This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003TJ0318
Judgment of the Court of First Instance (Second Chamber) of 20 April 2005. # Atomic Austria GmbH v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Word mark ATOMIC BLITZ - Opposition of the proprietor of national word marks ATOMIC - Evidence of renewal of registration of the earlier mark - Scope of the examination conducted by OHIM - Rejection of opposition - Article 8(1)(b) of Regulation (EC) No 40/94. # Case T-318/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) ta' l-20 ta' April 2005.
Atomic Austria GmbH vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade Mark Komunitarja - Trade Mark verbali ATOMIC BLITZ - Oppożizzjoni mill-propjetarju tat-trade mark nazzjonali verbali ATOMIC - Prova ta' tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark irreġistrata qabel - Skop ta' l-eżami ta' l-UASI - Ċaħda ta' l-oppożizzjoni - Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) nru 40/94.
Kawża T-318/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) ta' l-20 ta' April 2005.
Atomic Austria GmbH vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade Mark Komunitarja - Trade Mark verbali ATOMIC BLITZ - Oppożizzjoni mill-propjetarju tat-trade mark nazzjonali verbali ATOMIC - Prova ta' tiġdid tar-reġistrazzjoni tat-trade mark irreġistrata qabel - Skop ta' l-eżami ta' l-UASI - Ċaħda ta' l-oppożizzjoni - Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE) nru 40/94.
Kawża T-318/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:136
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża T-318/03,
Atomic Austria GmbH, stabbilita fl-Altenmarkt (l-Awstrija), rappreżentata minn G. Kucsko u C. Schumacher, Avukati,
rikorrenti
vs
Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trade marks u disinji) (UASI), rappreżentati minn G. Schneider u B. Müller, bħala aġenti,
konvenut
il-parti l-oħra għall-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kienet
Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil, SA, stabbilita f'Onil (Spanja),
li kellha bħala l-għan tagħha, talba għal annullament tad-Deċiżjoni tat-tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-9 ta' Lulju 2003 (Każ R 95/2003-2), dwar il-proċedura ta' l-oppożizzjoni bejn Atomic Austria GmbH u Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil, SA,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Awla),
komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,
Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Settembru 2003,
wara li rat it-tweġiba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Frar 2004,
wara s-seduta tad-9 ta' Novembru 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Sfond Kontenżjuż
1. Fit-13 ta' Novembru 2000, il-kumpanija Spanjola Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil, SA ippreżentat talba għal reġistrazzjoni ta' trade mark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trade marks u disinji) (UASI) kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- trade mark Komunitarja ( ĠU 1994, L 11, p. 1 ), kif emendat.
2. It- trade mark mitluba kienet il-marka verbali ATOMIC BLITZ.
3. Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 28 skond it-Trattat ta' Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi għall-fini tar-reġistrazzjoni ta' trade marks , tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti : "Logħob u ġugarelli; artikli ta' ġinnastika u sport mhux inklużi fi klassijiet oħra".
4. Din it-talba ġiet ippubblikata fil- Bulettin ta' trade marks komunitarji nru 60/2001 tad-9 ta' Lulju 2001.
5. Fit-3 ta' Ottubru 2001, il-kumpanija Atomic Austria GmbH (minn hawn 'l quddiem "ir-rikorrenti"), bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament nru 40/94, opponiet it-talba għal reġistrazzjoni. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq ħames trade marks irreġistrati qabel li kienu jikkonsistu f'sinjal ATOMIC (minn hawn 'l quddiem " trade marks irreġistrati qabel"), li kienu jagħmlu parti mir-reġistrazzjonijiet segwenti fl-Awstrija :
- trade mark verbali nru 75 086, mitlub fis-16 ta' Marzu 1973 u rreġistrat fit-23 ta' Awwissu 1973;
- trade mark verbali nru 76 640, mitlub fit-8 ta' Frar 1974 u rreġistrat fil-15 ta' Marzu 1974;
- trade mark verbali nru 85 558, mitlub fit-2 ta' Marzu 1977 u rreġistrat fis-16 ta' Mejju 1977;
- trade mark verbali nru 97 370, mitlub fis-27 ta' Marzu 1981 u rreġistrat fit-22 ta' Lulju 1981;
- trade mark verbali nru 106 849, mitlub fit-28 ta' Ġunju 1984 u rreġistrat fl-10 ta' Settembru 1984.
6. Għal kull trade mark irreġistrat qabel, l-att ta' oppożizzjoni tar-rikorrenti kien akkumpanjat minn estratt tar-reġistru tat- trade marks Awstrijak, bi traduzzjoni fl-Ingliż kif ukoll b'attestazzjoni mill-aġent tal-privattivi li jirrapreżenta lir-rikorrenti quddiem l-UASI li tikkonferma li "[...] il-ħames reġistrazzjonijiet huma validi għall-oġġetti kollha indikati fl-estratt u fit-traduzzjoni tiegħi rispettivament". L-estratt kien iġib id-data tad-19 ta' April 1999.
7. Permezz ta' ittra tat-23 ta' Novembru 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI infurmat lir-rikorrenti li l-oppożizzjoni tagħha ġiet ikkomunikata lill-applikant u li ġie mgħoti terminu ta' erba' xhur, li jiskadi fit-23 ta' Marzu 2002, sabiex jissottometti fl-atti kull prova jew osservazzjoni ulterjuri li huwa jikkunsidra meħhtieġa sabiex isaħħaħ l-oppożizzjoni tiegħu.
8. Din l-ittra kellha magħha nota ta' informazzjoni dwar il-provi meħtieġa sabiex wieħed isaħhħaħ oppożizzjoni (minn hawn 'l quddiem "nota ta' informazzjoni"). La l-ittra, u lanqas in-nota ta' informazzjoni ma kellha talba espliċita għas-sottomissjoni tad-dokumenti nieqsa msemmija speċifikament.
9. Ir-rikorrenti ma ipproduċiet l-ebda evidenza dokumentarja supplementari sabiex isaħħaħ l-oppożizzjoni tagħha fit-terminu impost.
10. Bid-deċiżjoni tagħha tad-9 ta' Diċembru 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi peress li r-rikorrenti naqset milli tissottometti provi ta' tiġdid tat- trade marks irreġistrati qabel li jevidenzjaw il-validità ġuridika ft-terminu impost.
11. Fis-17 ta' Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad- Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI. Ir-rikorrenti sostniet li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-attestazzjoni ta' l-aġent tal-privattivi, li l-kopji ta' l-estratti ippreżentati ma kellhomx indikazzjonijiet li juru li r-reġistrazzjonijiet saru nulli u li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kien ikollha ssaqsi speċifikament lir-rikorrenti tissottometti d-dokumenti nieqsa.
12. Bid-deċiżjoni tad-9 ta' Lulju 2003 (minn hawn 'l quddiem "deċiżjoni kkontestata"), it-tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħdet ir-rikors li sar kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.
13. Il-Bord ta' l-Appell osserva li n-nota ta' informazzjoni li kienet ma' l-ittra ta' l-UASI tat-23 ta' Novembru 2001 indikat f'mod ċar u mhux ekwivoku li tiġdid tat- trade marks irreġistrati qabel kellhom jiġu evidenzjati permezz ta' ċertifikat ta' tiġdid jew kwalunkwe prova oħra ekwivalenti. Huwa kkunsidra li l-attestazzjoni maħruġa mill-aġent tal-privattivi li rrappreżenta lir-rikorrenti quddiem il-UASI li tikkonferma l-validità tat- trade marks irreġistrati qabel, ma setgħetx tiġi aċċettata bħala prova ekwivalenti għal ċertifikat tat-tiġgdid uffiċjali. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiża li l-fatt li n-nota ta' informazzjoni diġà mehmuża ma' l-ittra tat-23 ta' Novembru 2001 kienet tippermetti li issir distinzjoni bejn il-kawża preżenti u d-deċciżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell invokati mir-rikorrenti, li fihom kien ġie deċiż li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kellha tibgħat invit komplementari.
Proċedura
14. B'ittra tas-27 ta' Ottubru 2004, l-UASI ppreżentat ċerti osservazzjonijiet dwar ir-rapport tas-seduta.
15. Fis-16 ta' Novembru 2004, wara s-seduta, il-Qorti Tal-Prim'Istanza stiednet lill- partijiet sabiex jippreżentawlha l-liġijiet li jirregolaw it-tul tal-protezzjoni tat- trade marks taħt il-liġi Awstrijaka. Ir-rikorrenti u l-UASI wieġbu għal dan l-invit permezz ta' ittri tal-25 ta' Novembru 2004 u tad-29 ta' Novembru 2004, rispettivament.
16. Wara t-tweġibiet tal-partijiet, il-proċedura orali waslet fit-tmiem fl-10 ta' Diċembru 2004.
Talbiet tal-partijiet
17. Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Tal-Prim'Istanza għandha:
- tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
- tikkundanna l-UASI sabiex tħallas l-ispejjez.
18. L-UASI talbet li l-Qorti Tal-Prim'Istanza għandha:
- Tiċħad ir-rikors;
- tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tħallsu l-ispejjez.
Il-qafas legali
19. Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinnota tliet motivi, prinċipalment, li l-Bord ta' l-Appell ma sabx lid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni naqset milli tikkunsidra l-provi fornuti lilha, u sussidjarjament, li l-Bord ta' l-Appell ma sabx difett proċedurali f'li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma ġibditx l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq in-nuqqas ta' ċerti dokumenti u wkoll sussidjarjament, li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-fiduċja leġittima meta astjeniet milli tindika t-tibdil fil-prattika tagħha.
Dwar l-ewwel talba, nuqqas ta' kunsiderazzjoni mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tal-provi ppreżentati
20. L-ewwel talba tinqasam f'żewġ partijiet. Fil-kuntest ta' l-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-estratt tar-reġistru tat- trade marks Awstrijak li huwa ippreżenta, jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-validità tat -trade marks irreġistrati qabel. Fil-kuntest tat-tieni parti, huwa qal li tali prova inġiebet minnu permezz ta' l-attestazzjoni stabbilita mill-aġent tal-privattivi.
21. Huwa xieraq li l-ewwel tiġi eżaminata l-ewwel parti tat-talba.
Argumenti tal-partijiet
22. Ir-rikorrenti ssostni li l-atti li jakkumpanjaw l-att ta' oppożizzjoni tat-3 ta' Ottubru 2001 kienu kompluti. Skond din, il-prova meħtieġa mir-regola 16(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li timplimenta r-Regolament nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1), kienet ġiet mogħtija peress li l-estratti uffiċjali tar-reġistru dwar it- trade marks irreġistrati qabel jippermettu li jiġi kkostatat li t- trade marks in kwistjoni huma validi. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqies li, jekk fil-mument li saru l-estratti, il-protezzjoni tat- trade marks irreġistrati qabel kienu, per eżempju, skadew, kieku l-Österreichisches Patentamt (uffiċċju tal-privattivi Awstrijak) kien jopponi li tissemma fl-estratti. Peress illi l-estratti ppreżentati mir-rikorrenti li jitrattaw it- trade marks irreġistrati qabel ma kellhomx tali referenza, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ma kellha l-ebda raġuni għalxiex tissuspetta li l-validità tar-reġistrazzjoni kienet intemmet.
23. Sussegwentement, bejn id-data ta' meta saru l-estratti tar-reġistru u d-data ta' meta intefa l-att ta' oppożizzjoni, l-ebda tiġdid ma kien meħtieġ għat- trade marks irreġistrati qabel, bl-eċċezzjoni tal-marka nru 97 370. Għalhekk, skond ir-rikorrenti, ma kienx hemm raġuni biex jiġi ppreżentat ċertifikat ta' tiġdid jew prova ekwivalenti skond it-tifsira tan-nota ta' informazzjoni.
24. Fis-seduta, ir-rikorrenti għamlet osservazzjoni li l-perijodu tal-protezzjoni ta' trade mark simili li wieħed jista' jasal għalih minn dokument uffiċjali ma jiggarantix li t- trade mark tkun protetta eżattament waqt dan il-perijodu. Min-naħa waħda, il-protezzjoni tista' tiġi mġedda. Fil-fatt, fl-Awstrija, it-tiġdid jista' iseħħ f'terminu ta' sitt xhur mill-iskadenza tal-perijodu ta' protezzjoni. Min-naħa l-oħra, trade mark tista' tiġi annullata permezz ta' deċiżjoni ġudizzjarja qabel l-iskadenza ta' dan il-perijodu, jew inkella, is-sid jista' jirrinunzja għal tali trade mark . Ir-rikorrenti kkonkludiet li anki l-indikazzjoni tal-perijodu ta' protezzjoni ma jigarantix li t- trade mark tkun protetta b'mod effettiv sad-data indikata u li, b'konsegwenza, il-perijodu ta' protezzjoni m'għandhiex importanza li tista' tiġi ikkomparata ma' karatteristiċi oħra ta' l-imsemmija trade marks li tkopri l-lista ta' prodotti u servizzi.
25. Minn barra dan, ir-rikorrenti affermat waqt l-udjenza li l-Österreichisches Patentamt ma toħroġx ċertifikati speċifiċi ta' tiġdid ta' trade marks . F'sitwazzjoni tali, ir-rikorrenti ddeċidiet li tevidenzja l-validità tat- trade marks irreġistrati qabel permezz ta' l-estratti tar-reġistru.
26. L-UASI fakret li l-parti li tkun qed toppona trid turi permezz tal-provi l-eżistenza tad-dritt preċedenti li fuqha hija ibbażata l-oppożizzjoni. L-evidenza ta' trade marks irreġistrati qabel tinkludi wkoll il-prova tat-tiġdid eventwali tagħha. Fil-fatt, fl-assenza ta' tiġdid, it- trade mark titlef il-validità tagħha u ma tistax tostakola aktar ir-reġistrazzjoni ta' trade marks ġodda.
27. Skond l-UASI, l-estratti tar-reġistru ta' l-Österreichisches Patentamt dwar it- trade marks irreġistrati qabel li jakkumpanjaw l-att ta' oppożizzjoni tar-rikorrent ma jippermettux li tiġi stabbilita d-data ta' l-iskadenza tal-protezzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel li hija element essenzjali ta' dritt mgħoti mit- trade mark. Fin-nuqqas ta' spjegazzjoni speċifika dwar il-perijodu tal-protezzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel min-naħa tar-rikorrent, l-UASI ikkunsidrat li tali perijodu huwa ta' għaxar snin. Iżda, dan il-perijodu kien għadda għat- trade marks kollha irreġistrati qabel, li kienu irreġistrati bejn 1973 u 1984.
28. Filwaqt li l-UASI għarfet l-applikazzjoni mutatis mutan dis tal-prinċipji li ġew stabbiliti fl-ordinanza tal-Qorti Tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Novembru 2003, Strongline/UASI - Scala (SCALA) (T-235/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra), hija tgħid li l-fatt li d-data ta' skadenza tal-perijodu ta' protezzjoni ma toħroġx mill-estratti tar-reġistru twaqqaf il-parti l-oħra mill-proċedura ta' oppożizzjoni u lill-Bord ta' l-Appell milli jivverifikaw b'ċertezza suffiċjenti l-istatus legali u l-propjetà tat- trade marks irreġistrati qabel. Għalhekk, skond l-UASI, l-estratti prodotti ma jkunux biżżejjed bħala prova unika ta' l-eżistenza tat- trade marks irreġistrati qabel.
29. Fl-udjenza, l-UASI żiedet li l-estratti preżentati mir-rikorrenti kienu antiki wisq għal tal-preżentazzjoni tagħhom lill-UASI. Hija osservat ukoll li, anki jekk kien impossibbli għar-rikorrenti sabiex tippreżenta ċertifikat uffiċjali ta' tiġdid, xorta setgħet turi it-tiġdid ta' trade marks irreġistrati qabel billi tippreżenta testi tad-dritt Awstrijak li jirregolaw it-terminu ta' protezzjoni tat- trade marks irreġistrati qabel, jiġifieri l-ittra tal-Österreichisches Patentamt li magħha kienu annessi ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tat- trade marks irreġistrati qabel.
30. Minn barra dan, l-UASI ppreżentat numru ta' argumenti li għandhom it-tendenza li jappoġġaw l-ewwel parti tat-talba preżenti u, b'hekk, it-talba ta' annullament tad-deċiżjoni ikkontestata.
Sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza
31. Fl-ewwel lok, il-Qorti ta' Prim'Istanza tfakkar li, kif jirriżulta mil-ħhames premessa tar-Regolament nru 40/94, il-liġi komunitarja dwar it- trade marks mhix sostitwibbli mil-liġijiet dwar it- trade marks ta' l-Istati Membri. Is-sistema maħluqa minn dan ir-regolament tipresupponi li l-UASI tikkunsidra l-eżistenza tat- trade marks jew tat- trade marks nazzjonali rreġistrati qabel.
32. Minn barra dan, l-Artikolu 8(1), moqri flimkien ma' l-Artikolu 8(2) (a) (ii) u (iii), ta' dan ir-Regolament, jipprovdi li l-propjetarju ta' trade marks nazzjonali jew internazzjonali rreġistrati qabel li jkunu fis-seħħ fi Stat Membru jista' jopponi, taħt il-kundizzjonijiet li huwa jiddetermina, għar-reġistrazzjoni ta' trade mark komunitarja.
33. Kif jirriżulta, primarjament mill-Artikolu 74 (1), tar-Regolament nru 40/94, fil-proċedura li tikkonċerna raġuni relativa għhaċ-ċaħda ta' reġistrazzjoni, hija l-parti li topponi r-reġistrazzjoni ta' trade mark komunitarja, li tibbaża ruħha fuq trade mark nazzjonali rreġistrata qabel, li għandha turi l-eżistenza u, jekk meħtieġ, l-estensjoni ta' protezzjoni.
34. Min-naħa l-oħra, l-UASI trid teżamina jekk, fil-kuntest ta' proċedura ta' oppożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta' raġuni ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni invokati humiex sodisfatti. F'dan il-kuntest, hija trid tagħti każ tal-fatti materjali invokati u l-forza probatorja ta' l-elementi ppreżentati mill-partijiet.
35. Hija tista' tiġi mitluba tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn it- trade mark irreġistrata qabel hija protetta, liema protezzjoni hija l-bażi ta' l-oppożizzjoni. F'dan il-każ, trid tinforma l-uffiċċju, permezz tal-mezzi li jidrilha l-aktar utli għal dan l-għan, fuq id-dritt nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' raġuni ta' ċaħda tar-reġistrazzjoni in kwistjoni u, partikolarment, tal-fatti materjali ppreżentati jew tal-forza legali tad-dokumenti ippreżentati. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-bażi fattwali ta' l-evalwazzjoni imwettqa mill-UASI ma teskludix li hija tieħu in kunsiderazzjoni, minbarra l-fatti ppreżentati speċifikament mill-partijiet għall-proċedura ta' oppożizzjoni, fatti magħrufa, jiġifieri fatti li probabbilment huma magħrufa mill-persuni kollha jew li jistgħu jkunu magħrufa minn sorsi li huma ġeneralment aċċcessibbli [sentenza tal-Qorti ta' Prim'Istanza tat-22 ta' Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et./UASI - DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 29, mhux appellata fuq dan il-punt].
36. L-UASI tista' ukoll, fil-każ li tikkunsidra dan utli, tistieden lill-partijiet sabiex jagħtuha indikazzjonijiet dwar ċerti punti preċiżi tal-liġi nazzjonali tagħhom. Il-parti interessata mhix obbligata li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha, informazzjoni ġenerali dwar il-liġi tal-propjetà intellettwali fis-seħħ fl-Istat Membru ikkonċernat.
37. L-eżami tal-fatti u ta' l-elementi ippreżentati quddiem l-UASI jrid jitwettaq b'mod li jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet għall-proċedura ta' l-oppożizzjoni u ta' l-ekwità proċedurali. Fil-fatt, jekk l-applikant ta' trade mark komunitarja għandu dubji dwar il-forza probatorja tad-dokumenti ppreżentati mill-parti l-oħra sabiex juri l-eżistenza ta' dritt preċedenti invokat, jew anki dwar il-limitu ta' dak id-dritt, jista' jesprimi dan fil-proċedura quddiem l-UASI, li hija marbuta li teżamina attentament l-osservazzjonijiet ikkonċernati.
38. Iżda, l-UASI ma tistax toqgħod lura milli twettaq evalwazzjoni kompluta tal-fatti u tad-dokumenti ppreżentati lilha billi targumenta li huwa minn jopponi li jrid jipprovdi fuq l-inizjattiva tiegħu, provi fil-forma ta' informazzjoni dettaljata, dwar il-liġi ta' l-Istat Membru li fiha hija protetta t- trade mark irreġistrata qabel li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni.
39. Minn barra dan, wieħed għandu jinnota li la r-Regolament nru 40/94 u lanqas ir- Regolament nru 2868/95 ma jispeċifikaw il-forma obbligatorja ta' l-elementi ta' prova li jridu jiġu mgħotija minn min jopponi sabiex jiġġustifika l-eżistenza tad-dritt preċedenti tiegħu. Ir-Regolament nru 2868/95 jgħid fir-Regolament 16(2), li, "Jekk l-oppożizzjoni hija bbażata fuq trade mark preċedenti li mhijiex trade mark Komunitarja, l-avviż ta' oppożizzjoni għandu preferibbilment ikollu miegħu prova tar-reġistrazzjoni jew applikazzjoni għal dik il-marka rreġistrata qabel, per eżempju ċertifikat ta' reġistrazzjoni". Minn barra dan, l-Artikolu 76(1), tar-Regolament nru 40/94, li jitratta kif għandha tittieħed ix-xiehda quddiem il-UASI, jipprovdi biss lista mhux eżawrjenti ta' miżuri possibbli ("[...]l-mezzi ta' kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda għandhom jinkludu dan li ġej [...]").
40. Isegwi minn dan li, min-naħa waħda, minn jopponi huwa ħieles li jagħżel il-prova li huwa jqis utli li jippreżenta lill-UASI sabiex isaħħaħ l-oppożizzjoni tiegħu, u min-naħa l-oħra, l-UASI hija marbuta li tanalizza l-elementi kollha ppreżentati sabiex tasal għall-konklużjoni jekk humiex effettivament prova tar-reġistrazzjoni jew ta' l-applikazzjoni li saret qabel għal trade mark , u ma tistax tiċħad tip ta' prova bħala inaċċettabbli minħabba l-forma tagħha.
41. Dik il-konklużjoni hija msaħħa mid-differenzi li jeżistu bejn il-prattiċi amministrattivi ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, kieku kien aċċettat li l-UASI tista' timponi xi kundizzjonijiet dwar il-forma tal-provi li għandha tiġi ppreżentata, kien jiġri li, f'ċerti każijiet, kien ikun impossibbli li l-partijiet jippreżentaw tali provi. Dan ikun il-każ, jekk ir-rikorrenti ppreżentat, mingħajr ma jiġi kkontestat fuq dan il-punt minn l-UASI, li l-Österreichisches Patentamt ma toħroġx dokumenti uffiċjali li juri t-tiġdid ta' trade mark u li, għalhekk mhix f'pożizzjoni li tippreżenta tali dokument.
42. Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ppreżentat estratti maħruġa mill-Österreichisches Patentamt fid-19 ta' April 1999. F'kull wieħed mill-ħames estratti, kull waħda tikkorrispondi għal trade mark irreġistrata qabel, il-kaxxa intitolata "Skadiet fil-" kienet vojta. Għalhekk, dawk id-dokumenti jikkonfermaw il-validità tat- trade marks irreġistrati qabel kif kienu fid-data ta' meta saru l-estratti, li kienet id-19 ta' April 1999. Jidher ċar ukoll mill-estratti li t- trade marks irreġistrati qabel kienu rreġistrati, rispettivament, fit-23 ta' Awwissu 1973 ( trade mark nru 75 086), 15 ta' Marzu 1974 ( trade mark nru 76 640), 16 ta' Marzu 1977 ( trade mark nru 85 558), 22 ta' Lulju 1981 ( trade mark nru 97 370) u 10 ta' Settembru 1984 ( trade mark nru 106 849).
43. Fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet speċifiċi min-naħa tar-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ippresuma li l-perijodu ta' protezzjoni tat- trade marks kien ta' għaxar snin mid-data tar-reġistrazzjoni taħt il-liġi Awstrijaka. Anki jekk, kif jirriżulta mir-regoli tal-liġi nazzjonali ppreżentati mill-partijiet bħala risposta għall-istedina tal-Qorti ta' Prim'Istanza, l-UASI kienet korretta f'dak li assumiet, wieħed irid josserva li f'dan ir-rigward l-UASI li hija korp komunitarju speċjaliżżata fil-qasam tal-propjetà intelletwali u li għalhekk għandha livell konsiderevoli ta' għarfien speċjaliżżat f'dan il-qasam, ma kelliex tikkuntenta ruħha b'sempliċi preżunzjoni tal-fatti dwar il-protezzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel. L-ewwel nett, il-Bord ta' l-Appell aġixxa b'mod kontradittorju billi min-naħa waħda qagħad fuq il-preżunzjoni ta' perijodu ta' protezzjoni ta' għaxar snin għal trade marks Awstrijaċi u f'li ċaħad min-naħa l-oħra li japplika bis-sħiħ dik il-preżunzjoni relattiva għall-perijodu ta' protezzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-importanza ta' l-estratti tar-reġistru ppreżentati mir-rikorrenti. It-tieni nett, isegwi mill-punti 31 sa 41 hawn fuq, li l-Bord ta' Appell kellu jivverifika l-perijodu ta' protezzjoni tat- trade marks fl-Awstrija, skond il-liġi ta' dak l-Istat.
44. Skond l-Artikolu 19(1), tal-Markenschutzgesetz (liġi dwar il-protezzjoni tat- trade marks ) ta' l-1970, il-perijodu ta' trade mark Awstrijaka jiskadi għaxar snin wara t-tmiem tax-xahar li fih it- trade mark ġiet irreġistrata. Dan il-perijodu jista' jiġġedded. F'każ ta' tiġdid, il-perijodu ġdid ta' protezzjoni, li huwa wkoll ta' għaxar snin, jibda mill-għada ta' l-iskadenza tal-perijodu preċedenti, u dan indipendentement mid-data ta' tiġdid effettiv.
45. Isegwi li, sabiex il-protezzjoni tkompli, kull trade mark irreġistrata qabel kellha tiġi mġedda kull għaxar snin. Il-fatt li, kif spjegat fil-punt 42 aktar il-fuq, it- trade marks kollha irreġistrati qabel kienu validi sad-19 ta' April 1999 ifisser li t-tiġdid li kellu jseħħ fl-1991 ( trade mark nru 97 370), fl-1993 ( trade mark nru 75 086), fl-1994 ( trade mark nru 76 640 u trade mark nru 106 849) u fl-1997 ( trade mark nru 85 558) rispettivament, effettivament seħħ. Ifisser ukoll li l-perijodu ta' protezzjoni ġie estiż sal-31 ta' Awwissu 2003 għat- trade mark nru 75 086, sal-31 ta' Marzu 2004 għat- trade mark nru 76 640, sal-31 ta' Mejju 2007 għat- trade mark nru 85 558, sal-31 ta' Lulju 2001 għat- trade mark nru 97 370 u sat-30 ta' Settembru 2004 għat- trade mark nru 106 849.
46. Għalhekk, għall-kuntrarju għall-affermazzjonijiet ta' l-UASI, l-estratti ppreżentati mir-rikorrenti għamluha possibbli li tiġi stabbilita d-data ta' skadenza tal-protezzjoni tat- trade marks irreġistrati qabel u, minnbarra dan, għamlu possibbli li ugwalment jiġi konkluż li erba' minn ħames trade marks irreġistrati qabel) (bl-eċċezzjoni tat -trade mark nru 97 370) kienu validi fil-mument tad-deċiżjoni tal-Bord ta' Appell, tad-9 ta' Lulju 2003.
47. Il-fatt li l-estratti kienu iġibu d-data ta' aktar minn 29 xahar qabel id-data ta' meta ġew ippreżentati lill-UASI, mhux soġġetti li jdajjfu dik il-konklużjoni. Fil-fatt, għalkemm kien ikun aħjar kieku r-rikorrenti ippreżentat l-estratti l-aktar reċenti, l-evalwazzjoni msemmija fil-punti 45 u 46 aktar 'il fuq hija indipendenti miż-żmien ta' l-estratti. Minn barra dan, hemm konsistenza f'li l-ħames trade marks irreġistrati qabel ma tbiddlux bejn il-ħruġ ta' l-estratti u l-preżentazzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, l-aġent tal-privattivi tar-rikorrenti ddeċieda li jeħmeż l-estratti ma' l-attestazzjoni tiegħu li jikkonfermaw il-validità kontinwa tat- trade marks irreġistrati qabel, sabiex ikopri dak l-aħħar perijodu, li huwa inevitabbli meta jiġu ppreżentati dokumenti uffiċjali.
48. Huwa xieraq li jiġi miċħud l-argument ta' l-UASI li jgħid li r-rikorrent setgħa jippreżenta l-estratti rilevanti tal-liġi Awstrijaka, jew l-ittri ta' l-Österreichisches Patentamt li magħhom kienu annessi ċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni ta' trade marks irreġistrati qabel sabiex juru t-tiġdid ta' dawn ta' l-aħħar.
49. Fil-fatt, kif imsemmi fil-paragrafi 31 sa 41 u 43 hawn fuq, ir-rikorrenti ma kinitx obbligata li tippreżenta, fuq inizjattiva tagħha stess, informazzjoni ġenerali dwar il-liġi Awstrijaka tat- trade marks .
50. Mill-ittra ppreżentata mill-UASI bħala kampjun fis-seduta, l-ittri li magħhom kienu annessi ċ-ċertifikati, huma abbozzati f'termini ġenerali u kull ma jagħmlu hu li jirrepetu d-dispożizzjonijiet dwar it-tul tal-perijodu ta' protezzjoni li jinsab fil-Markenschutzgesetz ta' l-1970. Għhalhekk, il-preżentazzjoni eventwali ta' dawn l-ittri m'għandhiex rilevanza għal din il-kawża.
51. Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza ċitata mill-UASI dwar l-obbligu li tiġi ppreżentata traduzzjoni adegwata tal-provi u d-dokumenti li jagħtu prova (ordni SCALA, imsemmija iktar 'il fuq), il-Qorti ta' Prim'Istanza osservat li anki jekk il-prinċipju tal-proċedura jeżiġi li l-parti l-oħra għall-proċedura ta' l-oppożizzjoni tkun tista' tara l-provi ppreżentati mir-rikorrenti fil-lingwa tal-proċedura, ma tistax tiġi interpretata li tifisser li l-provi weħidhom jippermettu lill-dik il-parti li tivverifika l-eżistenza tat- trade marks irreġistrati qabel, mingħajr ma dik il-parti ma tirikorri għall-assistenza ta' konsulent jew għal sorsi ta' informazzjoni li ġeneralment huma aċċessibbli, iżda li m'humiex parti mill-provi ppreżentati.
52. Għalhekk hemm lok sabiex l-ewwel parti ta' l-ewwel talba tiġi milqugħa.
53. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jsir riferiment għall-argumenti ppreżentati mill-UASI sabiex tiġi msaħħa l-ewwel parti ta' l-ewwel talba tar-rikorrenti u, konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa għall-Qorti ta' Prim'Istanza li tippronunzja ruħha dwar l-ammisibbilità tagħha.
54. Peress li r-rikors ġie milqugħ fuq il-bażi ta' l-ewwel talba, m'hemmx lok sabiex jiġu eżaminati t-talbiet sussegwenti li ġew ippreżentati mir-rikorrenti.
Dwar l-ispejjeż
55. Taħt l-Artikolu 87(2) tar-regoli ta' proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tħallas l-ispejjez konformement mat-talba tar-rikorrenti.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:
1) Id-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trade marks u disinji) (UASI) tad-9 ta' Lulju 2003 (Kawża R 95/2003-2) hija annullata.
2) L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trade marks u disinji Disinn) (UASI) hija kkundannata tħallas l-ispejjeż.