EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0456

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-16 ta' Ġunju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta' Twettiq ta’ obbligu - Direttiva 98/44/KE - Protezzjoni legali ta' invenzjonijiet bijoteknoloġiċi - Ammissibbiltà - Nuqqas ta' traspożizzjoni - Artikoli 3(1), 5(2), 6(2) u 8 sa 12.
Kawża C-456/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:388

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Ġunju 2005(*)

"Nuqqas ta' Twettiq ta’ obbligu – Direttiva 98/44/KE - Protezzjoni legali ta' invenzjonijiet bijoteknoloġiċi – Ammissibbiltà – Nuqqas ta' traspożizzjoni – Artikoli 3(1), 5(2), 6(2) u 8 sa 12"

Fil-kawża C‑456/03

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226KE, imressaq fis-27 ta’ Ottubru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Banks, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I.M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla , J.‑P. Puissochet, R. S. von Bahr, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz‑Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrativi meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali ta' l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU L213, p.13, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva"), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku tal-kawża

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

2       Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva :

"L-Istati Membri għandhom jipproteġu l-invenzjonijiet bijoloġiċi fil-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi. Għandhom, fejn meħtieġ, jaġġustaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi sabiex iqisu d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva."

3       Skond l-Artikolu 3(1) ta' din l-istess Direttiva :

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, invenzjonijiet ġodda, li jinvolvu pass inventiv u li huma suxxettibbli li jiġu applikati ndustrijalment għandhom jedd għall-privattiva anke jekk jirrigwardaw prodott li jikkonsisti minn jew ikun fih materjal bijoloġiku jew proċess li permezz tiegħu jiġi prodott, ipproċessat jew użat xi materjal bijoloġiku."

4       L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprovdi :

"1. Il-ġisem tal-bniedem, fl-istadji varji tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu, u l-iskoperta sempliċi ta' wieħed mill-elementi tiegħu, inklużi s-sekwenza jew is-sekwenza parzjali ta' ġene, ma jistgħux jikkostitwixxu invenzjonijiet li għandhom jedd għall-privattiva.

2. Element iżolat mill-ġisem uman jew prodott xorta oħra permezz ta' proċess tekniku, inklużi s-sekwenza jew is-sekwenza parzjali ta' ġene, jista' jikkostitwixxi nvenzjoni li għandha jedd għall-privattiva anke jekk l-istruttura ta' dan l-element tkun identika għal dak ta' element naturali.

3. L-applikazzjoni industrijali ta' sekwenza jew ta' sekwenza parzjali ta' ġene għandha tiġi żvelata fl-applikazzjoni għall-privattiva."

5       L-Artikolu 6 ta' l-imsemmija Direttiva jippreċiża

"1. L-invenzjonijiet għandhom jitqiesu li ma jistgħux jiġu bil-privattiva meta l-isfruttament kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika; madankollu, l-isfruttament m’għandux jitqies bħala kuntrarju sempliċement minħabba li jkun ipprojbit bil-liġi.

2. Fuq il-bażi tal-paragrafu 1, dan li ġej, b'mod partikolari, għandu jitqies li għandu jedd għall-privattiva:

(a) il-proċessi għall-cloning tal-persuni umani;

(b) il-proċessi li jimmodifikaw l-identità tal-linja ġenetika tal-persuni umani;

(ċ) l-użi ta' l-embrjonijiet għal għanijiet industrijali jew kummerċjali;

(d) il-proċessi sabiex tiġi mmodifikata l-identità ġenetika ta' l-annimali li x'aktarx tikkawżalhom tbatija mingħajr ebda benefiċċju sostanzjali mediku għall-bniedem jew għall-annimali, kif ukoll l-annimali li jirriżultaw minn dawn il-proċessi.”

6       Il-Kapitolu II tad-Direttiva huwa ddedikat għall-Qasam ta' Applikazzjoni tal-Protezzjoni kkonferita minn privattiva li tirrigwarda invenzjoni bijoteknoloġika. Dan fiħ id-dispożizzjonijiet li ġejjin :

"Artikolu 8

1. Il-protezzjoni kkonferita minn privattiva dwar matejal bijoloġiku li jippossjedi karatteristiċi speċifiċi b'riżultat ta' l-invenzjoni għandha tiġi estiża għal kull materjal bijoloġiku mnissel minn dan il-materjal bijoloġiku permezz tal-propagazzjoni jew tal-moltiplikazzjoni f'għamla identika jew diverġenti u li tippossjiedi wħud minn dawn il-karatteristiċi.

2. Il-protezzjoni kkonferita minn privattiva dwar proċess li jgħin matejal bijoloġiku li għandu jiġi prodott li jippossjiedi karatteristiċi speċifiċi b'riżultat ta' l-invenzjoni għandha tiġi estiża għall-materjal bijoloġiku miksub direttament permezz ta' dan il-proċess u kull materjal bijoloġiku ieħor imnissel mill-materjal bijoloġiku miksub direttament permezz tal-propagazzjoni jew il-moltiplikazzjoni f'għamla identika jew diverġenti u li jippossjiedi dawn l-istess karatteristiċi.

Artikolu 9

Il-protezzjoni kkonferita minn privattiva rigward prodott li jkun fih jew jikkonsisti f'tagħrif ġenetiku għandha tiġi estiża għall-materjal kollu, għajr dak ipprovvdut fl-Artikolu 3(1), li fih il-prodott ikun inkorporat u li fih it-tagħrif ġenetiku jkun ikkontenut u li jwettaq il-funzjoni tiegħu.

Artikolu 10

Il-protezzjoni riferita fl-Artikoli 8 u 9 m’għandhiex tiġi estiża għall-materjal bijoloġiku miksub mill-propagazzjoni jew il-moltiplikazzjoni tal-materjal bijoloġiku mqiegħed fis-suq fit-territorju ta' Stat Membru mill-pussessur ta' privattiva jew bil-kunsens tiegħu, meta l-propagazzjoni jew il-moltiplikazzjoni neċessarjament jirriżultaw mill-applikazzjoni li għaliha l-materjal bijoloġiku jkun ġie mqiegħed fis-suq, sakemm dan il-materjal miksub ma jiġix sossegwentement użat għal propagazzjoni jew moltiplikazzjoni oħra.

Artikolu 11

2. Permezz ta' deroga mill-Artikoli 8 u 9, il-bejgħ jew kull għamla oħra ta' kummerċjalizzazzjoni tal-bhejjem għat-tgħammir jew ta' materjal ieħor tar-riproduzzjoni ta' l-annimali lil bidwi mill-pussessur ta' privattiva jew bil-kunsens tiegħu jimplika l-awtorizzazzjoni li l-bidwi juża l-bhejjem protetti għal għan agrikolu. Dan jinkludi li jagħmlu disponibbli l-annimal jew il-materjal l-ieħor tar-riproduzzjoni ta’ l-nnimal għall-għanijiet ta' insegwiment ta' l-attività agrikola tiegħu imma mhux għall-bejgħ fi ħdan il-kwadru jew bil-għan ta' attività kummerċjali tar-riproduzzjoni.

3. Il-firxa u l-kondizzjonijiet tad-deroga pprovduta fil-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti bil-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiċi nazzjonali."

7       Skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva :

"1. Meta wieħed li jrabbi ma jkunx jista' jikseb jew jisfrutta dritt fuq varjeta ta' pjanta mingħajr ma jikser privattiva ta' qabel, jista' japplika għal liċenzja obbligatorja ta' l-użu esklussiv tal-privattiva billi l-liċenzja tkun meħtieġa għall-isfruttament tal-varjeta tal-pjanta li għandha tiġi protetta, bla ħsara għall-ħlas tad-dritt approprjat ta' l-awtur. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, meta tingħata din il-liċenzja, il-pusssur tal-privattiva huwa intitolat għal liċenzja inkroċjata fuq kondizzjonijiet raġjonevoli sabiex juża l-varjetà protetta.

2. Meta d-dentetur ta' liċenzja li tirrigwarda invenzjoni bijoteknoloġika ma jistax jisfruttaha mingħajr ma jikser id-dritt minn qabel ta' varjetà ta' pjanta, jista' japplika għal liċenzja obbligatorja għall-użu mhux esklussiv tal-varjetà tal-pjanta protetta b'dan id-dritt, bla ħsara għall-ħlas tad-dritt approprjat ta' l-awtur. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, meta tingħata din il-liċenzja, id-dentetur tal-privattiva huwa intitolat għal liċenzja inkroċjata fuq kondizzjonijiet raġjonevoli sabiex juża l-invenzjoni protetta.

3. L-applikanti għal-liċenzji riferiti fil-paragrafu 2 għandhom juru li:

(a) ikunu applikaw mingħajr suċċess lid-dentetur tal-privattiva jew tad-dritt fuq il-varjetà tal-pjanta sabiex jiksbu liċenzja kontrattwali;

(b) il-varjetà tal-pjanta jew l-invenzjoni jikkostitwixxu progress tekniku sinifikanti ta' interess ekonomiku konsiderevoli meta pparagunat ma' l-invenzjoni pretesa fil-privattiva jew fil-varjetà protetta tal-pjanta.

[…]"

8       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15 tad-Direttiva jipprovdi :

"1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mit-30 ta' Lulju 2000. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni minnufih.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif jagħmlu din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjoni fil-liġijiet nazzjonali li jkunu jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdi :

"Dawk l-atti li bihom wieħed jiddisponi minn ġismu huma pprojbiti meta jikkawżaw tnaqqis permanenti ta' l-integrità fiżika, jew meta jmorru kontra l-liġi, l-ordni jew il-moralità pubblika."

10     Skond l-Artikolu 1bis(1) tad-Digriet Irjali tad-29 ta' Junju 1939, Nru 1127 (GURI, Nru 189, ta' l-14 ta' Awwissu 1939, iktar `il quddiem id-"Digriet Irjali Nru 1127/39") :

"B'mod partikolari, il-privattiva tagħti lill-pussessur id-drittijiet esklużivi li ġejjin :

a) jekk il-privattiva tirrigwarda prodott, id-dritt li jipprojbixxi lil terzi, li mingħajr il-kunsens tiegħu, jipproduċu, jużaw, jikkummerċjalizzaw, ibigħu jew jimportaw għal dawn l-iskopijiet il-prodott in kwistjoni;

b) jekk il-privattiva tirrigwarda proċess, id-dritt li jipprojbixxi lil terzi, li mingħajr il-kunsens tiegħu, japplikaw il-proċess, kif ukoll li jużaw, jikkummerċjalizzaw, ibigħu jew jimportaw għal dawn l-iskopijiet il-prodott direttament miksub permezz ta' dan il-proċess."

11     L-Artikolu 12 ta' dan l-istess Digriet jipprovdi :

"L-invenzjonijiet ġodda li jinvolvu attività inventiva u li jistgħu jiġu applikati industrijalment jistgħu jkunu s-suġġett ta' privattiva.

Mhumiex meqjusa li huma invenzjonijiet fis-sens tas-subparagrafu preċedenti, b'mod partikolari :

a) l-iskoperti, it-teoriji xjentifiċi u l-mudelli matematiċi;

[…]

Id-dispożizzjonijijiet tas-subparagrafu preċedenti jeskludu d-dritt għall-privattiva ta' l-oġġetti li hemm imsemmija fih biss meta l-applikazzjoni għall-privattiva jew il-privattiva tkun tirrigwarda, skoperti, teoriji, pjanijiet, prinċipji, proċessi u programmi meqjusa bħala tali.

Mhumiex meqjusa li huma invenzjonijiet, fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu, il-proċessi għall-kura tal-ġisem tal-bniedem jew ta' l-annimali bil-kirurġija jew it-terapija jew il-metodi dijanjostiċi pprattikati fuq il-ġisem tal-bniedem jew ta' l-annimal [….]"

12     L-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 jippreċiża :

"Huma esklużi mid-dritt għall-privattiva invenzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom tmur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika; l-applikazzjoni ta' invenzjoni ma tistax titqies bħala tali sempliċement minħabba li tkun ipprojbita minn xi dispożizzjoni legali jew amministrattiva.

Huma wkoll esklużi mid-dritt għall-privattiva l-annimali u l-proċessi essenzjalment bijoloġiċi għall-produzzjoni tagħhom; din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għall-proċessi mikrobijoloġiċi jew għall-prodotti miksuba permezz ta' dawn il-proċessi."

13     Skond l-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 :

"Il-liċenzja obbligatorja msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ wkoll tingħata

[…]

b) jekk l-invenzjoni protetta bil-privattiva ma tistax tintuża mingħajr ma jkunu ppreġudikati d-drittijiet li jirriżultaw minn privattiva mogħtija abbażi ta’ applikazzjoni preċedenti. F'dan il-każ, il-liċenzja tista' tingħata lill-pussessur tal-privattiva mogħtija wara sa fejn hu neċessarju għall-isfruttament ta' l-invenzjoni, sakemm din tirrappreżenta, meta mqabbla mas-suġġett tal-privattiva preċedenti, progress tekniku importanti li jkun ta' rilevanża ekonomika kunsiderevoli. Bla ħsara għall-Artikolu 54bis (2), il-liċenzja hekk miksuba tista’ tiġi ċeduta biss flimkien ma' l-invenzjoni li fuqha tiddependi. Il-pussessur tal-privattiva fuq l-invenzjoni prinċipali għandu d-dritt li jingħata liċenzja obbligatorja taħt kundizzjonijiet raġonevoli fuq il-privattiva fuq l-invenzjoni dipendenti."

 Il-proċedura prekontenzjuża

14     Wara li kkonstatat li r-Repubblika Taljana baqgħet ma informathiex dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li kienet adottat sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva, u fin-nuqqas ta' kull element ieħor li seta’ jwassalha għall-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew adottati, fit-30 ta' Novembru 2000, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil dan l-Istat Membru skond l-Artikolu 226 KE, li fiha intimatu sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn.

15     Peress li, fiż-żmien preskritt, ma rċeviet l-ebda risposta, fid-19 ta' Diċembru 2002 il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha kkonkludiet li peress li ma adottatx id-dispożizzjonijet meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-imsemmija Direttiva. Il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jadotta dawn id-dispożizzjonijiet fi żmien xaharejn li jibdew jiddekorru minn meta jirċevi l-opinjoni motivata.

16     L-awtoritajiet Taljani rrispondew permezz ta’ l-ittra tas-6 ta' Frar 2003. Suċċessivament, permezz ta’ ittra ta' l-10 ta' Lulju 2003, huma infurmaw lill-Kummissjoni li l-preparazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet laħqet stadju avvanzat.

17     Peress li qieset dawn l-elementi kienu insuffiċjenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

18     L-ewwel nett għandu jiġi osservat li, mingħajr ma jqajjem espliċitament l-eċċezjoni ta' inammissibbiltà, il-Gvern Taljan jressaq diversi lmenti ta' natura proċedurali li jistgħu jaffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors. Għalhekk, qabel ma tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu, hemm bżonn li l-ewwel jiġu eżaminati dawn l-ilmenti dwar l-ammissibbiltà.

 Fuq l-ammissibbiltà

19     Il-Gvern Taljan isostni li, fir-rigwarda tal-kliem użat fl-ewwel Artikolu tad-Direttiva, li jgħid li l-Istati Membri għandhom, "jekk meħtieġ", jemendaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi, li jippreżupponu livell diġà avvanzat ta' protezzjoni u ta' armonizzazjoni tal-liġijiet nazzjonali, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha, fir-rikors tagħha, għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta' traspożizzjoni formali tad-Direttiva fiż-żmien stabbilit, iżda kellha, f’dan l-istadju tal-proċedura, tressaq il-prova, b'mod speċifiku, li l-liġijiet interni fis-seħħ mhumiex konformi, totalment jew parzjalment, mad-Direttiva. L-elementi mressqa fuq dan il-punt mill-Kummissjoni fir-replika tagħha kienu tardivi u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkunsidrati.

20     Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel Artikolu tad-Direttiva ma jimponilha l-ebda oneru partikolari ta' prova meta takkuża Stat Membru li ma jkun adotta l-ebda miżura ta' traspożizzjoni. Fil-każ in eżami, matul il-fażi prekontenzjuża, l-awtoritajiet Taljani qatt ma ppreċiżaw li l-liġijiet interni tagħhom kienu konformi mad-Direttiva. Għall kuntrarju, meta indikaw li kienet qed tiġi elaborata liġi ta' traspożizzjoni, dawn l-awtoritajiet ammettew, għall-inqas b'mod impliċitu, li t-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet partikolari.

21     Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tal-Gvern Taljan fuq dan il-punt jikkuntesta fuq żewġ kapi r-regolarità tal-proċedura għal nuqqas ta' twettiq obbligu mibdija mill-Kummissjoni u, għalhekk, l-ammissibbiltà ta' dan ir-rikors.

22     Fil-fatt, minn naħa, filwaqt li josserva li r-rikors jillimita ruħu li jikkonstata n-nuqqas ta' kull traspożizzjoni tad-Direttiva mingħajr ma juri fejn il-liġijiet interni fis-seħħ mhumiex diġà konformi magħha, il-Gvern Taljan jilmenta li l-Kummissjoni mhux biss ma pprovatx il-fondatezza tan-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu, iżda wkoll li, fir-rikors li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma ressqitx l-elementi neċessarji għall-verifika ta' l-eżistenza tiegħu. Min-naħa l-oħra, billi jikkuntesta l-fatt li dawn l-elementi jistgħu jitressqu għall-ewwel darba fir-replika, dan l-istess Gvern jilmenta li l-Kummissjoni ressqet raġunijiet barra miż-żmien.

23     Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, skond il-ġurisprudenza, abbażi ta' l-Artikoli 21 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ir-rikors għandu jkun fiħ, fost oħrajn, espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Konsegwentement, f'kull rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tindika l-ilmenti preċiżi li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja qegħdha tiġi mitluba tagħti deċiżjoni, kif ukoll, b'mod anqas sommarju, l-elementi ta' dritt u tal-fatt li fuqhom dawn l-ilmenti huma bbażati (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-347/88, Ġabra p. I-4747, punt 28).

24     Għandu jiġi kkonstatat li fir-rikors imressaq mill-Kummissjoni, li fih hija, essenzjalment, takkuża lir-Republika Taljana li ma addotat l-ebda miżura meħtieġa għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, hemm espożizzjoni ċara ta' dawn l-ilmenti u ta' l-elementi ta' fatt u ta' dritt li fuqhom huwa bbażat.

25     Huwa stabbilit li, f'dan l-att proċedurali, il-Kummissjoni ma fitxitx li turi b’liema mod il-liġijiet Taljani fis-seħħ ma kienux konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

26     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li għalkemm, fil-kuntest ta' proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, hija effetivament il-Kummissjoni li għandha d-dmir li tistabbilixxi l-eżistenza ta' l-allegat nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu, li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi meħtieġa sabiex din tivverifika l-eżistenza ta' l-imsemmi nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu mingħajr ma tkun tista' tibbaża ruħha fuq kull preżunzjoni, min-naħa l-oħra l-Istati Membri, skond l-Artikolu 10 KE, għandhom iħaffulha t-twettiq tal-missjoni tagħha, li tikkonsisti, b'mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, li tgħasses fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat kif ukoll tad-dispożizzjonijiet li l-istituzzjoni tkun adottat abbażi tat-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, punti 6 u 7, u tat-12 ta' Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-408/97, Ġabra p. I-6417, punti 15 u 16). Huwa għal dan il-għan li l-Artikolu 15 tad-Direttiva, bħad-Direttivi oħra, jimponi l-obbligu ta' informazzjoni fuq l-Istati Membri.

27     Għalhekk, l-informazzjoni li l-Istati Membri huma obbligati jagħtu lill-Kummissjoni għandha tkun ċara u preċiża. Din trid tindika mingħajr ambigwità liema huma l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrativi li permezz tagħhom l-Istat Membru jqis li jkun wettaq id-diversi obbligi li huwa għandu skond id-Direttiva. Fin-nuqqas ta' tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tivverifika jekk l-Istat Membru applikax realment u kompletament id-Direttiva. In-nuqqas ta' Stat Membru li jwettaq dan l-obbligu, kemm jekk minħabba nuqqas totali ta' informazzjoni jew inkella minħabba informazzjoni mhux biżżejjed ċara u preċiża, jista' jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE, intiża għall-konstatazzjoni ta' dan in-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu (sentenza tal-25 ta' Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar 'il fuq, punt 8).

28     Issa, f’dan il-każ, mhuwiex ikkuntestat li l-Gvern Taljan, mhux biss ma rrispondiex għall-ittra ta' intimazzjoni tal-Kummissjoni iżda wkoll, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata, ma indikax li d-Direttiva għandha titqies li diġà ġiet trasposta permezz tal-liġijiet interni fis-seħħ. Għall-kuntrarju, peress li dan il-Gvern informa lill-Kummissjoni, kemm fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata kif ukoll fl-ittra sussegwenti ta' l-10 ta Lulju 2003, li d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva kienu fl-istadju li jiġu adottati, huwa b’mod impliċitu iżda ċar, ta x'tifhem li l-liġijiet interni fis-seħħ ma kienux, fin-nuqqas ta' addozzjoni ta' miżuri partikolari, xierqa sabiex jiżguraw traspożizzjoni korretta u kompleta ta' l-imsemmija Direttiva.

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gvern Taljan ma jistax jakkuża lill-Kummissjoni li llimitat ruħha, fir-rikors tagħha, li tikkonstata n-nuqqas ta' kull traspożizzjoni tad-Direttiva fiż-żmien preskritt, mingħajr ma fittxet li turi b’liema mod id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet interni fis-seħħ ma kienux konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmiija Direttiva. Fil-fatt, l-allegat nuqqas ta' preċiżjoni tar-rikors jirriżulta, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-istess imġiba li dan il-Gvern adotta matul il-proċedura preliminari (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, ċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

30     Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jemendaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi "jekk meħtieġ" sabiex jieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tagħha. Fil-fatt, għalkemm dan il-kliem jippermetti li l-Istati Membri jassiguraw, fir-rigward tas-sustanza, it-traspożizzjoni tad-Direttiva permezz tar-regoli tal-liġijiet interni tagħhom fis-seħħ, madankollu dan bl-ebda mod ma jeżenthom mill-obbligu formali li jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta' dawn ir-regoli sabiex din tkun tista’ tevalwa l-konformità tagħhom ma din id-Direttiva.

31     Konsegwentement, dan l-argument tal-Gvern Taljan għandu jiġi miċħud. Mill-bqija, safejn l-argument tar-Repubblika Taljana huwa intiż li jikkontesta l-eżistanza ta' l-allegat nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu, dan għandu jiġi eżaminat fuq il-mertu.

32     F'dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-ammissibbiltà ta' l-argumenti mressqa fir-replika intiżi li juru li l-liġijiet interni fis-seħħ ma kienux konformi ma ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li huwa biss fir-risposta li l-Gvern Taljan allega li l-liġijiet interni fis-seħħ huma konformi mad-Direttiva.

33     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli rrispondiet għall-ewwel darba għal dawn l-argumenti fir-replika tagħha peress li l-Kummissjoni għandha d-dritt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, li mat-talbiet tagħha żżid dettalji sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li Stat Membru jkun ipprovda fir-risposta tiegħu (sentenza tat-22 ta' Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-243/89, Ġabra p. I-3353, punt 20). F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Artikolu 42(2) tar-Regoli ta' Proċedura espliċitament jipprovdi li parti għandha d-dritt li tressaq motivi ġodda waqt l-istanza sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi ta' dritt u ta' fatt li jkunu ġew magħrufa matul il-proċedura.

34     Konsegwentement, il-Gvern Taljan ma jistax jilmenta li l-Kummissjoni, fir-replika tagħha, ippreżentat argumenti li ma jinstabux fir-rikors tagħha.

35     Madankollu għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta' rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE huwa limitat ukoll mill-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni, b'tali mod li r-rikors irid ikun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk ta' l-opinjoni motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Marzu 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-96/95, Ġabra p. I-1653, punt 23, tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 11, u ta' l-20 ta' Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 18).

36     Skond il-ġurisprudenza, il-proċedura prekontenzjuża għandha l-iskop li tagħti l-opportunità lill-Istat ikkonċernat li, minn naħa, jikkonforma ruħu ma' l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, sabiex b'mod utli jressaq il-motivi ta' difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmulin mill-Kummissjoni (ara s-sentenzi tal-21 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 51, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 10, u tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-117/02, Ġabra p. I-5517, punt 53).

37     L-iżvolġiment regolari ta' din il-proċedura jikkostitwixxi garanzija essenzjali mitluba mit-Trattat mhux biss għall-ħarsien tad-drittijiet ta' l-Istat Membru in kwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi ggarantit li s-suġġett ta' l-eventwali proċedura kontenzjuża tkun kawża definita b'mod ċar (ara s-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

38     F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostni l-Gvern Taljan, peress li matul il-proċedura prekontenzjuża l-Kummissjoni allegat li huwa ma adottax id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva, il-Kummissjoni essenzjalment akkużat lir-Repubblika Taljana b’nuqqas ta’ kull traspożizzjoni ta' din id-Direttiva. Min-naħa l-oħra, permezz ta’ l-argumenti dwar il-liġijiet interni fis-seħħ ippreżentati fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan l-Istat Membru ma ttrasponiex uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, ħaġa li teħtieġ eżami dettaljat tal-liġijiet interni fis-seħħ sabiex jiġi vverifikat liema minn dawn id-dispożizzjonijiet effettivament ma ġewx kompletament u korrettament trasposti.

39     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-eżiġenza li tgħid li s-suġġett ta' rikors imressaq skond l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din d-dispożizzjoni ma tistax tiġi estiża b’tali mod li timponi li f’kull każ għandu jkun hemm qbil perfett bejn id-dikjarazzjoni ta' l-ilmenti fl-ittra ta' intimazzjoni, il-parti operattiva ta' l-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, meta s-suġġett tal-kawża ma ġiex estiż jew modifikat (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/94, Ġabra p. I-4743, punt 25, u tal-11 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punt 19).

40     Issa, dan huwa l-każ fejn, bħall f’dan il-każ, il-Kummissjoni, wara li tkun akkużat Stat Membru b'nuqqas ta' kull traspożizzjoni ta' Direttiva, tippreċiża, fir-replika tagħha, li t-traspożizzjoni li l-Istat Membru konċernat jallega għall-ewwel darba fir-risposta tiegħu hija, f'kull każ, inkorretta jew mhux kompluta f'dak li jirrigwarda ċerti dispożizzjonijiet ta' din l-istess Direttiva. Fil-fatt, tali lment huwa neċessarjament inkluż f'dak ibbażat fuq in-nuqqas ta' kull traspożizzjoni u, fil-konfront ta' dan ta' l-aħħar, huwa ta’ natura sussidjarja (ara, f'dan is-sens, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar 'il fuq, punt 55).

41     F'dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi osservat li l-proċedura prekontenzjuża laħqet, f’dan il-każ, l-għan tagħha intiż għall-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-Istat Membru in kwistjoni. Fil-fatt, ir-Republika Taljana kellha l-possibbiltà li tikkonforma ruħha ma' l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva, peress li, kif jirriżulta mir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata u mill-ittra sussegwenti tagħha ta' l-10 ta Lulju 2003, hija infurmat lill-Kummissjoni dwar l-istat avvanzat tal-proċedura ta' adozzjoni tal-leġiżlazzjoni prevista għal dan l-iskop. Barra minn dan, ir-Repubblika Taljana kellha l-possibbiltà, fil-kuntest ta' din il-fażi tal-proċedura, li turi li l-liġijiet interni tagħha fis-seħħ kienu konformi mall-ħtiġijiet previsti mid-Direttiva, anki jekk hija qieset li f’dan il-każ ma kienx hemm bżonn li tuża din il-possibiltà (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 274/83, Ġabra p. 1077, punt 20).

42     Konsegwentement, il-Gvern Taljan ma jistax jilmenta li l-Kummissjoni estendiet jew biddlet is-suġġett tar-rikors kif iddefinit fil-proċedura prekontenzjuża.

43     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ilmenti kollha tal Gvern Taljan intiżi sabiex jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-preżenti rikors għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu

44     Il-Kummissjoni, fil-parti operattiva tar-rikors tagħha, tallega li r-Repubblika Taljana ma adottatx id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-Direttiva. Fir-replika tagħha, b’risposta għall-argumenti tal-Gvern Taljan fuq dan il-punt, hija ssostni, "għall-kompletezza", li l-liġijiet interni fis-seħħ, mhumiex, f’kull każ, konformi mad-Direttiva, b'mod partikolari safejn dawn ma jassigurawx traspożizzjoni xierqa ta' l-Artikoli 3(1), 5(2), 6(2), u 8 sa 12 tad-Direttiva.

45     Il-Gvern Taljan jammetti li l-liġi li tittrasponi din id-Direttiva ma ġietx adottata fiż-żmien preskritt għaliha, peress li l-proċess leġislattiv kien għadu għaddej. Madankollu, huwa jqis li peress li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, ma ressqitx il-prova tan-nuqqas ta' konformità tal-liġijiet interni fis-seħħ mad-Direttiva, ir-rikors tagħha għandu jiġi miċħud. F’kull każ, il-Gvern Taljan isostni li l-liġijiet interni tiegħu dwar il-privattivi huma konformi mad-Direttiva.

46     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar, u dan mhuwiek ikkuntestat, li kuntrarjament għall-obbligu li huwa għandu skond l-Artikolu 10 KE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva, il-Gvern Taljan ma informax lill-Kummissjoni, kemm matul it-terminu ta’ traspożizzjoni jew matul il-proċedura prekontenzjuża, dwar il-miżuri tal-liġijiet interni li permezz tagħhom huwa kien iqis li ttraspona d-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 30 aktar 'il fuq, f'dan ir-rigward mhuwiex rilevanti li l-allegata traspożizzjoni ma ġietx effetwata minħabba li l-liġijiet interni fis-seħħ kienu konformi ma din id-Direttiva.

47     Madankollu, peress li s-suġġett ta’ dan ir-rikors mhuwiex in-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu ta' l-informazzjoni, iżda n-nuqqas tat-twettiq ta’ l-obbligu ta’ implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrativi meħtieġa biex tikkonforma ruħha mad-Direttiva, il-fatt biss li r-Repubblika Taljana ma infurmatx lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħha, l-imsemmija Direttiva kienet diġà trasposta fil-liġijiet interni fis-seħħ, mhuwiex biżżejjed, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, sabiex jistabbilixxi l-allegat nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu.

48     F'dan ir-rigward, peress li d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet interni invokati mill-Gvern Taljan kienu fis-seħħ meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, dawn għandhom jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa r-realtà ta' dan in-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 21).

49     Għaldaqstant, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors u sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu, għandu jsir paragun bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-miżuri leġiżlattivi, regolamentari u amministrativi nazzjonali li permezz tagħhom ir-Repubblika Taljana ssostni li applikat id-Direttiva, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jikkostitwixxux traspożizzjoni suffiċjenti tagħha.

50     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, kull Stat Membru destinatarju ta' Direttiva għandu l-obbligu li jadotta, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva, b'mod konformi ma' l-għan mixtieq (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta' Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja, C-478/99, Ġabra p. I-4147, punt 15, u s-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 75).

51     Filwaqt li huwa indispensabbli li s-sitwazzjoni legali li tirriżulta mill-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tkun preċiża u ċara biżżejjed sabiex tippermetti lill-persuni privati kkonċernati li jkunu jafu l-portata ta' l-obbligi u tad-drittijiet tagħhom, dan ma jfissirx li, skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 249 KE, l-Istati Membri jibbenefikaw mill-għażla tal-forma u tal-mezzi ta’ implementazzjoni tad-Direttiva li jippermettu li jiġi ggarantit bl-aħjar mod ir-riżultat li dawn ta' l-aħħar jixtiequ u li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-traspożizzjoni ta' Direttiva fil-liġijiet interni ma teħtieġx neċessarjament azzjoni legizlattiva f'kull Stat Membru. Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li mhux dejjem huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' Direttiva jiġu riprodotti formalment f’dispożizzjoni legali espliċita u speċifika peress li l-implementazzjoni ta' Direttiva tista', skond il-kontenut tagħha, tiġi sodisfatta permezz ta’ kuntest legali ġeneriku. B'mod partikolari, l-eżistenza ta' prinċipji ġenerali tad-dritt kostituzzjonali jew amministrattiv jistgħu jirrendu superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta' miżuri leġizlattivi jew regolamentari speċifiċi bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-prinċipji effetivament jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva mill-amministrazzjoni nazzjonali u li, fil-każ li d-dispożizzjoni in kwistjoni tad-Direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għal persuni privati, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun preċiża u ċara biżżejjed u li l-benefiċarji jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tad-drittijiet tagħhom u, jekk meħtieġ, li jgħamlu użu minnhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, b'mod parikolari, is-sentenza tat-23 ta' Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punti 22 u 23, u Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 76).

52     Konsegwentement, sabiex tkun magħrufa l-portata ta' l-obbligu ta' traspożizzjoni li Stat Membru għandu, għandha f'kull każ tiġi ddeterminata n-natura tad-dispożizzjoni, prevista minn Direttiva, li fuqha jkun ibbażat ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 77).

53     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi lmenti li l-Kummissjoni tagħmel sabiex turi li kien hemm traspożizzjoni inkompleta jew inkorretta tad-Direttiva.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva

54     Il-Kummissjoni tallega li l-leġiżlazzjoni Taljana, b'mod partikolari l-Artikolu 12 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39, ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda l-possibbiltà li tinkiseb privattiva għal invenzjoni li jkollha bħala suġġett prodott kompost minn jew li jkun fiħ materjal bijoloġiku.

55     Skond il-Gvern Taljan, il-kunċett ta' invenzjoni industrijali previst mill-Artikolu 12 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39, kif interpretat mil-qrati nazzjonali, huwa madankollu wiesgħa biżżejjed biex jinkludi l-materjali bijoloġiċi.

56     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, invenzjonijiet ġodda, li jinvolvu attività inventiva u li jistgħu jiġu applikati industrijalment għandhom jedd għall-privattiva anki jekk jirrigwardaw prodott kompost minn jew li jkun fih materjal bijoloġiku, jew proċess li permezz tiegħu jiġi prodott, ipproċessat jew użat xi materjal bijoloġiku.

57     Mill-istess kliem użat f'din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tagħti dritt preċiż għall-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet li jgħamlu użu minn materjal bijoloġiku, billi timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mit-tielet u t-tmien premessa tad-Direttiva, li l-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi jiġu adattati jew miżjuda, sabiex jiżguraw protezjoni effettiva u armonizzata ta' l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi b'tali mod li jinżammu u jiġu inċentivati l-invenzjonijiet f'dan il-qasam.

58     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li d-Direttiva, billi tobbliga lill-Istati Membri jipproteġu l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi permezz tal-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi, għandha l-għan li tilqa' minn qabel għall-ħsara li tista' ssir lil-unità tas-suq intern u li tista’ tirriżulta mill-fatt li l-Istati Membri jiddeċiedu unilateralment li jagħtu jew li jiċħdu tali protezzjoni (sentenza tad-9 ta' Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 18). Billi tagħmel hekk, id-Direttiva hija intiża, kif jirriżulta mir-raba' u s-sitt premessa tagħha, li tiċċara l-protezzjoni legali ta' l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi f'kuntest ikkaratterizzat minn differenzi, bejn il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, li jistgħu jikbru, b'mod partikolari, minħabba l-interpretazzjonijiet tal-qrati nazzjonali.

59     Issa, f'dan il-każ, mhuwiex ikkontestat li l-liġijiet Taljani dwar il-privattivi ma jipprovdux espliċitament għall-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet li jagħmlu użu minn materjal bijoloġiku, peress li l-Artikolu 12 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 invokat f'dan ir-rigward mill-Gvern Taljan sempliċement jiddefinixxi, b'mod ġenerali, il-kundizzjonijiet tal-jedd għall-privattiva ta' l-invenzjonijiet kollha.

60     Barra minn hekk, għalkemm il-Gvern Taljan jallega li l-qrati nazzjonali jinterpretaw b'mod wiesgħa l-kunċett ta' invenzjoni previst mil-liġijiet interni dwar il-privattivi, dan ma rrefera għall-ebda deċiżjoni ġudizjarja li għarfet il-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet li jagħmlu użu minn materjal bijoloġiku.

61     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, minkejja l-għan ta' kjarifika mfittex mid-Direttiva, xorta waħda jibqa' stat ta' inċertezza dwar il-possibbiltà li invenzjonijiet bijoteknoloġiċi jiġu protetti permezz tal-liġijiet Taljani dwar il-privattivi.

62     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva huwa fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva

63     Il-Kummissjoni ssostni li l-liġijiet Taljani ma jipprovdux għall-possibbiltà li tingħata privattiva għal element iżolat mill-ġisem tal-bniedem jew li jkun prodott permezz ta' proċess tekniku.

64     Il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 huwa konformi ma' l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra, l-uniku element leġiżlattiv ta' din id-dispożizzjoni jidher fl-aħħar parti tal-frażi li tgħid li sekwenza ġenetika "[t]ista' [t]ikkostitwixxi invenzjoni li għandha jedd għall-privattiva anki jekk l-istruttura ta' dan l-element tkun identika għal dak ta' element naturali". Issa, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' invenzjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-jedd għall-privattiva ta' riproduzzjoni artifiċjali ta' element li jinsab fin-natura ma jista’ qatt ikun eskluż.

65     F'dan ir-rigward, għandu jigi mfakkar li, skond l-imsemmi Artikolu 5(2), element iżolat mill-ġisem tal-bniedem jew prodott permezz ta' proċess tekniku, inklużi s-sekwenza jew is-sekwenza parzjali ta' ġene, jista' jikkostitwixxi invenzjoni li għandha jedd għall-privattiva anke jekk l-istruttura ta' dan l-element tkun identika għal dak ta' element naturali.

66     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f'dan ir-rigward, l-elementi tal-ġisem tal-bniedem m'għandhomx, fihom infushom, il-jedd għall-privattiva u l-iskoperta tagħhom ma tistax tiġi protetta. Applikazzjoni għall-privattiva tista’ ssir biss għal dawk l-invenzjonijiet li jassoċjaw element naturali ma' proċess tekniku li jippermetti li jiġi iżolat jew li jiġi prodott bil-ħsieb ta' applikazzjoni industrijali (sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 72).

67     B’hekk, kif jintqal fil-premessi għoxrin u wieħed u għoxrin tad-Direttiva, element tal-ġisem tal-bniedem jista' jagħmel parti minn prodott li jista' jikseb il-protezzjoni ta' privattiva iżda ma jista’, fl-ambjent naturali tiegħu, ikun is-suġġett ta' l-ebda approprjazzjoni (sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 73)

68     Din id-distinzjoni hija applikabbli għall-każ fejn isiru xogħolijiet fuq is-sekwenza jew is-sekwenza parzjali tal-ġeni umani. Ir-riżultat ta' dawn ix-xogħolijiet jista' jati lok għall-konċessjoni ta' privattiva biss jekk l-applikazzjoni jkollha magħha, minn naħa, deskrizzjoni tal-metodu oriġinali ta' sekwenzjazzjoni li jkun ippermetta l-invenzjoni u, min-naħa l-oħra, spjegazzjoni ta' l-applikazzjoni industrijali li għaliha għandhom iwasslu x-xogħolijiet, kif jipprovdi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva. Fin-nuqqas ta' tali applikazzjoni, ma jkunx hemm invenzjoni iżda l-iskoperta ta' sekwenza ta' DNA li m'għandhiex, bħala tali, jedd għall-privattiva (sentenza l-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 74).

69     Għalhekk, il-protezzjoni prevista mid-Direttiva tirrigwarda biss ir-riżultat ta' xogħol inventiv, xjentifiku jew teknoloġiku, u testendi għad-dati bijoloġiċi li jeżistu fi-stat naturali fil-bniedem biss safejn neċessarju għat-twettiq u għall-isfruttament ta' applikazzjoni industrijali partikolari (sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 75)

70     Għalhekk jirriżulta li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva huwa intiż li jagħti drittijiet preċiżi f'dak li jirrigwarda l-jedd għall-privattiva ta' l-elementi tal-ġisem tal-bniedem. F'dan ir-rigward, anke jekk din id-dispożizzjoni tipprovdi biss għal sempliċi possibbiltà ta' jedd għall-privattiva, hija timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-premessi sbatax u għoxrin tad-Direttiva, l-obbligu li jipprovdu li d-dritt nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi ma jeskludix il-jedd għall-privattiva ta' elementi iżolati mill-ġisem tal-bniedem, sabiex tinkoraġixxi r-riċerka mmirata li tikseb u tiżola dawn l-elementi ta' valur għall-produzzjoni mediċinali.

71     Issa, f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-liġijiet Taljani dwar il-privattivi ma jipprovdu għall-ebda possibbiltà li elementi iżolati mill-ġisem tal-bniedem ikunu jistgħu jikkostitwixxu invenzjoni li jkollha jedd għall-privattiva. B'mod partikolari, bil-kontra ta' dak li jsostni l-Gvern Taljan, l-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 ma fiħ l-ebda dispożizzjoni f'dan ir-rigward.

72     Min-naħa l-oħra, għalkemm il-Gvern Taljan jallega li l-qrati nazzjonali jinterpretaw b'mod wiesgħa l-kunċett ta' invenzjoni previst mil-liġijiet interni dwar il-privattivi, dan ma rrefera għall-ebda deċiżjoni ġudizzjarja li għarfet il-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet li jagħmlu użu minn materjal bijoloġiku.

73     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, minkejja l-għan ta' kjarifika mfittex mid-Direttiva, jibqa’ stat ta' inċertezza dwar il-possibbiltà li jiġu protetti tali elementi permezz tal-liġijiet Taljani dwar il-privattiva.

74     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta' L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva huwa fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva

75     Il-Kummissjoni tosserva li l-leġiżlazzjoni Taljana, b'mod partikolari l-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39, ma tipprovdix għaċ-ċaħda tal-jedd għall-privattiva għal ċerti proċessi xjentifiċi, bħall-klonazzjoni tal-bnedmin u l-użu ta' embrjoni umani għal finijiet industrijali jew kummerċjali. Fir-rigward tal-liġi Nru 40 tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-prokreazzjoni medika assistita (GURI, Nru 45, ta' l-24 ta' Frar 2004, aktar il-quddiem il-"liġi Nru 40/2004"), li tipprojbixxi l-attivitajiet materjali li jirrigwardaw l-embrjoni, din ma tirrigwardax il-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet.

76     Il-Gvern Taljan isostni, min-naħa tiegħu, li l-Artikolu 13 tal-ligi Nru 40/2004, moqri flimkien ma' l-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39, jikkostitwixxi applikazzjoni suffiċjenti tal-prinċipji elenkati mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, peress li din tikkwalifika l-klonazzjoni umana u l-modifikazzjoni ta' l-identità ġenetika tal-bniedem bħala prattiċi li jmorru kontra l-ordni pubbliku u l-moralità pubblika u, għaldaqstant, teskludi l-jedd għall-privattiva tagħhom. Barra minn dan, l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Taljan jipprovdi għall-projbizzjoni ta' atti li bihom wieħed jiddisponi mill-ġisem tal-bniedem, b'tali mod li proċessi eventwali intiżi għall-bdil ta' l-identità ġenetika tal-bniedem ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni ta' privattiva fid-dritt Taljan.

77     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, b'mod partikolari m’għandhomx jedd għall-privattiva l-proċessi ta' klonazzjoni tal-bnedmin, il-proċessi li jimmodifikaw l-identità ġerminali ġenetika tal-bniedem, l-użi ta' l-embrjoni umani għal għanijiet industrijali jew kummerċjali, il-proċessi li bihom tiġi mmodifikata l-identità ġenetika ta' l-annimali li x'aktarx tikkawżalhom tbatija mingħajr ebda raġuni medika utli għall-bniedem jew għall-annimali, kif ukoll l-annimali li jirriżultaw minn dawn il-proċessi.

78     Għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall-Artikolu 6(1) ta' din id-Direttiva li tagħti lil-awtoritajiet amministrattivi u lill-qrati ta' l-Istati Membri marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni fl-applikazzjoni ta' l-esklużjoni għall-jedd għall-privattiva meta l-isfruttament kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika, l-Artikolu 6(2) ta' l-istess Direttiva ma jħalli l-ebda marġni ta' diskrezzjoni lill-Istati Membri f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' jedd għall-privattiva tal-proċessi u l-użi li hemm elenkat fiħ, din id-dispożizzjoni hija preċiżament intiża sabiex l-eskluzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu titqiegħed f’kuntest (ara, f'dan is-sens, is-sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punti 37 sa 39). F'dan ir-rigward, min-naħa l-oħra, mill-premessa erbgħin tad-Direttiva jirriżulta li l-jedd għall-privattiva ta' proċessi ta' klonazzjoni tal-bnedmin għandu jiġi eskluż "mingħajr ekwivoċi", peress li fuq dan il-punt jeżisti konsensus fi ħdan il-Kommunità.

79     Minn dan jirriżulta li billi espliċitament jeskludi l-jedd għall-privattiva tal-proċessi u ta' l-użi li huma elenkati fiħ, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva huwa intiż li jagħti drittijiet preċiżi f'dan ir-rigward.

80     Issa, għandu jiġi kkonstatat li, la l-Artikolu 13 tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 u lanqas l-Artikolu 5 tal-Kodiċi Ċivili Taljan ma jipprovdu espliċitament li l-proċessi u l-użi elenkati fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ma jistax ikollhom jedd għall-privattiva, peress li dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jeskludu, f'termini ġeneriċi, rispettivament, il-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet li l-isfruttament tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika u ta' atti li bihom wieħed jiddisponi mill-ġisem tal-bniedem.

81     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, minkejja l-għan ta' kjarifika mfittex minn din id-Direttiva, jibqa' stat ta' inċertezza dwar il-jedd għall-privattiva tal-proċessi u ta' l-użi in kwistjoni.

82     Din l-inċertezza tikkostitwixxi ksur tad-Direttiva iktar u iktar peress li l-istess Artikolu 6(1) tagħha jipprovdi li l-isfruttament kummerċjali ta' invenzjoni ma jistax jitqies li jmur kontra l-ordni pubbliku u l-moralità pubblika biss minħabba l-fatt li dan huwa pprojbit minn xi dispożizzjoni legali jew regolamentarja. Kif ġustament osserva l-Avukat Generali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-preċiżazzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi l-inkorporazzjoni espliċita tal-prinċipju li ma jistax ikun hemm jedd għall-privattiva ta' proċessi kummerċjali li jkunu jinvolvu interventi fuq embrjoni umani.

83     Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Nru 40/2004, huwa stabbilit li din il-liġi ġiet adottata wara ż-żmien preskritt fl-opinjoni motivata. Issa, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta' proċeduri mibdijin skond l-Artikolu 226 KE, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kif din kienet meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkunsidra tibdiliet li seħħu wara (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta' Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-378/98, Ġabra p. I-5107, punt 25, u tal-5 ta' Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-352/02, Ġabra p. I-5651, punt 8).

84     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva huwa fondat.

  Fuq l-ilment bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva.

85     Il-Kummissjoni tallega li l-leġiżlazzjoni Taljana ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva għal invenzjoni teknoloġika, u dan bi ksur ta' l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva.

86     Il-Gvern Taljan madankollu jsostni li l-Artikolu 1bis tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 jipprovdi għal protezjoni mogħtija minn privattiva li hija wiesgħa daqs dik prevista mid-dispożizzjoni ċċitata aktar 'il fuq tad-Direttiva, peress li dawn sempliċement jestendu l-protezzjoni mogħtija mill-privattiva dwar invenzjoni bijoteknoloġika għall-materjali li joħorġu direttament mill-applikazzjoni ta' proċessi li jkollhom privattiva.

87     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija Artikoli 8 sa 11 huma manifestament intiżi sabiex jagħtu drittijiet preċiżi peress li dawn jiddefinixxu l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-privattivi li jirrigwardaw invenzjoni bijoloġika.

88     Issa, f'dan il-każ, peress li l-liġijiet Taljani dwar il-privattivi ma jipprovdux b'mod espliċitu l-jedd għall-privattiva ta' invenzjonijiet bijoloġiċi, huwa paċifiku li, l-ewwel nett, dawn ma fihomx dispożizzjonijiet li jippreċiżaw il-portata tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva li tirrigwarda tali invenzjoni.

89     Fir-rigward ta' l-Artikolu 1bis tad-Digriet Irjali Nru.1127/39 għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi, b'mod ġeneriku, id-drittijiet mogħtija minn kull privattiva li tirrigwarda prodott jew proċess, ikun liema jkun. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma ssemmix, bil-kontra tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva, il-portata tad-drittijiet mogħtija speċifikament mit-tipi differenti ta' privattivi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri l-privattivi dwar materjal bijoloġiku, il-privattivi dwar proċess li jippermetti l-produzzjoni ta' materjal bijoloġiku u l-privattivi dwar prodott li jkun fiħ informazzjoni ġenetika jew li jikkonsisti fit-tali informazzjoni.

90     Għalhekk, għalkemm huwa minnu li, kif isostni l-Gvern Taljan, l-Artikolu 1bis (b) tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 jipprovdi li privattiva li tirrigwarda proċess tintitola lill-pussessur li jipprojbixxi lil partijiet terzi milli jużaw il-prodott miksub direttament permezz ta' dan il-proċess, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix, kif jagħmel l-Artikolu 8(2) ta' l-imsemmija Direttiva, li l-protezzjoni mogħtija minn privattiva li tirrigwarda proċess li jippermetti l-produzzjoni ta' materjal bijoloġiku li għandu, permezz ta’ l-invenzjoni, tkopri wkoll il-materjal bijoloġiku miksub direttament minn dan il-proċess u kull materjal bijoloġiku ieħor miksub permezz tal-propagazzjoni jew il-moltiplikazzjoni f'għamla identika jew diverġenti u li jkollu dawn l-istess karatteristiċi.

91     Barra minn hekk, il-liġijiet Taljani dwar il-privattiva ma jipprovdux, bil-kontra tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8(1) u 9 tad-Direttiva, li l-protezzjoni mogħtija, minn naħa, minn privattiva li tirrigwarda materjal bijoloġiku u, min-naħa l-oħra, minn privattiva li tirrigwarda prodott li jkun fiħ informazzjoni ġenetika jew li jikkonsisti fit-tali informazzjoni, tkopri wkoll, rispettivament, kull materjal bijoloġiku mnissel minn dan il-materjal bijoloġiku permezz tal-propagazzjoni jew tal-moltiplikazzjoni u l-materjal kollu li fih il-prodott ikun inkorporat u li fiħ l-informazzjoni ġenetika teżerċita l-funzjoni tagħha.

92     Barra minn dan, l-Artikolu 1bis tad-Digriet Irjali Nru 1127/39 ma fiħ l-ebda waħda mir-restrizzjonijiet u d-derogi previsti mill-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva.

93     F'dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li, minkejja l-għan ta' kjarifika mfittex mid-Direttiva, jibqa’ stat ta' inċertezza dwar il-portata eżatta tal-protezzjoni mogħtija minn privattiva dwar invenzjoni bijoloġika.

94     Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva huwa fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 12 tad-Direttiva.

95     Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 54 tad-Digriet Irjali Nru.1127/39, li jipprovdi għall-għoti ta' liċenzji obbligatorji, ma jieħux in kunsiderazzjoni l-każ li fih tkun teżisti relazzjoni ta' dipendenza bejn privattiva fuq invenzjoni bijoteknoloġika u sistema ta' protezzjoni għall-varjetajiet tal-pjanti.

96     Il-Gvern Taljan, min-naħa tiegħu, jenfasizza li fl-ipoteżi prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva, l-awtoritajiet Taljani pratikament m'għandhom, minkejja l-użu tat-termini "tista' tiġi konċessa" fl-imsemmi Artikolu 54, l-ebda marġni ta' diskrezzjoni u li minħabba f'hekk huma obbligati joħorġu l-liċenzja obligatorja li għaliha tkun saret applikazzjoni.

97     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva, applikazzjoni għal liċenzja obbligatorja mhux esklużiva tista' ssir, minn naħa, mill-pussessur tad-dritt fuq il-varjetà tal-pjantata' fuq privattiva preċedenti u, min-naħa l-oħra, mill-possessur ta' privattiva li tikkonċerna invenzjoni bijoteknoloġika fuq id-dritt fuq il-varjetà tal-pjanta preċedenti, meta l-isfruttament tad-drittijiet tagħhom, rispettivament, ta' varjetà ta pjanta u ta' privattiva, jikkawżaw dannu lil dawn id-drittijiet preċedenti.

98     Huwa evidenti li tali dispożizzjoni, li tipprovdi għall-għoti ta' liċenzja obbligatorja għall-isfruttament ta' invenzjoni protetta minn privattiva jew minn dritt fuq il-varjetà tal-pjanta, hija intiża li tagħti drittijiet preċiżi f'dan ir-rigward.

99     Issa, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 54(2) tad-Digriet Irjali Nru 1127/39, jipprovdi għall-għoti ta' liċenzja obbligatorja meta l-invenzjoni protetta minn privattiva ma tistax tiġi użata mingħajr ma tippreġudika d-drittijiet li jirriżultaw minn privattiva preċedenti, dan ma jipprevedix, kif jagħmlu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12 (1) u (2) tad-Direttiva, l-għoti ta' tali liċenżja fil-każ ta' dipendenza bejn privattiva fuq invenzjoni bijoteknoloġika u dritt fuq il-varjetà tal-pjanta. Barra minn hekk, l-istess Artikolu 54(2) ma jimponi, fuq min japplika għal-liċenzja obbligatorja, la l-ħlas tad-dritt approprjat ta' l-awtur, kif jitolbu s-subparagrafi 1 u 2 ta' l-Artikolu 12 tad-Direttiva, u lanqas l-obbligu li jrid ikun talab, mingħajr l-ebda suċċess, lill-possessur tal-privattiva jew tad-dritt fuq il-varjetà tal-pjanta li jikseb liċenzja kuntrattwali, kif jipprovdi l-Artikolu 12(3).

100   F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment ibbazat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 12 tad-Direttiva huwa fondat.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva

101   Għandu jiġi osservat li, minkejja l-ilmenti speċifiċi li hija qajmet fir-replika tagħha, fir-rigward tal-ksur mir-Repubblika Taljana ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-Kummissjoni ma biddlitx is-suġġett inizjali tar-rikors tagħha, li huwa essenzjalment intiż sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' kull traspożizzjoni ta' l-imsemmija Direttiva minn dan l-Istat Membru.

102   Issa, f'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta' proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta' l-allegat nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tibbaza ruħha fuq xi preżunzjoni kwalunkwe (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq tal-25 ta' Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 6, u tat-12 ta' Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 15, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 80).

103   Għaldaqstant, peress li l-Gvern Taljan sostna, fit-tweġiba tad-difiża tiegħu, li l-liġijiet interni fis-seħħ tiegħu huma konformi mad-Direttiva, hija l-Kummissjoni li, sabiex turi n-nuqqas ta' kull traspożizzjoni ta' l-imsemmija Direttiva, għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji għall-verifika ta' l-eżistenza ta' dan in-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu.

104   Għandu madankollu jiġi kkonstatat li fir-replika tagħha l-Kummissjoni tipprovdi tali elementi biss f'dak li jirrigwarda l-Artikoli 3(1), 5(2), 6(2), u 8 sa 12 tad-Direttiva, li kienu s-suġġett ta' l-ilmenti eżaminati aktar il fuq, iżda mhux f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha ta' din id-Direttiva.

105   Issa, bil-kontra ta' dak li jidher li qed issostni l-Kummissjoni, il-fatt biss li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, invokati bħala eżempji, ma jistgħux jitqiesu li ġew trasposti korrettament permezz tal-liġijiet interni fis-seħħ bl-ebda mod ma juri li d-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva ma jistgħux, min-naħa tagħhom, jitqiesu li ġew korrettament trasposti minn dawn il-liġijiet interni.

106   F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda element probatorju f'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud ir-rikors safejn dan huwa intiż li jiġi kkonstatat in-nuqqas, min-naħa tar-Repubblika Taljana, ta' kull traspożizzjoni tad-Direttiva.

107   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikoli 3(1), 5(2), 6(2), u 8 sa 12 tad-Direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva.

108   Il-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

109   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

110   Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' l-istess Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fuq kap wieħed jew aktar. Madankollu, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' l-imsemmija Regoli, il-Qorti tal Ġustizzja tista' wkoll tordna parti, anke jekk rebbieħa, tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż li esponietha għalihom u li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huma frivoli u vessatorji.

111   Fil-każ in eżami, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tilfet il-parti tar-rikors tagħha intiż li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' kull traspożizzjoni tad-Direttiva min-naħa tar-Repubblika Taljana.

112   F'dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-Republika Taljana ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjez, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess.

113   Fir-rigward ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, peress li r-Repubblika Taljana astjeniet ruħha milli tipprovdi l-informazzjoni kollha utli dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet interni li permezz tagħhom hija kienet tqis li wettqet id-diversi obbligi imposti fuqha minn din id-Direttiva, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għall-nuqqas ta' twettiq ta’ obbligu intiż li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' kull traspożizzjoni, minflok it-traspożizzjoni mhux kompluta jew inkorretta ta' wħud mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

114   Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, billi ma ppermettitilhiex li teżamina l-konformità tal-liġijiet interni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva waqt il-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika Taljana ġagħlet lill-Kummissjoni tuża r-riżorsi tagħha għal dan l-skop fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża, u b'dan il-mod, kif ġustament osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, iffalsifikat, permezz ta' strateġija proċedurali dilatorja, l-izvolġiment normali.

115   Konsegwentement, hemm lok li r-Repubblika Taljana tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Li billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma' l-Artikoli 3(1), 5(2), 6(2), u 8 sa 12 tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali ta' l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha.

Firem


** Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top