Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0003

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-16 ta' Marzu 2006.
    Poseidon Chartering BV vs Marianne Zeeschip VOF et..
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank Utrecht - l-Olanda.
    Direttiva 86/653/KEE- Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom - Kunċett ta' aġent kummerċjali - Konklużjoni u prorogazzjonijiet ta' kuntratt wieħed matul ħafna snin.
    Kawża C-3/04.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:176

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    tas-16 ta' Marzu 2006 (*)

    "Direttiva 86/653/KEE– Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Kunċett ta' aġent kummerċjali – Konklużjoni u prorogazzjonijiet ta' kuntratt wieħed matul ħafna snin"

    Fil-kawża C-3/04,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank Utrecht (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Diċembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta' Jannar 2004, fil-kawża

    Poseidon Chartering BV

    vs

    Marianne Zeeschip VOF,

    Albert Mooij,

    Sjoerdtje Sijswerda,

    Gerrit Schram,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –       għal Poseidon Chartering BV, minn H. Boonk, advocaat,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk u W. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' April 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 1(2), 7(1) u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU L 382, p.17, iktar 'il quddiem id-"direttiva").

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża li tressqet minn Poseidon Chartering BV (iktar 'il quddiem "Poseidon") kontra l-kumpannija Marianne Zeeschip VOF, kif ukoll kontra s-Sur Mooij, is-Sur Schram u s-Sinjura Sijswerda (iktar 'il quddiem, flimkien, "Marianne Zeeschip") għall-ħlas ta' danni, ta' kummissjonijiet mhux imħallsa kif ukoll ta' indennizz wara rexissjoni ta' kuntratt.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jipprovdi li "l-aġent kummerċjali għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-"prinċipal", jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal".

    4       Għal dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni ta' l-aġent, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi:

    "1. Aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal k[u]mmissjoni fuq operazzjonijiet kummerċjali konklużi tul il-per[i]jodu kopert bil-kuntratt ta' l-aġenzija:

    a)      meta l-operazzjoni tkun ġiet konkluża bħala riżultat ta' l-azzjoni tieghu;

    jew

    b)      meta l-operazzjoni tkun konkluża ma’ parti terza li jkun qabel akkwista bħala klijent għall-operazzjonijiet ta’ l-istess tip."

    5       Rigward il-konsegwenzi finanzjarji tat-tmiem tal-kuntratt għall-aġent, l-Artikolu 17 tad-Direttiva jipprovdi:

    "1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta' l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

    2.      a)     L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li

    –       ikun [kiseb] klijenti [...] ġodda [għall-prinċipal] jew ikun żied b'mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma' klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa' jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma' dawn il-klijenti,

    u

    –       il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun [ġust, meta jitqiesu] ċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-k[u]mmissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew xort oħra ta’ klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta’ l-Artikolu 20;

    b)      L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda kkalkolat mir-remunerazzjoni annwali medja ta’ aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennnizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-per[i]jodu inkwistjoni;

    c)      Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għandhiex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex għad-danni.

    […]"

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6       Id-Direttiva kienet ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz ta' l-Artikoli 428 sa 445 tal-Kodoċi Ċivili (Burgerlijk Wetboek). Dawn l-Artikoli huma, essenzjalment, l-istess bħad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-fatt li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva jindika li din ta' l-aħħar tapplika għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-"bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija", filwaqt li d-dispożizzjonijiet Olandiżi japplikaw ukoll għall-operazzjonijiet li jikkonċernaw il-provvista ta' servizzi. B'hekk, l-Artikolu 7:428(1) tal-Kodiċi Ċivili, li jittrasponi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, jipprovdi:

    "Il-kuntratt ta' aġenzija huwa kuntratt li permezz tiegħu waħda mill-partijiet – imsejħa prinċipal – tqabbad lill-parti l-oħra – imsejħa aġent kummerċjali – sabiex isservi ta' intermedjarju, għal perijodu speċifikat jew mhux speċifikat u b'remunerazzjoni, fin-negozjar ta' kuntratti, li hija tista' eventwalment tikkonkludi għan-nom ta' u f'isem il-prinċipal, mingħajr ma tkun subordinata għal dan ta' l-aħħar."

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7       Mid-digriet ta' rinviju, jirriżulta li Poseidon aġġixxiet bħala intermedjarja fil-kuntest ta' kuntratt ta' noleġġ ta' vapur, konluż bejn Marianne Zeeschip u l-kumpannija Maritramp. Dan il-kuntratt kien jiġi pprorogat kull sena mill-1994 sa l-2000. Matul dan il-perijodu, Poseidon hemżet, b'mod partikolari, ir-riżultat tan-negozjati annwali bejn il-partijiet fuq il-prorogazzjoni tan-noleġġ, f'appendiċi ta' l-imsemmi kuntratt. Mill-1994 sa l-2000, Poseidon irċerviet kummissjoni ta' 2.5 % tal-prezz tan-noleġġ.

    8       Wara r-rexissjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn Marianne Zeeschip u Poseidon, din ta' l-aħħar talbet mingħand Marianne Zeeschip id-danni għall-ksur tat-terminu ta' avviż għar-rexissjoni tal-kuntratt, il-ħlas tas-somma ta' 14 229.89 EUR għal kummissjonijiet mhux imħallsa, kif ukoll is-somma ta' 14 471.29 EUR bħala indennizz għal telf ta' klijentela.

    9       Marianne Zeeschip irrifjutat il-ħlas, minħabba li Poseidon ma tistax tkun deskritta bħala aġent kummerċjali peress li hija nnegozjat kuntratt wieħed biss. Kuntratt ta' aġenzija kummerċjali huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-aġent jaġġixxi fil-kuntest ta' diversi kuntratti.

    10     F'dawn iċ-ċirkustanzi r-Rechtbank Utrecht, li quddiemha dehret il-kawża prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    "1)      Jista' jiġi kkunsidrat bħala aġent kummerċjali fis-sens tad-Direttiva 86/653 […], intermedjarju, li jaħdem għal rasu u li jkun intervjena fil-konklużjoni ta' kuntratt (in-noleġġ ta' vapur) wieħed (u mhux ta' ħafna kuntratti), ipprorogat minn sena għal sena wara negozjati li jkunu saru (matul il-perijodu kollu bejn l-1994 u l-2000, minbarra fl-1999) bejn il-proprjetarju tal-vapur u terz u li r-riżultat tagħhom ikun tniżżel f'appendiċi mill-intermedjarju?

    2)      F'każ li hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk dan huwiex kuntratt ta' aġenzija, it-tweġiba għall-ewwel domanda tista' tkun affettwata mill-ħlas, matul diversi snin, ta' remunerazzjoni (kummissjoni) ta' 2.5 % tal-prezz tan-noleġġ u/jew mill-fatt li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jirreferi għal 'operazzjoni ... konkluża' u għall-eżistenza ta' dritt għal kummissjoni "meta l-operazzjoni tkun konkluża ma’ parti terza li [l-intermedjarju] jkun qabel akkwista bħala klijent għall-operazzjonijiet ta’ l-istess tip"?

    3)      Ir-risposta għall-ewwel domanda hija affettwata mill-fatt li l-Artikolu 17 tad-Direttiva jirreferi għal "klijenti" fil-plural u mhux fis-singular?"

     Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    11     Permezz ta' ittra tat-2 ta' Settembru 2004, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja ġibed l-attenzjoni tal-qorti tar-rinviju għall-fatt li d-Direttiva tapplika biss, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha, għall-intermedjarji li jaħdmu għal rashom u li jkollhom l-awtorità li jinnegozjaw kuntratti ta’ merkanzija u mhux għall-intermedjarji li jaħdmu għal rashom u li jkollhom l-awtorità li jinnegozjaw kuntratti ta' servizzi (ara d-digriet tas-6 ta' Marzu 2003, Abbey Life Assurance, C‑449/01, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra). Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja staqsa lill-imsemmija qorti jekk hija kinitx ser iżżomm, f'dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda tagħha għal deċiżjoni preliminari.

    12     Fir-risposta tagħha, il-qorti tar-rinviju kkonfermat iż-żamma tad-domanda tagħha. Rigward dan, hija spjegat li, meta ttraspona d-Direttiva fi dritt nazzjonali, il-leġislatur Olandiż estenda l-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "aġent kummerċjali" għall-kuntratti ta' servizzi. Ir-Rechtbank enfasizzat li hija talbet, b'mod partikolari, l-interpretazzjoni ta' ċerti kunċetti li jinsabu fid-Direttiva, bħat-termini "li jkollu awtorità kontinwa" użati fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva u bħall-kunċett ta' "indennizz għal telf ta' klijenti" previst fl-Artikolu 17 ta' din l-istess Direttiva. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni Olandiża fuq il-kuntratt ta' aġenzija, li hija bbażata fuq id-Direttiva, tagħti definizzjoni iktar wiesgħa ta' dan il-kuntratt minn dik tad-Direttiva ma jfissirx li, għall-interpretazzjoni ta' ċerti kunċetti li joħorġu mid-Direttiva, huwa neċessarju li l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju tkun tirreferi għall-kunċett iktar ristett ta' aġent kummerċjali/kuntratt ta' aġenzija.

    13     F'dawn iċ-ċirkustanzi, Poseidon u l-Kummissjoni talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb id-domandi mressqa.

    14     Rigward dan, għandu jiġi osservat, b'mod preliminari, li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista' taqta' l-kawża kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċaħda min-naħa ta' din ta' l-aħħar ta' domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher, b'mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandhiex konnessjoni mar-realtà jew l-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-kwistjoni hija ġenerali jew ipotetika (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punti 59 sa 61; tas-27 ta' Novembru 1997, Somalfruit u Camar, C-369/95, Ġabra p. I-6619, punti 40 sa 41; tat-13 ta' Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 20; tas-7 ta' Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, Ġabra p. I-1, punt 88 u tas-7 ta' Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, Ġabra p.I-4983, punt 34).

    15     Konsegwentament, peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tiddeċiedi. Fil-fatt, la jirriżulta mit-termini ta' l-Artikolu 234 KE u lanqas mill-għan tal-proċedura stabbilita minn dan l-Artikolu li l-awturi tat-Trattat kellhom l-intenzjoni jeskludu mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjoni Komunitarja fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta' Stat Membru jirreferi għall-kontenut ta' din id-dispożizzjoni sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta' dan l-Istat (sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, Giloy, C‑130/95, Ġabra p. I-4291, punt 21, u tal-11 ta' Jannar 2001, Kofisa Italia, C‑1/99, Ġabra p. I-207, punt 21).

    16     Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta għal sitwazzjonijiet purament interni, l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt Komunitarju sabiex, b'mod partikolari, tiġi evitata d-diskriminazzjoni jew distorsjoni eventwali ta' kompetizzjoni, jeżisti ċertament interess Komunitarju li, sabiex jiġu evitati d-diverġenzi futuri ta' interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt Komunitarju jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentament miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw (ara, sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, Leur‑Bloem, C‑28/95, Ġabra p.4161, punt 32; Giloy, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28 u Kofisa Italia, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32).

    17     F'dan il-każ, għalkemm id-domandi jirrigwardaw kuntratt konluż ma' intermedjarju li għandu l-awtorità jinnegozja kuntratt ta' servizzi u mhux kuntratt ta' bejgħ jew xiri ta’ merkanzija u għalkemm id-Direttiva għaldqastant ma tistax tirregola direttament is-sitwazzjoni in kwistjoni, jibqa’ l-fatt li, waqt it-traspożizzjoni fid-dritt intern tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-leġiżlatur nazzjonali ddeċieda li japplika trattament identiku għal dawn iż-żewġ tipi ta' sitwazzjonijiet.

    18     Barra minn hekk, m'hemm xejn fil-proċess li jindika li l-qorti tar-rinviju għandha l-fakultà li ma timxix ma' l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

    19     F'tali sitwazzjoni u kif issuġġerixxa l-Avukat Ġenerali fil-punt 13 sa 16 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domandi magħmula għandhom jiġu mwieġba.

     Fuq id-domandi preliminari

    20     Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk intermedjarju li jaħdem għal rasu, li għandu l-awtorità li jikkonkludi kuntratt wieħed ta' noleġġ ta' vapur, li minn dak iż-żmien ġie pprorogat għal ħafna snin, jaqax taħt il-kunċett ta' aġent kummerċjali fis-sens tad-Direttiva.

    21     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu li l-fatt li hemm involut kuntratt wieħed biss mhuwiex deċiżiv meta l-intermedjarju jeżerċita l-attività tiegħu b'mod permanenti. F'dan il-każ, fid-dawl tat-tiġdid tal-kuntratt matul ħafna snin, in-natura permanenti ta' l-attività ta' l-intermedjarja m'għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nieqsa.

    22     Il-Kummissjoni ssemmi wkoll li, fil-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-aġenti kummerċjali (li jaħdmu għal rashom), li hija ppreżentat fis-17 ta' Diċembru 1976 (ĠU 1977, C 13, p.2), id-definizzjoni ta' l-aġent kummerċjali mogħtija fl-Artikolu 2 ta' din il-proposta kienet tinkludi espressament "numru indeterminat" [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta' operazzjonijiet kummerċjali, kundizzjoni li ma ġietx inkluża fil-verżjoni finali ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

    23     Il-Kummissjoni żżid li l-Artikolu 3 ta' l-istess proposta kien jipprovdi li d-Direttiva ma tapplikax "għall-intermedjarji li huma inkarigati biss biex jikkonkludu jew jinnegozjaw operazzjoni waħda jew diversi operazzjonijiet speċifiċi f'isem mandatarju". Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tidhirx fil-verżjoni finali tad-Direttiva, li jfisser li r-restrizzjoni proposta ma ġietx inkluża deliberatament mill-leġiżlatur Komunitarju.

    24     Rigward dan, għandu jiġi mfakkar li kuntratt ta' aġenzija kummerċjali huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, karatterizzat b'mod partikolari mill-fatt li l-aġent, definit bħala intermedjarju li jaħdem għal rasu, ġie mogħti mandat permanenti mill-prinċipal biex jinnegozja. Dan il-kunċett joħroġ minn diversi dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva, b'mod partikolari mill-Artikoli 3 u 4 dwar il-ħtiġiet ta' lealtà u ta' bona fidi bejn il-partijiet fil-kuntratt, mill-Artikoli 6 et seq, dwar ir-remunerazzjoni ta' l-aġent matul il-perijodu tar-relazzjonijiet kuntrattwali, kif ukoll mill-Artikoli 17 et seq, dwar id-drittijiet ta' l-aġent wara t-tmiem ta’ kuntratt.

    25     In-numru ta' operazzjonijiet konklużi bejn l-intermedjarju għal jew għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal huwa ġeneralment indikazzjoni ta' din il-permanenza. Kif osservat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva juża t-terminu klijent fil-plural. Mandankollu, kif enfassizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, in-numru ta' operazzjonijiet mhuwiex l-uniku fattur determinanti sabiex tiġi evalwata n-natura permanenti ta' mandat mogħti mill-prinċipal lill-intermedjarju.

    26     Meta intermedjarju jkun ingħata l-awtorità li jikkonkludi, għal jew għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal, kuntratt wieħed, li minn dak iż-żmien ikun ġie pprorogat matul ħafna snin, il-kundizzjoni ta' permanenza imposta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva teħtieġ li dan l-intermedjarju jkun ingħata l-awtorità, b'mod permamenti, mill-prinċipal li jinnegozja l-prorogazzjonijiet suċċessivi ta' dan il-kuntratt, sakemm ma jkunux jeżistu fatturi oħra ta' natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta' mandat permanenti għan-negozjar. Il-qorti nazzjonali għandha tipproċedi għall-konstatazzjonijiet neċessarji f'dan ir-rigward. Is-sempliċi fatt li l-intermedjarju jkun żamm relazzjonijiet mal-prinċipal matul il-perijodu kuntrattwali kollu huwa, waħdu, insuffiċjenti sabiex juri l-eżistenza ta' tali mandat.

    27     Għalhekk, it-tweġiba għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta intermedjarju, li jaħdem għal rasu, ikun ingħata l-awtorità li jikkonkludi kuntratt wieħed, li wara jkun ġie pprorogat matul ħafna snin, il-kundizzjoni ta' permanenza stabbilita f'din id-dispożizzjoni teħtieġ li dan l-intermedjarju jkun ingħata l-awtorità mill-prinċipal li jinnegozja l-prorogazzjonijiet suċċessivi ta' dan il-kuntratt.

     Fuq l-ispejjeż

    28     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta intermedjarju, li jaħdem għal rasu, ikun ingħata l-awtorità li jikkonkludi kuntratt wieħed, li wara jkun ġie pprorogat matul ħafna snin, il-kundizzjoni ta' permanenza stabbilita f'din id-dispożizzjoni teħtieġ li dan l-intermedjarju jkun ingħata l-awtorità mill-prinċipal li jinnegozja l-prorogazzjonijiet suċċessivi ta' dan il-kuntratt.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top