EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0353

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Lulju 2005.
Société des produits Nestlé SA vs Mars UK Ltd.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
Trademarks - Direttiva 89/104/KEE - Nuqqas ta' karattru distintiv - Karattru distintiv miksub permezz ta' l-użu - Użu bħala parti ta' trademark irreġistrata jew flimkien magħha.
Kawża C-353/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:432

62003J0353



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-353/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' Lulju 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-18 ta' Awwissu 2003, fil-proċedura

Société des produits Nestlé SA

vs

Mars UK Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, C. Gulmann (Relatur), P. Kris u G. Arestis, Mħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub wara s-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għas-Société des produits Nestlé SA, minn J. Mutimear, solicitor , u H. Carr, QC,

- għal Mars UK Ltd, minn V. Marsland, solicitor , u M. Bloch, QC,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O'Neill, bħala aġent, assistita minn M. Tappin, barrister ,

- għall-Irlanda, minn D. J. O'Hagan, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 3(3) ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it- trade marks (ĠU 1989 L 40, p. 1, iktar 'il quddiem id-"direttiva"), u 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- trade mark Komunitarja (ĠU 1994 L 11, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"regolament").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kontroversja bejn Société des produits Nestlé SA (iktar 'il quddiem "Nestlé") u Mars UK Ltd (iktar 'il quddiem Mars) fir-rigward ta' applikazzjoni tan-Nestlé għar-reġistrazzjoni bħala trademark ta' parti ta' slowgan li jikkostitwixxi trademark irreġistrata li din il-kumpannija hija diġà s-sid tagħha.

Il-Kuntest Ġuridiku

3. Skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, "[ t ] rade mark tista' tikkonsisti minn xi sinjal li jista' jiġi magħmul grafikament, b'mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla ta' l-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta' impriża waħda minn dawk ta' impriżi oħra".

4. L-Artikolu 3 tad-direttiva, intitolat "Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità", jipprovdi li ġej:

"1. Is-segwenti m'għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati nvalidi:

[...]

b) trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

[...]

3. Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 [(b)] jekk, qabel id-data ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat [...] karattru distintiv [...]"

5. L-Artikolu 4 u 7(1)(b) u (3) tar-regolament huma fformulati bl-użu ta' kliem sostanzjalment identiċi, rispettivament, għal dawk ta' l-Artikoli 2 u 3(1)(b) u (3) tad-direttiva.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6. Is-slowgan "Have a break... Have a Kit Kat ("ħu brejk ... ħu Kit Kat") kif ukoll l-isem "Kit Kat" huma trademarks irreġistrati fir-Renju Unit fil-klassi 30 kif iddefinit mill-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks , tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, jiġifieri għal prodotti taċ-ċikkulata, ħlewwiet, ħelu u biskuttini.

7. Fit-28 ta' Marzu 1995, Nestlé, is-sid ta' dawn iż-żewġ trademarks , talbet ir-reġistrazzjoni fir-Renju Unit tat- trademark HAVE A BREAK fil-klassi 30.

8. Din l-applikazzjoni kienet is-suġġett ta' oppożizzjoni ta' Mars, li invokat, b'mod partikolari, l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva.

9. Fil-31 ta' Majju 2002, l-oppożizzjoni ġiet milqugħa abbażi ta' din id-dispożizzjoni u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet miċħuda.

10. Nestlé ressqet rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division. Ir-rikors ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tat-2 ta' Diċembru 2002.

11. Nestlé appellat minn din quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

12. Din il-qorti tikkunsidra, f'dak li jirrigwarda l-elementi tal-kontroversja pendenti quddiemha, li l-frażi "Have a break" hija nieqsa minn karattru distintiv intrinsiku u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva jeskludu, fil-prinċipju, ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trademark .

13. Hija ssostni li reġistrazzjoni tista għaldaqstant isseħħ biss abbażi ta' l-Artikolu 3(3) tad-direttiva, billi tingħata prova ta' karattru distintiv miksub bl-użu.

14. Hija tirrileva li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ġiet miċħuda minħabba li l-frażi "HAVE A BREAK" ġiet użata essenzjalment bħala parti tat- trademark irreġistrata HAVE A BREAK... HAVE A KIT KAT, u mhux, fir-realtà, bħala trademark indipendenti.

15. Hija tindika li, skond Nestlé, dan il-kunċett jista' jkollu konsegwenzi gravi fir-rigward ta' l-operaturi li jixtiequ jirreġistraw trademarks li jkunu fihom forom, peress li dawn it- trademarks huma rarament użati waħedhom.

16. Hija ssostni li frażi simili għal slowgan assoċjat ma' trademark tista', permezz tar-ripetizzjoni tagħha fiż-żmien, toħloq impressjoni distinta u indipendenti u tikseb għalhekk karattru distintiv bl-użu.

17. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Il-karattru distintiv ta' trademark imsemmi fl-Artikolu 3(3) tad-[direttiva] u l-Artikolu 7(3) tar-[regolament] jista' jinkiseb wara jew bħala konsegwenza ta' użu ta' din it- trademark bħala parti ta' trademark oħra jew flimkien magħha?"

Fuq id-domanda preliminari

18. Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domanda magħmula għandha tiftihem li hija indirizzata unikament lejn l-interpretazzjoni tad-direttiva, peress li r-regolament mhuwiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali.

19. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob, sostanzjalment, jekk il-karattru distintiv ta' trademark imsemmi fl-Artikolu 3(3) tad-direttiva jistax jinkiseb bħala konsegwenza ta' l-użu ta' din it- trademark bħala parti ta' trademark irreġistrata jew flimkien magħha.

20. Nestlé u l-Irlanda jikkunsidraw li l-karattru distintiv ta' trademark jista', bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(3) tad-direttiva, jinkiseb wara l-użu ta' din it- trademark bħala parti ta' trademark oħra jew flimkien magħha.

21. Mars, il-gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li trademark ma tistax tikseb karattru distintiv unikament wara l-użu bħala parti ta' trademark komposta. Mars u l-Kummissjoni jammettu, min-naħa l-oħra, li tista' tikseb karattru distintiv wara l-użu flimkien ma' trademark oħra. Il-gvern tar-Renju Unit isostni li l-karattru distintiv jista' jinkiseb ukoll permezz ta' l-użu tat- trademark bħala element fiżiku.

22. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 2 tad-direttiva, trademark jkun fiha karattru distintiv meta tkun kapaċi tiddistingwixxi l-prodotti jew servizzi ta' intrapriża minn dawk ta' intrapriżi oħrajn.

23. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva, trademark mhijiex irreġistrata jew hija suxxettibbli li tiġi ddikjarata nulla meta hija nieqsa minn karattru distintiv.

24. Madankollu, l-Artikolu 3(3) tad-direttiva jeskludi l-applikazzjoni ta' din l-aħħar dispożizzjoni jekk, qabel id-data ta' l-applikazzjoni u wara l-użu tat- trademark , din tkun kisbet karattru distintiv.

25. Il-karattru distintiv, kemm jekk intrinsiku jew inkella miksub bl-użu, għandu jiġi evalwat billi ssir riferenza, min-naħa, għall-prodotti jew servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat- trademark u, min-naħa l-oħra, billi tittieħed in kunsiderazzjoni l-perċezzjoni preżunta ta' konsumatur medju tal-kategorija ta' prodotti jew servizzi in kwistjoni, u li jkun normalment infurmat u attent u avżat b'mod raġonevoli (sentenza tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I 5475, punti 59 et 63).

26. F'dak li jirrigwarda l-ksib ta' karattru distintiv bl-użu, l-identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill-ambjenti kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn intrapriża determinata għandha ssir permezz ta' l-użu tat- trademark bħala trademark (sentenza Philips, imsemmija iktar 'il fuq, punt 64).

27. Din l-aħħar kundizzjoni, diskussa fil-kawża prinċipali, ma timplikax neċessarjament li, sabiex tkun sodisfatta, it- trademark li għaliha qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni kienet is-suġġett ta' użu indipendenti.

28. Fil-fatt, l-Artikolu 3(3) tad-direttiva ma fihx tali restrizzjonijiet, peress li jsemmi biss "l-użu magħmul" tat- trademark .

29. L-espressjoni "l-użu tat- trademark bħala trademark " għaldaqstant għandha tiftihem li qiegħda tirreferi biss għall-użu tat- trademark għal skopijiet ta' identifikazzjoni tal-prodott jew tas-servizz mill-ambjenti kkonċernati bħala wieħed li joriġina minn intrapriża determinata.

30. Tali identifikazzjoni, u għaldaqstant il-ksib ta' karattru distintiv, tista' tirriżulta kemm mill-użu, bħala parti ta' trademark irreġistrata, bħala element tagħha, kif ukoll mill-użu ta' trademark distinta flimkien ma' trademark irreġistrata. Fiż-żewġ każijiet, huwa suffiċjenti li, bħala konsegwenza ta' dan l-użu, l-ambjenti kkonċernati jipperċepixxu effettivament il-prodott jew is-servizz, indikati mit- trademark waħedha li għaliha qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, bħala wieħed li joriġina minn intrapiża determinata.

31. Hemm lok li jiġi mfakkar li l-elementi li huma suxxettibbli li juru li t- trademark hija kapaċi li toħloq distinzjoni bejn il-prodotti jew servizzi kkonċernati għandhom jiġu evalwati globalment u li, fil-kuntest ta' din l-evalwazzjoni, ikunu jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kwota tas-suq miżmuma mit- trademark , l-intensità, il-medda ġeografika u t-tul ta' żmien ta' l-użu ta' din it- trademark , l-importanza ta' l-investimenti magħmula mill-intrapriża sabiex tippromovi t- trademark , il-proporzjon ta' ambjenti kkonċernati li jidentifikaw il-prodott jew servizz bħala wieħed li joriġina minn intrapriża determinata bis-saħħa tat- trademark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kmamar tal-Kummerċ u ta' l-Industrija jew ta' assoċjazzjonijiet professjonali oħrajn (sentenza ta' l-4 ta' Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 et C-109/97, Ġabra p. I 2779, punti 49 u 51).

32. Fl-aħħarnett, it-tweġiba li għandha tingħata għad-domanda preliminari hija li l-karattru distintiv ta' trademark imsemmi fl-Artikolu 3(3) tad-direttiva jista' jinkiseb bħala konsegwenza ta' l-użu ta' din it- trademark bħala parti ta' trademark irreġistrata jew flimkien magħha.

Fuq l-ispejjeż

33. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Il-karattru distintiv ta' trademark imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta' Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it- trade marks , jista' jinkiseb bħala konsegwenza ta' l-użu ta' din it-trademark bħala parti ta' trademark irreġistrata jew flimkien magħha.

Top