Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0462

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-16 ta' Ġunju 2005.
    Strabag AG (C-462/03) u Kostmann GmbH (C-463/03) vs Österreichische Bundesbahnen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesvergabeamt - l-Awstrija.
    Kuntratti Pubbliċi - Direttiva 93/38/KEE - Setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet - Kunċetti ta' "tħaddim" u ta' "provvista [tqegħid għad-dispożizzjoni]" ta' netwerkijiet li jipprovdu servizz pubbliku fis-settur tat-trasport bil-ferrovija - Xogħlijiet ta' infrastruttura ferrovjarja.
    Każijiet Magħquda C-462/03 u C-463/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:389

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    16 ta’ Ġunju 2005 (*)

    "Kuntratti Pubbliċi – Direttiva 93/38/KEE – Setturi ta' l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Kunċetti ta' "tħaddim" u ta' "provvista [tqegħid għad-dispożizzjoni]" ta' netwerkijiet li jipprovdu servizz pubbliku fis-settur tat-trasport bil-ferrovija – Xogħlijiet ta' infrastruttura ferrovjarja"

    Fil-kawżi magħquda C-462/03 u C-463/03,

    li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Bundesvergabeamt (l-Awstrija), b'deċiżjonijiet tas-27 ta' Ottubru 2003, li waslu fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta' Novembru 2003, fil-proċeduri

    Strabag AG (C-462/03),

    Kostmann GmbH (C-463/03)

    vs

    Österreichische Bundesbahnen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Léger,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati:

    –       għal Strabag AG, minn W. Mecenovic, Rechtsanwalt,

    –       għal Kostmann GmbH, minn R. Kurbos, Rechtsanwalt,

    –       għal Österreichische Bundesbahnen, minn J. Schramm, Rechtsanwalt,

    –       għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

    –       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Petrausch, bħala aġenti,

    –       għall-Gvern Olandiż, minn S. Terstal u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

    –       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Id-domandi għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għal appalti [kuntratti] pubbliċi għal dawk l-entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 199, p. 84).

    2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' żewġ kawżi rispettivament bejn Strabag AG (iktar ’il quddiem "Strabag") u Kostmann GmbH (iktar ’il quddiem "Kostmann"), kontra l-Österreichische Bundesbahnen (il-kumpannija nazzjonali ferrovjarja Awstrijaka, iktar ’il quddiem "ÖBB"), rigward l-għotja ta' kuntratti ta' favur kompetituri tagħhom, għall-bini u għall-irduppjar tan-numru ta' binarji ferrovjarji, u li jirrigwardaw b'mod partikolari xogħlijiet ta' tħammil, xogħlijiet bil-konkrit, livellar, bini ta' pontijiet ferrovjarji u xogħlijiet ferrovjarji.

     Il-Kuntest Ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       L-ewwel Artikolu tad-Direttiva 93/38 jagħti definizzjoni ta' xi kunċetti użati fid-Direttiva nfisha. B’hekk, skond il-paragrafi 1, 2, 4 u 7 ta' dan l-Artikolu:

    "1)       "awtoritajiet pubbliċi" għandha tfisser l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, il-korpi amministrati mil-liġi pubblika, l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn waħda minn dawn l-awtoritajiet jew minn korpi amministrati mil-liġi pubblika;

    Korp huwa kkunsidrat li huwa amministrat mil-liġi pubblika fejn:

    –       ikun stabbilit għall-għan speċifiku li jissodisfa l-bżonnijiet ta' l-interess ġenerali, li ma għandux natura industrijali jew kummerċjali,

    –       għandu personalità legali, u

    –       ikun iffinanzjat, għall-maġġorparti, mill-Istat, jew minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra amministrati mil-liġi pubblika, jew li jkun suġġett għas-sorveljanza tat-tmexxija minn dawn il-korpi, jew li għandu bord amministrattiv, maniġerjali jew ta' sorveljanza, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu appuntati mill-Istat, minn awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew minn korpi oħra amministrati mil-liġi pubblika;

    2)       "intrapriża pubblika" għandha tfisser kull intrapriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti minħabba d-dritt tal-pussess tagħhom fuqha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jamministrawha. Influwenza dominanti min-naħa ta' l-awtoritajiet pubbliċi għandha ssir meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fir-rigward ta' l-intrapriża:

    –       ikollhom il-maġġoranza tal-kapital sottoskritt ta' l-intrapriża, jew

    –       ikollhom il-kontroll tal-maġġoranza tal-voti marbuta ma' ishma maħruġa mill-intrapriża, jew

    –       jistgħu jappuntaw aktar minn nofs il-membri tal-korp amministrattiv, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza ta' l-intrapriża;

    –       […]

    4)       "kuntratti […] ta' provvista ta' xogħlijiet […]" għandhom ifissru kuntratti għall-interess finanzjarju konklużi bil-miktub bejn waħda mill-entitajiet kontraenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2, u […], kuntrattur […], li għandhom bħala l-intenzjoni tagħhom […] jew l-eżekuzzjoni, jew kemm l-eżekuzzjoni u t-tfassil jew ir-realizzazzjoni, bi kwalunkwe mezz, ta' l-attivitajiet ta' bini jew inġinerija ċivili li hemm referenza għalihom fl-Anness XI. Dawn il-kuntratti, jistgħu, barra minn hekk ikopru l-provvisti u s-servizzi neċessarji għall-eżekuzzjoni tagħhom […].

    7)       "proċeduri miftuħa, ristretti jew negozjati" għandha tfisser l-għoti ta' proċeduri applikati minn entitajiet kontraenti fejn:

    (a)       fil-każ ta' proċeduri miftuħa, il-fornituri, il-kuntratturi jew il-fornituri ta' servizzi kollha interessati jistgħu jissottomettu offerti;

    (b)       fil-każ ta' proċeduri ristretti, l-kandidati biss mistiedna mill-entità kontraenti jistgħu jissottomettu offerti;

    (ċ)       fil-każ ta' proċeduri negozjati, l-entità kontraenti tikkonsulta l-fornituri, il-kuntratturi jew il-fornituri ta' servizzi li tagħżel hi u tinnegozja t-termini tal-kuntratt ma' wieħed jew aktar minn wieħed minnhom;"

    4       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/38, din id-Direttiva għandha tapplika "għall-entitajiet kontraenti li:

    (a)       jkunu awtoritajiet pubbliċi jew intrapriżi pubbliċi u li jeżerċitaw wieħed mix-xogħlijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2;

    […]"

    5       Kif deskritti fl-Artikolu 2(2) ta' din id-Direttiva, dawk l-attivitajiet rilevanti fl-isfera ta' applikazzjoni tagħha – imsemmija fl-ewwel paragrafu ta' l-istess Artikolu – huma dawn:

    "(a)       il-provvista jew it-tħaddim ta' netwerks fissi maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku b'konnessjoni mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta':

    (i)       l-ilma tax-xorb; jew

    (ii)       l-elettriku; jew

    (iii)  il-gass jew it-tisħin;

    jew il-provvista ta' ilma tax-xorb, elettriku, gass jew tisħin lil netwerks bħal dawn;

    (b)       l-isfruttar ta' żona ġeografika bil-għan:

    (i)       ta' esplorazzjoni għal jew l-estrazzjoni ta' żejt, gass, faħam jew karburanti oħra solidi, jew

    (ii)  il-provvista ta' faċilitajiet ta' ajruporti, portijiet marittimi jew interni jew faċilitajiet terminali oħrajn lil trasportaturi bl-ajru, bil-baħar jew b'passaġġi fuq l-ilma interni;

    (ċ)       it-tħaddim ta' netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, sistemi li jaħdmu weħidhom, tramway, trolley bus, karrozzi tal-linja jew kejbil.

    F'dak li għandu x'jaqsam ma' servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f'kundizzjonijiet ta' tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru, bħal kundizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li jkunu disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz;

    (d) il-forniment jew it-tħaddim ta' netwerks pubbliċi tat-telekomunikazzjoni jew il-forniment ta' servizz pubbliku wieħed jew aktar tat-telekomunikazzjoni."

    6       L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/38 jgħid:

    "Meta jagħtu kuntratti ta' provvista, xogħlijiet jew servizz, jew meta jorganizzaw konkorsi ta' disinn, l-entitajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri li jkunu addattati għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva."

    7       L-Artikolu 6(1) ta' l-istess Direttiva jgħid illi din id-Direttiva "ma għandhiex tapplika għal kuntratti jew konkorsi ta' disinn mogħtija jew organizzati mill-entitajiet kontraenti għal għanijiet oħra għajr it-tkomplija ta' l-attivitajiet tagħhom kif deskritt fl-Artikolu 2(2) jew għat-tkomplija ta' dawn l-attivitajiet f'pajjiż mhux membru, f'kundizzjonijiet li ma jinvolvux l-użu fiżiku ta' netwerk jew żona ġeografika fi ħdan il-Komunità."

    8       Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 93/38, "L-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu kwalunkwe proċedura deskritta fl-Artikolu 1(7), sakemm, suġġetti għall-paragrafu 2, jkunu għamlu sejħa għall-kompetizzjoni skond l-Artikolu 21." L-imsemmi paragrafu 2 jipprovdi lista ta' dawk iċ-ċirkustanzi fejn l-entitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura mingħajr ma qabel jagħmlu sejħa għall-offerti.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

     Il-liġi federali ta' l-1997 dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

    9       Fil-liġi Awstrijaka, id-Direttiva 93/38 ġiet implementata permezz tal-liġi federali ta’ l-1997 dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi [Bundesgesetz über die Vergabe von Aufträgen (Bundesvergabegesetz), 1997, BGBl. I, 56/1997, iktar ‘il quddiem il-“BVergG 1997”]. Skond il-paragrafi (1), (2) u (4) ta' l-Artikolu 84, li jinsab fil-ħames kapitolu ta' din il-liġi, bit-titolu "Regoli speċifiċi fir-rigward ta' l-entitajiet kontraenti fis-setturi ta' l-ilma, ta’ l-enerġija, u tat-trasport kif ukoll fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet"

    "(1)      Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu huma applikabbli biss jekk l-entitajiet kontraenti li tirreferi għalihom din il-liġi jeżerċitaw attività skond il-paragrafu (2) […].

    (2)      L-attivitajiet li jirreferi għalihom l-ewwel paragrafu huma dawn:

    1.      il-provvista jew it-tħaddim ta' netwerkijiet fissi […]

    2.      l-isfruttament ta' żona ġeografika delimitata għall-finijiet ta’ […]

    3.       it-tħaddim ta' netwerkijiet fissi intiżi li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, sistemi awtomatiċi, tramway, karozzi tal-linja, trolleybus jew kejbil.

    4.      il-provvista jew it-tħaddim ta' netwerkijiet pubbliċi ta' telekomunikazzjonijiet jew il-provvista ta' wieħed jew iktar servizzi ta' telekomunikazzjonijiet.

    […]

    (4)      Fir-rigward tas-servizzi ta' trasport imsemmija fit-tielet punt tat-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu, jitqies li jeżisti netwerk meta s-servizz ikun ipprovdut skond il-kundizzjonijiet li jkunu ġew stabbiliti minn awtorità kompetenti, bħal fost oħrajn il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-itinerarji li għandhom jiġu segwiti, il-kapaċità tat-trasport, jew il-frekwenza tas-servizz. […]"

    10     L-Artikolu 113 tal-BVergG 1997 jiddetermina l-kompetenzi tal- Bundesvergabeamt (l-Uffiċċju Federali tal-Kuntratti). Dan l-Artikolu jgħid:

    "(1)      Il-Bundesvergabeamt huwa kompetenti li jisma’ l-proċeduri tar-rikorsi li jiġu ppreżentati quddiemu skond id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu segwenti."

    (2)      Bil-għan illi jieqfu l-vjolazzjonijiet tal-liġi federali preżenti u tar-regolamenti għall-applikazzjoni tagħha, il-Bundesvergabeamt huwa kompetenti, sal-mument li jingħata l-kuntratt, li:

    1.      jadotta miżuri provviżorji, u

    2.      jannulla deċiżjonijiet illegali ta' l-entitajiet kontraenti ta' l-awtorità pubblika.

    (3)      Wara l-għoti tal-kuntratt, jew wara l-għeluq tal-proċedura ta' aġġudikazzjoni, il-Bundesvergabeamt huwa kompetenti li jiddetermina jekk, minħabba l-ksur tal-liġi federali preżenti jew tar-regolamenti ta’ applikazzjoni tagħha, il-kuntratt ma ngħatax lill-aħjar offerent. […]"

     Il-liġi federali ta' l-2002 dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi.

    11     Il BvergG 1997 ġiet imħassra u ssostitwita fl-1 ta' Settembru 2002 minn liġi federali ġdida rigward l-għoti ta' kuntratti pubbliċi [il-Bundesgesetz über die Vergabe von Aufträgen (Bundesvergabegesetz) 2002, BGBl. I, 99/2002, iktar ‘il quddiem il-"BVergG 2002"]. L-Artikolu 120 ta' din il-liġi jirriproduċi l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet li kienu jinsabu fl-Artikolu 84 tal-BVergG 1997. Diversament mill-Artikolu 84 tal-BVergG 1997, l-imsemmi Artikolu 120(2)(3) tal-BVergG 2002 jiddisponi li, fir-rigward tas-settur tat-trasport, kemm it-tħaddim kif ukoll il-provvista ta' netwerkijiet maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku fl-oqsma tat-trasport ferrovjarju, sistemi awtomatiċi, tramway, karozzi tal-linja, trolleybus jew kejbil huma inklużi fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 120(1), u bħala konsegwenza huwa applikabbli għalihom ir-reġim speċifiku previst mid-Direttiva 93/38.

    12     Fir-rigward tal-kompetenzi rrikonoxxuti lill-Bundesvergabeamt, il-BVergG 2002 għal darb'oħra jsegwi b'mod kunsiderevoli d-dispożizzjonijiet tal-BVergG 1997, b'mod partikolari l-Artikolu 162 tal-BVergG 2002 jirriproduċi, b'ċerti emendi, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 113 tal-BVergG 1997.

    13     L-Artikolu 188 tal-BVergG 2002, li jirrigwarda d-dħul fis-seħħ ta' din il-liġi u t-tħassir tal-BvergG 1997, jgħid fl-ewwel paragrafu illi l-BVergG 2002 mhuwiex applikabbli għar-rigward ta' dawk il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti li kienu diġà bdew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-liġi. Bħala konsegwenza, it-tielet paragrafu ta' l-istess Artikolu jistipula illi, fil-każ li kienu saru xi rikorsi quddiem il-Bundesvergabeamt qabel l-1 ta' Settembru 2002, dan l-organu huwa marbut li jikkunsidra dawn ir-rikorsi skond id-dispożizzjonijiet tal-BVergG 1997, fil-verżjoni kif ippubblikata fil-BGBl. I, 136/2001.

    14     Bis-saħħa tat-tieni sentenza ta' l-istess dispożizzjoni, din ir-regola mhijiex applikabbli f'dawk il-każijiet fejn il-proċedura tiġi sospiża, jew meta ssir talba għal deċiżjoni preliminari […]. F'dawn iż-żewġ ipoteżijiet, il-Bundesvergabeamt huwa fil-fatt marbut, wara li tiġi deċiża l-eċċezzjoni preliminari li kkawżat is-sospensjoni, jew wara li tiġi riċevuta d-deċiżjoni preliminari, illi jkompli l-proċedura fuq il-bażi tal-BVergG 2002.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    15     Iż-żewġ kawżi prinċipali huma bbażati fuq fatti simili. Dawn joriġinaw mid-deċiżjoni li biha l-ÖBB – liema kumpannija tappartjeni lill-Istat Awstrijaku, u li għandha l-għan, skond l-Artikolu 1(3) tal-liġi federali ta’ l-1992 dwar il-ferroviji (Bundesbahngesetz 1992, BGBl. 825/1992), li tassigura t-trasport tal-persuni u tal-merkanzija, kif ukoll li tibni u li tieħu ħsieb l-infrastrutturi neċessarji sabiex jintlaħaq dan il-għan – irrifjutat l-offerti magħmula mil-kumpanniji rikorrenti fil-kawżi prinċipali, u fiż-żewġ każijiet aġġudikat il-kuntratti għax-xogħlijiet in-kwistjoni lill-kompetituri ta’ dawn it-tnejn ta’ l-aħħar. Strabag u Kostmann essenzjalment qegħdin jikkontestaw l-użu, minn ÖBB tal-proċedura nnegozjata għall-għoti tal-kuntratti.

     Kawża C-462/03

    16     Permezz tal-komunikazzjoni tad-29 ta' Diċembru 2000, l-ÖBB ippubblikat, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, sejħa għal offerti għal diversi xogħlijiet ta' konkrit rinfurzat, bini ta' kostruzzjoniijiet ferrovjarji, kif ukoll ta' pontijiet ferrovjarji.

    17     Erbatax-il impriża tal-bini, li fosthom hemm Strabag u Kostmann, ippreżentaw offerta għal din is-sejħa. Iżda l-offerti ta' dawn iż-żewġ impriżi ġew irrifjutati. Wara li ġiet infurmata bl-isem ta' l-impriża li lilha ÖBB iddeċidiet li taġġudika l-kuntratt, permezz ta' faks tal-5 ta' Lulju 2002, Strabag iddeċidiet li tippreżenta rikors quddiem il-Bundesvergabeamt kontra d-deċiżjoni ta' ÖBB li taġġudika l-imsemmi kuntratt, fejn talbet, skond l-Artikolu 113(2) tal-BVergG 1997, minn naħa, l-annullament ta' din id-deċiżjoni, u min-naħa l-oħra, li l-Bundesvergabeamt jadotta miżuri provviżorji li jikkonsistu, f'dan il-każ, fl-inibizzjoni fil-konfront ta' l-awtorità li ħarġet l-offerta bl-iskop illi titwaqqaf milli tikkonkludi l-kuntratt in kwistjoni sakemm tingħata deċiżjoni dwar il-mertu tar-rikors.

    18     Permezz ta' l-ewwel deċiżjoni mogħtija fit-22 ta' Lulju 2002, dakinhar stess ta’ meta ġiet konkluża l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt in kwistjoni bejn ÖBB u l-impriża li ngħatat il-kuntratt, il-Bundesvergabeamt laqa’ t-talba għall-miżuri provviżorji, u indirizza l-inibizzjoni mitluba minn Strabag.

    19     Permezz tat-tieni deċiżjoni tat-30 ta' Awwissu 2002, din l-awtorità kontraenti, fir-rigward tal-mertu, iddeċidiet illi d-deċiżjoni li kontriha kienu saru l-proċeduri, kienet konformi mal-liġijiet kemm nazzjonali kif ukoll dawk Komunitarji rigward il-kuntratti pubbliċi, b'mod li ma kienx possibbli li ssir talba għall-annullament ta’ l-imsemmi kuntratt. Madankollu, f'din l-istess deċiżjoni, il-Bundesvergabeamt qies illi l-proċedura adottata għall għoti tal-kuntratt kienet illegali. Dan ġie bbażat fuq il-fatt li l-proġett infrastrutturali in kwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkonċerna "il-provvista" ta' netwerk ta' trasport pubbliku, u ma setax għalhekk jitqies li huwa attività rilevanti għas-settur imsemmi fl-Artikolu 84(2)(3) tal-BVergG 1997. Skond il-Bundesvergabeamt, tali konstatazzjoni ta' illegalità ma teżiġix madankollu li l-Qorti tintalab tinterpreta l-leġiżlazzjoni Komunitarja, peress illi l-liġijiet nazzjonali kkonċernati huma ċari u jirriflettu fedelment, fuq dan il-punt, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 u, b'mod partikolari, dawk ta’ l-Artikolu 2 (2)(ċ) tagħha.

    20     Wara li ngħatat din l-aħħar deċiżjoni, Strabag minn naħa waħda appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verfassungsgerichtshof, fejn sostniet, b'mod partikolari, illi l-Bundesvergabeamt kien żbaljat meta ċaħad it-talba għar-rinviju preliminari minnha ppreżentata. Min-naħa l-oħra, Strabag talbitu jikkonstata, skond l-Artikolu 113(3) tal-BVergG 1997, illi, bħala riżultat tal-ksur ta' din il-liġi, il-kuntratt ma kienx ingħata lill-aħjar offerent. F'dan ir-rigward, l-imsemmija kumpannija bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni ta' dan l-istess organu ġuridiku, li qal li l-għażla tal-proċedura nnegozjata għall-għoti tal-kuntratt minn ÖBB kienet żbaljata. Din l-aħħar talba kienet magħmula fit-30 ta' Awwissu 2002, u dehret quddiem il-Bundesvergabeamt fit-2 ta' Settembru 2002, jigifieri l-għada li daħlet fis-seħħ il-BVergG 2002.

    21     Peress li l-Bundesvergabeamt qies li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, li sab ruħu quddiem kwistjoni li titlob interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fid-dawl, b'mod partikolari, tal-formulazzjoni l-ġdida tal-BVergG 2002 rigward is-settur tat-trasport, jiġifieri l-Artikolu 120(2)(3) 2002 ta din il-liġi, u tad-differenzi li jeżistu, kemm fuq livell terminoloġiku kif ukoll fuq dak lingwistiku, bejn l-ipoteżijiet imsemmija, minn naħa, fl-Artikolu 2(2)(a) u (d) tad-Direttiva 93/38, u dawk imsemmija, min-naħa l-oħra, fl-istess subartikolu taħt (b) u (ċ), huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti s-segwenti domandi preliminari:

    "1)      L-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 93/38/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens illi, f'dak li għandu x'jaqsam mas-servizzi ta' trasport, kuntrarjament għall-ipoteżijiet l-oħra ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva, [huwa] 'biss' it-tħaddim ta' netwerkijiet li għandu jitqies bħala attività settorjali?

    2)      Liema huma l-attivitajiet li huma inklużi fl-espressjoni 'tħaddim ta' networks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija,' skond l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 93/38/KEE? Sa fejn jista wieħed jinkludi, b'mod partikolari, il-proġetti ta' natura infrastrutturali? Sa fejn jistgħu proġetti ta' dan it-tip jiġu inklużi fl-espressjoni 'provvista ta' networks'?

    3)      Sa fejn, fl-isfera tat-trasport (bil-ferrovija), huwa biss it-tħaddim ta' netwerks li huwa suġġett għad-Direttiva 93/38/KEE (u għalhekk fil-każ ta' tweġiba pożittiva għall-ewwel domanda): l-awtorità inkarigata bl-appell hija marbuta tiskarta l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tgħid, kuntrarjament għall-kliem tad-Direttiva 93/38/KEE, li 'il-provvista ta' netwerks maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku fis-settur tat-trasport bil-ferrovija' tikkostitwixxi wkoll attività settorjali?"

     Kawża C-463/03

    22     Kif diġà ssemma fil-punt 15 ta' din id-deċiżjoni, il-fatti li taw lok għal din it-tieni kawża huma analogi għal dawk li taw lok għall-kawża C-462/03. Wara l-pubblikazzjoni, minn ÖBB, ta' diversi sejħiet għal offerti li kellhom bħala għan xogħlijiet ta' tħaffir, tħammil, livellar u xogħlijiet bil-konkrit, kif ukoll il-bini ta' pontijiet, ta' bjar, ta' mini u ta' passaġġi taħt l-art marbuta mal-kostruzzjoni jew l-irduppjar ta' ċerti linji ferrovjarji, Kostmann ippreżentat offerti bil-għan li tingħata l-imsemmija kuntratti.

    23     Wara li ġiet mgħarrfa minn ÖBB li l-offerta li kienet ippreżentat fil-kuntest ta' l-ewwel kuntratt ma ntlaqatx u li l-kuntratt kien ġie aġġudikat lil impriża oħra, Kostmann, permezz ta' ittra tat-13 ta' Diċembru 2000, talbet lill-Bundesvergabeamt jikkonstata, skond l-Artikolu 113(3) tal-BVergG 1997, illi l-kuntratt ma kienx ġie aġġudikat lill-aħjar offerent, minħabba, skond hi, l-użu inġustifikat, u kontra l-liġi federali dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, tal-proċeduri negozjati.

    24     Il-legalità ta' l-użu ta' din l-aħħar proċedura huwa wkoll in kwistjoni fid-disputa li Kostmann għandha kontra ÖBB, f'dak li jirrigwarda s-sejħiet għall-offerti l-oħra ppublikati fuq talba ta' ÖBB, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament magħmul minn Kostmann quddiem din l-istess Qorti, permezz ta' l-ittri tat-13 ta' Diċembru 2000 u t-13 ta' Jannar 2001, jiġifieri ftit ġranet biss wara l-pubblikazzjoni ta' l-imsemmija sejħiet għal offerti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għal darb' oħra f'dawn il-każijiet, il-kuntratti ġew aġġudikati lill-impriżi kompetituri tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara li, f'ċerti każijiet, ġiet irrifjutata t-talba għal miżuri provviżorji li hi kienet ippreżentat.

    25     L-argumenti mressqa quddiem il-Bundesvergabeamt fil-kuntest ta' dawn id-diversi proċeduri huma, sostanzjalment, l-istess bħal dawk li taw bidu għall-kawża C-462/03. L-ÖBB tiddefendi l-użu tal-proċedura negozjata għall-għoti ta' kuntratti billi targumenta illi l-proġetti infrastrutturali li taw lok għad-diversi sejħiet għal offerti kienu jikkostitwixxu attività li taqa’ fis-settur imsemmi fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 93/38, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-BVergG 1997, b'tali mod illi, skond l-Artikolu 20(1) ta’ din id-Direttiva, l-awtorità kontraenti li tat l-offerta setgħet liberament tirrikorri għal-proċedura miftuħa ristretta jew negozjata. Min-naħa l-oħra, Kostmann issostni li ÖBB kellha tirrikorri għar-regoli ordinarji ta' għoti ta' kuntratti, jiġifieri, dawk previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 199, p. 54), li tipprevedi l-użu tal-proċedura negozjata f'każ eċċezzjonali biss, peress illi x-xogħlijiet infrastrutturali in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidhrux fost l-attivitajiet rilevanti tas-settur imsemmi fl-Artikolu 2(2)(ċ), tad-Direttiva 93/38.

    26     Billi qies li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, il-kliem ta' din l-aħħar Direttiva kellhom bżonn ta’ interpretazzjoni, il-Bundesvergabeamt iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jirreferi lill-Qorti tliet domandi preliminari, li l-kliem tagħhom huwa identiku għal dak tad-domandi mniżżla fil-punt 21 ta' din is-sentenza.

    27     B'digriet tal-president tal-Qorti tas-16 ta' Jannar 2004, il-kawżi C-462/03 u C-463/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali, kif ukoll għas-sentenza.

     Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

    28     Fl-osservazzjonijiet li ssottomettiet lill-Qorti, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej esprimiet, preliminarjament, dubji rigward l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari li saru. Hija ssostni, f'dan ir-rigward, li dawn il-mistoqsijiet huma ta' natura purament teorika, peress illi l-ÖBB hija entità kontraenti li teżerċita attività speċifika kif imsemmi fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 93/38, u li l-proġetti infrastrutturali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali huma direttament relatati ma' din l-attività. Il-kwistjoni dwar jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni tan-netwerkijiet tal-ferroviji jaqax, b'mod ġenerali, taħt il-paragrafu (2)(ċ) ta’ dan l-Artikolu titlef għalhekk kull rilevanza fil-kawżi prinċipali.

    29     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar illi, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza kostanti, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha l-kawża quddiemha u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tiddeċiedi skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm jekk hemmx in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun kapaċi tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li din tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rifjut, minn din ta' l-aħħar, li tippronunzja ruħha fuq domanda magħmula minn qorti nazzjonali m'huwiex possibbli ħlief jekk ikun jidher b'mod ċar u manifest illi l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realta jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta' natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti ma jkollhiex l-elementi ta' fatt u tad-dritt neċessarji biex tirrispondi b'mod utli għad-domandi li jkunu mressqa lilha (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Canal Satélite Digital, C-390/99, tat-22 ta' Jannar 2002 (Ġabra. p. I-607, punti 18 u 19), Adolf Truley, C-373/00, tas-27 ta' Frar 2003 (Ġabra. p. I-1931, punti 21 u 22), kif ukoll Gustav Schneider, C-380/01 tal-5 ta' Frar 2004 (Ġabra. p. I-1389, punti 21 u 22).

    30     F'dan il-każ, ma jidhirx illi d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jaqaw manifestament taħt wieħed minn dawn il-każijiet.

    31     Minn naħa waħda, fil-fatt, ma jistax jingħad li l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew is-suġġett tal-kawżi prinċipali, jew li l-problema in kwistjoni hija ta' natura ipotetika għaliex l-evalwazzjoni, minn naħa tal-qorti tar-rinviju, tal-legalità ta' l-użu tal-proċedura negozjata għall-għoti ta' kuntratti tiddependi, b'mod partikolari, mill-kwistjoni jekk il-proġetti infrastrutturali kkonċernati fil-kawżi prinċipali jaqgħux jew le fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva 93/38.

    32     Min-naħa l-oħra, il-Bundesvergabeamt ta lill-Qorti l-elementi kollha neċessarji sabiex hi tkun f'pożizzjoni li twieġeb b'mod utli għad-domandi.

    33     Dawn għandhom, għalhekk, jiġu ddikjarati ammissibbli.

     Fuq l-ewwel u t-tieni domanda.

    34     Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, dwar il-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva 93/38. Jirriżulta, fil-fatt, kemm mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju kif ukoll fl-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti li, bid-domandi tagħha relatati mal-portata ta' l-espressjonijiet "tħaddim" u "provvista [tqegħid għad-dispożizzjoni]" ta' netwerkijiet tat-trasport, il-Bundesvergabeamt qiegħed jipprova jsir jaf jekk il-proġetti ta' infrastruttura in kwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex fost dawk l-attivitajiet rilevanti għas-settur imsemmi fl-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ l-imsemmija Direttiva u jekk l-awtorità kontraenti setgħetx, konsegwentement, tidderoga mir-regoli ordinarji ta’ għoti ta' kuntratti kif previsti mid-Direttiva 93/37 favur dawk imsemmija fid-Direttiva 93/38, li tawtorizza użu aktar wiesa' tal-proċedura negozjata.

    35     F'dan ir-rigward, ta' min ifakkar, minn naħa, li skond l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 93/38, din hija applikabbli fir-rigward ta' l-entitajiet kontraenti, li huma awtoritajiet pubbliċi u li jeżerċitaw waħda mill-attivitajiet imsemmija fit-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu.

    36     Minn naħa l-oħra jirriżulta mill-Artikolu 4(1) ta' l-imsemmija Direttiva li, meta jaġġudikaw kuntratti ta' provvista, ta' xogħlijiet jew ta' servizzi jew meta jorganizzaw il-konkorsi tagħhom, l-entitajiet kontraenti japplikaw il-proċeduri li jiġu adegwati għad-dispożizzjonijiet ta' l-istess Direttiva.

    37     Kif qalet ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, jirriżulta mill-qari kkombinat ta' dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet illi l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/38 tiddependi mill-attività eżerċitata mill-entità kontraenti kkonċernata kif ukoll mir-relazzjonijiet eżistenti bejn din l-istess attività u l-kuntratt ipproġettat mill-imsemmija entità. Jekk din ta’ l-aħħar teżerċita waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/38 u tipprevedi fl-eżerċizzju ta' tali attività, ħaġa li għandha tiġi kkonstatata mill-qorti tar-rinviju, li taġġudika kuntratt għal servizzi, xogħlijiet jew provvista jew li meta torganizza konkors, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma applikabbli għal dan il-kuntratt jew konkors. Fil-każ oppost, l-imsemmi kuntratt jew konkors ikun regolat mir-regoli previsti mid-Direttivi li jikkonċernaw, skond il-każ, l-għoti ta' kuntratti ta’ servizzi, ta' xogħlijiet jew ta' provvisti.

    38     Din l-interpretazzjoni hi, barra minn hekk, ikkorroborata b'mod espliċitu kemm mill-kliem stess ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/38, li jgħidu li din ta’ l-aħħar mhijiex applikabbli, b'mod partikolari, għall-kuntratti jew konkorsi li l-entitajiet kontraenti jagħtu jew jorganizzaw barra mill-iskopijiet mhux relatati ma' l-eżerċizzju ta' l-attivitajiet tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2(2) ta' l-istess Direttiva, ħlief permezz tal-qari tat-tlettax-il premessa tagħha, li tippreċiża li l-imsemmija Direttiva ma għandhiex tkun applikabbli għall-attivitajiet ta' dawk l-entitajiet li ma jinvolvux is-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija u tat-trasport jew tat-telekomunikazzjonijiet jew li, anki jekk huma jiffurmaw parti minnhom, huma esposti direttament għall-kompetizzjoni fis-swieq li d-dħul fihom mhuwiex ristrett.

    39     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, għandha tingħata risposta għaż-żewġ domandi magħmula f'kull waħda mill-kawżi prinċipali fis-sens illi, meta entità kontraenti li teżerċita waħda mill-attivitajiet speċifikatament imsemmija mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 93/38 tqis, fl-eżerċizzju ta' din l-attività, li tagħti kuntratt għal servizzi, għal xogħlijiet jew għal provvista jew torganizza konkors, dan il-kuntratt jew dan il-konkors huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

     Fuq it-tielet domanda.

    40     Permezz tat-tielet domanda tagħha, ifformulata bi kliem identiku f'kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk hijiex marbuta li tieqaf milli tapplika liġi nazzjonali li, kuntrarjament għall-kliem ta' l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 93/38, tipprevedi li tqegħid għad-dispożizzjoni ta' netwerkijiet maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku fis-settur tat-trasport bil-ferrovija jikkostitwixxi wkoll attività tas-settur imsemmi f'din id-Direttiva.

    41     Din id-domanda tibbaża ruħa fuq il-premessa li tgħid li x-xogħlijiet infrastrutturali bħal dawk fil-kawżi prinċipali in kwistjoni ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni materjali tad-Direttiva 93/38 peress illi, skond il-qorti tar-rinviju, dawn ix-xogħlijiet għandhom jiġu mqabbla ma "provvista" ta' netwerkijiet ta' trasport u li din l-attività ma tidhirx fost dawk li huma msemmija espressament fl-Artikolu 2(2)(ċ) ta' l-imsemmija Direttiva.

    42     Issa, din il-premessa hija żbaljata. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 37 ta' din is-sentenza, l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/38 tiddependi fil-fatt fuq l-attività eżerċitata mill-entità kontraenti kkonċernata u fuq ir-rabtiet ezistenti bejn din l-attività u l-kuntratt previst mill-imsemmija entità.

    43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

     Fuq l-ispejjeż

    44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    Meta entità kontraenti li teżerċita waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għal appalti [kuntratti] pubbliċi għal dawk l-entitajiet li joperaw fis-setturi ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet, tipprevedi, fl-eżerċizzju ta' din l-attività, li tagħti kuntratt għal servizzi, għal xogħlijiet jew ta' provvista jew torganizza konkors, dan il-kuntratt jew dan il-konkors jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top