EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 62003TJ0053

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) tat-8 ta' Lulju 2008.
BPB plc vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-plasterboards - Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE - Ksur uniku u kontinwat - Reċidività - Multa - Linji gwida dwar il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi - Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
Kawża T-53/03.

Identifiant ECLI: ECLI:EU:T:2008:254

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-folji tal-ġibs — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ksur uniku u kontinwu — Reċidiva — Multa — Linji gwida dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multi — Avviż dwar il-kooperazzjoni”

Fil-Kawża T-53/03,

BPB plc, stabbilita fi Slough (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. Sharpe, QC, u A. Nourry, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, bħala aġent, assistit minn J. Flynn, QC, u minn C. Kilroy, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] kontra BPB plc, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Kawża COMP/E-1/37.152 — Folji tal-ġibs) (ĠU 2005, L 166, p. 8), jew, sussidjarjament, talba għall-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

BPB plc tipproduċi u tikkummerċjalizza materjali għall-kostruzzjoni abbażi ta’ ġibs.

2

Abbażi ta’ informazzjoni li rċeviet, fil-25 ta’ Novembru 1998 il-Kummissjoni wettqet stħarriġ fuq il-post għand tmien impriżi li joperaw fil-qasam tal-folji tal-ġibs, fosthom ir-rikorrenti. Fl-, hija kompliet l-investigazzjonijiet tagħha fl-istabbilimenti ta’ żewġ impriżi oħra.

3

Wara, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għall-informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU 1962, 13, p. 204), lid-diversi impriżi kkonċernati. Hija bagħtet erba’ talbiet lir-rikorrenti. BPB irrispondiet għal dawn it-talbiet fis-, fit-, fit- u fis-.

4

Fit-18 ta’ April 2001, il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri f’din il-kawża u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kemm kontra r-rikorrenti u kif ukoll kontra l-impriżi Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG (iktar ’il quddiem “Knauf”), Société Lafarge SA (iktar ’il quddiem “Lafarge”), Etex SA u Gyproc Benelux NV (iktar ’il quddiem “Gyproc”). L-impriżi kkonċernati ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u ngħataw aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni taħt forma ta’ kopja fuq CD-ROM li ntbagħat lilhom fis-.

5

Ir-rikorrenti rrispondiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-8 ta’ Lulju 2001.

6

Fis-27 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/471/KE, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] fil-konfront ta’ BPB, Knauf, Lafarge u Gyproc (Kawża COMP/E-1/37.152 — Folji tal-ġibs) (ĠU 2005, L 166, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7

Il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni kkontestata tiddikjara:

L-Ewwel Artikolu

BPB […], il-grupp Knauf, […] Lafarge […] u Gyproc […] kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-folji tal-ġibs.

It-tul tal-ksur kien is-segwenti:

a)

BPB […]: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-

b)

[il-grupp] Knauf: mill-31 ta’ Marzu 1992, l-iktar tard, sal-

ċ)

[…] Lafarge […]: mill-31 ta’ Awwissu 1992, l-iktar tard, sal-

d)

Gyproc […]: mis-6 ta’ Ġunju 1996, l-iktar tard, sal-

[…]

Artikolu 3

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, il-multi segwenti huma imposti fuq l-impriżi segwenti:

a)

BPB […] : EUR 138,6 miljun

b)

[…] Knauf […] : EUR 85,8 miljun

ċ)

[…] Lafarge […] : EUR 249.6 miljuni

d)

Gyproc […] : EUR 4,32 miljun

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Il-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi inkwistjoni ħadu sehem fi ksur uniku u kontinwu li seħħ permezz tal-aġir segwenti, li jikkostitwixxu akkordji jew prattiki miftiehma:

ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf iltaqgħu f’Londra (Ir-Renju Unit) fl-1992 u wrew ix-xewqa komuni li jistabilizzaw is-swieq tal-folji tal-ġibs fil-Ġermanja, fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Benelux;

ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf introduċew, mill-1992, sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni, li ssieħbu magħhom Lafarge u wara Gyproc, fir-rigward tal-volumi tal-bejgħ tagħhom fis-swieq tal-Ġermanja, tar-Renju Unit, ta’ Franza u tal-Benelux;

ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf u ta’ Lafarge kemm-il darba infurmaw lil xulxin, b’mod reċiproku, minn qabel dwar żiediet fil-prezzijiet fis-suq tar-Renju Unit;

sabiex jaffrontaw żviluppi partikolari fis-suq Ġermaniż, ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc iltaqgħu f’Versailles (Franza) fl-1996, fi Brussell (Il-Belġju) fl-1997 u fl-Aja (L-Olanda) fl-1998, bil-għan li jaqsmu bejniethom jew, għall-inqas, li jistabilizzaw is-suq Ġermaniż;

ir-rappreżentanti ta’ BPB, ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ Gyproc kemm-il darba infurmaw lil xulxin, b’mod reċiproku, u ftehmu fuq l-implementazzjoni taż-żieda fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż bejn l-1996 u l-1998.

9

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

10

Għall-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi, iddeterminat skont is-serjetà tal-ksur, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu ksur li min-natura tiegħu stess kien serju ħafna, peress li l-prattiki inkwistjoni kellhom l-għan li jwaqqfu l-ġlieda tal-prezzijiet u li jistabilizzaw is-suq permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-prattiki inkwistjoni kellhom impatt fis-suq, peress li l-impriżi kkonċernati kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità tal-offerta ta’ folji tal-ġibs u peress li d-diversi forom tal-akkordju ġew implementati f’suq ikkonċentrat u oligopolistiku ħafna. Fir-rigward tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kien kopra l-erba’ swieq prinċipali fi ħdan il-Komunità Ewropea, jiġifieri l-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza u l-Benelux.

11

Peress li qieset, wara dan, li kienet teżisti disparità kunsiderevoli bejn l-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat trattament differenzjat, u għalhekk ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni fis-swieq ikkonċernati, matul l-aħħar sena kompluta tal-ksur. Abbażi ta’ dan, l-ammont bażiku tal-multi ġie stabbilit fl-ammonti ta’ EUR 80 miljun għal BPB, ta’ EUR 52 miljun għal Knauf u għal Lafarge, u ta’ EUR 8 miljun għal Gyproc.

12

Sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriżi, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Lafarge ġiet miżjuda b’100 %, u saret EUR 104 miljun.

13

Wara, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, l-ammont bażiku ġie miżjud b’65 % għal BPB u għal Knauf, b’60 % għal Lafarge u b’20 % għal Gyproc, peress li l-Kummissjoni kkwalifikat il-perijodu tal-ksur bħala twil ħafna fil-każ ta’ Knauf, ta’ Lafarge u ta’ BPB u bħala medju fil-każ ta’ Gyproc.

14

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq BPB u fuq Lafarge ġew miżjuda f’50 % minħabba r-reċidiva.

15

Wara dan, il-Kummissjoni naqset b’25 % il-multa imposta fuq Gyproc minħabba ċirkustanzi attenwanti, dovuti għall-fatt li hija kienet element distabilizzanti li kien jikkontribwixxi sabiex jillimita l-effetti tal-akkordju fis-suq Ġermaniż u li hija ma kinitx topera fis-suq tar-Renju Unit.

16

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multi bi 30 % għal BPB u b’40 % għal Gyproc, b’applikazzjoni tat-Taqsima D(2) tal-avviż tal-Kummissjoni dwar in-nonimpożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”). Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multi imposti kien ta’ EUR 138,6 miljun għal BPB, ta’ EUR 85,8 miljun għal Knauf, ta’ EUR 249,6 miljun għal Lafarge u ta’ EUR 4,32 miljun għal Gyproc.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Frar 2003, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

18

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet inbidlet fil-bidu tas-sena ġudizzjarja l-ġdida, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, u konsegwnetement il-kawża ġiet assenjata lil din l-aħħar awla.

19

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub li huma rrispondew fit-terminu mogħti.

20

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2007.

21

Waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza talbet lir-rikorrenti sabiex tikkjarifika t-talba ta’ kunfidenzjalità tagħha qabel is-7 ta’ Frar 2007. Il-Kummissjoni ngħatat ukoll terminu ta’ żmien sabiex tkun tista’ tressaq eventwali osservazzjonijiet min-naħa tagħha fuq ir-risposta tar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni kunfidenzjali.

22

Il-proċedura orali ngħalqet fis-27 ta’ Marzu 2007.

23

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardaw lilha;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jirrigwarda lilha, jew, b’mod iktar sussidjarju, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata;

bla ħsara għall-annullament tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jew tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, tordna l-ħlas lura tas-somma prinċipali mħallsa minnha, flimkien mal-imgħaxijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

24

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

Id-dritt

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

25

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza tal-armi [equality of arms], meta din ibbażat ruħha fuq provi li ma kinux ikkomunikati lir-rikorrenti.

26

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma tathiex aċċess għall-informazzjoni pprovduta minn informatur anonimu. Issa, skont ir-rikorrenti, fid-19 ta’ Novembru 1998 il-Kummissjoni użat din l-informazzjoni sabiex jinħareġ mandat ta’ tfittxija mingħand Qorti fir-Renju Unit. Ir-rikorrenti tqis ukoll li mill-affidavit imressaq bħala anness mat-talba għall-mandat ta’ tfittxija jirriżulta li l-Kummissjoni kienet tqis l-informazzjoni msemmija bħala konvinċenti. Ir-rikorrenti ssostni li l-konvinzjoni tal-Kummissjoni li kien jeżisti akkordju kumpless kienet influwenzat l-interpretazzjoni tagħha tal-fatti u l-provi kollha.

27

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kellha tagħti aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kemm il-darba bbażat ruħha fuq dawn ir-risposti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-amministrazzjoni tal-prova.

28

Il-Kummissjoni tqis li l-obbligu li jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża ma jeħtieġx li hija tiżvela l-elementi kollha tal-fajl lill-impriżi kkonċernati u li hija tikkomprometti għalhekk l-eventwali karattru kunfidenzjali tal-elementi tal-fajl. Hija bl-ebda mod mhija marbuta li tiżvela lid-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet id-dokumenti inkriminanti li fuqhom hija ma jkollhiex l-intenzjoni li tibbaża ruħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjonijiet tagħha biss abbażi tal-provi li kienet tiddisponi minnhom u li kienu deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata.

29

Il-Kummissjoni tikkontesta li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġew miksura minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma setgħetx tara r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni tosserva li, jekk wara li tadotta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija tiskopri elementi ġodda li jkollha l-intenzjoni li tuża u fir-rigward ta’ liema l-impriżi ma kellhomx l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom, hija għandha tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali jew ittra li tistieden lill-impriżi kkonċernati jipprovdu osservazzjonijiet supplimentari fuq dawn il-provi l-ġodda. Jekk hija tonqos milli tagħmel tali stedina, hija ma tkunx tista’ tinvoka dawn l-elementi kontra d-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet inizjali.

30

Issa, f’dan il-każ, l-eżempji kollha mogħtija mir-rikorrenti jirrigwardaw dikjarazzjonijiet li jidhru fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li għalhekk ġew rikonoxxuti jew ikkontestati u fir-rigward ta’ liema r-rikorrenti setgħet tesprimi l-opinjoni tagħha. L-ebda waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet ma fiha xi lmenti ġodda jew informazzjoni ġdida ta’ fatti li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom sabiex tfassal il-konklużjonijiet tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

31

Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti li d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jkun hemm fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli fuq il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn l-elementi. Għalhekk, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex b’mod partikolari jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għas-smigħ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 334, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dak li jirrigwarda l-elementi inkriminanti, l-obbligu ta’ aċċess għall-fajl jeżisti biss fir-rigward tal-elementi li jkunu finalment intużaw fid-deċiżjoni u mhux fuq l-ilmenti kollha li l-Kummissjoni setgħet eventwalment tressaq fi kwalunkwe stadju tal-proċedura amministrattiva (sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 337). Fil-fatt, dokument jista’ biss jitqies bħala dokument inkriminanti fir-rigward ta’ rikorrent meta dan jintuża mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ ksur li jkun ipparteċipa fih dan ir-rikorrent (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, iktar ’il quddiem is-“sentenza Siment”, punt 284).

33

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax titlob, b’mod ġenerali u astratt, l-aċċess għad-dokumenti jew għall-informazzjoni li ma ġietx ikkomunikata lilha mingħajr ma tippreċiża b’liema mod l-elementi inkriminanti użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ġew iddeterminati minn dawn id-dokumenti jew din l-informazzjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, argument ta’ natura ġenerali mhuwiex kapaċi li jistabbilixxi r-realtà ta’ ksur tad-drittijiet ta’ difiża, li għandu jiġi eżaminat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punti 353 u 354).

34

F’dan il-każ, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mill-informatur anonimu, mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni li din l-informazzjoni kienet element li tat bidu għall-istħarriġ. Issa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, din l-informazzjoni finalment ma ġietx adottata tali kwali mill-Kummissjoni u l-ilmenti li tqajmu ġew ipprovati minn provi oħra.

35

Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma indikatx li xi lment, imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fid-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat b’mod esklużiv fuq l-informazzjoni pprovduta mill-informatur anonimu u li għaliha hija ma kellhiex aċċess.

36

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel aċċessibbli lill-impriżi implikati fi proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE d-dokumenti kollha inkriminanti jew li huma favurihom li hija tkun ġabret waqt l-investigazzjoni, dan l-obbligu ma japplikax ukoll fil-kuntest tas-sigrieti tan-negozju ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 68, u s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 335). Hekk kif tosserva l-Kummissjoni, fil-każ ta’ informazzjoni pprovduta b’mod purament volontarju iżda li jkollha magħha talba għall-kunfidenzjalità bl-iskop li jiġi protett l-anonimat tal-informatur, l-istituzzjoni li taċċetta li tirċievi din l-informazzjoni hija marbuta li tirrispetta tali kundizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 34). Fil-fatt, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-anonimat lil xi wħud mis-sorsi ta’ informazzjoni tagħha għandha importanza kruċjali fl-għan ta’ prevenzjoni u ta’ twaqqif effettiv tal-prattiki antikompetittivi pprojbiti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 64).

37

Konsegwentement, proċedura mibdija abbażi ta’ informazzjoni li l-provenjenza tagħha ma tkunx żvelata hija regolari, sakemm ma tiġix affettwata l-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li tesprimi l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà jew il-portata tal-fatti, fuq id-dokumenti kkomunikati jew fuq il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tasal għalihom abbażi tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 14).

38

Fid-dawl tal-obbligu li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kif ukoll tal-fatt li r-rikorrenti ma indikatx li xi lment, imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fid-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat fuq elementi li għalihom hija ma kellhiex aċċess, hija ma tistax tallega li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-armi minħabba li l-Kummissjoni ma tathiex aċċess għall-informazzjoni pprovduta mill-informatur anonimu.

39

F’dak li jirrigwarda l-aċċess għar-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa kostanti li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom matul il-proċedura amministrattiva.

40

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-allegati elementi inkriminanti li ma jidhrux fil-fajl tal-investigazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi osservat fiċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari f’kull proċedura li tista’ twassal għal pieni, anki jekk din tkun proċedura amministrattiva. Dan il-prinċipju jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 11, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 39).

41

Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-argumenti tagħhom fuq din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni ta’ risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew għad-dokument anness għal din ir-risposta fil-fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d-diversi impriżi li kienu ħadu sehem fil-ksur (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Siment, punt 32 iktar ’il fuq, punt 386, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fil-fatt, dokument jista’ biss jiġi kkunsidrat bħala dokument inkriminanti meta dan jintuża mill-Kummissjoni insostenn tal-konstatazzjoni ta’ ksur imwettaq minn impriża. Sabiex jiġi stabbilit ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront tagħha, mhuwiex biżżejjed li l-impriża inkwistjoni turi li, matul il-proċedura amministrattiva, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq dokument użat fi kwalsiasi parti tad-deċiżjoni kkontestata. Jeħtieġ li hija turi li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni użat dan id-dokument bħala prova sabiex tikkonkludi ksur li għalieh l-impriża ħadet sehem (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T-44/02 OP, T-54/02 OP, T-56/02 OP, T-60/02 OP u T-61/02 OP, Ġabra p. II-3567, punt 158).

43

Peress li dokumenti mhux ikkomunikati lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxux provi ammissibbli, hemm lok, jekk jirriżulta li l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq dokumenti li mhumiex inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni u li ma jkunux ġew ikkomunikati lir-rikorrenti, li dawn id-dokumenti ma jiġux ikkunsidrati bħala provi (sentenza Siment, punt 32 iktar ’il fuq, punt 382).

44

Jekk jeżistu dokumenti ta’ prova oħra li l-impriżi kkonċernati kienu jafu bihom matul il-proċedura amministrattiva li jsostnu b’mod speċifiku l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, l-eliminazzjoni bħala prova tad-dokument inkriminanti li ma ġiex ikkomunikat ma taffettwax il-validità tal-ilmenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 72).

45

Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku dokument mhux ikkomunikat, li fuqu l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha sabiex tinkrimina lil din l-impriża, ma kienx jiġi kkunsidrat bħala mezz ta’ prova kontriha (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 73).

46

F’dan il-każ, BPB issemmi biss il-premessi 130, 232, 393 u 524 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex turi l-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex iżżomm xi elementi inkriminanti.

47

F’dak li jirrigwarda dawn l-eżempji, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 524 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kull ma tagħmel huwa li ssemmi d-dikjarazzjoni ta’ Gyproc li tidher fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tgħid li l-parteċipazzjoni tagħha kienet ta’ intensità differenti. Ghalhekk, dan l-element bl-ebda mod ma ġie użat kontra BPB.

48

F’dak li jirrigwarda l-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, din hija estratt mir-risposta ta’ Lafarge għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tgħid li BPB kienet l-instigatriċi tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni mkien ma tuża din id-dikjarazzjoni ta’ Lafarge sabiex tipprova li BPB kienet l-instigatriċi ta’ din is-sistema. Bl-istess mod, il-multa ta’ BPB ma ġietx miżjuda minħabba li hija kienet l-instigatriċi tal-akkordju. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tat-tieni motiv iktar ’il quddiem, BPB ammettiet li kisret il-liġi tal-kompetizzjoni billi ħadet sehem fl-iskambju ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fl-erba’ swieq ikkonċernati.

49

F’dak li jirrigwarda l-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-interpretazzjoni tan-nota u tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur [E], id-direttur maniġerjali ta’ Gyproc, minn Gyproc fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hemm lok li jiġi riprodott il-kliem tagħha:

“Gyproc ulterjormant reġgħet tkellmet dwar in-nota u d-dikjarazzjonijiet espliċiti tas-Sur [E] billi qalet li ‘l-akkordju msejjaħ ta’ Versailles kien biss prova u qatt ma kien suġġett għal implementazzjoni effettiva’ kif ukoll li ‘qatt ma kien hemm qbil reali tar-rieda bejn il-parteċipanti, u ċertament mhux min-naħa ta’ Gyproc, fir-rigward tal-metodi kollha ta’ tqassim tas-suq Ġermaniż. Fil-fatt, l-[impriżi kkonċernati] qatt ma ftehmu dwar il-parti tas-suq preċiża li kellha tingħata lil Gyproc […] għalhekk Gyproc ġabet fix-xejn it-tentattiv sabiex jiġi konkluż akkordju bejn erba’.”

50

Issa, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 233 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet ta’ Gyproc, li bħala prinċipju għandhom valur ta’ prova iktar baxx min-nota preċitata u mid-dikjarazzjonijiet volontarji tas-Sur [E], la jikkonfutaw il-kontenut u lanqas l-għan tad-diskussjonijiet li saru, iżda jikkonfutaw, eventwalment, ir-riżultat tagħhom biss. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li BPB ammettiet l-eżistenza tal-laqgħa ta’ Versailles u l-fatt li l-għan tal-laqgħa kien li tiġi diskussa s-sitwazzjoni fis-suq Ġermaniż.

51

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkonkludiet biss li l-impriżi inkwistjoni kienu ltaqgħu f’Versailles fl-1996, fi Brussell fl-1997 u fl-Aja fl-1998 bil-għan li jaqsmu bejniethom, jew minn tal-inqas li jistabilizzaw is-suq Ġermaniż, iżda hija ma allegatx li kien irnexxielhom jikkonkludu akkordju fuq it-tqassim tal-ishma tas-suq Ġermaniż.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki li kieku l-interpretazzjoni tan-nota u tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur [E] minn Gyproc riprodotti fil-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi miċħuda, dan il-fatt ma jaffettwax l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni msemmija.

53

Għaldaqstant, ir-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx ikun differenti li kieku s-siltiet mir-risposti ta’ Gyproc u ta’ Lafarge għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija minn BPB kellhom jitneħħew mill-fajl.

54

Fl-aħħar, mill-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Gyproc aċċettat id-deskrizzjoni tal-fatti tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda ż-żiediet fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż. Effettivament, dan huwa element li l-Kummissjoni użat sabiex issaħħaħ it-teżi tagħha li tgħid li kien hemm akkordju fuq iż-żieda fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż, ħaġa li hija kkontestata minn BPB. Għalhekk, hemm lok li dan l-element jiġi miċħud bħala prova u li iktar ’il quddiem jiġi evalwat, f’dak li jirrigwarda lil BPB, jekk il-Kummissjoni rnexxiliex tipprova b’mod suffiċjenti fil-liġi li BPB, Knauf, Lafarge u Gyproc kienu infurmaw lil xulxin diversi drabi, b’mod reċiproku, u kienu ftehmu fuq l-applikazzjoni ta’ żiediet fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż bejn l-1996 u l-1998.

55

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk ir-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jistgħux jikkontjenu elementi favuriha, ir-rikorrenti ma resqet l-ebda argument f’dan is-sens fir-rikors.

56

B’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn hija ġiet mitluba tindika l-punti tar-rikors fejn hija tqajjem motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dak li jirrigwarda l-elementi favuriha, ir-rikorrenti għamlet biss referenza għall-punti 75 sa 120 tar-rikors tagħha. Issa, f’dawn il-punti, hija bl-ebda mod ma ssostni li r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet seta’ kien fihom xi elementi favuriha li hija setgħet tuża għad-difiża tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jikkontjenu elementi favuriha għandhom jiġu miċħuda.

57

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, bla ħsara għall-eventwali inċidenza tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ Gyproc li tidher fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u msemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata, li teħtieġ li ssir evalwazzjoni tal-ilment tat-tieni motiv li jirrigwarda l-kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-iskambji ta’ data fuq iż-żiediet fil-prezz fil-Ġermanja.

58

Barra minn hekk, sussidjarjament, iktar ’il quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ser tevalwa l-mertu tal-kawża billi tneħħi l-elementi inkriminanti kollha li jinsabu fir-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tivverifika jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-eżistenza u l-effetti tal-ksur hijiex ipprovata suffiċjentement fil-liġi anki mingħajr dawn l-elementi kkontestati.

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq iżbalji manifesti u/jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE

Fuq l-istandard tal-prova

L-argumenti tal-partijiet

59

Ir-rikorrenti tqis li, fil-kawżi li wasslu għall-impożizzjoni ta’ multa ħarxa, ir-regola meħtieġa fir-rigward tal-provi hija paragunabbli ma’ dik ta’ proċedura kriminali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru tal-prova u li l-ksur għandu jkun ipprovat b’mod suffiċjenti fil-liġi, u dan, fl-opinjoni tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li tingħata l-prova konvinċenti li l-ksur allegat ġie mwettaq. Hija tqis li, f’tali sitwazzjoni, l-applikazzjoni normali tal-ibbilanċjar tal-probabbiltajiet mhijiex biżżejjed. Barra minn hekk, sabiex tiġi rrispettata l-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dubji, ikunu liema jkunu, dwar il-prova għandhom jitqiesu favur id-difiża.

60

Il-Kummissjoni tikkontesta li l-livell ta’ prova li għandu jiġi applikat fil-kawżi dwar il-kompetizzjoni huwa identiku għal dak meħtieġ fil-qasam kriminali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

61

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-ksur ikkonstatat minnha u li tistabbilixxi provi xierqa li jistgħu juru, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. F’dan il-kuntest, hija b’mod partikolari l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-elementi kollha li jippermettu li tiġi konkluża l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ksur u r-responsabbiltà tagħha għad-diversi elementi li din il-parteċipazzjoni tinvolvi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 86).

62

Meta tkun kwistjoni ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma li għandhom skop antikompetittiv, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprova li l-impriża kellha l-intenzjoni li permezz tal-aġir tagħha stess tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra fit-tfittxija tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 87).

63

Issa, huwa normali, fil-kuntest ta’ prattiki u ta’ akkordji antikompetittivi, li l-attivitajiet isiru bil-moħbi, li l-laqgħat isiru bil-moħbi, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tkun imnaqqsa kemm jista’ jkun. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jiġu stabbiliti permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

64

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni għandha tippreżenta prova “li tmur lil hinn minn dubju raġjonevoli” (beyond reasonable doubt) tal-eżistenza tal-ksur fil-każijiet fejn din timponi multi ħarxa għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-laqgħa ta’ Londra

L-argumenti tal-partijiet

65

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni naqset milli tipprova li kien intlaħaq akkordju matul il-laqgħa ta’ Londra u li l-iskambji ta’ informazzjoni sussegwenti kienu jikkostitwixxu mezz ta’ kontroll tal-implementazzjoni ta’ dan il-akkordju. Issa, il-laqgħa ta’ Londra tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-argument tal-Kummissjoni, għaliex l-avveniment l-oħra huma marbuta magħha u, barra minn hekk, din tikkostitwixxi l-bidu tal-ksur.

66

Ir-rikorrenti tammetti li din il-laqgħa seħħet, iżda tqis li l-interpretazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ din il-prova taqbeż dak li hija ddikjarat fir-realtà. Hija tosserva li, għalkemm is-Sur [A] [il-President Direttur Ġenerali tagħha (P.D.Ġ.) ta’ dak iż-żmien] kien iddiskuta mal-kuġini tal-familja Knauf dwar il-kompetizzjoni ħarxa fis-suq tal-folji tal-ġibs u għalkemm iż-żewġ partijiet irrikonoxxew il-problema, huwa jiċħad b’mod kategoriku li ftiehem fuq soluzzjoni mal-kuġini tal-familja Knauf. Barra minn hekk, l-ebda rieda komuni li jiġi stabilizzat is-suq ma ġiet espressa fl-okkażjoni ta’ dik il-laqgħa.

67

Ir-rikorrenti tammetti wkoll li din il-laqgħa setgħet tikkostitwixxi fattur li għaġġel il-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet. Madankollu, din il-laqgħa mhijiex, f’dan ir-rigward, l-uniku fattur ta’ kawżalità. Ir-rikorrenti tosserva li fl-1992 s-sitwazzjoni ekonomika fis-suq inkwistjoni kienet ta’ natura tali li l-ġlieda tal-prezzijiet kienet tispiċċa f’kull każ. Dan huwa kkonfermat mill-espert ekonomist inkarigat minnha, iżda madankollu r-rapport tiegħu ma ttieħidx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

68

Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-kompetizzjoni baqgħet teżisti fis-suq ikkonċernat jikkontradixxi l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-laqgħa ta’ Londra. Id-dikjarazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-premessi 212 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata mhuma sostnuti minn l-ebda prova. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni d-diversi eżempji ta’ prova ta’ varjazzjonijiet fil-prezzijiet li kienet ippreżentatilha fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiltà tal-ishma tas-suq. Hija tosserva li t-tabelli tal-Kummissjoni stess li jidhru fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata juru l-kuntrarju. Hija tindika wkoll li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma nieqsa minn kull valur probatorju peress li din imkien fid-deċiżjoni kkontestata ma indikat liema kienu l-ishma tas-suq tal-impriżi inkwistjoni qabel l-1992 u li, għalhekk, il-paragun tal-ishma tas-suq kien impossibbli.

69

F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ksur mhuwiex meħtieġ, ir-rikorrenti tosserva li, fil-każ fejn l-eżistenza ta’ akkordju hija biss affermata mill-Kummissjoni mingħajr mhija sostnuta minn l-ebda prova, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prova bbażata fuq kif seħħew l-avvenimenti fis-suq. Ir-rikorrenti tqis li, jekk il-provi għandhom inklinazzjoni li jistabbilxxu n-nuqqas ta’ kull akkordju antikompetittiv u li l-ebda prova oħra f’sens kuntrarju ma ngħatat mill-Kummissjoni, din għandha tqis li l-ebda akkordju ma ġie konkluż. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-kwistjoni mhijiex sempliċement li jkun magħruf jekk l-akkordju ġiex implementat, iżda li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx l-eżistenza tal-akkordju allegat.

70

Il-Kummissjoni tosserva li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ma kien jeżisti l-ebda akkordju huwa bbażat fuq l-idea żbaljata li l-akkordju għandu jkun limitat, dettaljat u legalment vinkolanti. Hija żżid li l-Artikolu 81 KE huwa intiż li japplika, abbażi tal-projbizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, fil-konfront ta’ forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun imwassla sal-implementazzjoni ta’ akkordju finali, intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni. Għalhekk, l-elaborazzjoni ta’ pjan reali mhijiex meħtieġa. Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm id-diskussjonijiet li seħħew waqt il-laqgħa ta’ Londra tal-1992 ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala akkordju, dawn jistgħu, madankollu, jiġu kkwalifikati bħala prattika miftiehma, li tikkostitwixxi ksur daqstant serju.

71

Il-Kummissjoni tqis li l-laqgħa ta’ Londra u l-akkordju li ġie konkluż fiha jikkostitwixxu l-ewwel manifestazzjoni prattika tal-ksur kumpless u kontinwu li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet esposti fil-premessi 56 sa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-iskambji ta’ informazzjoni bdew waqt il-laqgħa ta’ Londra jew ftit żmien wara, din il-konklużjoni hija ġġustifikata b’mod xieraq. Hija żżid li mhuwiex neċessarju li jiġi pprovat li l-elementi kollha tal-ksur kienu jeżistu jew previsti sa mill-fażi inizjali sabiex ikun stabbilit li dan l-akkordju jidħol fil-kuntest ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu.

72

F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ BPB li tgħid li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-evidenza ekonomika, il-Kummissjoni tosserva li fil-premessi 396 sa 402 tad-deċiżjoni kkontestata hija sempliċment spjegat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, it-tentattiv ta’ BPB, u tal-impriżi l-oħra kkonċernati, li juru, permezz ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi, li s-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq tal-folji tal-ġibs bejn l-1992 u l-1998 kienet teskludi kull possibbiltà ta’ akkordju restrittiv matul dan il-perijodu kien għalxejn. Il-Kummissjoni ssostni li hija ma tibbażax ruħha fuq sempliċi paralleliżmu ta’ aġir u ma tużax provi ekonomiċi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Il-konklużjonijiet tagħha huma bbażati fuq provi diretti tal-akkordju antikompetittiv, fil-konfront ta’ liema l-evalwazzjonijiet ekonomiċi ma jagħtu l-ebda spjegazzjoni sodisfaċjenti. Meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tirreferi għal stabbiltà aħjar tas-suq ikkonċernat jew għal żiediet fil-prezz (bħal fil-każ tal-premessi 289 u 539), hija tagħmel dan sabiex turi l-effetti tal-attivitajiet antikompetittivi u mhux sabiex turi l-eżistenza tagħhom. Il-Kummissjoni żżid li l-eżistenza ta’ akkordju tista’ tiġi stabbilita mingħajr ma kull forma ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-folji tal-ġibs tkun madankollu kompletament eliminata. Barra minn hekk, peress li l-ksur stabbilit mill-Kummissjoni għandu skop antikompetittiv, hija ġurisprudenza kostanti li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tiegħu mhuwiex meħtieġ.

73

Il-Kummissjoni tqis, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kompetizzjoni “ħarxa” jew il-“ġlieda tal-prezzijiet” kienet neċessarjament se tispiċċa minħabba raġunijiet ekonomiċi, li dan mhuwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat għalfejn u kif il-“ġlieda tal-prezzijiet” effettivament spiċċat u, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit jekk l-aġir antikompetittiv ta’ xi operaturi kienx il-bidu ta’ dan l-iżvilupp jew le. Hija tqis li, peress li wriet li l-iskop tal-parteċipanti fl-akkordju kien li tintemm il-ġlieda tal-prezzijiet kif ukoll li jiġu stabilizzati l-ishma tas-suq u, għalhekk, li tiġi ristretta l-kompetizzjoni minn tal-inqas fis-swieq tal-folji tal-ġibs Ġermaniż, Franċiż, tar-Renju Unit u tal-Benelux, kien effettivament possibbli għaliha li tasal għall-konklużjoni, kif għamlet fil-premessi 72, 196, 212, 289 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-għan kien fil-parti l-kbira milħuq. F’dan ir-rigward, hija tosserva li n-nuqqas ta’ stabbiltà tas-suq qabel l-1992 kien deskritt fil-punt 28 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u qatt ma ġie kkontestat. Barra minn hekk, hekk kif irriżulta b’mod ċar mill-premessi 212 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-prezzijiet fis-swieq tar-Renju Unit u tal-Ġermanja kellhom tendenza li jogħlew jew, minn tal-inqas, li jistabilizzaw ruħhom, liema ħaġa tikkontrasta mas-sitwazzjoni eżistenti qabel l-1992.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

74

BPB tammetti li l-laqgħa ta’ Londra seħħet u li s-Sur [A] kif ukoll il-kuġini tal-familja Knauf ilkoll kienu tal-opinjoni li kien fl-interess tal-industrija sħiħa li tintemm il-ġlieda dannuża tal-prezzijiet. Hija tammetti wkoll li, matul din il-laqgħa jew iktar tard fl-1992, l-impriżi bdew l-iskambju tad-data li tirrigwarda l-volumi tal-bejgħ globali għal kull wieħed mis-swieq prinċipali.

75

Madankollu, BPB tikkontesta li matul din il-laqgħa ġie konkluż akkordju li kien intiż espressament sabiex jistabbilizza s-swieq Ewropej u li kellu jdum sitt snin.

76

Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk il-laqgħa ta’ Londra kellhiex skop antikompetittiv.

77

F’dan ir-rigward, mill-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li BPB żvelat, fit-tieni risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, li waqt din il-laqgħa, ir-rappreżentanti tagħha u dawk ta’ Knauf “[kienu] laħqu akkordju li kien fl-interess [tagħha], [ta’ dak] ta’ Knauf u [ta’ dak] tal-industrija sħiħa (inkluż, finalment, fl-interess tal-konsumaturi) li tintemm il-ġlieda dannuża tal-prezzijiet u li l-produtturi jipprovaw jidħlu f’kompetizzjoni fuq livelli ekonomiċi iktar vijabbli”.

78

BPB ssostni ulterjorment li l-kelma “akkordju” (understanding) użata minnha għandha tiġi interpretata biss fl-iktar sens ġenerali tagħha, jiġifieri dak ta’ “qbil ta’ opinjonijiet”.

79

Skont ġurisprudenza kostanti, sabiex ikun hemm akkordju, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod stabbilit (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 199; tal-, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T-61/99, Ġabra p. II-5349, punt 88, u tas-, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033, punt 118). F’dak li jirrigwarda l-manifestazzjoni formali tal-imsemmija rieda komuni, huwa biżżejjed li stipulazzjoni tkun tirrifletti r-rieda tal-impriżi kkonċernati li jaġixxu fis-suq skont it-termini tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Bayerische Hypo- und Vereinsbank vs Il-Kummissjoni, T-56/02, Ġabra p. II-3495, punt 60).

80

Isegwi li, sabiex ikun jikkostitwixxi akkordju skont l-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li att jew aġir apparentament unilaterali jkun l-espressjoni tal-qbil tal-volontajiet ta’ minn tal-inqas żewġ partijiet, peress illi l-forma li fiha jkun espress dan il-qbil mhijiex determinanti fiha nfisha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Volkswagen, C-74/04 P, Ġabra p. I-6585, punt 37).

81

Il-kriterji ta’ koordinazzjoni, ta’ konverġenza u ta’ kooperazzjoni, mhux biss talli ma jeħtiġux l-elaborazzjoni ta’ “pjan” veru u proprju, iżda għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni u li tgħid li kull kummerċjant għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li jixtieq isegwi fis-suq komuni. Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-kummerċjanti li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat tal-kompetituri tagħhom jew mistennija minnhom, dan madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi li jkollu bħala għan jew bħala effett jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li wieħed ikun iddeċieda jew li jkun beħsiebu li jadotta fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 173 u 174, u s-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 89).

82

Dan huwa l-każ meta, bejn diversi impriżi, jkun jeżisti gentlemen’s agreement li jirrappreżenta l-espressjoni fedeli ta’ tali rieda komuni u li jkun jinvolvi restrizzjoni tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex rilevanti li jiġi evalwat jekk l-impriżi qiesux ruħhom marbuta — legalment, fattwalment jew moralment — li jadottaw l-aġir miftiehem bejniethom (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 200).

83

B’mod partikolari, fir-rigward, ta’ akkordju ta’ natura antikompetittiva li jimmanifestaw ruħhom matul il-laqgħat tal-impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ksur għall-Artikolu 81(1) KE jseħħ meta dawn il-laqgħat ikollhom bħala skop ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u għalhekk bil-għan li jorganizzaw artifiċjalment il-funzjonament tas-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 508 u 509).

84

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ispjegazzjoni ta’ BPB fir-rigward tal-iskop tal-laqgħa ta’ Londra tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija. Id-dikjarazzjonijiet ta’ BPB huma biżżejjed sabiex jipprovaw li Knauf u hija stess, flimkien, esprimew ir-rieda tagħhom li jtemmu l-ġlieda tal-prezzijiet u li għalhekk jillimitaw il-kompetizzjoni.

85

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, meta impriża tipparteċipa, anki jekk mingħajr ma tieħu sehem attiv, f’laqgħat bejn impriżi li jkollhom għan antikompetittiv u li hija ma tiddistakkax ruħha pubblikament mill-kontenut ta’ dawn il-laqgħat, fejn għalhekk tagħti lill-oħrajn x’jifhmu li hija taqbel mar-riżultat tal-laqgħat u li ser timxi b’mod konformi, jista’ jiġi meqjus li ġie stabbilit li hija pparteċipat fl-akkordju li jirriżulta mil-laqgħat imsemmijin (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 137).

86

Barra minn hekk, l-iskop antikompetittiv tal-laqgħa ta’ Londra huwa kkorroborat mill-iskambju ta’ informazzjoni li l-impriżi għamlu wara din il-laqgħa. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-risposta tagħha għat-tieni talba għal informazzjoni, BPB indikat is-segwenti:

“[Is-Sur [A] u l-kuġini tal-familja Knauf] waqt il-laqgħa ftehmu sabiex jiskambjaw l-ammonti tal-volumi tal-bejgħ tagħhom fl-1991, sabiex ikollhom bażi affidabbli għall-futur biex jivverifikaw li dan l-akkordju [oriġinal fl-Ingliż: ‘understanding’] jiġi implementat (jiġifieri sempliċement biex jagħtu lil xulxin stampa iktar preċiża tad-daqs globali tas-suq u għalhekk tal-ishma tagħhom fis-suq). Dan kien neċessarju għaliex ma kienx hemm statistiċi industrijali affidabbli.”

87

Fir-rigward tal-argumenti ta’ BPB intiżi sabiex jistabbilixxu li, l-iktar l-iktar, seta’ dan kien sempliċi tentattiv ta’ akkordju, dawn l-argumenti ma jistgħux jirnexxu. Fil-fatt, il-fatt li BPB u Knauf esprimew ir-rieda komuni tagħhom biex itemmu l-ġlieda tal-prezzijiet u biex jistabilizzaw is-swieq inkwistjoni jikkostitwixxi akkordju fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

88

Barra minn hekk, hekk kif turi l-kwotazzjoni riprodotta fil-punt 86 iktar ’il fuq, BPB u Knauf eżegwew il-pjan tagħhom billi implementaw dan l-akkordju billi pproċedew għal skambju ta’ informazzjoni fuq il-volumi ta’ bejgħ fl-erba’ swieq ikkonċernati. Issa, jekk dawn l-impriżi ma kinux iqisu li laħqu akkordju intiż sabiex itemm il-ġlieda tal-prezzijiet u sabiex jistabilizzaw is-swieq ikkonċernati, huma ma kellhomx il-bżonn li jissorveljaw is-swieq bl-iskambju tad-data fuq il-volumi ta’ bejgħ.

89

F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni ma pprovatx li kien hemm stabbilità fil-prezzijiet jew fl-ishma tas-suq, huma ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

90

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li akkordju jkollu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, indipendentement mill-effetti konkreti tiegħu. Konsegwentement, fil-każ ta’ akkordju li jsir matul laqgħat bejn impriżi kompetituri, ikun hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni meta dawn il-laqgħat ikollhom dan il-għan u għaldaqstant ikunu intiżi sabiex jorganizzaw b’mod artifiċjali l-funzjonament tas-suq. F’każ bħal dan, ir-responsabbiltà ta’ impriża partikolari għall-ksur hija validament stabbilita meta din tkun ipparteċipat f’dawn il-laqgħat waqt li kienet taf x’kien l-għan tagħhom, anki jekk sussegwentement hija ma tkunx implementat xi waħda jew oħra mill-miżuri li jkunu ġew miftiehma matul dawn il-laqgħat. Il-parteċipazzjoni bejn wieħed u ieħor regolari tal-impriża fil-laqgħat kif ukoll l-implementazzjoni bejn wieħed u ieħor sħiħa tal-miżuri miftiehma m’għandhomx konsegwenzi fuq l-eżistenza tar-responsabbiltà tagħha, iżda fuq il-portata ta’ din ir-responsabbiltà u għalhekk fuq l-ammont tal-penali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 145). Impriżi li jikkonkludu akkordju li għandu l-għan li jirrestringi l-kompetizzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jaħarbu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE billi jsostnu li l-kunsens tagħhom ma kienx ikollu effett sostanzjali fuq il-kompetizzjoni.

91

Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ BPB li tgħid li l-laqgħa ta’ Londra ma kellha l-ebda effetti hija kontradetta mir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fejn hija indikat li fl-1992 kien hemm bdil fil-prezzijiet. BPB tammetti wkoll li l-laqgħa ta’ Londra setgħet tikkostitwixxi fattur li għaġġel il-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet. Madankollu, hija tqis li r-raġunijiet ta’ ordni kummerċjali u ekonomiku esposti fir-rikors juru li dan ma kienx l-uniku kawża.

92

Issa, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-konfessjoni tar-rikorrenti li l-laqgħa ta’ Londra kienet fattur li għaġġel il-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet issaħħaħ l-interpretazzjoni li tgħid li l-għan tal-laqgħa ta’ Londra kien antikompetittiv. Anki jekk jitqies li kien hemm ukoll raġunijiet ekonomiċi oħra li wasslu għall-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet, dan il-fatt ma jikkonfutax l-għan antikompetittiv tal-laqgħa ta’ Londra intiż sabiex jiżdiedu l-prezzijiet u sabiex tonqos l-intensità tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

93

Fl-aħħar, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjarat li hija ma kinitx tikkontesta li l-Kummissjoni tikkwalifika l-laqgħa bħala ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Hija ammettiet ukoll, f’risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-laqgħa ta’ Londra kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

94

Isegwi li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li, waqt il-laqgħa ta’ Londra, BPB u Knauf kienu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jtemmu l-ġlieda tal-prezzijiet u li jistabilizzaw is-suq ikkonċernat. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kwantitajiet mibjugħa fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benelux u fir-Renju Unit

L-argumenti tal-partijiet

95

Ir-rikorrenti tammetti li, kemm waqt il-laqgħa ta’ Londra, kif ukoll xi żmien wara matul l-istess sena, is-Sur [A] u l-kuġini tal-familja Knauf ftehmu sabiex jiskambjaw xi data globalizzata ħafna fuq il-volumi tal-bejgħ rispettivi tagħhom fl-1991. Madankollu, ir-rikorrenti tenfasizza li s-Sur [A] iddikjara li dan kien sar sabiex huwa jkun jista’ jevalwa jekk kienx hemm atmosfera ġdida fl-industrija inkwistjoni, billi jingħata stampa iktar preċiża tad-daqs tas-suq u, għaldaqstant, tas-sehem tas-suq tar-rikorrenti. Hija tammetti wkoll li dawn l-iskambji ta’ informazzjoni setgħu jikkontribwixxu sabiex tintemm il-ġlieda tal-prezzijiet. Madankollu, hija tiċħad li l-iskambji deċiżi mis-Sur [D], l-amministratur ta’ Gyproc u mill-1994 sal-1999 P.D.Ġ. ta’ BPB, b’effett mill-1993, kienu relatati mal-ewwel żewġ skambji ta’ data annwali. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll li l-iskambji msemmija kienu jikkostitwixxu metodu ta’ kontroll ta’ implementazzjoni ta’ akkordju jew ta’ konvenzjoni bejn produtturi. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda prova dwar l-eżistenza ta’ struttura ta’ direzzjoni u ta’ kontroll li tirrigwarda l-implementazzjoni tal-akkordju. Hija ssostni li hija ġiet infurmata mill-klijenti bil-fatt li l-kompetituri tagħha kellhom prezzijiet orħos mill-prezzijiet tagħha u ma qaditx tistenna x-xhur biex tkun taf permezz tal-iskambju tal-informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-ishma fis-suq.

96

Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni tinjora l-prova li tikkostitwixxi n-natura tal-informazzjoni li ġiet skambjati fir-realtà. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li l-frekwenza tal-iskambji kienet inizjalment annwali, imbgħad saret ta’ kull semestru, iżda li qatt ma kienet iktar minn trimestrali. Barra minn hekk, l-informazzjoni kellha natura totalment globali u li kienet tindika l-erja totali f’metri kwadri tal-prodotti kollha mill-pannelli tal-ġibs mibjugħa matul il-perijodu inkwistjoni, ta’ kull ħxuna, daqs u speċifikazzjoni, espressi bħala ċifra waħda. Hija tosserva wkoll li hemm differenzi enormi fil-prezz bejn il-prodotti. Barra minn hekk, l-informazzjoni kienet tirreferi għal swieq nazzjonali u, fil-każ tal-Benelux, kienet taqbeż ukoll il-kuntest nazzjonali. Apparti dan, l-informazzjoni ma kinitx tiġi skambjata f’intervalli regolari. Għal dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrenti tqis li dawn l-iskambji ma setgħux jikkostitwixxu mekkaniżmu ta’ sorveljanza stretta tas-suq.

97

Ir-rikorrenti tikkunsidra li t-teżi tal-Kummissjoni hija wkoll ikkonfutata mill-fatt li l-ishma tas-suq żviluppaw b’mod kunsiderevoli matul il-perijodu inkwistjoni. Apparti dan, hija tippreċiża li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ressqet l-ebda prova ta’ tentattiv sistematiku ta’ aġġustament tal-ishma tas-suq jew tal-prezzijiet. Ir-rikorrenti tqis li dawn l-elementi kollha jikkostitwixxu prova solida tan-nuqqas ta’ kull akkordju f’dan il-każ.

98

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti ma tiċħadx l-eżistenza ta’ dawn l-iskambji, iżda tikkontesta l-iskop tagħhom. Hija tqis li rrispondiet għal dawn l-argumenti fid-dettall fil-premessi 104 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata.

99

Il-Kummissjoni tosserva li l-argumenti relatati man-nuqqas ta’ strutturi “ta’ direzzjoni u ta’ kontroll” hija nieqsa minn kull rilevanza. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li ċ-ċirkustanza li ma ttieħdet l-ebda miżura sabiex l-impriżi jiġu mġiegħla jikkonformaw ma’ akkordju ma tfissirx li ma kienx hemm ksur. In-nuqqas ta’ provi juri sempliċement li l-ebda miżura ta’ ritaljazzjoni ma kienet neċessarja.

100

Il-Kummissjoni tenfasizza li hija qatt ma allegat li l-akkordju kien jeskludi kull forma ta’ kompetizzjoni jew li kienu jeżistu xi kwoti jew ishma tas-suq determinati. L-akkordju kellu r-riżultat kunsiderevoli li jibbilanċja u li jistabilizza s-suq kollu u mhux neċessarjament li jiffriża t-tqassim tal-ishma f’xi swieq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

101

Għandu jiġi osservat li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, r-rikorrenti ddikjarat li hija ma kinitx tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni tikkwalifika l-iskambji msemmija bħala ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Hija ammettiet ukoll, fir-risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-kwantitajiet mibjugħa fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benelux u fir-Renju Unit jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta xi evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

102

BPB tammetti li, kemm waqt il-laqgħa ta’ Londra, kif ukoll xi żmien wara matul l-istess sena, is-Sur [A] u l-kuġini tal-familja Knauf ftehmu sabiex jiskambjaw id-data globalizzata fuq il-volumi tal-bejgħ rispettivi tagħhom fl-1991. Is-Sur [A] iddikjara li dan kien sar sabiex huwa jkun jista’ jevalwa jekk kien hemm “atmosfera ġdida” fl-industrija inkwistjoni, billi tagħtih stampa iktar preċiża tad-daqs tas-suq u, għalhekk, tas-sehem tas-suq ta’ BPB.

103

Hija ammettiet ukoll li l-iskambji ta’ informazzjoni li saru mis-Sur [A] fl-1992 u fl-1993 f’dak li jirrigwarda d-data tal-1991 u tal-1992 setgħu servew biex jikkontribwixxu għall-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet. Issa, BPB tiċħad li dawn l-iskambji ta’ informazzjoni kienu jikkostitwixxu mekkaniżmu ta’ kontroll maħluq għal skopijiet antikompetittivi iktar mifruxa.

104

BPB tammetti wkoll li, taħt id-direzzjoni tas-Sur [D], l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi tal-bejgħ fl-erba’ swieq ikkonċernati bdew isiru ta’ kull semestru b’effett mill-1993 u trimestrali b’effett mill-1995. Madankollu, hija ssostni li l-iskambji organizzati mis-Sur [D] ma kinux relatati mal-ewwel żewġ skambji ta’ data annwali li kien għamel is-Sur [A].

105

Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ammettiet l-eżistenza tal-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni, l-argumenti tagħha huma intiżi biss sabiex jikkonfutaw l-evalwazzjoni legali tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni.

106

Skont il-ġurisprudenza fil-qasam ta’ akkordji fuq l-iskambju ta’ informazzjoni, dawn imorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta dawn inaqqsu jew ineħħu l-livell ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 2006, ASNEF-EQUIFAX u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 51).

107

Fil-fatt, huwa intrinsiku għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni li kull kummerċjant għandu jiddetermina b’mod awtonomu, il-politika li għandu l-intenzjoni jsegwi fis-suq komuni. Għaldaqstant, skont l-imsemmija ġurisprudenza, tali eżiġenza ta’ awtonomija tipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn kummerċjanti li jkun ta’ natura tali jew li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir li wieħed iddeċieda li japplika fis-suq jew li għandu l-intenzjoni li jaddotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi mogħtija, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi, kif ukoll tal-volum tal-imsemmi suq (sentenza ASNEF-EQUIFAX u Administración del Estado, punt 106 iktar ’il fuq, punt 52).

108

Fir-rigward tal-legalita tal-iskambju ta’ informazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’suq verament kompetittiv, il-fatt li kummerċjant jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni fuq il-funzjonament tas-suq, li tkun fil-pussess tiegħu minħabba sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, sabiex jadatta l-aġir tiegħu fis-suq mhuwiex kapaċi, fid-dawl tan-natura frammentata tal-offerta, li jnaqqas jew ineħħi, għall-kummerċjanti l-oħra, kull inċertezza dwar in-natura prevedibbli tal-aġir tal-kompetituri tiegħu. Madankollu, f’suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-suq huwa kapaċi li jippermetti lill-impriżi jkunu jafu l-pożizzjonijiet fis-suq u l-istrateġija kummerċjali tal-kompetituri tagħhom, u għalhekk li jibdel b’mod sostanzjali l-kompetizzjoni li teżisti bejn il-kummerċjanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punti 88 u 90).

109

Għandu jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li għandha tingħata mill-kummerċjanti kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-konċertazzjoni u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jistabbilixxu l-aġir tagħhom f’dan is-suq. Dan huwa applikabbli iktar u iktar meta l-konċertazzjoni tkun seħħet fuq bażi regolari matul perijodu twil (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 216).

110

F’dan il-każ, is-suq tal-folji tal-ġibs kien oligopolistiku, ħaġa li mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl ta’ din il-karatteristika tas-suq, l-iskambji ta’ informazzjoni naqsux jew neħħewx il-livell ta’ inċertezza tal-impriżi kkonċernati fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni u għalhekk naqsux il-kompetizzjoni fis-suq imsemmi.

111

Ir-rikorrenti tqis li, bil-mod kif kien organizzat, l-iskambju ta’ informazzjoni seta’ jippermetti biss li jiġi rrealizzat skop wieħed, jiġifieri li jiġu verifikati bejn wieħed u ieħor l-estimi individwali tal-kundizzjonijiet tas-suq u, b’mod partikolari, il-volum tiegħu.

112

Tali spjegazzjoni mhijiex konvinċenti. Fil-fatt, mill-ispjegazzjoni mogħtija mis-Sur [D] fid-dikjarazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2001 biex jiġġustifika l-iskambji ta’ informazzjoni li għalkemm huwa minnu li d-data kienet utli sabiex jiġi stabbilit id-daqs tas-suq, din id-data kienet tippermetti wkoll li jiġu stabbiliti t-tendenzi tas-suq u l-ishma tas-suq tal-kompetituri b’tali mod li “wieħed ma kienx jopera kompletament fid-dlam”.

113

Għall-istess motivi, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-suq kien trasparenti u li d-data setgħet tinġabar mis-suq ma jistax jiġi milqugħ.

114

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mir-risposta ta’ BPB għat-tieni talba għal informazzjoni tat-28 ta’ Ottubru 1999, riprodotta fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li:

“[Ir-rappreżentanti ta’ BPB u ta’ Knauf] ftehmu sabiex jiskambjaw iċ-ċifri tal-volumi tal-bejgħ tagħhom għall-1991, sabiex jiksbu bażi affidabbli għall-futur sabiex jevitaw li dan l-akkordju [oriġinal fl-Ingliż: ‘understanding’] jiġi implementat (jiġifieri sempliċement biex jagħtu lil xulxin stampa iktar preċiża tad-daqs globali tas-suq u għalhekk tal-ishma tagħhom tas-suq). Dan kien neċessarju, għaliex ma kienx hemm statistiċi industrijali affidabbli.”

115

F’dan ir-rigward, id-demostrazzjoni tan-natura kollużiva tal-iskambju ta’ informazzjoni takwista valur probatorju għola fid-dawl tar-risposta ta’ BPB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, mill-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta s-segwenti:

“BPB ippreċiżat ulterjorment li l-għan tal-akkordju intiż għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ Knauf kien li s-Sur [A] jingħata ‘bażi biex jevalwa jekk kienx hemm atmosfera gdida fl-industrija’, jiġifieri li ‘l-iskambju ta’ informazzjoni ta’ livell għoli jipprovdi grad għoli ta’ ċertezza reċiproka li l-ġlieda tal-prezzijiet sejra tintemm’. Barra minn hekk BPB ammettiet b’mod espliċitu li l-iskambji ta’ informazzjoni magħmula mis-Sur [A] kienu servew l-għan tagħhom li tintemm il-kompetizzjoni mqanqla li kienet teżisti fl-industrija tal-folji tal-ġibs fil-bidu tas-snin 1990: ‘iż-żewġ skambji segwenti ta’ data storika magħmula mis-Sur [A] setgħu servew, u setgħu kienu intiżi sabiex iservu biex jgħinu sabiex tintemm il-ġlieda tal-prezzijiet’.”

116

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ma kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ valur informattiv tad-data tal-bejgħ skambjata peress li ċ-ċifri kienu ġew ikkomunikati taħt forma mhux aġġustata u impreċiża ħafna mingħajr ma ġew imqassma skont id-diversi tipi ta’ folji tal-ġibs, din l-allegazzjoni mhijiex rilevanti, peress li l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-impriżi inkwistjoni kellhom l-iskop li jiġi żgurat li l-ishma tas-suq rispettivi jibqgħu stabbli jew, minn tal-inqas, ma jonqsux. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti u Knauf esprimew ir-rieda komuni li tintemm il-ġlieda tal-prezzijiet u li jiġu stabilizzati s-swieq inkwistjoni waqt il-laqgħa ta’ Londra, kien biżżejjed, biex jintlaħaq dan il-għan, li l-impriżi inkwistjoni jkunu jafu li bil-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet huma ma kinux ser jitilfu l-ishma mis-suq. Għal dan il-għan, id-data ġenerali tal-bejgħ, li jippermettu li jiġu kkalkolati l-ishma tas-suq, kienu biżżejjed. Dan jispjega wkoll ir-raġuni għalfejn iċ-ċifri ma kellhomx bżonn jiġu mqassma skont id-diversi tipi ta’ folji tal-ġibs.

117

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-iskambju ta’ data ma sarx f’intervalli regolari u li, minħabba f’hekk, dan ma kienx mekkaniżmu ta’ kontroll, għandu jiġi osservat li dan bl-ebda mod ma jista’ jikkonfuta n-natura antikompetittiva ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni, li l-għan tiegħu ġie deskritt b’mod ċar mir-rikorrenti stess fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala intiż sabiex itemm il-ġlieda tal-prezzijiet.

118

Fir-rigward tal-argument ta’ BPB intiż sabiex issir distinzjoni bejn l-iskambji ta’ informazzjoni tas-Sur [A] fl-1991 u fl-1992 minn dawk li saru mis-Sur [D], għandu jiġi osservat li dan jikkostitwixxi sempliċi affermazzjoni nieqsa minn kull bażi konkreta. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tiegħu, is-Sur [A] ippreċiża li kien wissa lis-Sur [D], fl-1993, kontra frekwenza kbira ħafna ta’ skambji, u dan juri li t-tnejn li huma kienu infurmati tajjeb dwar dawn l-iskambji. Il-fatt stess li l-iskambji ta’ informazzjoni saru minn żewġ persuni differenti huwa għalhekk marbut mal-bdil tal-persuna li tmexxi lil BPB. Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni ta’ dawn l-iskambji ta’ informazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għan tagħhom, hija identika. Fir-rapport tiegħu dwar l-iskambji li għamel b’effett mill-1993, is-Sur [D] jiddikjara li, anki taħt forma globalizzata ħafna, id-data kienet utli sabiex jiġi stabbilit id-daqs tas-suq u t-tendenzi tiegħu, u li l-għarfien tal-ishma tas-suq tal-kompetituri kien jippermetti li “wieħed ma kienx jopera kompletament fid-dlam”.

119

Bħala konklużjoni, in-natura kollużorja tal-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-kwantitajiet mibjugħa fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benelux u fir-Renju Unit mill-1992 sal-1998 hija pprovata biżżejjed.

Fuq l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi tal-bejgħ fir-Renju Unit

L-argumenti tal-partijiet

120

Ir-rikorrenti ssostni li l-iskop tal-iskambju ta’ informazzjoni rigward is-suq tar-Renju Unit kien li tkun f’pożizzjoni li jkollha għarfien aħjar tad-daqs globali tas-suq tar-Renju Unit tal-folji tal-ġibs u tas-sehema tas-suq tagħha.

121

Ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm id-data skambjata kienet data ta’ kull xahar fuq il-volumi tal-bejgħ globalizzati ħafna, l-iskambji ma sarux ta’ kull xahar, iżda saru b’mod sporadiku u kienu jirrigwarda informazzjoni dwar diversi xhur.

122

Il-Kummissjoni twieġeb li hija ma ssostnix li l-iskambji ta’ data kienu ta’ kull xahar, iżda sempliċement li l-iskambji saru b’mod notevolment kostanti fiż-żmien (matul seba’ snin konsekuttivi) u li d-dikjarazzjonijiet li jgħidu li l-informazzjoni kienet skambjata b’mod irregolari skont il-bżonnijiet huma kontradetti mill-kontenut tat-tabella tas-Sur [N], Direttur Ġenerali ta’ British Gypsum (iktar ’il quddiem “BG”), il-kumpannija sussidjarja ta’ BPB fir-Renju Unit, li minnha tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ komunikazzjoni regolari ta’ informazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

123

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ddikjarat li hija ma kinitx tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni tikkwalifika l-iskambju ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fir-Renju Unit bħala ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Fir-risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija ammettiet ukoll li l-iskambji msemmija kienu bdew isiru b’effett mill-1992 sal-bidu tal-1998 u kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

124

Wara dan, għandu jiġi osservat li, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kkonfermat li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-bejgħ fis-suq tar-Renju Unit kif ukoll dak dwar il-bejgħ fl-erba’ swieq ikkonċernati kienu t-tnejn li huma jikkostitwixxu elementi tal-ksur uniku u kontinwu, għalkemm l-effetti antikompetittivi tagħhom setgħu kienu doppji u setgħu saħħew lil xulxin sa fejn kienu jirrigwardaw is-suq tar-Renju Unit. Peress li r-rikorrenti tikkontesta l-għan u l-frekwenza tal-iskambji ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fis-suq tar-Renju Unit, għandu jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata bi żbalji fir-rigward ta’ dan l-iskambju.

125

F’dak li jirrigwarda l-għan tal-iskambju ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fis-suq tar-Renju Unit, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskop tiegħu kien identiku għal dak tal-iskambju ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fl-erba’ swieq ikkonċernati. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-għan tagħha kien li jkollha għarfien aħjar tal-kobor globali tas-suq tar-Renju Unit tal-folji tal-ġibs u tas-sehem tagħha fis-suq.

126

L-ispjegazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tħassar in-natura antikompetittiva ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni, meta jitqies il-kuntest ġenerali tal-ksur inkwistjoni, ikkaratterizzat mit-tfittxija tal-għan, espress waqt tal-laqgħa ta’ Londra, li tintemm il-ġlieda tal-prezzijiet.

127

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-fatt li d-data ġiet miktuba, b’mod partikolari, kull xahar fit-tabelli, ma tipprovax li l-iskambju ta’ din id-data sar ukoll bl-istess frekwenza, din ma tapplikax f’dan il-każ. Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-data fuq il-volumi tal-bejgħ ġew skambjati b’rata inqas frekwenti, dan ma jinvalidax il-konklużjoni li tali skambju kien antikompetittiv għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tal-iskambju ta’ data fuq l-erba’ swieq ikkonċernati. F’kull każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova li turi li, għalkemm id-data kienet miktuba ta’ kull xahar, l-iskambju ma kienx isir kull xahar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti naqset milli tipprova li l-konklużjoni tal-Kummissjoni esposti fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-karattru sistematiku u dettaljat tat-tabella tas-Sur [N] kienet tippresupponi skambju ta’ informazzjoni regolari hija vvizzjata minn żball.

128

Isegwi li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-iskambju ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fis-suq tar-Renju Unit mhija vvizzjata minn l-ebda żball.

Fuq l-iskambji ta’ informazzjoni dwar iż-żiediet fil-prezz fir-Renju Unit għall-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998

L-argumenti tal-partijiet

129

Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni mkien ma kkonkludiet li ż-żiediet paralleli fil-prezzijiet kienu ġew deċiżi mill-produtturi b’mod mhux indipendenti.

130

Il-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni jikkonsistu, fl-ewwel lok, fil-konverżazzjoni li seħħet fl-1996 bejn id-diretturi reġjonali ta’ Knauf u ta’ BG, fit-tieni lok, fil-konverżazzjoni li seħħet fl-1998 bejn id-direttur tal-bejgħ ta’ Lafarge u membru tal-persunal tad-dipartiment tal-bejgħ ta’ BG u, fit-tielet lok, f’komunikazzjoni jew tnejn tas-Sur [N] mibgħuta lill-pari tiegħu biex jinfurmhom dwar iż-żiediet fil-prezzijiet.

131

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tat importanza mhux iġġustifikata lil dawn l-avvenimenti iżolati. Barra minn hekk, l-ewwel żewġ kuntatti seħħew f’intervall ta’ sentejn minn xulxin u d-diskussjonijiet seħħew matul avvenimenti soċjali. Apparti dan, il-komunikazzjonijiet tas-Sur [N] seħħew biss darba jew tnejn u, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ma kinux jinvolvu skambju ta’ informazzjoni, iżda komunikazzjonijiet unilaterali.

132

Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kuntatti jikkonfermaw l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu. Ir-rikorrenti tosserva li dawn seħħew biss matul il-perijodu ta’ bejn Novembru 1996 u Marzu 1998 u kienu jirrigwardaw lir-Renju Unit biss.

133

Il-Kummissjoni tosserva li hija qatt ma allegat li l-prezzijiet kienu ġew miftiehma jew innegozjati. Hija tqis li l-fatt stess li l-kuntatti relatati ma xi żiediet fil-prezzijiet kienu s-suġġett ta’ rendikonti interni huwa prova tal-importanza tagħhom.

134

Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’referenza għall-premessi 471 sa 477 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-iskambji ta’ informazzjoni jikkostitwixxu prattika miftiehma li tifforma parti mill-avvenimenti partikolari tal-akkordju kumpless u kontinwu intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni għall-inqas fl-erba’ swieq prinċipali Ewropej tal-folji tal-ġibs.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

135

Hekk kif jirriżulta mir-rikors u mill-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ BPB, hija preċiżament din li infurmat lill-Kummissjoni bl-iskambji fuq iż-żiediet fil-prezz fir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-fatti imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex ikkontestati minn BPB.

136

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li r-rikorrenti ddikjarat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ma tikkontestax il-fatt li l-Kummissjoni tikkwalifika l-kuntatti msemmija bħala ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Fir-risposta tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ammettiet ukoll li l-fatt li s-Sur [N] kien, darba jew darbtejn, informa lil Knauf u lil Lafarge biż-żiediet fil-listi tal-prezzijiet fir-Renju Unit kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

137

Madankollu, BPB tipprova tagħmel relattiva n-natura antikompetittiva ta’ dawn l-iskambji billi ssostni li l-konverżazzjonijiet li seħħew waqt il-ġranet ta’ golf kienu jirrigwardaw biss diskors ġenerali dwar l-industrija inkwistjoni u li l-memorandums li jagħtu rendikont tagħhom jippreżentaw l-informazzjoni b’dan il-mod. Barra minn hekk, l-informazzjoni ġiet ikkomunikata b’mod unilaterali. Fl-aħħar, hija tikkunsidra li ż-żiediet fil-prezz setgħu f’kull każ isiru magħrufa mill-informazzjoni li kienet tiċċirkola fis-suq u li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu sempliċement jikkostitwixxu l-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet li kienu diġà ttieħdu. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tirrigwarda biss il-listi ta’ prezzijiet li ma jirriflettux il-prezz “net-net” (net ta’ tnaqqis u ta’ skontijiet).

138

Mill-premessi 198 sa 200 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel is-7 ta’ Settembru 1996, l-avviżi ta’ żiediet fil-prezz kienu kważi simultanji f’erba’ okkażjonijiet. Għalhekk, l-avviż tal- ta’ BG (li daħal fis-seħħ fl-aħħar ta’ Awwissu 1992) kien segwit mill-avviż tal- ta’ Lafarge (Redland) (li daħal fis-seħħ fil-). Knauf avżat il-prezzijiet il-ġodda tagħha fit- (b’lista ta’ prezzijiet ġdida għal Settembru 1992).

139

F’Novembru 1993, BPB avżat b’żieda ta’ 12 % li kellha tidħol fis-seħħ f’Jannar 1994. Lafarge segwiet dan l-avviż ta’ żieda, iżda Knauf ma segwitux totalment.

140

Fid-29 ta’ Settembru 1994, Knauf avżat b’żieda ta’ madwar 6,5 % li kellha tidħol fis-seħħ fl- u fit- BPB avżat b’żieda ta’ 9 % b’effett mis-. Din iż-żieda ġiet segwita mill-avviż ta’ żieda identika minn Lafarge fis-, li kellha tidħol fis-seħħ fl-istess data.

141

Fit-22 ta’ Settembru 1995, BG avżat b’żieda fil-prezz ta’ 12 % għall-folji tal-ġibs standard b’effett mill-. Dan l-avviż ġie segwit minn Lafarge li fit-, avżat bl-istess ammont ta’ żieda b’effett mill- u minn Knauf li avżat bl-istess ammont ta’ żieda fis-, b’effett mill-istess data.

142

Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel is-7 ta’ Settembru 1996, iż-żiediet fil-prezz ta’ BPB, ta’ Lafarge u ta’ Knauf seħħew f’intervalli viċini ħafna, kważi fl-istess ħin.

143

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk il-kważi simultanjetà tal-avviżi taż-żiediet fil-prezzijiet kif ukoll ix-xebh tal-prezzijiet avżati, kif ġie kkonstatat, jikkostitwixxux sensiela ta’ indizji serji, preċiżi u konkordanti ta’ konċertazzjoni preċedenti intiża sabiex tinforma lill-impriżi kompetitriċi biż-żiediet fil-prezz. Xebh fl-aġir jista’ jitqies bħala li jipprova konċertazzjoni biss sakemm il-konċertazzjoni tikkostitwixxi l-unika spjegazzjoni plawżibbli. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għalkemm l-Artikolu 81 KE jipprojbixxi kull forma ta’ kollużjoni li tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-imġieba kkonstatata jew mistennija mill-kompetituri tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C-89/85, C-104/85, C-114/85, C-116/85, C-117/85 u C-125/85 sa C-129/85, Ġabra p. I-1307, punt 71).

144

Issa, f’dan il-każ, għalkemm l-intervalli bejn id-diversi avviżi ta’ żiediet fil-prezz eventwalment ippermettew lill-impriżi li jsiru jafu bihom permezz ta’ informazzjoni li ġejja mis-suq, u għalkemm dawn iż-żiediet mhux dejjem kienu eżattament tal-istess livell, il-kważi simultanjetà tal-avviżi ta’ żiediet fil-prezzijiet kif ukoll ix-xebh tal-prezzijiet imħabbra jikkostitwixxu indizji b’saħħithom ta’ konċertazzjoni preċedenti għal dawn l-avviżi peress li dawn iż-żiediet kienu jiffurmaw parti minn kuntest ikkaratterizzat mill-fatt li, hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti u Knauf kienu ftehmu waqt il-laqgħa ta’ Londra fil-bidu tas-sena 1992, sabiex itemmu l-ġlieda tal-prezzijiet fl-erba’ swieq Ewropej.

145

F’kull każ, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 476 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-iskambju tad-data fuq iż-żiediet fil-prezz fis-suq tar-Renju Unit, il-Kummissjoni kkonkludiet biss l-eżistenza ta’ kuntatti ammessi minn BPB, F’dan ir-rigward Knauf u Lafarge, li ħadu sehem f’uħud miż-żiediet fil-prezz, jirreferu għall-premessa 211 tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-bqija, hekk kif jirriżulta mill-premessa 210 tad-deċiżjoni msemmija, hija indikat li ma setgħetx tikkonstata x-xebh fl-aġir tal-impriżi, li barra minn dan kienu involuti wkoll f’kuntatti kollużorji oħra, mingħajr ma tikkonkludi li dan ix-xebh kien neċessarjament ippreċedut min konċertazzjoni. Barra minn hekk, bl-użu tat-terminu “madankollu” fil-verżjonijiet bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Olandiż tal-premessa 211 tad-deċiżjoni kkontestata, hija evidentement ikkuntrastat dan is-sempliċi xebh mal-eżistenza ammessa ta’ kuntatti li seħħew qabel l-avviżi ta’ żiediet fil-prezz.

146

F’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara s-7 ta’ Settembru 1996, l-eżistenza ta’ kuntatti bejn il-kompetituri fuq iż-żiediet fil-prezz fir-Renju Unit hija pprovata mis-segwenti provi dokumentarji.

147

Fl-ewwel lok, minn memorandum intern ta’ BG jirriżulta li, matul tmiem il-ġimgħa tas-7 u t-, Knauf ħabbret li kienet ser issegwi ż-żieda fil-prezzijiet deċiża minn BG meta l-intenzjonijiet tagħha jkunu ppreċiżati espressament. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, din id-diskussjoni seħħet qabel ma BG bagħtet l-avviżi ta’ żieda tat-tariffi tagħha fid-.

148

Barra minn hekk, din iż-żieda ġiet segwita, fl-20 ta’ Settembru 1996, minn dik ta’ Lafarge.

149

Fit-tieni lok, il-kważi simultanjetà tal-avviżi ta’ żiediet fil-prezzijiet kif ukoll ix-xebh tal-prezzijiet imħabbra komplew. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 203 u 204 tad-deċiżjoni kkontestata, li fit-3 ta’ Ġunju 1997, BG kienet ħabbret żieda ta’ 3.8 % għall-folji tal-ġibs standard, b’effett mill-. Lafarge min-naħa tagħha ħabbret żieda ta’ 3.7 %, b’effett mill-, u Knauf ħabbret żieda ta’ 3.7 %, b’effett mill-istess data bħal dik ta’ Lafarge. Barra minn hekk, fis-, BG ħabbret żieda fil-prezz ta’ 4.4 %, b’effett mill-. Lafarge min-naħa tagħha ħabbret żieda ta’ 4.1 %, b’effett mis-, u Knauf ħabbret l-istess żieda, b’effett mill-.

150

Fit-tielet lok, mill-premessa 205 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li qabel l-avviż ta’ żieda min-naħa ta’ BG fit-8 ta’ Settembru 1998 ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ 5 % b’effett mill-, rappreżentant ta’ Lafarge kien indika lil persuna responsabbli minn BG li, għal raġunijiet baġitarji, Lafarge ma kinitx disposta li ssegwi ż-żieda fil-prezzijiet prevista fil-bidu tax-xahar ta’ Jannar tas-sena suċċessiva. Issa, jekk l-impriżi kkonċernati ma kinux ftehmu li jiskambjaw informazzjoni fuq iż-żiediet fil-prezz, Lafarge ma kienx ikollha bżonn tinforma lir-rappreżentant ta’ BG li hija ma kinitx sejra ssegwi ż-żieda prevista.

151

Fir-raba’ lok, BPB irrikonoxxiet li kien hemm dak li hija ssejjaħ bħala “okkażjonijiet iżolati” fejn is-Sur [N] kien ċempel lid-diretturi ġenerali ta’ Lafarge u ta’ Knauf fir-Renju Unit biex jinfurmhom bl-intenzjonijiet ta’ BG f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet, kif ukoll il-limiti ta’ żieda previsti (premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn it-telefonati, għalkemm BPB ma tipprovdix, lanqas bejn wieħed u ieħor, id-dati tagħhom u għalkemm hija tikkwalifikahom biss bħala “telefonati purament ta’ korteżija” juru li l-impriżi kompetitriċi kellhom kuntatti f’dak li jirrigwarda ż-żiediet fil-prezz.

152

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra, fil-premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntatti fuq iż-żiediet fil-prezz fis-suq tar-Renju Unit kienu jikkostitwixxu prattika miftiehma, pprojbita mill-Artikolu 81(1) KE.

153

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argument li jgħid li dan kien aġir unilaterali. Għalkemm huwa minnu li l-kunċett ta’ prattika miftiehma effettivament jippresupponi l-eżistenza ta’ kuntatti kkaratterizzati mir-reċiproċità, madankollu, din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-iżvelar, minn kompetitur lill-ieħor, tal-intenzjonijiet tiegħu jew tal-aġir futur tiegħu fis-suq, ikun intalab jew, minn tal-inqas, ġie aċċettat mill-kompetitur l-ieħor (sentenza Siment, punt 32 iktar ’il fuq, punt 1849).

154

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti li jgħidu li l-informazzjoni fuq il-prezz li ġiet ikkomunikata kienet magħrufa mill-klijenti tal-impriża kkonċernata qabel il-komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri u li, għalhekk, il-kompetituri tagħha setgħu diġà jiġbru l-informazzjoni mxerda mis-suq, għandu jiġi mfakkar li l-fatt biss li tiġi riċevuta informazzjoni li tirrigwarda lil kompetituri, informazzjoni li kummerċjant indipendenti jippriżerva bħala sigrieti tan-negozju, huwa biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ spirtu antikompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 66). Barra minn hekk, id-diskussjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni sabet provi diretti jew li l-eżistenza tagħhom ġiet irrikonoxxuta mir-rikorrenti seħħew qabel l-avviżi uffiċjali ta’ żiediet fil-prezzijiet.

155

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni pprovat, b’mod siffiċjenti fil-liġi, li t-tliet impriżi kienu infurmaw lil xulxin fuq iż-żiediet fil-prezz fis-suq tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998.

Fuq l-istabilizzazzjoni tal-ishma fis-suq tal-Ġermanja

L-argumenti tal-partijiet

156

Ir-rikorrenti tammetti li l-għan tal-laqgħa ta’ Versailles kien li jintlaħaq akkordju intiż sabiex jiġu stabilizzati l-ishma fis-suq tal-Ġermanja. Dan it-tentattiv ma rnexxiex. Hija tosserva li d-dikjarazzjoni ulterjuri ta’ Gyproc issaħħaħ id-dikjarazzjoni tagħha.

157

Ir-rikorrenti tammetti wkoll li, fil-laqgħat ta’ Brussell u tal-Aja, id-diskussjonijiet baqgħu jirrigwardaw l-ishma tas-suq li kull impriża inkwistjoni kellha fil-Ġermanja. Apparti dan, dawn l-aħħar diskussjonijiet kienu ppreċeduti minn skambju ġdid ta’ informazzjoni dwar l-ishma tas-suq fir-rigward tal-ewwel erba’ xhur tal-1998. Madankollu, dawn id-diskussjonijiet xorta baqgħu ma waslu għal ebda riżultat.

158

Ir-rikorrenti tenfasizza li, għalkemm l-impriżi ltaqgħu u kellhom interess komuni biex jistabbilixxu stabbiltà fis-suq Ġermaniż, huma ma ħadu l-ebda impenn komuni. Issa, il-liġi applikabbli teħtieġ tali impenn. Ir-rikorrenti tosserva li impriżi jistgħu jaqsmu bejniethom l-opinjonijiet komuni tagħhom fuq dak li jixtiequ li jiġi stabbilit, iżda, sakemm, b’dawn il-kuntatti u bl-aġir tagħha, impriża taġixxi b’tali mod li mingħajr dubju tagħti lill-impriża l-oħra x’tifhem li hija tipproponilha li taġixxi b’tali mod u li din l-impriża l-oħra tħossha obbligata li tagħmel hekk, dan ma jikkostitwixxix akkordju fil-liġi. Hija tqis li l-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li negozjazzjoni hija ekwivalenti għal akkordju.

159

Ir-rikorrenti tosserva li l-approċċ tal-Kummissjoni jikkonsisti fid-dikjarazzjoni li għan komuni huwa pprovat mill-manifestazzjonijiet ta’ akkordju fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u li l-manifestazzjonijiet stess jagħtu l-prova ta’ għan komuni. Skont ir-rikorrenti, dan huwa argument nieqes minn kull valur legali.

160

Hija ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li kienu organizzaw l-impriżi inkwistjoni f’Novembru 1996 bl-għajnuna ta’ espert indipendenti (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni”) kienet iktar sofistikata u li kienet tipprovdilhom informazzjoni li kienet iktar preċiża u verifikabbli mill-iskambji l-oħra. Hija tindika li l-produtturi kienu jikkomunikaw l-informazzjoni lill-espert indipendenti, iżda li huwa ma kien jagħmel l-ebda verifika. Barra minn hekk, l-iskambji fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni ma kinux iktar frekwenti minn dawk li saru bejn il-P.D.Ġ. tal-impriżi inkwistjoni, peress li t-tnejn kienu trimestrali matul il-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-1998. Apparti dan, l-iskambji li saru fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni kienu jipprovdu lill-impriżi inkwistjoni inqas informazzjoni minn dawk li kienu jsiru bejn il-P.D.Ġ., peress li l-espert indipendenti kien biss jagħti lill-impriżi msemmija ċifra globali fir-rigward tad-daqs tas-suq.

161

Hija tosserva wkoll li l-implementazzjoni tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni wara l-laqgħa ta’ Versailles kienet kumbinazzjoni.

162

Il-Kummissjoni tqis li, għalkemm l-impriżi ma rnexxielhomx jiftehmu fuq il-metodi ta’ tqassim tal-ishma tas-suq fil-Ġermanja, huma esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jnaqqsu l-kompetizzjoni fis-suq tal-folji tal-ġibs billi jaqsmu bejniethom is-suq Ġermaniż jew, minn tal-inqas, billi jistabilizzawh. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li impriża tiżvela li hija ma tixtieqx iżżid sehema fis-suq huwa biżżejjed sabiex il-kompetituri tagħha jiġu infurmati b’element essenzjali tal-istrateġija tagħha u jikkostitwixxi manifestament element antikompetittiv. Hija tqis li l-imprżi kienu jqisu ruħhom marbuta li jadottaw ċertu aġir, hekk kif turi s-suċċessjoni ta’ diskussjonijiet f’dan is-sens.

163

Il-Kummissjoni tosserva li l-unika spjegazzjoni plawżibbli għal skambju ta’ informazzjoni fejn il-parteċipanti jixtiequ jżommu sigriet tiegħu u li huwa msejjes fuq ċifri allegatament mingħajr valur kbir biex jiddefinixxi strateġija għall-ġejjieni, hija li bejn l-impriżi inkwistjoni jeżisti akkordju taċitu li jiġu rispettati l-flussi tradizzjonali.

164

Il-Kummissjoni tqis li, għalkemm l-ishma tas-suq fil-Ġermanja baqgħu jitilgħu u jinżlu wara l-laqgħa ta’ Versailles li nżammet fl-1996, dawn il-fluttwazzjonijiet kienu minimi u jikkorroboraw il-konklużjonijiet tagħha, peress li hija qatt ma sostniet li kien jeżisti akkordju formali ta’ tqassim tas-suq.

165

Il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni minnha nnifisha ma tmurx kontra d-dritt Komunitarju, din m’għandhiex tiġi evalwata b’mod iżolat, iżda fid-dawl tal-fatt li din ġiet stabbilita biex tiġi pprovduta informazzjojni iktar preċiża u verifikabbli. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ BPB li tgħid li l-informazzjoni pprovduta ma kinitx iktar preċiża minn dik skambjata preċedentement ma tippermettix li jsir magħruf għalfejn BPB u l-impriżi l-oħra ħadu sehem f’din is-sistema. Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni mogħtija minn BPB, li tgħid li l-impriżi kienu jixtiequ jakkwistaw kejl eżatt tad-daqs tas-suq Ġermaniż, jikkorrobora iktar l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

166

Mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma tikkontestax l-eżistenza tal-laqgħat ta’ Versailles, ta’ Brussell u tal-Aja. Barra minn hekk, hija tammetti li ħadet sehem f’dawn il-laqgħat u li ddiskutiet is-sitwazzjoni tas-suq Ġermaniż. Hija tirrikonoxxi wkoll li waqt il-laqgħa ta’ Versailles saret proposta biex jintlaħaq akkordju intiż sabiex jiġu stabilizzati l-ishma tas-suq fil-Ġermanja għal-livell tagħhom tal-1995.

167

Madankollu, hija tqis li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-impriżi inkwistjoni adottaw impenn komuni. Skont ir-rikorrenti, il-liġi applikabbli teħtieġ li jkun hemm tali impenn. Issa, dak li seħħ f’dan il-każ jikkostitwixxi biss negozjati sabiex jintlaħaq akkordju.

168

Konsegwentement, il-kwistjoni li fuqha r-rikorrenti u l-Kummissjoni ma jaqblux tirrigwarda l-kwalifika legali tal-laqgħat ta’ Versailles, ta’ Brussell u tal-Aja kif ukoll tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni.

169

Issa, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti intiż sabiex juri li ma kienx hemm akkordju dwar it-tqassim tas-suq fil-Ġermanja, għandu jiġi osservat li fl-aħħar parti tal-premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li “kien intlaħaq akkordju bejn [l-impriżi kkonċernati], liema impriżi riedu jaqsmu bejniethom is-suq Ġermaniż jew minn tal-inqas jistabilizzawh, liema akkordju jikkostitwixxi manifestazzjoni partikolari tal-akkordju kumpless u kontinwu li għandu l-għan li jnaqqas għall-minimu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-folji tal-ġibs fl-erbat iswieq il-kbar Ewropej”. Apparti dan, mill-premessi 462, 463, 465 u 469 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk tali akkordju kienx ġie konkluż jew le, billi l-impriżi inkwistjoni esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jaqsmu bejniethom is-suq Ġermaniż jew, minn tal-inqas, li jistabilizzawh, huma kienu kkonkludew akkordju skont l-Artikolu 81(1) KE.

170

Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova li l-impriżi ssanzjonati kienu kkonkludew akkordju fis-sens strett tat-terminu fuq it-tqassim tal-ishma tas-suq fil-Ġermanja, huwa biżżejjed li jirriżulta mill-fatti mhux ikkontestati li l-impriżi inkwistjoni ssostitwew b’mod konxju kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni billi baqgħu f’kuntatt dirett bil-għan li jistabilizzaw is-suq Ġermaniż. Konsegwentament, għandu jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-fatt f’dan il-każ.

171

F’dak li jirrigwarda l-laqgħa ta’ Versailles li nżammet f’Ġunju 1996, l-eżistenza tagħha mhijiex ikkontestata, u lanqas il-fatt li, matulha, l-impriżi inkwistjoni żvelaw iċ-ċifri rejali tal-bejgħ tagħhom għas-sena 1995, li ddiskutew l-istabilizzazzjoni tal-ishma tas-suq tagħhom fis-suq Ġermaniż u li Gyproc ma kinitx taqbel mas-sehem tas-suq li l-impriżi l-oħra kienu qed jipproponulha.

172

Fir-rigward tal-laqgħa ta’ Brussell tal-4 ta’ Diċembru 1997, BPB tammetti wkoll l-eżistenza tagħha, iżda tindika li din ukoll kienet okkażjoni fejn ġiet diskussa l-istabilizzazzjoni tas-suq Ġermaniż.

173

Fir-rigward tal-laqgħa tal-Aja ta’ Mejju 1998, BPB lanqas ma tikkontesta li din seħħet. Madankollu, id-diskussjonijiet, anki jekk dawn kellhom bħala skop is-sitwazzjoni fil-Ġermanja, ma taw l-ebda riżultat konkret. F’dan ir-rigward, mill-premessa 257 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont Gyproc, il-parteċipanti skambjaw iċ-ċifri fuq il-volumi tal-bejgħ tagħhom fil-Ġermanja għall-ewwel erba’ xhur tas-sena 1998, li kull wieħed mill-parteċipanti indika s-sehem tas-suq li kien jixtieq fil-Ġermanja u li, peress li t-total ta’ dawn l-ishma tas-suq kienu jirrappreżentaw 101 %, il-parteċipanti pproponew lil Gyproc li s-sehem tas-suq tagħha jiġi limitat għal 11 %, iżda li din irrifjutat.

174

Konsegwentement, minn dak li ntqal jirriżulta li, għalkemm akkordju speċifiku fuq it-tqassim tas-suq Ġermaniż ma setax jintlaħaq la waqt il-laqgħa ta’ Versailles u lanqas waqt il-laqgħat ulterjuri li nżammu fi Brussell u fl-Aja, l-erba’ impriżi inkwistjoni esprimew rieda komuni li jistabilizzaw is-suq Ġermaniż u għalhekk, li jnaqqsu l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, iż-żamma tal-laqgħa ta’ Versailles turi l-eżistenza ta’ akkordju fuq il-prinċipju ta’ tqassim tas-suq Ġermaniż bejn BPB, Knauf, Lafarge u Gyproc, kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata.

175

Fil-fatt, BPB ma tikkontestax li waqt il-laqgħa ta’ Versailles, minkejja l-pożizzjoni adottata minn Gyproc, it-tliet impriżi l-oħra, Knauf, Lafarge u hija stess, indikaw lil xulxin l-ishma tas-suq li fuqhom kienu laħqu akkordju u li dawn l-ishma tas-suq kienu jikkorrispondu għal dawk li dawn l-impriżi kienu effettivament jipposjedu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-impriżi ma jikkontestawx li waqt il-laqgħa ta’ Versailles skambjaw iċ-ċifri tal-bejgħ tagħhom għas-sena 1995.

176

Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni. L-eżistenza ta’ din is-sistema ssaħħaħ it-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-impriżi msemmija riedu jistabilizzaw is-suq Ġermaniż. Fil-fatt, kull produttur kien jagħti ċ-ċifri tal-bejgħ tiegħu b’mod kunfidenzjali lill-espert indipendenti u r-riżultati kienu jiġu kkalkolati minn dan l-espert sabiex jagħtu ċifra globali li wara kienet tiġi kkomunikata lill-parteċipanti. Din iċ-ċifra kienet tippermetti lil kull produttur li jikkalkola s-sehem tiegħu tas-suq, iżda mhux dak tal-oħrajn. Iċ-ċifri ġew ipprovduti kull trimestru u kienu jirrigwardaw iċ-ċifri tal-bejgħ ta’ kull produttur. Barra minn hekk, il-produtturi kkomunikaw lill-espert indipendenti, b’mod kunfidenzjali, iċ-ċifri minn Jannar sa Diċembru 1995 u dawk minn Jannar sa Settembru 1996.

177

Għaldaqstant, is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni kienet tippermetti lill-impriżi inkwistjoni li jikkontrollaw jekk l-ishma tas-suq tagħhom fis-suq Ġermaniż kinux baqgħu relattivament stabbli.

178

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ġuridika ta’ din is-sitwazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li wieħed jikkomunika informazzjonii lill-kompetituri bil-għan li jiġi ppreparat akkordju huwa biżżejjed sabiex jipprova l-eżistenza ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T-148/89, Ġabra p. II-1063, punt 82).

179

Fil-fatt, il-kunċett ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 81(1) KE jipprevedi forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkunu ġiet estiża b’tali mod li twassal għar-realizzazzjoni ta’ akkordju veru u proprju, tissostitwixxi b’mod konsapevoli l-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, punt 81 iktar ’il fuq, punt 26, u Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, punt 143 iktar ’il fuq, punt 63).

180

Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma, mhux biss talli ma jeħtiġux l-elaborazzjoni ta’ “pjan” veru u proprju, iżda talli għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, li jgħidu li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li jixtieq isegwi fis-suq komuni u l-kundizzjonijiet li għandu l-intenzjoni li jirriżerva lill-klijentela tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Deere vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 86, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 82).

181

Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-imġieba, kkonstatata jew mistennija, tal-kompetituri tagħhom, dawn madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi, li jkollu bħala għan jew bħala effett jew li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi, kif ukoll tal-volum tal-imsemmi suq (sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, punt 87, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 83).

182

Barra minn hekk, kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Siment, punt 32 iktar ’il fuq (punt 1852), biex tiġi pprovata l-prattika miftiehma, mhuwiex meħtieġ li jintwera li l-kompetitur inkwistjoni jkun intrabat formalment, ma’ kompetitur wieħed jew iktar, li jadotta dik il-prattika jew dak l-aġir jew li l-kompetituri jkunu ffissaw bejniethom l-aġir futur tagħhom fis-suq. Huwa biżżejjed li, permezz tad-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu, il-kompetitur ikun elimina, jew minn tal-inqas naqqas sostanzjalment, l-inċertezza fir-rigward tal-aġir fis-suq mistenni minnu.

183

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra, fil-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt stess li impriża tindika li ma tixtieqx sehem tas-suq ikbar minn dak li diġà għandha huwa biżżejjed biex jinforma lill-kompetituri tagħha fuq element essenzjali tal-istrateġija tagħha.

184

Apparti dan, għandu jiġi mfakkar li s-suq inkwistjoni għandu natura oligopolistika konċentrata ħafna. Issa, f’tali suq, l-iskambju ta’ informazzjoni huwa ta’ natura tali li jippermetti li l-impriżi jsiru jafu l-pożizzjoni tal-kompetituri tagħhom fis-suq u l-istrateġija kummerċjali tagħhom u għalhekk li jaffettwaw kunsiderevolment il-kompetizzjoni li teżisti bejn il-kummerċjanti (sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar ’il fuq, punti 88 sa 90, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 84).

185

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa ċirkulari, għandu jiġi mfakkar li l-elementi kollha tal-każ inkwistjoni għandhom jiġu evalwati mhux separatament bħala ċirkustanzi ta’ ksur iżolati, iżda fil-kuntest globali, bħala eventwali elementi ta’ ksur uniku li għandu l-iskop li jnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq tal-folji tal-ġibs fl-erbat iswieq Ewropej ikkonċernati. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE m’għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 68).

186

Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest ġenerali tal-għan ta’ stabilizzazzjoni tas-swieq ikkonċernati, l-iskambju ta’ informazzjoni fis-suq Ġermaniż seta’ jippermetti lill impriżi inkwistjoni li jikkontrollaw li l-ishma tas-suq tal-kompetituri jibqgħu stabbli.

187

Fl-aħħar, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fin-nuqqas ta’ akkordju, il-Kummissjoni kellha minn tal-inqas tipprova l-effetti fis-suq, għandu jiġi mfakkar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ akkordju mhuwiex meħtieġ, meta jkun jidher li dan għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 261).

188

Bl-istess mod, prattika miftiehma taqa’ taħt l-Artikoku 81(1) KE anki fin-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi fis-suq. L-ewwel nett, mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li, bħal fil-każ ta’ akkordju bejn impriżi u ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, il-prattiki miftiehma huma projbiti, indipendentement minn kull effett, meta jkollhom għan antikompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punti 137 u 138).

189

Wara dan, għalkemm il-kunċett stess ta’ prattika miftiehma jippresupponi l-eżistenza ta’ ċertu aġir fis-suq min-naħa tal-impriżi parteċipanti, dan ma jimplikax neċessarjament li dan l-aġir għandu jipproduċi l-effett konkret ta’ restrizzjoni, prevenzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 139).

190

Fid-dawl tal-kuntest globali tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, abbażi tal-fatti mhux ikkontestati, il-Kummissjoni pprovat, b’mod suffiċjenti fil-liġi, li l-impriżi inkwistjoni, għalkemm ma kinux waslu li jilħqu akkordju speċifiku fir-rigward tat-tqassim tas-suq Ġermaniż bejniethom, kienu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li f’dan is-suq jaġixxu b’mod determinat, jiġifieri li jnaqqsu l-kompetizzjoni permezz tal-istabilizzazzjoni tas-suq imsemmi.

Fuq l-iskambji ta’ informazzjoni dwar iż-żiediet fil-prezz fil-Ġermanja

L-argumenti tal-partijiet

191

Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-erba’ produtturi żammew lil xulxin infurmati dwar l-intenzjonijiet tagħhom fejn kienet teżisti koordinazzjoni li tirrigwarda d-dati u l-livelli ta’ żiediet fil-prezzijiet previsti matul il-perijodu ta’ bejn l-aħħar tal-1994 u Settembru 1998. Hija tqis li l-Kummissjoni ma pprovatx l-allegazzjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti. Bil-kontra ta’ dan, il-fatt li l-kompetizzjoni fis-suq Ġermaniż kompliet turi li l-produtturi komplew joperaw b’mod indipendenti. F’kull każ, il-kuntatti inkwistjoni ma jistgħux jixhdu l-eżistenza ta’ rieda komuni jew jikkostitwixxu l-prova ta’ akkordju konkluż fl-1992.

192

F’dak li jirrigwarda l-allegati kuntatti diretti li kellha mal-kompetituri fir-rigward taż-żiediet fil-prezz fil-Ġermanja, BPB tindika li kienet iddikjarat li ma kinitx bagħtet kopji taż-żidiet fil-prezz tagħha lill-kompetituri tagħha. Fir-rigward tat-trażmissjoni, min-naħa ta’ Knauf, tal-listi tal-prezzijiet tagħha lill-kompetituri tagħha, din l-informazzjoni ma tistax tikkostitwixxi kollużjoni fuq il-prezzijiet għaliex l-ittri kienu jirrigwardaw żidiet fil-prezz li kienu diġà magħrufa sew jew antiċipati fis-suq. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-katalogu ġew imnaqqsa b’mod frekwenti bl-għoti ta’ skontijiet.

193

Ir-rikorrenti tikkontesta li l-memorandum ta’ Lafarge tas-17 ta’ Diċembru 1996 inkiteb wara d-diskussjoni li seħħet dwar il-prezzijiet bejn is-Sur [V], direttur kummerċjali ta’ Rigips, is-sussidjarja Ġermaniża tar-rikorrenti, u s-Sur [X], direttur ġenerali ta’ Lafarge Gips. Hija ssostni li dejjem ċaħdet l-eżistenza ta’ din id-diskussjoni. Apparti dan, hija tiċħad il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li dan il-memorandum jikkostitwixxi prova tal-kuntatti diretti bejn il-produtturi. F’dak li jirrigwarda x-xebh taż-żieda fil-prezzijiet, ir-rikorrenti tosserva li, f’suq oligopolistiku, huwa normali li l-impriżi jibbażaw il-prezzijiet tagħhom fuq dawk tal-kompetituri u jaġixxu b’mod parallel, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-listi tal-prezzijiet. Issa, il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet “net-net” baqgħet għaddejja b’mod intensiv.

194

Fir-rigward tal-memorandum ta’ Lafarge tas-7 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrenti tqis li dan jiddeskrivi l-mekkaniżmu normali taż-żiediet fil-prezz f’suq oligopolistiku. Hija tosserva li l-memorandum juri diversi fatti li jikkontradixxu l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, bħall-fatt li l-produtturi taw skontijiet anki wara ż-żieda fil-lista tal-prezzijiet, li Rigips ħabbret żieda tmien ġimgħat qabel il-memorandum, iżda li l-produtturi l-oħra ma segwewx din iż-żieda, li kienet teżisti inċertezza fir-rigward tar-rejazzjonijiet tal-kompetituri għal żieda fil-prezzijiet, li l-parti l-kbira taż-żiediet fil-prezz kienu limitati matul is-snin preċedenti u li sal-1993 u fl-1994, Lafarge pprovat takkwista ishma mis-suq.

195

Fir-rigward tan-nota interna ta’ Knauf tal-15 ta’ Novembru 1993, ir-rikorrenti tosserva li, għalkemm din in-nota kienet tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ aġir eventwalment antikompetittiv, dan ma jfissirx li dan l-aġir ġie effettivament adottat.

196

F’dak li jirrigwarda n-nota interna ta’ Rigips ta’ Ottubru 1994, ir-rikorrenti tqis li s-sentenza “naħsbu li l-prezzijiet ser ikunu ffriżati fil-livelli msemmija iktar ’il fuq” ma turi xejn li huwa kollużorju, iżda hija biss evalwazzjoni min-naħa ta’ Rigips tal-perspettivi tal-iżvilupp tal-prezzijiet.

197

Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet b’effett mill-1 ta’ Diċembru 1995, ir-rikorrenti tikkontesta li l-falliment ta’ din iż-żieda kien il-kawża tal-laqgħa ta’ Versailles. Hija tosserva li t-tnaqqis fil-prezzijiet minn Diċembru 1995 sa Ġunju 1996 iktar hija prova tan-nuqqas milli tal-eżistenza ta’ akkordju.

198

Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet li seħħet f’Settembru 1997, ir-rikorrenti tiċħad li pparteċipat fit-tentattivi ta’ produtturi oħra intiżi sabiex jevitaw it-teħid ta’ klijenti ta’ ħaddieħor. Hija ssostni li, għalkemm il-produtturi kellhom diskussjonijiet fuq it-tqassim tas-suq, dawn id-diskussjonijiet ma taw l-ebda riżultat. Wara dan, il-kompetizzjoni fis-suq kompliet u, konsegwentement, iż-żieda fil-prezzijiet tal-katalogu proposta għal Settembru 1997 falliet.

199

Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet f’Settembru 1998, ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipat fl-ebda kollużjoni bejn produtturi. Hija tosserva li l-unika prova li għandha l-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda lilha hija l-fatt li hija rċeviet kopja ta’ ittra ta’ Knauf li tirrigwarda żieda fil-prezzijiet. Issa, dan il-fatt ma jżid xejn mar-rikonoxximent min-naħa ta’ Knauf tat-trażmissjoni okkażjonali lill-kompetituri tagħha ta’ ittri li jinfurmawhom b’żieda fil-prezzijiet. Barra minn hekk, hija tiċħad li rċeviet komunikazzjoni min-naħa ta’ Gyproc. Għalhekk, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ż-żieda fil-prezzijiet ta’ Settembru 1998 kienet tikkostitwixxi manifestazzjoni ulterjuri tal-kollużjoni li pparteċipat fiha r-rikorrenti fis-suq Ġermaniż mhija sostnuta minn l-ebda prova.

200

F’dak li jirrigwarda l-memorandum ta’ Lafarge tas-7 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni tosserva li dan ma ġiex użat sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-kuntatti bejn l-impriżi inkwistjoni, iżda sabiex jintwera li ż-żiediet fil-prezz kienu jsegwu skema partikolari. Hija tikkunsidra li l-fatt li ż-żiediet fil-prezz imħabbra ma kinux dejjem jikkorrispondu ma’ żiediet effettivi fil-prezz tat-tranżazzjonijiet ma jfissirx li l-kuntatti stabbiliti ma kinux illegali jew li ma kinux segwiti minn effetti. Hija tqis ukoll li l-fatt li Lafarge pprovat tirbaħ l-ishma tas-suq sal-1993 u fl-1994 ma jikkonfutax il-konklużjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, peress li hija kkonstatat biss li ż-żiediet fil-prezz kienu kkoordinati b’effett minn tmiem l-1994 jew mill-bidu tal-1995.

201

Fir-rigward tat-trażmissjoni min-naħa ta’ Knauf tal-listi tal-prezzijiet tagħha lill-kompetituri tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi 313 sa 314 u 472 sa 474 tad-deċiżjoni kkontestata.

202

Il-Kummissjoni tammetti li n-nota interna ta’ Knauf tal-15 ta’ Novembru 1993 ma tiddeskrivix aġir li diġà ġie adottat, iżda pjuttost tirrakkomanda linji ta’ kondotta. Madankollu, hija tqis li l-elementi li jinsabu f’din in-nota juru l-aġir ta’ Knauf li wassal għall-kuntatti ulterjuri bejn kompetituri, fir-rigward ta’ liema hija ġabet il-provi u li jsaħħu b’mod ċar il-konklużjoni tagħha li tgħid li l-kuntatti inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv. Dawn jagħtu wkoll indikazzjonijiet fuq il-motivazzjonijiet sottostanti ta’ dawn il-kuntatti ulterjuri.

203

F’dak li jirrigwarda n-nota interna ta’ Rigips ta’ Ottubru 1994, il-Kummissjoni tosserva li l-kuntest li fih tfasslet din in-nota, u b’mod partikolari l-fatt li hija tippreċedi b’xahar it-trażmissjoni tal-ittri li ħabbru ż-żiediet fil-prezz ta’ Frar 1995, ma jurux biss li l-awtur tagħha kien infurmat tajjeb.

204

Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet tal-1 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-falliment ta’ din iż-żieda juri li ma kien ġie konkluż l-ebda akkordju fl-1992. Barra minn hekk, ġrajjiet sussegwenti wrew li xi kuntatti kienu ġew stabbiliti fl-1996 (jista’ jkun wara dan il-falliment), b’mod partikolari waqt il-laqgħa ta’ Ġunju 1996 f’Versailles, u li żieda fil-prezzijiet kienet ġiet miftiehma għall-.

205

Fir-rigward tal-memorandum ta’ Lafarge tas-17 ta’ Diċembru 1996, il-Kummissjoni tqis li ż-żiediet fil-prezz li kienu ġew miftiehma huma manifestazzjoni tal-akkordju kumpless u kontinwu deskritt fil-premessi 430 sa 434 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-importanza ta’ dan il-memorandum hija deskritta fil-premessi 335 sa 352 tad-deċiżjoni kkontestata.

206

Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet li seħħet f’Settembru 1997, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li din iż-żieda falliet ma jurix li ma kienx hemm akkordju.

207

Fir-rigward taż-żieda fil-prezzijiet li seħħet f’Settembru 1998, il-Kummissjoni tosserva li l-fatt li impriża tirċievi informazzjoni fuq il-prezzijiet mingħand kompetitur mingħajr ma tipprotesta juri reċiproċità suffiċjenti biex jikkostitwixxi prattika miftiehma. Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-fatt li Gyproc ammettiet l-eżistenza ta’ tentattivi miftiehma intiżi sabiex iżidu l-prezzijiet fis-suq Ġermaniż isaħħaħ il-konklużjoni tagħha. Hija tosserva li n-nota ta’ BPB imsemmija fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata (li tirreferi għal tieni żieda fil-prezzijiet matul l-ewwel trimestru tal-1999) kienet tippreċedi l-istruzzjonijiet ta’ Knauf imsemmija fil-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li din ma setgħetx kienet reazzjoni għall-istruzzjonijiet imsemmija jew għall-għajdut li din l-impriża ssuġġeriet li tpoġġi fis-suq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

208

BPB tikkontesta l-eżistenza ta’ kuntatti diretti mal-kompetituri tagħha dwar iż-żiediet fil-prezz fis-suq Ġermaniż kif ukoll l-eżistenza ta’ konċertazzjoni dwar l-applikazzjoni taż-żiediet fil-prezz. Hija ssostni wkoll li f’kull każ anki jekk il-kuntatti diretti bejn il-kompetituri jitqiesu bħala stabbiliti, dawn ma jistgħux jixhdu rieda komuni li jintlaħaq akkordju fuq il-prezzijiet.

209

Fl-ewwel lok, għandhom jiġu evalwati l-provi li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ kuntatti u ta’ konċentrazzjoni bejn il-kompetituri espressament ikkontestati minn BPB.

210

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kuntatti msemmija għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ dak iż-żmien, ikkaratterizzat minn numru ta’ avvenimenti antikompetittivi li jixhdu rieda komuni tal-kompetituri li jistabilizzaw is-suq tal-folji tal-ġibs fl-erbat iswieq il-kbar Ewropej, fosthom is-suq Ġermaniż. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm il-kontenut ta’ dokument iżolat misjub mill-Kummissjoni ma jistax jiżvela b’mod assolut l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv b’tali mod li l-kontenut imsemmi jista’ eventwalment jiġi spjegat b’mod ieħor apparti mir-rieda li titnaqqas il-kompetizzjoni, madankollu dan il-fatt ma jistax jeskludi li dan id-dokument jista’ jiġi interpretat bħala li jikkonferma l-eżistenza ta’ tali rieda meta jkun jifforma parti minn numru ta’ dokumenti oħra li jipprovdu indizji li jipprovaw l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv kontemporanju u simili.

211

F’dak li jirrigwarda n-nota interna ta’ Knauf tal-15 ta’ Novembru 1993 (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata), BPB tirrimarka sempliċement li din in-nota tirrakkomanda linja ta’ kondotta li tista’ tkun antikompetittiva, iżda li din ma tikkostitwixxix prova li din il-linja ta’ kondotta ġiet adottata fir-realtà. Għandu jiġi osservat li, fi kliem din in-nota, il-“lista tal-prezzijiet il-ġdida [ta’ Knauf] intbagħtet fl-aħħar ta’ Ottubru lill-klijenti diretti kollha. Fl-istess ħin, il-kompetituri kollha kienu infurmati bil-komunikazzjoni ta’ kopja ta’ din il-lista”. Għaldaqstant, l-ispjegazzjoni ta’ BPB hija kontradetta mill-fatt li l-avveniment imsemmi f’din in-nota ta’ Novembru 1993 seħħ fl-aħħar ta’ Ottubru 1993. Għalhekk, l-ispjegazzjoni li BPB tagħti dwar din in-nota mhijiex konvinċenti. F’kull każ, l-argument ta’ BPB huwa l-iktar l-iktar intiż sabiex jikkritika lill-Kummissjoni talli ma pprovatx li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni kien effettivament ġie segwit minn effetti, ħaġa li ma tistax tneħħi l-għan antikompetittiv tiegħu.

212

Fir-rigward tan-nota interna ta’ Ottubru 1994 li nstabet fl-uffiċċji ta’ Rigips, ir-rikorrenti ssostni l-ispjegazzjoni tagħha kif esposta fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li din in-nota tirrifletti l-evalwazzjoni ta’ diriġent ta’ impriża dwar l-istat tas-suq Ġermaniż ibbażata fuq l-għarfien tiegħu dwar is-suq permezz ta’ informazzjoni miġbura mill-persunal kummerċjali tiegħu.

213

F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni ta’ din in-nota mill-Kummissjoni hija iktar konvinċenti, fid-dawl tal-elementi l-oħra tal-fajl li juru l-eżistenza, dak iż-żmien, ta’ konċertazzjoni bejn l-impriżi inkwistjoni. Il-Kummissjoni tqis, ġustament, li din in-nota turi għarfien tal-istrateġija tal-kompetituri u tixhed dwar il-kuntatti ta’ bejniethom. Fil-fatt, l-awtur ta’ din in-nota, filwaqt li, l-ewwel nett, ġabar is-sitwazzjoni fis-suq, jispjega li d-direttur tal-bejgħ ta’ Gyproc ilmenta li l-impriża tiegħu kienet tilfet ishma tas-suq u li kellha terġa’ takkwisthom. Barra minn hekk, fin-nota kien previst li jiġu ffriżati l-prezzijiet għal-livell imsemmi fiha u li żieda fil-prezzijiet kellha sseħħ b’effett mill-1 ta’ Frar 1995. Din l-aħħar rimarka hija partikolarment rivelatriċi. Fil-fatt, li kieku l-komunikazzjoni min-naħa ta’ Knauf tal-avviżi ta’ żiediet fil-prezzijiet kienet unilaterali u li kieku BPB kienet biss isegwi din iż-żieda fil-prezzijiet, BPB ma setgħetx tkun taf f’Ottubru 1994 li kienet prevista żieda fil-prezzijiet għall-, peress li kien biss f’Novembru 1994 li Knauf ħabbret din iż-żieda fil-prezzijiet. Apparti dan, li kieku BPB kienet saret taf b’din iż-żieda fil-prezzijiet permezz tal-klijenti, kif issostni hija stess, xejn ma kien iżommha milli turi dan bil-għan li tikkontradixxi l-provi tanġibbli li sabet il-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li żieda fil-prezzijiet seħħet effettivament fl-.

214

Barra minn dan, għandu jiġi osservat li, minkejja dawn il-provi konkreti ta’ kuntatti kollużivi bejn il-produtturi, il-Kummissjoni tqis biss, fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetituri infurmaw lil xulxin reċiprokament dwar l-intenzjonijiet tagħhom f’dak li jirrigwarda ż-żieda fil-prezzijiet tal-1 ta’ Frar 1995 mingħajr ma tallega li din in-nota tikkostitwixxi l-prova diretta ta’ konċertazzjoni dwar iż-żieda fil-prezzijiet.

215

F’dak li jirrigwarda ż-żieda fil-prezzijiet f’Diċembru 1995 (premessi 330 sa 333 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tqis li l-fatt li din falliet huwa prova ulterjuri tan-nuqqas ta’ eżistenza tal-akkordju tal-1992. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li, għalkemm ma kienx hemm effetti ekonomiċi, dan mhuwiex prova li ma kienx hemm akkordju, iżda, l-iktar l-iktar, prova li l-akkordju ma ħadimx tajjeb, ħaġa li mhijiex rilevanti għall-konstatazzjoni ta’ konċertazzjoni li għandha skop antikompetittiv.

216

Barra minn hekk, il-fatt li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni terġa’ ssemmi l-laqgħa ta’ Versailles ta’ Ġunju 1996 li kellha l-għan li tistabilizza s-suq Ġermaniż huwa effettivament rilevanti, għaliex dan jikostitwixxi indizju li l-impriżi kkonċernati ħassew il-bżonn li jerġgħu jiddiskutu s-sitwazzjoni fis-suq Ġermaniż wara l-falliment taż-żieda fil-prezzijiet fl-1995.

217

Din it-teżi hija kkonfermata min-nota ta’ Lafarge tas-17 ta’ Diċembru 1996 (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-awtur jibda din in-nota bl-indikazzjoni li:

“[E]rġajna ddiskutejna s-sitwazzjoni attwali fis-suq Ġermaniż.”

218

BPB tikkontesta li d-diskussjoni mar-rappreżentant tagħha, li ssir referenza għaliha, seħħet. BPB ssostni li huwa normali li, f’suq oligopolistiku, l-impriżi jkollhom aġir li jwassalhom sabiex jiffissaw il-prezzijiet tagħhom skont dawk tal-oħrajn u jaġixxu b’mod parallel. Fil-fatt, il-kompetizzjoni kienet intensa fuq il-livell tal-prezzijiet prattikati waqt it-tranżazzjonijiet.

219

L-argument ta’ BPB għandu jiġi miċħud. Peress li n-nota tas-17 ta’ Diċembru 1996 tiġbor fiha l-ġrajjiet li seħħew waqt il-laqgħa tal-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-manifatturi tal-folji tal-ġibs organizzata fis-, mhemm l-ebda raġuni għalfejn jiġi dubitat li d-diskussjoni bejn ir-rappreżentant ta’ BPB u l-awtur ta’ din in-nota, impjegat ta’ Lafarge, seħħet.

220

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħti lil din in-nota, li tinkludi fiha l-kliem “Strettament kunfidenzjali u personali!”, mhija vvizzjata minn l-ebda żball. Din in-nota tirrifletti b’mod ċar it-tħassib tal-awtur tagħha, fil-kuntest ta’ żieda fil-prezzijiet imħabbra mill-produtturi kollha għall-1 ta’ Frar 1997, f’dak li jirrigwarda l-aġir ta’ dawn il-kompetituri u tal-politiki ta’ prezz, u b’mod partikolari ta’ skontijiet, li huma kienu qed jimplementaw. Din tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kuntatti diretti bejn il-kompetituri li matulhom dawn esprimew l-evalwazzjonijiet u l-intenzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-awtur tan-nota msemmija jispjega li l-prezz offrut lil xi klijenti minn BPB huwa “inqas mil-livell minimu ta’ prezz [ta’ dak iż-żmien] miftiehem” u li “[d]an [kien] ser jerġa’ jwassal għal distabilizzazzjoni”. Huwa jżid:

“[Knauf] iffissat prezzijiet għall-proġetti sa Mejju [19]97 f’livell inferjuri mil-livell ta’ prezz miftiehem. Magħna, huma jinsistu fuq id-dixxiplina fiż-żieda fil-prezzijiet […], Iż-żieda fil-prezz għal-livell miftiehem ([2.5-3] DM/m2) ser terġa jkun diffiċli ħafna.”

221

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li fil-premessa 352 tad-deċiżjoni kkontestata tqis li, fl-okkażjoni taż-żieda fil-prezzijiet ta’ Frar 1997, kien hemm konċertazzjoni diretta dwar iż-żieda fil-prezzijiet bejn il-kompetituri, u li, għall-inqas, il-kompetituri kienu infurmaw lil xulxin bl-intenzjonijiet tagħhom bi previżjoni ta’ din iż-żieda fil-prezzijiet.

222

F’dak li jirrigwarda t-tentattiv ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ Settembru 1997, BPB issostni li l-ebda wieħed mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni mhuwa relatat magħha u li l-ebda wieħed mill-ilmenti fuq il-qsim tal-klijentela ma jirrigwarda lilha.

223

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-erba’ impriżi inkwistjoni bagħtu ittri li jħabbru ż-żieda fil-prezzijiet tal-1 ta’ Settembru 1997 f’Mejju jew fil-bidu ta’ Ġunju 1997 (premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-fatti mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti.

224

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni ma tressaqx provi diretti ta’ kuntatti bejn BPB u l-kompetituri tagħha fir-rigward ta’ din iż-żieda, l-iskambji bejn Knauf u Lafarge, imsemmija bħala eżempju fil-premessa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkonfermaw l-eżistenza ta’ konċertazzjoni fuq iż-żiediet fil-prezz u ta’ kontroll tal-prezzijiet ipprattikat mid-distributuri inġenerali. Effettivament, il-fatt li impriża ma eżitatx li tikkuntattja lil kompetitur sabiex tiddiskuti dwar klijenti jew dwar prezzijiet ipprattikati minn distributur jikkorobora l-eżistenza ta’ kooperazzjoni bejn il-produtturi.

225

Il-Kummissjoni terġa’ tagħti eżempju li huwa, fl-opinjoni tagħha, manifestazzjoni supplimentari tal-konċertazzjoni stabbilita bejn BPB, Knauf, Lafarge u Gyproc fis-suq Ġermaniż. Dan huwa tentattiv ta’ żieda fil-prezzijiet f’Settembru u f’Ottubru 1998.

226

F’dan ir-rigward, huwa ċertament veru li sa minn Ġunju 1998, BPB ħabbret żieda fil-prezzijiet għal Settembru 1998 u li l-kompetituri l-oħra ħabbru din iż-żieda biss f’Awwissu 1998 għal żieda prevista li tidħol fis-seħħ b’effett minn Ottubru 1998. Huwa wkoll veru li l-unika prova oħra li tirrigwarda direttament lil BPB li l-Kummissjoni tiċċita fid-deċiżjoni kkontestata hija l-fatt li Knauf bagħtet kopja tal-avviż tagħha dwar iż-żieda fil-prezzijiet fl-indirizz privat ta’ direttur ta’ BPB.

227

Issa, għandu jiġi mfakkar li huwa komuni, fil-kuntest ta’ prattiki u ta’ akkordji antikompetittivi, li l-attivitajiet isiru bil-moħbi, li l-laqgħat isiru bil-moħbi, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tinżamm għall-minimu. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jissawru permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ akkordju antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

228

F’dan il-każ, minħabba l-kuntest tal-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li t-trażmissjoni min-naħa ta’ Knauf ta’ kopja tal-avviż tagħha taż-żieda fil-prezzijiet fl-indirizz privat ta’ direttur ta’ BPB, fatt li ma jikkostitwixxix metodu komuni ta’ komunikazzjoni bejn impriżi f’kompetizzjoni, hija biżżejjed sabiex turi li kienet teżisti kooperazzjoni mill-qrib bejn il-produtturi anki f’dak li jirrigwarda ż-żiediet fil-prezz fis-suq Ġermaniż li seħħew f’Settembru u f’Ottubru 1998.

229

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-memorandum ta’ Lafarge tas-7 ta’ Ottubru 1998 (premessi 290 sa 294 tad-deċiżjoni kkontestata), BPB tikkunsidrah bħala sempliċi deskrizzjoni tal-funzjonament tas-suq. Għalkemm huwa minnu li, li kieku kienet l-unika prova li nstabet, dan il-memorandum ma kienx jikkostitwixxi prova suffiċjenti ta’ konċertazzjoni preċedenti dwar iż-żiediet fil-prezz, madankollu, evalwat fil-kuntest tal-indizji l-oħra deskritti iktar ’il fuq, dan il-memorandum jikkorrobora l-eżistenza, minn naħa waħda, ta’ kuntatti bejn il-kompetituri fuq iż-żiediet fil-prezz kif ukoll ir-rabta bejn dawn u, min-naħa l-oħra, id-diskussjonijiet dwar l-ishma tas-suq fil-Ġermanja. Fil-fatt, fid-dawl tal-imġieba l-oħra tal-impriżi inkwistjoni bil-għan li jiġi stabilizzat is-suq Ġermaniż, tax-xebh fiż-żiediet fil-prezz u tal-iskoperta mill-Kummissjoni, matul il-verifiki tagħha, ta’ diversi kopji ta’ avviżi ta’ żiediet fil-prezzijiet mingħand il-kompetituri tagħhom fl-uffiċċji tal-impriżi msemmija, tal-fatt li dawn ammettew b’mod parzjali li bagħtu jew irċevew direttament mingħand il-kompetituri tagħhom, l-interpretazzjoni koerenti ta’ dan il-memorandum ma tistax tkun dik mogħtija mir-rikorrenti.

230

Fit-tieni lok, għandu jiġi evalwat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kuntatti diretti bejn il-kompetituri, anki jekk jiġu meqjusa bħala stabbiliti, ma jikkostitwixxux aġir antikompetittiv.

231

F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li kien aġir purament unilaterali peress li hija qatt ma bagħtet lill-kompetituri tagħha kopji tal-ittri tagħha li jħabbru ż-żiediet fil-prezz, għalkemm huwa minnu li l-kunċett ta’ prattika miftiehma effettivament jissuponi l-eżistenza ta’ kuntatti kkaratterizzati mir-reċiproċità, madankollu, din il-kundizzjoni hija sodisfatta peress li l-iżvelar, minn kompetitur lil ieħor, tal-intenzjonijiet jew tal-aġir futur tiegħu fis-suq ġie mitlub jew, minn tal-inqas, aċċettat mit-tieni (sentenza Siment, punt 32 iktar ’il fuq, punt 1849).

232

Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni (T-1/89, Ġabra p. II-867), fil-kuntest ta’ liema kien ġie lmentat li r-rikorrenti ħadet sehem f’laqgħat li matulhom il-kompetituri kienu jiskambjaw informazzjoni li kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, il-prezzijiet li xtaqu li jiġu applikati fis-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li impriża, bil-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa li għandha skop antikompetittiv, mhux biss talli kienet segwiet l-għan li tiġi eliminata l-inċertezza dwar l-aġir futur tal-kompetituri tagħha, iżda talli kellha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod dirett jew indirett, l-informazzjoni akkwistata matul dawn il-laqgħat sabiex tiddetermina l-politika li kellha l-intenzjoni li tadotta fis-suq (punti 122 u 123).

233

Din il-konklużjoni hija applikabbli wkoll meta, bħal f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni ta’ impriża waħda jew iktar fi prattika miftiehma li jkollha skop antikompetittiv tillimita ruħha biss għar-riċezzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-aġir futur tal-kompetituri tagħha fis-suq.

234

Fil-fatt, kull kummerċjant għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika kummerċjali li għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq. Għalhekk, dan jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn il-kummerċjanti, li jkollu l-għan jew l-effett li jinfluwenza l-aġir tagħhom fis-suq, u li jagħti lok għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, iżda wkoll għal kull żvelar, min-naħa impriża lil kompetitur tagħa, dwar l-aġir li jkun ġie deċiż, jew li jkun maħsub li jiġi adottat minnha fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, iktar ’il quddiem is-“sentenza LVM vs Il-Kummissjoni”, punt 720).

235

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet li kienet trażmessa kienet magħrufa mill-klijenti tal-impriża kkonċernata qabel il-komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri u li, minħabba f’hekk, l-informazzjoni żvelata setgħet diġà tinġabar minnhom mis-suq, għandu jiġi mfakkar li l-fatt biss li tiġi rċevuta informazzjoni li tirrigwarda lil kompetituri, informazzjoni li kummerċjant indipendenti jżomm bħala sigrieti tan-negozju, huwa biżżejjed biex juri l-eżistenza ta’ spirtu antikompetittiv (sentenza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 66).

236

Issa, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-informazzjoni fuq il-prezzijiet kienet magħrufa mill-klijenti qabel il-komunikazzjoni tagħha lill-kompetituri u, għalhekk, setgħet tinġabar mis-suq għandha tiġi miċħuda. Dan il-fatt, anki jekk jitqies bħala stabbilit, ma jimplikax li, fil-mument tat-trażmissjoni tal-listi tal-prezzijiet lill-kompetituri, dawn il-prezzijiet kienu jikkostitwixxu diġà data oġġettiva tas-suq, identifikabbli b’mod immedjat. It-trażmissjoni diretta tippermetti lill-kompetituri li jkunu jafu din l-informazzjoni b’mod iktar sempliċi, rapidu u dirett milli permezz tas-suq. Barra minn hekk, din it-trażmissjoni minn qabel tippermettilhom li joħolqu klima ta’ ċertezza reċiproka fir-rigward tal-politika ta’ prezzijiet futura tagħhom.

237

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li għalkemm il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova l-eżistenza ta’ kuntatti bejn il-produtturi kollha f’dak li jirrigwarda kull żieda fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż matul il-perijodu kkonċernat u għalkemm ir-rikonoxximent minn Gyproc tal-kollużjoni fuq il-prezzijiet fil-Ġermanja ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni (ara l-ewwel motiv), il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkunsidra li s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar iż-żiediet fil-prezz implementata minn BPB, Knauf, Lafarge u Gyproc fis-suq Ġermaniż kienet tikkostitwixxi prattika miftiehma, li tikser l-Artikolu 81(1) KE.

Fuq il-firxa ġeografika tal-akkordju

238

Fir-rigward tal-firxa ġeografika tal-akkordju, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx biżżejjed fil-liġi li din kienet tirrigwarda wkoll lil Franza u lil Benelux.

239

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li kemm il-laqgħa ta’ Londra kif ukoll l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-kwantitajiet mibjugħa kienu jirrigwardaw ukoll lil Franza u lill-Benelux.

240

Għalkemm il-Kummissjoni tista’ legalment tikkonkludi li l-manifestazzjonijiet differenti kienu jiffurmaw parti minn ksur uniku minħabba li dawn kienu jiffurmaw parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-fatt li n-numru u l-intensità tal-prattiki miftiehma kienu jvarjaw skont is-suq ikkonċernat ma jfissirx li l-ksur ma kienx jirrigwarda s-swieq fejn il-prattiki kienu inqas intensi u inqas numerużi. Fil-fatt, ikun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn skop wieħed, jiġi diviż f’diversi ċirkustanzi ta’ ksur distinti minħabba li l-prattiki miftiehma varjaw skont is-suq ikkonċernat. Dawn l-elementi jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 90).

241

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball fil-liġi u lanqas l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-ksur inkwistjoni.

242

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ ksur uniku

L-argumenti tal-partijiet

243

Ir-rikorrenti tosserva li l-kundizzjoni ġuridika essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur kontinwu hija l-prova tal-kontinwità tal-parteċipazzjoni tal-impriżi fit-tfittix tal-għan finali. Hija tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-allegata finalità komuni tal-1992 tista’ tkun il-bażi tal-illegalità tad-diversi manifestazzjonijiet sussegwenti. Issa, skont ir-rikorrenti, il-manifestazzjonijiet ulterjuri, bħal-laqgħa ta’ Versailles, ma jikkostitwixxux ksur, iżda biss tentattiv ta’ ksur u din il-kwalifika ma tistax tiġi kkonfutata bil-preżunzjoni li dawn huma ksur kontinwu. Għalhekk, ir-rikorrenti tqis li, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ akkordju kumpless u kontinwu, il-Kummissjoni għandha tevalwa kull manifestazzjoni b’rigorożità suffiċjenti u tikkonkludi li kienu illegali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ deduzzjoni meta kkonkludiet li kienet teżisti rieda komuni minn dawn il-manifestazzjonijiet u meta kkunsidrat li l-illegalità tagħhom tirriżulta mir-rieda komuni. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni għandha tipprova li r-rieda komuni teżisti indipendentement mill-ksur inkwistjoni.

244

Skont ir-rikorrenti, l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li hija kkonstatat l-eżistenza tar-rieda komuni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kombinazzjoni tal-ħames aġiri antikompetittivi li ġew identifikati, mhijiex konvinċenti. Ir-rikorrenti tosserva li l-identità fl-iskop li qajmet il-Kummissjoni mhijiex ċara u tikkonsisti biss fil-pretensjoni li kull attività antikompetittiva tilħaq finalment l-istess għan, għaliex kull aġir antikompetittiv għandu, fl-aħħar mill-aħħar, impatt fuq il-prezzijiet. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tispjega b’mod ċar x’kien il-kontenut reali tal-allegat akkordju u lanqas meta ġie konkluż jekk dan ma kienx konkluż waqt il-laqgħa tal-1992. Hija ssostni wkoll li t-teżi ta’ ksur uniku u kontinwu li pparteċipaw fih erba’ impriżi u li dam għaddej mill-1992 sal-1998 qabel kollox mhijiex konvinċenti minħabba n-numru limitat tal-impriżi li ħadu sehem f’xi wħud mill-manifestazzjonijiet antikompetittivi jew tan-nonimplikazzjoni ta’ xi wħud mill-impriżi f’dawn il-manifestazzjonijiet. Ir-rikorrenti u Knauf ipparteċipaw fil-laqgħa ta’ Londra fl-1992, iżda mhux Lafarge u lanqas Gyproc. Għalkemm mhuwiex ikkontestat li l-iskambji ta’ informazzjoni li seħħew wara din il-laqgħa ġew estiżi għal Lafarge u għal-Gyproc, il-Kummissjoni ma tispjegax kif u lanqas meta dan seħħ u lanqas permezz ta’ min dawn l-impriżi setgħu jaderixxu għar-rieda komuni jew għall-intenzjoni magħquda li hija ssostni li tinsab fil-bażi ta’ dawn l-iskambji ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma setgħet tiddeduċi xejn mill-manifestazzjonijiet antikompetittivi f’dak li jirrigwarda s-swieq ta’ Franza u tal-Benelux, peress li dawn il-manifestazzjonijiet jirrigwardaw biss is-swieq tal-Ġermanja u tar-Renju Unit.

245

Il-Kummissjoni tosserva li hija esponiet kunsiderazzjonijiet fuq il-fatti kostitutivi ta’ kull wieħed mill-ħames aġiri invokati fil-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata u li hija l-eżistenza ta’ dawn il-fatti li hija għandha tipprova. Hija żżid li, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt, ikkonkludiet li dawn l-aġiri kienu l-espressjoni ta’ rieda komuni intiża sabiex il-kompetizzjoni tiġi mnaqqsa għall-minimu fl-erba’ swieq prinċipali Ewropej tal-folji tal-ġibs. Ladarba saru dawn id-deduzzjonijiet, l-uniku mod loġiku biex jiġu deskritti dawn l-aġiri kien ikun li jiġu meqjusa bħala manifestazzjonijiet ta’ din ir-rieda komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma adottat l-ebda raġunament ċirkulari f’din l-evalwazzjoni. Hija tosserva wkoll li d-diversi elementi ta’ ksur uniku jaqblu ma xulxin perfettament, u dan il-qbil huwa xhieda tal-identità fl-għan tad-diversi manifestazzjonijiet ta’ dan il-ksur. Per eżempju, sabiex iż-żiediet fil-prezz ikunu jirnexxu, il-kompetituri kellhom ikunu sodisfatti bl-ishma tagħhom fis-swieq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

246

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 479) jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-akkordji u l-prattiki miftiehma kollha ta’ dan il-każ kienu jiffurmaw parti minn numru ta’ tentattivi tal-impriżi inkwistjoni li jsegwu skop ekonomiku wieħed, jiġifieri r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u kienu jikkostitwixxu d-diversi manifestazzjonijiet ta’ akkordju kumpless u kontinwu li kellu l-iskop u l-effett li jnaqqas il-kompetizzjoni. Peress li tqis li l-akkordji u l-prattiki miftiehma msemmija kienu ġew implementati, b’mod mhux interrott mill-1992 sal-1998, il-manifestazzjoni tar-rieda komuni tal-impriżi msemmija li jistabilizzaw u, għalhekk, li jnaqsu l-kompetizzjoni għall-inqas livell fis-swieq tal-folji tal-ġibs tal-Ġermanja, ta’ Franza, tar-Renju Unit u tal-Benelux, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala uniku, kumpless u kontinwu.

247

Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jgħid li l-impriżi kkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, “kisru l-Artikolu 81(1) [KE] billi ħadu sehem f’numru ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-folji tal-ġibs”.

248

Qabel kollox, għandu jiġi evalwat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li kien jeżisti pjan globali billi bbażat ruħha fuq manifestazzjonijiet differenti tal-ksur inkwistjoni, mingħajr ma pprovat li r-rieda komuni kienet teżisti indipendentement minn dawn il-manifestazzjonijiet differenti.

249

Għandu jiġi mfakkar li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ akkordju antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ħjiel li, meta jiġu kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 57). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi adottata għall-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu. Fil-fatt, fil-każ ta’ ksur kumpless, uniku u kontinwu, kull manifestazzjoni ssaħħaħ il-prova li tali ksur ikun effettivament seħħ.

250

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-diversi manifestazzjonijiet tal-ksur inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati f’kuntest globali li jispjega l-iskop tagħhom. Dan mhuwiex raġunament ċirkolar, iżda amministrazzjoni tal-provi fejn il-valur ta’ prova tad-diversi fatti huwa msaħħaħ jew eskluż mill-fatti l-oħra li, flimkien, jistgħu jipprovaw l-eżistenza ta’ ksur uniku.

251

BPB tqis ukoll li l-Kummissjoni ma pprovatx biżżejjed fil-liġi l-iskop komuni li jgħaqqad flimkien lid-diversi manifestazzjonijiet bħala ksur uniku u kontinwu.

252

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jista’ jirriżulta ksur tal-Artikolu 81(1) KE mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn imġieba kontinwa. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ din l-imġieba kontinwa jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħidhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt pjan ġenerali, minħabba l-iskop identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 258).

253

F’dan il-każ, jirriżulta b’mod ċar mill-evalwazzjoni tat-tieni motiv li b’effett mil-laqgħa ta’ Londra, BPB ħadet sehem fi ksur uniku, kumpless u kontinwu kkaratterizzat mill-għan waħdieni li tintemm il-ġlieda tal-prezzijiet u li jiġu stabilizzati s-swieq tal-folji tal-ġibs. Fil-fatt, il-laqgħat, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-prattiki relatati mal-iffissar tal-prezzijiet kienu jsegwu l-istess għan antikompetittiv li jikkonsisti fiż-żamma tal-prezzijiet f’livell suprakompetittiv u fit-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi li joperaw fis-suq rilevanti.

254

L-elementi esposti fil-kuntest tat-tieni motiv jippermettu li jiġu kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha raġun meta fil-premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata osservat dan li ġej:

“Dawn id-diversi manifestazzjonijiet jidhru […] kjarament kompatibbli fid-dawl tal-funzjonament tas-suq tal-folji tal-ġibs. It-titjib fis-sitwazzjoni ekonomika tal-impriżi permezz taż-żieda fil-prezzijiet kienet teħtieġ koordinazzjoni ta’ dawn l-impriżi fil-livell tal-ishma tas-suq.”

255

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-akkordji u l-prattiki miftiehma kienu, minħabba l-iskop identiku u s-sinerġiji stretti tagħhom, jiffurmaw parti minn pjan sħiħ li, min-naħa tiegħu, kien jifforma parti minn numru ta’ sforzi tal-impriżi inkwistjoni fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku wieħed, jiġifieri l-influwenza tal-iżvilupp tal-prezzijiet. Hekk kif sewwa tosserva l-Kummissjoni fil-premessa 422 tad-deċiżjoni kkontestata, ikun artifiċjali jekk dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan waħdieni, jinqasam b’mod li jitqies bħala diversi ċirkustanzi distinti ta’ ksur, filwaqt li bil-kontra ta’ dan, dan huwa ksur uniku li seħħ b’mod progressiv kemm permezz ta’ diversi akkordji u kif ukoll permezz ta’ prattiki miftiehma. Fil-fatt, in-natura unika tal-ksur tirriżulta mill-għan waħdieni segwit minn kull parteċipant fl-akkordju u mhux mill-metodi ta’ kif dan ġie applikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Siment, punt 32 iktar ’il fuq, punt 4127).

256

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ akkordju globali li jinfirex fuq diversi snin, pawża ta’ ftit xhur bejn il-manifestazzjonijiet tal-akkordju hija ta’ ftit importanza. Għaldaqstant, il-fatt li d-diversi azzjonijiet jiffurmaw parti minn pjan sħiħ minħabba l-iskop identiku tagħhom huwa determinanti (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 260).

257

F’dak li jirrigwarda l-argument dwar in-nuqqas ta’ tali pjan, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ ksur uniku ġustament jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu ħadu sehem fi ksur li jkun jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ skop ekonomiku waħdieni intiż li jillimita l-kompetizzjoni jew inkella ċirkustanzi ta’ ksur individwali marbuta flimkien mill-istess skop (l-istess finalità tal-elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jieħdu sehem fl-iskop komuni).

258

Fl-aħħar, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-karattru uniku tal-ksur huwa nieqes minħabba l-fatt li n-numru ta’ impriżi li ħadu sehem f’xi manifestazzjonijiet antikompetittivi huwa limitat u li parti mill-impriżi ma ħadux sehem fil-ksur sa mill-bidu, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-fatt li impriża ma ħaditx sehem fl-elementi kostituttivi kollha ta’ akkordju jew li kellha rwol minuri mhuwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur imwettaq minnha. Dawn l-elementi għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 86).

259

Għaldaqstant, għalkemm l-akkordji u l-prattiki miftiehma previsti mill-Artikolu 81(1) KE jirriżultaw neċessarjament mill-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi, li lkoll huma ko-awturi tal-ksur, il-parteċipazzjoni tagħhom jista’ jkollha forom differenti, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u tal-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, tal-għanijiet segwiti u tal-metodi ta’ eżekuzzjoni magħżula jew previsti.

260

Konsegwentement, is-sempliċi fatt li kull impriża tieħu sehem fil-ksur b’metodi partikolari għaliha ma jaffettwax il-kwalifikazzjoni tal-ksur bħala ksur uniku u kontinwu.

261

Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti diretti kontra l-kwalifikazzjoni tal-akkordju bħala ksur uniku u kontinwu mhumiex fondati.

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll tal-prinċipji ġenerali fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

262

Dan il-motiv jikkonsisti f’ħames partijiet. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammont bażiku ta’ EUR 80 miljun, ir-rikorrenti tinvoka l-karattru arbitrarju, mhux proporzjonat u mhux immotivat ta’ dan l-ammont. F’dan ir-rigward, hija tqis ukoll li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna. Barra minn hekk, hija tinvoka t-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-impatt negattiv konkret tal-ksur fis-suq tal-folji tal-ġibs. Fit-tieni lok, iż-żieda fl-ammont bażiku minħabba t-tul tal-ksur huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur u tal-linji gwida. Il-Kummissjoni naqset ukoll milli tevalwa u milli tieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-intensità limitata tal-ksur matul il-perijodu rilevanti jew matul ċerti perijodi inkwistjoni. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta żiedet l-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi aggravanti. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti b’mod korrett. Fil-ħames lok, il-Kummissjoni wettqet żball fl-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tagħha.

Fuq in-natura mhux proporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur

Fuq il-gravità tal-ksur

— L-argumenti tal-partijiet

263

Ir-rikorrenti tqis li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt limitat tal-ksur fis-suq ikkonċernat, dan il-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala serju, iktar milli bħala serju ħafna.

264

Ir-rikorrenti tosserva li, fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 1999/271/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] KE (IV/34.466 — Bastimenti tal-ġarr Griegi) (ĠU 1999, L 109, p. 24), u 1999/210/KE, tal-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81] KE (Kawża IV/F-3/33.708 — British Sugar plc, Kawża IV/F-3/33.709 — Tate & Lyle plc, Kawża IV/F-3/33.710 — Napier Brown & Company Ltd, Kawża IV/F-3/33.711 — James Budgett Sugars Ltd) (ĠU 1999, L 76, p. 1), il-Kummissjoni qieset li ċ-ċirkustanzi ta’ ksur inkwistjoni setgħu jitqiesu bħala serji u mhux bħala serji ħafna minħabba li l-impatt fis-suq kien limitat.

265

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tqis li, anki jekk il-klassifikazzjoni tal-Kummissjoni kienet korretta, hija kellha tirrikonoxxi li anki l-ksur ikklassifikat fil-kategorija ta’ ksur serju ħafna jvarja skont il-livell ta’ gravità tiegħu u li, b’paragun ma’ każijiet oħra dwar akkordji, l-akkordju allegat f’dan il-każ jikkostitwixxi eżempju ta’ akkordju konsiderevolment inqas intensiv u antikompetittiv. Ir-rikorrenti tindika li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa imposta fuq l-impriżi kkonċernati kienet it-tieni l-ikbar multa imposta mill-Kummissjoni wara dik imposta fil-kawża li waslet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/2/KE, tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/37.512 — Vitamini) (ĠU 2003, L 6, p. 1). Hija tosserva li l-akkordju allegat f’dan il-każ kien ħafna inqas intensiv minn, pereżempju, dak tal-kawża Vitamini u dawk li wasslu għad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2002/742/KE, tal-, dwar il-proċedura marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/E-1/36.604 — Aċidu ċitriku) (ĠU 2002, L 239, p. 18), 1999/60/KE, tal-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81KE] (IV/35.691/E-4 — Pajpijiet tal-ħadid mhux magħquda) (ĠU 1999, L 24, p. 1), 2001/418/KE, tas-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/36.545/F3 — Aċidi aminiċi) (ĠU 2001, L 152, p. 24), u 2002/271/KE, tat-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Kawża COMP/E-1/36.490 — Elettrodi tal-grafita (ĠU 2002, L 100, p. 1). Hija tosserva li dawn il-ħames kawżi kienu jirrigwardaw ċirkustanzi ta’ ksur serju ħafna tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, dawn kienu kollha jirrigwardaw akkordji li kienu jkopru s-suq komuni kollu jew iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Dawn l-akkordji wrew tentattivi ta’ ħolqien ta’ kartelli ħafna iktar intensivi mill-allegat akkordju tal-produtturi tal-folji tal-ġibs, li, f’paragun ma’ akkordji oħra, kien akkordju liberu ħafna u mhux ċar, nieqes minn kull forma ta’ struttura jew ta’ organiżżazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-gravità tal-ksur inkwistjoni mhuwiex proporzjonat u jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li dan l-ammont huwa t-tielet wieħed mill-ikbar ammonti li ġew stabbiliti għall-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordji l-oħra msemmija.

266

Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta pparagunat id-diversi multi skont id-daqs tas-suq rilevanti. L-ewwel nett, il-linji gwida ma jgħidux li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq f’termini ta’ valur biex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. It-tieni nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss id-daqs tas-suq, u mhux fatturi oħra li jiddeterminaw il-gravità tal-ksur. It-tielet nett, il-Kummissjoni m’għandhiex id-drawwa li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq ta’ prodotti sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur.

267

Il-Kummissjoni ssemmi l-aspetti tal-ksur meqjusa bħala partikolarment serji f’dan il-każ (premessi 534, 535 u 539 sa 542 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tippreċiża wkoll li l-akkordju kien ġie maħsub, dirett u inkuraġġat f’livelli għolja tal-ġerarkija ta’ kull impriża parteċipanti. Hija tenfasizza li BPB kienet implikata fil-manifestazzjonijiet kollha tal-aġir antikompetittiv inkwistjoni u li hija rrikonoxxiet li l-istess persuni, is-Sur [D] u s-Sur [A] (it-tnejn li huma P.D.Ġ. ta’ BPB), kienu direttament implikati fl-aġiri ta’ ksur kollha deskritti fid-deċiżjoni kkontestata, bl-eċċezzjoni ta’ wieħed minnhom.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

268

Għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-kompetizzjoni, n-numru u tad-daqs tal-impriżi kkonċernati, s-sehem rispettiv tas-suq li dawn jikkontrollaw fil-Komunità kif ukoll s-sitwazzjoni tas-suq fiż-żmien meta l-ksur ġie mwettaq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 176).

269

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81(1)(a), KE jiddikjara b’mod espress bħala inkompatibbli mas-suq komuni l-prattiki miftiehma li jikkonsistu fl-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju.

270

Il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari fil-każ ta’ akkordji orizzontali, huma kkwalifikati mill-ġurisprudenza bħala partikolarment serji peress li jinvolvu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T-141/94, Ġabra p. II-347, punt 675), jew ta’ ksur ċar tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, punt 178 iktar ’il fuq, punt 109, u tal-, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T-311/94, Ġabra p. II-1129, punt 303).

271

Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-ksur serju ħafna, skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, huwa magħmul “l-aktar minn restrizzjonijiet orizzontali tat-tip ‘kartell ta’ prezz’ u minn kwoti ta’ tqassim tas-swieq”.

272

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tan-natura tiegħu, l-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkwalifika l-ksur inkwistjoni bħala serju ħafna. Madankollu xorta għandhom jiġu eżaminati l-fatturi, invokati mir-rikorrenti, li jistgħu jnaqsu din il-kwalifika.

273

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala serju minħabba li l-impatt tiegħu fis-suq kien limitat, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T-203/01, Ġabra p. II-4071, punti 258 u 259), il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-gravità tal-ksur setgħet tiġi stabbilita skont in-natura u l-iskop tal-aġir abbużiv, u li elementi li jiffurmaw parti mill-iskop ta’ aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk relatati mal-effetti tiegħu.

274

Għaldaqstant, għalkemm iridu jiġu meqjusa wkoll id-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat u l-impatt fis-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat, in-natura tal-ksur tikkostitwixxi kriterju essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T-241/01, Ġabra p. II-2917, punt 84).

275

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni naqqset l-ammont tal-multa fid-deċiżjonijiet l-oħra tagħha minħabba l-impatt limitat tal-akkordji fis-suq, anki jekk jitqies li dan huwa minnu, għandu jiġi enfasizzat li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 234).

276

Fir-rigward tal-allegazzjoni invokata b’mod sussidjarju mir-rikorrenti, li tgħid li, anki jekk il-kwalifika tal-ksur kienet korretta, il-Kummissjoni kellha tirrikonoxxi li l-ksur li jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-ksur serju ħafna kien ivarja fir-rigward tal-livell ta’ gravità tiegħu, u li, meta mqabbel ma kawżi oħra dwar akkordji, l-akkordju allegat f’dan il-każ kien jikkostitwixxi eżempju ta’ akkordju konsiderevolment inqas intensiv u antikompetittiv, din il-kwistjoni hija relatata ma’ dik dwar il-proporzjonalità tal-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni skont il-gravità tal-ksur inkwistjoni li ser tiġi evalwata iktar ’il quddiem.

277

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, f’kull każ, il-paragun tal-gravità tad-diversi akkordji tkun impossibbli minħabba ċ-ċirkustanzi differenti li jeżistu f’kull każ.

278

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni wettqet żball meta pparagunat id-diversi multi skont id-daqs tas-suq rilevanti, għandu jiġi mfakkar li, fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 120). Fost l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur jista’ b’mod partikolari jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Akzo Nobel vs Il-Kummissjoni, T-330/01, Ġabra p. II-3389, punt 37).

279

Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li akkordju orizzontali fuq il-prezzijiet ta’ portata bħal dik li nstabet mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ settur ekonomiku daqshekk kbir, ma jistax, normalment, jevita li jiġi kkwalifikat bħala ksur serju ħafna, ikun liema jkun il-kuntest tiegħu. F’kull każ, iċ-ċirkustanzi msemmija mir-rikorrenti f’dan il-każ ma jistgħux jpoġġu f’diskussjoni l-validità tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li għamlet il-Kummissjoni.

280

Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti fil-konfront tal-kwalifika tal-akkordju bħala ksur serju ħafna minħabba n-natura tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-impatt konkret tal-ksur fis-suq ikkonċernat

— L-argumenti tal-partijiet

281

Ir-rikorrenti tosserva li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tipprova ħsara kwantifikabbli.

282

Ir-rikorrenti tqis li l-impatt tal-akkordju fis-suq ikkonċernat kien limitat, peress li, matul il-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998, il-prezzijiet “net-net” baqgħu fuq l-istess livell f’termini reali fir-Renju Unit u naqsu bi 11 % fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat xi effetti fis-suq Franċiż jew tal-Benelux. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-konsumatur.

283

Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-prezzijiet u l-ishma tas-suq fir-Renju Unit u fil-Ġermanja matul il-perijodu kkonċernat żviluppaw b’mod previdibbli fil-kuntest tar-ritorn għal kundizzjonijiet iktar normali tal-kompetizzjoni wara ġlieda qalila tal-prezzijiet.

284

Hija tammetti li l-laqgħa ta’ Londra setgħet tgħaġġel il-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet, iżda tiċħad li din setgħet tkun l-unika kawża ta’ dan. Skont ir-rikorrenti, il-ġlieda tal-prezzijiet kienet tispiċċa xorta waħda.

285

Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-iskambji ta’ informazzjoni ftit kellhom effetti. F’dan ir-rigward, hija tosserva li hija użat l-informazzjoni akkwistata biss sabiex tiddetermina jekk kienx hemm atmosfera ġdida fl-industrija. Barra minn hekk, is-Sur [D] ma kkomunika l-informazzjoni lil ħadd, ħlief għal darba fl-1993. In-nuqqas ta’ effetti tal-iskambji msemmija huwa pprovat mill-evalwazzjoni tal-elementi li ġew realment skambjati. Ir-rikorrenti tenfasizza li inizjalment, l-iskambji kienu jirrigwardaw data annwali. Fl-1993, l-iskambji bdew isiru kull semestru u fl-1996, saru trimestrali. Madankollu, l-iskambji ma kinux isiru fuq bażi regolari. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li din kienet informazzjoni ta’ natura globali, espressa fil-forma ta’ ċifra unika għas-suq nazzjonali kollu.

286

Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar ’il fuq, u tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tosserva li ċ-ċirkustanzi li waslu għal din il-kawża huma totalment differenti minn dawk li waslu għal dawn iż-żewġ sentenzi. F’dawn iż-żewġ każijiet, l-informazzjoni skambjata kienet ħafna iktar dettaljata u reċenti.

287

F’dak li jirrigwarda l-avviżi bil-quddiem fuq iż-żiediet tal-prezzijiet tal-katalogu, ir-rikorrenti tgħid li, kważi fil-każijiet kollha, l-avviż bil-quddiem kien jippreċedi bi ftit jiem biss it-tħabbira tal-imsemmija żiediet lill-konsumaturi u li, f’ċerti każijiet, kienu anki saru flimkien. Għalhekk, l-informazzjoni ma kinitx kunfidenzjali fil-mument fejn din kienet ikkomunikata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-prezzijiet tal-katalogu huma rarament dawk li jħallsu l-klijenti.

288

Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li l-allegat ksur ma setax joħloq ħsara lill-konsumaturi, peress li l-klijenti huma kważi kollha impriżi kummerċjali b’kapaċità ta’ xiri konsiderevoli u li għalhekk għandhom il-kapaċità li jinnegozjaw tnaqqis billi jġiegħlu lil-kompetituri jikkompetu bejniethom.

289

Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kompetizzjoni tkun ġeneralment iktar limitata f’suq oligopolistiku. Hija tenfasizza li t-tqassim tal-ishma tas-suq ġie modifikat b’mod konsiderevoli minħabba ċaqlieq kbir fil-klijentela.

290

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma werietx li l-ksur kellu impatt fis-swieq ta’ Franza u tal-Benelux. Hija tikkonstata li l-prova prinċipali li ssemmi l-Kummissjoni hija li l-iskambji ta’ informazzjoni kienu jolqtu ukoll lil dawn is-swieq. Għaldaqstant, hija naqset milli tressaq il-prova ta’ aġir antikompetittiv li jirrigwarda lil dawn iż-żewġt iswieq.

291

Il-Kummissjoni tqis li l-ksur imwettaq f’dan il-każ kellu effetti konkreti minħabba n-natura stess tas-suq inkwistjoni.

292

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li t-tmiem tal-ġlieda tal-prezzijiet kien wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-akkordju u li dan effettivament waqqaf din il-ġlieda. Fir-rigward tal-argument ta’ BPB li jgħid li l-ksur ma kienx l-unika kawża tal-waqfien tal-ġlieda tal-prezzijiet, hija tosserva li, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, dan bl-ebda mod ma jnaqqas l-impatt konkret tal-ksur fis-suq ikkonċernat.

293

F’dak li jirrigwarda l-iskambji ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni osservat li dawn l-iskambji kienu jintużaw sabiex tiġi żgurata s-sorveljanza tas-suq u biex titwaqqaf il-kompetizzjoni kollha li titqies bħala aggressiva ħafna mill-impriżi inkwistjoni fl-erba’ swieq ikkonċernati.

294

Hija tqis ukoll li l-fatt li l-impriżi effettivament ħabbru ż-żiediet tal-prezz miftiehma u li l-prezzijiet hekk imħabbra servew bħala bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali huwa minnu nnifsu biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-kollużjoni fuq il-prezzijiet kellha kemm bħala skop kif ukoll bħala effett tnaqqis serju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet ta’ tranżazzjoni li nkisbu żviluppawx flimkien ma’ dawk tal-prezzijiet imħabbra sabiex jintwera li l-akkordju kellu impatt konkret fis-suq inkwistjoni.

295

Il-Kummissjoni ssostni li hija la għandha tipprova li l-ksur wassal għal ħsara kwantifikabbli, u lanqas li l-konsumaturi ġew affettwati. Madankollu hija tosserva, b’referenza għall-premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istabbiltà akbar tal-prezzijiet u tal-ishma tas-suq taqbel mal-implementazzjoni tal-akkordju. Hija tenfasizza wkoll li l-folji tal-ġibs jintużaw fl-industrija tal-bini, li dawn jinfluwenzaw il-prezz tad-djar u, bħala konsegwenza, lill-konsumaturi.

296

F’dak li jirrigwarda l-firxa ġeografika tal-akkordju, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-attività antikompetittiva setgħet kienet inqas intensa fuq xi swieq ma jfissirx li l-akkordju ma ħadimx fis-swieq imsemmija.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

297

Għandu jiġi mfakkar li, skont it-termini tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, fil-kalkolu tagħha tal-ammont tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni “l-impatt konkret [tal-ksur] fis-suq meta jkun jista’ jitkejjel”.

298

F’dan ir-rigward, hemm lok li tiġi analizzata t-tifsira eżatta tat-termini “meta [jiġifieri l-impatt konkret] jkun jista’ jitkejjel”. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk, fis-sens ta’ dawn it-termini, il-Kummissjoni tistax tieħu unikament inkunsiderazzjoni l-impatt konkret ta’ ksur fil-kuntest tal-kalkolu tagħha tal-multi jekk, u sa fejn, hija tkun tista’ tikkwantifika dan l-impatt.

299

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tal-effetti tal-akkordji jew tal-prattiki fir-rigward tal-Artikolu 81 KE timplika l-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li dawn jinsabu fih, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati, kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (sentenza ASNEF-EQUIFAX u Administración del Estado, punt 106 iktar ’il fuq, punt 49).

300

Barra minn hekk, l-eżami tal-impatt ta’ akkordju fis-suq jimplika neċessarjament li jsiru u jintużaw ipoteżijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari teżamina x’kien ikun il-prezz tal-prodott inkwistjoni fin-nuqqas tal-akkordju. Issa, fl-eżami tal-kawżi tal-iżvilupp reali tal-prezzijiet, huwa perikoluż li ssir spekulazzjoni fuq is-sehem rispettiv ta’ kull waħda minnhom. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza oġġettiva li, minħabba l-akkordju fuq il-prezzijiet, l-impriżi kkonċernati rrinunzjaw preċiżament għal-libertà tagħhom li jikkompetu permezz tal-prezzijiet. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-influwenza li tirriżulta mill-fatturi li jmorru lil hinn min din l-astensjoni volontarja tal-impriżi kkonċernati fl-akkordju hija neċessarjament ibbażata fuq probabbiltajiet raġonevoli u mhux kwantifikabbli bi preċiżjoni.

301

Għaldaqstant, sakemm ma jitneħħiex l-effett utli tal-kriterju li jinsab fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, ma jistax jiġi lmentat li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-impatt konkret ta’ akkordju fis-suq li għandu skop antikompetittiv mingħajr ma kkwantifikat dan l-impatt jew mingħajr ma pprovdiet evalwazzjoni biċ-ċifri dwaru. Konsegwentement, l-impatt konkret ta’ akkordju fis-suq għandu jitqies bħala suffiċjentement ipprovat jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tipprovdi indizji konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbilità raġjonevoli, li l-akkordju kellu impatt fis-suq.

302

F’dan il-każ, mis-sommarju tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni (ara premessi 534 sa 538 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li din ibbażat ruħha fuq diversi indizji sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ effett reali tal-akkordju fis-suq. Fil-fatt, hija invokat il-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju kellhom it-totalità jew il-kważi totalità tal-offerta ta’ folji tal-ġibs fuq l-erbat iswieq affettwati mill-akkordju. Hija qieset ukoll li d-diversi elementi tal-akkordju ġew implementati, peress li, b’mod partikolari, l-impriżi inkwistjoni effettivament immodifikaw l-aġir tagħhom wara l-laqgħa ta’ Londra u peress li l-iskambji ta’ informazzjoni deċiżi ġew implementati matul il-perijodu kollu inkwistjoni, fis-swieq prinċipali u b’mod iktar speċifiku fis-suq tar-Renju Unit u tal-Ġermanja. F’dak li jirrigwarda l-prezzijiet, fiwaqt li tirreferi għall-premessi 212 u 395 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żżid li dawn kellhom tendenza li jiżdiedu jew, minn tal-inqas, li jistabilizzaw ruħhom u li l-kuntatti fir-rigward taż-żiediet fil-prezz kienu marbuta effettivament mal-pubblikazzjoni ta’ listi ta’ prezz ulterjorment adottati fil-prezzijiet tal-klijenti. Barra minn hekk, hija qieset li l-ishma tas-suq kienu relattivament stabbli matul il-perijodu inkwistjoni, iktar stabbli milli matul il-perijodu preċedenti ta’ bejn l-1988 u l-1992 li ġie kkwalifikat mill-impriżi inkwistjoni bħala l-ġlieda tal-prezzijiet, b’referenza għall-premessi 71, 196 u 289 tad-deċiżjoni kkontestata u għall-anness tagħha.

303

Kemm il-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju kellhom il-maġġoranza (jew kważi t-totalità) tas-suq ikkonċernat u kif ukoll il-fatt li l-arranġamenti żvelati kienu speċifikatament intiżi sabiex iwasslu għal prezzijiet ogħla minn dak li kienu jilħqu mingħajr dawn l-arranġamenti, huma indikazzjonijiet li juru li l-ksur kien kapaċi joħloq effetti antikompetittivi sinjifikattivi.

304

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli kkunsidrat li l-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju kellhom sehem kbir mis-suq ikkonċernat kien jikkostitwixxi fattur importanti li kellha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq. Fil-fatt ma jistax jiġi miċħud li l-probabbiltà li akkordju fuq il-prezzijiet u fuq l-istabilizzazzjoni tas-suq jkun effettiv tikber skont il-kobor tal-ishma tas-suq li jkollhom il-parteċipanti f’dan l-akkordju. Għalkemm huwa minnu li dan il-fatt, minnhu nnifsu, ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ impatt konkret, xorta jibqa l-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mkien ma stabbilixxiet tali relazzjoni ta’ kawża u effett, iżda ħaditha biss inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħal elementi oħra.

305

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li effettivament il-prezzijiet kellhom tendenza li jitilgħu jew, għall-inqas, li jistabilizzaw ruħhom (premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tippreżentax statistiċi dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet, iżda tillimita ruħha li tosserva li fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, BPB u Lafarge indikaw li l-prezzijiet fis-suq tar-Renju Unit u tal-Ġermanja kellhom tendenza li jitilgħu jew, għall-inqas, li jistabilizzaw ruħhom.

306

F’dan ir-rigward, għandhom jissemmew is-segwenti elementi. Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda r-risposta ta’ Lafarge għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mill-punt 58 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, b’mod sussidjarju, li ma tużahiex bħala element inkriminanti kontra r-rikorrenti. Fit-tieni lok, anki li kieku r-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tiġi interpretata, kif issostni l-Kummissjoni, bħala li, fir-rigward tas-swieq tar-Renju Unit u tal-Ġermanja, ir-rikorrenti stess ammettiet it-tendenza li l-prezzijiet jitilgħu jew, għall-inqas, li jistabilizzaw ruħhom, madankollu s-swieq ta’ Franza u tal-Benelux mhumiex koperti minn din id-dikjarazzjoni. Fit-tielet lok, mir-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li hija sostniet li, matul il-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998, il-prezzijiet ipprattikati waqt it-tranżazzjonijiet kienu baqgħu fl-istess livell f’termini reali fir-Renju Unit u kienu tbaxxew fil-Ġermanja.

307

Issa, meta tingħata l-prova tal-implementazzjoni ta’ akkordju, ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni li turi sistematikament li l-akkordju ppermetta effettivament li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni għola minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju. Ma jkunx proporzjonat li tiġi mitluba tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli peress li din titlob l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi, ibbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom diffiċilment tista’ tiġi vverifikata mill-qorti u fejn mhemm l-ebda prova tan-natura affidabbli tagħhom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, I-9858, punt 109).

308

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata, u skont ma ammettiet ir-rikorrenti stess, jirriżulta li l-ġlieda tal-prezzijiet intemmet, ħaġa li kellha l-effett li twassal għal livelli ta’ prezzijiet superjuri minn dawk li kienu jeżistu fin-nuqqas ta’ arranġamenti illegali.

309

Barra minn hekk, il-fatt li l-kuntatti relatati maż-żiediet fil-prezz kienu marbuta mal-pubblikazzjoni ta’ listi ta’ prezz ulterjorment adottati fil-prezzijiet tal-klijenti (premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata) kellu, minnu nnifsu, impatt fuq is-suq u fuq l-aġir tad-diversi awturi, min-naħa kemm tal-offerta kif ukoll tad-domanda, fid-dawl tal-fatt li dawn l-avviżi influwenzaw il-proċess ta’ determinazzjoni tal-prezzijiet, peress li l-prezz imħabbar kien jikkostitwixxi referenza fil-każ ta’ negozjazzjoni individwali tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni mal-klijenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il-Kummissjoni, T-338/94, Ġabra p. II-1617, punt 342), li neċessarjament raw is-saħħa ta’ negozjazzjoni tal-prezzijiet tagħhom limitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LVM vs Il-Kummissjoni, punt 234 iktar ’il fuq, punt 745).

310

Apparti dan, l-iffissar ta’ prezz, anki jekk sempliċement indikattiv, jaffettwa l-kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha tal-akkodju li jipprevedu kważi b’ċertezza liema ser tkun il-politika ta’ prezz tal-kompetituri tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 21). B’mod iktar ġenerali, tali akkordji jinvolvu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat (sentenza tal-, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 675). Fil-fatt, meta jesprimu rieda komuni li japplikaw ċertu livell ta’ prezz għall-prodotti tagħhom, il-produtturi kkonċernati ma jiddeterminawx iktar b’mod indipendenti l-politka tagħhom fis-suq, u għaldaqstant jippreġudikaw il-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, punt 192).

311

Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni pprovat, b’mod suffiċjenti fil-liġi, impatt konkret tal-akkordju fis-suq ikkonċernat fir-rigward tal-prezz.

312

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tidher fil-premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li minħabba l-ksur inkwistjoni l-ishma tas-suq għaddew minn stabbiltà relattiva matul il-perijodu inkwistjoni, għandu jiġi osservat li din id-dikjarazzjoni mhijiex ikkonfermata. għalkemm huwa minnu li mit-tabella li tidher fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għaliha l-Kummissjoni, jirriżulta li l-ishma tas-suq matul il-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998 jidhru li baqgħu relattivament stabbli. Madankollu, fin-nuqqas ta’ data dwar is-sitwazzjoni fis-suq ikkonċernat qabel l-akkordju, din it-tabella ma tipprovax b’mod suffiċjenti fil-liġi li l-istabbiltà, jekk titqies bħala stabbilita, kienet il-konsegwenza tal-ksur inkwistjoni.

313

F’dak li jirrigwarda l-iskambji ta’ informazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li, bla ħsara għal kull prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi interessati, għandu jiġi preżunt li l-impriżi li jipparteċipaw f’konċertazzjoni u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq. Dan japplika iktar u iktar meta l-konċertazzjoni sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil, kif inhu l-każ f’din il-kawża (ara s-sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 216, u l-ġurisprudenza ċċitata).

314

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti l-effetti tal-ksur fuq is-suq ikkonċernat, bl-eċċezzjoni tal-istabbilità tal-ishma tas-suq. Fid-dawl tal-gravità tal-aġir inkwistjoni u tan-natura tas-suq, jista’ wkoll jiġi preżunt effett fis-swieq ta’ Franza u tal-Benelux.

315

Għaldaqstant, għal darb’oħra hemm lok li jiġi evalwat jekk il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx l-effetti kollha allegati tal-ksur jaffettwax il-kwalifika tal-ksur bħala ksur serju ħafna u għaldaqstant jekk jaffettwax l-ammont tal-multa.

316

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista obbligatorja jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod obbligatorju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33).

317

Fis-sentenza tagħha Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 273 iktar ’il fuq (punti 258 u 259), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-gravità tal-ksur setgħet tiġi stabbilita abbażi tan-natura u tal-iskop tal-aġir illegali u li, skont ġurisprudenza kostanti, l-elementi li jirrigwardaw l-iskop ta’ aġir jista’ jkollhom iktar importanza għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa milli dawk li jirrigwardaw l-effetti tiegħu.

318

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ billi kkunsidrat li l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma kienx kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammont xieraq tal-multa. Elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza milli dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament serju bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-swieq (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 118).

319

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet minn dejjem kienu meqjusa li jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, punt 154 iktar ’il fuq, punt 103, u tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 262).

320

Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa, ma tatx importanza kbira lill-kriterju tal-impatt reali tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha anki fuq elementi oħra, jiġifieri l-konstatazzjoni li l-ksur kellu jiġi kkwalifikat bħala serju ħafna minħabba n-natura tiegħu stess (premessi 528 sa 530 tad-deċiżjoni kkontestata) u li s-suq ġeografiku kkonċernat kien jikkostitwixxi sehem importanti mis-suq Komunitarju, kemm ġeografikament u kemm bħala valur, peress li kien jirrappreżenta madwar 80 % tal-valur totali ta’ dan is-suq (premessi 539 sa 542 tad-deċiżjoni kkontestata).

321

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tikkwalifika l-ksur bħala serju ħafna.

322

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, li l-fatt li l-effetti tal-ksur ġew ipprovati biss b’mod parzjali ma jistax jikkonfuta l-evalwazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa stabbilit skont il-gravità, hekk kif għamlet il-Kummissjoni.

Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur

— L-argumenti tal-partijiet

323

Ir-rikorrenti tqis li, skont it-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida, ksur serju ħafna jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa li l-ammont bażiku tagħha jista’ jkun ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Hija tqis li, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tispjega abbażi ta’ liema kriterju hija għażlet ammont ta’ iktar minn EUR 20 miljun. Fin-nuqqas ta’ tali spjegazzjoni, jidher li ċ-ċifra magħżula ġiet magħżula arbitrarjament.

324

Ir-rikorrenti ssostni li l-multa tagħha hija wkoll sproporzjonata u eċċessiva meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tagħha. Hija tosserva li l-multa imposta tirrappreżenta 18.1 % tad-dħul mill-bejgħ Ewropew tagħha mill-produzzjoni tal-folji tal-ġibs, 24.3 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha minn dan il-prodott fl-erbat iswieq prinċipali u 44.4 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha minn dan l-istess prodott fir-Renju Unit u fil-Ġermanja fl-2001/2002. Barra minn hekk, il-multa tagħha hija ħafna għola fil-konfront tad-dħul mill-bejgħ tagħha meta mqabbla mal-multi l-oħra imposti għall-istess ksur jew għal ksur paragunabbli.

325

Ir-rikorrenti tqis li, sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-multa, il-paragun ma’ tipi oħra ta’ kummerċ ma jistax ikun nieqes mill-interess. Hija tistaqsi liema huwa l-parametru li jippermetti li tiġi evalwata l-proporzjonalità jekk hija ma tistax tosserva li l-multa hija sproporzjonata fil-konfront ta’ każijiet simili u kontemporanji jew fil-konfront tad-dħul mill-bejgħ tagħha jew ta’ dak ta’ impriżi oħra.

326

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li t-tul ta’ mill-inqas sena li fih il-Kummissjoni ddeċidiet id-deċiżjoni kkontestata kkontribwixxa sabiex hija jkollha tbati l-impożizzjoni ta’ multa ħafna iktar għolja minn dik li probabilment kienet tingħatalha li kieku d-deċiżjoni msemmija ttieħdet fl-aħħar tal-2001 u mhux fis-27 ta’ Novembru 2002. Fil-fatt, f’dak il-mument, il-Kummissjoni pprovat tneħħi l-attenzjoni tal-pubbliku minn fuq numru ta’ fallimenti f’ċertu numru ta’ kawżi dwar konċertazzjonijiet, u għalhekk ipprovat tikseb profitt politiku massimu bl-impożizzjoni ta’ “multi kbar” għal dan l-akkordju.

327

Il-Kummissjoni tafferma li l-ammonti bażiċi stabbiliti għal kull waħda mill-impriżi għandhom rabta evidenti u proporzjonata bejniethom u li dawn jiddependu mill-gravità tal-ksur.

328

Il-Kummissjoni tindika li l-motivi li wassluha sabiex tistabbilixxi l-ammont bażiku għal EUR 80 miljun huma esposti fil-premessi 545 sa 549 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tafferma li mhijiex marbuta li timmotiva l-għażla tagħha ulterjorment.

329

Il-Kummissjoni tosserva li kull paragun mal-multi imposti fil-kawżi l-oħra huwa rrilevanti, għaliex hija tiddetermina l-ammont tal-multi każ b’każ u tista’, f’kull każ, iżżid l-ammont ġenerali tal-multi fil-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 17 kemm-il darba dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni tippreżenta tabella bl-ammonti bażiċi ta’ multi imposti f’kawżi relatati ma’ swieq li għandhom l-għola valuri sabiex turi li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mhuwiex eħrex minn dak tal-multi imposti f’kawżi oħra u li, bil-kontra ta’ dan, huwa nettament inqas peress li ttieħed inkunsiderazzjoni d-daqs tas-suq inkwistjoni. Madankollu hija tenfasizza li hija mhijiex qed tipprova tiġġustifika l-ammont bażiku meta tirreferi għal din it-tabella, li tirrigwarda biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-ammont bażiku.

330

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li BPB la pprovat l-eżistenza ta’ dewmien eċċessiv fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża, u lanqas ma stabbilixxiet li dan id-dewmien kien kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha. Id-dikjarazzjonijiet ta’ BPB dwar il-klima politiku huma biss spekulazzjonijiet u mhumiex relatati mal-kwistjoni ta’ jekk il-multa imposta kinitx legali.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

331

F’dak li jirrigwarda l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-ammont ta’ multa imposta minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li din għandha tiġi stabbilita fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li jiddisponi li, “[f]l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur”. F’dan ir-rigward, kemm il-linji gwida, kif ukoll l-avviż dwar il-kooperazzjoni, fihom dispożizzjonijiet indikattivi fuq l-elementi ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 217). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġu sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ħadet inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-linji gwida tagħha u, jekk ikun il-każ, tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, u li jkunu ppermettulha li tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 218).

332

F’dan il-każ, għalkemm huwa paċifiku li l-Kummissjoni indikat biss ċifri dwar l-ishma tas-suq tal-impriżi inkwistjoni li abbażi tagħhom hija stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa imposta lir-rikorrenti għal EUR 80 miljun.

333

Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 66).

334

L-indikazzjoni taċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, għalkemm utli, mhijiex indispensabbli fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’deċiżjoni li timponi l-multi, filwaqt li jiġi enfasizzat li, f’kull każ, il-Kummissjoni ma tistax, permezz tal-użu esklużiv u mekkaniku ta’ formuli aritmetiċi, tiġi mċaħħda mis-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 75).

335

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tal-iffissar tal-ammont tal-multi f’termini assoluti, għandu jiġi mfakkar li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tagħom sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59).

336

Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li l-multi ma jkunux faċilment prevedibbli mill-operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, li kieku l-Kummissjoni kellha l-obbligu li fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multi, dan jaffettwa l-effett dissważiv tagħhom. Kieku l-ammont tal-multa kien ir-riżultat ta’ kalkolu li josserva sempliċi formula aritmetika, l-impriżi jkollhom il-possibbiltà li jipprevedu l-eventwali sanzjoni u li jipparagunawha mal-profitti li jiggwadanjaw mill-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni.

337

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 522 sa 553 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni biex tikkalkola l-ammont tal-multi skont il-gravità tal-ksur ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati. Issa, mill-premessi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni wriet b’mod ċar u ddettaljat ir-raġunament li segwiet, u għalhekk ippermettiet li r-rikorrenti jkunu jafu liema elementi ta’ evalwazzjoni ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni għandha skont l-Artikolu 253 KE.

338

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-multa tagħha hija sproporzjonata u eċċessiva meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tagħha, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li peress li l-Kummissjoni mhijiex marbuta li teffettwa l-kalkolu tal-ammont tal-multa abbażi tal-ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, u lanqas mhija marbuta li tiżgura, fil-każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha għall-impriżi kkonċernati jirriflettu d-differenza bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ‘il fuq, punti 255 u 312).

339

Barra minn hekk, id-dritt Komunitarju ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata mad-daqs tal-impriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 101).

340

L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 lanqas ma jimponi li, fil-każ fejn il-multi jkunu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx iktar, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, minn dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi, fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-ksur, ma tistax tiġi akkużata li, għal xi wħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ikbar, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T-21/99, Ġabra p. II-1681, punt 203).

341

L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-karattru sproporzjonat tal-multa imposta huwa manifest meta l-ammont tagħha jiġi mqabbel ma’ dak impost fuq impriżi oħra f’kawżi simili għandu wkoll jiġi miċħud. Effettivament, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tiffissa multi bi proporzjon mad-dħul mill-bejgħ u b’koerenza perfetta meta mqabbla ma’ dawk iffissati f’kawżi preċedenti.

342

Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix, fiha nfisha, bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċertu tip ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill-possibilità li tgħolli dan il-livell sakemm tibqa’ fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat it-twettiq tal-politika Komunitarja fuq il-kompetizzjoni (sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 278 iktar ’il fuq, punt 109).

343

Għandu jingħad ukoll li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skont diversi elementi bħal mhuma ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom bilfors jiġu kkunsidrati (sentenza Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, punt 316 iktar ’il fuq, punt 33, u s-sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 275 iktar ’il fuq, punt 236). Issa, l-informazzjoni rilevanti, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jvarjaw skont il-kawża. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li timponi multi li l-ammonti tagħhom jikkorrispondu għal perċentwali identiċi għad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom fil-kawżi li huma simili fuq il-livell ta’ gravità tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T-67/01, Ġabra p. II-49, punti 187 sa 189).

344

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha l-kompetenza li tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa li jirrikonoxxulha l-Artikoli 229 KE u 17 tar-Regolament Nru 17, in-natura xierqa tal-ammont tal-multi.

345

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ksur huwa partikolarment serju, fid-dawl ta’ ċerti elementi, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessi 534, 535 u 539 sa 542 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, huwa l-karattru oligopolistiku tas-suq u l-fatt li l-ksur inkwistjoni kien jolqot it-totalità jew il-kważi totalità tal-offerta tal-folji tal-ġibs fl-erbat iswieq nazzjonali li kienu s-suġġett tal-akkordju. Barra minn hekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat, kemm fuq il-livell ġeografiku kif ukoll f’termini ta’ valur, kien kbir. Fil-fatt, l-erbat iswieq ikkonċernati kienu s-swieq Komunitarji prinċipali tal-folji tal-ġibs u jirrappreżentaw madwar 80 % tal-valur totali tas-suq Komunitarju, li kien jammonta għal EUR 1,21 biljun fl-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Fl-aħħar, fir-rigward tan-natura tal-prodott ikkonċernat, l-akkordju neċessarjament kellu impatt fuq parti sostanzjali tas-suq tal-kostruzzjoni u affettwa wkoll settur importanti ħafna għall-ekonomija sħiħa.

346

Barra minn hekk, ma jidhirx li l-ammont bażiku stabbilit abbażi tal-gravità tal-ksur f’dan il-każ huwa eħrex minn dak impost f’kawżi oħra fid-dawl tad-daqs tas-suq inkwistjoni. Madankollu, dan il-paragun ma jfissirx li d-daqs tas-suq rilevanti huwa l-aħjar jew l-uniku kriterju sabiex isir paragun bejn il-multi imposti f’akkordji differenti. Fil-fatt, paragun bejn diversi akkordji huwa diffiċli, peress li d-diversi elementi li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-gravità tal-ksur huma numerużi. Apparti dan, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 342 iktar ’il fuq, f’kull każ, tali paragun jista’ biss isir b’mod indikattiv peress li l-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

347

Fid-dawl tad-diversi elementi li jagħmlu l-ksur partikolarment serju f’dan il-każ (ara punt 345 iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ammont bażiku tal-multa imposta lir-rikorrenti stabbilita abbażi tal-gravità tal-ksur hija proporzjonata.

348

Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-sanzjoni tagħha kienet tkun iżgħar li kieku l-Kummissjoni temmet il-proċedura amministrattiva qabel, peress li huwa biss reċentement li hija żiedet il-livell ġenerali tas-sanzjonijiet, dan għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, anki jekk jiġi ammess li l-livell ġenerali tal-multi żied matul il-proċedura amministrattiva, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-fatt li l-Kummissjoni applikat, fl-imgħoddi, multi ta’ ċertu livelli għal ċerti tipi ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja dwar il-kompetizzjoni, iżda li bil-kontra ta’ dan, l-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 273 iktar ’il fuq, punt 109, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 169).

349

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li l-ammont bażiku tal-multa stabbilit abbażi tal-gravità tal-ksur ma kienx proporzjonat għandhom jiġu miċħuda.

Fuq it-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

350

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat it-tul tal-ksur allegat abbażi ta’ ġrajjiet iżolati u distinti. Il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li hija kienet wettqet ksur li dam għaddej b’effett mill-31 ta’ Marzu 1992 sal-, jigifieri 6 snin u 7 xhur, fatt li jikkostitwixxi ksur twil li jiġġustifika żieda ta’ 65 % tal-ammont bażiku tal-multa.

351

Ir-rikorrenti ssostni li l-allegat ksur jinqasam f’żewġ perijodi separati. L-ewwel wieħed jinkludi l-laqgħa ta’ Londra u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-Sur [A] u l-kuġini tal-familja Knauf mill-1992 sal-bidu jew sa nofs l-1993 u t-tieni wieħed jinkludi l-iskambji ta’ informazzjoni minn nofs jew mill-aħħar tal-1993 sal-1998 bejn is-Sur [D] u l-P.D.Ġ. tal-impriżi l-oħra inkwistjoni. Dawn il-ġrajjiet mhumiex relatati ma’ allegat ksur l-ieħor, li seħħ matul il-perijodu ta’ bejn l-1994 u l-1998, kif ukoll mal-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-bejgħ fir-Renju Unit b’effett minn nofs l-1992 sa Frar 1998.

352

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li ma jeżistix akkordju kumpless u kontinwu u tosserva li, b’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU L 319, p. 1), il-ksur imwettaq qabel il-perijodu ta’ ħames snin li jintemm fil-bidu tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni huma preskritti u ma jistgħux ikunu suġġetti għall-impożizzjoni ta’ multa.

353

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li s-Sur [D] wettaq l-iskambji ta’ informazzjoni f’Marzu u f’Novembru 1998, għalkemm hija kienet ipprojbixxiet dan l-aġir f’Marzu 1998. Ir-rikorrenti tqis li hija ma tistax tkun responsabbli għall-attivitajiet ta’ impjegat li jaġixxi kontra l-istruzzjonijiet tagħha u li t-tmiem tal-ksur kellu għalhekk jiġi stabbilit għall-aħħar ta’ Marzu 1998.

354

Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-linji gwida mhumiex ċari fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni tistax tieħu inkunsiderazzjoni frazzjonijiet ta’ snin. Favur interpretazzjoni stretta tal-linji gwida, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni setgħet l-iktar l-iktar timponi żieda ta’ 60 % mal-ammont bażiku minflok 65 %, jiġifieri 10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur.

355

Ir-rikorrenti tosserva wkoll li l-Kummissjoni m’għandhiex tapplika dejjem żieda ta’ 10 %, hekk kif għamlet b’mod awtomatiku fil-kawżi reċenti kollha dwar akkordji. Hija tqis li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża fid-determinazzjoni taż-żieda tal-multa. Hija żżid li din kienet il-prattika tal-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet 98/273/KE, tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81KE] (IV/35.733 — VW) (ĠU L 124, p. 60), u 2002/190/KE, tal-, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] (Kawża COMP.F.1/35.918 — JCB) (ĠU 2002, L 69, p. 1), kif ukoll fil-kawżi tal-Pajpijiet preisolati, li fihom hija ħadet inkunsiderazzjoni l-intensità tal-ksur matul id-diversi perijodi.

356

Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa minn BPB huma tentattiv ġdid sabiex jiġi kkontestat il-ksur uniku, kumpless u kontinwu hekk kif hija kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

357

F’dak li jirrigwarda l-aġir tas-Sur [D], il-Kummissjoni tqis li hija mhijiex marbuta li tagħmel distinzjoni bejn id-diversi organi tal-impriża, li xi wħud minnhom kienu jipparteċipaw fl-akkordju b’mod attiv filwaqt li oħrajn kienu qed jippruvaw iwaqqfuh.

358

Skont il-Kummissjoni, imkien fil-linji gwida ma jingħad li hija għandha tillimita ruħha sabiex iżżid l-ammont tal-multi għas-snin sħaħ tal-ksur. Hija tispjega li r-riskju ta’ żieda kbira skont it-tul tal-ksur neċessarjament ikabbar il-ħajra li l-ksur jiġi żvelat jew li ssir kooperazzjoni magħha. Fil-fatt, approċċ kuntrarju jmur kontra l-għan iddikjarat tagħha li żżid l-ammont tal-multa skont it-tul tal-ksur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

359

L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li kien hemm ċirkustanzi separati ta’ ksur li parti minnhom huma għalhekk preskritti, huma konnessi ma’ dawk esposti fil-kuntest tat-tielet motiv. Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat preċedentement li l-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda żball meta qieset li dan kien ksur uniku u kontinwu, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

360

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kien diġà ntemm f’Marzu 1998 li kieku s-Sur [D] ma kienx mar kontra l-istruzzjonijiet tagħha, dan mhuwiex rilevanti. Impriża — jiġifieri entità ekonomika li tikkonsisti f’elementi personali, tanġibbli u intanġibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1962, Mannesmann vs L-Awtorità Għolja, 19/61, Ġabra p. 675, 705 u 706) — hija amministrata mill-korpi previsti mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha u kull deċiżjoni li timponi multa fuqha tista’ tiġi indirizzata lill-amministrazzjoni kif ipprovdut fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-impriża (il-bord tad-diretturi, il-kumitat ta’ amministrazzjoni, id-direttur, iċ-chairman, eċċ). Ir-regoli tal-kompetizzjoni jiġu faċilment evitati li kieku l-Kummissjoni tkun mistennija, meta tkun affrontata b’imġieba illegali ta’ impriża, li tivverifika dejjem min hu l-awtur tad-diversi atti, ħaġa li jista’ jkollha l-effett li twaqqafha milli tissanzjona lill-impriża li bbenifikat mill-akkordju.

361

F’dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-linji gwida mhumiex ċari dwar jekk il-Kummissjoni tistax tieħu inkunsiderazzjoni frazzjonijiet ta’ snin, huwa biżżejjed li jingħad li fil-linji gwida mhemm xejn li jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul reali tal-ksur fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. Tali approċċ huwa għal kollox loġiku u raġjonevoli, u f’kull każ, jifforma parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

362

F’dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni tar-rikorrenti tal-fatt li l-Kummissjoni applikat b’mod awtomatiku r-rata minima ta’ 10 % fis-sena, għandu jiġi mfakkar li għalemm it-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 1 B tal-linji gwida ma jipprovdi għal ebda żieda awtomatika ta’ 10 % fis-sena għall-ksur li jdum ħafna, madankollu, f’dan ir-rigward, huwa jħalli setgħa diskrezzjonali lill-Kummissjoni (sentenza Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, punt 331 iktar ’il fuq, punt 134).

363

F’dan il-każ, fil-premessa 554 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li BPB kienet wettqet il-ksur għal sitt snin u seba’ xhur, jiġifieri perijodu twil skont il-linji gwida, u għalhekk hija żiedet l-ammont tal-multa b’65 % minħabba l-gravità tal-ksur. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni rrispettat ir-regoli li kienet imponiet lilha nnifisha fil-linji gwida. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li ż-żieda b’65 %, minħabba l-perijodu twil tal-ksur, mhuwiex sproporzjonat.

364

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-intensità ddifferenzjata tal-ksur matul il-perijodu inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li ż-żieda ssir bl-applikazzjoni ta’ ċerta perċentwali mal-ammont bażiku li jiġi ddeterminat skont il-gravità tal-ksur sħiħ, li għalhekk diġà tirrifletti d-diversi intensitajiet tal-ksur. Għalhekk, ma jkunx loġiku li għaż-żieda ta’ dan l-ammont minħabba t-tul tal-ksur tittieħed inkunsiderazzjoni varjazzjoni fl-intensità tal-ksur matul il-perijodu kkonċernat.

365

Sa fejn BPB issostni li fil-kawżi l-oħra relatati ma’ restrizzjonijiet ta’ natura u ta’ tul ta’ żmien simili, il-Kummissjoni applikat żiediet minħabba t-tul tal-ksur iżgħar minn dik applikata f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa unikament stabbilit fir-Regolament Nru 17 u li, barra minn hekk, l-operaturi ma jistgħux iqiegħdu aspettattivi leġittimi fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 171).

366

Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata taż-żieda tal-ammont tal-multa minħabba t-tul tal-ksur għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-reċidiva

L-argumenti tal-partijiet

367

Ir-rikorrenti tqis li ż-żieda ta’ 50 %, jiġifieri EUR 66 miljun, tal-ammont bażi tal-multa minħabba r-reċidiva huwa eċċessiv u sproporzjonat.

368

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li r-rwol li kellha l-kumpannija sussidjarja tagħha fil-ksur preċedenti kien minuri u passiv [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/601/KE, tat-13 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81KE] (IV/C/33.833 — Carton) (ĠU L 243, p. 1)]. Konsegwentement, il-multa finalment imposta lill-kumpannija sussidjarja tagħha kienet ta’ EUR 750000 biss. Barra minn hekk, il-ksur preċedenti kien ġie sanzjonat iktar minn tmien snin qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi żieda b’mod mekkaniku abbażi tal-eżistenza ta’ ksur preċedenti. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-ksur preċedenti: in-natura tiegħu, iċ-ċirkustanzi li fihom ġie mwettaq, iż-żmien li għadda u s-sanzjoni imposta. Ir-rikorrenti tagħmel referenza għal diversi sistemi legali sabiex turi li n-natura ta’ kull ksur preċedenti u ż-żmien li għadda minn meta ġie mwettaq jittieħdu inkunsiderazzjoni meta qorti tikkunsidra żieda tas-sanzjoni minħabba r-reċidiva.

369

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni ma tistax iżżid il-multa minħabba r-reċidiva meta l-ewwel u t-tieni ksur isiru flimkien. F’dan il-każ, id-deċiżjoni fil-kawża Carton (ara punt 368 iktar ’il fuq) ġiet adottata fit-13 ta’ Lulju 1994 u, għaldaqstant, iż-żieda ta’ 50 % kellha tiġi applikata biss minn dak il-mument. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, b’konsegwenza ta’ dan, iż-żieda għandha titnaqqas għal EUR 43,7 miljun. Jekk is-sitwazzjoni tiġi kkunsidrata minn perspettiva differenti, il-fattur aggravanti għandu japplika biss għall-multa miżjuda minħabba t-tul tal-ksur minn Lulju 1994. F’dan il-każ, l-ammont li għandu jiżdied minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti huwa ta’ EUR 56 miljun.

370

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda hija eċċessiva u sproporzjonata għaliex taqbeż l-ammont bażiku tal-multa imposta minħabba l-gravità tal-ksur lil Knauf, lil Lafarge u lil Gyproc.

371

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tosserva li ż-żieda qabżet it-tnaqqis ta’ 30 % li ngħatat lilha minħabba r-rikonoxximent tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni f’din il-kawża. Hija tqis li t-tnaqqis mogħti minħabba l-kooperazzjoni għandu jkun reali u mhux jiġi kkanċellat miż-żieda minħabba r-reċidiva.

372

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tosserva li hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni waħda biss, li hija dik li tirrigwarda l-kawża British Sugar (ara punt 264 iktar ’il fuq), fejn iż-żieda kienet għola, jiġifieri 75 % tal-ammont bażiku, u li, f’din il-kawża, iż-żieda kienet ibbażata fuq ir-rwol ta’ instigatriċi li British Sugar kellha fl-ewwel ksur. Hija tqis li kemm fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u kif ukoll fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/405/KE, tal-20 ta’ Ġunju 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 [KE] (COMP/E-2/36.041/PO — Michelin) (ĠU 2002, L 143, p. 1), iż-żieda ta’ 50 % li ġiet applikata għaliha hija eċċessiva.

373

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni applikat fil-konfront tagħha l-istess żieda minħabba r-reċidiva bħal dik ta’ Lafarge, għalkemm il-ksur imwettaq minn Lafarge fil-kuntest tal-kawża li waslet għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/815/KE, tat-30 ta’ Novembru 1994, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [81KE] (Kawża IV/33.126 u 33.322 — Siment) (ĠU L 343, p. 1), kien iktar serju minn dak issanzjonat fil-kawża Carton. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn iż-żewġ akkordji preċedenti, b’mod partikolari r-rwol sinjifikanti ta’ Lafarge, iż-żmien twil tal-akkordju li din kienet ipparteċipat fih u l-fatt li hija kienet ġiet sanzjonata permezz ta’ multa f’ammont ta’ EUR 14,9 miljun għal dan il-ksur. Meta naqset milli tieħu lil dawn id-differenzi inkunsiderazzjoni, u meta imponiet iż-żieda ta’ 50 % fuq iż-żewġ impriżi, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

374

Il-Kummissjoni tqis ir-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti sa fejn l-impriża kkonċernata twettaq ksur ġdid meta tkun diġà ġiet sanzjonata għal ksur tal-istess tip u li għalhekk hija kienet imwissija b’mod ċar li dan l-aġir kien illegali u ma kellux jiġi ripetut.

375

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ewwel u t-tieni ksur seħħew fl-istess żmien u li konsegwentement iż-żieda għandha tiġi applikata, il-Kummissjoni ssostni li din id-dikjarazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żieda hija ntiża sabiex tissanzjona r-rieda tal-impriża li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni filwaqt li diġà ġew imposti sanzjonijiet fuqha fil-passat.

376

Il-kwistjoni dwar jekk iż-żieda minħabba r-reċidiva hijiex superjuri jew inferjuri għall-ammont bażiku tal-multa imposta lil impriżi oħra meta mqabbla mat-tnaqqis miftiehem minħabba l-kooperazzjoni ta’ BPB hija totalment irrilevanti.

377

Skont il-Kummissjoni, BPB żiedet ilment li ma jidhirx fir-rikors tagħha, jiġifieri dak li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li għadda mill-ksur preċedenti, li, skont ir-replika, seħħ “iktar minn tmien snin qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’dan il-każ”. Dan l-ilment huwa inammissibbli abbażi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

378

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni xi ċirkustanzi aggravanti, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, huwa konformi mal-missjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 71).

379

Għaldaqstant, reċidiva eventwali tidher fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 91).

380

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett iċ-ċirkustanzi kollha tal-ksur preċedenti, dan għandu jiġi miċħud.

381

Qabel kollox, fir-rigward taż-żmien li għadda bejn iż-żewġ ċirkustanzi ta’ ksur, huwa stabbilit li l-ewwel ksur ġie ssanzjonat wara li beda l-ksur inkwistjoni.

382

Skont ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, bħalma huma ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-għan dissważiv tal-multi, u dan mingħajr mhuwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti u eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom b’mod obbligatorju jittieħdu inkunsiderazzjoni (Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54, u s-sentenza tas-, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33).

383

Għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva jiffurmaw parti mis-setgħa tal-Kummissjoni u li din ma tistax tkun marbuta minn eventwali terminu ta’ preskrizzjoni għal tali konstatazzjoni. Fil-fatt, ir-reċidiva tikkostitwixxi element importanti li l-Kummissjoni għandha tevalwa, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa intiż sabiex iħajjar lill-impriżi, li wrew inklinazzjoni sabiex jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, ibidlu l-aġir tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ f’kull każ tieħu inkunsiderazzjoni l-indizji li jikkonfermaw tali inklinazzjoni, inkluż iż-żmien li għadda bejn iċ-ċirkustanzi ta’ ksur inkwistjoni.

384

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li tul ta’ żmien ta’ inqas minn għaxar snin bejn il-konstatazzjonijiet ta’ żewġ ċirkustanzi ta’ ksur huwa xhieda tal-inklinazzjoni ta’ impriża li ma tifhimx il-konsegwenzi xierqa ta’ konstatazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punti 354 u 355).

385

A fortiori, f’dan il-każ, ir-rekords taċ-ċirkustanzi ta’ ksur ikkonstatati kontra r-rikorrenti huma xhieda tal-inklinazzjoni tagħha li ma tifhimx il-konsegwenzi xierqa ta’ konstatazzjoni fir-rigward tagħha ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni peress li, għalkemm kienet diġà suġġetta għal miżuri preċedenti min-naħa tal-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni fil-kawża Carton, ir-rikorrenti kompliet matul iktar minn erba’ snin tipparteċipa b’mod attiv fl-akkordju inkwistjoni wara li din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lilha.

386

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex meħtieġ li jiġi evalwat l-argument tal-Kummissjoni li jinvoka l-inammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda ż-żmien li għadda bejn is-sanzjoni tal-ewwel ksur u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

387

Barra minn hekk, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-aġir preċedenti, il-kunċett ta’ reċidiva ma jimplikax neċessarjament il-konstatazzjoni preliminari ta’ sanzjoni pekunjarja, iżda biss il-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 384 iktar ’il fuq, punt 363).

388

Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva huwa intiż sabiex iħajjar lill-impriżi, li jkunu wrew inklinazzjoni sabiex jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, jibdlu l-aġir tagħhom, peress li jkun jidher li konstatazzjoni ta’ ksur preċedenti min-naħa tagħha ma kinitx biżżejjed sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni ta’ aġir ta’ ksur. Għaldaqstant, l-element determinanti tar-reċidiva mhuwiex l-impożizzjoni ta’ multa preliminari, u a fortiori l-ammont tagħha, iżda l-konstatazzjoni preliminari ta’ ksur.

389

Fl-aħħar, ir-rikorrenti lanqas ma ssostni li l-ksur li għalih ġiet sanzjonata l-kumpannija sussidjarja tagħha fil-kuntest tal-kawża Carton mhuwiex ksur tal-istess tip bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ.

390

Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta f’dan il-każ qieset li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, b’mod partikolari l-fatt li l-istess impriża kienet diġà s-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u li, minkejja din il-konstatazzjoni u s-sanzjoni imposta, hija kienet kompliet tipparteċipa fi ksur simili tal-istess dispożizzjoni tat-Trattat, kienu jikkostitwixxu reċidiva.

391

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma tistax iżżid l-ammont tal-multa minħabba r-reċidiva, meta l-ewwel u t-tieni ksur jseħħu fl-istess ħin, ħlief mill-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni li tissanzjona lil wieħed miż-żewġ ċirkustanzi ta’ ksur, għandu jiġi miċħud.

392

Għalkemm huwa minnu li politika ta’ sanzjoni tar-reċidiva għandha effett utli fuq l-awtur ta’ ksur biss jekk it-theddida ta’ sanzjoni iktar ħarxa fil-każ ta’ ksur ġdid tħajru sabiex jibdel l-aġir tiegħu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva huwa ġġustifikat mill-bżonn ta’ dissważjoni supplimentari li jixhed il-fatt li konstatazzjoni ta’ ksur preċedenti ma kienx biżżejjed sabiex iwaqqaf ir-repetizzjoni ta’ ksur. Għaldaqstant, ir-reċidiva hija neċessarjament ikkostitwita wara l-konstatazzjoni u s-sanzjoni tal-ewwel ksur, peress li tispjega ruħha mill-fatt li din is-sanzjoni ma kinitx dissważiva biżżejjed.

393

F’dan ir-rigward, fis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi peress li ż-żieda tal-ammont tal-multa imposta lil Thyssen Stahl AG kienet iġġustifikata mill-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni kienet diġà ssanzjonata minħabba ksur simili permezz tad-Deċiżjoni 90/417/KEFA, tat-, dwar proċediment skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA li jirrigwarda l-akkordju u l-prattiki miftiehma tal-produtturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-istainless steel irrumblati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28), filwaqt li fil-kawża inkwistjoni, il-parti l-kbira tal-perijodu tal-ksur, bejn it- u l-aħħar tal-1990, ikkunsidrat kontra Thyssen Stahl, kien qabel din id-deċiżjoni (punti 617 sa 625).

394

Issa, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 270 iktar ’il fuq, fejn il-parti l-kbira tal-ksur seħħ qabel l-ewwel deċiżjoni, f’dan il-każ, BPB baqgħet tipparteċipa fl-akkordju inkwistjoni għal iktar minn erba’ snin wara d-deċiżjoni adottata fil-kawża Carton.

395

Kif ġie mfakkar fil-punt 382 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ reċidiva tiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

396

Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta qieset li l-fatt li BPB kienet kompliet tipparteċipa, wara l-ewwel konstatazzjoni ta’ ksur, fi ksur simili tal-istess dispożizzjoni tat-Trattat, għal iktar minn erba’ snin, kien jikkostitwixxi reċidiva u meta, minħabba f’dan, żiedet l-ammont tal-multa.

397

F’dak li jirrigwarda l-livell taż-żieda, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali. F’dan ir-rigward, hija mhijiex marbuta li tapplika formuli matematiċi preċiżi (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 273 iktar ’il fuq, punt 292).

398

Barra minn hekk, mill-perspettiva ta’ dissważjoni, ir-reċidiva hija ċirkustanza li tiġġustifika żieda kunsiderevoli tal-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, din tikkostitwixxi l-prova li s-sanzjoni imposta qabel ma kinitx dissważiva biżżejjed (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 273 iktar ’il fuq, punt 293).

399

Fir-rigward tar-rata ta’ żieda applikata f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li din hija proporzjonata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni adottata fil-kawża Carton u d-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw ċirkustanzi ta’ ksur simili. Il-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni ma jistgħux jiġu kkonfutati mid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li r-rwol tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-kawża Carton kien wieħed minuri u passiv. Fil-fatt, dak li jgħodd huwa l-fatt li, minkejja l-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, l-impriża inkwistjoni kompliet tikser din il-liġi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha d-dritt li żżid l-ammont bażiku tal-multa b’50 % sabiex tidderiġi l-aġir tar-rikorrenti lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

400

Peress li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex juri li ż-żieda minħabba r-reċidiva ma kinitx proporzjonata huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-ammont taż-żieda f’valur assolut, jiġifieri EUR 66 miljun, mhuwiex proporzjonat, dan għandu jiġi miċħud.

401

Fil-fatt, fl-iffissar ta’ żieda minħabba r-reċidiva, il-Kummissjoni tista’ sempliċement tevalwa liema hija l-perċentwali proporzjonata mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont f’valur assolut taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa li l-applikazzjoni tal-perċentwali jwassal għalih. Kemm-il darba l-perċentwali taż-żieda ma tkunx eċċessiva, l-ammont taż-żieda f’valur assolut ikun biss il-konsegwenza matematika tal-applikazzjoni ta’ din il-perċentwali lill-ammont bażiku, li l-proporzjonalità tiegħu meta mqabbel mal-gravità u mat-tul tal-ksur inkwistjoni tkun suġġetta għal evalwazzjoni separata.

402

Konsegwentement, iż-żieda ta’ 50 % tal-ammont tal-multa tar-rikorrenti minħabba r-reċidiva mhijiex sproporzjonata.

403

F’dak li jirrigwarda l-prattika preċedenti tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti tosserva li hemm biss deċiżjoni tal-Kummissjoni waħda, dik li tirrigwara l-kawża British Sugar, fejn iż-żieda kienet ikbar minn (75 %), u li, f’din il-kawża ż-żieda kienet ibbażata fuq ir-rwol ta’ instigatriċi li British Sugar kellha fl-ewwel ksur. Hija tqis li, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, iż-żieda ta’ 50 % li ġiet applikata għaliha kienet eċċessiva.

404

Fir-rigward tal-paraguni magħmula ma’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni oħra, li tagħti meta timponi multi minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux ikunu rilevanti fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ħlief jekk jiġi pprovat li l-informazzjoni dwar il-fatti tal-kawża relatati ma dawn id-deċiżjonijiet l-oħra huma identiċi għal dawk f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 343 iktar ’il fuq, punt 187).

405

Issa, ir-rikorrenti ma resqitx elementi suffiċjenti li jippermettu li jiġi konkluż li dawn il-kundizzjonijiet kienu jeżistu f’dan il-każ. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li hija ma tinvokax deċiżjonijiet kontemporanji ma’ dik tal-kawża inkwistjoni fejn il-Kummissjoni applikat perċentwali ta’ żieda iktar baxxa għal ċirkustanzi identiċi għal dawk ta’ dan il-każ. Fir-rigward tar-referenza għad-deċiżjoni Michelin fejn l-kumpannija Michelin ġiet issanzjonata minħabba reċidiva relatata ma’ sistema ta’ skontijiet intiżi sabiex tiġbed lejha lill-bejjiegħa, dawn huma b’mod ċar ċirkustanzi differenti minn dawk ta’ dan il-każ, peress li tali sistema ta’ skontijiet ma tistax tiġi pparagunata, f’dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, ma’ akkordju sigriet relatat mal-prezzijiet u mal-istabilizzazzjoni ta’ suq ta’ valur kunsiderevoli.

406

F’kull każ, il-fatt biss li, f’deċiżjoni oħra, il-Kummissjoni żiedet b’mod differenti l-ammont bażi minħabba r-reċidiva ma jimplikax li hija kienet obbligata tapplika l-istess perċentwali ta’ żieda fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni minnha nnifisha ma sservix bħala kuntest ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li dan huwa unikament stabbilit mir-Regolament Nru 17 (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 273 iktar ’il fuq, punt 292).

407

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ż-żieda hija eċċessiva u sproporzjonata għaliex taqbeż l-ammont bażiku tal-multa imposta minħabba l-gravità tal-ksur fuq Knauf, fuq Lafarge u fuq Gyproc.

408

Dan l-argument mhuwiex rilevanti. Peress li l-multa ta’ BPB ġiet stabbilita b’mod korrett u peress li ż-żieda minħabba r-reċidiva hija proporzjonata, il-fatt li l-ammont taż-żieda f’valur assolut huwa għola mill-ammont bażiku tal-multi imposti fuq il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju huwa biss konsegwenza matematika taż-żieda mingħajr ebda relazzjoni mal-ammont tal-multi l-oħra.

409

Ir-rikorrenti tosserva wkoll li ż-żieda qabżet it-tnaqqis ta’ 30 % li ġie mogħti lilha abbażi tar-rikonoxximent tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni f’din il-kawża.

410

Dan l-argument ukoll huwa irrilevanti. Dawn huma żewġ stadji differenti fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

411

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni applikat għaliha l-istess żieda minħabba r-reċidiva bħal dik ta’ Lafarge, għalkemm il-ksur imwettaq minn Lafarge fil-kuntest tal-kawża Siment kien ikbar minn dak issanzjonat fil-kawża Carton.

412

Dan l-argument ukoll huwa infondat. Fil-fatt, hekk kif ġie spjegat iktar ’il fuq, peress li ż-żieda minħabba r-reċidiva hija marbuta ma’ ċirkustanza aggravanti partikolari għall-impriża inkwistjoni, il-fatt li l-karatteristiċi tal-ksur preċedenti mwettaq minn Lafarge mhumiex identiċi għal dawk tal-ksur preċedenti imputat lir-rikorrenti mhuwiex rilevanti. Hija biss rilevanti ċ-ċirkustanza li ż-żewġ impriżi kienu preċedentement implikati f’ċirkustanzi ta’ ksur serju ħafna, iżda minkejja l-konstatazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ta’ ksur, huma ma temmewx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur issanzjonat f’dan il-każ.

413

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni tar-reċidiva għandhom jiġu miċħuda.

Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

414

Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont tal-multa minħabba l-miżuri li ttieħdu qabel u wara l-investigazzjoni tagħha. Hija ssostni li l-Kummissjoni kinet żbaljata meta qieset l-isforzi tagħha bħala mhux effikaċi. Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi l-isforzi tagħha jmur kontra l-prinċipji ta’ trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi.

415

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li, abbażi tal-allegazzjonijiet li jinsabu fl-ittra anonima, hija qabdet is-servizzi ta’ avukati-konsulenti indipendenti sabiex tmexxi l-investigazzjonijiet tagħha (iktar ’il quddiem il-“proġett Alpha”). Abbażi tal-konklużjoniiet tal-proġett Alpha, il-bord tad-diretturi tar-rikorrenti implementa programm iktar formali ta’ konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni li fil-kuntest tiegħu adotta dikjarazzjoni ta’ prinċipju ta’ konformità li l-amministraturi, il-membri l-oħra tal-eżekuttiv u l-membri tal-persunal ikkonċernati kellhom jiffirmaw. Ir-rikorrenti ddeċidiet ukoll li ttemm l-iskambji ta’ informazzjoni kollha u inkarigat lil uffiċċju ta’ avukati sabiex jgħinuha tfassal u timplementa diversi elementi oħra tal-programm formali ta’ konformità tagħha.

416

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li, wara l-ftuħ tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-miżuri meħuda minnha wrew livell għoli ta’ kooperazzjoni. Hija tat lill-ispetturi aċċess għad-dokumenti tal-kummerċ u għall-kompjuters tagħha. Barra minn hekk, hija pprovdiet id-dokumenti mitluba u s-Sur [D] wieġeb bi preċiżjoni għad-domandi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fit-tieni risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni, hija bagħtet lill-Kummissjoni xi informazzjoni li qabel din ma kinitx taf biha. Ir-rikorrenti tqis li, minħabba l-isforzi tagħha sabiex jintemm il-ksur anki qabel il-ftuħ tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-kooperazzjoni volontarja tagħha matul l-investigazzjoni, l-ammont tal-multa tagħha għandu jitnaqqas ulterjorment.

417

Ir-rikorrenti tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija kkanċellat jew ħbiet xi provi. Hija tindika li dawn l-allegazzjonijiet mhuma bbażati fuq l-ebda prova. Hija tenfasizza li, għalkemm xi dokumenti kienu ġew miġbura fil-kuntest tal-proġett Alpha, fil-fajt tħalliet nota li tfakkar il-ġbir tagħhom.

418

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fatt li l-P.D.Ġ. tagħha, is-Sur [D], mar kontra l-istruzzjonijiet tal-kunsill amministrattiv tagħha u kompla l-iskambji ta’ informazzjoni mingħajr ma hija jew il-persunal kollu kienu jafu, ir-rikorrenti tqis li hija ma tistax tinżamm responsabbli mill-attivitajiet tiegħu, b’mod parikolari minħabba l-pożizzjoni indipendenti tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, meta t-tkomplija tal-iskambji msemmija mis-Sur [D] saret magħrufa, huwa kellu jieqaf mill-funzjonijiet tiegħu mingħajr l-ebda kumpens. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-ksur tal-istruzzjonijiet tagħha min-naħa tas-Sur [D] kien l-uniku falliment tal-isforzi sabiex jintemm il-ksur. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-miżuri meħuda minnha ma kinux effikaċi.

419

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ħarġet mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni f’April tal-1998. Għalhekk, li kieku ma kienx hemm il-ksur deliberat tas-Sur [D] fir-rigward tal-istruzzjonijiet tal-bord tad-diretturi tagħha, il-konformità tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet tkun totali b’effett minn Marzu tal-1998. Barra minn hekk, hija għandha dritt għal tnaqqis tal-multa talli temmet il-ksur immedjatament wara l-intervent tal-Kummissjoni.

420

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tqis li hija ma ggwadanjat l-ebda profitt mill-ksur. Il-prezzijiet baqgħu fl-istess livell f’termini reali fir-Renju Unit u tbaxxew fil-Ġermanja filwaqt li l-ispejjeż tagħha żdiedu. Barra minn hekk, is-sehem tas-suq tagħha f’kull wieħed mill-erbat iswieq inkwistjoni kien inqas fl-1998 milli fl-1992 u kien biss fl-1997/1998 li d-dħul mill-bejgħ tagħha laħaq il-livell li kellha fl-1991/1992. Apparti dan, il-prezzijiet reġgħu ġew stabbiliti wara t-tmiem tal-ġlieda tal-prezzijiet. Ir-rikorrenti tqis li, għalkemm il-Kummissjoni tista’ żżid l-ammont ta’ multa abbażi ta’ profitti miksuba wara l-ksur, hija xorta għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kull profitt li ġej mil-ksur sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa.

421

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

422

Hija tqis li, fir-risposta tagħha, BPB tqajjem argument ġdid sabiex titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba li hija temmet il-ksur wara l-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tagħha fl-aħħar tal-1998. Dan l-argument ġdid huwa inammissibbli f’dan l-istadju tal-proċedura. Barra minn hekk, dan huwa infondat, peress li, bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni la hija marbuta li tikkunsidra l-għemil ta’ ksur bħala ċirkustanza aggravanti, u lanqas li tikkunsidra t-tmiem ta’ ksur bħala ċirkustanza attenwanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

423

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-miżuri adottati mir-rikorrenti sabiex tiġi pprevenuta reċidiva min-naħa tagħha (it-tkeċċija tal-eżekuttiv superjuri implikati fl-aġir ta’ ksur kif ukoll l-adozzjoni ta’ programmi interni ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni tal-persunal f’dan ir-rigward), għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa ċertament importanti li impriża tieħu miżuri sabiex tevita li jseħħ ksur ġdid tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni fil-futur minn membri tal-persunal tagħha, dan il-fatt ma jistax jolqot ir-realtà tal-ksur ikkonstatat. Minn dan jirriżulta li l-fatt biss li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni tkun ħadet inkunsiderazzjoni, fil-prassi deċiżjonali tagħha, l-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni bħala ċirkustanza attenwanti ma jimplikax li għandha obbligu li tipproċedi bl-istess mod f’każ determinat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 280).

424

Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li tikkunsidra tali element bħala ċirkustanza attenwanti sa fejn din tkun konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jimplika li ma ssirx evalwazzjoni differenti fuq dan il-punt bejn l-impriżi destinatarji tal-istess deċiżjoni (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 423 iktar ’il fuq, punt 281). Issa, mid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li, fuq dan il-punt, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni differenti bejn l-erba’ impriżi inkwistjoni, ħaġa li lanqas mhija allegata mir-rikorrenti.

425

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-miżuri li ħadet wara l-ftuh tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni wrew livell għoli ta’ kooperazzjoni u li, konsegwentement, l-ammont tal-multa tagħha għandu jerġa jitnaqqas. Issa, dawn l-argumenti huma relatati mal-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tar-rikorrenti b’mod korrett fil-kuntest tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva ser tiġi evalwata iktar ’il quddiem, iżda ma tikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika tnaqqis distint minn dak mogħti abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

426

Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-possibbiltà li impriża li kkooperat mal-Kummissjoni matul proċedura miftuħa minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tingħata tnaqqis tal-multa barra mill-kuntest stabbilit mill-avviż dwar il-kooperazzjoni hija rikonoxxuta mil-linji gwida, fejn is-sitt inċiż tal-punt 3 jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-“kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura, barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-[avviż dwar il-kooperazzjoni]”.

427

Issa, peress li dan l-ilment għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha tagħti lir-rikorrenti tnaqqis ulterjuri tal-multa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur inkwistjoni jaqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, li t-taqsima A(1)(1) tiegħu tirreferi għal akkordji sigrieti bejn impriżi għall-iffissar tal-prezzijiet, tal-kwoti ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ, għat-tqassim tas-swieq jew il-projbizzjoni ta’ importazzjonijiet jew esportazzjonijiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma kkunsidratx il-livell ta’ kooperazzjoni tagħha bħala ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-qafas ġuridiku tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 586).

428

Barra minn hekk, tali kritika ma tistax issir kontra l-Kummissjoni anki jekk għandu jiġi aċċettat li kooperazzjoni f’investigazzjoni dwar akkordji orizzontali għall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tal-bejgħ tista’ tiġi rikumpensata taħt is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, tnaqqis abbażi ta’ din id-dispożizzjoni neċessarjament jippresupponi li l-kooperazzjoni inkwistjoni ma tkunx tista’ tiġi rikumpensata fil-kuntest tal-avviż dwar il-kooperazzjoni u li dan kien effettiv, jiġifieri li ffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni li tikkonstata u ttemm il-ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 427 iktar ’il fuq, punti 587 u 588).

429

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li hija ma tistax tinżamm responsabbli tal-fatt li s-Sur [D], il-P.D.Ġ. tagħha, kiser l-istruzzjonijiet tal-bord tad-diretturi tagħha u kompla l-iskambji ta’ informazzjoni mingħajr ma hija jew il-persunal kollu kienu jafu.

430

Dan l-argument mhuwiex rilevanti. Impriża, jiġifieri unità ekonomika li tinkludi fiha elementi personali, materjali u mhux materjali (sentenza Mannesmann vs L-Awtorità Għolja, punt 360 iktar ’il fuq, p. 705 u 706) — hija diretta mill-organi stabbiliti mill-istatut legali tagħha u kull deċiżjoni li timponi multa fuqha tista’ tiġi indirizzata lid-direzzjoni legali tal-impriża (bord tad-diretturi, iċ-chairman tal-bord, amministratur, eċċ). Ir-regoli tal-kompetizzjoni jiġu faċilment miksura jekk il-Kummissjoni, ikkonfrontata minn aġir ta’ ksur ta’ impriża, jkollha tivverifika u tipprova min huwa l-awtur tad-diversi aġiri, ħaġa li jista’ jkollha l-effett li twaqqafha milli tissanzjona lill-impriża li bbenifikat mill-akkordju.

431

Għalkemm BPB tallega li ġiet ingannata mill-ex P.D.Ġ. tagħha li naqas milli jsegwi l-istruzzjonijiet espliċiti tal-bord tad-diretturi tagħha, is-soluzzjoni ta’ din il-kwistjoni għandha tinstab fir-relazzjoni bejn is-Sur [D] u BPB, u mhux fil-livell tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, għalkemm is-Sur [D] kien realment mar kontra l-istruzzjonijiet tal-bord tad-diretturi ta’ BPB u kompla l-iskambji ta’ informazzjoni bil-moħbi tagħha, il-Kummissjoni kienet awtorizzata li timponi multa fuq l-impriża filwaqt li BPB u/jew is-sidien tagħha kienu liberi li jresqu kull azzjoni meqjusa utli kontra s-Sur [D].

432

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ħarġet mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni f’April 1998. Għalhekk, li kieku ma kienx hemm il-ksur deliberat tas-Sur [D] fir-rigward tal-istruzzjonijiet tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti, il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni kienet tkun totali b’effett minn Marzu 1998.

433

Dan l-argument jingħaqad parzjalment ma’ dak preċedenti u lanqas dan mhuwa rilevanti. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti hija responsabbli mill-aġir tas-Sur [D], il-ksur kompla jseħħ sa Novembru 1998.

434

Barra minn dan, il-Kummissjoni kellha raġun meta qieset li għalkemm l-irtirar mis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni juri rieda sabiex jiġi evitat aġir ta’ natura li jista’ effettivament joħloq suspett, dan ma kellux miegħu miżuri intiżi sabiex jintemmu l-arranġamenti kollużorji, kif tixhed it-tkomplija tal-iskambji ta’ informazzjoni kif ukoll id-diskussjonijiet li seħħew bejn il-kompetituri fl-Aja.

435

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti relatat mal-waqfien tal-ksur wara l-investigazzjoni mmexxija mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li l-Kummissjoni tqis bħala inammissibbli, għandu jiġi kkonstatat li fir-rikors tagħha, ir-rikorrent diġà tirreferi għal “waqfien immedjat tal-ksur bħala ċirkustanza attenwanti”. Għaldaqstant, dan l-argument ma jikkostitwixxix motiv ġdid skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, iżda l-iżvilupp ta’ motiv imsemmi preċedentement, b’mod dirett jew impliċitu fir-rikors promotur tal-kawża li għandu jitqies bħala ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

436

Skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, it-“tmiem tal-ksur hekk kif tintervjenti l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-verifiki)” jinsab fost iċ-ċirkustanzi attenwanti. Madankollu tnaqqis tal-multa minħabba l-waqfien ta’ ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi tal-każ ineżami mill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni mhijiex manifesta. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tagħha tkun inqas xierqa, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni fejn din hija kjarament antikompetittiva, jekk din tiġi stabbilita (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 281; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, Ġabra p. II-10, punti 292 u 294).

437

Fil-fatt, għalkemm fil-passat il-Kummissjoni qieset il-waqfien volontarju ta’ ksur bħala ċirkustanza attenwanti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’applikazzjoni tal-linji gwida tagħha, il-fatt li ċirkustanzi ta’ ksur manifestament serju ħafna għadhom, għalkemm l-illegalità tagħhom ġiet stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, relattivament frekwenti u, għaldaqstant, li għandha tiġi abbandunata din il-prattika ġeneruża u li ma jibqax jiġi ppremjat il-waqfien ta’ tali ksur permezz ta’ tnaqqis fil-multa.

438

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura xierqa ta’ tnaqqis tal-multa minħabba l-waqfien tal-ksur tiddependi mil-fatt ta’ jekk ir-rikorrenti setgħetx b’mod raġjonevoli jkollha dubju dwar in-natura illegali tal-aġir tagħha.

439

F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-ksur inkwistjoni jirrigwarda akkordju sigriet li jkollu bħala skop skambju ta’ informazzjoni f’suq oligopolistiku u stabilizzazzjoni tas-swieq. Dan it-tip ta’ akkordju jikkostitwixxi ksur serju ħafna. Għaldaqstant, l-impriżi kkonċernati kellhom ikunu jafu dwar in-natura illegali tal-aġir tagħhom. Għalhekk, in-natura sigrieta tal-akkordju tikkonferma l-fatt li l-impriżi kkonċernati kienu jafu bin-natura illegali tal-aġir tagħhom.

440

Għaldaqstant, għar-raġunijiet li ssemmew iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, tal-waqfien tal-ksur, b’effett mill-ewwel verifiki tal-Kummissjoni, bħala ċirkustanza attenwanti ma jistax jitqies bħala żbaljat.

441

Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li hija ma kienet kisbet ebda benefiċċju mill-ksur inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-ammont tal-multa imposta fuq impriża għandu jkun proporzjonat mat-tul tal-ksur u mal-elementi l-oħra li għandhom x’jaqsmu mal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, foshom il-profitt li l-impriża kkonċernata setgħet tieħu mill-prattiki tagħha, il-fatt li impriża ma tkun ħadet ebda benefiċċju mill-ksur ma jistax jimpedixxi li multa tkun imposta, għax inkella tintilef in-natura dissważiva tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T-52/02, Ġabra p. II-5005, punt 89).

442

Fl-aħħar, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni tista’, skont il-linji gwida tagħha (il-ħames inċiż tal-punt 2) u minħabba ċirkustanzi aggravanti, iżżid is-sanzjoni sabiex taqbeż l-ammont ta’ qligħ illegali miksub minħabba l-ksur, din il-possibilità ma timplikax li l-Kummissjoni għandha għaldaqstant id-dover li tistabbilixxi, f’kull ċirkustanza, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, il-vantaġġ finanzjarju marbut mal-ksur konstatat. Fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ tali vantaġġ ma jistax jiġi meqjus bħala ċirkustanza attenwanti (sentenza SNCZ vs Il-Kummissjoni, punt 441 iktar ’il fuq, punt 91).

443

Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

444

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u dak tal-ekwità meta ddeċidiet li l-miżuri meħuda minnha kien ħaqqhom biss tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu D tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li hija kellha tibbenifika minn tnaqqis ta’ bejn 50 u 75 % tal-ammont tal-multa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima C tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

445

Ir-rikorrenti tqis li hija pprovdiet informazzjoni deċiżiva li fuqha hija bbażata l-pati l-kbira tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti tosserva li, per eżempju, il-Kummissjoni ma kienet tikseb l-ebda informazzjoni dwar il-laqgħa ta’ Londra, il-bażi fattwali tal-bidu tal-ksur, mingħajr l-ammissjoni li għamlet fir-risposta tagħha għat-tieni talba għal informazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li d-domanda tal-Kummissjoni tirrigwarda biss l-iskambju ta’ informazzjoni mwettaq taħt id-direzzjoni tal-P.D.Ġ. tal-erba’ kumpanniji inkwistjoni. Għalhekk, hija setgħet tillimita ruħha sabiex tirrispondi strettament għal din id-domanda. Issa, sadanittant, hija ġiet infurmata mill-ex president u ex P.D.Ġ. tagħha, is-Sur [A], li kienet ġiet organizzata laqgħa fl-1992. Hija għażlet li tikxef l-eżistenza ta’ din il-laqgħa u ta’ dak li kien sar fiha. Għalhekk, din hija ammissjoni ta’ importanza kbira. L-iskambji ta’ informazzjoni fir-Renju Unit u l-avviżi antiċipati ta’ żieda jew tnejn fil-prezzijiet tal-katalogu fir-Renju Unit lanqas ma kienu jkunu magħrufa mingħajr il-kooperazzjoni tagħha. Hija tenfasizza li rrikonoxxiet, fuq bażi totalment volontarja, li kien hemm diskussjonijiet fuq it-tentattiv ta’ tqassim tas-swieq Ġermaniżi f’Versailles, u li ammettiet ukoll, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li iktar diskussjonijiet kienu seħħew fi Brussell fl-aħħar tal-1997 kif ukoll waqt ikla fl-Aja, għalkemm issostni li l-ebda akkordju ma kien ġie konkluż. Ir-rikorrenti tindika li hija rrikonoxxiet ukoll il-parteċipazzjoni tagħha fis-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm xi informazzjoni dwar l-iskambji kienet miġbura fil-kuntest tal-ispezzjoni fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, l-informazzjoni kkomunikata minnha ppermettiet li l-Kummissjoni tifhem dawn l-iskambji aħjar.

446

Għalkemm Knauf ikkonfermat l-eżistenza tal-laqgħa ta’ Londra u l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll, sa ċertu punt, fuq l-provi pprovduti minn Knauf fir-rigward tal-laqgħa msemmija, din l-impriża aġixxiet b’dan il-mod biss għaliex il-laqgħa kienet imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Knauf ma kien ikollha xejn x’tikkonferma li kieku r-rikorrenti ma kixfitx l-eżistenza tal-laqgħa qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Apparti dan, ir-rikorrenti tqis li, wara l-investigazzjonijiet inizjali tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tibda proċedura amministrattiva peress li, minflok din, hija bdiet il-fażi ta’ investigazzjonijiet preliminari billi bagħtet talbiet għall-informazzjoni lill-impriżi kkonċernati. Waħda minn dawn id-domandi, mibgħuta lir-rikorrenti, kienet totalment ibbażata fuq informazzjoni li hija kienet ipprovdiet b’mod volontarju. Konsegwentement, kien biss wara li l-Kummissjoni rċeviet l-informazzjoni tar-rikorrenti li din kienet f’pożizzjoni li tadotta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

447

Ir-rikorrenti tosserva li, mingħajr il-ksur tal-istruzzjonijiet tagħha min-naħa tas-Sur [D], hija kienet tieqaf tipparteċipa fl-attività illegali tmien xhur qabel l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

448

Hija tosserva wkoll li hija ma obbligat lill-ebda impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju, li ma kinitx hi li bdiet l-akkordju u li hija ma kellha l-ebda rwol deċiżiv fl-aġir illegali inkwistjoni.

449

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-Kummissjoni kellha raġun li tagħtiha tnaqqis biss abbażi tat-Taqsima D tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, hija kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi tat lil Gyproc tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 40 % filwaqt li fir-rigward tagħha tat biss tnaqqis ta’ 30 %. Ir-rikorrenti tqis li l-informazzjoni li hija pprovdiet kienet iktar deċiżiva għall-argument tal-Kummissjoni minħabba li l-informazzjoni pprovduta minn Gyproc tirrigwarda b’mod esklużiv il-perijodu ta’ bejn l-1996 u l-1998 u s-suq Ġermaniż. F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-parteċipazzjoni ta’ Gyproc fil-ksur kienet inqas serja minn tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-importanza ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħtija mill-Kummissjoni lil impriża għandu jkun skont il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta, u mhux tal-gravità tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur.

450

Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni ma tistax tittrattaha b’mod differenti minn Gyproc billi tgħid li Gyproc ma kkontestatx l-eżistenza tal-fatti jew il-kwalifikazzjoni tagħhom bħala ksur. Hija tenfasizza li l-oġġezzjonijiet tagħha kienu prinċipalment jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni ġabret mill-fatti, iktar milli fuq il-fatti stess.

451

Il-Kummissjoni tqis li l-konklużjonijiet tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni jistgħu biss jiġu annullati jekk ikunu vvizzjati minn żball ta’ fatt jew minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

452

Il-Kummissjoni tosserva li, bl-eċċezzjoni tal-punti 5, 6 u 9 tat-tabella ppreżentata fil-paġni 151 sa 154 tar-rikors, l-informazzjoni li tirreferi għaliha r-rikorrenti ġiet ipprovduta kemm bħala risposta għal talba għall-informazzjoni, kif ukoll ikkomunikata oralment wara domandi magħmula waqt l-investigazzjonijiet. Il-Kummissjoni tqis li hija awtorizzata li ma tiħux din it-tip ta’ informazzjoni inkunsiderazzjoni meta tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża. Hija ssostni li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-risposti kienu dettaljati ħafna u xi kultant kienu jmorru oltre dak li kien neċessarju sabiex tingħata risposta kompluta.

453

Fir-rigward tal-informazzjoni kkomunikata b’mod volontarju, il-Kummissjoni ssostni li f’dak li jirrigwarda l-punt 6 tat-tabella, hija kienet diġà fil-pussess tal-informazzjoni msemmija fil-premessi 201 u 205 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni wkoll li kellha, saħansitra qabel l-ammissjonijiet ta’ BPB biżżejjed, informazzjoni dwar il-punt 9 (u l-punt 10) tat-tabella. Fir-rigward il-punt 5, għalkemm l-informazzjoni kienet utli u għalkemm ħaditha inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina t-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni żżid li kien hemm żewġ rapporti mibgħuta lis-Sur [D] msemmija fil-punt 77 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dawn ir-rapporti kien fihom informazzjoni dettaljata dwar id-dħul mill-bejgħ tal-produtturi l-oħra u setgħet isservi bħala bażi għal investigazzjonijiet oħra fuq il-kwistjoni, għalkemm minnha nnifisha l-informazzjoni msemmija ma kinitx biżżejjed. Għaldaqstant, parti kbira mill-informazzjoni pprovduta minn BPB ma kinitx determinanti.

454

Fir-rigward tal-laqgħa ta’ Londra, il-Kummissjoni ma tiċħadx li din il-laqgħa kienet tikkostitwixxi element importanti tal-ksur, iżda ssostni li, mingħajr l-informazzjoni pprovduta dwar dan is-suġġett, hija kienet minkejja kollox f’pożizzjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu abbażi tal-aġiri antikompetittivi kollha, inklużi l-iskambji ta’ informazzjoni li fir-rigward tagħhom hija kellha provi diretti u attwali. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-laqgħa ta’ Londra kienet ipprovduta b’risposta għal domanda speċifika magħmula fit-tieni talba għal informazzjoni dwar l-oriġini tal-iskambji msemmija, b’tali mod li t-tixrid tagħhom mhuwiex totalment volontarju. Barra minn hekk, it-tieni talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni ma kinitx totalment ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju minn BPB. Fil-fatt, it-tieni parti ta’ din id-domanda kienet tirrigwarda informazzjoni pprovduta oralment mis-Sur [D] wara l-iskoperta ta’ żewġ tabelli li juru fid-dettall il-bejgħ tal-erba’ produtturi Ewropej fl-uffiċċji ta’ BPB fl-ewwel jum tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, fil-25 ta’ Novembru 1998.

455

Konsegwentement, il-Kummissjoni tosserva li l-ebda informazzjoni pprovduta minn BPB ma ġabet il-prova determinanti tal-eżistenza tal-akkordju.

456

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-parteċipazzjoni ta’ Gyproc fil-ksur kienet inqas serja minn dik ta’ BPB. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-elementi li jikkostitwixxu l-akkordju li pparteċipat b’mod attiv fihom, Gyproc ipprovdiet informazzjoni sinjifikanti. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet dwar is-suq Ġermaniż huma bbażati ħafna fuq il-kontribuzzjoni ta’ Gyproc. Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni mogħtija minn din l-impriża kienet valida għad-determinazzjoni tal-eżistenza tal-ksur daqs l-informazzjoni pprovduta minn BPB. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Gyproc tal-1 ta’ Settembru 1999 ma kinitx risposta għal talba għal informazzjoni. Apparti dan, Gyproc qatt ma ċaħdet li dawn l-attivitajiet kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

457

Fl-avviż dwar il-kooperazzjoni tagħha, il-Kummissjoni semmiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju setgħu jkunu eżenti mill-multa jew jibbenifikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kien ikollhom iħallsu (ara t-Taqsima A(3) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni).

458

Hekk kif issemma fit-Taqsima E(3) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, dan ħoloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom l-impriżi li jixtiequ jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni setgħu jkollhom abbażi ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata li, matul l-evalwazzjoni, tikkonforma ruħha mal-avviż fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża, minħabba l-kooperazzjoni tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T-26/02, Ġabra p. II-713, punt 147).

459

B’mod konformi mat-Taqsima B ta’ dan l-avviż, “tibbenefika minn tnaqqis ta’ mhux inqas minn 75 % mill-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, tnaqqis li jista’ jinżel għan-nonimpożizzjoni totali tal-multa”, dik l-impriża li:

“a)

tinforma lill-Kummissjoni dwar akkordju sigriet qabel ma l-Kummissjoni tkun għamlet investigazzjoni, ordnata b’deċiżjoni, tal-impriżi involuti, sakemm ma jkollhiex informazzjoni suffiċjenti biex tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju li dwaru qed issir allegazzjoni;

b)

hija l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti fuq l-eżistenza tal-akkordju;

ċ)

waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali sa mhux iktar tard mill-mument li fih hija tiddenunzja l-akkordju;

d)

tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti, kif ukoll bid-dokumenti kollha u l-provi li hija għandha fir-rigward tal-akkordju u żżomm kooperazzjoni sħiħa u kontinwa matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni;

e)

ma tkunx ġiegħlet lil impriża oħra biex tipparteċipa fl-akkordju u lanqas ma tkun ġabet ruħha bħala instigatriċi jew kellha rwol determinanti fl-attività illegali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

460

Barra minn hekk, skont it-Taqsima Ċ tal-avviż imsemmi, “l-impriża li, filwaqt li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-inċiżi (b) sa (e) [tat-Taqsima B], tiżvela l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni tkun għamlet investigazzjoni ordnata b’deċiżjoni, fl-uffiċċji tal-partijiet fl-akkordju, investigazzjoni li tonqos milli tipprovdi raġunijiet suffiċjenti biex jinbeda l-proċediment [amministrattiv] li jwassal għal deċiżjoni, tibbenifika minn tnaqqis ta’ bejn 50 u 75 % tal-ammont tal-multa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

461

B’mod prinċipali, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat fil-konfront tagħha t-tnaqqis ta’ bejn 50 u 75 % stabbilit fit-Taqsima Ċ tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni injoratx il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

462

F’dan il-każ, il-kwistjoni rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk it-Taqsima Ċ kinitx tapplika fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti hija dik ta’ jekk l-investigazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni tawhiex bażi biżejjed sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva bil-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

463

Fil-fatt, fil-premessi 593 u 594 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li wara l-investigazzjonijiet, hija kellha biżżejjed informazzjoni sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju rrappurtat u li peress li BPB ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima B(b) tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, hija ma kinitx tħalliet tibbenifika minn tnaqqis kbir tal-multa b’mod konformi mat-Taqsima Ċ tal-imsemmi avviż.

464

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma ssostnix li pprovdiet elementi determinanti fir-rigward tal-manifestazzjonijiet kollha tal-akkordju jew li l-Kummissjoni ma setgħetx turi l-eżistenza tal-akkordju mingħajr l-elementi li tatha. Essenzjalment, hija tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprova l-eżistenza ta’ akkordju uniku u kumpless bil-mod kif għamlet.

465

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk wara l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni kellhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju li ġie finalment issanzjonat.

466

Fir-rigward tal-laqgħa ta’ Londra, BPB ma żvelat l-ebda informazzjoni dwar din il-laqgħa ħlief fir-risposta tagħha għat-tieni talba għal informazzjoni (tal-21 ta’ Settembru 1999) b’risposta għal domanda speċifika: “Jekk jogħġbok indika min issuġġerixxa jew beda l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-P.D.Ġ.”

467

Għaldaqstant, peress li diġà kienet taf bl-eżistenza tal-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi tal-bejgħ fuq l-erba’ swieq ikkonċernati, il-Kummissjoni, abbażi tal-investigazzjonijiet li għamlet f’Novembru 1998, kellha bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva bil-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata.

468

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon (C-301/04 P, Ġabra p. I-5915), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-risposti mogħtija b’mod konformi mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17 ma jikkostitwixxux kooperazzjoni volontarja, iżda l-eżekuzzjoni ta’ obbligu. Hija fakkret li, fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni tista’ tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll minn impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li tista’ tkun taf dwarhom u li tibgħat, jekk meħtieġ, id-dokumenti relatati li hija tippossjedi, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, fir-rigward tagħha jew fir-rigward ta’ impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv (punti 34, 39, 41 u 44).

469

F’dak li jirrigwarda l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi tal-bejgħ fuq l-erba’ swieq ikkonċernati, mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, hekk kif jirriżulta mill-punt 334 tar-rikors, li l-Kummissjoni sabet provi diretti ta’ dawn l-iskambji waqt l-investigazzjonijiet li għamlet f’Novembru 1998.

470

Fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi u l-ishma tas-suq tar-Renju Unit, il-Kummissjoni ssostni li żewġ rapporti mibgħuta lis-Sur [D], imsemmija fil-punt 77 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kien fihom informazzjoni dettaljata fuq id-dħul mill-bejgħ tal-produtturi l-oħra u setgħu jservu bħala bażi għal investigazzjonijiet oħra dwar il-kwistjoni, għalkemm l-informazzjoni msemmija ma kinitx biżżejjed minnha nnifisha.

471

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dokumenti msemmija fil-punt 77 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma r-rapporti tas-Sur [M], direttur ġenerali ta’ BG qabel is-Sur [N], fuq l-iżviluppi tas-suq tar-Renju Unit mibgħuta lis-Sur [D]. Għalhekk, dawn id-dokumenti interni ma jurux li l-informazzjoni inkwistjoni kienu mxerda lil persuni esterni minn BPB. Issa, fin-nota tagħha tas-17 ta’ Marzu 1996 kif ukoll, b’mod iktar dettaljat, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-, BPB ammettiet li kien seħħ skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri fuq il-volumi tal-bejgħ fis-suq tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-bidu tal-1998.

472

F’dak li jirrigwarda l-iskambji ta’ informazzjoni dwar iż-żiediet fil-prezz fis-suq tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tosserva li hija diġà kellha l-informazzjoni esposta fil-premessi 201 u 205 tad-deċiżjoni kkontestata. Hekk kif jirriżulta minn dawn il-premessi, minbarra ż-żewġ memorandums interni ta’ BPB li nstabu waqt l-investigazzjonijiet li jipprovaw biss li ż-żiediet fil-prezz kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet, id-dimostrazzjoni ta’ dan l-element tal-ksur mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-paralleliżmu taż-żiediet fil-prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li fin-nota tagħha tas-17 ta’ Marzu 1996, kif ukoll b’mod iktar dettaljat fid-dikjarazzjoni tagħha tat-, BPB ammettiet, hekk kif jirriżulta mill-premessa 207 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm “okkażjonijiet iżolati” matul liema s-Sur [N] kien ċempel lir-rappreżentanti ta’ Lafarge u ta’ Knauf fir-Renju Unit sabiex jinfurmahom dwar l-intenzjonijiet ta’ BG dwar il-prezz, kif ukoll dwar il-firxa ta’ żiediet previsti, saħħaħ b’mod sinjifikanti r-raġunament tal-Kummissjoni.

473

Fir-rigward tal-laqgħat ta’ Versailles u tal-Aja, ir-rikorrenti ammettiet biss il-parteċipazzjoni tagħha f’dawn il-laqgħat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dak li jirrigwarda l-laqgħa ta’ Brussell, hija ammettiet li pparteċipat fiha biss b’risposta għal domanda espressa tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel talba għal informazzjoni.

474

Fl-aħħar, fir-rigward tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, mill-premessa 271 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet taf bl-eżistenza tagħha abbażi tal-informazzjoni misjuba waqt l-investigazzjonijiet.

475

Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-informazzjoni pprovduta minn BPB, sa fejn din tista’ titqies bħala volontarja fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 468 iktar ’il fuq, ma tikkostitwixxix element determinanti sabiex tipprova l-eżistenza tal-akkordju u li, fil-fatt, wara dawn l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet tiddisponi minn biżżejjed informazzjoni sabiex tipprova din l-eżistenza.

476

Fid-dawl tal-karattru kumulattiv tal-kundizzjonijiet esposti fl-inċiżi (b) sa (e) tat-Taqsima B tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, kif riprodotti fit-Taqsima Ċ ta’ dan l-avviż, u peress li mill-inqas waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri dik stabbilita fl-inċiż (b) tat-Taqsima B, flimkien mat-Taqsima Ċ tal-avviż imsemmi, mhijiex sodisfatta, mhuwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk BPB kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

477

Isegwi li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball meta ċaħdet lir-rikorrenti l-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha skont t-Taqsima Ċ tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

478

Madankollu, xorta għandu jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk it-tnaqqis mogħti mill-Kummissjoni għall-kooperazzjoni ta’ BPB skont t-Taqsima D tal-avviż dwar il-kooperazzjoni kienx biżżejjed.

479

F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mil-premessi 592 u 596 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jingħad li BPB kienet l-ewwel parteċipant fl-akkordju li kkomunikat, wara talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, iżda b’mod li jaqbeż l-informazzjoni mitluba, elementi kumplimentari għal dawk skoperti matul l-investigazzjonijiet u li jikkonfermaw l-eżistenza tal-akkordju. Il-Kummissjoni tammetti li dawn l-elementi jinkludu informazzjoni dettaljata fuq il-laqgħat inkwistjoni, b’mod partikolari dik ta’ Londra, u fuq l-iskambji ta’ informazzjoni fis-swieq prinċipali Ewropej u b’mod partikolari s-suq tar-Renju Unit.

480

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-evalwazzjoni tat-tieni motiv, huwa ċertament minnu li, mingħajr l-għarfien tal-laqgħa ta’ Londra, il-Kummissjoni setgħet tipprova l-eżistenza tal-akkordju, iżda l-fehma tagħha kienet tkun differenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-informazzjoni pprovduta minn BPB, b’mod partikolari dwar il-laqgħa ta’ Londra, saħħet b’mod sostanzjali l-argument tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ pjan globali u, għalhekk, ippermettiet li jiżdied b’mod sostanzjali l-ammont tal-multi minħabba l-gravità tal-ksur. L-istess raġunament japplika għall-informazzjoni dettaljata li BPB pprovdiet dwar l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi tal-bejgħ u fuq iż-żiediet fil-prezz fis-suq tar-Renju Unit. Din il-konklużjoni hija msaħħa mit-tniżżil abbondanti ta’ provi pprovduti minn BPB fid-deċiżjoni kkontestata.

481

Fl-aħħar, hekk kif jirriżulta mill-punt 2.2.2 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-evalwazzjoni tat-tieni motiv, BPB barra minn hekk irrikonoxxiet il-parti l-kbira tal-fatti li ġew deskritti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta mill-punti 1.1.4, 2.2.2 u 6.2.27 tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mill-evalwazzjoni tat-tieni motiv u mir-risposta għad-domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, BPB ma tikkontestax il-kwalifika ta’ ċerti elementi bħala ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għalhekk, BPB irrikonoxxiet li l-laqgħa ta’ Londra, l-iskambju ta’ data fuq il-volumi tal-bejgħ fuq l-erba’ swieq ikkonċernati u b’mod partikolari fis-suq tar-Renju Unit kif ukoll skambju, darba jew darbtejn, fuq iż-żiediet fil-prezz fis-suq tar-Renju Unit kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE.

482

Fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti għandha tingħata tnaqqis supplimentari ta’ 10 % fuq l-ammont tal-multa tagħha, kif ikkalkolata qabel l-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, li jiżdied mat-30 % diġà mogħti mill-Kummissjoni.

483

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġu evalwati l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-trattament ugwali f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ tnaqqis ta’ 40 % abbażi tal-kooperazzjoni ta’ Gyproc.

5. Fuq it-talba ta’ ordni lill-Kummissjoni sabiex tħallas lura l-ammont tal-multa jew, sussisdjarjament, l-ammont li għalih tiġi mnaqqsa, flimkien mal-imgħaxijiet

L-argumenti tal-partijiet

484

Ir-rikorrenti tosserva li hija diġà ħallset il-multa. Issa, hija tilmenta għall-fatt li r-rata tal-interessi applikabbli fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha tħallasha lura b’mod totali jew parzjali mhuwiex imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tqis li din ir-rata ta’ interessi għandha mill-inqas tkun l-istess bħal dik li kienet tapplika fil-każ li kieku pprovdiet garanzija bankarja, jiġifieri 4.79 %. Madankollu, fuq il-kwistjoni tar-rata ta’ interessi applikabbli, hija tħalli f’idejn il-ġudizzju tal-Qorti tal-Prim’Istanza billi titlobha tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni fil-każ li l-multa tagħha tiġi annullata jew jekk l-ammont tagħha jitnaqqas. Barra minn hekk, hija titlob sabiex l-imgħaxijiet għad-dewmien tal-ħlas jitħallsu b’effett mid-data tal-qari ta’ din is-sentenza sad-data ta’ meta s-somom dovuti mill-Kummissjoni jitħallsu kollha.

485

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma prematuri. Barra minn hekk, it-talba fformulata fil-kuntest tat-tielet kap tal-konklużjonijiet hija inammissibbli, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex tordna din it-tip ta’ miżura.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

486

Kemm-il darba ġie deċiż li, wara sentenza ta’ annullament, li topera ex tunc u għalhekk ikollha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mis-sistema legali, l-Istituzzjoni konvenuta tkun marbuta, skont l-Artikolu 233 KE, li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li jkun diġà eżegwit, jista’ jeżiġi li r-rikorrent jerġa’ jitpoġġa fis-sitwazzjoni li kien jinsab fiha qabel dak l-att (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-48/00, Ġabra p. II-2325, punt 222).

487

Fl-ewwel post fost il-miżuri kkontemplati fl-Artikolu 233 KE, fil-każ ta’ sentenza li tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq xi impriża għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, hemm l-obbligu għall-Kummissjoni li tirrimborsa l-multa kollha jew dik il-parti li tkun tħallset mill-impriża inkwistjoni, sa fejn dan il-ħlas għandu jiġi kkwalifikat bħala ħlas mhux dovut wara d-deċiżjoni ta’ annullament. Dan l-obbligu japplika mhux biss għall-ammont prinċipali tal-multa indebitament imħallsa, imma ukoll għall-interessi moratorji fuq dan l-ammont (sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, punt 486 iktar ’il fuq, punt 223).

488

Isegwi li, jekk l-Kummissjoni ma tagħti l-ebda interessi moratorji fuq l-ammont prinċipali tal-multa rrimborsata wara tali sentenza, il-Kummissjoni tonqos milli tadotta miżura li twassal għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza u għalhekk, tonqos mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 233 KE.

489

Għaldaqstant, it-talba ta’ ordni lill-Kummissjoni sabiex tħallas lura l-ammont tal-multa fl-ammont li għalih tiġi mnaqqsa, flimkien mal-imgħaxijiet, hija ammissibbli.

6. Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

490

Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti indikat li “il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ forsi tikkunsidra li tordna li ssir investigazzjoni, taħt forma ta’ rapport stabbilit minn espert indipendenti, sabiex jiġi stabbilit liema mill-partijiet tevalwa b’mod korrett il-kuntest ekonomiku tal-kawża”.

491

Sa fejn din it-talba għandha tiġi interpretata bħala talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhuwiex neċessarju li din tiġi milqugħa, peress li l-evalwazzjoni tal-kawża weriet in-natura kjarament antikompetittiva tal-akkordju inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

492

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ taqsam l-ispejjeż jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq kap jew iktar.

493

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet biss sa fejn it-tnaqqis li tat għall-kooperazzjoni ta’ BPB ma kinitx suffiċjenti.

494

F’tali sitwazzjoni, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati parti minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u parti minn għaxra mill-ispejjeż ta’ BPB u li BPB tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha kif ukoll disa’ partijiet minn għaxra mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-ammont tal-multa imposta fuq BPB plc mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/471/KE, tas-27 ta’ Novembru 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] kontra BPB plc, Gebrüder Knauf Westdeutsche Gipswerke KG, Société Lafarge SA u Gyproc Benelux NV (Kawża COMP/E-1/37.152 — Folji tal-ġibs) huwa ffissat għal EUR 118,8 miljun.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni hija kkundannata għal parti minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u parti minn għaxra tal-ispejjeż ta’ BPB.

 

4)

BPB għandha tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

 

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Lulju 2008.

E. Coulon

Reġistratur

M. Jaeger

President

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq iżbalji manifesti u/jew fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE

 

Fuq l-istandard tal-prova

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-laqgħa ta’ Londra

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kwantitajiet mibjugħa fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Benelux u fir-Renju Unit

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-iskambji ta’ informazzjoni fuq il-volumi tal-bejgħ fir-Renju Unit

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-iskambji ta’ informazzjoni dwar iż-żiediet fil-prezz fir-Renju Unit għall-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-istabilizzazzjoni tal-ishma fis-suq tal-Ġermanja

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-iskambji ta’ informazzjoni dwar iż-żiediet fil-prezz fil-Ġermanja

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-firxa ġeografika tal-akkordju

 

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ ksur uniku

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

4. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll tal-prinċipji ġenerali fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

 

Fuq in-natura mhux proporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa ddeterminat abbażi tal-gravità tal-ksur

 

Fuq il-gravità tal-ksur

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-impatt konkret tal-ksur fis-suq ikkonċernat

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa skont il-gravità tal-ksur

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq it-tul tal-ksur

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq ir-reċidiva

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-kooperazzjoni

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

5. Fuq it-talba ta’ ordni lill-Kummissjoni sabiex tħallas lura l-ammont tal-multa jew, sussisdjarjament, l-ammont li għalih tiġi mnaqqsa, flimkien mal-imgħaxijiet

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

6. Fuq it-talba ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Haut