EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0522

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-13 ta' Ottubru 2005.
Scania Finance France SA vs Rockinger Spezialfabrik für Anhängerkupplungen GmbH & Co.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht München - il-Ġermanja.
Konvenzjoni ta' Brussell - Għarfien u eżekuzzjoni - Raġunijiet ta' rifjut - Kunċett ta' 'notifika jew trażmissjoni valida' .
Kawża C-522/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:606

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

13 ta' Ottubru 2005 (*)

"Konvenzjoni ta' Brussell – Għarfien u eżekuzzjoni – Raġunijiet ta' rifjut – Kunċett ta' 'notifika jew trażmissjoni valida' "

Fil-kawża C-522/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Ġermanja), bid-deċiżjoni tal-31 ta' Ottubru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Diċembru 2003, fil-proċedura

Scania Finance France SA

vs

Rockinger Spezialfabrik für Anhängerkupplungen GmbH & Co.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P.Jann (Relatur), President ta' l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Scania Finance France SA, minn W. Hildmann, Rechtsanwalt,

–       għar-Rockinger Spezialfabrik für Anhängerkupplungen GmbH & Co., minn A. Vigier, Rechtsanwalt,

–       għar-Repubblika Federali tal-Germanja, minn R. Wagner, bħala aġent,

–       għar-Repubblika Franciża, minn A. Bodard-Hermant u A. L. Hare kif ukoll minn G. de Bergues, bħala aġenti,

–       għar-Repubblika ta' l-Awstrija, minn E. Riedl, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.‑M. Rouchaud-Joët, u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 27(2), tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p.32), hekk kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 et – test immodifikat – p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Konvenzjoni ta' Brussell"), kif ukoll l-Artikolu IV tal-Protokoll anness ma' l-imsemmija Konvenzjoni.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura ta' kawża bejn Scania Finance France SA (iktar 'il quddiem «Scania»), stabbilta f'Angers (Franza), u Rockinger Spezialfabrik für Anhängerkupplungen GmbH & Co (iktar 'il quddiem «Rockinger»), stabbilita fi Munich (il-Ġermanja), dwar l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja ta' sentenza mogħtija mill-Qorti ta' l-Appell ta' Amiens (Franza), li kkundannat lil Rockinger tħallas lil Scania s-somma ta' 615 566,72 FRF.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni ta' Brussell

3       L-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, taħt it-titolu "Ġurisdizzjoni Esklusiva" jipprovdi li:

"Meta konvenut domiċiljat fi Stat Kontraenti wieħed jitħarrek fil-qorti ta' Stat kontraenti ieħor u ma jidhirx quddiemha meta jkun dovut, il-qorti għandha tiddikjara minn jeddha li m'għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma toriġinax mid-dispozizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

Il-qorti għandha twaqqaf il-proċeduri sakemm ma jidhirx li l-konvenut kien kapaċi jirċievi d-dokument li jibda l-proċeduri jew xi dokument ekwivalenti biżżejjed fil-ħin sabiex ikun jista' jagħmel arranġamenti dwar id-difiża tiegħu, jew li jkunu ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dan l-iskop.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta' qabel dan għandhom jiġu sostitwiti b'dawk ta' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' l-Aja tal-15 ta' Novembru ta' l-1965 fuq in-notifika barra mill-pajjiż ta' kull dokument ġudizzjarju jew estraġudizzjarju f'affarijiet ċivili jew kummerċjali, jekk id-dokument li jkun jibda l-proċeduri jew avviż dwar dan kellu jiġi trasmess barra mill-pajjiż skond dik il-Konvenzjoni."

4       Skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jaqa' taħt it-titolu III, intitolat "Għarfien u Infurzar", tagħha:

"Sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti għandu jkollha għarfien fl-Istati Kontraenti l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali."

5       L-Artikolu 27(2), ta' l-imsemmija Konvenzjoni madankollu jipprevedi li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Kontraenti ma jiġux rikonoxxuti mill-Istati Kontraenti l-oħra "jekk il-konvenut ma jkunx ġie debitament notifikat bid-dokument li jkun beda l-proċeduri jew b'xi dokument ekwivalenti fi żmien biżżejjed sabiex huwa jkun jista' jħejji d-difiża tiegħu."

6       L-Artikolu IV tal-Protokoll, anness mal-Konvenzjoni ta' Brussell, li, skond l-Artikolu 65 ta' din ta' l-aħħar, jiffurmaw parti integrali minnu (iktar 'il quddiem "il-Protokoll") jipprovdi li:

"Dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji abbozzati fi Stat Kontraenti wieħed li jkollhom jiġu notifikati lil persuni fi Stat Kontraenti ieħor għandhom jintbagħtu skond il-proċeduri stipulati f'kull konvenzjoni u ftehim konklużi bejn l-Istati Kontraenti.

Kemm-il darba l-Istat fejn ikollha ssir in-notifika ma joġġezzjonax permezz ta' dikjarazzjoni lis-segretarju ġenerali tal-Kunsill tal-Kommunitajiet Ewropej, dawk id-dokumenti jistgħu wkoll jintbagħtu mill-uffiċjali pubbliċi idojeni ta' l-Istat fejn ikun ġie abbozzat id-dokument direttament lill-uffiċċjali pubbliċi idoneji ta' l-Istat fejn il-persuna indirizzata tkun tista' tinsab. F'dan il-każ l-uffiċjal ta' l-ewwel Stat għandu jibgħat kopja tad-dokument lill-uffiċjal ta' l-Istat fejn issir l-applikazzjoni dwar min ikun kompetenti li jwassalha lill-persuna indirizzata. Id-dokument għandu jintbagħat bil-mod kif speċifikat bil-liġi ta' l-Istat fejn issir l-applikazzjoni. Dan it-twassil għandu jiġi reġistrat b'ċertifikat li jintbagħat direttament lill-uffiċjal ta' l-ewwel Stat.[Traduzzjoni mhux uffiċjali]"

 Il-Konvenzjoni ta' l-Aja dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti ġudizzjarji u Ekstraġudizzjarji f'Affarijiet Ċivili jew Kummerċjali tal-15 ta' Novembru 1965 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' l-Aja")

7       Skond l-ewwel Artikolu tagħha, il-Konvenzjoni ta' l-Aja hija applikabbli, f'materji b'kuntest ċivili u kummerċjali, f'kull każ fejn att ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju għandu jiġi trażmess barra mill-pajjiż għan-notifika.

8       L-Artikolu 15 ta' l-imsemmija Konvenzjoni jipprovdi li:

"Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti għandu jiġi trażmess lejn pajjiż barrani għat-trażmissjoni jew għan-notifika, taħt id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni preżenti, u l-konvenut jkun kontumaċi, ma tittiħidx deċiżjoni qabel ma jiġi stabbilit li :

a)      id-dokument ġie nnotifikat bil-metodu preskritt mil-liġi nazzjonali ta' l-Istat destinatarju tat-talba għat-trażmissjoni jew in-notifika tad-dokumenti f'azzjonijiet domestiċi lill-persuni li qegħdin fit-territorju tiegħu, jew

b)      id-dokument intbagħat lill-konvenut jew fir-residenza tiegħu b'xi metodu ieħor imsemmi f'din il-Konvenzjoni, jew

li ukoll, f'kull waħda minn dawn il-każijiet in-notifika jew it-trażmissjoni saru fi żmien suffiċjenti għal konvenut sabiex jiprepara d-difiża tiegħu. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]"

 Il-Leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Taħt il-liġi franċiża, bis-saħħa ta' l-Artikolu 684 tal-Kodiċi Ċivili l-ġdid tal-Proċedura, in-notifika ta' att iddestinat għal persuna domiċiljata barra mill-pajjiż issir mill-prosekutur. Skond l-Artikolu 685 ta' dan il-Kodiċi, dan isseħħ, permezz ta' kunsinna, minn Marixxall tal-Ġustizzja, ta' żewġ kopji ta' l-att lill-prosekutur. Dan ta' l-aħħar jiffirma l-oriġinal u jgħaddi l-kopji ta' l-att lill-Ministru tal-Ġustizzja sabiex jiġu trażmessi. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 686 ta' l-imsemmi Kodiċi, il-Marixall tal-Qorti jrid, fl-istess ġurnata jew, aktar tard, fl-ewwel ġurnata ta' xogħol, jibgħat lid-destinatarju bil-posta rreġistrata kopja awtentikata ta' l-att notifikat. Skond l-Artikolu 683 ta' l-istess kodiċi, dawn id-dispożizzjonijiet huma bla ħsara għall-applikazzjoni tat-Trattati li jiprevedu forma oħra ta' notifika.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10     Scania ressqet lil Rockinger quddiem it-Tribunal tal-kummerċ ta' Amiens. In-notifika ta' l-att li jibda l-proċeduri seħħ permezz tal-kunsinna mill-prosekutur tar-Repubblika.

11     Marixxall tal-ġustizzja Ġermaniż ġie inkarigat sabiex jittrażmetti dan l-att li jibda l-proċeduri lir-Rockinger. Dan oppona n-notifika għar-raġuni, b'mod partikulari, li l-imsemmi att ma kienx tradott bil-Ġermaniż. Wara, Rockinger irċieva dan l-istess att bil-posta, iżda għal darb'oħra dan l-att ma kellux traduzzjoni.

12     Bis-sentenza tat-8 ta' Settembru 2000, il-Qorti ta' l-Appell ta' Amiens ikkundannat lil Rockinger, li kien kontumaċi, sabiex iħallas lil Scania s-somma ta' 615 566, 72 FRF.

13     Fuq rikors ta' Scania, il-Landgericht München I, permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta' April 2002, awtorizzat l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell ta' Amiens. Fl-Appell imressaq minn Rockinger, l-Oberlandesgericht München iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 27(2), tal-Konvenzjoni [ta' Brussell] u l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll […] għandhom jinqraw fis-sens li n-notifika ta' att ġudizzjarju, lil konvenut domiċiljat fit-territorju ta' Stat Kontraenti ieħor differenti minn dak li fih għandu dritt li jinstema' fil-mument tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' l-istanza, tista' ssir biss skond ir-regoli u l-konvenzjonijiet jew ftehim konklużi bejn l-Istati kontraenti?

2)      Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 12 KE għandu jinqara fis-sens li jinvalida regolament nazzjonali li jikkunsidra notifika fittizja interna bħala n-notifika ta' att ġudizzjarju lill-konvenut domiċiljat fi Stat Membru ieħor fid-data tan-notifika, safejn il-Marixxall li jeżerċita' taħt l-awtorità tat-Tribunal jittrażmetti l-att introduttiv tal-proċedura lill-prosekutur tar-Repubblika, bl-inkarigu li jittrażmetti dawn l-atti permezz tal-proċeduri diplomatiċi jew permezz tal-proċeduri previsti fil-Konvenzjonijiet internazzjonali, u l-Marixxall jinforma lill-parti barranija permezz ta' ittra rreġistrata bin-notifika?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Dwar l-ewwel domanda preliminari

14     Bl-ewwel domanda, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-Artikolu 27(2), tal-Konvenzjoni ta' Brussell u l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu IV, tal-Protokoll għandhomx jiġu interpretati fis-sens, li peress li l-Konvenzjoni internazzjonali hija applikabbli f'dan il-kuntest bejn l-Istat ta' l-oriġini u l-Istat mitlub, in-notifika ta' l-att li jibda l-proċedura kontra konvenut kontumaċi għandhiex tiġi esklużivament effettwata skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, jew tistax tiġi wkoll effettwata skond ir-regoli nazzjonali fis-seħħ fl-Istat ta' l-oriġini, fl-ipoteżi fejn l-applikazzjoni tagħha ma ġietx eskluża mill-imsemmija Konvenzjoni.

15     Preliminarjament, għandu jitfakkar li, anki jekk l-għan tal-Konvenzjoni ta' Brussell huwa, kif jidher mill-preamboli tagħha, li tiġi assigurata s-semplifikazzjoni tal-formalitajiet li jirrigwardaw l-għarfien u l-infurzar reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, dan l-għan ma għandux jintlaħaq jekk b'xi mod id-drittijiet tad-difiża jiġu mdgħajfa (sentenzi tal-11 ta' Ġunju 1985, Debaecker u Plouvier, 49/84, Ġabra p. 1779, punt 10; tat-3 ta' Lulju 1990, Lancray, C‑3 05/88, Ġabra p. I-2725, punt 21, u tat-28 ta' Marzu 2000, Krombach, C‑7/98, Ġabra p. I-1935, punt 43).

16     F'din il-perspettiva, l-Artikolu 27(2), tal-Konvenzjoni ta' Brussell jassigura li deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta jew infurzata skond ir-regoli ta' din il-Konvenzjoni jekk il-konvenut ma kellux il-possibbiltà li jiddefendi lilu innifsu quddiem il-qorti mnejn toriġina l-istanza (sentenza tas-16 ta' Ġunju 1981, Klomps, 166/80, Ġabra p. 1593, punt 9).

17     F'dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 27(2) jipprevedi li deċiżjonijiet meħuda minn Stat kontraenti ieħor ma jiġux rikonoxxuti jekk l-att introduttiv ta' l-istanza ma jiġix innotifikat lill-konvenut kontumaċi "b'mod validu" u "fi żmien suffiċjenti".

18     Il-Konvenzjoni ta' Brussell ma tarmonizzax is-sistemi differenti ta' notifika ta' l-atti ġudizzjarji barra mill-pajjiż li jkunu fis-seħħ fl-Istati Kontraenti (sentenzi tal-15 ta' Lulju 1982, Pendy Plastic, 228/81, Ġabra p. 2723, punt 13, u Lancray, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28). Madankollu, l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll jistipula li l-atti ġudizzjarji abbozzati fi Stat Kontraenti li jridu jiġu nnotifikati fi Stat Kontraenti ieħor għandhom jinbagħtu skond il-proċeduri stipulati mill-konvenzjonijiet konklużi bejn dawn l-Istati Kontraenti.

19     Jidher mill-kliem ta' din id-dispożizzjoni li, fl-ipoteżi fejn, bejn l-Istat ta' l-oriġini u l-Istat mitlub, teżisti Konvenzjoni relattiva għan-notifika ta' atti ġudizzjarji, il-validità tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' istanza għandha tiġi rregolata skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

20     Scania kif ukoll il-Gvern Ġermaniż stqarru li l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi wkoll għall-metodi kollha ta' notifika previsti mill-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati kkonċernati, peress li l-użu tagħhom mhux eskluż mill-konvenzjonijiet konklużi bejn dawn l-Istati.

21     Interpretazzjoni bħal din ma tistax tiġi milqugħa.

22     Fil-fatt, l-Artikolu IV tal-Protokoll jipprevedi, f'dawn iż-żewġ inċiżi, żewġ metodi ta' trażmissjoni ta' l-atti, l-ewwel wieħed skond il-metodi previsti mill-Konvenzjonijiet konklużi bejn l-Istati kontraenti, it-tieni, fin-nuqqas ta' oppożizzjoni uffiċjali mill-Istat destinatarju, direttament bejn uffiċjali ministerjali. It-termini "jistgħu wkoll", użati fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll, jindika b'mod ċar li dawn iż-żewġ possibbiltajiet ta' trażmissjoni huma eżawrjenti fis-sens li huwa biss meta l-ebda waħda minn dawn il-possibbiltajiet ma jiġu użati li t-trażmissjoni tista' tiġi operata skond il-liġi applikabbli quddiem il-qorti ta' l-Istat ta' oriġini.

23     In-natura eżawrjenti tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll hija kkonfermata mill-fatt li, sabiex tiggarantixxi lill-konvenut kontumaċi protezzjoni effettiva tad-drittijiet tiegħu, il-Konvenzjoni ta' Brussell tikkonferixxi s-setgħa ta' verifika tal-validità tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' l-istanza mhux biss fl-istadju ta' l-għarfien u ta' infurzar, lill-qorti ta' l-Istat mitlub, imma wkoll, fl-istadju ta' l-eżami tal-kompetenza, lill-qorti ta' l-Istat ta' oriġini, li tiġi mitluba, bis-saħħa ta' l-Artikolu 20 ta' l-imsemmija Konvenzjoni, tipproċedi għal din il-verifika (sentenza Pendy Plastic, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13 u Lancray, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28).

24     Għal dan il-għan, l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Brussell jiprevedi, fit-tieni inċiż tiegħu, li meta l-konvenut domiċiljat fit-territoju ta' Stat Kontraenti jitressaq quddiem il-qorti ta' Stat ieħor kontraenti u dan ma jippreżentax ruħu, il-qorti hija obbligata li ma tagħtix deċizjoni sakemm jiġi stabbilit li l-konvenut ġie nnotifikat bl-att introduttiv fi żmien suffiċjenti sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. Bis-saħħa tat-tielet inċiż ta' l-imsemmi Artikolu 20, dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jiġu ssostitwiti bid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' l-Aja jekk l-att introduttiv ikollu jiġi trażmess skond din il-Konvenzjoni.

25     L-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' l-Aja jindika bl-istess mod tat-tieni inċiż ta' l-Artikou 20, tal-Konvenzjoni ta' Brussell, imma b'regoli aktar dettaljati u aktar preċiżi, taħt liema kundizzjonijiet l-att introduttiv jista' jiġi kkunsidrat li huwa ġie nnotifikat lill-konvenut li jkun domiċiljat barra mill-pajjiż u li ma jidhirx quddiem il-Qorti (sentenza Pendy Plastic, iċċitata iktar 'il fuq, punt 12).

26     Kif sostniet il-Kummissjoni, peress li s-sistema li waqqfet il-Konvenzjoni tipprevedi li kemm il-qorti ta' l-Istat ta' oriġini kif ukoll il-qorti ta' l-Istat mitlub jivverifikaw il-validità tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' l-istanza, it-tmexxija ta' din is-sistema titlob li din il-verifika sseħħ, safejn hu possibbli, fil-kuntest ta' l-istess ordni ġuridiku. Jekk ma jkunx sar użu mill-possibbiltà pprovduta fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll u jekk il-Konvenzjoni ta' l-Aja hija applikabbli, fir-relazzjonijiet bejn l-Istat ta' oriġini u l-Istat mitlub, huwa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 biss ta' din ta' l-aħħar, li għaliha jirreferi t-tielet inċiż ta' l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li għandha tiġi vverifikata, mill-qorti ta' l-Istat ta' oriġini kif ukoll mill-qorti ta' l-Istat mitlub, il-validità tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' l-istanza.

27     Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li r-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu t-tnejn li huma, fid-data tan-notifika kkonċernata, partijiet tal-Konvenzjoni ta' l-Aja.

28     Isegwi li, sabiex in-notifika tista' tiġi kkunsidrata valida skond l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, din trid issir in skond ir-regoli tal-Konvenzjoni ta' l-Aja.

29     Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, għall-fini ta' l-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija mill-Istat ta' oriġini, jekk id-dispozizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 ta' din l-aħħar Konvenzjoni ġewx irrispettati fil-proċedura quddiem il-qorti ta' oriġini fir-rigward tan-notifika lill-konvenut ta' l-att introduttiv ta' l-istanza (sentenza Pendy Plastic, iċċitata aktar 'il fuq, punti 13 u 14).

30     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li hemm lok li ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell u l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn Konvenzjoni internazzjonali hija applikabbli bejn l-Istat ta' oriġini u l-Istat mitlub, il-validità tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' l-istanza lill-konvenut kontumaċi jrid jiġi vverifikat skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, taħt riserva ta' rikors għall-metodu ta' trażmissjoni permezz ta' kunsinna diretta bejn uffiċjali ministerjali, fin-nuqqas ta' oppożizzjoni uffiċjali mill-Istat mitlub, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

31     Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li tingħata tweġiba għat-tieni domanda.

 Dwar l-ispejjeż

32     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

l-Artikolu 27(2), tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, kif emendat bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika u bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Iżvezja, kif ukoll l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ fejn Konvenzjoni internazzjonali hija applikabbli bejn l-Istat ta' oriġini u l-Istat mitlub, il-validità tan-notifika ta' l-att introduttiv ta' l-istanza lill-konvenut kontumaċi jrid jiġi vverifikat skond id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, taħt riserva ta' rikors għall-metodu ta' trażmissjoni permezz ta' kunsinna diretta bejn uffiċjali ministerjali, fin-nuqqas ta' oppożizzjoni uffiċjali mill-Istat mitlub, skond it-tieni inċiż ta' l-Artikolu IV tal-Protokoll.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top