tikkritika lill-awtoritajiet ġudizzjarji Elleniċi li jirratifikaw il-prassi ta' l-amministrazzjoni, mingħajr madankollu ma jressqu l-ebda element li jikkonkludi f'dan ir-rigward. Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tistabbilixxi nuqqas minħabba prassi ġudizzjarja, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li tidher fil-punt 50 tas-sentenza preżenti huma aktar u aktar applikabbli, u dan b'aktar qawwa.
53 F'dan il-każ partikulari, jinħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja mhumiex issodisfati.
54 Jinħtieġ li jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni d-diskrezzjoni li jiddisponu minnha l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f'dan il-qasam sensittiv li jaffettwa l-kompetenzi nazzjonali fil-qasam fiskali, billi jiddeċiedu li d-dover ta' kooperazzjoni li jaqa' fuq dawn l-awtoritajiet skond l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva ma jobbligahomx li jaħdmu flimkien f'kull każ individwali fejn l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva tqajjem xi diffikultajiet (sentenza Louloudakis, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59 u ġurisprudenza ċċitata).
55 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni takkuża lill-awtoritajiet Elleniċi li imponew fuq il-partijiet ikkonċernati l-preżentazzjoni ta' l-elementi ta' prova msaħħa għall-istabbiliment tal-post tar-residenza normali u li b'hekk ipproċedew għal tibdil fl-oneru tal-prova, filwaqt li dan l-obbligu jaqa’ normalment fuq l-awtoritajiet nazzjonali. Huwa suffiċjenti li f'dan ir-rigward jingħad li, skond l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva, il-prova tar-residenza normali hija bħala prinċipju responsabbiltà ta' individwi kkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, min-naħa tagħhom, għandhom il-poter li jagħmlu verifiki speċifiċi u, f'każ ta' dubju, li jistaqsu għal kull element ta’ informazzjoni jew ta' prova addizzjonali.
56 Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni lment ma jistax jiġi milqugħ.
Fuq il-karattru sproporzjonat tas-sanzjonijiet
L-argumenti tal-partijiet
57 Il-Kummissjoni tirreferi, b'mod partikulari, għas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Ellenika meta l-awtoritajiet kompetenti jikkonstataw li l-proprjetarju ta' vettura li tinsab fil-Greċja u li għandha number plates ta' Stat Membru ieħor għandu r-residenza normali tiegħu fil-Greċja. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ fil-perjodu rilevanti tikkwalifika att bħal dan bħala kuntrabandu li jesponi għal sanzjonijiet kriminali, jiġifieri piena ta' ħabs għall-proprjetarju tal-vettura u l-konfiska ta' din, kif ukoll sanzjonijiet amministrattivi li jikkonsistu f'multi. Minbarra dan, il-parti kkonċernata għandha tħallas taxxa ta’ reġistrazzjoni dovuta f'każ ta’ importazzjoni definittiva ta’ vettura, sakemm ma taċċettax li terġa' tesporta din il-vettura barra mit-territorju nazzjonali.
58 Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn is-sanzjonijiet, flimkien mal-prassi ta' l-awtoritajiet amministrattivi Elleniċi fir-rigward ta' l-iffissar tal-post tar-residenza normali u n-nuqqas tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-bona fede eventwali tal-parti kkonċernata, huma sproporzjonati. Minbarra dan, il-fatt li jiġi mitlub il-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni meta diġà tħallset taxxa simili fi Stat Membru ieħor imur kontra l-Artikolu 90 KE.
59 Huma wkoll sproporzjonati, skond il-Kummissjoni, is-sanzjonijiet previsti fil-każ ta' qbiż tal-perjodu ta' sitt xhur li fih vettura Komunitarja tista' tiċċirkola taħt is-sistema ta’ l-importazzjoni temporanja.
60 Il-Gvern Elleniku jirrispondi li, fil-miżura fejn id-Direttiva ma tipprovdix sanzjonijiet għall-ksur eventwali tas-sistema ta' l-importazzjoni temporanja tal-vetturi Komunitarji, huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet li huma jqisu neċessarji sabiex jiġi mrażżan il-frodi fiskali. Madankollu, is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu xierqa u neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.
61 F'dan il-każ partikulari, il-kritiki tal-Kummissjoni jikkonċernaw is-sanzjonijiet imposti meta persuni għandhom ir-residenza normali tagħhom fil-Greċja u jiċċirkolaw taħt is-sistema ta’ importazzjoni temporanja b'vetturi irreġistrati fi Stat Membru ieħor. F'każijiet bħal dawn, kif jirriżulta miċ-ċirkustanza li t-taxxi ta’ reġistrazzjoni huma għolja ħafna fil-Greċja, dan iwassal lil ċerti persuni sabiex jippruvaw jevitawhom, u fir-rigward ta' każijiet multipli ta' frodi fiskali kkonstatati s’issa, is-sanzjonijiet previsti ma jkunux sproporzjonati fir-rigward ta' l-għan mixtieq, jiġifieri d-dissważjoni u t-trażżin tal-frodi fiskali.
62 Il-Gvern Elleniku fl-aħħar nett isostni li s-sanzjonijiet imposti f'każ ta' nuqqas ta' ħlas tat-taxxi ta' reġistrazzjoni jaffettwaw kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk importati. Ikun konsegwentement materjalment impossibbli li jinstab ksur ta' l-Artikolu 90 KE.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
63 Qabel xejn, jinħtieġ li jingħad li t-tieni parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni tittratta wkoll (paġni 9 sa 12 tar-rikors) is-sanzjonijiet previsti fil-Liġi Nru 2960/2001, tat-22 ta' Novembru 2001, dwar il-Kodiċi tad-Dwana (FEK A 265), li timmodifika s-sanzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tal-Liġi 2682/1999. Madankollu, il-Liġi Nru 2960/2001 ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu ta' xahrejn impost mill-opinjoni motivata tat-22 ta' Novembru 2000 u ma kinitx l-oġġett tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita fl-Artikolu 226 KE. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax, fuq il-bażi ta' l-atti, li din il-leġiżlazzjoni ġdida kienet żammet, kollha kemm hi, is-sistema implementata mil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-proċedura prekontenzjuża u lanqas li d-dispożizzjonijiet ta' dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet ikunu sostanzjalment identiċi (ara, f'dan is-sens, sentenza ta' l-10 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑98/03, Ġabra p. I‑53, punti 27 u 28, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
64 Skond il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 226 KE għall-introduzzjoni ta’ rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu humiex issodisfati (sentenza ta' l-1 ta' Frar 2007, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑199/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
65 F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem għamlet distinzjoni bejn il-fażijiet prekontenzjużi u dawk kontenzjużi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 226 KE u ddeċidiet li l-proċedura prekontenżjuza għandha, b'mod partikulari, bħala għan li tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża fid-dawl ta' deċiżjoni eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja u li tassigura li l-proċedura kontenżjuza eventwali għandha bħala oġġett kawża ċarament definita (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta' Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑230/99, Ġabra p. I‑1169, punt 31; tat-13 ta' Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, Ġabra p. I‑9989, punti 53 u 54; ta' l-10 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑362/01, Ġabra p. I‑11433, punti 17 u 18, kif ukoll tal-5 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑145/01, Ġabra p. I‑5581, punt 17).
66 Konsegwentement, dejjem skond ġurisprudenza stabbilita tajjeb, is-suġġett tal-kawża hekk definita fil-fażi prekontenzjuża ma tistax tkun aktar estiża jew emendata permezz tat-talbiet tar-rikors fil-fażi kontenzjuża (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta' Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑191/95, Ġabra p. I‑5449, punt 56; tad-9 ta' Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 25, u tal-5 ta' Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑105/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 u 48). Fl-aħħar nett, l-eżistenza ta’ nuqqas għandha tkun evalwata abbażi tas-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru hekk kif din tippreżenta ruħha abbażi tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u t-tibdil li seħħ permezz ta' dan ma jitteħidx in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-18 ta' Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C‑104/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).
67 Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kienet testendi l-verifika tagħha għal leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru in kwistjoni li ma kinitx l-oġġett tal-fażi prekontenzjuża u prevista għall-ewwel darba fit-talbiet tar-rikors, għar-raġunijiet ta' faċilità invokati mill-Kummissjoni fis-seduta tas-sottomissjonijiet orali, il-proċedura stabbilita mill-awturi tat-Trattat fl-Artikolu 226 KE kienet tkun mingħajr ebda sinjifikat u dan jammonta għal evitar ta' din il-proċedura. L-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja b'hekk tittratta, f'dan il-każ partikolari, biss fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni li tkun fis-seħħ fid-data ta’ skadenza tat-terminu impost fl-opinjoni motivata u sa fejn huma esposti fir-rikors b'mod suffiċjentement ċar sabiex jippermetti t-twettiq tal-kontroll ġuridiku (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).
68 Fl-ewwel lok, il-kritiki tal-Kummissjoni jittrattaw l-Artikolu 18(A)(1) tal-Liġi Nru 2682/1999, li jipprovdu li ż-żamma jew l-użu fit-territorju Elleniku ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor minn persuna li għandha r-residenza normali tagħha fil-Greċja jammonta għal delitt ta’ kuntrabandu li jwassal, b'mod partikulari, għal sanzjonijiet kriminali bħall-ħabs ta' persuna li għandha vettura u s-sekwestru ta' din.
69 Jinħtieġ li jingħad f'dan ir-rigward li l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tissanzjona kriminalment imġiba li tikkonsisti f'li wieħed jevita d-dispożizzjonijiet doganali u fiskali nazzjonali fil-qasam tal-moviment tal-vetturi bil-mutur.
70 Is-sanzjonijiet in kwistjoni huma previsti, fil-fatt, għall-każijiet fejn il-persuni li għandhom ir-residenza normali tagħhom fil-Greċja jużaw vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor, jiġifieri f'każijiet li jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u li għandhom l-għan tal-protezzjoni ta' l-interessi fiskali ta' l-Istat Membru kkunsidrat.
71 Ir-repressjoni kriminali ta' mġiba, mixtieqa mil-leġiżlatur nazzjonali, hija marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-Istat Membru kkunsidrat u, f'dan il-każ partikolari, għas-sitwazzjoni partikolari fir-rigward tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur. Huwa stabbilit f'dan ir-rigward li, fil-Greċja, it-taxxi ta’ reġistrazzjoni huma għolja ħafna, li jista' jħajjar ċerti persuni sabiex jiċċirkolaw fil-Greċja b'vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor, fejn b'hekk jippruvaw jistabbilixxu b'mod fittizzju f'dan l-aħħar imsemmi kwalunkwe rabta. Il-ħtiġijiet ta' repressjoni u ta' prevenzjoni, kif ukoll tal-protezzjoni ta' l-interessi fiskali ta' l-Istat Membru kkunsidrat, jiġġustifikaw li dan jipprovdi sanzjonijiet adegwati (ara, f'dan ir-rigward, sentenza Louloudakis, iċċitata iktar 'il fuq, punt 70).
72 Għalhekk, fih innifsu, is-sempliċi fatt li regola nazzjonali astratta tikkwalifika bħala delitt kriminali mġiba li tikkonsisti f'li wieħed jevita d-dispożizzjonijiet doganali u fiskali normalment applikabbli ma jammontax għal nuqqas. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jirriżulta mis-sentenza Louloudakis, iċċitata iktar 'il fuq, punti 69 u 70, li l-ħtiġijiet tar-repressjoni u tal-prevenzjoni jistgħu jiġġustifikaw li Stat Membru jistabbilixxi sanzjonijiet f'ċertu livell ta' severità, iżda li ma jistax jiġi eskluż li dawn is-sanzjonijiet jistgħu, f'ċerti ċirkustanzi, ikunu sproporzjonati. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk is-sanzjonijiet applikati humiex proporzjonati jew sproporzjonati għandha tkun evalwata abbażi tas-sanzjonijiet effettivament applikati skond il-każ partikolari. Madankollu, l-eżami ta' dawn il-każijiet imsemmija fil-punt 48 tas-sentenza preżenti ma jwassalx li jiġi konkluż li hemm karattru sproporzjonat tas-sanzjonijiet effettivament imposti u l-Kummissjoni ma ressqitx elementi oħra ta' prova li jippermettu konklużjoni differenti.
73 Għalhekk dawn il-kritiki mhumiex fondati.
74 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 18(A)(1) tal-Liġi Nru 2682/1999, l-ebda proċedimenti kriminali ma jitressqu jekk il-persuni kkonċernati jħallsu t-taxxa attribwita u jirrinunzjaw għall-mezzi ta' rikors previsti mid-dritt nazzjonali kontra l-att ta’ l-impożizzjoni ta' l-imsemmija taxxa.
75 Jinħtieġ li jingħad f'dan ir-rigward li d-Direttiva tikkonferixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-individwi li għandhom ir-residenza normali tagħhom fi Stat Membru, id-dritt li jiċċirkolaw matul ċertu perijodi permezz ta' vettura normali, taħt is-sistema ta' l-eżenzjoni fiskali temporanja, fit-territorju ta' Stati Membri oħra.
76 Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva jammonta għal prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u hija responsabbiltà tal-qrati ta' l-Istati Membri sabiex jassiguraw l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jieħdu mid-dritt Komunitarju (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 37 u 38, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Huwa permezz ta' l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompetenza tal-qorti nazzjonali sabiex tassigura l-applikazzjoni tad-Direttiva u l-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jieħdu minn din, fid-determinazzjoni, b'mod partikulari, tal-post ta' residenza normali (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza Louloudakis, iċċitata iktar 'il fuq, punti 57 u 70).
77 Id-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni tista' ċċaħħad lill-individwi mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva mixtieqa mid-dritt Komunitarju billi tħeġġiġhom, sabiex jevitaw proċedimenti kriminali, jirrinunzjaw għall-meżżi ta' rikors normalment previsti mid-dritt nazzonali. Konsegwentement, il-kritiki tal-Kummissjoni huma f'dan il-każ partikolari fondati.
78 Fi-tielet lok, il-Kummissjoni tikkritika s-sanzjonijiet fiskali fl-Artikolu 18(A)(4)(d), tal-Liġi Nru 2682/1999 f'każ ta' qbiż tal-perjodu ta' sitt xhur li fih huwa mogħti l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni fiskali in kwistjoni.
79 Jinħtieġ li jiġi kkunsidrat f'dan ir-rigward li l-perjodu ta' sitt xhur li fih it-tgawdija ta' l-eżenzjoni fiskali hija mogħtija huwa suffiċjentement twil u li l-Gvern Elleniku sostna, mingħajr ebda kontestazzjoni mill-Kummissjoni, li xi ffaċilitar u estenzjonijiet ta' dan il-perjodu huma mogħtija f'ċerti sitwazzjonijiet. Dan l-istess Gvern żvela wkoll mingħajr ma jkun kontradett li l-osservanza tal-limitu ta' sitt xhur ma jistax ikun verifikat rigorożament, għaliex id-data tad-dħul tal-vetturi fit-territorju nazzjonali mhiijiex aktar irreġistrata, u li prevenzjoni addizzjonali hija għalhekk neċessarja f'dan il-kuntest, li jiġġustifika l-multi previsti bħala mezz adegwat ta' dissważjoni. Il-multi in kwistjoni mhumiex għalhekk sproporzjonati u ma jikkostitwixxux xkiel għal-libertajiet mogħtija mit-Trattat.
80 Hemm lok li jiġi kkunsidrat, fir-raba' lok, li s-sanzjoni fiskali prevista fl-Artikolu 18(A)(4)(f) tal-Liġi Nru 2682/1999, għall-każ fejn vettura koperta mill-eżenzjoni fiskali temporanja hija misjuqa fit-territorju Elleniku minn persuna oħra mhux benefiċjarja, toħroġ mill-qafas ta' applikazzjoni tad-Direttiva.
81 Minbarra dan, il-każ, previst fid-dispożizzjoni msemmija iktar 'il fuq, kif invokat fil-ħames post mill-Kummissjoni, fejn il-vettura in kwistjoni hija misjuqa minn persuna mhux benefiċjarja filwaqt li, fil-mument fejn il-ksur huwa mwettaq, il-benefiċjarja ta' l-eżenzjoni fiskali mhijiex fit-territorju Elleniku, joħroġ mill-qafas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.
82 Fis-sitt lok, il-kritiki tal-Kummissjoni jirrigwardaw l-Artikolu 18(C)(1) tal-Liġi Nru 2682/1999 li jipprovdi li, minbarra l-impożizzjoni tal-multi, il-vetturi huma wkoll is-suġġett ta’ immobilizzazzjoni kawtelatorja temporanja u t-tpoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom isseħħ wara l-ħlas tal-multi u ta' piżijiet oħra eventwali previsti.
83 Din il-miżura tista’ tiċħad lill-benefiċjarju mill-użu tal-vettura tiegħu għal perjodu li jista' jkun twil, b'mod partikolari meta l-multi imposti huma s-suġġett ta’ kontestazzjoni b'meżż ġudizzjarju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat l-importanza li wieħed għandu dritt isuq vettura għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet li jirreferu għall-moviment ħieles tal-persuni (sentenza tad-29 ta' Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos, C‑193/94, Ġabra p. I‑929, punt 36). B'hekk, din il-miżura hija sproporzjonata fir-rigward ta' l-għan imħaddan, li huwa l-ġbir tal-multi, għan li jista' jintlaħaq permezz ta' mezzi aktar konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, per eżempju permezz ta' l-għoti ta' garanzija. Dawn il-kritiki huma għalhekk fondati.
84 Min-naħa l-oħra, mhumiex fondati l-kritiki mqajma fis-seba' lok mill-Kummissjoni kontra l-Artikolu 10(5) tal-Liġi Nru 2682/1999, li jipprovdi li, meta l-proprjetarju ta' vettura importata taħt is-sistema tad-dħul temporanju fir-residenza normali tiegħu fil-Greċja, huwa jista' jevita l-ħlas tat-taxxa ta’ immatrikulazzjoni dovuta billi jerġa' joħroġ il-vettura tiegħu mit-territorju Elleniku. Din il-miżura tagħti, fil-fatt, fakoltà u anki vantaġġ lill-parti kkonċernata u dawn ma jkunux ikkunsidrati bħala kuntrarji għad-Direttiva.
85 Il-Kummissjoni tinvoka, fl-aħħar lok, ksur ta' l-Artikolu 90 KE. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fl-ewwel paragrafu tagħha, projbizzjoni li jiġu imposti aktar taxxi fuq il-prodotti importati minn Stati Membri oħra milli fuq il-prodotti nazzjonali simili. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra bħala konformi mar-regoli Komunitarji l-fatt li Stat Membru, fl-iffissar tar-residenza normali tal-parti interessata fit-territorju tagħha, jeżiġi l-ħlas ta' taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, indipendentement mill-punt dwar jekk taxxa ta' reġistrazzjoni simili kenitx diġà tħallset fi Stat Membru ieħor (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑138/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata).
86 It-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu 90 KE jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra. Jinħtieġ li jingħad f'dan ir-rigward, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta' Jannar 2007, Brzeziński, C‑313/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), li l-Kummissjoni ma wrietx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni hija ta' tip li tipproteġi indirettament prodotti nazzjonali.
Fuq it-tielet ilment
L-argumenti tal-partijiet
87 It-tielet ilment tal-Kummissjoni jittratta l-Artikolu 12(1)(d) tad-deċiżjoni ta' l-1 ta' Marzu 1988, li jipprovdi li l-persuni vittmi tas-serq ta' tieni vettura li jinsabu taħt is-sistema ta' l-importazzjoni temporanja fil-Greċja huma marbuta li jħallsu t-taxxa ta’ reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni tintroduċi preżunzjoni ġenerali tal-frodi fiskali, fil-miżura fejn huwa preżunt, mingħajr ma hemm provi f'dan ir-rigward, li l-vettura misruqa tibqa’ fil-Greċja. Il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjonijiet li fihom teżisti eventwalità ta' frodi fiskali għandhom ikunu eżaminati każ b'każ. Il-miżura in kwistjoni tkun sproporzjonata fir-rigward ta' l-għan previst, jiġifieri il-prevenzjoni ta’ l-evażjoni fiskali, u tintroduċi trattament diskriminatorju indirett kontra vetturi rreġistrati fi Stat Membru ieħor, bi ksur ta’ l-Artikolu 90 KE.
88 Il-Gvern Elleniku jwieġeb li, fid-dritt Komunitarju, f'każ ta' serq tal-prodotti li jinsabu taħt is-sistema ta' eżenzjoni fiskali u li għalihom it-taxxi ma tħallsux, l-ebda eżenzjoni ta' dawn it-taxxi ma hija prevista. Huwa jirreferi f'dan ir-rigward għall-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti (ĠU L 76, p. 1), li skond dan, f'każ ta' telf, id-drittijiet tas-sisa għall-prodotti taħt arranġamenti kondizzjonali tad-dazju mhumiex imħallsa biss meta t-telf ta' dawn il-prodotti huma dovuti għall-każijiet ta' inċidenti jew ta' forza maġġuri u li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw li dawn il-prodotti huma definittivament mitlufa. Fil-każijiet l-oħra kollha, u b'mod partikulari f'każ ta' serq, dawn id-dazji għandhom jitħallsu.
89 F'dan il-każ partikolari, f'każ ta' serq, il-vettura ma tkunx irrimedjabbilment mitlufa, iżda użata minn oħrajn. Konsegwentement, it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tkun dovuta. Id-Direttiva madankollu ma tipprovdi l-ebda eżenzjoni permanenti f'każ ta' serq.
90 Il-Gvern Elleniku fl-aħħar nett isostni li, minn naħa, il-fatt li l-ħlas tat-taxxa ta' reġistrazzjoni huwa meħtieġ biss meta l-istess individwu huwa vittma tas-serq ta' tieni vettura li tibbenefika mill-eżenzjoni fiskali temporanja u mhux mill-ewwel serq jammonta għal manifestazzjoni favur l-vittma u li, min-naħa l-oħra, is-serq jammonta għal riskju frekwenti ħafna li għandu jkun kopert mill-kumpanniji ta’ assigurazzjoni u mhux mill-poter pubbliku.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
91 Jinħtieġ li jingħad li d-Direttiva timponi taħt ċerti kundizzjonijiet fuq l-Istati Membri li jagħtu eżenzjoni fiskali għall-użu temporanju, f'perjodu ta' żmien speċifikat, ta’ mezz ta' trasport irreġistrat fi Stat Membru ieħor minn individwu li għandu r-residenza normali tiegħu wkoll fi Stat Membru ieħor mill-Istat ikkunsidrat.
92 L-għoti ta' din l-eżenzjoni hija suġġetta, b'mod partikolari, għall-kundizzjoni, ifformulata fl-Artikolu 3(a) u (b) tad-Direttiva b'mod li ma tħalli l-ebda dubju għal ambigwità, li l-benefiċjarju ta' din l-eżenzjoni juża l-mezz ta' trasport kopert minnha għall-użu tiegħu privat, u l-imsemmi mezz ta' trasport ma jista' jkun la ttrasferit, la mikri fl-Istat Membru ta’ importazzjoni temporanja, u lanqas misluf lil resident ta' dan l-Istat. B'hekk, id-Direttiva tagħmel aċċent fuq ir-rabta mill-qrib bejn il-benefiċjarju partikolari ta' l-eżenzjoni temporanja u l-vettura koperta minn din.
93 Is-serq tal-vettura koperta mill-imsemmija eżenzjoni u l-konsegwenzi li serq bħal dan jinvolvi mhumiex previsti mid-Direttiva.
94 Madankollu ma hemm l-ebda indizzju fid-Direttiva li tista' tkun il-bażi tal-konklużjoni li din kienet riedet testendi l-eżenzjoni u tillimita konsegwentement is-sovranità fiskali ta' l-Istati Membri f'sitwazzjonijiet fejn ir-rabta bejn il-benefiċjarju ta' l-eżenzjoni u l-vettura koperta minn din hija miksura, u b'mod partikulari f'każ ta' serq fejn huwa probabbli ħafna li l-vettura tkompli tiċċirkola fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat u li tkun misjuqa minn persuna li m’għandha l-ebda rabta mal-benefiċjarju ta' l-eżenzjoni. Każ bħal dan mhuwiex kopert mid-Direttiva u jaqa’ taħt l-awtorità leġiżlattiva ta' l-Istati Membri.
95 F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma tinvokax dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, ma jistax jiġi kkonstatat nuqqas.
96 Il-miżura nazzjonali in kwistjoni ma tmurx kontra l-Artikolu 90 KE, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 85 u 86 tas-sentenza preżenti.
97 Fir-rigward ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, jinħtieġ għalhekk li jingħad li, billi jiġi pprovdut:
– fl-Artikolu 18(A)(1) tal-Liġi Nru 2682/1999 li, f'każ ta' żamma jew użu fit-territorju Elleniku ta’ vettura rreġistrata fi Stat Membru ieħor minn individwu li għandu r-residenza normali tiegħu fil-Greċja, il-proċedimenti kriminali normalment previsti ma jitressqux jekk il-persuna kkonċernata tħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni imposta u tirrinunzja għall-mezzi ta' rikors previsti mid-dritt nazzjonali kontra l-att ta’ l-impożizzjoni ta' l-imsemmija taxxa,
– u fl-Artikolu 18(C)(1) ta' l-istess liġi li, f'każ ta’ impożizzjoni tal-multi, il-vetturi huma wkoll is-suġġett ta’ immobilizzazzjoni kawtelatorja temporanja u t-tpoġġija tagħhom għad-dispożizzjoni sseħħ wara l-ħlas tal-multi dovuti u l-ħlasijiet oħra eventwali previsti,
ir-Republika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skond id-Direttiva.
98 Ir-rikors huwa miċħud għall-kumplament.
Fuq l-ispejjeż
99 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-ewwel inċiż tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Ellenika tilfu parzjalment, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Billi jiġi pprovdut:
– fl-Artikolu 18(A)(1) tal-Liġi Nru 2682/1999 li, f'każ ta' żamma jew użu fit-territorju Elleniku ta’ vettura irreġistrata fi Stat Membru ieħor minn individwu li għandu r-residenza normali tiegħu fil-Greċja, il-proċedimenti kriminali normalment previsti ma jitressqux jekk il-persuna kkonċernata tħallas it-taxxa ta' reġistrazzjoni imposta u tirrinunzja għall-mezzi ta' rikors previsti mid-dritt nazzjonali kontra l-att ta’ l-impożizzjoni ta' l-imsemmija taxxa,
– u fl-Artikolu 18(C)(1) ta' l-istess liġi li, f'każ ta’ impożizzjoni tal-multi, il-vetturi huma wkoll is-suġġett ta’ immobilizzazzjoni kawtelatorja temporanja u t-tpoġġija tagħhom għad-dispożizzjoni sseħħ wara l-ħlas tal-multi dovuti u l-ħlasijiet oħra eventwali previsti,
ir-Republika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/182/KEE, tat-28 Marzu 1983, dwar eżenzjonijiet mit-taxxa ġewwa l-Komunità għal ċerti mezzi ta' trasport temporanjament importati fi Stat Membru minn Stat Membru ieħor.
2) Ir-rikors huwa miċħud għall-kumplament.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Republika Ellenika jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.