EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CC0490

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Ruiz-Jarabo Colomer - 14 ta' Diċembru 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu - Ammissibbiltà - Artikolu 49 CE- Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Kollokament ta’ ħaddiema - Restrizzjonijiet - Kontribuzzjoni fil-fond nazzjonali ta’ vaganzi mħallsa - Traduzzjoni ta’ dokumenti - Dikjarazzjoni dwar il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema kollokati.
Kawża C-490/04.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-06095

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:778

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

D. DÁMASO RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fl-14 ta’ Diċembru 2006 1(1)

Kawża C-490/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Amissibbilità – Kriterji għall-verifika tal-konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt Komunitarju – Tul ta’ żmien ta’ proċedura prekontenzjuża – Ċarezza tar-rikors – Qbil bejn l-opinjoni motivata u r-rikors – Obbligu ta’ impriżi li jikkollokaw ħaddiema lejn il-Ġermanja li jikkontribwixxu għall-fond tal-vaganzi, li jittraduċu d-dokumenti u li jindikaw l-impjiegi suċċessivi”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 226 KE, qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha mill-Artikolu 49 KE, billi titlob lil dawk il-kumpaniji li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jikkollokaw ħaddiema tagħhom lejn it-territorju Ġermaniż jikkontribwixxu għall-fond nazzjonali tal-vaganzi, ħlief jekk diġà jkunu qed jikkontribwixxu għal “entità simili”, u li jipprovdu t-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti, kif ukoll billi timponi l-obbligu fuq l-impriżi barranin li jipprovdu xogħol temporanju li jinnnotifikaw kull offerta ta’ xogħol tal-persuna involuta u kull impjieg mogħti.

2.        Minkejja dan, qabel ma jitqies jekk id-dritt Komunitarju jipprojbixxix dawn l-obbligi, irid jiġi mfisser il-kriterju li għandu jintuża biex jiġu evalwati dawn l-obbligi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/71/KE tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi(2).

3.        Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali qed teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba nuqqas ta’ ċarezza u qbil ma’ l-opinjoni motivata, kif ukoll minħabba t-tul ta’ żmien li ħadu l-proċeduri amministrattivi.

II – Il-kuntest legali

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1.      It-Trattat KE

4.        Skond l-Artikolu 49(1) KE, “ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

2.      Id-Direttiva 96/71

5.        Meta, fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fundamentali, jiċċaqilqu ħaddiema b’mod temporanju lejn it-territorju ta’ pajjiż ieħor(3), il-koeżistenza ta’ sistemi legali differenti tista’ toħloq ċerti problemi speċifiċi(4). Id-Direttiva 96/71, li tipprova toħloq “klima ta’ kompetizzjoni ġusta” b’ “miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet” ta’ l-impjegati (il-ħames premessa), tinkwadra ruħha f’dan il-kuntest(5).

6.        L-Artikolu 1(1) jillimita l-applikazzjoni tiegħu għal dawk l-impriżi li għandhom sede fi Stat Membru li, sabiex jipprodu servizz fuq bażi transnazzjonali, jibagħtu ħaddiema fi Stat Membru ieħor permezz ta’ wieħed mill-metodi msemmija fit-tielet paragrafu, jiġifieri, meta dan il-kollokament ta’ ħaddiema: a) jsir permezz ta’ kuntratt bejn il-kumpanija li tibgħat il-ħaddiema u min ikun ser jirċievi s-servizz; b) ikun indirizzat lil ċentru jew impriża li tkun tifforma parti mill-grupp; jew ċ) permezz ta’ aġenzija ta’ impjiegi temporanji, b’ċessjoni favur klijent li jkun jopera fi Stat Membru distint minn dak taċ-ċessjonarju.

7.        Wara li jipprovdi l-kunċett ta’ “ħaddiem li jiċċaqlaq minn pajjiżu” (Artikolu 2) u jistabbilixxi numru ta’ regoli minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg (Artikolu 3), l-Artikolu 4 jirregola l-“kooperazzjoni dwar l-informazzjoni”:

“1.      l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu kollaborazzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma responsabbli għall-monitoraġġ tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 3. Kooperazzjoni simili għandha b’mod partikulari tikkonsisti fi tweġiba għal talbiet raġjonevoli minn dawk l-awtoritajiet għal informazzjoni dwar il-prestazzjoni transnazzjonali ta’ ħaddiema, inklużi abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta’ attivitajiet transnazzjonali illegali.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jeżaminaw kull diffikultà li tista’ tinqala’ fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(10).

L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha tingħata bla ħlas.

3. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jagħmel l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg msemmija fl-Artikolu 3 ġeneralment disponibbli.

4. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni ta’ l-uffiċji ta’ kollaborazzjoni u/jew korpi kompetenti msemmija fil-paragrafu 1”.

8.        Iktar ’il quddiem, id-Direttiva tobbliga l-Istati Membri jipprevedu pieni xierqa għall-ksur tar-regoli (Artikolu 5), jiddeterminaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati (Artikolu 6) u, l-Artikolu 7 indika t-terminu li fih trid tiġi trasposta, billi jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta’ Diċembru 1999. Għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom.

[…]”

9.        L-Artikolu 8 jirregola r-reviżjoni mill-Kummissjoni(6) u l-Artikolu 9 jidentifika lill-Istati Membri bħala d-destinatarji tad-Direttiva.

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

10.      Fil-qasam taċ-ċaqlieq tal-ħaddiema, fil-Ġermanja hemm fis-seħħ l-Arbeitnehmer-Entsendegesetz (il-liġi dwar il-kollokament tal-ħaddiema, iktar ’il quddiem l-“AentG”), tas-26 ta’ Frar 1996(7) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu ta’ l-1996.

11.      L-Artikolu 1(1) huwa applikabbli, taħt ċerti kundizzjonijiet, għar-relazzjoni ġuridika li torbot ma’ min iħaddem li jkun jinsab f’pajjiż ieħor u mal-ħaddiema tiegħu, l-effetti tal-ftehim kollettivi b’saħħa legali ġenerali fis-settur tal-kostruzzjoni li jirregolaw il-paga minima, it-tul tal-vaganzi ta’ mistrieħ u l-vaganzi mħallsa. Skond il-paragrafu 3, iridu wkoll jiġu osservati l-ftehim dwar il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għall-għoti ta’ vaganzi mħallsa, ħlief meta l-ħaddiem jidħol f’“entità simili” ta’ l-Istat minn fejn toriġina l-impriża.

12.      L-Artikolu 2 fih mekkaniżmi ta’ “verifika”, bħall-paragrafu 3, li bis-saħħa tiegħu persuna li tħaddem li ma tkun barranija għandha jkollha, fil-lingwa Ġermaniża, id-dokumenti li juru l-osservanza ma’ l-obbligi ta’ l-Artikolu 1: il-kuntratt, il-grad, id-dettalji kollha tal-ħinijiet tax-xogħol kif ukoll tal-paga.

13.      L-Artikolu 3(2) iwissi lill-kumpaniji barranin li jipprovdu xogħol temporanju sabiex jiddepożitaw, qabel ma jibda kull xogħol, dikjarazzjoni bil-Ġermaniż li jkun fiha: l-isem, il-kunjom u d-data tat-twelid ta’ l-impjegati li jitqegħdu għad-dispożizzjoni: il-bidu u t-tmiem tal-mument li dawn ikunu għad-dispożizzjoni; il-post tax-xogħol; post fil-Ġermanja fejn ikunu jinsabu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2); mandatarju f’dan il-pajjiż; l-isem u l-indirizz ta’ l-entità li tirċievi s-servizzi tal-ħaddiema. Fil-kuntratt ta’ bejn il-kumpannija ta’ impjieg temporanju u dik li tirċievi s-servizzi tista’ tiddaħħal klawżola ta’ bdil ta’ post tax-xogħol għandu jiġi kkomunikat lill-impriża utenti.

III – Il-proċess ta’ qabel il-kawża

14.      Il-Kummissjoni, wara li rċeviet diversi lmenti dwar l-AEntG, bagħtet ittra formali lill-Ġermanja fit-12 ta’ Novembru 1998, li ġiet segwita b’ittra oħra tas-17 ta’ Awissu 1999, għal liema ittra, l-Istat Membru kien irrisponda fit-8 ta’ Marzu, fl-5 ta’ Mejju u fil-25 ta’ Ottubru 1999.

15.      L-ispjegazzjonijiet ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni li, fil-25 ta’ Lulju 2001, ħarġet opinjoni motivata, li fiha talbet li jittieħdu passi preċiżi sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni fi żmien xahrejn minn meta ġiet trażmessa l-opinjoni

16.      Il-Ġvern Ġermaniż irrisponda b’osservazzjonijiet fl-1 ta’ Ottubru 2001, fit-3 ta’ Frar 2003 u fl-4 ta’ Diċembru 2003; fit-23 ta’ Jannar 2004 ħabbar l-emenda fl- AEntG bis-saħħa tad-Drittes Gesetz für moderne Dienstleistungen am Arbeitsmarkt, tat-23 ta’ Diċembru 2003 (it-tielet liġi dwar il-provvista ta’ servizzi moderni fis-suq tax-xogħol(8)).

17.      Billi qieset li dawn l-emendi indirizzaw biss xi wħud mill-kunflitti bejn l-AEntG u d-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni ressqet dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u bdiet proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2004 huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE billi a) l-impriżi barranin kellhom jikkontribwixxu għall-fond tal-vaganzi Ġermaniż, inkluż jekk il-ħaddiema in kwistjoni kienu jibbenefikaw minn protezzjoni simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn ikun stabbilit min iħaddimhom (Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG); b) li l-impriżi barranin jittraduċu fil-Ġermaniż (Artikolu 2 ta’ l-AEntG) il-kuntratt ta’ l-impjieg, il-karti tas-salarji, id-dokumenti li juru l-ħinijiet tax-xogħol u l-ħlas tas-salarji, kif ukoll kull dokument ieħor mitlub mill-awtoritajiet Ġermaniżi; u ċ) li l-impriżi barranin ta’ impjieg temporanju għandhom jiddikjaraw t-trasferiment ta’ ħaddiem lil impriża utilizzatriċi fil-Ġermanja imma wkoll kull impijeg li jingħatalu (Artikolu 3(2), AEntG)(9)”. Il-Kummissjoni titlob ukoll li l-Istat konvenut jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż.

19.      Ir-risposta, ippreżentata fl-14 ta’ Frar 2005, tallega li r-rikors huwa inammissibbli u mingħajr bażi.

20.      Fid-29 ta’ Marzu 2005 saret ir-replika, u l-kontroreplika saret fis-17 ta’ Mejju.

21.      B’digriet tas-7 ta’ Ġunju 2005, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza l-intervent ta’ Franza li ressqet l-osservazzjonijiet tagħha fit-22 ta’ Settembru 2002 in sostenn tat-tieni motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ġermanja ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan l-intervent fit-28 ta’ Novembru 2005 u fis-27 ta’ Ottubru 2005 rispettivament.

22.      Fis-seduta li nżammet fit-8 ta’ Novembru 2006, dehru r-rapreżentanti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kummissjoni.

V –    L-inammissibilità tar-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

23.      Għall-Gvern konvenut, id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tad-Direttiva 96/71, u ta’ l-Artikolu 49 KE, u dan iressaq għalhekk il-kwistjoni dwar l-ammisibbiltà tat-talbiet elenkati fir-rikors tal-Kummissjoni (A). Apparti minn hekk, il-Gvern konvenut ressaq tlett ilmenti proċedurali li jistgħu jwasslu għall-inammissibbiltà totali jew parzjali tar-rikors; dawn huma t-tul ta’ żmien tal-proċedura prekontenzjuża (B), in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors (C) u l-emenda fit-tielet motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (D).

A –    Il-kriterju ta’ eżami

24.      Id-Direttiva 96/71 ma kinitx ġiet adottata fil-bidu tal-proċedura amministrattiva, iżda t-terminu ta’ żmien mogħti għall-inkorporazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali kien skada meta kienet inħarġet l-opinjoni motivata. Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza fuq din is-sekwenza ta’ żmien sabiex tiġi eżaminata l-AEntG fid-dawl tad-Direttiva 97/71, u mhux fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE li huwa applikabbli biss jekk, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, l-Istati jmorru lil hinn mill-marġini ta’ evalwazzjoni li huma għandhom.

25.      Il-Kummissjoni ma pprovdietx risposta ċara għal din il-għan u bosta drabi tikkuntradixxi lilha nfisha; per eżempju, fil-punt 1 tar-rikors tispjega illi l-verifika tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju hija bbażata fuq l-Artikolu 49, filwaqt li, erba’ linji aktar ‘l isfel, hija tagħmel referenza għal dan l-Artikolu u għad-Direttiva 96/71. Matul is-seduta, minkejja mistoqsija waħda f’dan is-sens, l-aġent tagħha ma setax ikun ċar f’dan ir-rigward.

26.      Dan id-dibattitu jitlob li ssir riflessjoni dwar il-leġiżlazzjoni Komunitarja li għaliha għandha ssir referenza u għar-riperkukssjonijiet ta’ għażla mhux korretta. F’dan is-sens, jekk id-diverġenza msemmija iktar ’il fuq hija evidenti, il-kundizzjoni ġuridika essenjali hija nieqsa u r-rikors mhuwiex fondat; l-istess japplika jekk il-ksur ta’ regola ta’ dritt sekondarja, mhux promulgata fil-mument tal-fatti, kienet allegata; minbarra dawn l-ipoteżi, hemm lok li nidħlu fil-fond ta’ din il-kawża, billi tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

27.      F’dawn il-proċeduri, mhemmx lok li jiġi miċħud ir-rikors in limine litis, iżda huwa xieraq, sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ssir referenza għat-Trattat u mhux għad-Direttiva 97/71, li ma jimplementax b’mod eżawrjenti l-kontenut ta’ l-Artikolu 49 KE, peress illi, minn naħa waħda, it-tlettax-il premessa tad-Direttiva jesprimu l-intenzjoni li d-Direttiva tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri sabiex tipprovdi nukleu ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima li għandhom jiġu osservati, fil-pajjiż ospitati, mill-persuni li jħaddmu li jikkollokaw ħaddiema(10); u min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali diskrezzjoni kbira, bil-kundizzjoni li huma jirrispettaw id-drittijiet fundamentali(11).

28.      Għalhekk, il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istat dwar il-provvista ta’ xogħol transnazzjonali jistgħu jiksru d-dritt primarju kif ukoll id-dritt sekondarju. Jekk dawn huma kontra d-Direttiva, l-applikazzjoni tat-Trattat mhijex tiġi kkunsidrata, minkejja li din kienet il-font ta’ ispirazzjoni, u kull ksur tad-Direttiva jimplika, wara kollox, dak tat-Trattat. Madankollu, jekk dawn jiksru direttament it-Trattat, billi ma jikkunsidrawx id-Direttiva li timplementa, l-unika referenza possibbli hija dik tat-Trattat stess.

29.      Għaldaqstant, it-test ta’ referenza msemmi fir-rikors huwa validu, minħabba li l-allegazzjonijiet ifformulati jmorru lil hinn mid-Direttiva 96/71; b’hekk ma tagħmilx differenza li l-opinjoni motivata kienet ħarġet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien ta’ traspożizzjoni, iżda d-Direttiva tista’ ssir rilevanti fl-oqsma marbuta ma xulxin jew in kwantu regola ta’ interpretazzjoni.

B –    It-tul ta’ żmien tal-proċedura prekontenzjuża

30.      Skond il-Ġermanja, kien skada ż-żmien li l-Kummissjoni setgħet tressaq dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni li, peress illi, l-proċedura nbdiet fis-sena 1998 u r-rikors tressaq fit-23 ta’ Novembru 2004, il-prinċipji ta’ aspettativi leġittimi u ta’ ċertezza legali kienu ġew miksura; minbarra dan, fl-2001 il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat il-kompatibbiltà ta’ l-AEntG mad-dritt Komunitarju.

31.      Il-Kummissjoni rribattiet li l-konvenuta stess kienet tagħtiha x’temmen li l-emendi leġiżlattivi li kienu ppjanati kienu ser iwasslu li jitneħħew il-ksur.

32.      Minkejja li l-fażi amminisrattiva tar-rikors skond l-Artikolu 226 KE kien ġiet pprolongat għal aktar minn sitt snin, hemm diversi argumenti li jiċħdu l-pożizzjoni tal-Ġermanja.

33.      Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza ssostni li d-dewmien esaġerat ta’ din il-fażi amministrattiva jwassal għall-inammissibilità biss jekk l-aġir tal-Kummissjoni jżid id-diffikultà li tirribatti l-argumenti tagħha u tikkawża ħsara lid-drittjiet tad-difiża; f’każ simili, huwa obbligu ta’ l-Istat Membru li “jressaq il-provi li juru diffikultà bħal din”(12). F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż ma weriex it-telf ta’ possibbiltà ta’ difiża.

34.      Fit-tieni lok, il-proċedura dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq verifika oġġettiva ta’ ksur tat-Trattat jew tad-dritt sekondarju(13); l-ammissjoni ta’ l-argument ibbażat fuq l-aspettativi leġittimi jwassal sabiex jiġġustifika l-ksur ta’ metodu li m’għandux x’jaqsam ma’ l-għan ta’ l-Artikolu 226 KE(14). L-istess japplika fil-każ taċ-ċertezza legali(15). L-individwi, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni li tissospendi l-eżekuzzjoni tar-regoli kkontestati, għandhom jirrispettawhom, ukoll matul l-eżami tal-kawża.

35.      Fit-tielet lok, għalkemm il-konformità ta’ l-AEntG mas-sistema legali ta’ l-Unjoni kienet is-suġġett tas-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et(16) , ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções(17), tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolf & Müller, (18) u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja(19), dawn il-kawżi jirrigwardaw aspetti distinti minn dawk issollevati minn dan ir-rikors, minkejja ċerti konnessjonijiet:

–        is-sentenza f’Finalarte et torbot b’mod importanti ma’ waħda mill-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; fil-fatt, kien ġie deċiż ukoll fuq is-sistema Ġermaniża tal-fond tal-vaganzi mħallsa, billi ddikjarat li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, hija kompatibbli mat-Trattat, bil-kundizzjoni li ż-żewġ kundizzjonijiet jiġu sodisfatti(20). Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex preżenti;

–        is-sentenza Portugaia Construções ittrattat il-ħlasijiet minimi lill-ħaddiema kollokati;

–        bl-istess mod, is-sentenza Wolf & Müller tikkonċerna s-salarji u, b’mod konkret l-obbligu li dawn jitħallsu, skond l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5 tad-Direttiva 6/71 fid-dawl ta’ l-Artikolu 49 KE;

–        fl-aħħar nett, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, wara l-preżentazzjoni tar-rikors, ikkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligu msemmi fl-Artikolu 3 tad-Directiva 96/71, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ elementi li jikkonċernaw is-salarju.

36.      Fir-raba lok, wara li kienet inħarġet l-opinjoni motivata fl-2001, il-liġi Ġermaniża ġiet emendata fit-tmiem is-sena 2003, minn fejn jirriżulta li ebda akkuża ma tista’ ssir lil-Kummissjoni talli analizzat il-bdil li sar qabel l-introduzzjoni tar-rikors tagħha f’Novembru 2004.

37.      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jiċħdu l-argumenti mressqa mill-Ġermanja sabiex tevalwa n-natura raġonevoli tat-termni ta’ żmien li, bħala ma tindika l-Kummissjoni, japplikaw għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni(21) u għall-proċeduri korrispondenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza(22).

C –    Il-preċiżjoni tar-rikors

38.      Il-Gvern Ġermaniż jinvoka wkoll l-inammisibblità tar-rikors minħabba nuqqas ta’ preċiżjoni, għar-raġuni li ċ-ċirkustanzi legali huma esposti fih b’mod astratt, mingħajr ebda kollokament konkret tal-ħaddiem, li juri l-inkompatibbiltà ta’ l-AEntG ma’ l-Artikolu 49 KE.

39.      Il-Kummissjoni ssostni ċ-ċarezza tat-talbiet tagħha u twiegħġeb li l-kawża m’għandhiex bħala origini la t-talba ta’ ħaddiem jew ta’ impriża, la l-prassi ġudizzjarji jew amministrattivi, iżda n-nuqqas ta’ konformità tas-sistema legal nazzjonali mad-dritt Komunitarju.

40.      L-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja(23) jitlob li r-rikors ikun jinkludi “is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa”. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi li jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-kontroll tagħha, b’mod li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw “b’mod koerenti u li jistgħu jinftehmu fir-rikors stess(24)”.

41.      F’din il-kawża, ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq huma sodisfatti. Il-Kummissjoni fasslet ir-rikors f’erba’ partijiet: l-ewwel waħda, li tirrigwarda l-fatti u l-proċedura prekontenzjuża, tirrelata l-istadji proċedurali u tidentifika l-ħames punti ta’ nuqqas ta’ qbil imsemmija fl-opinjoni motivata; it-tieni tispeċifika d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti; it-tielet, li fiha l-evalwazzjoni ġuridika, tibda b’avviż preliminari fuq ir-riforma tal-liġi nazzjonali, sabiex sussegwentement tikkumenta kull motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, filwaqt li tirrifjuta l-osservazzjonijiet ifformulati matul il-fażi amministrattiva; ir-raba’ żżid it-talbiet, skond il-bqija tad-dokument, filwaqt li tħabbar separatament l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 29 KE mill-Artikoli 1(3), (2) u (3)(2) ta’ l-AEntG.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja taf sew dawn l-allegazzjonijiet u l-bażi tagħhom, bħala ma taf l-Istat konvenuta li ċaħdithom, iżda m’għandhiex issir konfużjoni bejn id-deskrizzjoni ta’ l-argumenti fattwali u legali mal-veriċità u l-korrettezza tagħhom.

43.      Il-provi meħtieġa huma ta’ natura partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa dderivat mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda mhux meta huwa bbażat fuq il-kontenut tagħha; minħabba dan il-fatt, hija l-ewwel ipoteżi biss li tinneċessita dimostrazzjoni dokumentata u ddetalljata tal-prattika akkużata(25).

44.      Għalhekk, f’din il-kawża, mhemmx lok li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma.

D –    L-emenda ta’ l-ewwel motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

45.      Il-Ġermanja ressqet eċċezzjoni ta’ proċedura oħra kontra l-ewwel motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi allegat li l-ilment li jinsab fl-opinjoni motivata ma jikkoinċidix, skond hija, mal-kontenut tagħha fir-rikors. Il-Kummissjoni tiċħad din il-modifika, peress li d-differenzi jirrigwardaw preċiżjoni magħmula b’relazzjoni mal-fażi amministrattiva.

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss iddikjarat li l-proċedura amministrattiva prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE tillimita s-suġġett ta’ rikors li sar abbażi ta’ dan l-Artikolu, b’mod li r-rikors huwa bbażat fuq l-istess motivi u allegazzjonijiet bħall-opinjoni motivata(26) anki fin-nuqqas ta’ konkordanza preċiża bejn dawn iż-żewġ ilmenti tar-rikors, il-parti operattiva ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, b’mod li l-kawża ma tiġix estiża jew modifikata (27).

47.      Biex jiġi determinat kwalunkwe diverġenza u l-portata tagħha, hemm lok li jiġu mqabbla d-dokument amministrattivi u dawk ġudizzjarji:

–        l-opinjoni motivata teżamina l-“obbligu ta’ kontribuzzjoni lill-fond tal-vaganzi Ġermaniż” u tikkonkludi li dan jikser l-Artikolu 49 KE billi jimponi din il-kontribuzzjoni lill-impriżi barranin li jridu jkomplu jħallsu direttament il-vaganzi lill-impjegati tagħhom fl-Istat fejn ikunu stabbiliti.

–        ir-rikors fih l-istess affarijiet, iżda jżid li l-ksur allegat jikkonsisti fl-obbligu li l-impriżi barranin għandhom li jħallsu lill-fond Ġermaniż, anki jekk il-ħaddiema diġà jkunu jgawdu protezzjoni ekwivalenti skond il-liġi ta’ l-Istat fejn ikun stabbilit min iħaddimhom. Ir-rikors fih dan l-aspett ta’ l-opinjoni motivata, iżda jżid li l-ksur jirriżulta mill-obbligu ta’ l-impriżi barranin li jħallsu kontribuzzjonijiet lil entità Ġermaniża, għalkemm il-ħaddiema jibbenefikaw minn protezzjoni ekwivalenti u konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn ikun stabbilit min iħaddem.

48.      Ix-xebh bejn iż-żewġ dokumenti juri ċerti differenzi bejniethom, iżda ma jsostnix l-argument dwar id-differenzi tal-motivi dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; it-termini li fihom il-kwistjoni hija diskussa, li ma jinbidlux fiż-żewġ testi, juru li, għall-Kummissjoni, l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG jġiegħel lill-impriżi li ma jagħmlux kontribuzzjoni lil entità simili għall-fond Ġermaniż li jagħmlu aktar minn ħlas wieħed, fi flus jew b’oġġetti.

49.      Il-kwistjoni hija – kif sostniet ukoll il-konvenuta – dwar jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniza toħloqx imposta ekonomika doppja għall-operatur li jikkolloka ħaddiema fil-kuntest ta’ servizz transnazzjonali. Id-differenzi żgħar ta’ dan il-motiv jikkompletawh mingħajr ma jibdluh u mingħajr ma jikkawżaw ħsara għad-dritt tad-difiża.

50.      Barra minn hekk, jiena nfakkar raġuni addizzjonali għaliex qed nagħmel il-preċiżazzjonijiet in kwistjoni, li huma li s-sentenza Finalarte et. ġiet deċiża wara l-opinjoni motivata, u li hija parzjalment riprodotta fil-konklużjonijiet tar-rikors.

51.      Għaldaqstant, id-differenza formali, kif qed issostni l-Ġermanja, bejn l-opinjoni motivata u r-rikors, mhijiex biżżejjed sabiex tintlaqa’ t-talba ta’ inammissibbiltà.

VI – Analiżi tar-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

52.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, kif inhi l-opinjoni tiegħi, tiċħad l-eċċezzjonijiet dwar l-inammisibilità allegati mill-Gvern Ġermaniż, allura trid tistudja t-talbiet imressqa quddiemha.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

53.      L-obbligi imposti mill-AEntG jimponu taxxi addizzjonali għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor b’tali mod illi jagħmlu aktar diffiċli u inqas interessati l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom fil-Ġermanja, u jikkostitwixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

54.      Fil-konklużjonijiet tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (28), jiena eżaminajt il-ġurisprudenza, li ma nbidlitx, fuq dawn ir-restrizzjonijiet (punti 53 sa 60), bla ħsara għall-preċiżazzjonijiet li għandhom isiru minħabba bżonnijiet ta’ raġunament.

55.      Irrid nissottolinja wkoll illi l-provvista libera tas-servizzi hija intiża sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ professjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha fuq it-territorju tal-Komunità, billi tiċħad id-diksriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità u r-restrizzjonijiet li, filwaqt li japplikaw indistintivament lil min jipprovdi servizzi nazzjonali u lil dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra, jipprojbixxu, jimpedixxu u jagħmlu inqas interessanti l-attivitajiet ta’ dawn ta’ l-aħħar (29).

56.      Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet li jippermettu li validament jillimitaw dan il-prinċipju fundamentali huma s-segwenti: a) irid ikun hemm raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali; b) għandhom ikunu neċessarji sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ l-għan imsegwi; u c) il-miżura adottata għandha tkun proporzjonali(30).

57.      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, “il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema” tinsab fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali(31), safejn dan l-interess ma jistax jiġi salvagwardjat minn regoli li ċ-ċttadin Komunitarju huwa soġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit(32).

58.      Dawn il-premessi jistabbilixxu l-interpretazzjoni tat-tliet motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

B –    L-ewwel motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: l-obbligu li jingħataw kontribuzzjonijiet għall-fond ta’ vakanzi Ġermaniż.

1.      Il-kuntest

59.      L-ispjegazzjoni dwar il-kawża bejn l-Kummissjoni u l-Ġermanja fuq dan il-motiv jimplika li għandha nikkunsidraw il-funzjonament tal-fond ta’ vaganzi mħallsa.

60.      Kif espona l-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet tal-kawża Finalarte et, din is-sistema titlob li l-ħaddiem jirċievi, matul is-sena ta’ referenza, id-drittijiet għal vakanza li huwa jikseb mingħand diversi persuni li jkunu ħaddmuh u li huwa jitlob id-dritt għal dawn id-drittijiet kollha għand il-persuna li attwalment tkun qed tħaddmu, li tħallas kumpens relatat mal-ġranet maħduma ma’ persuni oħra. Il-fond, maħluq bil-għan ta’ tqassim ġust ta’ l-imposti finanzjarji, huwa sostnut mill-ħlas ta’ perċentwali tas-salarju gross mingħand persuni li jħaddmu persuni Ġermaniżi; min-naħa l-oħra, huma jieħdu r-rimborż totali jew parzjali tal-benefiċċji mħallsa lill-impjegati.

61.      L-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG jestendi dan l-obbligu ta’ kontribuzzjoni lil persuni li jħaddmu ta’ Stati Membri oħra li jitrasferixxu temporanjament ħaddiema fil-Ġermanja, ħlief meta dawn jħallsu kontribuzzjoni f’entità simili ta’ l-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.

62.      Din ir-regola, li skond is-sentenza Finalarte et, toħloq “periklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi” (punt 37), tista’ tkun ġusitifikabbli meta tkun neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali bħall-protezzjoni tal-ħaddiema (punt 33), u meta l-mezzi adegwati huma wżati. Ir-riflessjoni fuq dawn iż-żewġ kundizzjonijiet wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara bħala kumpatibbli mat-Trattat liġi bħala ma hija l-liġi Ġermaniża, “bil-kundizzjoni, minn-naħa, li l-ħaddiema ma jibbenefikawx minn protezzjoni essenzjalment simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ fejn min iħaddimhom huwa stabbilit, b’mod li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-ewwel Stat Membru ttihom vantaġġ reali li jikkontribwixxi, b’mod sinjifikanti, għall-protezzjoni soċjali tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tkun proporzjonata ma’ l-għan ta’ interess ġenerali imsegwi” (punt 53 u l-parti operattiva).

63.      Is-sentenza Finalarte et għalhekk, issoġġettat il-validità, fid-dritt Komunitarju, tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, għal żewġ kundizzjonijiet – protezzjoni unika u proporzjonalità – fejn l-evalwazzjoni tħalliet għall-qorti tar-rinviju. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex preżenti u tikkontesta r-restrizzjonijiet Ġermaniżi fuq l-eżenzjoni mill-kontribuzzjoni.

2.      Eżami tal-motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

64.      Il-fond tal-vaganzi huwa risposta għal diffikultà inerenti fil-provvista ta’ xogħol. Skond l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Ġermaniż, riprodotta fl-opinjoni motivata, jeżistu entitajiet simili fi Franza (Caisse Nationale de Surcompensation du Bâtiment et des Travaux Public de France), fl-Awstrija (Bauarbeiter-Urlaubs- und Abfertigungskasse), fil-Belġju (Office Nationale de Sécurité Sociale), fl-Italja (Commissione Nazionale Paritetica per le Casse Edili), u, sa ċertu punt, fl-Olanda (Stichting Vakantiefonds voor de Bouwnijverheid y Stichting Vakantiefonds voor de Landbouw)(33).

65.      L-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG turi l-effikaċità sħiħa tagħha meta mqabbla ma’ dawn l-entitajiet, minħabba li tevita lil min iħaddem li jħallas kontribuzzjoni doppja u b’hekk tirriżulta ekwilibrata. Almenu fit-teorija, minħabba li, fil-prattika, hemm lok li jiġi evalwat jekk l-entitajiet li jirċievu l-kontribuzzjonijiet humiex “simili” mal-fond Ġermaniż; f’dan ir-rigward, il-ftehim bilaterali indikati, qabel kollox, fir-risposta jistgħu jikkontribwixxu għal din l-evalwazzjoni.

66.      Madankollu, il-fondi tal-vaganzi mhumiex l-unika soluzzjoni mogħtija għall-problema; fil-fatt, xi Stati Membri ma jirrikonoxxux dawn l-entitajiet, bħal per eżempju r-Renju Unit, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Portugal u f’ċerti każijiet, l-Olanda. Skond l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, hemm sitwazzjonijiet fejn il-protezzjoni tal-ħaddiem mhijiex ibbażata fuq kontribuzzjonijiet, iżda fuq teħid ta’ responsabbiltà diretta ta’ min iħaddem ta’ l-obbligi fil-qasam ta’ vaganzi.

67.      Mhuwiex obbligu ta’ dan ir-rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li janalizza r-rimedji possibbli u li jevalwa dik li fiha l-aktar vantaġġi, perss li din tiddependi mis-sitwazzjoni ta’ kull pajjiż u minn elementi oħra ta’ natura diversa, li mhumiex dejjem legali – ir-rikors stess jiċħad din id-diskussjoni tas-sistema Ġermaniża. Għandu jiġi kkonstatat li bosta possibbiltajiet huma possibbli(34).

68.      Is-sistema Ġermaniża tagħżel biss waħda, mingħajr ma tagħti każ ta’ l-oħrajn. Ma tgħid xejn fuq il-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema meta min iħaddem jieħu ħsieb, fuq il-lok ta’ stabbiliment tiegħu stess, l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-vaganzi mħallsa, indipendentement mill-post fejn ikunu seħħew; f’dan ir-rigward, ma tistax tiġi aċċettata l-ispjegazzjoni ta’ l-aġent Ġermaniż fis-seduta, jiġifieri li l-impriżi tal-pajjiżi li m’għandhomx fond ta’ vaganzi huma eżenti minn kontribuzzjoni, minħabba li d-dispożizzjoni nazzjonali tipprovdi l-kuntrarju. B’hekk, din il-leġiżlazzjoni tidher insuffiċjenti u ftit jimporta l-mod kif hija applikata; hija tieħu in kunsiderazzjoni biss il-kontribuzzjoni għal fond simili ma’ dak ta’ fond nazzjonali, billi timponi taxxa addizzjonali inġustifikata lil min iħaddem fin-nuqqas ta’ fond simili fl-Istat fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi s-servizzi, mingħajr ma ssaħħaħ id-drittjiet tal-persunal li jkun intbagħat f’pajjiż ieħor, li jkun diġà protett fil-pajjiż ta’ oriġini(35).

69.      Il-Gvern Ġermaniż jiġġustifika din id-dispożizzjoni billi jallega li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG hija soġġetta għall-evalwazzjoni preliminari tal-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod li hija tiġi kkunsidrata biss meta nuqqas jiġi osservat, skond il-ftehim bilaterali li jkunu ġew konklużi u s-sentenza ta’ l-20 ta’ Lulju 2004 tal-Bundesarbeitsgericht.

70.      Jiena ma naqbilx ma din il-ġustifikazzjoni. Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-protezzjoni tal-ħaddiema timplika evalwazzjoni preliminari sabiex jiġu identifikati r-regoli l-aktar vantaġġużi ma timpedixxix li dawn jiġu ppreċiżati ulterjorment. Il-paragun tas-sistemi fuq il-perijodi massimi ta’ xogħol u ta’ mistrieħ, tad-dewmien minimu tal-vaganzi mħallsa, is-salarju minimu u l-miżuri ta’ siġurtà u ta’ iġjene jippermettu li din tiġi deċiża favur tagħha(36).

71.      L-argument tal-Ġermanja jissopponi li jekk il-leġiżlazzjoni tagħha toffri lil ħaddiem Komunitarju li jintbagħat f’pajjiż ieħor perspettivi aħjar fil-qasam ta’ vaganzi mħallsa – mhux biss dwar id-dewmien tagħhom -, din tirregola s-sisema kollha ta’ dawn il-vaganzi, b’mod li min iħaddem iħallas il-kontribuzzjonijiet, ħlief meta jitħallsu kontribuzzjonijiet lil “entità simili” mingħajr ma jkun hemm kunsiderazzjonijiet oħra, li jkun ifisser riskju ta’ ħlas doppju.

72.      Madankollu, minn naħa, il-fatt li jiġi previst rikonoxximent reċiproku fil-ftehim bilaterali, jissoġġetta l-konformità mad-dritt Komunitarju tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni għall-eżistenza u għall-kontenut ta’ dawn il-ftehim; billi ssir referenza għal “entitajiet”, direzzjonijiet oħra mhumiex ikkunsidrati, bħall-ipoteżi fejn dawn l-entitajiet ma jeżistux fi Stat.

73.      Min-naħa l-oħra, il-Bundesarbeitsgericht ittrasponiet fil-qasam in kwistjoni l-prinċipju tal-“liġi l-aktar favorevoli” sabiex tevita inkompatibbiltà li, bħala fatt, hija tippreżupponi, peress illi l-Artikolu mhux dejjem irrikjeda interpetazzjoni ġuridika. Din hija l-ipoteżi kuntrarja għal dik tas-sentenza tad-9 ta’ Dicembru 2003, Il-Kummissjoni vs. l-Italja(37), li ddeċidiet dwar in-newtralità tal-liġi nazzjonali u pperċepiet diverġenza mal-mod kif hija kienet interpretata u applikata mill-amministrazzjoni kif ukoll min settur sinjifikattiv ta’ l-organi ġuridiċi, inkluża l-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni. F’dan il-każ, il-Kummissjoni takkuża lill-Ġermanja bin-nuqqas ta’ adegwatezza mas-sistema legali Komunitarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkunsidrata oġġettivament, indipendentement mill-mod kif hija pprattikata. L-eżami litterali tar-regoli invokati huwa biżżejjed biex jistabbilixxi n-nuqqas akkużat.

74.      B’riżultat ta’ dan, inqis li l-Artikolu 1(3) ta’ l-AEntG, jikser l-Artikolu 49 KE.

C –    It-tieni motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi: l-obbligu li jiġu tradotti dokumenti

1.      Il-kuntest

75.      Jirriżulta mill-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG li, meta ħaddiema jiġu kkollokati fil-Ġermanja, ċerti dokumenti għandhom jiġu tradotti fil-lingwa ta’ dan il-pajjiż, bħall-kuntratt tax-xogħol, il-karti tas-salarji kif ukoll dokumenti li juru l-ħinijiet tax-xogħol u l-ħlas tas-salarji.

76.      Il-Kummissjoni ssostni li tali obbligu jikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata fuq il-provvista libera ta’ servizzi, għar-raġuni li, skond is-sentenza Arblade et, l-obbligu li jiġu kkonservati d-dokumenti fl-Istat Membru ospitanti ma jistax jiġi fondat fuq il-funzjoni ta’ kontroll li għandhom l-awtoritajiet, u l-istess japplika għall-obbligu li jiġu tradotti d-dokumenti. Minbarra dan, hija tikkwalifika d-dispożizzjoni nazzjonali bħala eċċessiva u disproporzjonata, peress illi l-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 tneħħi kull interess biex issir traduzzjoni.

77.      Għall-Ġermanja u Franza din ir-restrizzjoni hija leċita minħabba li hija tippermetti li ssir verifika tar-rispett tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol li tassigura l-protezzjoni tal-ħaddiema. Is-sentenza invokata mill-Kummissjoni m’għandhiex tiġi kkunsidrata barra mill-kuntest tagħha, b’kunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni li jirrestrinġi l-miżura kontroversja f’dan il-każ; fil-fatt, minħabba n-numru mnaqqas ta’ dokumenti affettwati, il-qosor tagħhom u n-natura repettitva tagħhom, hija tirriżulta bħala proporzjonata, ma toħloqx imposti amministrattivi u finanzjarji iebsa. Minbarra dan, is-sistema ta’ kollaborazzjoni stabbilita mid-Direttiva 96/71 teżisti mas-sistema nazzjonali, minħabba li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri m’għandhomx pussess tad-dokumenti u ma jistgħux jibagħtuhom lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

2.      Eżami tal-motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

78.      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li ftehim jeżisti bejn il-partijiet fuq il-fatt li t-traduzzjoni evokata tikkostitwixxi restrizzjoni għall-provvista libera ta’ servizzi; id-diverġenza ta’ opinjoni tagħhom tinsab fil-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ din ir-restrizzjoni. Din il-polemika tinneċessita li tiġi studjata s-sentenza Arblade et (a), kif ukoll il-metodi ta’ assistenza reċiproka stabbiliti mid-Direttiva 96/71 (b), sabiex tiġi proposta soluzzjoni fl-interessi tal-protezzjoni tal-ħaddiema (c).

a)      Is-sentenza Arblade et

79.      Din is-sentenza rrispondiet għal domandi preliminari mressqa mit-Tribunal correctionnel (Qorti kriminali ta’ l-Ewwel Istanza) ta’ Huy (Il-Belġju) dwar “il-metodi ta’ kif isiru u jinżammu d-dokumenti msemmija fil-liġijiet soċjali” (punti 71 sa 79). Fost l-aspetti ttrattati kien hemm l-obbligu ta’ min iħaddem stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex iżommu għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat ospitanti, fuq il-post tax-xogħol jew f’post aċċessibli u identifikat b’mod ċar fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, ċerti dokumenti aċċessibbli mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar pajjiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-obbligu kien iġġustifikat (punt 74) u li, fir-rigward f’dak li għandu x’jaqsam mal-proporzjonalità, huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li tidentifika liema dokumenti għandhom ikunu s-suġġett ta’ tali obbligu (punt 75).

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll in-neċessità li jinżammu d-dokumenti disponibbli u li jiġu kkonservati għal ħames snin fir-residenza ta’ persuna fiżika fl-Istat Membru ospitanti. Kif jiena ssuġġerejt fil-punt 86 tal-konklużjoniijet tiegħi ppreżentati f’din il-kawża, il- Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi “tali obbligi m’għandhom l-ebda ġustifikazzjoni” (punti 77 u 78) u żiedet illi “s-sistema organizzata ta’ kooperazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 tirrendi kważi superfluwa l-konservazzjoni tad-dokumenti fl-Istat Membru ospitanti, wara li min iħaddem ikun waqaf milli jimpjega ħaddiema f’dak l-Istat” (punt 79).

b)      Il-kooperazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva Nru 96/71

81.      Qabel xejn għandu jiġi mfakkar illi d-Direttiva 96/71 mhijiex kriterju ta’ eżami, f’dan il-każ, tal-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE; hija tikkonċerna biss il-verifika tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-provvista libera ta’ servizzi minħabba l-obbligu li jiġu tradotti fil-Ġermaniż ċerti dokumenti ta’ xogħol.

82.      L-Artikolu 4 jfassal żewġ tipi ta’ kooperazzjoni fl-ambitu ta’ l-informazzjoni, msemmija fil-premess numru tlieta u għoxrin (bejn l-Istati Membri) u erbgħa u għoxrin (bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni). Dan l-Artikolu juri li l-kollaborazzjoni stabbilita:

–        għandha bħala l-għan tagħha l-applikazzjoni tad-Direttiva;

–        isseħħ bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-monitoraġġ ta’ l-impjieg;

–        tikkonsisti li tipprovdi informazzjoni fuq prestazzjoni transnazzjonali ta’ ħaddiema u fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol imsemmija fl-Artikolu 3;

–        titħaddem permezz ta’ ċentri ta’ kollegament jew kuntatt jew awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li jikkomunikaw bejniethom reċiprokament.

c)      Is-soluzzjoni proposta

83.      Is-sentenza Arblade et ittrattat il-konservazzjoni tad-dokumenti filwaqt li fil-każ preżenti l-enfasi jinsab fuq il-lingwa li bija huma miktuba. Din id-differenza ma tippermettix li tittieħed il-pożizzjoni adottata f’din is-sentenza, li ma tieħux in kunsiderazzjoni l-lingwa.

84.      B’din il-premessa, jidher ċar illi, jekk dokument ma jkunx miktub bil-Ġermaniż, l-ispetturi jkollhom diffikultà fi-qadi ta’ dmirijiethom peress illi, kif indika l-aġent tal-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, ma jkollhomx aċċess dirett għall-informazzjoni. Il-kitba ta’ dokument fil-lingwa tal-pajjiż fejn ikun qed jingħata s-servizz jiffaċilita r-reviżjoni u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħaddiema(38). Ir-rekwiżit tat-tradizzjoni għaldaqstant huwa ġġustifikat.

85.      Barra minn hekk, din hija proporzjonali u adegwata, peress illi l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill-għoti tat-traduzzjoni lill-Istat huma akbar minn dawk li jinħoqlu mill-għoti tagħhom lil min iħaddem. Fil-fatt, fl-ewwel każ, l-amministrazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi mezzi sabiex tagħmel traduzzjonijiet minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, li jista’ jwassal għal dewmien li jkun ta’ ħsara għad-drittjiet tal-ħaddiema(39) u għal attivitajiet ta’ ispezzjoni li huma dipendenti fuq il-għarfien lingwistiku ta’ l-uffiċjali. Fit-tieni każ, it-traduzzjoni ma timplikax piż li huwa sproporzjonali, safejn din tikkonċerna tliet dokumenti, repetittivi ħafna, li, normalment huma ta’ daqs ekwivalenti fil-lingwi kollha, li jużaw formuli ta’ ċerta tip u li mhumiex wisq twal(40); kif sostna l-aġent Ġermaniż matul is-seduta, traduzzjoni privata hija suffiċjenti.

86.      Bla dubju, hemm diversi alternattivi oħrajn, bħall-produzzjoni ta’ dokumenti multilingwi(41). Għall-mument iżda, ma ġie approvat l-ebda strument leġiżlattiv f’dan is-sens(42). Tali nuqqas, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt preċedenti, ma jistax jiġi kumpensat billi jiġi impost l-obbligu ta’ traduzzjoni fuq l-Istat li jirċievi l-ħaddiema.

87.      Madankollu, il-mekkaniżmi ta’ kollaborazzjoni tad-Direttiva 96/71 jirriżultaw insuffiċjenti sabiex jissostitwixxu l-obbligu ta’ traduzzjoni bl-istess garanzija ta’ effiċjenza(43). L-għan tagħhom u tal-persuni responsabbli huwa differenti, kompatibbli iżda ma jeskludux wieħed ma’ l-ieħor. Naqbel ma’ l-idea tal-Ġermanja u ta’ Franza li l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ xogħol mhumiex fil-pożizzjoni li jitrażmettu d-dokumenti bit-traduzzjoni tagħhom, minħabba li dawn mhumiex fil-pussess tagħhom(44).

88.      Min-naħa l-oħra, jiena ma naqbilx mal-Kummissjoni meta hija tikkontesta l-ġeneralità ta’ l-obbligu ta’ traduzzjoni, fejn hija tammetti l-utilità biss f’każijiet konkreti, peress illi a) il-fatt li ma tipprovdix dokumenti fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti jelimina fil-prattika l-kontrolli preventivi u għal għarrieda; b) joħloq inċertezza legali akbar għal min iħaddem; u ċ) joħloq dewmien fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema.

89.      Fil-qosor, l-Artikolu 2(3) ta’ l-AEntG huwa konformi ma’ l-Artikolu 49 KE.

D –    It-tielet motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: l-obbligu li jiġi indikat il-post tax-xogħol

1.      Il-kuntest

90.      L-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG jimponi fuq l-impriżi barranin ta’ xogħol temporanju li jagħmlu dikjarazzjoni dwar il-persunal kollokat qabel ma jibdew xi xogħol kif ukoll notifika tal-bidliet tal-postijiet ta’ impjieg, għalkemm dan l-obbligu jista’ bi ftehim jiġi mgħoddi lil min jimpjega lill-ħaddiem.

91.      Il-Kummissjoni tissottolinja li l-impriżi ta’ xogħol temporanju Ġermaniżi huma eżentati minn tali notifikazzjonijiet u li, konsegwentement, il-fornitura ta’ servizzi transnazzjonali tirriżulta aktar diffiċli. Il-Kummissjoni tqis illi l-ebda raġuni ma tiġġustifika d-differenza fit-trattament u lanqas ma titneħħa bil-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ l-obbligju lejn l-impriża utenti l-obbligu li tiddikjara l-bdil tal-post tax-xogħol.

92.      Il-Gvern Ġermaniż jiddefendi l-kompatibilità ta’ din il-liġi mad-Direttiva 96/71, li tippermetti li jadotta dispożizzjonijiet partikolari għall-impriżi ta’ xogħol temporanju, u ma’ l-Artikolu 49, a bażi tal-fatt illi din il-liġi tiffavorixxi kontrolli effettivi u ttejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema mingħajr ma timponi spejjeż eċċessivi. Il-Gvern Ġermaniż jirrileva wkoll riforma leġiżlattiva li qed tiġi ppreparata intiża sabiex l-obbligu jkun dejjem fuq il-persuna li tħaddem.

2.      Eżami tal-motiv dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

93.      Minkejja l-affermazzjonijiet ta’ l-aġent Ġermaniż matul is-seduta, id-diskussjoni ma tirrigwardax l-obbligu ta’ notifikazzjoni tal-postijiet tax-xogħol okkupati, iżda fuq il-persuna li hija responsabbli dawarhom; madankollu, l-Artikolu 3(2) ta’ l-AEntG japplika biss għal entitajiet li jipprovdu servizzi Komunitarji li ma jkunux stabbiliti fil-Ġermanja, li joħloq nuqqas ta’ ugwaljanza bejn dawn u dawk l-entitajiet li jinsabu f’dan il-pajjiż.

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet bosta drabi li leġiżlazzjoni li tagħti lil kumpanniji li jipprovdu servizzi li huma residenti fi Stat Mebru ieħor trattament inqas favorevoli minn dawk li jinsabu fuq it-territorju nazzjonali, tikkawża diskriminazzjoni bbażata fuq l-istabbiliment ta’ min jipprovdi s-servizzi jew fuq l-oriġini ta’ l-attività, u b’hekk mhijiex kompatibbli mat-Trattat ħlief jekk hija tirrileva eċċezzjoni espressament ifformulata fit-test tiegħu, bħal fil-każ ta’ dik imsemmija fl-Artikolu 46(1) KE(45).

95.      Għaldaqstant, restrizzjonijiet jistgħu jkunu ġġustifikati biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, saħħa pubblika jew sigurtà pubblika, iżda mhux minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali, ta’ oriġini ġuridika, bħall-protezzjoni tal-ħaddiema, intiżi sabiex jilleġittimaw miżuri indistintivament applikabbli(46).

96.      L-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż sabiex jinżammu d-differenzi ta’ trattament ma jaqgħux la taħt l-ordni pubbliku, la taħt s-saħħa pubblika u lanqas taħt is-sigurtà pubblika. Dan ma jipprevjenix, kif fissirt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Arblade et, “li parti tajba mir-regoli li jikkostitwixxu d-dritt soċjali fl-Istati Membri għandhom in-natura ta’ regoli ta’ ordni pubblika”, li għandhom japplikaw “għal kull min jinsab fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru in kwistjoni” (punt 85), li mhuwiex il-każ tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni. Il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” fil-kuntest Komunitarju, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal eċċezzjoni għall-provvista libera ta’ servizzi, għandu jiġi interpretat b’mod ristrett(47); dan għandu jiġi invokat quddiem theddida reali u gravi li jikkomprometti interess fundamentali tas-soċjetà(48), li mhuwiex il-każ hawnhekk.

97.      Fl-aħħar nett, il-fakultà li tiġi trasferita r-responsabbiltà in kwistjoni fuq impriża li timpjega ħaddiem fil-Ġermanja ma tiġġustifikax nuqqas ta’ ugwaljanza, peress illi din mhijiex sempliċi possibbiltà. Jekk ir-responsabbiltà tan-notifika taqa’ fuq din l-impriża, il-limitazzjoni, li mhijiex approprjata, tisparixxi peress li, kif jirrikonoxxi l-Gvern Ġermaniż, min iħaddem għandu “informazzjoni aktar reċenti u aktar preċiża” fuq il-kollokament (49). Sadanittant, wieħed jikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 49 KE minħabba li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit skond is-sitwazzjoin ta’ l-Istati Membru fl-iskadenza tat-terminu ta’ żmien iffissat fl-opinjoin motivata, mingħajr ma bdil sussegwenti jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja(50).

VII – Korollarju

98.      Jiena niddeduċi minn dak kollu li ntqal li għandhom jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tar-rikors ifformulati mill-Ġvern Ġermaniż; għal dak li jikkonċerna l-motivi dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-Artikoli 1(3) u 3(2) ta’ l-AentG jiksru l-Artikolu 49 KE, iżda l-Artikolu 2(3) tal-liġi Ġermaniża huwa konformi ma’ dan l-Artikolu tat-Trattat.

VIII – Spejjeż

99.      L-Artikolu 69(2) tar-Regolament ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew akter tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

100. Peress li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ġermanja talbu li l-parti l-oħra tbati l-ispejjeż, u peress li jiena nipproponi li jintlaqgħu tnejn mit-tliet motivi tar-rikors, il-Ġermanja għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż u l-Kummissjoni, fir-rigward tagħha, għandha tbati terz ta’ dawk tal-Ġermanja.

101. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 69(4) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istat Membru intervenjenti fil-kawża għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

IX – Konklużjoni

102. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE, meta talbet lill-impriżi, stabbiliti fi Stat Membru ieħor li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi, jikkollokaw ħaddiema fit-territorju Ġermaniż, li jikkontribwixxu għal fond ta’ vaganzi Ġermaniżi, anki meta l-ħaddiema jibbenefikaw minn protezzjoni simili skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn huma stabbiliti; u meta imponiet fuq l-impriżi ta’ xogħol temporanju li jinsabu fuq Stat Membru ieħor l-obbligu li jinnotifikaw kull kollokament ta’ ħaddiem lil impriża li timpjegah fil-Ġermanja kif ukoll kull post ta’ xogħol li huwa mogħti lilu;

2)         tiċħad ir-rikors għal bqija;

3)         tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni;

4)         tordna lill-Kummisjsoni tbati terz ta’ l-ispejjeż tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

5)         tordna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – ĠU L 1997, L 18, p. 1.


3 – Skond G.Palao Moreno, “Il-Liġi 45/1999, tad-29 ta’ Novembru dwar iċ-ċaqliq tal-ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transnazzjonali. Kien pass ġdid fil-konsolidazzjoni tas-suq tax-xogħol integrat fl-Ewropa.”, Gaceta Jurídica de la Unión Europea y de la Competencia, Lulju-Awwissu, 2000, Nru. 208, p.46, il-mobbiltà hija mhux biss konsegwenza oħra ta’ l-integrazzjoni Ewropea, iżda eżiġenza sostanzjali tas-sistema.


4 – García Ninet, J.I., u Vicente Palacio, A., “Il-Liġi 45/1999, tad-29 ta’ Novembru, dwar iċ-ċaqliq (temporanju u mhux permanenti) ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi transnazzjonali”, Revista del Ministerio de Trabajo y Asuntos Sociales, Nru. 27, 2000, p. 14.


5 – Fid-duttrina, il-kunċett fundamentali huwa li jiġi evitat li pajjiżi inqas żviluppati fir-rikonoxximent tad-drittijiet tal-ħaddiema u bi spejjeż aktar baxxi jkunu jistgħu jiksbu vantaġġi fuq oħrajn li fihom l-ispejjeż tal-ħaddiema huma aktar għolja minħabba l-protezzjoni mogħtija. (De Vicente Pachés, F., “Desplazamiento temporal de trabajadores para la ejecución de un contrato en otro Estado miembro. Comentario a la Sentencia del Tribunal de Justicia de las Comunidades Europeas (Pleno), de 23 de noviembre de 1999”, Revista del Ministerio de Trabajo y Asuntos Sociales Nru. 27, 2000, p. 240); f’dan is-sens, J.P. u Fotinopulou Basurko, O., “Breve comentario de la Ley 45/1999 sobre desplazamiento de trabajadores en el marco de una prestación de servicios transnacional, que incorpora al ordenamiento jurídico español la Directiva 96/71/CE” Relaciones Laborales, nru. 9, 2000, p. 10, isostnu li d-Direttiva hija “aktar ekonomika milli soċjali”.


6 – Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni msejħa “L-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71 KE fl-Istati Membri”, tal-25 ta’ Lulju 2003 [COM(2003) 458 finali], tgħid li, għall-mument, jidher inevitabbli li ssir emenda fid-Direttiva, iżda d-diffikultajiet huma aktar prattiċi milli legali (p. 19).


7 – BGBl. 1996 I, p. 227.


8 – BGBl I, p. 2848.


9 – Il-Kummisjsoni tirrinunzja għal żewġ ilmenti fformulati matul il-fażi preliminari għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu rrispettati sabiex tibbaża fuq il-kwalità ta’ impriża ta’ kostruzzjoni (punti 24 sa 26 tar-rikors) u għall-multi (punt 64), peress illi d-diskriminazzjonijiet fuq il-bażi tan-nazzjonalità tneħħew bl-emendi ta’ l-2003.


10 – Naqbel ma’ l-Avukat Ġenerali Léger fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tal-konklużjonijiet dwar il-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija, (C‑168/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), meta rrikonoxxa li “d-Direttiva 96/71 ma titlob ebda proċess speċifiku sabiex isir it-trasferiment ta’ ħaddiema fil-kuntest ta’ prestazzjoni transnazzjonali ta’ servizzi […]; iżda tillimita ruħha essenzjalment li tiggarantixxi [...] lill-ħaddiema li jintbagħtu f’dan il-kuntest, l-applikazzjoni b’vantaġġ għalihom ta’ ċerti regoli, fis-seħħ fl-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu ssir din il-prestazzjoni, f’dak li jikkonċerna ċerti kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg. Min-naħa l-oħra, [id]-Direttiva tħalli lill-Istati Membri l-funzjoni li jassiguraw ir-rispett ta’ dawn ir-regoli […], bla ħsara li jkunu jistgħu jadottaw mezzi xierqa […] li ma jippreġudikawx id-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi”.


11 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner (C-71/02, Ġabra 2004 p. 3025, punti 33 u 34).


12 – Sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs. L-Olanda (C-96/89, Ġabra p. I-2461, punti 15 u 16); Il-Kummissjoni vs. Il-Belġju (C-207/97, Ġabra p. I-275, punti 24 u 25); tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑287/03, Ġabra I-3761, punt 14) u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-33/04, Ġabra p. I-10629, punt 76).


13 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummisjoni vs Spanja (C-71/97, Ġabra p. I-5991, punt 14); tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummisjoni vs Spanja (C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 23); u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummisjoni vs. Ir-Renju Unit (C-508/03, Ġabra p. I-3969, punt 67).


14 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-475/98, Ġabra p. I‑9797, punt 38).


15 – Is-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, iddikjarat, filwaqt li bbażat ruħha fuq ċerta ġurisprudenza, li “għalkemm il-prinċipji taċ-ċertezza legali u ta’ l-aspettativi leġittimi jeżiġu li l-irtirar ta’ att illegali għandu jsir f’terminu raġonevoli u li għandu jiġi kkunsidrat safejn il-persuna kkonċernata setgħet eventwalment ikollha fiduċja fuq il-legalità ta’ l-att, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-irtirar huwa, fil-prinċipju, permess.” (punt 68).


16 – Kawżi C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831.


17 – Kawża C-164/99, Ġabra p. I-787.


18 – Kawża C-60/03, Ġabra p. I-9553.


19 – Kawża C-341/02, Ġabra p. I-2733.


20 – Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll argumenti oħra fir-rigward ta’ vaganzi mħallsa, b’mod partikolari dwar jekk it-tul ta’ żmien previst fi Stat Membru għandux jiġi impost fuq ħaddiema li jkunu ntbagħtu f’pajjiż ieħor.


21 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij (LVM) vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P a C-252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 187); iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 tar-risposta.


22 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 29); bl-istess mod iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 tar-risposta.


23 – ĠU 1991, L 176, p. 7, u ĠU 1992, L 383, p. 117 – rettifika– emendata ulterjorment.


24 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-178/00, Ġabra p. I-303, punt 6); u tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C-199/03, Ġabra p. I‑8027, punt 50),.


25 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustijzzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummisjoni vs Il-Belġju (C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 28); u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummisjoni vs Il-Ġermanja (C-441/02, Ġabra p. I-3449, punt 49).


26 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1993, Il-Kummisjoni vs Id-Danimarka (C-234/91, Ġabra p. I‑6273, punt 16); tat-12 ta’ Jannar 1994, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-296/92, Ġabra p. I‑1, punt 11); tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 28); tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-439/99, Ġabra p. I‑305, punt 11) u ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 18).


27 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-279/94, Ġabra p. I‑4743, punti 24 u 25); tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑191/95, Ġabra p. I-5449, punt 56); tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 25); tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-52/00, Ġabra p. I-3827, punt 44); tal-11 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-139/00, Ġabra p. I-6407, punti 18 u 19); ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 37), u tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61.


28 – Kawżi C-369/96 y C-376/96, Ġabra p. I-8453. Din tittratta dwar jekk “id-dritt Komunitarju jimpedixxix li Stat Membru jobbliga lill-imprizi stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jitrasferixxi ħaddiema fit-territorju tiegħu jipprovdi provvista ta’ servizzi li tirrispetta r-regoli tad-dritt nazzjonali dwar iż-żamma u l-konservazzjoni tad-dokumenti soċjali tal-ħaddiema u r-rispett tal-kriterji minimi fil-qasam tas-salarji, dispożizzonijiet li għandhom bħala għan li jipproteġu l-ħaddiema u in sostenn tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, meta dawn l-impriżi jkunu diġà suġġetti għal obbligi identiċi jew simili fl-Istat Membru tagħhom fejn ikunu stabbiliti f’każ ta’ l-istess ħaddiema u għall-istess perijodu ta’ attività” (punt 1 tal-konklużjonijiet).


29 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 12); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C-43/93, Ġabra p. I-3803, punt 14); tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot (C‑272/94, Ġabra p. I-1905, punt 10); tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede (C‑3/95, Ġabra p. I-6511, punt 25); tad-9 ta’ Lulju 1997, Parodi (C-222/95, Ġabra p. I-3899, punt 18); Arblade et, punt 33, Finalarte et, punt 28, u Portugaia Construções, punt 16, iċċitati iktar ’il fuq.


30 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32); tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37); ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 25); tal-15 de Marzu 2001, Mazzoleni u ISA (C-165/98, Ġabra p. I-2189, punt 26); kif ukoll is-sentenzi Säger, punt 15, Guiot, punti 11 u 13, Arblade et, punt 35, Portugaia Construções, punt 19, u Wolf & Müller, punt 34. Għal P.Davis, “Posted workers Directive and EC Treaty”, Industrial Law Journal, 2002, p. 299, jekk dawn il-kriterji ta’ ġurisprudenza kienux applikati għad-Direttiva 96/71 il-parti l-kbira mill-kontenut tagħha għandu jiġi dikjarat li jikser l-Artikolu 49 KE, għaliex huwa diffiċli li hija tissodisfa l-eżiġenzi dwar il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità li huma indispensabbli biex jillimitaw din ir-regola.


31 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305, punt 19); tat-3 ta’ Frar 1982, Seco y Desquenne & Giral (62/81 u 63/81, Ġabra p. 223, punt 17); tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa (C-113/89, Ġabra p. I-1417, punt 18), kif ukoll is-sentenzi Guiot, punt 16, Arblade et, punt 36, Finalarte et, punt 33, Portugaia Construções, punt 20, u Wolf & Müller, punt 35, iċċitati iktar ’il fuq.


32 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustijzzja tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-180/89, Ġabra I-709, punt 17), u tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-198/89, Ġabra p. I-727, punt 18); Webb, punt 17, Säger, punt 15, Vander Elst, punt 16, Guiot, punt 11, Arblade et, punt 34, u Finalarte et, punt 31, iċċitati iktar ’il fuq. Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa għaldaqstant stabbilit, li jevita l-liġi tad-destinazzjoni; ara Molina Navarrete, C., u Esteban de la Rosa, G., “Mercados nacionales de trabajo, libertad comunitaria de prestación de servicios y defensa de la competencia. Comentario de la Ley 45/1999, sobre desplazamiento de trabajadores en el marco de una prestación transnacional de servicios”, Revista de Trabajo y Seguridad Social (Centro de Estudios Financieros), Nru 205, April 2000, p. 21 u 32.


33 – Ġħandha tiġi inkluża wkoll id-Danimarka (Arbejdsmerkedets Feriefond), iżda l-Kummissjoni u l-Ġermanja jsemmu dan il-pajjiż bħala eżempju sabiex isostnu l-argumenti opposti tagħhom.


34 – L-Avukat Ġenerali Mischo fil-konklużjonijiet dwar il-kawża Finalarte et isemmi diversi alternattivi, li fihom jevoka b’mod partikolari l-każ ta’ min iħaddem li jissottometti ruħu għall-fond tal-vaganzi Ġermaniż, u ma jistax jiġi eżentat, skond il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn ikun stabbilit, milli jħallas huwa stesss il-ġranet ta’ vaganzi lill-ħaddiema tiegħu li jintagħtu f’pajjiż ieħor; f’tali ċirkustanzi, il-kontribuzzjonijiet għall-fond jiżdiedu ma’ dan l-aħħar obblgu, li joħolqu “restrizzjoni kbira fuq il-provvista libera tas-servizzi, jew ostaklu insuperabbli” għall-provvista libera (punt 70).


35 – L-Avukat Ġenerali Mischo indika fil-konklużjonijiet dwar il-kawża Finalarte et, “Huwa possibli li ħaddiem jibbenefika, skond il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ orġini tiegħu, minn vantaġġi li fis-sustanza huma identiċi mingħajr l-intervent ta’ fond ta’ vaganzi” (punt 112).


36 – Madankollu, m’għandux dejjem ikun l-Istat fejn ikun sar is-servizz; is-sbatax-il premessa tad-Direttiva 96/71 tipprovdi li l-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajjiż li jilqa’ m’għandhiex timpedixxi l-applikazzjoni ta’ klawżoli u kundizzjonijiet ta’ impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.


37 – Kawża C-129/00, Ġabra p. I-14637.


38 – Għall-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni dwar “l-implementazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE”, iċċitata fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet, “fost id-diffikultajiet imqajma mill-kontroll ta’ sitwazzjonjiet ta’ kollokament ta’ ħaddiema, hemm l-ewwel nett l-ostaklu lingiwstiku” (p. 15).


39 – M’għandhiex tintesa n-natura “temporanja” tal-kollokament; jista’ jseħħ li, meta l-ksur tad-dritt jinstab u l-awtorijiet ikunu jixtiequ jirreaġixxu, il-ħaddiem ikun irritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.


40 – Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE ta’ l-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ l-impjieg (ĠU L 288, p. 32), tiffissa l-kontenut minimu ta’ l-Artikolu 2 tagħha.


41 – Il-punt 24 tar-risposta u l-punt 25 ta’ l-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż isostnu proposta f’dan is-sens. L-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem jistgħu jagħżlu mudelli Ewropej uniformi.


42 – Bħala risposta għal mistoqsija li tressqet lilu matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ddikjara li ma kellux għarfien dwar inizjattivi ta’ din in-natura, iżda l-Gvern Ġermaniż għarraf dwar l-eżistenza ta’ grupp ta’ studju mħallat kompost mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, iżda li sa’ llum ma wasalx għal ftehim.


43 – Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Direzzjonijiet dwar il-kollokament ta’ ħaddiema li jsir fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi” ta’ l-4 ta’ April 2006 [COM(2006) 159 finali], tirrikonoxxi impliċitament l-urġenza li s-sitwazzjoni titjieb fil-punt 3 tal-“Kooperazzjoni fil-qasam ta’ l-informazzjoni”.


44 – Dan huwa l-każ tal-Ġermanja, kif ammetta r-rappreżentant tagħha matul is-seduta. F’din l-ipoteżi, l-awtoritajiet għandhom jitolbu dan id-dokument mill-impriża sabiex jiksbuh.


45 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 24); tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda et (C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 11); Il-Kummissjoni v L-Olanda (C-353/89, Ġabra p. I-4069, punt 15); tas-16 ta’ Diċembru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-211/91, Ġabra p. I‑6757, punti 10 u 11); ta’ l-4 ta’ Mejju 1993, Distribuidores Cinematográficos (C-17/92, Ġabra p. I-2239, punt 16); ta’ l-14 ta’ Novembru 1995, Svensson y Gustavsson (C-484/93, Ġabra p. I-3955, punt 15); u tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 31).


46 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C-67/98, Ġabra p. I-7289, punt 29); kif ukoll is-sentenzi ċċitati Kraus, punt 32; Gebhard, punt 37; u Cura Anlagen, punt 32, iċċitati iktar ’il fuq.


47 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 18); tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra p. 1999, punt 33); tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C-348/96, Ġabra p .I-11, punt 23); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punti 64 u 65); u ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 30).


48 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219, punt 28); tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665, punt 8); ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17); Bouchereau, punt 35, u Omega, punt 30, iċċitati iktar ’il fuq..


49 – Punt 38 tar-risposta.


50 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-200/88, Ġabra p. I‑4299, punt 13); tat-2 ta’ Mejju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-133/94, Ġabra p. I-2323, punt 17); tat-30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 23); tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-63/02, Ġabra p. I-821, punt 11); u tat-13 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑333/01, Ġabra p. I-2623, punt 8).

Top