Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0358

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-16 ta' Diċembru 2004.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Protezzjoni tal-ħaddiema - Sigurtà u saħħa tal-ħaddiema - Tqandil manwali ta' tagħbija li jinvolvi riskji għall-ħaddiema.
Kawża C-358/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:824

62003J0358



European Court reports 2004 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-358/03,

li għandha bħala għan rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fid- 19 ta' Awwissu 2003 ,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , rappreżentata minn D. Martin u H. Kreppel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija , rappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta' l-Awla, N. Colneric (Relatur) u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li iddeċidiet, hekk kif semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tgħaddi għas-sentenza mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti sabiex tiddikjara li r-Repubblika ta' l-Awstrija naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/269/KEE, tad-29 ta' Mejju 1990, dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema (ir-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' Artikolu 16 (1) ta' Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 156, p. 9), peress illi ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha kompletament ma' din id-Direttiva jew, fi kwalunkwe każ, peress illi ma infurmatx lill-Kummissjoni b'dan.

Il-kuntest ġuridiku u l-proċeduri ta' qabel il-kawża

2. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 90/269 tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi għas-sigurtà u s-saħħa fir-rigward ta' tqandil manwali ta' tagħhbija li jinvolvi riskji, b'mod partikolari ta' korriment tad-dahar, għall-ħaddiema.

3. Skond l-Artikolu 9(1) ta' l-imsemmija Direttiva, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma' l-istess Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1992 u kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament. Għar-Repubblika ta' l-Awstrija, li saret membru tal-Komunità fl-1 ta' Jannar 1995, it-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva għalaq fil-ġurnata li dan l-Istat Membru ingħaqad mal-Komunità.

4. Peress illi r-Repubblika ta' l-Awstrija ma kinitx infurmatha li kienet adottat id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 90/269 u peress illi ma kellhiex aktar informazzjoni li jwassluha għall-konklużjoni li dan l-Istat Membru kien ħa l-miżuri neċessarji f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni bdiet il-proċeduri għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

5. Meta ikkunsidrat li l-imsemmija Direttiva ma kinitx ġiet trasposta fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-uffiċjali fis-servizz tal-Land u l-Komuni f'Carinthie, u lanqas fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema fl-istabbilimenti agrikoli u dawk tal-foresti f'Burgenland u f'Carinthie, il-Kummissjoni, fid-19 ta' Diċembru 2002, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Repubblika ta' l-Awstrija tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' dik l-opinjoni fiż-żmien xahrejn min-notifika tagħha.

6. Peress illi ma kinitx sodisfatta mir-risposti mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaki, il-Kummissjoni ressqet ir-rikors preżenti.

Dwar ir-rikors

7. Minn ġurisprudenza kostanti, jirriżulta li l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi determinata b'referenza għas-sitwazzjoni eżistenti fl-Istat Membru fl-aħħar tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara, inter alia , is-sentenzi tal-15 ta' Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-147/00, Ġabra p. I-2387, paragrafu 26, u ta' l-4 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-173/01, Ġabra p. I-6129, paragrafu 7).

8. Il-Gvern Awstrijak jirrileva li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 90/269 huwa infondat fir-rigward ta' Burgenland, minħabba l-adozzjoni, matul is-sena 2000, ta' regolament li kien ġie notifikat lill-Kummissjoni fl-24 ta' Ottubru 2000.

9. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ammettiet dan il-fatt.

10. Peress illi l-opinjoni motivata kienet ħarġet fid-19 ta' Diċembru 2002, ir-rikors għandu jiġi miċħud safejn jirrigwarda Burgenland.

11. Filwaqt li fir-rigward tal-Land ta' Carinthie, il-Gvern Awstrijak ma jikkontestax in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu allegat kontrieh, huwa xorta jirrileva li l-pubblikazzjoni tar-regolament neċessarju għat-traspożizzjoni totali tad-Direttiva 90/269 fir-rigward tal-ħaddiema li jaħdmu fl-agrikoltura u fil-foresta kellha isseħħ fl-aħħar tas-sena 2003. Fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu adottati l-miżuri trasposti intiżi sabiex jassiguraw il-protezzjoni ta' l-uffiċjali tal-Land, tal-Komuni u ta' l-assoċjazzjonijiet ta' Komuni, l-Istat Federali kien żamm lill-awtoritajiet kompetenti tal-Land ta' Carinthie regolarment infurmati bl-obbligi tagħhom f'dan il-qasam.

12. F'dan il-kuntest, il-Gvern Awstrijak josserva li d-dritt kostituzzjonali Awstrijak jipprekludi lill-Istat Federali milli jadotta miżuri ta' traspożizzjoni minflok il-Land u li deċiżjoni tal-Qorti biss tista' tagħti lill-Istat Federali l-kompetenza sabiex jipproċedi għat-traspożizzjoni.

13. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minn ġurisprudenza kostanti joħroġ li, Stat Membru ma jistax jeċepixxi dispożizzjonijiet, prassi jew sitwazzjonijiet mis-sistema legali interna, inklużi dawk li jirriżultaw mill-organizzazzjoni federali tiegħu, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta' twettiq ta' obbligi u ta' termini preskritti minn Direttiva (ara, inter alia , is-sentenza tal-11 ta' Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-111/00, Ġabra p. I-7555, paragrafu 12). Għalkemm kull Stat Membru huwa, fil-fatt, liberu li jqassam, kif jidhirlu, il-kompetenzi legali fuq il-pjan intern, jibqa' l-fatt li, skond l-Artikolu 226 KE, huwa jibqa' responsabbli waħdu lejn il-Komunità għall-ħarsien ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (sentenza ta' l-10 ta' Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-87/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 38).

14. Għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ikkunsidrat bħala fondat safejn dan jikkonċerna l-Land ta' Carinthie.

15. Fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, min-naħa, għandu jiġi ikkonstat li, billi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi neċessarji sabiex ikun hemm konformità, fil-Land ta' Carinthie, mad-Direttiva 90/269, ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Dwar l-ispejjeż

16. Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Qorti tista' taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħhha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar. Peress illi r-rikors tal-Kummissjoni ġie milqugħ parzjalment biss, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1) Peress illi naqset milli tadotta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi neċessarji sabiex ikun hemm konformità, fil-Land ta' Carinthie, mad-Direttiva tal-Kunsill 90/269/KEE, tad-29 ta' Mejju 1990, dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà għat-tqandil manwali tat-tagħbija fejn hemm riskju partikolarment ta' korriment tad-dahar għall-ħaddiema (ir-raba' Direttiva individwali fit-tifsira ta' Artikolu 16 (1) ta' Direttiva 89/391/KEE), ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-Direttiva.

2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika ta' l-Awstrija għandhom iħhallsu l-ispejjeż individwali tagħhom.

Top