EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0040

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-8 ta' Settembru 2005.
Proċedura kriminali vs Syuichi Yonemoto.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein oikeus - il-Finlandja.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Makkinarju - Direttiva 98/37/KE - Kompatibbiltà ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-importatur li jivverifika s-sigurtà ta' makkinarju li jġorr id-dikjarazzjoni ta' konformità KE.
Kawża C-40/04.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:519

62004J0040



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-40/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta' Deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Frar 2004, fil-proċedura kriminali kontra

Syuichi Yonemoto

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues (relatur), E. Juhász u M. Ilei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta' Jannar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għas-Sur Yonemoto, minn P. Jäntti, asianajaja,

- għall-Virallinen syyttäjä (prosekutur pubbliku), minn J. Kivistö, prosekutur fil-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Helsinki,

- għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

- għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Schima u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, p. 1), kif ukoll ta' l-Artikoli 28 KE u 30 KE

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura kriminali kontra s-Sur Yonemoto, bħala rappreżentant ta' l-importatur ta' makkinarju li wassal għal inċident fuq ix-xogħol li kkawża feriti serji lil persuna li kienet tħaddmu.

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. Id-Direttiva 98/37 tistabbilixxi l-ħtiġijiet essenzjali li l-makkinarju għandu jirrispetta fir-rigward ta' sigurtà u ta' saħħa. Hi tissostitwixxi u tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 89/392/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-makkinarju (ĠU L 183, p. 9), li kienet ġiet emendata numru ta' drabi.

4. L-Artikolu 2(1) u (2) tad- jipprevedi:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw illi l-makkinarju jew il-komponenti ta' sigurtà koperti b'din id-Direttiva jistgħu jinħarġu fis-suq u jiġu mħaddma biss jekk ma jipperikolawx is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta' annimali domestiċi jew ta' proprjetà, meta jiġu nstallati u miżmuma kif jixraq u wżati skond il-għan maħsub għalihom.

2. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-intitolament ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu, fl-osservanza kif mistħoqqa tat-Trattat, dawk il-ħtiġiet li jidhrilhom meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-persuni u b'mod partikolari l-ħaddiema jkunu protetti meta jużaw il-makkinarju jew il-komponenti ta' sigurtà involuti fil-kwistjoni, sakemm iżda illi dan ma jfissirx illi l-makkinarju jew il-komponenti ta' sigurtà jiġu modifikati f'manjiera mhux speċifikata fid-Direttiva."

5. Taħt l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva:

"Il-makkinarju u l-komponenti ta' sigurtà koperti b'din id-Direttiva għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà ddikjarati fl-Anness I."

6. L-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva jippreċiża li:

"1. L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-ħruġ fis-suq u t-tħaddim fit-territorju tagħhom ta' makkinarju u komponenti ta' sigurtà li jikkonformaw ma' din id-Direttiva."

7. Taħt l-Artikolu 5(1) u (2) ta' l-istess Direttiva:

"1. L-Istati Membri għandhom iqisu dawn li ġejjin bħala li jikkonformaw mad-disposizzjonijiet kollha ta' din id-Direttiva, inklużi l-proċeduri ta' eżaminazzjonijiet tal-konformità li għalihom hemm provdut fil-Kapitolu II:

- il-makkinarju li jġorr il-marka 'CE' u li huwa akkumpanjat b'dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE li hemm referenza għaliha fil-punt A ta' l-Anness II,

- il-komponenti ta' sicurtà li huma akkumpanjat b'dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE li hemm referenza għaliha fil-punt Ċ ta' l-Anness II.

Fin-nuqqas ta' standards armonizzati, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull pass li jidhrilhom meħtieġ biex jiġbdu l-attenzjoni tal-partijiet interessati dwar l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali eżistanti li jitqiesu bħala importanti jew rilevanti għall-implimentazzjoni xierqa tal-ħtiġiet essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa fl-Anness I.

2. Fejn standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-riferenza għalih tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ikopri wieħed jew iktar mill-ħtiġiet essenzjali ta' sigurtà, il-makkinarju jew il-komponenti ta' sigurtà mibnija b'mod konformi ma' dan il-standard għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-ħtiġiet essenzjali rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-riferenzi ta' l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards armonizzati.

[...]"

8. L-Artikolu 7 tad- jipprevedi li:

"1. Fejn Stat Membru jaċċerta illi:

- il-makkinarju li jġorr il-marka 'CE',

jew

- il-komponenti tas-sigurtà akkumpanjati mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE,

wżati b'mod konformi ma' l-għan maħsub għalihom li x'aktarx jistgħu jkunu ta' perikolu għas-sigurtà tal-persuni [...], għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira dan il-makkinarju jew dawn il-komponenti ta' sigurtà mis-suq, biex jipprojbixxi l-ħruġ tagħhom fis-suq, biex dawn jitħaddmu jew jintużaw, jew biex jirrestrinġi l-moviment liberu tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu fil-pront lill-Kummissjoni b'kull miżura minn dawn, u jindikaw ir-raġuni tad-deċiżjoni tagħhom [...]

[...]

3. Fejn:

- makkinarju li ma jikkonformax iġorr il-marka 'CE';

- komponent tas-sigurtà li ma jikkonformax ikun akkompanjat b'dikjarazzjoni ta' konformità tal-KE,

l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu azzjoni xierqa kontra dawk kollha li jkunu waħħlu l-marki jew fasslu d-dikjarazzjoni u għandu jgħarraf b'dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

[...]"

9. L-Artikolu 8 ta' l-imsemmija Direttiva jiddisponi li:

"1. Sabiex jiċċertifikaw illi l-makkinarju u l-komponenti ta' sigurtà jikkonformaw ma' din id-Direttiva, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità għandu jfassal għall-makkinarju kollu jew għall-komponenti kollha tas-sigurtà dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE ibbażata fuq il-mudell mogħti fil-punt A jew fil-punt Ċ, skond kif jixraq, ta' l-Anness II.

B'żieda ma' dan, għall-makkinarju biss, il-fabbrikant jew ir-rappreżentanti awtorizzati tiegħu stabbiliti fil-Komunità għandhom iwaħħlu l-marka 'CE' mal-magna.

2. Qabel ma jqiegħdu fis-suq, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità, għandu:

[...]

b) jekk jkun hemm referenza għall-makkinarju fl-Anness IV u l-fabbrikant ma jikkonformax, jew jikkonforma f'parti biss, ma' l-istandards li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2) jew jekk ma jkunx hemm standards minn dawn, għandu jissottometti kampjun tal-makkinarju għall-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE kif hemm referenza għaliha fl-Anness VI;

[...]

4. [...]

Fejn japplikaw il-paragrafu 2(b) , [...], id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE għandha tiddikjara l-konformità mal-kampjun li jkun għadda mill-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE.

[...]"

10. L-Anness I, punt 1.7.3, tad- jipprevedi li l-makkinarju kollu għandu jkun immarkat b'mod li jista' jinqara u li ma jitħassarx bid-dettalji minimi, jiġifieri l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant, il-marka 'CE', l-isem tas-serje jew tat-tip, in-numru tas-serje, jekk applikabbli u s-sena ta' kostruzzjoni. Skond dan l-istess punt, il-makkinarju għandu jkollu wkoll it-tagħrif sħiħ u essenzjali għall-użu mingħajr perikolu (eż. il-frekwenza ta' rotazzjoni).

11. L-Anness I, punt 1.7.4(a) sa (d), ta' din id-Direttiva jipprevedi li:

"a) Il-makkinarju kollu għandu jkun akkumpanjat bl-istruzzjonijiet [...].

b) L-istruzzjonijiet għandhom jiġu mfassla f'wieħed mill-ilsna tal-Komunità mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità. Meta jiddaħħal għax-xogħol, il-makkinarju kollu għandu jkun akkumpanjat minn traduzzjoni ta' l-istruzzjonijiet fil-lingwa jew fil-lingwi tal-pajjiż fejn il-makkinarju jkun sejjer jiġi użat u mill-istruzzjonijiet fil-lingwa oriġinali. Din it-traduzzjoni għandha ssir jew mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità jew mill-persuna li ddaħħal il-makkinarju fiż-żona tal-lingwa imsemmija. [...]

c) L-istruzzjonijiet għandu jkun fihom id-disinni u d-dijagrammi meħtieġa biex il-makkinarju jitħaddem, jiġi mantenut, jiġi spezzjonat, jiġi eżaminat biex jaħdem sewwa u, fejn xieraq, jissewwa, u l-istruzzjonijiet kollha siewja b'mod partikolari dwar is-sigurtà.

d) Kull letteratura li tiddeskrivi l-makkinarju ma għandhiex tikkontradixxi l-istruzzjonijiet rigward l-aspetti tas-sigurtà. [...]"

12. L-Anness II, A tad- jippreċiża li:

"Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

- l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità [...],

- deskrizzjoni tal-makkinarju [...],

- id-disposizzjonijiet kollha rilevanti li l-makkinarju jikkonforma magħhom,

- fejn xieraq, l-isem u l-indirizz tal-korp notifikat u n-numru taċ-ċertifikat ta' l-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE,

[...]

- fejn xieraq, riferenza għall-istandards armonizzati,

- fejn xieraq, l-istandards tekniċi nazzjonali u l-ispeċifikazzjonijiet użati,

- l-identifikazzjoni tal-persuna bis-setgħa li tiffirma f'isem il-fabbrikant jew tar-rappreżentanti maħtura minnu."

13. Skond in-nota f'qiegħ l-ewwel paġna ta' l-Anness II, A ta' l-imsemmija Direttiva:

"[Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE] għandha tiġi fformulata fl-istess lingwa ta' l-istruzzjonijiet oriġinali [...], għandha tkun miktuba b'ittri kbar (kapitali), jew bit-typewriter jew bl-id. Għandu jkollha magħha traduzzjoni f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż li fih il-makkinarju jkun sejjer jiġi wżat. Din it-traduzzjoni għandha ssir b'mod konformi ma' l-istess kondizzjonijiet għat-traduzzjoni ta' l-istruzzjonjiet."

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14. L-Artikolu 40 tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol (työturvallisuuslaki), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża, prinċipali, huwa fformulat kif ġej:

"Il-fabbrikant, l-importatur jew il-bejjiegħ ta' makkinarju, għodda jew apparat tekniku ieħor, jew kull persuna li titrasferixxi tali oġġett sabiex jitqiegħed fis-suq jew jiġi użat, għandu jassigura li:

1) dan l-oġġett, meta jitqiegħed fis-suq jew meta jiġi kkunsinnat sabiex jintuża f'dan il-pajjiż, ma jippreżentax riskju ta' inċi dent jew ta' periklu għas-saħħa meta użat skond il-għan;

2) ikun maħsub, iffabbrikat u, skond il-każ, ivverifikat konformement mad-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjonijiet speċifiċi dwaru; u

3) ikun fih il-mezzi ta' sigurtà neċessarji għall-użu normali tiegħu kif ukoll marki u indikazzjonijiet li juru li konformità tiegħu mar-regoli.

L-oġġett għandu jiġi kkunsinjat flimkien ma' l-istruzzjonijiet li huma adegwati għall-installazzjoni, l-użu tiegħu u l-manutenzjoni tiegħu. Dawn l-istruzzjonijiet għandhom jinkludu, skond il-każ, indikazzjoni fuq it-tindif ta' l-oġġett, it-tiswija tiegħu u s- setting ordinarju tiegħu u l-proċeduri li għandhom jittieħdu fil-każ ta' funzjonament ħażin li hu normali. Id-disinn tad-dispożittivi ta' sigurtà għandhom iqisu t-twettiq ta' dawn il-kompiti."

15. Skond il-kodiċi kriminali Finlandiż, ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet, imwettaq intenzjonalment jew b'negliġenza, jista' jiġi sanzjonat kriminalment bħala vjolazzjoni tas-sigurtà fuq ix-xogħol, omiċidju minħabba traskuraġni, feriment minħabba negliġenza, omiċidju dovut għal traskuraġni gravi jew feriti dovuti għal traskuraġni gravi.

16. Minbarra dawn is-sanzjonijiet kriminali, in-nuqqas ta' rispett ta' l-obbligi previsti mill-Artikolu 40 tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol iwassal, skond il-liġi fuq il-kumpens għad-danni "(vahingonkorvauslaki)", għall-obbligu tal-kumpens tad-danni kkawżati.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17. Il-kumpannija Ama-Prom Oy, li tagħha Yonemoto huwa d-direttur ġenerali, hija importatriċi ta' makkinarju, li jinkludi brejkijiet bil-pressa. Fl-1995, Ama-Prom Oy impurtat fil-Finlandja brejk bil-pressa ffabbrikat fi Franza mill-kumpannija Franċiża Amada Europe u biegħetu lill-kumpannija Finlandiża Peltitarvike Oy.

18. Meta dan il-brejk bil-pressa ġiet impurtat, hu kien iġorr il-marka 'CE'. Il-fabbrikant ippreżenta għal dan il-makkinarju dikjarazzjoni ta' konformità fformulata kif ġej:

" "The undersigned manufacturer AMADA EUROPE [adresse] certifies that the new below designated equipment: hydraulic press-brake 80.25 type ITS2 n° Series B50412 complies with the regulations applicable to it:

- European Reference: 89/392/EEC Directive

- European Standards: EN 292-1, EN 292-2, EN 294, EN 349, EN 418, EN 457, EN 60204.

The AIF/S, Organism authorized by the act from the Labour Department on 11/08/1992 has granted a type-tested certificate of conformity CE for the machine of the ITS2 type under the number 384090A-0004-11-94 (n° AIF/S), on 8/11/1994."

19. Madankollu il-Helsingin käräjäoikeus (Qorti tal-Prim'Istanza ta' Helsinki) ikkonstatat, l-elementi fattwali li ġejjin dwar dan il-makkinarju:

- Meta swiċċ li hu operat permezz ta' ċavetta kien fuq f'pożizzjoni 2, il-makkinarju seta' jaħdem bl-ogħla veloċità permezz tal-pedala;

- Għafsa fuq l-apparat ta' waqfien b'emerġenza tal-makkinarju kien jaqta' biss il-kurrent li jħaddem il-kontrolli, iżda l-makkinarju kienet tibqa' tiffunzjona u l-pompa idrawlika baqgħet taħdem.

- Il-buttuni ta' l-apparat ta' waqfien b'emerġenza kienu jinfetħu b'inqas minn millimetru b'riżultat ta' l-għafsa. Il-lieva kellha tkompli tingħafas għal numru ta' millimetri sabiex tasal għal pożizzjoni ta' waqfien. L-apparat ta' waqfien f'emerġenza kien riġidu.

- L-istruzzjonijiet għall-użu li kienu jiġu mal-makkinarju ma kinux kollha kemm kienu fil-lingwa Finlandiża. Il-pannell tal-kontrolli ma kienx jikkorrispondi għal dak riprodott fuq id-disinn ta' l-istruzzjonijiet għall-użu u dan ta' l-aħħar kien wisq fil-qosor u nieqes u għaldaqstant il-makkinarju ma setgħax jiġi użat bis-sigurtà kollha.

- Il-makkinarju kien jaħdem normalment permezz ta' apparat miftuħ li jitħaddem permezz ta' pedala, u dan b'veloċità elevate ta' ħidma, minkejja li sabiex jipprevjeni ħsara lill-idejn kien mgħamar biss b'tagħmir ta' kontroll bimanwali, li, skond il-metodi ta' ħidma adottati fl-impriża Peltitarvike Oy, ma kinux ġeneralment użati.

- L-apparat ta' waqfien f'emerġenza kien użat biex iwaqqaf il-makkinarju meta jitbiddlu x-xfafar ta' l-għodda, prassi ta' rutina kważi ta' kuljum, għalkemm l-apparat ta' waqfien f'emerġenza ma kienx prevista għal dan il-għan. Biex tiggarantixxi s-sigurtà, kien ikun meħtieġ li jinqata' l-kurrent jew li tintgħażel veloċità ta' ħidma baxxa permezz tas-swiċċ b'ċavetta li jinsab fuq il-pannell tal-kontrolli.

20. Fis-17 ta' N N ovembru 1998, is-Sur Raine Pöyry, impjegat tal-kumpannija Peltitarvike Oy, sofra inċident gravi fuq il-post tax-xogħol tiegħu waqt li kien qed jgħin lis-Sur Urpo Pursiainen, formen, ibiddel xi xfafar tal-brejk bil-pressa kkonċernat fil-kawża prinċipali. Għal dan il-għan, is-SurPursiainen kien uża l-apparat ta' waqfien f'emerġenza biex jaqta' l-kurrent. Matul din l-operazzjoni, is-Sur Pöyry aċċidentalment mess b'siequ l-pedala tal-makkinarju. Minkejja li l-kurrent kien ġie maqtugħ permezz ta' l-apparat ta' waqfien f'emerġenza, l-azzjoni fuq il-pedala kkawżat moviment f'daqqa mhux mistenni ta' pressjoni li qata' it-tmint iswaba ta' M. Pöyry li nqabdu fix-xfafar.

21. Il-kawża tressqet quddiem, il- - käräjäoikeus li kkundannat lis-Sur Yonemoto għal ammenda ekwivalenti għal piena ta' 30 jum għall-ksur ta' l-Artikolu 40 tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol u għal feriti b'riżultat ta' traskuraġni u kkundannatu jħallas lis-Sur Pöyry kumpens għad-danni u interessi ta' EUR 26 953 80 euro. Din il-Qorti kkundannat ukoll lill-meniġer tal-kumpannija Peltitarvike Oy u lis-Sur Pursiainen għall-ksur ta' l-istess liġi u għal feriti b'riżultat ta' traskuraġni u kkundannathom ukoll li jikkumpensaw lil Pöyry.

22. Fl-appell, il-kundanna tas-Sur Yonemoto ġiet ikkonfermata mill-Helsingin hovioikeus (il-Qorti ta' l-Appell ta' Helsinki). Din il-qorti kkundannat lil Yonemoto għal amenda ekwivalenti għal-piena ta' 50 u għall-ħlas ta' ammont totali ta' EUR 21 908 16 bħala kumpens danni u għad-interessi.

23. Il-käräjäoikeus u l-hovioikeus qiesu lis-Sur Yonemoto, bħala rappreżentant ta' l-importatur, parzjalment responsabbli għan-nuqqasijiet li kkontribwixxew għall-inċident li tiegħu is-Sur Pöyry kien vittma. Skond dawn il-qrati, l-importatur kellu jieħu ħsieb li l-makkinarju kkunsinnat u użat ikun maħsub u ffabrikat skond ir-regoli fis-seħħ. Biex dan l-obbligu jiġu kompletament sodisfatt, mhuwiex biżżejjed li l-makkinarju ikollu il-marka 'CE' u li l-fabbrikant ikun ta assigurazzjoni bil-miktub li l-makkinarju huwa konformi mar-regoli fis-seħħ.

24. Yonemoto ppreżenta appell quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) fejn talab l-annullament tal-proċeduri kriminali u tal-kundanna tiegħu għal ħlas ta' kumpens f'danni u interessi. Alternattivament huwa qiegħed jitlob li l-piena u ta' l-ammont tal-kumpens f'danni interessi li ġie ordjnat iħallas jitnaqqsu.

25. Is-Sur Yonemoto li kkontesta l-pożizzjoni li l-importatur huwa obbligat li jiżgura huwa nnifsu li makkinarju ġie maħsub u ffabrikat skond ir-regoli stabbiliti' jekk il-makkinarju għandu l-marka 'CE' u dikjarazzjoni tal-konformità u huwa akkumpanjat minn istruzzjonijiet għall-użu u l-manutenzjoni tiegħu. Is-Sur Yonemoto jqis li l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjari Finlandiżi ma jistgħux jeżiġu, mingħajr ma jiksru l-Artikolu 28 KE li importatur jwettaq verifika fil-Finlandja ta' makkinarju ta' mudell awtorizzat fi Stat Membru ieħor u bil-marka 'CE'. L-obbligu ta' l-importatur huwa llimitat f'li jiżgura li l-fabbrikant kien kiseb l-approvazzjoni tat-tip tal-makkinarju kkonċernat skond ir-regoli Komunitarji permezz ta' korp awtorizzat, li hu kkunsinna dan il-makkinarju, li għandha l-marka 'CE', flimkien ma' l-istruzzjonijiet għall-użu u l-istruzzjonijiet ta' manutenzjoni, u li ta dikjarazzjoni ta' konformità.

26. Billi kien hemm xi inċertezza rigward il-kwistjoni li dwar jekk Stat Membru jistax jimponi fuq importatur ta' makkinarju obbligi wiesa' daqs dawk previsti mill-Artikolu 40 tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol, il-Korkein oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1) Jekk titqies id- [...] u l-Artikoli 28 KE u 30 KE, li huma l-limiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju għall-obbligi li jirrigwardaw il-karatteristiċi marbuta mas-sigurtà li sistema legali nazzjonali tista' timponi fuq l-importatur ta' makkinarju li jġorr il-marka 'CE' (jew għal operatur ieħor fil-katina tad-distribuzzjoni)

- qabel il-bejgħ tal-makkinarju u

- wara dan il-bejgħ?

2) B'mod aktar partikolari, kjarifiki fuq il-punti li ġejjin huma meħtieġa:

a) Safejn u taħt liema kundizzjonijiet id-dritt Komunitarju jippermetti li jiġu imposti, fir-rigward ta' sigurtà, obbligi ta' azzjoni jew ta' kontroll fuq l-importatur ta' makkinarju li jġorr il-marka 'CE' (jew fuq operatur ieħor fil-katina tad-distribuzzjoni)?

b) It-tip ta' nuqqas fir-rigward tas-sigurtà li huwa involut f'din il-kawża għandu, u b'liema mod, effett fuq l-evalwazzjoni ta' l-obbligi imposti fuq l-importatur (jew fuq operatur ieħor fil-katina tad-distribuzzjoni) fir-rigward tad-dritt Komunitarju?

c) Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 40 tal-liġi dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol, riprodotti [fil-punt 14 ta' din is-sentenza], huma kuntrarji, u, jekk dan huwa l-każ, f'hiex id-dritt Komunitarju, meta jiqiesu konsegwenzi kriminali u ċivili tan-nuqqas ta' rispett ta' dawn l-obbligi deskritti [fit-tul fid-deċiżjoni tar-rinviju u riprodotti fil-qosor fil-punti 15 u 16 ta' din is-sentenza]?

Dwar id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

27. L-ewwelnett, jeħtieġ jitfakkar li, fil-kuntest ta' talba għal deċiżjoni preliminari, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju.

28. Il-qorti tar-rinviju titlob fis-sustanza lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, min-naħa, l-obbligi imposti mid- kif ukoll l-Artikoli 28 KE u 30 KE fuq l-importatur ta' makkinarju ffabbrikat fi Stat Membru u importat fi Stat Membru ieħor u, min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu inflitti minn Stat Membru minħabba ksur ta' dawn l-obbligi. Hemm lok li jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-obbligi ta' l-importatur.

Dwar l-obbligi ta' l-importatur

29. Huwa utli li jiġi enfasizzat li l-eżami ta' din id-domanda tirrigwarda biss is-sitwazzjoni ta' importatur fi Stat Membru ta' makkinarju ffabbrikat fi Stat Membru ieħor. Skond l-istruttura tad- , din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta minn dik ta' l-importatur fil-Komunità Ewropea ta' makkinarju ffabbrikat barra minnha. Din is-sentenza m'għandhiex l-għan li teżamina din l-aħħar sitwazzjoni.

30. F'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni fiż-żmien tad- , mill-ewwel u l-ħamsa u għoxrin premessa, mill-Artikolu 14 u mill-Anness VIII B ta' din id-Direttiva jirriżulta li din tikkodifika d- , li ġiet emendata diversi drabi, u li hija ma taffettwax negattivament l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar it-termini ta' traspożizzjoni u ta' applikazzjoni ta' din l-aħħar Direttiva kif ukoll ta' dawk li emendawha. Anki jekk l-obbligi li ssir referenza għalihom fil-kawża prinċipali jirriżultaw mid- jew minn waħda mid-Direttivi li emendawa, it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 14 tad- jeżiġi li r-referenzi magħmula għad-direttivi abrogati jiġu intiżi bħala li huma magħmula għad-dispożizzjonijiet li jikkorispondu ma' din ta' l-aħħar.

31. Id- hija ntiża, skond it-tieni, is-sitt, is-seba' u d-disa' premessi tagħha, li tiżgura l-libertà ta' moviment tal-makkinarju fis-suq intern u li tissodisfa l-eżiġenzi imperattivi u essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa li jirrigwardaw dan il-makkinarju billi tissostitwixxi s-sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni u ta' attestazzjoni ta' konformità b'sistema armonizzata. Għal dan il-għan, b'mod partikulari permezz ta' l-Artikolu 3 u l-Anness I tagħha, l-imsemmija Direttiva telenka xi eżiġenzi essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa li l-makkinarju u l-komponenti ta' sigurtà ffabrikati fl-Istati Membri għandhom jissodisfaw. Skond l-Artikolu 4 ta' l-istess Direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux irażżnu t-tqegħid fis-suq ta' makkinarju li jissodisfa dawn l-eżiġenzi essenzjali.

32. Skond l-Artikolu 5 tad- , il-makkinarju li jġorr l-marka 'CE' u li huwa akkumpanjat b'dikjarazzjoni tal-konformità tal-KE huwa kkunsidrat bħala konformi ma' din id-Direttiva.

33. L-Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva jipprevedi l-obbligu għall-fabbrikant, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità, li jwaħħal il-marka 'CE' mal-makkinarju u li jipprepara d-dikjarazzjoni ta' konformità KE.

34. Mill-għoxrin premessa tad- jirriżulta li, bħala regola ġenerali, ir-responsabbiltà li tkun iċċertifikata l-konformità tal-makkinarju għall-eżiġenzi essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa stabbilita minn din id-Direttiva hija biss tal-fabbrikanti.

35. Madankollu, skond il-wieħed u għoxrin premessa ta' l-imsemmija Direttiva, għal ċertu tip ta' makkinarju li jippreżenta potenzjal akbar ta' riskju, tkun mixtieqa proċedura itqal ta' ċertifikazzjoni. Dan huwa l-każ tal-brejkijiet bil-pressa kkonċernati fil-kawża prinċipali.

36. Fil-fatt l-Artikolu 8(2)(b) tad- jiddisponi li, "[q] abel ma jqiegħdu fis-suq, il-fabbrikant [...] għandu [...], jekk jkun hemm referenza għall-makkinarju fl-Anness IV u l-fabbrikant [...] jekk ma jkunx hemm [standards armonizzati], jissottometti kampjun tal-makkinarju għall-eżaminazzjoni tat-tip tal-KE kif hemm referenza għaliha fl-Anness VI.

37. Il-brejkijiet bil-pressa huma koperti mill-punt 9 ta' l-Anness IVA tad- . Skond l-informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-istandard armonizzat dwar il-brejkijiet bil-pressa, jiġifieri l-istandard EN 12622, ġiet adottat biss f'Settembru 2001, jiġifieri wara d-data ta' l-inċident li wassal għall-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li makkinarju bħal dak ikkonċernat fil-kawża prinċipali għandu jkun is-suġġett ta' l-eżami KE tat-tip "KE" previst fl-Anness VI ta' l-istess .

38. Bis-saħħa tal-punt 1 ta' l-imsemmi Anness VI, l-eżami tat-tip "KE" jiwettaq minn korp terz imsejjaħ l-"korp notifikat", liema korp jikkonstata u jiċċertifika li l-mudell tal-makkinarju kkonċernat jissodisfa d-dispożizzjonijiet tad- .

39. Skond il-punt 2 ta' l-isess Anness, il-fabbrikant għandu jippreżenta l-applikazzjoni għall-eżami tat-tip "KE" billi jippreżenta lill-korp notifikat fajl tekniku tal-kostruzzjoni kif ukoll ta' makkinarju li rappreżentattiva tal-produzzjoni pjanifikata. Wara li dan il-korp ikun ta ċertifikazzjoni tal-"KE", il-fabbrikant huwa meħtieġ, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8(4) tad- u tar-raba' sub-inċiż ta' l-Anness IIA, tagħha, li jsemmi din iċ-ċertifikazzjoni fid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE" li għandu jipprepara għal kull makkinarju ta' dan it-tip u li jiċċertifika f'din id-dikjarazzjoni li l-makkinarju kkonċernat huwa konformi mal-kampjun li kien is-suġġett ta' l-eżami tat-tip KE.

40. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-makkinarju li wassal għall-kawża prinċipali kien iġorr il-marka 'CE' u li l-fabbrikant, Amada Europe, ippreżenta dikjarazzjoni tal-konformita tal-"KE" għal dan il-makkinarju, liema dikjarazzjoni ssemmi ċertifikazzjoni 'CE' tat-tip mogħti minn korp imsejjaħ "AIF/S".

41. Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li dan il-makkinarju kien perikoluż f'n umru ta' aspetti, minkejja l-fatt li kien iġorr l-marka 'CE' u li kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE". Id-domanda ċentrali li tqum hija li jiġi stabbilit jekk, skond id-dispożizzjonijiet tad- , huwiex importatur ta' l-imsemmija makkinarju li huwa responsabbli għall-konsegwenzi ta' din is-sitwazzjoni.

42. Irrispettivament milli jekk il-konformità għandhiex tkun stabbilita mill-fabbrikant li jaġixxi waħdu, jew bil-parteċipazzjoni ta' korp notifikat skond l-Anness VI tad- , din id-Direttiva timponi l-obbligu fuq il-fabbrikant li jipprepara dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE" u li jwaħħal l-marka "CE" fuq il-makkinarju kkonċernat.

43. Minbarra dan, l-Artikolu 7(3) ta' din id-Direttiva jipprevedi li meta makkinarju mhux konformi jġorr il-marka "CE", l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-miżuri xierqa "kontra dawk kollha li jkunu waħħlu l-marki", jiġifieri l-fabbrikant.

44. Il-fatt li jiġi mmultiplikat in-numru ta' persuni li jistgħu jitqiesu responsabbli għall-konformità tal-makkinarju ma jikkorrispondix ma' l-istruttura ta' l-imsemmija Direttiva, u b'mod partikulari ma' l-Artikolu 7(3) tiegħu.

45. Fil-fatt, l-għan prinċipali tad-Direttiva 98/37 huwa li jissemplifika l-modalitajiet li bihom hija stabbilita l-konformità tal-makkinarju sabiex tiġi assigurata sa fejn hu possibbli l-libertà ta' moviment ta' dawn ta' l-aħħar fi ħdan is-suq intern. Dan il-għan ikun ostakolat jekk operaturi li jinstabu l-isfel fil-katina tad-distribuzzjoni mill-fabbrikant, b'mod partikulari l-importaturi tal-makkinarju minn Stat Membru f'ieħor, jistgħu wkoll ikunu meqjusa bħala responsabbli tal-konformità ta' tali makkinarju.

46. Id-Direttiva 98/37 għaldaqstant tipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li l-importatur fi Stat Membru ta' makkinarju ffabbrikat fi Stat Membru ieħor, li jġorr il-marka "KE" u hu akkumpanjat b'dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE", irid jassigura li dan il-makkinarju jirrispondi għall-eżiġenzi essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa stabbiliti mill-imsemmija Direttiva.

47. Il-fatt jibqa' li ċertu obbligi skond id-Direttiva 98/37 jistgħu jiġu mposti fuq l-importaturi fi Stat Membru ta' makkinarju ffabbrikat fi Stat Membru ieħor.

48. F'dan ir-rigward, din id-Direttiva tipprovdi fil-punt 1.7.4 (b) ta' l-Anness I tagħha li, meta jitħaddem, kull makkinarju jrid ikun akkumpanjat minn traduzzjoni ta' l-istruzzjonijiet fil-lingwa jew lingwi tal-pajjiż fejn jiġi użat u mill-istruzzjonijiet fil-lingwa oriġinali, li għandhom jiġu magħmula jew mill-fabbrikant, inkella mill-persuna li daħħlet il-makkinarju fiż-żona lingwistika kkonċernata. Bl-istess mod, skond l-ewwel nota ta' qiegħ il-paġna ta' l-Anness II A ta' l-imsemmija Direttiva, id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE" għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni f'waħda mil-lingwi tal-pajjiż fejn il-makkinarju ser ikun użat, magħmula bl-istess kundizzjonijiet għat-traduzzjoni ta' l-istruzzjonijiet. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru tista', skond id- , timponi lill-importatur ta' makkinarju l-obbligu li jittraduċi l-istruzzjonijiet fil-lingwa jew il-lingwi ta' dan l-Istat kif ukoll l-obbligu li jittraduċi d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE" fil-lingwa jew f'waħda mil-lingwi ta' dan l-Istat.

49. Minbarra dan, il fatt l-Istati Membri jeżiġu minn l-importatur li jivverifika li l-makkinarju kkonċernat ikollu l-marka 'CE' u marki oħra previsti fil-punt 1.7.3 ta' l-Anness I ta' din id-Direttiva, li jinkludu indikazzjonijiet indispensabbli għas-sigurtà tal-użu ta' dan il-makkinarju, bħall-frekwenza li bih iddur, għandu jkun ikkunsidrat bħala kumpatibbli mad-Direttiva 98/37 meta titqies il-pożizzjoni ta' l-importatur fil-katina tad-distribuzzjoni,.

50. L-Artikolu 2(1) tad- jimponi lill-Istati Membri li jieħdu il-miżuri xierqa kollha sabiex il-makkinarju koperti minn din id-Direttiva jkunu jistgħu biss jitqiegħdu fis-suq jekk ma jipperikolawx is-sigurtà u s-saħħa.

51. Fil-kuntest ta' dan l-obbligu ta' sorveljanza tas-suq li hu impost fuq l-Istati Membri, l-Artikolu 2(2) ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi li dan m'għandux jaffettwa l-intitolament ta' l-Istati Membri li jistabbilixxu fl-osservanza tat-Trattat, il-ħtiġiet li jidhrilhom neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni meta jużaw tal-makkinarju kkonċernat.

52. Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-importatur obbligi ta' kooperazzjoni f'dak li jirrigwarda s-sorrveljanza tas-suq, bħall-obbligi ta' informazzjoni. Fil-każ ta' inċident bħal dak li wassal għall-kawża prinċipali, Stat Membru jeżiġi li l-importatur jipprovdi kull informazzjoni utli biex jevita li inċidenti simili jerġgħu iseħħu, u dan, b'mod partikolari, billi jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' dan l-Istat fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' miżuri li dawn l-awtoritajiet jistgħu jkollhom jieħdu, skond l-Artikolu 7 tad- , bħall-irtirar tal-makkinarju kkonċernat mis-suq.

53. Tali obbligi ta' koperazzjoni ma jistgħux madankollu jammontaw għal obbligu fuq l-importatur li jivverifika hu stess il-konformità tal-makkinarju mal-ħtiġiet essenzjali stabbiliti mid- , għaliex tali obbligu jkun kontra l-istruttura ta' din id-Direttiva.

54. Dawn l-obbligi għandhom, f'kull każ, ikunu definiti fl-assenza tat-trattat. Għaldaqstant, huma għandhom jibqgħu fil-limiti stabbiliti fl-Artikoli 28 KE u 30 KE.

55. Jeħtieġ li jitfakkar, b'mod partikolari, li l-Istati Membri jistgħu jadottaw, minkejja l-interdizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi għall-importazzjoni previsti fl-Artikolu 28 KE, miżuri ġġustifikati minn waħda mir-raġunijiet ta' interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew permezz ta' waħda mill-eżiġenzi imperattivi rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-protezzjoni tas-saħħa, bil-kundizzjoni, b'mod partikolari, li dawn il-miżuri jkunu adottati biex jiggarantixxu ir-realizzazzjoni ta' l-għan segwit u li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, ATRAL, , Ġabra p. I4431, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-limiti japplikaw ukoll għall-obbligi ta' koperazzjoni li Stat Membru jista' jimponi fuq l-importaturi ta' makkinarju ffabbrikat fi Stat Membru ieħor.

Dwar is-sistema tas-sanzjonijiet

56. Fit-tieni lok jeħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni tas-sanzjonijiet kriminali u ċivili li d-dritt nazzjonali jista' jistabbilixxi, skond konformement mad-dritt Komunitarju, fil-każ ta' ksur ta' l-obbligi li jirriżultaw mid- .

57. Hemm lok li jiġi rilevat li d- ma timponix fuq l-Istati Membri xi obbligu preċiż f'dak li jirrigwarda s-sistema ta' sanzjonijiet. Madankollu, ma jistax jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jissanzjonaw kriminalment il-ksur ta' l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni li timplimenta din id-Direttiva huma inkompatibbli ma' din ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Settembru 1996, Gallotti et , , , , , , , , , u , Ġabra p. I-4345, punt 14 u l-ġurisprudenża ċċitata).

58. Fil-fatt, fil-kuntest tal-libertà tagħhom taħt it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE l-Istati Membri għandhom l-obbligu, li jagħżlu l-forom u l-metodi l-iktar approprjati sabiex jiżguraw l-effettività tad-Direttivi (is-sentenza Gallotti, ċitata iktar 'il fuq, punt 14).

59. Barra minn dan, meta Direttiva ma tipprovdix sanzjoni speċifika fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tagħha jew tirreferi, fuq dan il-punt, għad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, l-Artikolu 10 KE jeżiġi li l-Istati Membri jieħdu kull miżura xierqa biex jassiguraw il-portata u l-effikaċja tad-dritt Komunitarja. Filwaqt li jżommu poter diskrezzjonali fir-rigward ta' l-għażla tas-sanzjonijiet, huma għandhom jassiguraw li l-ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jkun sanzjonat taħt kundizzjonijiet ta' sustanza u ta' proċedura li huma analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali li hu ta' natura u ta' importanza simili u, f'kull każ, li s-sanzjoni tkun ta' karattru efettiv, proporzjonat u dissważiv (is-sentenza Gallotti, iċċitata iktar 'il fuq, punt 14).

60. Minn dan jirriżulta li Stat Membru għandu d-dritt jissanzjona kriminalment in-nuqqas ta' rispett ta' l-obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni li intiża sabiex li timplimenta d- meta jqis li dan huwa l-mod l-iktar approprjat sabiex jiżgura l-effettività ta' din id-Direttiva, sakemm is-sanzjonijiet previsti huma analogi għal dawk applikabbli għal ksur tad-dritt nazzjonali ta' natura u ta' importanza simili u li huma għandhom karattru effettiv, proporzjonat u dissważiv (ara f'dan is-sens, is-sentenza Gallotti, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15).

61. Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha li għadhom kemm ġew esposti lid-domandi rrinvijati, għandhom iwieġbu fil-mod li ġej:

1) Id-dispożizzjonijiet tad- jipprekludu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-importatur fi Stat Membru ta' makkinarju ffabrikat fi Stat Membru ieħor, li jġorr l-marka 'CE' u li hu akkompanjat minn dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE", għandu jassigura li dan il-makkinarju jissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà u tas-saħħa stabbiliti minn din id-Direttiva.

2) Id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva ma jipprekludux l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq l-importatur fi Stat Membru ta' makkinarju ffabrikat fi Stat Membru ieħor li:

- jiżgura qabel il-kunsinna tal-makkinarju lil min għandu jużah, li dan iġorr il-marka 'CE' u li jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-"KE" flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa jew f'waħda mil-lingwi ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni, kif ukoll mill- istruzzjonijiet flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa jew f'waħda mil-lingwi ta' dan l-Istat;

- jagħti, wara il-kunsinna tal-makkinarju lil min ser jużah, kull informazzjoni u kull koperazzjoni utli lill-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll jekk jirriżulta li dan il-makkinarju jippreżenta riskji għas-sigurtà jew għas-saħħa, bil-kundizzjoni li tali ħtiġiet ma jwasslux sabiex jissottomettu għall-importatur għall-obbligu li jivverifika hu stess il-konformità tal-makkinarju mal-ħtiġiet essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa stabbiliti minn din id-Direttiva.

3) L-Artikolu 10 KE u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprojbixxux lil Stat Membru li jirrikorri għal sanzjonijiet kriminali biex jassiguraw ir-rispett effettiv ta' l-obbligi previsti mid- , sakemm li dawn is-sanzjonijiet ikunu analogi għal dawk applikabbli għal ksur tad-dritt nazzjonali ta' natura u ta' importanza simili u li, f'kull każ, ikunu ta' karattru effettiv, proporzjonat u dissważiv.

Dwar l-ispejjeż

62. Peress illi l-proċeduri għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tiddeċiedi:

1) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37 tat-22 ta' Ġunju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-makkinarju, jipprekludu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-importatur fi Stat Membru ta' makkinarju ffabrikat fi Stat Membru ieħor, li jġorr l-marka 'CE' u li hu akkumpanjat minn dikjarazzjoni tal-konformità "KE", għandu jassigura li dan il-makkinarju jissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà u tas-saħħa stabbiliti minn din id-Direttiva.

2) Id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva ma jipprekludux l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu fuq l-importatur fi Stat Membru ta' makkinarju ffabrikat fi Stat Membru ieħor li:

- jiżgura qabel il-kunsinna tal-makkinarju lil min għandu jużah, li dan iġorr il-marka 'CE' u li jkun akkumpanjat mid-dikjarazzjoni tal-konformità "KE" flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa jew f'waħda mil-lingwi ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni, kif ukoll mill-istruzzjonijiet flimkien ma' traduzzjoni fil-lingwa jew waħda mil-lingwi ta' dan l-Istat;

- jagħti, wara l-kunsinna tal-makkinarju lil min ser jużah, kull informazzjoni u kull koperazzjoni utli lill-awtoritajiet nazzjonali ta' kontroll jekk jirriżulta li dan il-makkinarju jippreżenta riskji għas-sigurtà jew għas-saħħa, bil-kundizzjoni li tali ħtiġiet ma jwasslu sabiex jissottomettu lill-importatur għall-obbligu li jivverifika hu stess il-konformità tal-makkinarju mal-ħtiġijiet essenzjali ta' sigurtà u ta' saħħa stabbilita minn din id-Direttiva.

3) L-Artikolu 10 KE u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprojbixxux lil Stat Membru li jirrikorri għal sanzjonijiet kriminali biex jassiguraw ir-rispett effettiv ta' l-obbligi previsti mid- , sakemm li dawn is-sanzjonijiet ikunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta' natura u ta' importanza simili u li, f'kull każ, ikunu ta' karattru effettiv, proporzjonat u dissważiv.

Top