EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0470

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta' April 2007.
A.G.M.-COS.MET Srl vs Suomen valtio u Tarmo Lehtinen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tampereen käräjäoikeus - il-Finlandja.
Direttiva 98/37/KE- Miżuri ta’ effett ekwivalenti - Makkinarju preżunt konformi mad-Direttiva 98/37/KE - Kritiki espressi pubblikament minn uffiċjal ta' Stat.
Kawża C-470/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:213

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-470/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tampereen käräjäoikeus (Il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Novembru 2003, fil-proċedura

A.G.M.-COS.MET Srl

vs

Suomen valtio,

Tarmo Lehtinen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, J.N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għal A.G.M.-COS.MET Srl, minn P. Kyllönen, asianajaja,

– għal M. Lehtinen, minn S. Kemppinen u K. Harenko, asianajajat,

– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

– għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

– għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE, tat-22 ta’ Ġunju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 207, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) u l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru u ta’ l-uffiċjali tiegħu jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur ta’ dritt Komunitarju.

2. Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn A.G.M.-COS.MET Srl (iktar ’il quddiem “AGM”), kumpannija taħt id-dritt Taljan, kontra Suomen valtio (L-Istat Finlandiż) u kontra s-Sur Lehtinen, uffiċjal tas-sosiaali- ja terveysministeriö (iktar ’il quddiem il-“Ministru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa”), dwar il-ħlas ta’ kumpens għad-danni li AGM issostni li subiet minħabba l-ksur tad-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3. Id-direttiva tiddefinixxi l-ħtiġijiet essenzjali fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fir-rigward tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju u tal-komponenti tas-sigurtà kif ukoll tistabbilixxi r-regoli dettaljati ta’ evalwazzjoni tal-konformità, tad-dikjarazzjoni tal-konformità u ta’ l-immarkar tal-makkinarju.

4. L-Artikolu 2 tad-direttiva jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw illi l-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà koperti b’din id-Direttiva jistgħu jinħarġu fis-suq u jiġu mħaddma biss jekk ma jipperikolawx is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni u, fejn xieraq, ta’ annimali domestiċi jew ta’ proprjetà, meta jiġu installati u miżmuma kif jixraq u użati skond l-għan maħsub għalihom.

2. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-intitolament ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu, fl-osservanza kif mistħoqqa tat-Trattat, dawk il-ħtiġi[ji]et li jidhrilhom meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-persuni u b’mod partikolari l-ħaddiema jkunu protetti meta jużaw il-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà involuti fil-kwistjoni, sakemm iżda illi dan ma jfissirx illi l-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà jiġu modifikati f’manjiera mhux speċifikata fid-Direttiva.

[...]”

5. L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi li:

“Il-makkinarju u l-komponenti ta’ sigurtà koperti b’din id-Direttiva għandhom jissodisfaw il-ħtiġi[ji]et essenzjali tas-saħħa u tas-sigurtà ddikjarati fl-Anness I.”

6. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, huwa jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-ħruġ fis-suq u t-tħaddim fit-territorju tagħhom ta’ makkinarju u komponenti ta’ sigurtà li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.”

7. Skond l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva:

“1. L-Istati Membri għandhom iqisu dawn li ġejjin bħala li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva, inklużi l-proċeduri ta’ eżaminazzjonijiet tal-konformità li għalihom hemm provdut fil-Kapitolu II:

– il-makkinarju li jġorr il-marka ‘[K]E’ u li huwa akkumpanjat b’dikjarazzjoni tal-konformità [‘KE’] li hemm referenza għaliha fil-punt A ta’ l-Anness II,

– il-komponenti ta’ sigurtà li huma akkumpanjat[i] b’dikjarazzjoni tal-konformità [‘KE’] li hemm referenza għaliha fil-punt Ċ ta’ l-Anness II.

Fin-nuqqas ta’ standards armonizzati, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull pass li jidhrilhom meħtieġ biex jiġbdu l-attenzjoni tal-partijiet interessati dwar l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali eżist[e]nti li jitqiesu bħala importanti jew relevanti għall-implimentazzjoni xierqa tal-ħtiġi[ji]et essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa fl-Anness I.

2. Fejn standard nazzjonali li jittrasponi standard armonizzat, li r-riferenza għalih tkun ġiet ippubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej , ikopri wieħed jew iktar mill-ħtiġi[ji]et essenzjali ta’ sigurtà, il-makkinarju jew il-komponenti ta’ sigurtà mibnija b’mod konformi ma’ dan [l-i]standard għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-ħtiġi[ji]et essenzjali relevanti.

[…]”

8. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

“Fejn Stat Membru jaċċerta illi:

– il-makkinarju li jġorr il-marka "[K]E"

jew

– il-komponenti tas-sigurtà akkumpanjati mid-dikjarazzjoni tal-konformità [‘KE’],

użati b’mod konformi ma’ l-għan maħsub għalihom li x’aktarx jistgħu jkunu ta’ perikolu għas-sigurtà tal-persuni, u, fejn xieraq, ta’ l-annimali domestiċi jew tal-proprjetà, għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jirtira dan il-makkinarju jew dawn il-komponenti ta’ sigurtà mis-suq, biex jipprojbixxi l-ħruġ tagħhom fis-suq, biex dawn jitħaddmu jew jintużaw, jew biex jirrestrinġi l-moviment liberu tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu fil-pront lill-Kummissjoni b’kull miżura minn dawn, u jindikaw ir-raġuni tad-deċiżjoni tagħhom u, b’mod partikolari, jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx minħabba:

(a) nuqqas li jiġu ssodisfati l-ħtiġi[ji]et essenzjali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3;

(b) applikazzjoni mhux korretta ta’ l-istandards li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5([2]);

(c) nuqqasijiet fl-istandards infushom li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2).”

9. Skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva, il-fabbrikant, qabel ma jqiegħed makkinarju fis-suq, għandu jimxi mal-proċedura xierqa ta’ evalwazzjoni tal-konformità tiegħu. Mill-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jirriżulta li l-konformità ta’ makkinarju mad-dispożizzjonijiet tagħha hija, bħala prinċipju, attestata mid-dikjarazzjoni tal-konformità “KE” u l-marka “KE”.

10. Madankollu, mill-wieħed u għoxrin premessa u mill-Artikolu 8(2)(b) u (c) tad-Direttiva jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna ċertu makkinarju li jippreżenta potenzjal aktar għoli ta’ riskji, elenkat b’mod eżawrjenti fl-Anness IV tad-Direttiva, hija prevista proċedura aktar restrittiva ta’ evalwazzjoni tal-konformità.

11. Il-liftijiet għal vetturi huma msemmija fil-punt 15 ta’ l-Anness IV, A.

12. Skond is-sbatax-il premessa tad-Direttiva, din, u aktar preċiżament l-Anness I tagħha, intitolata “Il-ħtiġi[ji]et essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà li għandhom x’jaqsmu mad-disinn u l-bini tal-makkinarju u ta’ komponenti tas-sigurtà”, “tiddefinxxi biss il-ħtiġi[ji]et essenzjali għas-saħħa u s-sigurtà, supplimentati b’numru ta’ ħtiġi[ji]et iktar speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ makkinarju”.

13. L-iffissar ta’ kundizzjonijiet aktar dettaljati jseħħ permezz ta’ l-intermedjazzjoni ta’ normi armonizzati. F’dan ir-rigward, l-istess premessa tippreċiża:

“[...] sabiex il-fabbrikanti jiġu megħjuna jagħtu prova tal-konformità ma’ dawn il-ħtiġi[ji]et essenzjali u sabiex tkun tista’ ssir spezzjoni għall-konformità ma’ dawn il-ħtiġi[ji]et, huwa mixtieq li jkun hemm standards armonizzati fil-livell Ewropew għall-prevenzjoni tar-riskji li jinqalgħu minħabba d-disinn u l-kostruzzjoni tal-makkinarju; [...] dawn l-istandards armonizzati fil-livell Ewropew huma mfassla minn korpi tal-liġi privata u għandhom iżommu l-istatus ta’ mingħajr irbit tagħhom; [...] għal dan il-għan il-Kumitat Ewropew ta’ l-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni ta’ l-Elettroteknika (CENELEC) huma l-korpi rikonoxxuti bħala kompetenti biex jadottaw standards armonizzati b’mod konformi mal-linji ta’ gwida ġenerali għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawn iż-żewġ korpi ffirmat[i] fit-13 ta’ Novembru 1984; [...] fit-tifsira ta’ din id-Direttiva, standard armonizzat huwa speċifikazzjoni teknika (dokument Ewropew [ta’ l-i]standard jew ta’ l-armonizzazzjoni) adottat minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ korpi, fuq il-bażi ta’ mandat mill-Kummissjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 83/189/KEE u fuq il-bażi tal-linji ta’ gwida li hemm referenza għalihom hawn fuq”.

14. Ir-referenzi li jirrigwardaw in-normi armonizzati huma ppubblikati fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

15. Fir-rigward tal-liftijiet għal vetturi, jeżisti standard armonizzat fuq livell Ewropew. Dan huwa l-istandard EN 1493:1998, li r-referenza tagħha ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1999 (ĠU C 165, p. 4).

16. Skond kliem tagħha, “[l]-iskop ta’ dan l-istandard Ewropew huwa li jiddefinixxi r-regoli għas-sigurtà tal-persuni kontra r-riskji ta’ inċident relatati ma’ l-użu ta’ liftijiet għal vetturi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa stabbilit bil-mod segwenti:

“Dan l-istandard japplika għal-liftijiet għal vetturi fissi, mobbli u li jistgħu jiċċaqalqu minn post għal ieħor, li mhumiex intiżi sabiex itellgħu persuni, iżda li huma ddisinjati biex jgħollu vettura sħiħa sabiex ikun possibbli li jsiru xogħlijiet ta’ verifika, ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija fuq jew taħt il-vettura meta din tkun mgħollija ’l fuq.

Il-lift għal vetturi jista’ jikkonsisti f’parti waħda jew aktar li jgħollu l-vetturi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt nazzjonali

18. Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Nru 1314/1994 dwar is-sigurtà tal-makkinarju (koneiden turvallisuutta koskeva päätos) ittrasponiet id-Direttiva fid-dritt Finlandiż.

19. L-istandard Finlandiż SFS‑EN 1493, li jikkorrispondi għall-istandard Ewropew EN 1493:1998, ġiet adottata fit-8 ta’ Marzu 1999.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20. AGM, tiffabbrika u tikkummerċjalizza liftijiet għal vetturi.

21. Fil-11 ta’ Mejju 2000, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa rċieva rapport maħruġ mit-työsuojelupiiri (servizz lokali għall-protezzjoni fuq ix-xogħol) ta’ Vaasa f’każ magħruf bħala ta’ “kontroll tas-suq” (“markkinavalvonta-asia”). Wara dan ir-rapport, l-eżami tal-lift għal vetturi tat-tip G 35 T/E ffabbrikat minn AGM kien żvela ċerti nuqqasijiet, b’mod partikolari nuqqas ta’ riġidità ta’ l - idejn teleskopiċi ta’ quddiem li bihom tittella’ l-vettura u reżistenza insuffiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ l-illokkjar ta’ l-idejn teleskopiċi.

22. B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa bagħat lill-importatur ta’ dan il-makkinarju għall-Finlandja, l-impriża Pörhön Tuontiliike (iktar ’il quddiem, l-“importatriċi”), ittra datata 18 ta’ Mejju 2000 li fiha indika li kellu raġunijiet jaħseb li l-liftijiet għal vetturi G 35 T/E ffabbrikati minn AGM ma kinux jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-Liġi 299/1958 dwar is-sigurtà fuq ix-xogħol (työturvallisuuslaki) u tad-Deċiżjoni Nru 1314/1994 tal-Kunsill tal-Ministri dwar is-sigurtà tal-makkinarju.

23. Fil-kuntest tal-proċedura hekk mibdija mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, is-Sur Lehtinen għamel rapport datat 29 ta’ Novembru 2000, li fih ikkonstata, b’mod partikolari, li fis-27 ta’ Novembru 2000 l-importatriċi ttestjat il-mekkaniżmu ta’ l-illokkjar sabiex tiggarantixxi li l-istruttura tal-liftijiet għal vetturi kkonċernati kienu konformi ma’ l-istandard SFS‑EN 1493. Skond dan ir-rapport, dan it-test kien ippermetta li jiġi żvelat difett fl-imsemmija sistema. Skond is-Sur Lehtinen, l-istandard SFS‑EN 1493 jeżiġi li l-istruttura tkun tiflaħ il-piż massimu awtorizzat anki fil-kundizzjonijiet ta’ elevazzjoni l-aktar sfavorevoli u tkun xi tkun id-direzzjoni li fiha l-vettura tkun tpoġġiet fuq il-lift. Bħala konklużjoni, ir-rapport jistieden lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa sabiex malajr kemm jista’ jkun jieħu deċiżjoni li tillimita, anki tipprojbixxi, il-bejgħ u l-użu tal-liftijiet għal vetturi kkonċernati u li diġà kienu qegħdin jintużaw.

24. F’nota datata 18 ta’ Diċembru 2000, is-Sur Lehtinen irrepeta l-osservazzjonijiet tiegħu, iżda ppreċiża li l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ l-illokkjar ta’ AGM kienet aħjar u li r-reżistenza tagħha kienet ikkunsidra ta bħala suffiċjenti f’test magħmul fil-Finlandja fit-12 ta’ Diċembru 2000.

25. F’laqgħa li nżammet fl-20 ta’ Diċembru 2000 fil-preżenza tar-rappreżentanti ta’ l-importatriċi u, għall-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, tas-Sur Kanerva, konsulent fil-Ministeru, u tas-Sur Lehtinen, bħala espert, ġie ammess li l-mekkaniżmu ta’ l-illokkjar, kif iddisinnjat mill-ġdid, kien konformi mal-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-pożizzjoni definittiva ta’ l-amministrazzjoni kienet għadha tiddependi fuq kontroll ta’ ċertifikazzjoni mwettaq minn stabbiliment awtorizzat, proċedura li, skond AGM, kienet għadha fis-seħħ. F’din l-okkażjoni, ġie deċiż ukoll li d-deċiżjoni li kien ser jieħu l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa ma kellhiex issir pubblika u li l-importatriċi kellha tinforma lill-utenti meta jasal il-mument.

26. Fl-20 ta’ Diċembru 2000, is-Sur Kanerva ppreżenta l-każ lis-Sur Hurmalainen, Direttur tad-dipartiment tas-sigurtà fuq ix-xogħol tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, għal deċiżjoni. Is-Sur Kanerva ppropona li jkunu pprojbiti, f’ċerti limiti, il-kummerċjalizzazzjoni u t-tqegħid fis-servizz tal-liftijiet għal vetturi kkonċernati. Madankollu, s-Sur Hurmalainen ma adottax id-deċiżjoni li kienet ġiet proposta lilu u rrinvija l-każ għal eżami, peress li kkunsidra li ma kienx jiddisponi minn elementi suffiċjenti għal evalwazzjoni.

27. Fis-17 ta’ Jannar 2001, is-Sur Lehtinen, bl-awtorizzazzjoni tas-superjur ġerarkiku dirett, u rappreżentant ta’ l-importatriċi ġew intervistati minn l-aħbarijiet televiżivi tat-20:30 ta’ l-istazzjon televiżiv nazzjonali TV 1. F’din l-okkażjoni, il-preżentatur qal li skond l-awtoritajiet Finlandiżi ta’ l-ispezzjoni tax-xogħol, il-liftijiet għal vetturi kkonċernati, għalkemm aċċettabbli fl-Italja, ma kinux jissodisfaw ir-regoli Ewropej applikabbli. Il-preżentatur iddikjara wkoll li, skond dawn l-istess awtoritajiet, it-tagħmir għandu jirreżisti anki jekk il-vettura hija fil-kundizzjoni ta’ elevazzjoni l-aktar sfavorevoli. Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant ta’ l-importatriċi ametta n-nuqqas tal-mekkaniżmu ta’ l-illokkjar, iżda rrifjuta li t-tagħmir ta’ elevazzjoni kien jippreżenta xi problema oħra u sostna li l-idejn teleskopiċi kienu jifilħu kwalunkwe piż sakemm il-vettura titqiegħed fuq it-tagħmir fid-direzzjoni t-tajba. Min-naħa tiegħu, is-Sur Lehtinen iddikjara li l-imsemmija liftijiet għal vetturi setgħu jippreżentaw perikolu immedjat peress li l-ħaddiema kellhom jaħdmu taħt dan il-piż. Minbarra dan, fl-opinjoni tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ ċertifikazzjoni li AGM kienet irreferiet għaliha kienet interpretat ir-regoli applikabbli b’mod żbaljat.

28. Fid-29 ta’ Jannar 2001, it-Teknisen Kaupan Liitto (konfederazzjoni tal-kummerċ tekniku) bagħtet ittra lill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa kif ukoll lil-peruspalveluministeri (Ministru tas-Servizzi tas-Saħħa u Soċjali) li fiha rreferiet għan-nuqqasijiet gravi li kienu ġew ikkonstatati fuq it-tagħmir tal-gamma AGM. Quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sur Lehtinen irrikonoxxa li darba pparteċipa, fil-kuntest tal-każ ikkonċernat, f’laqgħa ta’ l-imsemmija konfederazzjoni, fuq talba tagħha.

29. Fit-8 ta’ Frar 2001, is-Sur Hurmalainen bagħat faks lis-Sur Kuikko, aġent ta’ Teollisuuden ja Työnantajien Keskusliitto (konfederazzjoni ta’ l-industrija u ta’ minn iħaddem), li fiha wera li huwa kien kontra l-projbizzjoni tal-bejgħ suġġerita mis-Sur Kanerva u mis-Sur Lehtinen, għar-raġuni li ma kienx deherlu xieraq li tittieħed miżura li setgħet taffettwa ħażin il-funzjonament tas-suq intern, u dan peress li fil-Finlandja kien seħħ inċident wieħed biss, li barra minn hekk, il-kawża tiegħu ma kinitx ċerta.

30. Fis-16 ta’ Frar 2001, is-Sur Hurmalainen neħħa lis-Sur Lehtinen minn fuq il-każ dwar il-liftijiet għal vetturi ffabbrikati minn AGM għar-raġuni li, waqt li dan il-każ kien għadu għaddej, il-parti kkonċernata kienet esprimiet pubblikament opinjoni li kienet differenti mill-pożizzjoni uffiċjali tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa u b’hekk kien aġixxa b’mod differenti mill-istruzzjonijiet u mill-politika tal-komunikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar. F’rapport ieħor, ippreparat fl-20 ta’ Marzu 2001 mis-servizz tas-sigurtà fuq ix-xogħol tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, is-Sur Lehtinen ġie kkritikat li aġixxa bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u b’mod dannuż għall-interessi ekonomiċi ta’ l-AGM billi kkoopera mal-kompetituri ta’ din ta’ l-aħħar.

31. Fis-17 ta’ Frar 2001, deher artikolu fil-gazzetta reġjonali Aamulehti intitolat “Espert jirrapporta l-fraġilità ta’ ċerti liftijiet għal vetturi”. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, dan l-artikolu kien miktub fuq il-bażi ta’ intervista tas-Sur Lehtinen u kien jindika espressament li l-prodotti kkonċernati kienu l-liftijiet għal vetturi ffabbrikati minn AGM. Huwa għamel ukoll referenza għall-fatt li s-“Sur Hurmalainen, Direttur tad-dipartiment tas-sigurtà fuq ix-xogħol fil-Ministeru, kien jikkunsidra li kien biss is-Sur Lehtinen li kien responsabbli għall-proposta tiegħu”.

32. Fit-22 ta’ Frar 2001, il-Metalliväen Liitto ry (konfederazzjoni tal-metallurġisti) bagħtet nota lit-taqsimiet speċjalizzati tagħha fl-oqsma tat-tiswija tal-karozzi u tat-tiswija mekkanika kif ukoll lil dawk responsabbli mis-sigurtà fl-impriżi, li fiha hija kkonstatat li l-mudelli tal-liftijiet għal vetturi G 28, G 32 u G 35 iffabbrikati minn AGM kellhom xi problemi u li “t-tagħmir ta’ elevazzjoni in kwistjoni [kien] mingħajr dubju kkunsidrat bħala perikoluż”. L-imsemmija konfederazzjoni kienet żiedet man-nota tagħha rapport magħmul mis-Sur Lehtinen bid-data tat-12 ta’ Frar 2001.

33. Fit-13 ta’ Ġunju 2001 deher artikolu fil-gazzetta reġjonali Etelä-Saimaa intitolat “Il-konfederazzjoni tal-metallurġisti teżiġi l-projbizzjoni ta’ l-użu tal-liftijiet għal vetturi perikolużi" u bis-sottotitolu "Kull jum, 150 mekkanik huma fil-perikolu”. Skond dan l-artikolu, l-inġinier l-aktar imlaħħaq speċjalizzat f’dan it-tip ta’ tagħmir li kien ipprepara dan il-fajl kien ippropona restrizzjonijiet fuq l-użu tal-liftijiet għal vetturi AGM ta’ fabbrikazzjoni Taljana u l-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ tagħmir ġdid. L-artikolu kien jindika wkoll li fid-deċiżjoni tiegħu s-Sur Hurmalainen, Direttur tad-dipartiment tas-sigurtà fuq ix-xogħol fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa, kien ikkunsidra li ma kellux elementi suffiċjenti u kien ippreċiża li l-kawża kienet għadha qed tiġi eżaminata.

34. Fl-14 ta’ Ġunju 2001, id-dipartiment tas-sigurtà fuq ix-xogħol fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa adotta deċiżjoni li permezz tagħha stabbilixxa, b’mod partikolari, li “[il-] fajl ma [kienx] żvela elementi ta’ natura li jwasslu lill-Ministru jieħu miżuri ta’ kontroll tas-suq fir-rigward tal-fabbrikant jew ta’ l-importatriċi tal-liftijiet għal vetturi [iffabbrikati minn] AGM“. Din in-nota tippreċiża li “din il-konstatazzjoni madankollu ma [kinitx tippreġudika] d-dritt tal-Ministeru li jirrikorri għal miżuri bħal dawn fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid tal-każ, wara li, jekk ikun il-każ, jirċievi informazzjoni addizzjonali jew għal kwalunkwe raġuni oħra”. Sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa jindika li, “[għal] dak li [kien] jirrigwarda t-tagħmir il-ġdid, il-fabbrikant [kien] irranġa d-difetti kkonstatati u l-importatriċi [kienet] għamlet l-istess sforz għal dawk li [kienu] diġà kienu qed jintużaw”.

35. Fl-1 ta’ Ottubru 2001, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa ħareġ, abbażi tal-Liġi li tirrigwarda l-uffiċjali ta’ l-Istat (Valtion virkamieslaki), twissija bil-miktub lis-Sur Lehtinen għar-raġuni li dan, għalkemm kien tneħħa minn fuq il-każ dwar il-liftijiet għal vetturi ffabbrikati minn AGM fis-16 ta’ Frar 2001, kien kiser l-obbligi tiegħu marbuta ma’ l-istatut ta’ l-uffiċjali meta kompla jxerred, f’intervista ma’ ġurnalista kif ukoll f’nota indirizzata lid-dipartiment lokali tas-sigurtà fuq ix-xogħol, preżentazzjoni falza tal-pożizzjoni tal-Ministeru u billi injora l-politika tal-komunikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar. Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2002, il-virkamieslautakunta (kummissjoni għal rikorsi minn uffiċjali) ċaħdet it-talba tas-Sur Lehtinen sabiex tannulla din it-twissija. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija kummissjoni, permezz ta’ l-istess deċiżjoni, ikkunsidrat li l-imġiba tas-Sur Lehtinen fl-intervista televiżiva tas-17 ta’ Jannar 2001 ma kinitx daqshekk arbitrarja sal-punt li tiġġustifika twissija bil-mitkub. Fl-10 ta’ Settembru 2003, il-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema) ikkonfermat din id-deċiżjoni.

36. Parallelament għall-proċedura dixxiplinari li kien suġġett għaliha, is-Sur Lehtinen talab l-opinjoni ta’ Julkisen sanan neuvosto (Kunsill ta’ awtoregolamentazzjoni tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fil-qasam tad-deontoloġija u tal-libertà ta’ l-espressjoni) sabiex jiġi stabbilit jekk, billi tah twissija, il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa kienx mar lilhinn mill-poteri tiegħu u b’hekk kiser il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-opinjoni rikonoxxuta lill-uffiċjali. Fl-opinjoni tagħha, mogħtija fl-20 ta’ Marzu 2002, din l-istanza kkonstatat li kien mixtieq li l-uffiċjali jkunu awtorizzati jesprimu ruħhom pubblikament fid-dibattiti miftuħa fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, peress li l-parteċipazzjoni tagħhom fid-dibattiti pubbliċi li jirrigwardaw l-oqsma tagħhom kienet tiffavorixxi t-tixrid ta’ informazzjoni importanti ta’ interess ġenerali. L-imsemmi Kunsill ikkunsidra li l-każ tas-Sur Lehtinen kien jirreferi għal kawża li l-qofol tal-kwistjoni tagħha kienet is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u li fir-rigward tagħha kien importanti u mixtieq li jkun hemm dibattitu pubbliku, u li uffiċjal bħall-interessat kellu d-dritt li jipparteċipa fih.

37. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, AGM ippreżentat rikors quddiem it-Tampereen käräjäoikeus (qorti tal-prim’istanza ta’ Tampere) bil-għan li l-Istat Finlandiż u s-Sur Lehtinen jiġu kkundannati in solidum sabiex jikkumpensawha għad-dannu li hija kienet subiet, b’mod partikolari, minħabba tnaqqis fid-dħul tagħha mill-bejgħ fil-Finlandja kif ukoll fl-Ewropa.

38. Il-kwistjoni li titqajjem, skond il-qorti tar-rinviju, hija dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, Ġabra p. 837), il-kummerċ fil-Komunità Ewropea setax ġie mfixkel, taħt il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28 KE, meta s-Sur Lehtinen, dak iż-żmien uffiċjal ta’ l-awtorità kompetenti, esprima pubblikament opinjoni negattiva dwar il-konformità man-normi ta’ ċerti liftijiet għal vetturi ffabbrikati minn AGM, opinjoni li setgħet ikkawżat it-tnaqqis fil-bejgħ tal-prodotti ta’ din il-kumpannija fis-suq Finlandiż. Peress li t-tfixkil potenzjali tal-kummerċ intrakomunitarja ma jirriżultax minn deċiżjoni meħuda mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, iżda mill-imġiba ta’ uffiċjal li jappartjeni għal din l-awtorità u li aġixxa b’dan il-mod qabel ma din l-awtorità ddeċidiet il-każ ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterju żviluppat fis-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, jippermettix li azzjonijiet li effettivament jitwettqu minn uffiċjal jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, b’mod partikolari f’każ fejn, fil-prattika, l-effett ta’ dawn l-azzjonijiet kien l-istess bħal li kieku l-awtorità kompetenti kienet ħadet deċiżjoni simili skond id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali.

39. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk lift għal vetturi bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax ir-regoli ta’ sigurtà essenzjali li timponi d-direttiva meta la jkun maħsub u lanqas mibni sabiex jiflaħ piż fil-kundizzjonijiet ta’ elevazzjoni l-aktar sfavorevoli.

40. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tampereen käräjäoikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1) Jista’ wieħed jitkellem dwar miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi skond l-Artikolu 28 KE jew dwar miżura li wieħed għandu jonqos milli jieħu skond l-Artikolu 10(2) KE meta uffiċjal [li huwa] espert, li jappartjeni għall-amministrazzjoni ta’ l-Istat u li huwa responsabbli mis-sigurtà fuq ix-xogħol iżda li m’għandux setgħa li jieħu deċiżjoni, jesprimi ruħu fl-aħbarijiet televiżivi prinċipali ta’ stazzjon nazzjonali u fil-gazzetti ta’ kuljum b’distribuzzjoni wiesgħa kif ukoll fl-organizzazzjonijiet kummerċjali jew professjonali, wara li proċedura ta’ verifika tas-suq kienet inbdiet, iżda mingħajr ma kienet għadha ttieħdet deċiżjoni, b’mod li d-dikjarazzjonijiet tiegħu, espressi direttament minnu jew minn persuni oħra, dwar il-perikolu għas-saħħa tal-persuni, u anki għal ħajjithom, minħabba materjal imqiegħed fuq is-suq minn fabbrikant partikolari huma ta’ natura li jagħtu xbieha pubblika negattiva tat-tagħmir in kwistjoni u b’hekk jippreġudikaw il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu?

2) Id-Direttiva [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li lift għal vetturi huwa kuntrarju għar-regoli ta’ sigurtà essenzjali stabbiliti f’din id-direttiva peress li dan it-tagħmir ma kienx mibni b’mod konformi ma’ l-istandard SFS-EN 1493, u peress li fl-iddisinnjar ta’ l-istruttura tiegħu, ma tteħidx in kunsiderazzjoni l-fatt li l-vettura għandha tkun tista’ titqiegħed fuq l-idejn teleskopiċi fiż-żewġ direzzjonijiet tas-sewqan u peress li l-kalkoli ta’ reżistenza ta’ kull waħda minn dawn l-idejn teleskopiċi ma sarux fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ta’ elevazzjoni l-aktar sfavorevoli?

3) a) Kemm-il darba r-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, jekk l-azzjonijiet ta’ l-uffiċjal li huma deskritti hawnhekk huma sproporzjonati fir-rigward ta’ l-għan onorabbli tagħhom ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, u, b’hekk, kuntrarji għat-Trattat KE, anki jekk tingħata risposta pożittiva għat-tieni domanda, jekk tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura ta’ dawn l-azzjonijiet u, b’mod partikolari, il-fatt li kien diġà possibbli li tingħata informazzjoni dwar il-perikoli eventwali u li setgħu jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ riskju billi jintużaw mezzi differenti minn dawk deskritti fl-ewwel domanda, u li dawn l-azzjonijiet twettqu qabel ma l-awtorità kompetenti ħadet deċiżjoni fil-każ ta’ kontroll tas-suq u li, billi kienu jirreferu speċifikament għal prodott partikolari, kienu ta’ natura li jfixklu l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu?

b) Jekk l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità, li jsir riferiment għaliha fid-domanda 3(a), taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, jeħtieġ li din tkun konnessa l-aktar man-nuqqas ta’ konformità eventwali mar-regoli ta’ sigurtà Komunitarji jew nazzjonali, jew inkella maċ-ċirkustanzi relatati mat-tixrid ta’ dan in-nuqqas ta’ konformità?

4) L-azzjonijiet ta’ uffiċjali li huma deskritti fl-ewwel domanda jistgħu, fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq fid-domanda 3(a), ikunu ġġustifikati fuq il-bażi tal-libertà ta’ l-espressjoni, iggarantita mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, anki dawn huma kuntrarji għall-Artikoli 28 KE u 30 KE jew għall-Artikolu 10 KE?

5) a) Jekk l-azzjonijiet ta’ l-uffiċjal li huma deskritti fl-ewwel domanda huma kuntrarji għall-Artikoli 28 KE u 30 KE jew għall-Artikolu 10 KE, il-ksur kien suffiċjentement manifest u gravi sabiex, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ responsabbiltà jkunu sodisfatti, l-Istat ikun marbut, skond id-dritt Komunitarju, jikkumpensa d-danni li dawn l-atti setgħu jikkawżaw lill-kumpannija li kkummerċjalizzat dan it-tagħmir?

b) Il-ksur invokat fid-domanda 5(a) kien manifest u gravi anki f’każ fejn l-ebda żball jew negliġenza ma jistgħu jiġu attribwiti lill-awtorità kompetenti (jew lill-uffiċjal kompetenti) li għandha s-setgħa li tieħu deċiżjoni u meta din l-awtorità (jew dan l-uffiċjal) qatt ma kienet approvat l-atti inkriminanti u lanqas m’għamlet mod li jipproduċu effetti konkreti?

ċ) L-Artikolu 10 KE, partikolarment il-paragrafu 2 tiegħu, jista’ joħloq drittijiet għall-persuni fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda?

d) Minbarra r-responsabbiltà ta’ l-Istat, l-uffiċjal stess jista’ jinżamm responsabbli skond id-dritt Komunitarju, u fl-istess kundizzjonijiet, minħabba l-azzjonijiet tiegħu kif deskritti fl-ewwel domanda jekk dawn huma kuntrarji għad-dritt Komunitarju?

e) Fil-prattika huwa impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju meta d-dritt nazzjonali ma jipprovdix għal ħlas ta’ kumpens għal danni ekonomiċi barra minn dawk ikkawżati lil persuni u oġġetti fil-każ biss li d-dannu jkun ir-riżultat ta’ att kriminali jew ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, jew inkella, jekk ikun hemm raġunijiet partikolarment serji sabiex jingħata ħlas ta’ kumpens għal dannu?

6) a) Jekk il-ħlas ta’ kumpens għal dannu li jirriżulta mill-ksur, inkluż minħabba negliġenza, tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandu jingħata skond il-liġi nazzjonali, id-dritt Komunitarju jeżiġi li [dan il-kumpens] jikkostitwixxi sanzjoni effikaċi u disważiva, u huwa inkompatibbli mar-regoli tad-dritt Komunitarju dwar ir-responsabbiltà li uffiċjal li wettaq ksur jew negliġenza taħt il-liġi nazzjonali jkun responsabbli biss għal proporzjon raġonevoli tad-dannu, li ma jikkorrispondix neċessarjament għad-dannu kollu, jew anki li jkun meħlus minn kull responsabbiltà, jekk jista’ jinżamm responsabbli biss għal negliġenza żgħira jew li l-uffiċjal u l-Istat responsabbli għall-iżball jew għan-negliġenza ta’ dan ta’ l-aħħar jistgħu jkunu meħtieġa biss iħallsu kumpens għal dannu ekonomiku barra minn dannu kkawżat lil persuni jew oġġetti fil-każ biss li dan id-dannu jkun ir-riżultat ta’ att kriminali jew ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, jew inkella, jekk ikun hemm raġunijiet partikolarment serji sabiex jingħata ħlas ta’ kumpens għal dannu?

b) Jekk waħda mil-limitazzjonijiet ta’ responsabbiltà msemmija fid-domanda 6(a) hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, deċiżjoni dwar ħlas ta’ kumpens mogħtija abbażi tad-dritt nazzjonali għandha teskludi din il-limitazzjoni fir-rigward ta’ l-uffiċjal in kwistjoni, anki jekk ikollu obbligu ta’ kumpens aktar sever jew aktar wiesa’ minn dak li tipprovdi l-liġi nazzjonali?”

Fuq l-ammissibbiltà

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qori tal-Ġustizzja

41. Is-Sur Lehtinen wera dubji għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ dan ir-riviju għal deċiżjoni preliminari, għar-raġuni li d-domandi magħmula mit-Tampereen käräjäoikeus huma irrilevanti.

42. Is-Sur Lehtinen jsostni li l-proċedura li tirrigwarda l-kawża mressqa fl-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju għadha fil-fażi preliminari tagħha. Is-suġġett li dwaru hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet għadu mhuwiex definit preċiżament u l-fatti għadhom ma ġewx stabbiliti. B’hekk, f’dan l-istadju tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, għadu mhux possibbli li jiġu ddeterminati d-domandi ġuridikament rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

43. Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu, din ta’ l-ewwel tipprovdi lil dawn ta’ l-aħħar l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 30, u ta’ l-20 ta’ Jannar 2005, Salgado Alonso, C‑306/03, Ġabra p. I‑705, punt 40).

44. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun adita bil-kawża, li jkollha għarfien dirett tal-fatti li jkunu wasslu għaliha u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tad-dettalji tal-kawża, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li din tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59; tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 38; ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, Der Weduwe, C‑153/00, Ġabra p. I‑11319, punt 31; tal-21 ta’ Jannnar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, C‑318/00, Ġabra p. I‑905, punt 41, kif ukoll Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

45. Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 234 KE jirriżulta b’mod ċar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal-proċedura jeħtieġ, għal din il-qorti, li tistaqsi domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et , 36/80 u 71/80, Ġabra p. 735, punt 5; tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO, C‑236/98, Ġabra p. I‑2189, punt 30, u Schmidberger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

46. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li l-qorti tar-rinviju spjegat b’mod dettaljat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntest ta’ fatt u ġuridiku tal-kawża prinċipali kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom hija qegħda titlob interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li hija ssemmi fid-dawl tad-dubji li tfaċċaw fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tagħhom għaċ-ċirkustanzi ta’ l-imsemmija kawża.

47. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-fatti kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, ma jirriżultax li d-domandi magħmula saru fi stadju li ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa r-rilevanza tagħhom għas -soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

48. Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-moviment liberu tal-merkanzija (l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi)

49. Permezz ta’ l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fl-ewwel lok, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-imġiba tas-Sur Lehtinen, ikkaratterizzata mid-diversi dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula minnu, għandhiex tkun ikkunsidrata bħala attribwibbli lill-Istat Finlandiż, fit-tieni lok, jekk din l-imġiba tidhirx li tikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija skond l-Artikolu 28 KE u, fit-tielet lok, safejn mġiba bħal din tista’ tkun iġġustifikata abbażi tal-libertà ta’ l-espressjoni jew ta’ l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa.

50. Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, meta qasam partikolari jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell Komunitarju, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-att li jeffettwa din l-armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 9; tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C‑324/99, Ġabra p. I‑9897, punt 32; tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 64, kif ukoll ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz, C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 53).

51. Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-armonizzazzjoni effettwata mid-Direttiva teskludix l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ l-imġiba in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ l-Artikolu 28 KE.

52. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li d-Direttiva hija intiża, skond it-tieni, is-sitt, is-seba’ u d-disa’ premessa, sabiex tassigura l-moviment liberu tal-makkinarju fis-suq intern u sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet imperattivi u essenzjali tas-sigurtà u tas-saħħa fir-rigward ta’ dan il-makkinarju billi tissostitwixxi s-sistemi nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni u ta’ attestazzjoni ta’ konformità b’sistema armonizzata. Għal dan il-għan, b’mod partikolari fl-Artikolu 3 u fl-Anness I tagħha, l-imsemmija direttiva telenka l-ħtiġijiet essenzjali ta’ sigurtà u ta’ saħħa li għandhom jissodisfaw il-makkinarju u l-komponenti tas-sigurtà ffabbrikati fl-Istati Membri. Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw it-tqegħid fis-suq tal-makkinarju li jissodisfa dawn il-ħtiġijiet essenzjali u huwa biss jekk dawn ir-riskji jitfaċċaw aktar tard li l-Istati Membri għandhom jieħdu, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7, il-miżuri xierqa.

53. B’hekk, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni n-natura tad-Direttiva, ta’ l-għanijiet tagħha u tal-kontenut ta’ l-Artikoli 3, 4 u 7 tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fuq livell Komunitarju, minbarra r-regoli dwar il-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà tal-makkinarju u l-attestazzjoni tal-konformità ta’ dawn għall-imsemmija ħtiġijiet, hija tarmonizza b’mod eżawrjenti dawk ir-regoli li jikkonċernaw l-imġiba li jistgħu jadottaw l-Istati Membri fir-rigward tal-makkinarju preżunt konformi ma’ dawn l-eżiġenzi.

54. Konsegwentement, kull miżura nazzjonali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-artikoli ta’ din id-direttiva, iċċitati iktar ’il fuq, għandha tkun evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tagħha u mhux dawk tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 28 KE.

Fuq l-eżistenza ta’ ostaklu attribwibbli lill-Istat (l-ewwel domanda)

55. Fid-dawl tal-punti 52 et seq ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li hija tistaqsi, essenzjalment, dwar il-possibbiltà li l-opinjonijiet espressi pubblikament mis-Sur Lehtinen jiġu kkwalifikati bħala ostaklu għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, attribwibbli lill-Istat Finlandiż.

56. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jingħad li l-fatt li Stat jinżamm responsabbli għad-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal jiddependi, b’mod partikolari, mill-perċezzjoni li d-destinatarji seta’ jkollhom ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

57. L-element determinanti sabiex id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal jkunu attribwiti lil Stat huwa l-fatt li d-destinatarji ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu jistgħu raġonevolment jippresupponu, fil-kuntest partikolari, li dawn huma pożizzjonijiet li l-uffiċjal jieħu permezz ta’ l-awtorità marbuta mal-funzjoni tiegħu.

58. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari, li:

– l-uffiċjal huwa, b’mod ġenerali, kompetenti fis-settur in kwistjoni;

– l-uffiċjal xerred id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tiegħu billi uża karti bl-isem u l-indirizz tad-dipartiment kompetenti stampati fuq il-parti ta’ fuq tagħhom;

– l-uffiċjal ta intervisti televiżivi fil-bini tad-dipartiment tiegħu;

– l-uffiċjal ma semmiex il-karattru personali tad-dikjarazzjonijiet tiegħu u ma indikax li kienu differenti mill-pożizzjoni uffiċjali tad-dipartiment kompetenti, u

– id-dipartimenti kompetenti ta’ l-Istat ma ħadux, fl-inqas żmien possibbli, il-passi neċessarji sabiex ma jħallux li d-destinatarji tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-uffiċjal ikollhom l-impressjoni li din kienet il-pożizzjoni uffiċjali ta’ l-Istat.

59. Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dikjarazzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-każ li huma attribwibbli lill-Istat Finlandiż, jmorrux kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

60. F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li kull miżura li tista’ tfixkel, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju tikkostitwixxi ostaklu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5, u tad-9 ta’ Frar 1999, Van der Laan, C‑383/97, Ġabra p. I‑731, punt 18). Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

61. Hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-projbizzjoni stabbilita fih tapplika biss jekk il-makkinarju kkonċernat ikun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Madankollu, f’dan il-każ partikolari, l-liftijiet għal vetturi ffabbrikati minn AGM kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ konformità li tirriżulta mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, peress li kienu diġà ċċertifikati bħala konformi magħha u li kellhom il-marka ta’ konformità “KE” prevista fl-Artikolu 10 tagħha.

62. Madankollu, din il-preżunzjoni ta’ konformità ma tfissirx li l-Istati Membri ma jistgħux jintervjenu meta jkun hemm xi riskji. Għal kuntrarju, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, Stat Membru huwa marbut jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jirtira makkinarju mis-suq meta jikkonstata li din, użata b’mod konformi għall-użu normali tagħha, tista’ tikkomprometti s-sigurtà tal-persuni jew ta’ l-oġġetti. F’każ bħal dan, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, l-Istat Membru huwa marbut jinforma immedjatament lill-Kummissjoni b’miżura bħal din u għandu jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

63. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti la kkonstataw l-eżistenza ta’ riskju, la adottaw il-miżuri intiżi sabiex jirtiraw mis-suq l-liftijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas, a fortiori , ma informaw lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri.

64. Konsegwentement, peress li dawn il-liftijiet kienu jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ konformità, l-Istat kellu jirrispetta l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tagħhom stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

65. Id-dikjarazzjonijiet in kwistjoni li ppreżentaw l-imsemmija liftijiet għal vetturi, fuq diversi mezzi ta’ komunikazzjoni u f’rapporti mxerda b’mod wiesa’, bħala kuntrarji għall-istandard EN 1493:1998 u perikolużi huma ta’ natura li jfixklu, ta’ l-inqas, b’mod indirett u potenzjalment it-tqegħid fuq is-suq ta’ dan il-makkinarju.

66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal li, minħabba l-forma u ċ-ċirkustanzi tagħhom, joħolqu l-impressjoni għad-destinatarji tagħhom li huma pożizzjonijiet uffiċjali ta’ l-Istat, u mhux opinjonijiet personali ta’ uffiċjal, huma attribwibbli lill-Istat. L-element determinanti sabiex id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal jkunu attribwiti lil Stat huwa l-fatt li d-destinatarji ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu jistgħu raġonevolment jippresupponu, fil-kuntest partikolari, li dawn huma pożizzjonijiet li l-uffiċjal jieħu permezz ta’ l-awtorità marbuta mal-funzjoni tiegħu. Għalhekk, safejn huma attribwibbli lill-Istat, id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal li jippreżentaw makkinarju, iċċertifikat konformi mad-Direttiva, bħala kuntrarju għall-istandard armonizzat rilevanti u perikoluż, jikkostitwixxu ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

Fuq il-ġustifikazzjonijiet (it-tielet u r-raba’ domanda)

67. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-imġiba tas-Sur Lehtinen, fil-każ li tkun attribwibbli lill-Istat Finlandiż, tistax tkun iġġustifikata abbażi ta’ l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa jew abbażi tal-libertà ta’ l-espressjoni.

– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa

68. Id-direttiva tirregola b’mod preċiż il-protezzjoni tas-saħħa meta jkun hemm riskju li din tiġi kompromessa mill-użu ta’ makkinarju meqjus bħala konformi ma’ l-imsemmija Direttiva. B’hekk, l-Artikolu 7(1) tagħha jippermetti lil Stat Membru, li jqis li jeżisti riskju bħal dan, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ineħħi l-makkinarju kkonċernat minn fuq is-suq, jipprojbixxi t-tqegħid tiegħu fuq is-suq u l-użu tiegħu jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu. Barra minn dawn il-miżuri, id-Direttiva ma tawtorizzax restrizzjonijiet oħra marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa.

69. F’dan ir-rigward, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza diġà ssemma li l-Ministeru Finlandiż ma kien adottaw l-ebda miżura abbażi ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva.

70. Peress li r-regoli ta’ sigurtà għat-tqegħid fuq is-suq tal-makkinarju li jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija kienu ġew armonizzati b’mod eżawrjenti fuq livell Komunitarju, Stat Membru ma jistax jinvoka ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-saħħa barra mill-kuntest stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Direttiva.

71. L-imġiba tas-Sur Lehtinen, safejn hija attribwibbli lill-Istat Finlandiż, għalhekk ma tistax tkun iġġustifikata abbażi ta’ l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa.

– Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-libertà ta’ l-espressjoni

72. Skond l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-libertà ta’ l-espressjoni hija ggarantita għall-persuni kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri. Din il-libertà tikkostitwixxi bażi essenzjali għal kull soċjetà demokratika. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw il-libertà ta’ l-espressjoni ta’ l-uffiċjali tagħhom sabiex jiġġustifikaw ostaklu u b’hekk jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom taħt id-dritt Komunitarju.

73. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva riżultat ta’ l-imġiba ta’ uffiċjal ma jistax, safejn huwa attribwibbli lill-Istat Membru tiegħu, ikun iġġustifikat abbażi ta’ l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u lanqas abbażi tal-libertà ta’ l-espressjoni ta’ l-uffiċjali.

Fuq il-konformità tal-liftijiet għal vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali mad-Direttiva 98/37 (it-tieni domanda)

74. Mill-analiżi mwettqa fil-punti 60 sa 65 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tieni domanda ma teħtieġx risposta.

Fuq ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Finlandiż u ta’ l-uffiċjali tiegħu (il-ħames u s-sitt domandi)

75. Permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li jkun hemm ksur ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE jew ta’ l-Artikolu 10 KE u l-kundizzjonijiet sabiex l-Istat Finlandiż jinżamm responsabbli taħt id-dritt Komunitarju jkunu sodisfatti, id-dritt Komunitarju jippermettix jew jeżiġix li r-responsabbiltà ta’ l-uffiċjal, li l-imġiba tiegħu hija in kwistjoni, tistax ukoll tkun ikkontestata u safejn il-kundizzjonijiet għal dawn ir-responsabbiltajiet ikunu eventwalment jeħtieġu interpretazzjoni tad-dritt Finlandiż konformi mad-dritt Komunitarju.

76. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 50 sa 53 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ ksur eventwali ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

Fuq il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex l-Istat Finlandiż jinżamm responsabbli [domanda 5(a) sa (ċ)]

77. Permezz tal-domanda 5(a) sa (ċ) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ksur tad-dritt Komunitarju huwiex suffiċjentement serju sabiex Stat Finlandiż ikun jista’ jinżamm responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali u jekk l-individwi li joperaw fuq is-suq jistgħux jinvokaw xi drittijiet kontra l-Istati Membri.

78. Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru huwa marbut li jikkumpensa d-danni kkawżati lil individwi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm tlieta, jiġifieri li r-regola ta’ liġi miksura tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun suffiċjentement serju u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ l-obligu ta’ l-Istat u d-dannu subit mill-persuni leżi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet skond kull tip ta’ sitwazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 51; tat-2 ta’ April 1998, Norbrook Laboratories, C‑127/95, Ġabra p. I‑1531, punt 107, u ta’ l-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 36).

79. Fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għandu l-għan li jikkonferixxi fuq l-individwi li joperaw fis-suq drittijiet li huma jistgħu jinvokaw kontra l-Istati Membri.

80. Għal dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa jekk l-Istat Membru jkunx injora, b’mod manifest u gravi, il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu (ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

81. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà sabet li, meta l-Istat Membru kkonċernat, fil-mument li fih iwettaq ksur, ikollu diskrezzjoni kunsiderevolment limitata, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenza Norbrook Laboratories, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109 u ġurisprudenza ċċitata).

82. Madankollu, l-obbligi msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma jagħtux diskrezzjoni lill-Istati Membri. Fil-fatt, l-Artikolu 7 biss tad-Direttiva jieħu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li jkun hemm dubji ulterjuri fir-rigward tal-konformità mal-ħtiġijiet tad-direttiva ta’ makkinarju preżunt konformi magħhom kif ukoll il-miżuri adegwati sabiex dawn id-dubji jiġu ffaċċjati. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva minn dikjarazzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk jiġi presuppost li dawn jistgħu jiġu attribwiti lil Stat Membru, huwa suffiċjentement serju.

83. Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk teżistix rabta kawżali diretta bejn il-ksur ta’ l-obbligu ta’ l-Istat u d-dannu subit mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65, u tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C‑5/94, Ġabra p. I‑2553, punt 30).

84. Madankollu, f’dan il-każ partikolari, suġġett għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, jidher li d-dikarazzjonijiet in kwistjon i fil-kawża prinċipali kienu wasslu għal tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ AGM bejn l-2000 u l-2002 kif ukoll għal tnaqqis tal-marġni ta’ qligħ għall-2001 u għall-2002. Barra minn hekk, ir-riperkussjonijiet ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fuq is-suq kienu identifikati minn qabel mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u tas-Saħħa stess.

85. It-tliet kundizzjonijiet previsti iktar ’il fuq huma neċessarji u suffiċjenti sabiex individwi jkollhom dritt jiksbu kumpens, madankollu mingħajr ma jiġi eskluż li l-Istat jista’ jinżamm responsabbli taħt kundizzjonijiet inqas restrittivi fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

86. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva għandu jkun interpretat fis-sens li, minn naħa, jikkonferixxi xi drittijiet fuq l-individwi u li, min-naħa l-oħra, ma jħalli lill-Istati Membri ebda diskrezzjoni, f’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna l-makkinarju konformi ma’ l-imsemmija Direttiva jew preżunt li huwa konformi. L-inosservanza ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal ta’ Stat, sakemm huma attribwibbli lil dan l-Istat, tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ Istat.

Fir-rigward tal-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għar-responsabbiltà ta’ l-Istat Finlandiż [domanda 5(e) u domanda 6(a), in parti]

87. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment jekk id-dritt nazzjonali jistax iżid kundizzjonijiet oħra partikolari fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens għal dannu kkważat mill-Istat jew jekk limitazzjonijiet għar-responsabbiltajiet bħal dawk previsti mid-dritt Finlandiż għandhomx ikunu kkunsidrati bħala li fil-prattika jrendu estremament diffiċli, kważi impossibbli, il-ħlas ta’ kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur, minn Stat Membru, ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

88. Preliminarjament, jeħtieġ li jingħad li l-għan li Stat Membru jinżamm responsabbli taħt id-dritt Komunitarju mhuwiex ta’ disważjoni jew ta’ sanzjoni, iżda huwa ta’ ħlas ta’ kumpens għal danni subiti mill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri.

89. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet tad-dritt għal ħlas ta’ kumpens ibbażati fuq id-dritt Komunitarju jkunu sodisfatti, huwa l-Istat Membru li għandu jħallas kumpens, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà, għad-dannu kkawżat. Barra minn hekk, jeħtieġ li jingħad ukoll li l-kundizzjonijiet ta’ sostanza u ta’ forma stabbiliti mid-diversi liġijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħlas ta’ kumpens għal dannu ma jistgħux ikunu inqas favorevoli, f’kuntest bħal dan, minn dawk li jikkonċernaw talbiet simili magħmula taħt il-liġi domestika u ma jistgħux ikunu fformulati b’mod li jgħamluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et , C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punti 42 u 43, kif ukoll Norbrook Laboratories, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111).

90. B’hekk, id-dritt Komunitarju jeħtieġ kumpens effettiv u ma jaċċetta ebda kundizzjoni supplementari provenjenti mid-dritt ta’ l-Istat Membru li tirrendi eċċessivament diffiċli l-kisba ta’ ħlas kumpens għad-danni u interessi jew ta’ metodi oħra ta’ kumpens.

91. F’dan ir-rigward, l-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jindikaw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Finlandiż dwar ir-responsabbiltà applikabbli fil-kawża prinċipali jissuġġettaw id-dritt għal ħlas ta’ kumpens għal dannu, barra minn danni kkawżati lil persuni jew lil oġġetti, għall-kundizzjoni li d-dannu jkun riżultat ta’ att kriminali jew ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, jew li jkun hemm raġunijiet partikolarment serji sabiex jingħata dan il-kumpens. Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, l-imġiba tas-Sur Lehtinen ma taqa’ fl-ebda wieħed mill-każijiet imsemmija, li jrendi diffiċli l-ħlas ta’ kumpens għad-danni subiti minn AGM.

92. F’dan il-każ, ikun hemm dritt għal ħlas ta’ kumpens malli jiġi stabbilit li r-regola ta’ liġi li ma tkunx ġiet osservata għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi u li teżisti rabta kawżali diretta bejn il-ksur suffiċjentement serju invokat u d-dannu subit mill-persuna kkonċernata, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma fil-fatt neċessarji u suffiċjenti sabiex individwi jkollhom id-dritt jiksbu kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Traghetti del Mediterraneo, C‑173/03, Ġabra, p. I-5177, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93. F’dan il-każ, ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà li ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li l-Istat jinżamm responsabbli għalih, jista’ jirriżulta minn imġiba attribwibbli lill-Istat Finlandiż u li taqa’ taħt każijiet oħra barra dawk imsemmija b’mod eżawrjenti fid-dritt nazzjonali in kwistjoni.

94. Minbarra dan, il-kumpens li għandu jitħallas mill-Istati Membri, għad-danni li jkunu kkawżaw lil individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju għandu jkun adegwat għad-dannu subit. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji f’dan ir-rigward, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tiffissa l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens, iżda dawn il-kriterji ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw talbiet jew azzjonijiet simili bbażati fuq il-liġi domestika u li, fl-ebda każ, ma jistgħu jkunu fformulati b’mod li jagħmluha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita, b’mod ġenerali, id-dannu li jista’ jiġi kkumpensat għad-dannu kkawżat biss lil ċerti interessi individwali speċifikament protetti, mingħajr ma tinkludi t-telf ta’ qligħ subit mill-individwi, mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju (ara, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata, punt 90).

95. Hemm lok li jingħad li l-esklużjoni totali tat-telf ta’ qligħ, bħala dannu li jista’ jiġi kkumpensat, f’każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, speċjalment fir-rigward tal-kawżi dwar affarijiet ekonomiċi jew kummerċjali, tali esklużjoni totali tat-telf ta’ qligħ hija ta’ natura li fil-prattika tirrendi l-ħlas ta’ kumpens għad-dannu impossibbli (ara, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata, punt 87).

96. Konsegwentement, ir-risposta għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix il-liġi domestika ta’ Stat Membru milli tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għal dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ kumpens għal dannu barra dak ikkawżat lil persuni jew oġġetti, bil-kundizzjoni li jkunu fformulati b’mod li fil-prattika ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba ta’ ħlas ta’ kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt Komuniutarju.

Fir-rigward tar-responsabbiltà personali ta’ l-uffiċjali [domanda 5(d) u domanda 6(a) in parti, u 6(b)]

97. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jawtorizzax, jew anki jeħtieġx, li tiġi prevista responsabbiltà personali ta’ uffiċjal li minħabba fih jitwettaq ksur tad-dritt Komunitarju u, eventwalment, jekk din ir-responsabbiltà tistax tkun suġġetta għal limitazzjonijiet partikolari.

98. Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix individwu barra minn Stat Membru milli jinżamm responsabbli, flimkien ma’ l-Istat Membru stess, għal danni kkawżati lill-individwi permezz ta’ miżuri li dan l-individwu ikun ħa bi ksur tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haim, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

99. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposta għandha tkun li, f’każ ta’ ksur tiegħu, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix uffiċjal milli jinżamm responsabbli flimkien ma’ l-Istat Membru, iżda dan mhuwiex meħtieġ minnu.

Fuq l-ispejjeż

100. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1) Id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal li, minħabba l-forma u ċ-ċirkustanzi tagħhom, joħolqu l-impressjoni għad-destinatarji tagħhom li huma pożizzjonijiet uffiċjali ta’ l-Istat, u mhux opinjonijiet personali ta’ uffiċjal, huma attribwibbli lill-Istat. L-element determinanti sabiex id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal jkunu attribwiti lil Stat huwa l-fatt li d-destinatarji ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu jistgħu raġonevolment jippresupponu, fil-kuntest partikolari, li dawn huma pożizzjonijiet li l-uffiċjal jieħu permezz ta’ l-awtorità marbuta mal-funzjoni tiegħu. Għalhekk, safejn huma attribwibbli lill-Istat, id-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal li jippreżentaw makkinarju, iċċertifikat konformi mad-Direttiva, bħala kuntrarju għall-istandard armonizzat rilevanti u perikoluż, jikkostitwixxu ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/37/KE, tat-22 ta’ Ġunju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-makkinarju.

2) F’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/37/KE riżultat ta’ l-imġiba ta’ uffiċjal ma jistax, safejn huwa attribwibbli lill-Istat Membru tiegħu, ikun iġġustifikat abbażi ta’ l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u lanqas abbażi tal-libertà ta’ l-espressjoni ta’ l-uffiċjali.

3) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/37 għandu jkun interpretat fis-sens li, minn naħa, jikkonferixxi xi drittijiet fuq l-individwi u li, min-naħa l-oħra, ma jħalli lill-Istati Membri ebda diskrezzjoni, f’dan il-każ, għal dak li jikkonċerna l-makkinarju konformi ma’ l-imsemmija Direttiva jew preżunt li huwa konformi. L-inosservanza ta’ din id-dispożizzjoni li tirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjal ta’ Stat Membru, sakemm hija attribwibbli lil Stat, tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju li tista’ twassal sabiex l-Istat Membru jinżamm responsabbli.

4) Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix il-liġi domestika ta’ Stat Membru milli tistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għal dak li jikkonċerna l-ħlas ta’ kumpens għal dannu barra dak ikkawżat lil persuni jew oġġetti, bil-kundizzjoni li jkunu fformulati b’mod li fil-prattika ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba ta’ ħlas ta’ kumpens għal dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt Komuniutarju.

5) F’każ ta’ ksur tiegħu, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix uffiċjal milli jinżamm responsabbli flimkien ma’ l-Istat Membru, iżda dan mhuwiex impost minnu.

Top