EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0135

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-9 ta' Ġunju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
Konservazzjoni tal-fawna - Għasafar selvaġġi - Perijodi ta' kaċċa - Kaċċa tat-tudun matul il-perijodu tar-ritorn fil-provinċja ta' Guipúzcoa.
Kawża C-135/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:374

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Ġunju 2005(*)

"Konservazzjoni tal-fawna – Għasafar selvaġġi – Perijodi ta’ kaċċa – Kaċċa tat-tudun matul il-perijodu tar-ritorn fil-provinċja ta’ Guipúzcoa"

Fil-kawża C-135/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 227 KE, imressaq fit-12 ta’ Marzu 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad u M. Muñoz Pérez, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Frar 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi awtorizza, fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, il-prattika tal-kaċċa tad-tudun "a contrapasa", ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, iktar ‘il quddiem id-"direttiva").

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva

2       L-Artikolu 7 tad-direttiva huwa fformulat kif ġej:

"1.      Minħabba l-livell tal-popolazzjoni tagħhom, id-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduttività fil-Komunitá, l-ispeċi elenkati fl-anness II jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa skond il-leġislazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kaċċa ta’ dawn l-ispeċi ma tfixkilx l-isforzi tal-konservazzjoni fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prattika tal-kaċċa, inkluż il-falkunerija jekk prattikata, kif prattikata bi qbil mal-miżuri nazzjonali fis-seħħ, tikkonforma mal-prinċipji ta’ l-użu bil-għaqal u l-bilanċ ekoloġiku tal-kontroll ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar kkonċernati u li din il-prattika tkun kompatibbli għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment l-ispeċi migratorji, mall-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 2. Dawn għandhom jaraw partikolarment li l-ispeċi li japplikaw għalihom il-liġijiet tal-kaċċa ma humiex suġġetti għal kaċċa fl-istaġun tat-trobbija u lanqas waqt l-istadji differenti tar-riproduzzjoni. Fil-każ ta’ l-ispeċi migratorji, għandhom jaraw partikolarment għal liema r-regolamenti tal-kaċċa japplikaw ma humiex suġġetti għall-kaċċa waqt il-perijodu tar-riproduzzjoni tagħhom jew waqt il-perijodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-applikazzjoni fil-prattika tar-regolamenti tal-kaċċa tagħhom".

3       It-tudun huwa msemmi fl-Anness II tad-direttiva.

4       Skond l-Artikolu 9(1) tad-direttiva: 

"L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikoli 5, 6, 7 u 8, fejn ma hemmx ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

[…]

ċ)      biex jippermettu, taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar."

 Id-dritt nazzjonali

5       Skond it-tmien dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi 40/97, tal-5 ta’ Novembru 1997 li temenda l-liġi 4/89, tas-27 ta’ Marzu 1989, dwar il-konservazzjoni ta’ żoni naturali, tal-flora u l-fawna selvaġġa (BOE tas-6 ta’ Novembru 1997), jekk ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti ma hija possibbli, l-awtorità kompetenti tista’ tneħħi, fir-rigward ta’ l-ispeċi migratorji li mhumiex fil-periklu ta’ estinzjoni, il-projbizzjoni tal-kaċċa matul il-perijodi ta’ riproduzzjoni u dipendenza ta’ dawn kif ukoll matul il-perijodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija biex jippermettu, taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u b’mod selettiv, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċertu kampjuni f’numri żgħar u fil-kuntest tal-limiti neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-konservazzjoni ta’ l-ispeċi.

6       Kull sena, id-Dipartiment ta’ l-agrikoltura u l-ambjent tad-Diputación Foral de Guipúzcoa japprova digriet li jawtorizza, għall-istaġun korrispondenti, il-kaċċa għat-tudun matul ir-ritorn lejn il-postijiet tat-trobbija (kaċċa "a contrapasa"), matul perijodu li normalment huwa dak bejn il-15 ta’ Frar u l-25 ta’ Marzu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7       Fi Frar 1998, il-Kummissjoni rċiviet ilment kontra l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għat-tudun bil-metodu tal-kaċċa "a contrapasa" fil-provinċja ta’ Guipúzcoa.

8       Fit-30 ta’ Ġunju 1998, l-awtoritajiet Spanjoli, meta mistoqsija dwar is-suġġett b’ittra tat-23 ta’ Marzu 1998, sostnew li l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kaċċa kien iġġustifikata permezz:

–       tat-talba u tal-pressjoni soċjali, fid-dawl tan-natura tradizzjonali tal-kaċċa "a contrapasa";

–       l-impatt minimu jew non-eżistenti ta’ din il-kaċċa fuq il-konservazzjoni ta’ l-ispeċi;

–       il-kundizzjonijiet restrittivi li d-digriet tad-Diputación Foral de Guipúzcoa jimponi fuq il-kaċċa għat-tudun;

–       in-nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li tista’ tintuża, flok l-awtorizzazzjoni, f’ċertu kundizzjonijiet, għall-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċertu għasafar f’numri żgħar.

9       Billi qieset li bl-awtorizzazzjoni, fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, tal-kaċċa għad-tudun "a contrapasa", ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(4) tad-direttiva, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Spanjol fit-30 ta’ April 1999.

10     B’ittra tat-23 ta’ Lulju 1999, l-imsemmi Gvern sostna li, fl-1998, 23,875 kaċċatur kienu pparteċipaw fl-istaġun tal-kaċċa skond dan il-metodu, matul 39 jum biss li jindika talba u pressjoni soċjali favur din it-tip ta’ kaċċa fuq it-territorju tal-provinċja ta’ Guipúzcoa. Fid-dawl ta’ din il-pressjoni, l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għat-tudun "a contrapasa" biss kienet possibbli, bil-limitazzjonijiet kollha possibbli meħtieġa, peress li, wara kollox, din l-ispeċi ma kinitx qiegħda tonqos. Fl-aħħar nett, f’din l-ittra, ġie ppreċiżat li 1,013-il tudun biss inqatlu fl-1998 u 1,158 fl-1999. Il-prattika tal-kaċċa "a contrapasa" tirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ l-użu bil-għaqal u l-bilanċ tal-kontroll ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar ikkonċernati.

11     Billi qieset li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli jindikaw nuqqas mill-obbligi imposti fuq dawn ta’ l-aħħar mill-Artikolu 7(4) tad-direttiva, fit-8 ta’ Frar 2000 il-Kummissjoni indirizzat lir-Renju ta’ Spanja opinjoni motivata li fiha stidnietu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha f’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tagħha.

12     Billi r-Renju ta’ Spanja ma weġibx din l-ittra motivata, il-Kummissjoni kkunsidrat li n-nuqqas allegat baqa’ fis-seħħ u ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

13     Il-Kummissjoni ssostni li l-kaċċa in kwistjoni f’din il-kawża, li sseħħ matul ir-ritorn tat-tudun lejn il-postijiet tat-trobbija tagħhom, taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(4) tad-direttiva. Madankollu, il-prattika tal-kaċċa kkontestata ma tistax tkun iġġustifikata taħt is-sistema derogatorja pprovduta fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, peress li l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għat-tudun "a contrapasa" għandha l-għan li ttawwal il-perijodu normali ta’ kaċċa ta’ din l-ispeċi fuq terroritorju li fih din l-ispeċi diġà hija preżenti matul dan il-perijodu, il-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti mhijiex sodisfatta.

14     F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol indika li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-direttiva, li ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti ma hija possibbli jagħmel sens biss fir-rigward ta’ raġunijiet derogatorji oħra minbarra dawk ipprovduti fil-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ma tistax tiġi prevista soluzzjoni oħra sodisfaċenti minflok l-awtorizzazzjoni, taħt ċertu kundizzjonijiet, għall-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċertu għasafar f’numri żgħar minbarra l-projbizzjoni tal-kaċċa, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-direttiva. L-imsemmi Gvern isostni li, f’kull każ, il-kaċċa awtorizzata għat-tudun matul ir-ritorn ta’ dawn lejn il-postijiet tat-trobbija tagħhom hija pprattikata fuq territorju differenti minn dak li fuqu ssir il-kaċċa tat-tudun matul l-istaġun normali. B’hekk, il-moħbiet li jinsabu fit-territorju u li huma użati għal din il-kaċċa matul ix-xhur ta’ Ottubru u Novembru (perijodu tal-migrazzjoni) jinsabu fil-biċċa l-kbira f’żoni differenti minn dawk li fihom jinsabu l-moħbiet użati matul ix-xhur ta’ Frar u Marzu (perijodu tar-ritorn), peress li dawn ta’ l-aħħar prinċipalment jinsabu mal-kosta, f’postijiet li mhumiex normalment iffrekwentati mit-tudun matul il-migrazzjoni tax-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru. Għalhekk, ma hemm l-ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti li għandha mnejn tintuża minflok il-kaċċa għat-tudun matul il-perijodu tar-ritorn ta’ din l-ispeċi lejn il-postijiet tat-trobbija tagħha. Min-naħa l-oħra, din il-kaċċa bl-ebda mod ma tqiegħed fil-periklu ż-żamma tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi in kawża fuq livell sodisfaċenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15     Skond l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, l-ispeċi elenkati fl-Anness II jistgħu jkunu suġġetti għall-kaċċa fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Artikolu 7(4) madankollu jipprovdi li għall-ispeċi migratorji li għalihom tapplika l-liġi dwar il-kaċċa m’għandhiex issir kaċċa fuqhom matul il-perijodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija tagħhom.

16     F’dan il-każ, it-tudun jaqa’ taħt dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, ma tistax issir kaċċa fuqu matul il-perijodu tar-ritorn tiegħu għall-postijiet tat-trobbija tiegħu.

17     Madankollu, l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-direttiva jammetti l-possibbiltà ta’ l-awtorizzazzjoni, skond il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, tal-kaċċa għall-ispeċi elenkati fl-Anness II matul il-perijodi indikati fl-Artikolu 7(4) tad-direttiva u, għalhekk, b’mod partikolari matul il-perijodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C-182/02, Ġabra p. I‑12105, punti 9 sa 11).

18     Fost il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tali kaċċa tista’ tkun awtorizzata, taħt l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-direttiva, tinsab dik tan-nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti (ara s-sentenza Ligue pour la protection des oiseaux et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 15).

19     Din il-kundizzjoni ma tistax titqies bħala sodisfatta meta l-perijodu ta’ kaċċa mogħti b’deroga jikkoinċidi bla bżonn mal-perijodi li matulhom id-direttiva tfittex li tipprovdi protezzjoni partikolari. Tali bżonn mhuwiex preżenti b’mod partikolari jekk il-miżura li tawtorizza l-kaċċa b’deroga kellha bħala għan waħdieni li ttawwal il-perijodi ta’ kaċċa ta’ ċerti speċi ta’ għasafar fuq territorji li fihom dawn ta’ l-aħħar diġà huma preżenti matul il-perijodi ta’ kaċċa stabbiliti skond l-Artikolu 7 tad-direttiva (ara s-sentenza Ligue pour la protection des oiseaux et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16).

20     F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-perijodu ta’ kaċċa għat-tudun mogħti b’deroga fil-provinċja ta’ Guipúzcoa jikkoinċidi bla bżonn mal-perijodi li matulhom id-direttiva tfittex li tipprovdi protezzjoni partikolari.

21     Fil-fatt, jirriżulta, mit-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li ż-żoni tal-provinċja ta’ Guipúzcoa ffrekwentati mit-tudun matul il-perijodu normali ta’ kaċċa huma ftit ‘il bogħod minn dawk li huma ffrekwentati minn din l-ispeċi matul il-perijodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija tagħhom. Barra minn hekk, iż-żoni msemmija l-ewwel huma faċilment aċċessibbli għall-kaċċaturi residenti fiż-żoni msemmija fit-tieni lok.

22     Għandu jiġi kkonstatat li d-digrieti adottati kull sena mill-awtoritajiet kompetenti tal-provinċja ta’ Guipúzcoa u li jawtorizzaw b’deroga l-kaċċa għat-tudun fiż-żoni ta’ din il-provinċja, b’mod partikolari f’numru ta’ komuni mal-kosta, li huma ffrekwentati minn din l-ispeċi matul il-perijodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija tagħhom biss, essenzjalment, ma jagħmlux għajr li jtawwlu l-perijodi tal-kaċċa għat-tudun fiż-żoni ġeografiċi li jikkostitwixxu l-provinċja ta’ Guipúzcoa li, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandhom jitqiesu bħala territorju wieħed diġà ffrekwentat minn din l-ispeċi in kwistjoni matul il-perijodi ta’ kaċċa stabbilita skond l-Artikolu 7 tad-direttiva.

23     Peress li l-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti mhijiex sodisfatta f’din il-kawża, il-kaċċa għat-tudun matul il-perijodu tar-ritorn ta’ din l-ispeċi għall-postijiet tat-trobbija tagħhom mhijiex awtorizzata, skond l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-direttiva.

24     Għaldaqstant, tali kaċċa tmur kontra l-Artikolu 7(4) tad-direttiva.

25     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti tal-Gvern Spanjol li, minn naħa, it-tudun mhuwiex speċi fil-periklu, min-naħa l-oħra, li l-kaċċa fuqu ssir matul is-sena kollha fir-Renju Unit u, fl-aħħar nett, li l-qrati Spanjoli kkunsidraw li d-digrieti li jawtorizzaw, fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, il-kaċċa għat-tudun "a contrapasa" kienu konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola fuq il-kaċċa, li, hija stess, hija konformi mad-direttiva.

26     Fil-fatt, l-ewwel żewġ argumenti invokati mhumiex rilevanti fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti u, għaldaqstant, mhumiex tali li jaffettwaw il-konstatazzjoni fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

27     Rigward tat-tielet argument, dan mhuwiex rilevanti billi huwa stabbilit li l-kaċċa "a contrapasa" tmur kontra l-Artikolu 7(4) tad-direttiva.

28     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi awtorizza, fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, il-prattika tal-kaċċa tad-tudun "a contrapasa", ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 7(4) tad-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

29     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) ) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi awtorizza, fil-provinċja ta’ Guipúzcoa, il-prattika tal-kaċċa tad-tudun "a contrapasa", ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwar tal-kawża: l-Ispanjol.

Top