EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003TJ0320

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tal-15 ta' Settembru 2005.
Citicorp vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trademark Komunitarja - Trademark verbali LIVE RICHLY - Raġunijiet assoluti ta' rifjut - Karattru distintiv - Artikolu 7 (1) (b) tar-Regolament (KE) Nru. 40/94- Dritt li wieħed jinstema' - Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru. 40/94.
Kawża T-320/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:325

62003A0320



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża T-320/03

Citicorp, stabbilita fi New York, New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn V. von Bomhard, A. Renck A. Pohlmann, Avocats,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen, P. Bullock u A. von Mühlendahl, bħala aġenti,

konvenut

li għanda bħala suġġett talba għall-annullament ta' deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell tal-UASI tal-25 ta' Ġunju 2003 ( kawża R 82/2002-3), li tirrigwarda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trademark verbali LIVE RICHLY bħala trademark komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, J. Azizi u E. Cremona, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Fit-2 ta' Marzu 2001, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal- trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it- trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1).

2. It- trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali LIVE RICHLY.

3. Is-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni tat- trademark ġiet mitluba jaqgħu fil-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet ta' reġistrazzjoni ta' trademarks tal 15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja :

"Servizzi finanzjarji u monetarji u tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli; b'mod partikolari, servizzi bankarji; karti tal-kreditu; finanzjament u self kummerċjali u għall-konsum; senserija ta' ipoteki u ta' proprjetà immobbli; amministrazzjoni, pjanifikazzjoni u konsulenza f'dak li jirrigwarda trus t u propjetà immobbli; investimenti, pariri u assistenza f'dak li jirrigwarda l-investimenti; servizzi ta' senserija u ta' negozzjazzjoni ta' titoli li jiffaċilitaw tranżazzjonijiet finanzjarji żġuri; servizzi ta' assigurazzjoni; b'mod partikolari, sottoskrizzjoni u bejgħ ta' assigurazzjonijiet ta' proprjetà immobbli, ta' assigurazzjoni kontra l-inċidenti, ta' poloz ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta' kuntratti ta' kiri".

4. Permezz ta' l-ittra tat-3 ta' Lulju 2001, l-eżaminatriċi rrilevat in-nuqqas ta' karattru distintiv għar-reġistrazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY. Ir-rikorrenti kkuntestat il-pożizzjoni ta' l-eżaminatriċi u talbitha tilqa' it-talba tagħha għar-reġistrazzjoni fl-ittra tagħha tat-8 ta' Awwissu 2001. permezz tad-deċiżjoni ta' l-4 ta' Diċembru 2001 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi") l-eżaminatriċi kkonfermat iċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY.

5. Fit-22 ta' Jannar, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-UASI, skond l-Artikoli 57 u 62 tar-Regolament Nru. 40/94, kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi.

6. Permezz tad-deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-tielet Bord ta' l-Appell ċaħad dan ir-rikors u bhekk ikkonferma d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi li ċaħdet l-applikazzjoni. Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fis-sustanza, li t- trademark LIVE RICHLY ma tissodisfax l-eżiġenzi ta' l-Artikolu 7 (1) (b) tar-Regolament Nru. 40/94, peress li din tkun perċepita mill-pubbliku nteressat bħala sempliċi formula ta' eloġju u mhux bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni .

Proċedura u konklużjonijiet tal-partijiet

7. Fil-15 ta' Settembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94. Wara li ġew ippreżentati s-sottomissjonijiet ta' difiża, fejn din ta' l-aħħar indikat li t- trademark LIVE RICHLY kienet ġiet aċċettata mill-eżaminatriċi għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, ir-rikorrenti talbet, skond l-Artikolu 135 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sabiex tkun tista' tippreżenta replika. Permezz tad-deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla, tad-19 ta' Frar 2004, ir-rikorrenti ġiet awtorizzata tissottometti r-replika.

8. Fuq ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tagħmel mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u li tiftaħ il-proċedura orali. Il-partijiet irrispondew għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu preskritt.

9. It-trattazzjoni verbali u r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza ġew mismugħa matul is-seduta tad-9 ta' Diċembru 2004. F'din l-okkażjoni, il-konvenut ikkonferma li t- trademark LIVE RICHLY setgħet tiġi rreġistrata għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Wara din il-konferma, ir-rikorrenti ammettiet li dawn is-servizzi ma kienux għadhom inklużi fis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li kien jillimita ruħu, fis-sustanza, għas-servizzi finanzjarji u monetarji. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ddikjarat li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2004, l-UASI vs Erpo Möbelwerk (C-4/02 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hi ma kinitx għadha tallega li hemm bżonn li jiġi ppruvat li t- trademark komunitarja kienet tintuża b'mod ġenerali sabiex tkun nieqsa minn karattru distintiv. Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet kienu ġew miżjuda mal-proċess verbal tas-seduta.

10. Ir-rikorrenti talbet sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa:

- tannulla d-deċiżjoni kkontestata ;

- tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

11. Il-Konvenut talab sabiex jekk l-Qorti tal-Prim'Istanza joġobgħa:

- tiċħad ir-rikors;

- tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbilità ta' ċerti provi ppreżentati mir-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

12. Sabiex issostni l-argumenti tagħha fuq il-karattru distintiv tas-sinjal LIVE RICHLY, ir-rikorrenti ppreżentat kopji ta' dokumenti meħudin mid- database tat- trademarks u ta' siti ta' l-Internet sabiex tkun tista' turi li hi kienet l-unika waħda li tuża dan is-sinjal għas-servizzi in kwistjoni.

13. Il-konvenut isostni li dawn id-dokumenti mhumiex ammissibbli peress li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs l-UASI (Xibka tal-karozzi) T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18].

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

14. Għandu jiġi mfakkar li rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tkun ikkontrollata l-validità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell tal-UASI skond l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94 u li, fil-proċeduri ta' annulament, il-legalità ta' l-att ikkontestat trid tiġi kkunsidrata fuq il-bażi ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt li kienu jeżistu fid-data ta' meta ttieħed l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Frar 1979, Franza vs il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 1996, Altmann et. vs il-Kummissjoni, T-177/94 u T-377/94, Ġabra p.II-2041, punt 119). F'dan il-mument, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma hijix dik li terġa teżamina ċ-ċirkostanzi ta' fatt fid-dawl tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiema. Għalhekk, il-provi mressqa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma humiex ammissibbli (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Xibka tal-karozzi, punt 13 iktar 'il fuq, punt 18).

15. Fil-każ in eżami, jidher, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li d-dokumenti ġodda li hi tinvoka in sostenn ta' l-użu esklussiv tat- trademark LIVE RICHLY ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Għaldaqstant, dawn id-dokumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

16. Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod effettwata bl-argumenti li r-rikorrenti ressqet fis-seduta li jgħidu li, l-ewwelnett, id-dokumenti mressqa ma jagħmlu xejn ħlief li jsaħħu l-elementi mmresqa qabel u, it-tieni nett, dawn l-elementi kellhom jiġu eżaminati ex ufficio mill-UASI u, it-tielet nett, dawn l-elementi ma jbiddlux is-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 14 iktar 'il fuq, hija il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tikkontrolla l-validità tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell. Minn dan isegwi li, dan l-eżami għandu jiġi magħmul fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif ġie mressqa quddiem il-Bord ta' l-Appell u li parti ma tistax tbiddel l-elementi fattwali u ġuridiċi li fuqhom il-validità tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tiġi eżaminata [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs l-UASI (Pillola ovali), T-194/01, Ġabra p. II-383, punt 16]. Iżda, kif indikat fil-punt 15 iktar 'il fuq, l-elementi ta' fatt imressqa huma elementi ta' fatt ġodda li ma ġewx ippreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell. Dawn l-elementi għalhekk ma jagħmlux parti mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif ġiet ippreżentata quddiem il-Bord ta' l-Appell meta dan ħa d-deċiżjoni tiegħu. Din il-konstatazzjoni mhijiex effettwata mill-fatt li dawn l-elementi ta' fatt ma jagħmlu xejn ħlief isaħħu l-elementi diġa mmressqa jew li ma jbiddlux, fil-każ in eżami, is-suġġett tal-kawża. Barra minn hekk, fir-rigward ta' l-eżami tal-validità tal-Qorti tal-Prim'Istanza, mhuwiex dmir il-Qorti tal-Prim'Istanza li tieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi. Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda l-argument li dawn l-elementi kellhom jittressqu ex ufficio mill-UASI, irid jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 74 (2) tar-Regolament Nru. 40/94, huwa dmir tal-partijiet li jippreżentaw fil-ħin quddiem l-UASI l-elementi ta' prova li beħsiebhom iressqu. Minn dan isegwi li ebda llegalità ma tista' tiġi kkontestata lill-UASI fir-rigward ta' elementi ta' prova li ma ġewx ippreżentati lilu fil-ħin mir-rikorrenti.

Fuq il-motiv ibbażat fuq id-dritt li wieħed jiġi mismugħ

L-argumenti tal-partijiet

17. Ir-rikorrenti tallega ksur doppju tad-dritt tagħha li tiġi mismugħa hekk kif stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru. 40/94.

18. L-ewwelnett, ir-rikorrenti ssostni li, filwaqt li l-ispettriċi mmotivat id-deċiżjoni tagħha li caħdet ir-reġistrazzjoni billi bbażat ruħha fuq is-sens purament ekonomiku tal-kelma "richly" (b'mod rikk), il-Bord ta' l-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq definizzjoni differenti u aktar elaborata, ippreżentata mir-rikorrenti stess, li tgħid li din il-kelma tfisser "fir-rikkezza jew b'mod raffinat; kompletament u adegwatament" ( in a rich and elaborate manner; fully and appropriately ). Din id-definizzjoni aktar elaborata tal-kelma " richly " kienet ġiet invokata mir-rikorrenti favur ir-reġistrazzjoni tat- trademark in kwistjoni. Peress li ċaħad ir-reġistrazzjoni tat- trademark in kwistjoni fuq il-bażi ta' argument tar-rikorrenti favur din ir-reġistrazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ibbaża ruħu fuq element totalment ġdid. In-nuqqas tal-Bord ta' l-Appell li jagħti lir-rikorrenti l-opportunita li tippronunzja ruħha fuq dan l-element ġdid kien ifisser, skond ir-rikorrenti, ksur tad-dritt tagħha li tiġi mismugħa hekk kif stabbilit fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru. 40/94. F'dan ir-rigward hija tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 1980, National Panasonic vs il-Kummissjoni (136/79, Ġabra p. 2003, punt 21) u għad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell ta' l-10 ta' April 2002 bébé vs BEBÉ, R 1112/2000-3, u tas-27 ta' Frar 2003 MYKO VITAL vs Miko, R 474/2002-3.

19. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell kiser id-dritt tagħha li tiġi mismugħha meta wieħed jikkunsidra li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumaturi f'dak li jirrigwarda s-servizzi li baqgħu taħt is-sinjal LIVE RICHLY kien dgħajjef, mingħajr ma informa ruħu fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti f'dan ir-rigward.

20. Il-konvenut isostni li l-Bord ta' l-Appell ma introduċa ebda sinjifikat ġdid tal-kelma "richly" (b'mod rikk) sabiex jikkonferma ċ-ċaħda ta' l-eżaminatriċi. Konsegwentement, huwa jsostni li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx id-dritt tar-rikorrenti li tiġi misugħha f'dan ir-rigward. Il-konvenut ma jagħmel ebda osservazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tat-tieni allegazzjoni ta' ksur tad-dritt li wieħed jiġi mismugħ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza-

- Osservazzjonijiet preliminari

21. Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru. 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda li fir-rigward tagħhom il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat- trademarks komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta' protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża.

22. Skond dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet pubbliċi li jeffettwaw b'mod sostanzjali l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b'mod effettiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15, u tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 21)

23. Fil-każ in eżami, dan ifisser li għandu jiġi analizzat jekk l-adozzjoni mill-Bord ta' l-Appell ta' raġunament differenti minn dak tar-rikorrenti, fuq il-bażi ta' ċertu sinjifikat tal-kliem " live richly ", u jekk il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-pubbliku kkonċernat ma huwiex attent wisq jikkostitwixxu raġunijiet li fuqħom ir-rikorrenti ma setgħetx tieħu pożizzjoni.

24. F'dan ir-rigward, għandhom, qabel kollox, jiġu eżaminati d-differenzi bejn id-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi u d-deċiżjoni kkontestata f'dak li jirrigwarda l-elementi invokati mir-rikorrenti, safejn in-nuqqas ta' differenza bejn dawn id-deċiżjonijiet huwa tali li jeskludi kwalunkwe ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, jekk id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ma tagħmel xejn ħlief li tirripproduċi d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi f'dak li jirrigwarda dawn l-elementi, ir-rikorrenti għanda tiġi meqjusa bħala li setgħet tieħu pożizzjoni fuq l-imsemmija elementi matul ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi.

- Sinjifikati tal-kliem "live richly"

25. F'dak li jirrigwarda s-sinjifikat tal-kliem "live richly", hemm lok li jiġi osservat, b'mod preliminari, li r-rikorrenti indikat fir-rikors tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell li l-kelma " rich " kienet definita fil- Collins dictionary bħala li tfisser l-ewwel nett " fornit tajjeb b'rikkezza, bi proprjetà, etc., li għandu ħafna" ( well supplied with wealth, property, etc., owning much ) u li l-kelma "richly" kienet definita fl-istess dizzjunarju bħala "(a) fir-rikkezza jew b'mod raffinat [...]; (b) kompletament u adegwatament" ((a) in a rich or elaborate manner [...] ; (b) fully and appropriately [...])"

26. F'dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-drittijiet ta' difiża li jirriżulta min-nuqqas ta' teħid ta' pożizzjoni mir-rikorrenti fuq ir-raġunament segwit mill-Bord ta' l-Appell ibbażat fuq is-sinjifikat tal-kliem " live richly " minn barra dak meħud mill-eżaminatriċi, għandu jiġi osservat li l-eżaminatriċi fid-deċiżjoni tagħha tikkontesta l-karattru distintiv tat- trademark tar-rikorrenti kif ġej:

"Kull investitur, kemm jekk ikun professjonist jew dilettant, ifittex li jkabbar il-patrimonju tiegħu u l-klijenti ta' kull bank li jkollu ċertu suċċess isiru iktar sinjuri jew, għal inqas, ilkollhom il-possibbiltà li jgħixu ħajja sinjura; il-kompetituri kollha tar-rikorrenti jfittxu li jattiraw klijenti bi slogans simili li ma jagħmlu xejn ħlief li jevidenzjaw dak li huma jistgħu jagħmlu finanzjarjament.

[...]L-investimenti ħolqu aktar rikkezzi minn kwalsiasi metodu ieħor, jiġifieri x-xogħol assidwu jew wirt. X'jixtiequ dawk li jħallsu għal tali servizzi? li jsiru sinjuri jew, għall-inqas, jgħixu ħajja sinjura.

Il-kliem 'għix' [live] u 'b'mod rikk' [richly] it-tnejn li huma huma ta' użu komuni; il-kelma 'rikk' għandha konnotazzjoni ekonomika pożitiva [...] "

27. Wara din id-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi, ir-rikorrenti enfasizzat fir-rikors tagħha quddiem il-Bord ta' l-Appell li l-kliem "live richly" mgħandhomx jiġu mifħuma f'sens ekonomiku biss iżda wkoll f'sens aktar wiesa u aktar vag, li jfisser ħajja li twarrad jew mimlija bl-esperjenzi.

28. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma ċ-ċaħda ta' reġistrazzjoni ta' l-eżaminatriċi, b'mod partikolari, għar-raġunijiet li ġejjin:

"10 [...] Skond id-dizzjunarju ingliż Collins , il-kelma RICHLY ('b'mod rikk') tfisser 'fir-rikkezza jew b'mod raffinat; kompletament u adegwatament' ( 'in a rich or elaborate manner ; fully and appropriately' ).

11 Jekk wieħed jitlaq minn din id-definizzjoni, l-użu flimkien tal-kliem LIVE u RICHLY, fil-kuntest tas-servizzi intiżi fl-applikazzjoni, jittrażmetti informazzjoni ċara, mimlija b'konnotazzjoni ta' eloġju. Din tinforma lill-konsumaturi kkonċernati li s-servizzi in kwistjoni jagħtuhom il-possibbiltà li jgħixu ħajja sinjura.

[...]

14 F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kelma RICHLY għanda konnotazzjonijiet diversi, għandu jiġi osservat li l-karattru distintiv ta' sinjal jista' jiġi apprezzat biss skond il-prodotti jew is-servizzi intiżi fl-applikazzjoni. L-eżaminatriċi għalhekk kellha raġun meta kkunsidrat is-sens tal-kelma RICHLY bħala dak li jorbot mas-servizzi kkonċernati fl-applikazzjoni."

29. Għalhekk, jirriżulta mid-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi, qabel kollox, li l-kelma " richly " ġiet ikkunsidrata fis-sens ta' "ikollok il-flus, fortuna", jiġifieri fis-sens ekonomiku.

30. Imbagħad, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li d-definizzjoni tal-kelma "richly" invokata mill-Bord ta' l-Appell għandha, partikolarment, bħala sinjifikat " in a rich manner". Iżda kif jindika l-konvenut, il-kelma " rich " tiddefinixxi ruħħa l-ewwel nett bħala "fornit tajjeb b'ġid, bi propjeta, etc., li għandu ħafna" (well supplied with wealth, property, etc., owning much). Din il-pożizzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti, li invokat matul il-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell l-istess definizzjoni, u ammettiet fir-rikors tagħha li l-kelma " rich " tikkorrispondi l-ewwel nett għal "benestant jew sinjur" ( prosperous or wealthy ). Konsegwentement, id-definizzjoni invokata mil-Bord ta' l-Appell tinkludi s-sens ekonomiku tal-kelma " richly " li ġie adottat ukoll mill-eżċminatriċi.

31. Minbarra dan, mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord ta' L-Appell approva l-kunsiderazzjoni ta' l-eżaminatriċi tas-sens tal-kelma " richly " fid-dawl tas-servizzi speċifiċi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trademark . Minn dan isegwi li l-Bord ta' l-Appell ma ttraskurax it-tifsira ekonomika tal-kelma " richly ".

32. Għaldaqstant, is-sinjifikati tal-kelma " richly " ammessi mil-Bord ta' l-Appell fil-verità ma jiddistingwux ruħhom minn dawk ikkunsidrati mill-eżaminatriċi.

33. Il-fatt li l-Bord ta' l-Appell indika li kien ikkunsidra d-definizzjoni tal-kelma " richly " bħala li tinkludi diversi sinjifikati tal-kelma " richly ", ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fil-fatt definizzjoni li tinkludi diversi sinjifikati għanda tiġi meqjusa bħala li ġiet ikkunsidrata meta wieħed biss mis-sinjifikati tagħha ġie kkunsidrat. Il-konferma, fil-każ in eżami, tal-Bord ta' l-Appell ta' l-eżattezza tal-kunsiderazzjoni tas-sinjifikat tal-kelma " richly " ta' l-eżaminatriċi tiċċara liema sens ġie kkunsidrat fid-definizzjoni ta' din il-kelma.

34. Fl-aħħarnett, f'dak li jirrigwarda l-użu ta' l-espressjoni "tgħaddi jew tgħix ħajja sinjura" ( to lead a rich life or to live a rich life ), hemm lok li jiġi osservat li din l-espressjoni tintuża kemm fid-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi kemm f'dik tal-Bord ta' l-Appell. Peress li din l-espressjoni hija bbażata fuq il-kelma "rich", li kif ġie indikat iktar 'il fuq, għanda sens ekonomiku, l-użu tagħha fid-deċiżjoni kkontestata ma tmurx kontra l-kunsiderazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq.

35. F'dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tar-rikorrenti ta' deċiżjonijiet precedenti tal-UASI, hu biżżejjed li jiġi mfakkar li l-validità tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru. 40/94, hekk kif interpretat mill-Imħallef Komunitarju, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti tal-UASI (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI - Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).

36. B'mod aktar wiesgħa u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet li l-Bordijiet ta' l-Appell għandhom ikunu jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq argumenti li ma ġewx diskussi quddiem l-eżaminatriċi safejn il-parti interessata setgħat tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatti li jkollhom effett fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ġuridika in kwistjoni. Skond il-prinċipju tal-kontinwità funzjonali bejn l-eżaminatriċi u l-Bordijiet ta' l-Appell, dawn jistgħu jkomplu l-eżami ta' l-applikazzjoni mingħajr ma jkunu limitati mir-raġunament ta' l-eżaminatriċi [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Frar 2000, Procter & Gamble vs l-UASI (forma ta' sapuna), T-122/99, Ġabra p. II-265, punt 27, u tal-5 ta' Ġunju 2002, Hershey Foods vs l-UASI (Kiss Device with plume), T-198/00, Ġabra p. II-2567, punt 25].

37. Fil-każ in eżami, anke jekk jiġi ammess li l-Bord ta' l-Appell tbiegħed mil-pożizzjoni adottata mill-eżaminatriċi, jidħer, min-naħa, li l-Bord ta' l-Appell ma bbażax ruħu fuq elementi ġodda ta' fatt li fuqhom ir-rikorrenti ma setgħetx tagħti l-opinjoni tagħha. Fil-fatt, peress li l-interpretazzjoni aktar wiesgħa tas-sens tal-kelma " richly " ġiet invokata mill-istess rikorrenti, din ta' l-aħħar ma tistax issostni li hija ma setgħetx tieħu pożizzjoni fuq dan l-element. Min-naħa l-oħra, jidher li l-Bord ta' l-Appell illimita ruħu li jadotta biss raġunament differenti minn dak li kienet tiddefendi r-rikorrenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar 'il fuq, dan ma jistax, waħdu, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

- L-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat

38. F'dak li jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas tiegħhu li jieħu pożizzjoni fuq il-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat adottat mill-Bord ta' l-Appell, hawnhekk ukoll wieħed għandu jibda billi janalizza d-differenzi, f'dan ir-rigward, bejn id-deċiżjoni ta-Bord ta' l-Appell u dik ta' l-eżaminatriċi.

39. It-tieni paragrafu tad-deċiżjoni ta' l-Eżaminatriċi huwa formulat kif ġej:

"Bi tweġiba għall argument tagħkom li jgħid li l-mesaġġ trażmess mit- trademark huwa vag u indefinit, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-messaġġ huwa indirizzat lill-pubbliku f'sens wiesa, li huwa raġonevolment infurmat u raġonevolment attent u preparat [...]".

40. Il-Bord ta' l-Appell jindika rispettivament fil-punti 13 u 15 tad-deċiżjoni kkontestata:

"13 F'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tas-sinjal LIVE RICHLY mill-pubbliku kkonċernat, il-Bord ta' l-Appell isostni, fuq l-istess linji ta' l-eżaminatriċi, li dan is-slogan huwa kompost minn kliem ta' użu komuni li, meta jiġu assoċjati mas-servizzi intiżi fl-applikazzjoni, jiġu mifhuma mill-pubbliku bħala sempliċi formula ta' eloġju u mhux bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni.

[...]

15 Barra dan, ma hemm xejn fis-sintamma LIVE RICHLY, barra mis-sinjifikat promozzjonali ovvju tagħha, li jista' jippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jifhem faċilment u immedjatament is-sinjal bħala trademark distintiva għas-servizzi identifikati. Peress li ma jkunx jaf il-kuntest tas-sinjal, il-pubbliku in kwistjoni jkun jista' jipperċepixxi biss is-sinjifikat promozjonali tiegħu. Il-konsumatur ikkonċernat mhuwiex attent wisq. Jekk sinjal ma jindikalux immedjatament l-oriġini ta' l-oġġett tax-xiri li għalih jipprovdi u jwassallu biss informazzjoni purament promozjonali u astratta, mhuwiex ser jieħu l-ħin sabiex jinforma ruħu fuq id-diversi potenzjali funzjonijiet tas-sinjal jew li jifhmu mentalment bħala trademark ."

41. Ir-rikorrenti kkonkludiet, mill-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-konsumatur ikkonċernat mhuwiex attent wisq ( not very attentive ), li l-attenzjoni tal-konsumatur ikkonċernat hija baxxa ( low ).

42. L-indikazzjoni li konsumatur mhuwiex attent wisq madankollu ma timplikax li l-attenzjoni ta' dan il-konsumatur hija baxxa. Fil-fatt, din l-indikazzjoni tista' ukoll tfisser li l-konsumatur ikkonċernat, għalkemm ma jiddedikax wisq attenzjoni lit- trademark in kwistjoni, għall-inqas jiddedikalha attenzjoni raġonevoli.

43. Fil-każ in eżami, hemm lok li jiġi osservat li, fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell jikkonferma l-analiżi ta' l-eżaminatriċi f'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tas-sinjal LIVE RICHLY mill-pubbliku kkonċernat. Iżda, fit-tieni inċiż tad-deċiżjoni tagħha, l-eżaminatriċi tqis li l-messaġġ tat- trademark huwa indirizzat lill-pubbliku in ġenerali, li ma huwiex biss raġonevolment infurmat u preparat, iżda ukoll raġonevolment attent.

44. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, billi indika li l-konsumatur ikkonċernat mhuwiex attent wisq, il-Bord ta' l-Appell qies fil-verità li l-konsumatur ikkonċernat huwa raġonevolment attent. Il-Bord ta' l-Appell ma għamel xejn ħlief ifformula b'mod differenti l-pożizzjoni msemmija fit-tieni inċiż tad-deċiżjoni ta' l-eżaminatriċi.

45. Peress li l-Bord ta' l-Appell ma għamel xejn ħlief li pparafraża l-pożizzjoni ta' l-eżaminatriċi, ir-rikorrenti hija żbaljata meta tikkunsidra li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra l-livell baxx ta' l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat mingħajr ma r-rikorrenti setgħet tieħu pożizzjoni fuq dan l-aspett.

46. Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-kontestazzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

47. Ir-rikorrenti tqis, sostanzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed safejn tiċħad ir-reġistrazzjoni tat- trademark mitluba għas-servizzi kollha li għalihom kienet saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li għalihom l-applikażżjoni ġiet miċħuda f'dak li jirrigwarda s-serviżżi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Il-konvenut jikkuntesta dan il-motiv, u jqis li r-reġistrazzjoni kienet ġiet aċċettata mill-UASI għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli sa mill-bidu tal-proċedura.

48. Il-qorti tal-Prim'Istanza tosserva li, wara d-dikjarazzjonijiet li l-konvenut għamel waqt is-seduta li jgħidu li t- trademark LIVE RICHLY tista' tiġi rreġistrata għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, ir-rikorrenti ammettiet espressament li s-suġġett tal-kawża kien jillimita ruħu għas-servizzi finanzjarji u monetarji. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-fatt irrinunzjat għall-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni li kien jirrigwarda biss is-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jidhirliex li għandha għalfejn tippronunzja ruħha fuq dan il-motiv.

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 7 (1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94

L-argumenti tal-partijiet

49. Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata għanda xorta waħda tiġi annullata safejn il-Bord ta' l-Appell ta interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 dwar raġunijiet assoluti għal rifjut ta' reġistrazzjoni ta' trademark komunitarja bbażati fuq in-nuqqas tal-karattru distintiv tagħha.

50. Ir-rikorrenti tenfasizza, qabel kollox, li kemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza kemm il-prassi tal-Bord ta' l-Appell jikkonfermaw li s-slogans huma sottomessi għall-istess kriterji bħal kull tip ta' trademark oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-11 ta' Diċembru 2001, Erpo Möbelwerk vs l-UASI (DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT), T-138/00, Ġabra p. II-3739, punt 44, u d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tal-11 ta' Frar 1999, BEAUTY ISN'T ABOUT LOOKING YOUNG BUT LOOKING GOOD, R 73/1998-2]. Iżda, fil-każ in eżami, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell ċaħad ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali biss minħabba l-fatt li kienet tirrigwarda slogan ta' eloġju, mingħajr ma ppronunzjat ruħha fuq il-kapaċità tiegħu li jiddistingwi s-servizzi in kwistjoni.

51. Wara dan, ir-rikorrenti tindika li l-Bord ta' l-Appell ammetta li l-kliem " live richly " mhumiex deskrittivi. Din l-ammissjoni tindika, skond ir-rikorrenti, li l-Bord ta' l-Appell ma jistax jibbaża ruħu, bħal fil-każ in eżami, biss fuq il-karattru eloġjattiv tal-formula sabiex juri n-nuqqas ta' karattru distintiv tat- trademark in kwistjoni. Ir-rikorrenti tinvoka f'dan ir-rigward diversi deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell.

52. Ir-rikorrenti tqis li, bil-kontra tal-pożizzjoni, skond hija, mhux appoġġata mill-Bord ta' l-Appell, li tikkunsidra li l-kliem " live richly " jikkonstitwixxu biss sempliċi formula eloġjattiva b'sinjifikat ċar, dawn il-kliem jistgħu jkunu suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet minħabba s-sens vag, indeterminat u ambigwu tagħhom, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda s-servizzi finanzjarji u monetarji. Skond ir-rikorrenti, it- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, LIVE RICHLY, tikkostitwixxi logħba bil-kliem u bħala tali ma għanda ebda sens, peress li probabbilment jeżistu tant metodi ta' kif wieħed jgħix b'mod rikk daqs kemm jeżistu bnedmin, u li kull konsumatur jagħti lil dan l-islogan l-interpretazzjoni proprja tiegħu. Barra minn dan, ir-rikorrenti tqis li meta jiġu kkonfrontati bl-islogan il-konsumaturi jkunu sorpriżi, irritati jew diżorjentati għaliex huma ma jistennewx li bank jipproponi serviżżi finanzjarji li jistidnuhom "jgħixu b'mod rikk", huwa dan li jattesta l-karattru distintiv tat- trademark LIVE RICHLY. Bħala appoġġ għall-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tinvoka d-definizzjoni tal-kelma " rich " tal- Collins English Dictionnary (edizzjoni 1995), l-interpretazzjonijiet differenti tal-kelma " richly " tal-Bord ta' l-Appell u ta' l-eżaminatriċi, id-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-1 ta' Ottubru 2001, ES GIBT SIE NOCH, DIE GUTEN DINGE (R 393/2000-1), ta' riklami fl-Istati Uniti u ta' kummenti li dawn iġġeneraw fuq l-internet. Hija tqis, b'mod partikolari, li dawn il-kummenti jattestaw li l-perċezzjoni ta' din it- trademark mill-konsumaturi xejn ma hija sempliċi u uniformi.

53. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata sserraħ fuq l-ipoteżi żbaljata li tgħid li l-livell ta' attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat hija baxxa, filwaqt li hija effettivament għolja. Skond ir-rikorrenti, il-konsumatur medju ta' servizzi finanzjarji huwa partikolarment prudenti u attent, peress li dawn is-servizzi ma jinxtrawx "lesti għall-użu" ( on the shelf ) bħal jeans jew il-ħalib u minħabba l-importanza kapitali tagħhom fil-ħajja ta' dak il-konsumatur. Konsegwentement, il-konsumatur medju jiddedika aktar ħin ifittex is-sinjifikati ta' dan is-slogan u jimmemorizzaħ aktar faċilment peress li jorbot ma servizzi finanzjarji .

54. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-qasam ta' l-islogans kif ukoll il-prassi deċiżjonali tal-Bordijiet ta' l-Appell jikkonfermaw, skond ir-rikorrenti, li l-isloga n LIVE RICHLY jista' jiġi rreġistrat. Fis-sentenzi DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT, punt 50 iktar 'il fuq, u tal-5 ta' Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs l-UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS) (T-130/01, Ġabra p. II-5179), il-Qori tal-Prim'Istanza kienet ammettiet, min-naħa, li, kontra dak li tafferma l-eżaminatriċi fl-ittra tagħha tat-3 ta' Lulju 2001, in-nuqqas ta' karattru distintiv ma jistax jirriżulta la min-nuqqas ta' immaġinazzjoni u lanqas min-nuqqas ta' żieda ta' fantażija. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iddeċidiet li l-użu ta' l-istess sinjal jew ta' sinjali li jixtiebħu fis-suq għandu rwol deċiżiv fl-evalwazzjoni tal-karattru intrinsikament distintiv ta' trademark . B'mod partikolari, skond ir-rikorrenti, fis-sentenza DAS PRINZIP DER BEQUEMLICHKEIT, punt 50 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat li n-nuqqas ta' karattru distintiv jista' jiġi ġġustifikat biss jekk jiġi ppruvat li t- trademark verbali in kwistjoni kienet użata b'mod ġenerali. Iżda, fil-każ in eżami, ir-rikorrenti tenfasizza, min-naħa, li l-konvenut ma ppruvax l-użu tal-kliem " live richly " u, min-naħa l-oħra, li dawn ta' l-aħħar qatt ma ġew użati sabiex jiġu promossi jew mibjugħa servizzi finanzjarji u monetarji. Minħabba l-karattru uniku u fantażjuż tas-slogan tagħha, ir-rikorrenti tqis li t- trademark tagħha għandha karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94.

55. Il-prassi kostanti tal-Bordijiet ta' l-Appell tikkonferma ukoll li t- trademark LIVE RICHLY tista' tiġi rreġistrata. Ir-rikorrenti ssemmi f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tas-7 ta' Novembru 2001,WE GET IT DONE (R 1090/2000-4). Hija ssostni li minn din id-deċiżjoni wieħed jista' jikkonkludi, min-naħa, li l-limitu meħtieġ sabiex l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 ma jiġix applikat huwa dgħajjef u, min-naħa l-oħra, li huwa l-UASI li għandu jipprova li trademark ma tistax tiġi rreġistrata bis-saħħa ta' dan l-Artikolu, peress li mhuwiex biżżejjed li jiġi affermat li slogan huwa banali jew li jikkostitwixxi sempliċi formula eloġattiva sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta' karattru distintiv. Billi tibbaża ruħha fuq din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell ma spjegax għaliex il-karatteristiċi promozzjonali u eloġjattivi tal-kliem " live richly " kienu jimpedixxu, fil-każ in eżami, lill-konsumatur medju ta' servizzi finanzjarji u monetarji li jistabbilixxi rabta bejn dan is-sinjal u r-rikorrenti u, għaldaqstant, li jipperċepixxi s-slogan bħala trademark . Ir-rikorrenti ssostni li s-slogan jista' jkollu diversi interpretazzjonijiet, li l-pubbliku kkonċernat jimmemorizah mill-ewwel peress li ma jistenniex li istituzzjoni finanzjarja tippromwovi s-serviżżi tagħha permezz ta' tali slogan u li hija hija l-unika waħda li tuża dan l-islogan.

56. Ir-rikorrenti tiddeduċi mill-prassi kurrenti tal-Bordijiet ta' l-Appell li l-karattru vag ta' slogan jista' jiġi kkunsidrat sabiex jistabbilixxi l-karattru distintiv ta' sinjal (deċiżjonijiet WE GET IT DONE, iċċitata iktar 'il fuq, tal-25 ta' Frar 2002, Taking care of the world's water ... and yours, R 135/2000-2, u tat-18 ta' Settembru 2001, TEAM POWER, R 222/2001-1). Hija tiddeduċi ukoll minn din il-prassi li n-nuqqas ta' l-użu ta' s-slogan in kwistjoni jew ta' varjazzjoni tiegħu fis-suq ikkonċernat jikkostitwixxi indizzju serju li dan għandu karattru distintiv intrinsiku (deċiżjonijiet Taking care of the world's water ... and yours, iċċitata iktar 'il fuq, TEAM POWER, iċċitata iktar 'il fuq, ta' l-4 ta' Mejju 1999, Früher an Später denken !, R 153/1998-2, tal-5 ta' Lulju 2000, UNLOCK THE POTENTIAL, R 689/1999-3, u tal-5 ta' Ġunju 2002, WHATEVER WHENEVER, R 58/2001-4).

57. Ir-rikorrenti wara semmiet ir-reġistrazzjoni tal-UASI, għal servizzi suġġetti għall-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni "servizzi finanzjarji u monetarji u servizzi ta' proprjetà immobbli", ta' ċertu numru ta' slogans li fihom il-kliem " live " jew " life ", li fosthom hemm make more of life , WHERE MONEY LIVES u SO YOU CAN ENJOY LIFE ! Hija tindika li jkun kontradittorju li tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY għall-istess servizzi.

58. Hija ssemmi ukoll ċertu numru ta' slogans irreġistrati mill-uffiċċji nazzjonali ta' ċerti Stati Membri li jattestaw li ġiet konċessa r-reġistrazzjoni lil slogans anqas distintivi min dak in kwistjoni.

59. Ir-rikorrenti tosserva li t- trademark LIVE RICHLY ġiet irreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti għat- trademarks ta' diversi pajjiżi terzi, fosthom il- Commonwealth ta' l-Awstralja u l-Istati Uniti ta' l-Amerika, għall-istess servizzi suġġetti għall-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza. Għalkemm hija tammetti li l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l- Commonwealth ta' l-Awstralja ma humiex Stati Membri, ir-rikorrenti tikkunsidra li dawn ir-reġistrazzjonijiet tat- trademark LIVE RICHLY jikkostitwixxu indizzju serju tal-possibbiltà li din it- trademark tiġi rreġistrata fil-pajjiżi anglofoni in ġenerali.

60. Fl-aħħarnett, safejn il-kontestazzjoni ma tirrigwardax biss ir-registrazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY għas-servizzi finanzjarji u monetarji, ir-rikorrenti tqis li l-pożizzjoni tal-konvenut li tgħid li dan l-isem mhuwiex distintiv għall-imsemmija servizzi, peress li l-messaġġ ċar tal-kliem " live richly " huwa li tgħix ħajja materjalment aktar sinjura, filwaqt li hija distintiva għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, hija arbitrarja, illoġika, paradossali u kontradittorja .

61. Skond ir-rikorrenti, din il-konklużjoni hija bbażata fuq ix-xebħ kbir, jew l-identiċità, kemm bejn is-servizzi finanzjarji u s-servizzi ta' assigurazzjoni kemm bejn is-servizzi finanzjarji u dawk ta' proprjetà immobbli, li wara kollox ġiet evidenzjata mill-konvenut f'deċiżjonijiet preċedenti (deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell tas-27 ta' Novembru 2002, TravelCard vs AIR TRAVEL CARD, R 498/2001-3, deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-21 ta' Lulju 2003, LLOYD vs LLOYDS TSB, 1454-2003, u tal-11 ta' Novembru 2003, ADIGSA vs ADIG GRUPPE GUT FÜR IHR GELD, 2451-2003) (replika punti 20 sa 24).

62. L-aħħar paradoss jirriżulta madankollu, skond ir-rikorrenti, mill-ġustifikazzjoni min-naħa tal-konvenut tan-nuqqas ta' distinzjoni tat- trademark għas-servizzi finanzjarji u monetarji, li jikkonsisti fil-fatt li l-messaġġ imwassal minn din it- trademark huwa li s-servizzi in kwistjoni offerti lill-pubblku kkonċernat, minn ta' l-anqas jagħtu l-possibiltà li wieħed ikkattar il-beni finanzjarji tiegħu u għalhekk jgħix b'mod materjalment aktar rikk. Skond ir-rikorrenti, anke jekk din il-perċezzjoni tas-slogan għanda tiġi kkunsidrata bħala korretta, dak li hija tikkontesta hu li f'għajnejn il-konsumatur is-servizzi ta' l-assigurazzjoni u tal-proprjetà immobbli jinkludu l-għan aħħari ta' l-arrikkiment potenzjali ta' l-individwu. Għalhekk ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell baqa ma weriex in-nuqqas ta' karattru distintiv tal-kliem " live richly " impost fuqu sabiex jiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' din it- trademark bis-saħħa ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru.40/94. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tiġi miċħuda b'mod parzjali r-reġistrazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY għas-servizzi in kwistjoni għanda tiġi annullata.

63. Il-konvenut jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jqis li l-ebda wieħed minnhom ma jikkontesta n-nuqqas ta' karattru distintiv tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

- Osservazzjonijiet preliminari

64. Skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94, għandha tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni għat-" trademarks li mhumiex ta' karattru distintiv". Barra minn dan, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru. 40/94 jipprovdi li "Il-paragrafu 1 għandu japplika minkejja li r-raġunijiet li jwasslu biex trademark ma tiġix irreġistrata japplikaw biss f'parti tal-Komunità".

65. Hekk kif il-Qorti tal-Prim'Istanza diġa ddeċidiet, it- trademarks imsemmija fl-Artikolu 7 (1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94 huma, b'mod partikolari, dawk li ma jippermettux lill-pubbliku kkonċernat li jirrepeti l-esperjenza ta' xiri, jekk din tirriżulta pożittiva, jew li jevitawha, jekk din tirriżulta negattiva, waqt ix-xiri ulterjuri tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Rewe-Zentral vs l-UASI (LITE), T-79/00, Ġabra p. II-705, punt 26, u EUROCOOL, punt 22 iktar 'il fuq, punt 37]. Tali hu l-kaz, b'mod partikolari, tas-sinjali li huma ta' użu komuni għall-kummerċalizazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi kkoncernati.

66. Xorta jibqa l-fatt li r-reġistrazzjoni ta' trademark komposta minn sinjali jew indikazzjonijiet li jiġu użati ukoll bħala slogans pubbliċitarji, indikazzjonijiet dwar il-kwalita jew espressjonijiet li jħajru x-xiri tal-prodotti jew servizzi imsemmija minn din it- trademark , ma hijiex eskluża bħala tali minħabba tali użu (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Ottubru 2001, Merz & Krell, C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 40). Madankollu, sinjal li jwettaq funzjonijiet oħrajn barra minn dawk ta' trademark fis-sens klassiku ma huwiex distintiv, fid-dawl ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94, sakemm ma jiġix percepit ma' l-ewwel daqqa t'għajn bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew servizzi intizi sabiex jippermettu lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni l-prodotti u s-servizzi tal-proprjetàrju tat- trademark minn dawk li għandhom provenjenza kummerċjali oħra [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-30 ta' Lulju 2003, Best Buy Concepts vs l-UASI (BEST BUY), T-122/01, Ġabra p. II-2235, punti 20 u 21].

67. Il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, min-naħa, fir-rispett tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rispett tal-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat li huwa kompost mill-konsumaturi ta' dawn il-prodotti jew servizzi (sentenzi EUROCOOL, punt 22 iktar 'il fuq, punt 38, u LITE, punt 65 iftar 'il fuq, punt 27).

68. Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 7(1)(b) jirriżulta li ammont minimu ta' karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex ir-raġunijiet ta' ċaħda ddefiniti f'dan l-Artikolu ma jkunux applikabbli (sentenza LITE, punt 65 iktar 'il fuq, punt 28).

- F'dak li jirrigwarda l-pubbliku kkonċernat u l-livell ta' attenzjoni tiegħu

69. F'dak li jirrigwarda l-pubbliku kkonċernat, hemm bżonn, qabel kollox, li jiġi mfakkar li s-servizzi identifikati huma servizzi finanzjarji u monetarji suġġetti għall-klassi 36 tal-ftehim ta' Nizza. Il-pubbliku kkonċernat minn dawn is-servizzi huwa dak magħmul mill-konsumaturi kollha. Għalhekk hemm lok li jiġi evalwat il-karattru distintiv tat- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni billi tiġi kkunsidrata l-preżunta attenzjoni ta' konsumatur medju, ordinarjament infurmat u raġonevolment attent u preparat (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 1998, Gut Springenheide et Tusky, C-210/96, Ġabra. p. I-4657, punt 31).

70. Wara, hemm lok li jiġi mfakkar li l-perċezzjoni tat- trademark mill-pubbliku kkonċernat, f'dan il-każ il-konsumatur medju, hija influwenżata mil-livell ta' attenzjoni tiegħu, li jista' jvarja skond il-kategoriji ta' prodotti jew ta' servizzi in kwistjoni (ara, f'dak li jirrigwarda l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill Nru. 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks, ĠU 1989, L 40, p. 1, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26, u f'dak li jirrigwarda r-Regolament Nru. 40/94, is-sentenza Pillola ovali, punt 16 iktar 'il fuq, punt 42).

71. Dwar dan, ir-rikorrenti tqis li, kontra l-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appell, il-pubbliku kkonċernat huwa, evidentement, attent ħafna f'dak li jirrigwarda s-servizzi finanzjarji, peress li dawn is-servizzi ma jinxtrawx "lesti għall-użu" ( on the shelf ) bħal par jeans jew bħal ħalib u li huma ta' importanza kbira għall-ġejjieni tal-konsumatur.

72. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar, qabel kollox, li, kontra l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti li tgħid li l-Bord ta' l-Appell kien qies li l-attenzjoni tal-pubbliku kkonċernat hija dgħajfa, il-Bord ta' l-Appell qies fil-verità li l-pubbliku kkonċernat kien raġionevolment attent (ara punti 42 u dawk ta' warajħ iktar 'il-fuq).

73. Wara dan, fid-dawl tan-natura ta' ċerti servizzi finanzjarji u monetarji in kwistjoni, parti minn dawn il-konsumaturi tista' tifforma pubbliku attent ħafna safejn, min-naħa, l-impenji meħudin mill-konsumaturi jistgħu jkunu relattivament importanti u, min-naħa l-oħra, dawn is-servizzi jistgħu jirriżultaw relativament tekniċi.

74. Madankollu, dan il-livell ta' attenzjoni jista' jkun relativament dgħajjef fid-dawl ta' indikazzjonijiet ta' karattru promozzjonali li ma humiex determinanti għal pubbliku ppreparat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, punt 54 iktar 'il fuq, punt 24, u BEST BUY, punt 66 iktar 'il fuq, punt 25).

75. Għaldaqstant, għandu jitqies li t-totalita tas-servizzi identifikati huma indirizzati lejn pubbliku ordinarjament infurmat u ppreparat.

76. Barra minn hekk, is-sinjal verbali LIVE RICHLY huwa kompost minn kliem fil-lingwa ingliza, il-pubbliku kkonċernat huwa pubbliku anglofonu, jew pubbliku mhux anglofonu imma li għandu għarfien biżżejjed tal-lingwa ingliża.

- F'dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat

77. Għanda tiġi evalwata l-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjal LIVE RICHLY bħala trademark għal servizzi finanzjarji u monetarji.

78. F'dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal LIVE RICHLY huwa slogan kompost minn żewġ kelmiet ingliżi ordinarji mifhumin mill-pubbliku kkonċernat bħala sempliċi formula eloġjattiva li tfisser li s-servizzi tar-rikorrenti jippermettu lil konsumaturi li jgħixu b'mod sinjur. Barra minn dan, il-Bord ta' l-Appell qies li, barra mis-sens promozzjonali evidenti tiegħu, is-sinjal LIVE RICHLY ma jippermettix lill-pubbliku kkonċernat li jimmemorizah faċilment u mill-ewwel bħala trademark għas-servizzi identifikati. Il-konsumatur medju ma huwiex attent wisq, jekk is-sinjal ma jindikalux mill-ewwel l-oriġni tal-prodott jew tas-servizz identifikat, imma jagħtiħ biss informazzjoni purament promozzjonali u astratta, dan mhux ser jieħu ż-żmien sabiex isaqsi lilu n-nifsu fuq id-diversi funzjonijiet possibbli tas-sinjal jew li jirreġistraħ mentalment bħala li huwa trademark . Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bord ta' l-Appell iddeċieda li s-sinjal ma jistax jikkostitwixxi trademark .

79. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti tagħmel żball meta tippretendi li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal in kwistjoni ma jistax ikun is-suġġett ta' reġistrazzjoni sempliċement minħabba li kien jirrigwarda formula promozzjonali eloġjattiva. Barra minn dan, dawn il-kunsiderazzjonijiet jippermettu li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell astjena ruħu milli jikkummenta fuq il-kapaċità tas-sinjal LIVE RICHLY li jiddistingwi s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk tal-kompetituri tagħha.

80. Fil-fatt, billi qies fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata li l-pubbliku kkonċernat ma jkunx jista' faċilment u mill-ewwel jimmemorizza s-sinjal bħala trademark għas-servizzi in kwistjoni, il-Bord ta' l-Appell ma llimitax ruħu li jiddeduċi mill-karattru promozzjonali tal-kliem "live richly" in-nuqqas ta' karattru distintiv tas-sinjal in kwistjoni, iżda kkunsidra l-kapaċità ta' dan is-sinjal li jiddistingwi l-prodotti tar-rikorrenti minn dawk ta' kompetitur mal-pubbliku kkonċernat.

81. Barra minn dan, f'dak li jirrigwarda trademark komposta minn diversi elementi ( trademark kumplessa), hemm lok li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distinitv tagħha, tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Novembru 2002, Bosch vs l-UASI (Kit pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 22].

82. Fid-dawl ta' dan, hemm bżonn li jiġi indikat li, jekk, hekk kif il-partijiet ammettew, is-sinjal LIVE RICHLY mhuwiex esklużivament u direttament deskrittiv ta' servizz jew ta' prodott, dan huwa kompost minn żewġ kelmiet ta' użu komuni fil-lingwa ingliża li, meħudin flimkien, għandhom sens awtonomu. Dan is-sinjal jista' fil-fatt jiġi faċilment mifhum bħala li jfisser li s-servizzi tar-rikorrenti jippermettu lill-konsumaturi ta' dawn is-servizzi li jgħixu b'mod rikk.

83. Jekk, ċertament, l-espressjoni "tgħix b'mod rikk" tista' tiftihem b'modi differenti u għalhekk ikollha sens vag, għandu jiġi eżaminat is-sinjifikat ta' trademark verbali fid-dawl tas-servizzi identifikati fl-applikazzjoni tat- trademark (ara s-sentenza Kit pro u Kit Super Pro, punt 81 iktar 'il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata fih). Peress li t- trademark verbali in kwistjoni hija assoċjata ma servizzi finanzjarji u monetarji, din tiġi mifhuma, għall-ewwel, fis-sens materjali jew ekonomiku tagħha. Il-Bord ta' l-Appell għalhekk seta' ġustament jikkunsidra li s-sinjal LIVE RICHLY, fil-kuntest tas-servizzi finanzjarji u monetarji, kien jgħaddi messaġġ b'informazzjoni ċara li kellu konnotazzjonijiet eloġjattivi.

84. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li s-sinjal mhux deskrittiv LIVE RICHLY seta' kellu diversi sinjifikati, li seta' jikkostitwixxi logħba bil-kliem u li seta' jiġi perċepit bħala ironiku, sorprendenti u mhux mistenni xorta waħda ma jagħmluħx distintiv. Dawn id-diversi elementi jagħmlu dan is-sinjal distintiv biss jekk jiġi pperċepit ma l-ewwel daqqa t'għajn mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni ta' l-oriġini kummerċjali tas-servizzi tar-rikorrenti, u dan sabiex jippermetti lill-pubbliku kkonċernat li jiddistingwi mingħajr possibbiltà ta' konfużjoni s-servizzi tar-rikorrenti minn dawk li għandhom provenjenza kummerċjali oħra [sentenzi BEST BUY, punt 66 iktar 'il fuq, punt 21; REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, punt 54 iktar 'il fuq, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' Jannar 2004, Deutsche SiSi-Werke vs l-UASI (Borża li żżomm wieqfa), T-146/02 sa T-153/02, għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 38].

85. Fil-każ in eżami, kif osserva l-Bord ta' l-Appell, il-pubbliku kkonċernat effettivament għandu jipperċepixxi dan is-sinjal, fil-kuntest ta' servizzi finanzjarji u monetarji, qabel kollox bħala formula promozzjonali u mhux bħala indikazzjoni ta' l-origini kummerċjali tas-servizzi in kwistjoni. Is-sinjal LIVE RICHLY ma għandux elementi li jistgħu, lil hinn mis-sinjifikat promozzjonali evidenti tiegħu, jippermettu lill-pubbliku kkonċernat li jimmemorizza faċilment u mill-ewwel is-sinjal bħala trademark distintiva għas-servizzi identifikati. Anki fl-ipoteżi fejn is-sinjal in kwistjoni jiġi użat waħdu, mingħajr ebda sinjal jew trademark oħra, il-pubbliku kkonċernat ma jkunx jista', mingħajr ma jkun ġie avżat minn qabel, jipperċepiħ b'mod ieħor barra mis-sens promozzjonali tiegħu (sentenza RE AL PEOPLE, REAL SOLUTIONS, punt 54 iktar 'il fuq, punt 28).

86. F'dak li jirrigwarda l-karattru paradossali ta' din il-pożizzjoni fir-rispett ta' l-aċċettazzjoni ta' l-UASI għat- trademark LIVE RICHLY għas-servizzi ta' assigurazzjoni u proprjetà immobbli, għandu jiġi emfasizzat li l-kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tillimita ruħha għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru. 40/94 għall-kawża li ġiet ippreżentata quddiema. Jekk, ċertament, jaqbel safejn hu possibbli li tinżamm koerenza fir-rikonoxximent tat- trademarks , il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għandhiex tiddeċiedi fuq trademarks barra mill-kawża li ġiet imressqa quddiema.

- Fuq l-użu esklussiv tat- trademark mir-rikorrenti

87. F'dak li jirrigwarda l-argument ibbazat fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-fatt li t- trademark li saret applikazzjoni għaliha mhijix użata, waqt is-seduta r-rikorrenti ddikjarat li, wara s-sentenza l-UASI vs Erpo Möbelwerk, punt 9 iktar 'il fuq, hija tirtira l-allegazzjoni li tgħid li l-UASI għandu jipprova li sabiex tkun nieqsa minn karattru distintiv trademark kommunitarja kienet tintuża b'mod ġenerali. Din id-dikjarazzjoni ġiet impoġġija fil-proċess verbal tas-seduta. Ir-rikorrenti madankollu sostniet li n-nuqqas ta' użu ta' trademark tista' tkun indikazzjoni li tgħid li l-kompetituri ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq dan il-kliem sabiex jidentifikaw is-servizzi tagħhom.

88. Il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar f'dan ir-rigward li l-karattru distintiv ta' trademark jiġi evalwat fuq il-fatt li tali trademark tista' tiġi pperċepita ma' l-ewwel daqqa t'għajn mill-pubbliku kkonċernat bħala indikażżjoni ta' l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz in kwistjoni (ara punt 66 iktar 'il fuq). In-nuqqas ta' użu preliminari f'dan ir-rigward ma jikkostitwixxix neċessarjament indikazzjoni ta' tali perċezzjoni.

89. Fil-każ in eżami, fid-dawl ta' l-elementi preċedenti, in-nuqqas ta' użu, anke jekk ivverifikat, ma jmurx kontra l-perċezzjoni tas-servizzi in kwistjoni. L-argument tar-rikorrenti għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

- F'dak li jirrigwarda l-karattru immaġinattiv tat- trademark

90. Ir-rikorrenti tqis li l-eżaminatriċi kienet żbaljata meta kkunsidrat, fl-ittra tat-3 ta' Lulju 2001, in-nuqqas ta' karattru immaġinattiv tat- trademark sabiex tiċħad l-applikazzjoni għar reġistrazzjoni tagħha.

91. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, skond il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta' karattru distintiv ta' trademark ma jistax jirriżulta min-nuqqas ta' żieda ta' fantażija [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' April 2001, Bank für Arbeit und Wirtschaft vs l-UASI (EASYBANK), T-87/00, Ġabra p. II-1259, punt 39] jew ta' ħjiel minimu ta' immaġinazzjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Taurus-Film vs l-UASI (Cine Action), T-135/99, Ġabra p. II-379, punt 31, u Taurus-Film vs l-UASI (Cine Comedy), T-136/99, Ġabra p. II-397, punt 31], għaliex trademark kommunitarja ma toħroġx neċessarjament minn kreazzjoni u ma hijiex ibbażata fuq element ta' oriġinalita jew ta' immaġinazzjoni, imma fuq il-kapaċità li tidentifika prodotti jew servizzi fis-suq, fir-rispett tal-prodotti jew servizzi ta' l-istess natura offerti mill-konkorrenti (sentenza LITE, punt 65 iktar 'il fuq, punt 30).

92. Fil-każ in eżami, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Bord ta' l-Appell ibbaża l-kunsiderazzjoni tiegħu fuq il-bżonn li jkun hemm trademark oriġinali jew immaġinattiva sabiex tiġi konkluża l-eżistenza tal-karattru distintiv tagħha.

93. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru. 40/94, hija biss deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell li tista' tkun is-suġġett ta' rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Issa, ir-rikorrenti tibbaża l-kontestazzjoni tagħha fuq il-kunsiderazzjoni ta' elementi ta' oriġinalità u ta' immaġinazzjoni, mill-eżaminatriċi fl-ittra tagħha tat-3 ta' Lulju 2001, li madankollu ma ġewx ikkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata.

94. Konsegwentement, anki jekk jiġi meqjus li l-eżaminatriċi kienet żbaljata meta kkunsidrat dawn il-kriterji fid-deċiżjoni tagħha, fin-nuqqas ta' tali indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

- Preċedenti tal-UASI u ta' awtoritajiet oħrajn

95. F'dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI, ta' slogans irreġistrati mill-UASI u f'xi Stati Membri, kif ukoll l-aċċettazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY f'pajjiżi terzi, ikun biżżejjed li jiġi mfakkar li, min-naħa, is-sistema kumunitarja tat- trademarks hija waħda awtonoma [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T-32/00, Ġabra p. II-3829, punt 47] u, min-naħa l-oħra, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appel tiġi kkunsidrata unikament fuq il-bażi tar-Regolament Nru. 40/94, hekk kif interpretat mill-Imħallef Komunitarju, u mhux fuq il-bażi ta' prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom [sentenza BUDMEN, punt 35 iktar 'il fuq, punt 61, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs l-UASI (STREAMSERVE) T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66].

96. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq id-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI, ta' slogans oħra rreġistrati mill-UASI jew f'xi Stati Membri kif ukoll ir-reġistrazzjoni tat- trademark LIVE RICHLY f'pajjiżi terzi ma humiex pertinenti u għandhom jiġu miċħuda.

Dwar l-ispejjeż

L-argumenti tal-partijiet

97. Ir-rikorrenti tqis li mid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi dedott li r-reġistrazzjoni tat- trademark ġiet miċħuda għas-servizzi finanzjarji u monetarji biss. Skond ir-rikorrenti, il-konvenut ammetta biss matul il-proċedura li t- trademark LIVE RICHLY setgħet tiġi rreġistrata għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli. Konsegwentement hija tqis li r-rikorrenti għandu jiġi kkundannat iħallas almenu żewġ terzi ta' l-ispejjez sostnuti matul dan ir-rikors.

98. Waqt is-seduta, il-konvenut sostna li d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar ir-reġistrazzjoni tat- trademark għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli kienu mingħajr ebda effett fuq l-għoti ta' l-ispejjeż.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

99. Skond l-Artikolu 87 (2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn dan, skond l-Artikolu 87 (6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

100. Fil-każ in eżami, il-konvenut talab li r-rikorrenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. Il-motivi invokati mir-rikorrenti ġew miċħuda kollha, minn barra l-motiv ibbażat fuq in nuqqas ta' motivazzjoni, li fuqu ma hemmx lok li tiġi meħuda deċiżjoni fid-dawl tal-preċiżazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward ta' l-għan tal-kawża (ara l-punt 50 iktar 'il fuq). Dawn il-preċiżazzjonijiet tar-rikorrenti madankollu ġew wara d-dikjarazzjonijiet tal-konvenut, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba matul l-istanza, dwar ir-reġistrazzjoni tat- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi ta' assigurazzjoni u ta' proprjetà immobbli, servizzi li fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata ma jidirx biżżejjed li kienu suġġetti għal ċaħda ta' reġistrazzjoni.

101. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ordnat li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mil-konvenut.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Ir-rikorrenti għanda tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-konvenut.

3) Il-konvenut għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Top