Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0472

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' Marzu 2005.
Staatssecretaris van Financiën vs Arthur Andersen & Co. Accountants c.s.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Sitt Direttiva VAT - Artikolu 13, B, a) - Eżenzjoni mit-taxxa ta' servizzi relatati ma' tranżazzjonijiet ta' assigurazzjoni maghmula minn medjaturi u minn intermedjari ta' assigurazzjoni - Assigurazzjoni fuq il-ħajja - Attività ta' 'back office'.
Kawża C-472/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:135

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

3 ta' Marzu 2005 (*)

"Sitt Direttiva VAT – Artikolu 13, B, a) – Eżenzjoni mit-taxxa ta’ servizzi relatati ma' tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni maghmula minn medjaturi u minn intermedjari ta’ assigurazzjoni – Assigurazzjoni fuq il-ħajja – Attività ta’ 'back office'"

Fil-kawża C-472/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2003, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Arthur Andersen & Co. Accountants c.s.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Lenaerts (Relatur), N. Colneric, K. Schiemann u E. Juhász, Imħallfin

Avukat Ġenerali: Poiares Maduro,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura miktuba u wara s-seduta tal-11 ta’ Novembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

għal Arthur Andersen & Co. Accountants c.s., minn R. Vos u P. J. B. G. Schrijver, advocaten;

għall-Gvern Olandiz, minn H. G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. R. Loyal u A. Weimar, kif ukoll minn L. Ström-van Lier, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 13, B, a), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, 77/388/KE, rigward l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-istati Membri rigward it-taxxa fuq il-qliegħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: stima uniformi (GU L 145, paġna 1, iktar ‘il quddiem is-"Sitt Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ppreżentata fil-kuntest ta' kontroversja li qamet mir-rifjut tas- Staatssecretaris van Financiën (is-Segretarju ta' l-istat Olandiz ghall-finanzi) li jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar il-quddiem il-"VAT") l-attività ta' "back office" mwettqa mis-socjetà Arthur Andersen & Co. Accountants c.s. (iktar ‘il quddiem il-"konvenuta") fis-settur ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, jitqies li huwa suġġett passiv kull min jeżerċita b’mod indipendenti u fi kwalunkwe post waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, indipendentement mill-iskop u mir-riżultati ta’ l-imsemmija attività.

4       Il-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu jgħid li l-frażi "b’mod indipendenti" fil-paragrafu 1 teżenta mit-taxxa lill-ħaddiema dipendenti u persuni oħra jekk ikunu marbutin ma’ l-imgħallem tagħhom b’kuntratt ta’ xogħol subordinat jew inkella bi kwalunkwe relazzjoni ġuridika oħra li tintroduċi rabta ta' dipendenza fir-relazzjonijiet tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u remunerazzjoni bħala responsabbilità ta’ l-imgħallem.

5       L-Artikolu 13, B, tas-Sitt Direttiva jgħid hekk:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet komunitarji oħra, l-Istati Membri jeżentaw, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnhom biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ l-eżenzjoni maħsuba fil-viċin u biex jipprevjenu kwalunkwe frodi, evażjoni u abbuż:

a)      l-operazzjonijiet [tranżazzjonijiet] ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inklużi s-self ta’ servizzi relattivi għall-istess operazzjonijiet, magħmula minn medjaturi u minn intermedjarji ta’ assigurazzjoni;

(…) ".

6       L-Artikolu 2 tad-direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1976, 77/92/KE, rigward miżuri magħmula sabiex jiffaċilitaw eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tas-self tas-servizzi għall-attività ta’ aġent u ta’ medjatur ta’ assigurazzjonijiet (ex Grupp 630 CITI) u li jinkludi b'mod partikolari miżuri tranżitorji għal din l-attività (GU 1997, L 26, p. 14), fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti, kien jiddisponi hekk:

"1.    Il-preżenti direttiva tapplika għas-segwenti attivita’, basta jiddaħħlu fil-grupp eż 630 CITI ta’ l-anness III tal-programm ġenerali għall-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta' l-istabbiliment:

a)      l-attività professjonali ta’ dawk li jkunu flimkien ma’ partijiet u soċjetà ta’ assigurazzjoni jew ta’ riassigurazzjoni mingħajr ma jintrabtu fl-għażla minn dawn, skond il-kopertura tar-riskju ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni , jippreparaw l-istuplazzjoni tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni u eventwalment jikkollaboraw għat-tħaddim u l-eżekuzzjoni tagħhom, partikolarment f’każ estrem;

b)      l-attività professjonali ta’ dawk li għandhom ir-rwol, b’konsegwenza ta’ wieħed jew iktar kuntratti jew mandati, li jippreżentaw, jipproponu jew jippreparaw jew jikkonkludu kuntratti ta’ assigurazzjoni jew li jikkollaboraw għat-tħaddim u eżekuzzjoni tagħhom, partikolarment f’każ estrem, għan-nom u fl-interess, jew inkella fl-interess ta’ waħda jew iktar soċjetà ta’ assigurazzjoni;

(…)

2.      Huma partikolarment kontemplati mid-direttiva preżenti l-attività magħmula taħt is-segwenti denominazjoni użati fl-Istati Membri:

(…)

b)      għar-rigward l-attività skond paragrafu 1, ittra b):

(…)

-      l-Olanda:

-      Gevolmachtigd agent;

-      Verzekeringsagent

(…) "

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 11 tal-Wet op de omzetbelasting 1968 (il-liġi ta' l-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul) jgħid hekk:

"1. Huma eżentati mit-taxxa skond il-kundizzjonijiet stabbiliti b’miżura ġenerali ta' amministrazzjoni:

[…]

k) l-assigurazzjoni u l-provvista ta’ servizzi mogħtija minn intermedjarji ta’ assigurazzjoni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawza u d-domanda preliminari

8       Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-konvenuta, stabbilita f’Rotterdam (l-Olanda), kienet kumpannija skond il-liġi Olandiza msejħa Andersen Consulting Management Consultants (iktar ‘il quddiem "ACMC").

9       Fis-26 ta’ Mejju 1997 ir-Royal Nederland Verzekeringsgroep NV, Universal Leven NV (iktar ‘il quddiem "UL"), kumpannija li taġixxi fis-suq ta' l-assigurazzjoni fuq il-ħajja minn intermedjarji assigurattivi, u l-ACMC ikkonkludew kuntratt ta’ kollaborazzjoni li jipprevedi l-eżekuzzjoni minn din ta’ l-aħħar f'isem UL ta’ varji attivitajiet ikkwalifikati, fil-kuntratt, bħala attivita’ ta’ "back office". ACMC fdat l-eżekuzzjoni ta’ din l-attività lid-divizjoni tagħha, Accenture Insurance Services (iktar ‘il quddiem "AIS"), ibbażata fl-istess bini ta’ UL.

10     Fid-digrieti tar-rinviju, l-attivitjiet ta’ "back office" huma ddefiniti hekk: aċċettazzjoni ta' talbiet ta’ assigurazzjoni, trattament tal-modifiki kontrattwali u tariffarji, ħruġ, amministazzjoni u kanċellazzjoni tal-poloz, amministrazzjoni ta' l-inċidenti, iffissar u ħlas tal-kommissjonijiet lill-intermedjarji assigurattivi, organizzazzjoni u amministrazzjoni tat-teknologija ta' l-informazzjoni, trażmissjoni ta’ informazzjoni lil UL u lill-intermedjarji assigurattivi, elaborazzjoni tar-rapporti intiżi għall-persuni assigurati u għall-terzi, bħal Fiscale Inlichtingten – en Opsoringsdienst (id-dipartiment fiskali ta' verifika u spezzjoni). Fil-każ li mill-informazzjoni mogħtija minn persuna li titlob polza ta’ assigurazzjoni jirriżulta l-ħtiega ta’ eżami mediku, id-deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ riskju taqa' fuq UL, filwaqt li, fil-każ kuntrarju, din id-deċiżjoni taqa' fuq ACMC u torbot lil UL. AIS hija inkarigata mill-kważi totalità tal-kuntratti ma’ l-intermedjari assigurattivi.

11     UL għandha 2.9 impjegati b'ġin sħiħ (full-time) (iktar ‘il quddiem "ETP"), filwaqt li AIS iddedikat 17-il ETP għall-attivitajiet ta’ "back office". L-impjegati ta’ AIS huma mħarrġa fuq l-assigurazzjoni tal-ħajja.

12     Il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni jipprevedi t-twaqqif ta’ żewġ kumitati, ir-"Review Committee" u l-"Operating Committee", komposti minn rappreżentanti ta’ UL u ACMC u inkarigati li jevalwaw il-kooperazzjoni bejn UL u AIS, li jassiguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kollaborazzjoni, li jippjanaw l-attività tal-"back office", li jiddiskutu żviluppi fl-assigurazzjoni u l-impatt tagħhom fuq dawn l-attivitajiet, kif ukoll isolvu kontroversji eventwali relattivi għall-istess kuntratt. Huwa jipprevedi n-nomina ta’ "Service manager" u ta’ "Operational manager", inkarigati li jassiguraw koordinazzjoni ta’ kuljum bejn UL u AIS sabiex jiggarantixxu l-effettività ta' l-attivitajiet tal-"back office". Fil-kuntratt hemm klawżola ta' esklużività li tipprojbixxi lil ACMC milli teżerċita għal terzi attivitajiet ta’ "back office" ugwali għal dawk eżerċitati favur UL. Għal dawn l-attivitajiet ta’ "back office", il-kuntratt jipprevedi remunerazzjoni kkalkulata skond il-baġit ta’ l-assigurazzjoni u d-dħul tal-premji (premiums) kif ukoll remunerazzjoni minima.

13     Fid-dikjarazzjoni relattiva għax-xahar ta’ Settembru 1998, il-konvenuta ddikjarat li ħallset is-somma ta’ 10000 NLG bħala taxxa fuq id-dħul. Din is-somma tikkorrispondi għat-total li jirriżulta mid-differenza bejn, minn naħa l-waħda, it-taxxa fuq il-dħul ikkalkulat fuq ir-remunerazzjoni li ġiet iffatturata lil UL għall-attivitjiet ta' "back office" eżerċitati matul dan il-perijodu u, minn naħa l-oħra, it-taxxa fuq id-dħul wara li tkun sar it-tnaqqis.

14     Peress li qieset li l-attivitajiet ta’ "back office" eżerċitati għal UL kienu eżenti mit-taxxa fuq id-dħul, il-konvenuta talbet lill-ispettur kompetenti r-rimbors tat-taxxa ta’ 10000 NLG, li ġiet miċħuda. Hija appellat minn din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage (l-Olanda), li laqgħet it-talba tagħha b’sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2001. Din il-Qorti rriteniet li, bil-kollaborazzjoni tagħhom, UL u ACMC riedu jqegħdu in komuni l-esperjenza ta’ xulxin sabiex jilħqu l-istess għan, jiġifieri l-isfruttament konġunt ta’ soċjetà ta’ assigurazzjoni. B’dan il-mod, skond l-imsemmija Qorti, l-attività mwettqa minn ACMC għal UL ma setgħatx tiġi titqies bħala provvista ta' servizzi ekonomiċi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul.

15     Is-Segretrarju ta’ l-Istat Olandiż tal-Finanzi ppreżenta appell quddiem il-kassazzjoni kontra s-sentenza ta’ Gerechtshof te’s-Gravenhage quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden. Il-konvenuta ppreżentat appell inċidentali.

16     Il-Hoge Raad der Nederlanden iqis li l-attivitajiet li jirreferi għalihom ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-VAT in kwantu huma tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni. Jirriżulta għal dan l-iskop, minn naħa waħda, li mid-dokumenti mgħoddija għall-atti kif ukoll mill-aċċertamenti tal-Gerechtshof te’s-Gravenhage li UL tassumi waħeda r-riskji kollha inerenti għall-prattika ta' l-attività ta’ assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma sottoskritti f’isem UL u mhux f’isem ACMC.

17     Minn naħa l-oħra, huwa jistaqsi fuq il-kunċett ta’ "provvista ta’ servizzi mwettqa minn intermedjarju assigurattiv" fis-sens ta’ l-Artikolu 13, B, a) tas-Sitt Direttiva. Huwa jirrileva, ċertament, li ċerti elementi karatteristiċi ta’ dan il-kunċett, bħal ma hija n-neċessità ta’ relazzjoni diretta bejn is-suġġett passiv u l-persuni assigurati, huma nieqsa fil-każ preżenti. Iżid jgħid, madankollu, li l-attivitajiet ikkonċernati jikkostitwixxu servizzi relattivi għal tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni li fl-ambitu tagħhom ACMC tintervjeni ħafna drabi bħala intermedjarja. Fl-opinjoni tiegħu, ACMC tintervjeni, l-ewwel nett, bejn l-intermedjarji assigurattivi u UL fir-rigward ta' talbiet ta’ assigurazzjoni li jkunu ġew trażmessi minnhom u biex tiffinalizzahom ħafna drabi f’isem UL, suċċessivament, bejn din ta’ l-aħħar u l-persuni assigurati filwaqt li tintervjeni f’isem UL fil-konfront ta’ l-imsemmija persuni meta l-kuntratt ikun pendenti u fil-każ ta’ kanċellazzjoni tiegħu.

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden ddeċida li jissospendi l-proċediment u li jagħmel lill-Qorti d-domana preliminari segwenti:

"Fil-każ li suġġett passiv taxxabbli jkun ikkonkluda kuntratt ma’ kumpannija ta’ assigurazzjoni (tal-ħajja) bħal dak konkluż bejn ACMC u UL, li jipprevedi, b'mod partikolari, li s-suġġett passiv jeżerċita l-parti l-kbira ta' l-attivitajiet fil-fatt marbuta mat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni - fosthom l-adozzjoni, bħala regola, ta’ deċiżjonijiet li jorbtu l-kumpannija ta’ assigurazzjoni, relattivament għall-konklużjoni ta' kuntratti kif ukoll is-segwitu tal-kuntatti ma’ l-intermedjarji, u jekk ikun il-każ, ma’ l-assigurati -, għal ċertu kumpens u bl-għajnuna ta’ persunal ikkwalifikat u espert fil-kamp assigurattiv, u filwaqt li l-kuntratti ta' assigurazzjoni jkunu konklużi f’isem il-kumpannija ta’ assigurazzjoni u din ta’ l-aħħar tieħu r-riskju, l-attivitajiet imwettqa mill-imsemmi suġġett passiv waqt l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi kuntratt jaqgħu taħt il-kunċett ta’ "provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw (…) tranżazzjonijiet [ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni], effettwati mill-medjaturi u mill-intermedjarji assigurattivi" fis-sens ta’ l-Artikolu 13, parti B, ittra a), tas-Sitt Direttiva?"

19     Il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Jannar 2004 staqsa lill-partijiet jekk huma jqisux li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C-8/01, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), tiġġustifikax l-irtirar tad-domanda preliminari. Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2004, wara li rat r-reazzjonijiet tal-partijiet, hija ħadet id-deċiżjoni li hi għandha żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

20     Għandha, l-ewwel nett, tiġi skartata l-allegazzjoni, li tinsab fl-osservazzjonijiet miktuba tal-konvenuta, li tgħid li ACMC hija marbuta ma' UL permezz ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni tali li teskludi l-attivitajiet in kwistjoni fl-applikazzjoni tal-VAT bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva.

21     Fil-fatt, l-użu f’din id-dispożizzjoni, tal-kunċetti ta’ "impjegat" u ta’ "min iħaddem" jikkonferma li l-eżenzjoni mit-taxxa hemmhekk prevista tippreżupponi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, ħaġa li kienet manifestament nieqsa bejn ACMC u UL.

22     Min-naħa l-oħra, skond kif affermat fid-deċiżjoni tar-rinviju u kif baqa’ mhux ikkontestat mill-konvenuta, ACMC ma għandha l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-persuni assigurati, peress li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma sottoskritti f’isem UL. Huwa għaldaqstant ġustament li l-qorti tar-rinviju tqis li l-attivitajiet ta’ ACMC ma jikkostitwixxux tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 13, B, a) tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Marzu 2001, Skandia, Ġanra. P. I-1951, punti 41 u 43).

23     Konsegwentement, fil-proċediment preżenti, il-Qorti qed tintalab tipprovdi esklużivament interpretazzjoni tal-kunċett ta’ "provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-medjaturi u mill-intermedjarji assigurattivi" fis-sens ta’ l-Artikolu 13, B, a) tas-Sitt Direttiva, u tippreċiża jekk dan il-kunċett, li mhuwiex iddefinit fl-imsemmija direttiva, jikkontemplax l-attivitajiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

24     Hemm bżonn li wieħed ifakkar li t-termini li ntużaw sabiex jinħolqu l-imsemmija eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva, peress li jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT tinġabar mal-provvista ta’ servizzi effettwati bi ħlas minn suġġett passiv (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Skandia, punt 32 u Taksatorringen, punt 36).

25     Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li l-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi fid-dritt komunitarju li jimmiraw li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT ta’ bejn Stat Membru u ieħor u li għandhom ikunu ssostitwiti fil-kuntest ġenerali tas-sistemi komuni tal-VAT (ara s-sentenza Skandia, punt 23, iċċitata iktar 'il fuq).

26     F’dan il-każ, il-konvenuta tenfasizza l-fatt li l-persunal ta' AIS, li lilha ACMC fdat l-attivitajiet in kwistjoni, għandu ħafna esperjenza fis-settur ta’ l-assigurazzjoni tal-ħajja u li l-imsemmija attivitajiet jaqgħu taħt it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni.

27     Madankollu, kif il-konvenuta stess ammettiet waqt is-seduta, dawn iż-żewġ elementi mhumiex suffiċjenti biex jagħmlu lil ACMC intermedjarja fl- assigurazzjoni. Fil-fatt, hemm bżonn ukoll li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet ikkonċernati jikkorrispondux ma’ dawk ta’ tali intermedjarju.

28     Il-konvenuta ssostni li dan huwa l-każ. Iżżid ukoll li ACMC għandha relazzjonijiet kemm ma’ l-assiguratur, UL, kif ukoll mal-persuni assigurati u mal-benefiċjarji ta’ l-assigurazzjoni.

29     Għal din ir-raġuni wieħed għandu jinnota li, skond l-indikazzjonijiet mogħtija fid-digriet tar-rinviju, ACMC hija marbuta, fl-eżerċizzju ta’ l-attività tagħha, minn klawżola ta’ esklużività favur UL (ara l-punt 12 tas-sentenza preżenti). Din għaldaqstant ma għandhiex il-libertà li tagħżel l-assiguratur, karatteristika ta' l-attività professjonali deskritta fl-Artikolu 2, 1, a) tad-direttiva 77/92, u li tikkorrispondi ma’ dik ta’ medjatur fl-assigurazzjoni.

30     Il-konvenuta ssostni li l-attivitajiet ta' ACMC huma identiċi għal dawk tal- "Gevolmachtigd agent" (aġent li jkollu l-mandat) fl-Artikolu 2, 2, b) tad-direttiva 77/92, attivitajiet deskritti fl-istess artikolu, 1, b). Matul is-seduta hija insistiet fuq il-fatt li ACMC, kemm fil-mument tal-firma tal-kuntratt kif ukoll matul l-eżekuzzjoni tiegħu, għandha s-setgħa li torbot lil UL fil-konfront tal-kuntratturi u tal-benefiċjarji ta’ l-assigurazzjoni.

31     F’dan ir-rigward, hemm bzonn li wieħed ifakkar li, ċertament, fl-ambitu tas-Sitt Direttiva, kien ġie deċiż li l-attività professjonali fl-Artikolu 2, 1, b), tad-direttiva 77/92 "timplika s-setgħa li torbot lill-assiguratur fil-konfront ta’ l-assigurat li jkun sofra xi danni" (sentenza Taksatorringen, punt 45, iċċitata iktar 'il fuq).

32     Għaldaqstant, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konlużjonijiet tiegħu, mhuwiex il-każ li wieħed jiddeduċi minn tali ġurisprudenza li l-eżistenza tas-setgħa li jorbot lill-assiguratur huwa l-kriterju li jiddetermina r-rikonoxximent tal-kwalifika ta' intermedjarju ta' l-assigurazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 13, B, a), tas-Sitt Direttiva. Ir-rikonoxximent ta’ din il-kwalifika tippreżupponi, fil-fatt, eżami tal-kontenut ta' l-attivitajiet in kwistjoni.

33     Għal din ir-raġuni, irrispettivament mill-kwistjoni jekk, fl-ambitu ta' l-attività tagħha, ACMC għandhiex kontemporanjament relazzjonijiet ma’ l-assiguratur u mal-kuntratturi, kif mitlub mill-ġurisprudenza għall-fini tar-rikonoxximent tal-kwalifika ta’ intermedjarju fl-assigurazzjoni (ara s-sentenza Tsaksatorringen, punt 44, iċċitata iktar 'il fuq), mill-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju, li huma kkompletati mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti fl-osservazzjonijiet miktuba tal-konvenuta, jirriżulta li l-attivitajiet ta' ACMC jikkonsistu fl-eżami tat-talbiet ta' assigurazzjoni, fl-evalwazzjoni tar-riskji li għandhom ikunu assigurati, fl-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ verifika medika, fid-deċiżjoni dwar jekk jiġix aċċettat ir-riskju fil-każ li tali eżami ma jkunx neċessarju, fil-proċediment għall-ħruġ, ġestjoni u kanċellazzjoni tal-polzi ta’ assigurazzjoni kif ukoll fil-modifiki tat-tariffi u tal-kuntratti, fil-ġbir tal-premji, fil-ġestjoni ta' l-inċidenti, fit-twaqqif u l-ħlas tal-kummissjonijiet ta' l-intermedjarji fl-assigurazzjoni u fit-tkomplija tal-kuntatti ma’ dawn ta’ l-aħħar, fl-arranġamenti magħmula rigward aspetti relattivi għar-riassigurazzjoni u fil-provvista ta’ informazzjoni lill-kuntratturi kif ukoll lill-intermedjarji assigurattivi kif ukoll lil suġġetti oħrajn li huma interessati bħal ma huma l-awtoritajiet fiskali.

34     Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, hemm bżonn li wieħed jaċċerta li, filwaqt li jkun hemm kontribuzzjoni għall-kontenut essenzjali ta’ l-attivitajiet ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, is-servizzi mwettqa minn ACMC lil UL, ma jikkostitwixxux tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni fis-sens ta' l-artikolu 13, B, a) tas-Sitt Direttiva (ara l-punt 22 tas-sentenza preżenti) u lanqas ma jikkostitwixxu provvisti karatteristiċi ta’ intermedjarju fl-assigurazzjoni.

35     L-imsemmija servizzi jippreżentaw fil-fatt speċifiċità, bħal ma hu t-twaqqif u l-ħlas tal-kummissjonijiet ta’ l-intermedjarji assigurattivi, it-tkomplija tal-kuntatti ma’ dawn ta’ l-aħħar, il-ġestjoni ta’ l-aspetti marbuta mar-riassigurazzjoni kif ukoll it-trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-intermedjarji assigurattivi u lill-amminstrazzjoni fiskali, li skond l-evidenza kollha, ma jaqgħux taħt l-attivitajiet ta’ intermedjarju assigurattiv.

36     Barra minn hekk, kif enfasizzat fl-osservazzjonijiet miktuba mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u kif innutat mill-Avukat Ġenerali fil-paragrafu 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, aspetti essenzjali tal-funzjoni ta’ intermedjazzjoni fl-assigurazzjoni, bħal ma huma t-tfittxija u t-twaqqif ta’ relazzjonijiet tal-klijenti ma’ l-assiguratur, huma manifestament nieqsa f'dan il-każ. Fil-fatt, mingħajr ma dan kien ikkontestat mill-konvenuta, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-intervent ta' ACMC jibda biss bit-trattament tat-talbiet ta’ assigurazzjoni li jkunu trażmessi lilha mill-intermedjarji assigurattivi, li permezz tagħhom UL tfittex il-klijentela fis-suq olandiż ta' assigurazzjoni tal-ħajja.

37     Kif sostnut mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u matul is-seduta, il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni konkluż bejn ACMC u UL għandu jiġi analizzat bħala kuntratt ta’ subappalt illi bis-saħħa tiegħu ACMC tpoġġi għad-dispożizzjoni ta' UL riżorsi umani u strumenti amministrattivi li jonqsu fil-każ tagħha u tipprovdilha serje ta’ servizzi sabiex tassistiha fl-iżvolġiment tax-xogħol relattiv għall-attivitajiet tagħha ta’ assiguratur. Għal din ir-raġuni, wara l-qari tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, huwa sinjfikattiv li wieħed jinnota li l-persunal ta' UL huwa ta' 2,9 ETP biss, filwaqt li AIS tiddedika għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta’ "back office" 17-il ETP u li l-persunal ta' AIS u dak ta' UL jużaw l-istess proprjetà.

38     Is-sevizzi pprovduti minn ACMC għal UL għandhom konsegwentement jiġu analizzati bħala forma ta’ kooperazzjoni li tikkonsisti fl-għajnuna lejn UL, bi ħlas, fl-iżvolġiment ta’ attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ din ta’ l-aħħar, mingħajr ma jinżammu relazzjonijiet kuntrattwali ma’ l-assigurati. Dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu smembrament ta’ l-attivitajiet ta' UL u mhux provvista ta’ servizzi effettwati minn intermedjarju fl-assigurazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001, CSC Financial Services, Ġabra. p. I-10237, punt 40).

39     Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13, B, a), tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attivitajiet ta’ "back office" li jikkonsistu fl-għoti ta’ servizzi, bi ħlas, favur intrapriża ta’ assigurazzjoni ma jikkostitwixxux provvista ta’ servizzi relattivi għal tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni effettwati minn medjatur jew intermedjarju assigurattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

40     Peress li l-kawża ghandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 13, B, a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 17 ta’ Mejju 1977, 77/388/KEE, dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri relattivi għat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi imponibbli uniformi (ĠU L 145, paġ. 1), għandu jiġi interpretat fis-sens li attivitajiet ta’ "back office", li jikkonsistu fl-għoti ta’ servizzi, bi ħlas, lil intrapriża ta’ assigurazzjoni ma jikkostitwixxux provvista ta’ servizzi relattivi għal tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni effettwati minn medjatur jew intermedjarju assigurattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top