This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0349
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 21 July 2005.#Commission of the European Communities v United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland.#Failure of a Member State to fulfil obligations - Directive 77/799/EEC - Mutual assistance by the competent authorities - Fields of VAT and excise duties - Partial transposition- Territory of Gibraltar.#Case C-349/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta' Lulju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 77/799/KEE - Għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti - Oqsma tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tad-dazji tas-sisa - Traspożizzjoni inkompluta - Territorju ta' Ġibiltà.
Kawża C-349/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta' Lulju 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 77/799/KEE - Għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti - Oqsma tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tad-dazji tas-sisa - Traspożizzjoni inkompluta - Territorju ta' Ġibiltà.
Kawża C-349/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:488
European Court reports 2005 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C-349/03,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-7 ta' Awwissu 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta minn:
ir-Renju ta' Spanja , irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti,
vs
ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq , irrappreżentat minn K. Manji u R. Caudwell, bħala aġenti, assistiti minn D. Wyatt, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta u A. Borg Barthet, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, N. Colneric (Relatur), S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, G. Arestis, M. Ilei, J. Malenovsk u J. Kluka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Tizzano,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, bil-fatt li m'applikax id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar l-għajnuna komuni [reċiproka] bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta (77/799/KEE) (ĠU L 336, p. 15), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru [1979] (ĠU L 331, p. 8), u bid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti (ĠU L 76, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 77/799 emendata"), fit-territorju ta' Ġibiltà, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond it-Trattat KE.
2. B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Diċembru 2003, ir-Renju ta' Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni.
3. Ir-Renju Unit jitlob li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
Il-kuntest ġuridiku
L-esklużjoni parzjali tat-territorju ta' Ġibiltà mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju
4. L-Artikolu 28 ta' l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta' adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14, iktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni") jiddisponi:
"L-Atti ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità dwar il-prodotti elenkati fl-Anness II li jinsab mat-Trattat tal-KEE u l-prodotti soġġetti, ma' l-importazzjoni tagħhom fil-Komunità, għal regoli speċifiċi bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tal-Politka Agrikola Komuni, kif ukoll l-Atti dwar l-armonizzazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat, ma japplikawx għal Ġibiltà sakemm il-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, ma jipprovdix xorta oħra."
5. Skond l-Artikolu 29 ta' l-Att ta' Adeżjoni, meħud flimkien mal-paragrafu 4 tal-Parti I ta' l-Anness I, ta' dan l-Att, Ġibiltà hija eskluża mit-territorju doganali tal-Komunità.
Id-Direttiva 77/799 u l-emendi li sarulha
6. Id-Direttiva 77/799, fil-verżjoni oriġinali tagħha, kienet tikkonċerna l-għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. Hija ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 100 tat-Trattat KE, li wara sar l-Artikolu 94 KE).
7. Id-Direttiva 79/1070 wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 billi estendietha għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem "VAT"). Hija ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 99 tat-Trattat KEE (li ġie emendat bl-Att Uniku Ewropew, u li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 99 tat-Trattat KE, li wara sar l-Artikolu 93 KE) u l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE.
8. Skond l-ewwel premessa tad-Direttiva 79/1070, "[i]d-drawwa ta' l-evażjoni tat-taxxa twassal għal telf fil-baġit u għall-vjolazzjoni tal-prinċipju tat-taxxa ġusta u tipperikola l-kompetizzjoni b'saħħitha; [...] għalhekk din taffettwa ħażin it-tmexxija mingħajr tfixkil tas-suq komuni".
9. It-tieni premessa ta' l-imsemmija Direttiva tiddisponi:
"[...] biex tikkumbatti din id-drawwa b'mod aktar effettiv, il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-Komunità għandha tissaħħaħ skond il-prinċipji u r-regoli komuni".
10. Skond it-tielet premessa ta' din l-istess Direttiva:
"[...] l-għajnuna [mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri] għandha titwassa' biex tkopri t-taxxi ndiretti biex tiżgura li dawn ikunu stmati tajjeb u miġbura".
11. Ir-raba' premesa tad-Direttiva 79/1070 tiddisponi:
"[...] bħala kwistjoni ta' urġenza partikolari, l-għajnuna ta' xulxin trid titwassa' biex tkopri it-taxxa fuq il-valur miżjud, kemm minħabba li hija taxxa ġenerali fuq il-konsum kif ukoll minħabba li għandha parti mportanti fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunità".
12. Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/1070, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa l-1 ta' Jannar 1981.
13. Id-Direttiva 92/12 wessgħet għal darb'oħra l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 billi estendietha għad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali, fuq alkoħol u xorb alkoħoliku, kif ukoll fuq tabakk immanifatturat. Id-Direttiva 92/12 kienet ibbażata fuq l-Artikolu 99 tat-Trattat KEE fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Att Uniku Ewropew.
14. Skond l-ewwel premessa tad-Direttiva 92/12:
"[...] is-suq intern li jkun stabbilit u l-iffunzjonar tiegħu jeħtieġ il-moviment ħieles ta' l-oġġetti, inklużi dawk soġġetti għad-dazju tas-sisa".
15. Ir-raba' premessa ta' din id-Direttiva tiddisponi li, sabiex jiġu żgurati l-istabbiliment u l-iffunzjonar tas-suq intern, il-ħlas tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri.
16. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 77/799 emendata jipprovdi:
"Skond din id-Direttiva l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat[i] Membr[i] għandhom jibdlu kull tagħrif li jista' jippermettilhom li jeffettwaw stima korretta tat-taxxi fuq id-dħul u l-kapital u kull tagħrif li jirrelata ma' l-istima tat-taxxi ndiretti li ġejjin:
- taxxa fuq il-valur miżjud,
- dazju tas-sisa fuq żjut minerali,
- dazju tas-sisa fuq alkoħol u xorb alkoħoliku,
- dazju tas-sisa fuq tabakk immanifatturat."
17. L-Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva jiddisponi:
"Din id-Direttiva m'għandha timponi l-ebda obbligazzjoni sabiex isiru inkjesti jew li tingħata informazzjoni jekk l-Istat Membru, li għandu jagħti l-informazzjoni, ikun miżmum mil-liġijiet tiegħu jew mill-prassi amministrattivi milli jagħmel dawn l-inkjesti jew milli jiġbor jew juża din l-informazzjoni għall-għanijiet tiegħu."
18. Skond l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 92/12, l-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Jannar 1993.
Il-proċedura prekontenzjuża
19. Billi l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinitx ġiet infurmata mir-Renju Unit dwar il-provvedimenti meħuda biex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 77/799 emendata fl-ordni ġuridiku intern fir-rigward tat-territorju ta' Ġibiltà, hija bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE u tat l-opportunità lil dan l-Istat Membru li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. L-awtoritajiet Britanniċi għalhekk għarrfu lill-Kummissjoni bil-provvedimenti li kienu ħadu fir-rigward tat-taxxi diretti permezz ta' l-Ordinanza Nru 26 ta' l-1997 li temenda l-Ordinanza dwar it-taxxa fuq l- income [Income Tax (Amendment) (N o 2) Ordinance 1997], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 1997. Ir-Renju Unit deherlu, madankollu, li billi Ġibiltà ma kienet suġġetta la għas-sistema komuni ta' VAT u lanqas għar-regoli armonizzati dwar id-dazji tas-sisa, id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Direttiva dwar dawn it-taxxi ma kienux japplikaw għal dan it-territorju. Wara li bagħtet avviż formali ulterjuri, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fis-27 ta' Ġunju 2002 li biha stiednet lill-imsemmi Stat jieħu l-provvedimenti neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. Billi l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern tar-Renju Unit wara l-ħruġ ta' l-imsemmija opinjoni urew li n-nuqqas imsemmi fl-opinjoni motivata baqa' jissussisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
20. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, skond l-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni, it-territorju ta' Ġibiltà huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli ta' armonizzazzjoni tat-taxxi fuq il-fatturat u hija disposta, għall-finijiet ta' dawn il-proċedimenti, li tippreżumi li lanqas id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju dwar l-armonizzazzjoni tad-dazji tas-sisa ma japplikaw għal dan it-territorju.
21. Madankollu, hija ssostni li, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fl-oqsma tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, id-Direttiva 77/799 emendata tagħmel parti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli għal Ġibiltà.
22. Din id-Direttiva tistabbilixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta' tagħrif bejn l-awtoritajiet fiskali ta' l-Istati Membri bil-għan li jkunu jistgħu jassiguraw aħjar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi osservata. L-għan tagħha huwa biss li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' tagħrif neċessarju għall-impożizzjoni u għall-ġbir tat-taxxi konformement mas-sistema fiskali ta' kull Stat Membru, li b'hekk tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa, li jiġi evitat it-tgħawwiġ tal-movimenti tal-kapital u li tiġi mħarsa l-kompetizzjoni b'saħħitha. L-emendi li saru għad-Direttiva 77/799 permezz tad-Direttivi 79/1070 u 92/12 m'għandhom ebda effett fuq id-dritt fiskali ta' l-Istati Membri bħala tali. Din mhijiex miżura ta' armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT jew dwar id-dazji tas-sisa.
23. It-tagħrif li jingħata mill-awtoritajiet fiskali ta' Ġibiltà jista' jkun utli, jew saħansitra indispensabbli, għall-impożizzjoni korretta tal-VAT jew tad-dazji tas-sisa f'reġjunijiet oħra tal-Komunità Ewropea, anki jekk dawn it-taxxi ma japplikawx għal Ġibiltà.
24. Wieħed jista' kważi jasal biex jargumenta li l-Artikolu 10 KE jeżiġi li s-sistema reċiproka ta' tagħrif tiġi estiża għal Ġibiltà.
25. Billi d-Direttiva 92/12 tikkonċerna kważi esklużivament l-armonizzazzjoni tal-liġijiet materjali dwar id-dazji tas-sisa, din id-Direttiva hija bbażata neċessarjament fuq l-Artikolu 99 tat-Trattat KE. Is-sempliċi fatt li dispożizzjoni tinsab f'miżura li tikkonċerna prinċipalment l-armonizzazzjoni materjali ma jagħtihiex in-natura ta' dispożizzjoni ta' armonizzazzjoni. Fir-rigward tad-Direttiva 79/1070, din kellha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE. Il-bażi legali invokata biex il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 jiġi estiż għall-VAT u għad-dazji tas-sisa ma tista' f'ebda każ twassal biex il-miżuri ta' għajnuna reċiproka jiġu kkunsidrati mill-aspett ta' l-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni.
26. Il-Gvern Spanjol iqis li, jekk il-Komunità riedet u aċċettat li ċerti territorji jkunu esklużi mill-armonizzazzjoni tat-taxxi indiretti, u dan għal diversi raġunijiet, hija ma rieditx li dawn it-territorji jsiru postijiet fejn issir l-evażjoni għad-dannu ta' l-Istati Membri l-oħra, minħabba li Stat minnhom jirrifjuta li jagħti lil Stat ieħor tagħrif dwar wieħed minn dawn it-territorji. Tali sitwazzjoni probabbilment tostakola l-armonizzazzjoni materjali fit-territorji l-oħra li huma suġġetti għall-armonizzazzjoni.
27. Ir-realtà ekonomika ta' Ġibiltà tinbidel, inkluża l-influwenza tagħha fuq diversi aspetti tal-funzjonament tas-suq intern. Billi r-Renju ta' Spanja huwa affettwat ħażin b'mod partikolari bin-nuqqas ta' traspożizzjoni, huwa għandu provi suffiċjenti biex juri li n-nuqqas ta' applikazzjoni għal Ġibiltà tad-Direttiva 77/799 emendata huwa ta' dannu għall-Istati Membri. Jekk jiġġebbed iżżejjed, dan l-argument iwassal għall-obbligu ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li joħroġ mill-Artikolu 10 KE.
28. Wieħed jista' b'xi mod jikkonstata evoluzzjoni tal-kunċett u ta' l-importanza li għandha tingħata lill-kooperazzjoni li l-amministrazzjonijiet fiskali għandhom jagħtu lil xulxin, permezz ta' bdil ta' tagħrif, bil-għan li jiġu miġġielda b'mod iktar effikaċi l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Huwa possibbli, imbagħad, li wieħed jiddistingwi skond jekk miżura ta' kooperazzjoni tkunx relatata ma' għan ta' armonizzazzjoni fiskali jew jekk tkunx sempliċement relattiva għal miżura li ma tilħaqx din id-dimensjoni u li tillimita ruħha li tistabbilixxi regoli ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.
29. Għalkemm fi Spanja jeżistu territorji fejn il-VAT ma tapplikax jew li ma jagħmlux parti mill-unjoni doganali, ir-Renju ta' Spanja ma jikkunsidrax li d-Direttiva 77/799 kif emendata bid-Direttiva 79/1070 jew bid-Direttiva 92/12 m'ghandhiex tapplika f'dawn it-territorji.
30. Fl-aħħarnett, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-fatt li ċerti territorji huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT u tad-dazji tas-sisa armonizzati ma jfissirx li huma awtomatikament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 emendata. Din id-Direttiva għandha għan ta' applikazzjoni ġeografika ġenerali.
31. Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta l-mertu tar-rikors. L-estensjoni tas-sistema tad-Direttiva 77/799, minn naħa, għall-VAT permezz tad-Direttiva 79/1070 u, min-naħa l-oħra, għad-dazji tas-sisa permezz tad-Direttiva 92/12, mhijiex applikabbli għal Ġibiltà.
32. Safejn id-Direttiva 77/799 emendata tikkonċerna l-g ħajnuna reċiproka fir-rigward tal-VAT, hija tinkludi "armonizzazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni u, għaldaqstant, ma tapplikax għal Ġibiltà. Il-kliem ta' din id-dispożizzjoni għandhom jingħataw it-tifsira normali tagħhom.
33. Safejn l-imsemmija Direttiva tikkonċerna l-għajnuna reċiproka fir-rigward tad-dazji tas-sisa, hija lanqas ma tapplika għal Ġibiltà. Dan joħroġ mill-esklużjoni ta' Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Komunità u mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jfittxu li jassiguraw il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern mhumiex applikabbli għal Ġibiltà. L-ewwel premessa tad-Direttiva 92/12 kif ukoll ċerti premessi oħra juru li l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġi assigurat il-moviment liberu tal-merkanzija.
34. Huwa impossibbli li wieħed jiddistingwi l-għanijiet ta' l-għajnuna reċiproka fir-rigward ta' l-impożizzjoni u ġbir tal-VAT u tad-dazji tas-sisa mill-għanijiet ta' armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-VAT u d-dazji tas-sisa nfushom. L-impożizzjoni u l-ġbir tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, f'konnessjoni stretta ma' l-għajnuna reċiproka prevista fl-imsemmija Direttiva, huma magħquda b'mod li ma jistgħux jinfirdu mit-taxxi u dazji, li jaqgħu taħtha, li jridu jiġu imposti u miġbura. L-effiċjenza li biha sistema fiskali tiġi amministrata tikkostitwixxi fattur importanti fid-determinazzjoni tar-rata effettiva tat-taxxa u, f'termini prattiċi, ma tistax tinfired mill-kapaċità ta' l-Istati Membri li jiġbru t-taxxi.
35. L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799, permezz tad-Direttivi 79/1070 u 92/12, saret abbażi ta' l-Artikolu 99 tat-Trattat KE, li jikkonċerna l-armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar it-taxxi indiretti safejn din hija neċessarja sabiex tassigura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Il-bażijiet legali użati bil-għan li tiġi estiża s-sistema ta' għajnuna reċiproka għall-VAT u għad-dazji tas-sisa ma jistgħux ikunu deċiżivi għal dak li għandu x'jaqsam mal-materji in kwistjoni f'dawn il-proċedimenti, izda jinsabu fl-isfond ta' din il-kawża u għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.
36. Il-Gvern tar-Renju Unit ifakkar li, fil-punt 67 tas-sentenza tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (C-338/01, Ġabra p. I-4829), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-termini "disposizzjonijiet fiskali" li jinsabu fl-Artikolu 95(2) KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkopru mhux biss id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-persuni taxxabbli, l-operazzjonijiet taxxabbli, il-bażi ta' l-istima tat-taxxa, ir-rati tat-taxxi diretti u indiretti u l-eżenzjonijiet minnhom, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri għall-ġbir ta' dawn it-taxxi. Kunsiderazzjonijiet analogi japplikaw għal din il-kawża.
37. Il-pożizzjoni tar-Renju Unit taqbel ma' dik adottata fil-leġiżlazzjoni fiskali Komunitarja reċenti, li tikkunsidra l-miżuri ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-VAT bħala miżuri ta' armonizzazzjoni fiskali [ara t-tielet premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta' Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 (ĠU L 264, p. 1].
38. Li wieħed jirrikorri għall-Artikolu 10 KE bħala bażi għar-raġunament, bil-għan li jevita konsegwenza li, kieku ma kienx hekk, toħroġ mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni, la huwa konformi ma' l-ittra u lanqas ma' l-ispirtu ta' l-imsemmi Artikolu 10 KE.
39. L-asserzjonijiet tar-Renju ta' Spanja dwar is-sitwazzjoni ġuridika tat-territorji Spanjoli in kwistjoni mhumiex rilevanti għall-kawża li tifforma s-suġġett ta' dawn il-proċedimenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Rimarka preliminari
40. Fid-dawl tal-proċedura prekontenzjuża u tal-motivazzjoni tar-rikors, dan ir-rikors għandu jinftiehem fis-sens li jikkonċerna n-nuqqas ta' applikazzjoni tad-Direttiva 77/799 emendata biss f'dak li jirrigwarda l-VAT u d-dazji tas-sisa.
L-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-VAT
41. Skond l-Artikolu 299(4) KE, it-Trattat huwa applikabbli għal Ġibiltà, billi din hija kolonja tal-Kuruna li r-relazzjonijiet barranin tagħha huma r-responsabbiltà tar-Renju Unit. Madankollu, skond l-Att ta' Adeżjoni, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat ma japplikawx għal Ġibiltà (ara s-sentenza tat-23 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, Ġabra p. I-9481, punt 47), eċċezzjonijiet li ddaħħlu minħabba s-sitwazzjoni ġuridika speċjali u, b'mod partikolari, minħabba l-istatus ta' port ħieles ta' dan it-territorju.
42. Joħroġ mill-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni li l-Atti dwar l-armonizzazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat mhumiex applikabbli għal Ġibiltà, sakemm il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni ma jipprovdix xorta oħra.
43. Billi hija eċċezzjoni għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fit-territorju tal-Komunità, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-firxa tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu protetti l-interessi li hija tippermetti lil Ġibiltà li tħares. Barra minn hekk, hija għandha tinqara fid-dawl tat-tieni sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 10 KE [fil-verżjoni Maltija tat-Trattat KE, l-aħħar parti ta' l-unika sentenza ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 10], li tiddisponi li l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta' Frar 1988, il-Kummissjoni vs il-Greċja, 194/85 u 241/85, Ġabra p. 1037, punt 20).
44. Għaldaqstant, dispożizzjonijiet li jillimitaw ruħhom li jipprovdu għal kooperazzjoni bejn Stati Membri, filwaqt li jippermettu lil kull wieħed minnhom li juża l-metodi partikolari tiegħu ta' riċerka u ta' komunikazzjoni tat-tagħrif, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala "Atti dwar l-armonizzazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat", skond it-tifsira ta' l-imsemmi Artikolu 28.
45. Issa d-Direttiva 77/799 emendata ma tmurx lil hinn minn hekk, kif joħroġ b'mod partikolari mill-Artikolu 8(1) tagħha, li jagħmel referenza għal-limiti għall-bdil ta' tagħrif li joħorġu mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi amministrattiva ta' l-Istat Membru kkonċernat.
46. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, għalkemm tikkonċerna l-VAT, id-Direttiva 77/799 emendata ma taqax taħt "Atti dwar l-armonizzazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat", skond it-tifsira ta' l-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni.
47. Din il-valutazzjoni mhijiex kontradetta minn dik li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha l-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, li tagħti interpretazzjoni tal-kunċett ta' "dispożizzjonijiet fiskali" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 95(2) KE, u mhux tal-kunċett ta' "Atti dwar l-armonizzazzjoni" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni.
48. Barra minn hekk, it-tielet premessa tar-Regolament Nru 1798/2003, invokat mill-Gvern tar-Renju Unit, jipprovdi, bla dubju, li "[i]l-miżuri ta' l-armonizzazzjoni tat-taxxa meħud[...]a biex jitlesta s-suq intern għandhom għalhekk jinkludu l-istabbiliment ta' sistema komuni għal skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fejn l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom għandhom jassistu lil xulxin u jikkooperaw mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata applikazzjoni tajba tal-VAT fuq provvisti ta' prodotti u servizzi, fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta' prodotti u fuq l-importazzjoni ta' prodotti".
49. Madankollu, dispożizzjoni tad-dritt primarju bħall-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni ma jistax jiġi interpretat fid-dawl ta' premessa ta' att tad-dritt sussidjarju. Barra minn hekk, l-imsemmija tielet premessa tikkostitwixxi element tal-motivazzjoni ta' regolament adottat mil-leġiżlatur Komunitarju abbażi ta' l-Artikolu 93 KE, li, b'mod partikolari, m'għandux, kuntrarjament għall-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni, in natura ta' dispożizzjoni derogatorja. Għalhekk, din il-premessa ma tistax tqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 46 ta' din is-sentenza.
50. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li, għalkemm tikkonċerna l-VAT, id-Direttiva 77/799 emendata hija applikabbli għal Ġibiltà.
L-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tad-dazji tas-sisa
51. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 29 ta' l-Att ta' Adeżjoni, meħud flimkien mal-paragrafu 4 tal-Parti I ta' l-Anness I tiegħu, Ġibiltà hija eskluża mit-territorju doganali tal-Komunità. Bħall-Artikolu 28 ta' l-Att ta' Adeżjoni, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv.
52. Mhuwiex neċessarju, għall-finijiet ta' din il-kawża, li jiġi deċiż jekk l-esklużjoni ta' Ġibiltà mit-territorju doganali tal-Komunità timplikax li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet materjali dwar id-dazji tas-sisa mhumiex applikabbli għal Ġibiltà.
53. Fil-fatt, jekk wieħed iqis li dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex applikabbli f'dan it-territorju, l-imsemmija esklużjoni ma timplikax, f'kull każ, li Ġibiltà taħrab mill-obbligu ta' għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri prevista fid-Direttiva 77/799 emendata fil-qasam tad-dazji tas-sisa. Il-fatt li l-awtoritajiet ta' Ġibiltà huma suġġetti għal dan l-obbligu m'għandux effett, fil-fatt, fuq l-eventwali nuqqas ta' applikazzjoni għal dan it-territorju tad-dispożizzjonijiet li jeżiġu l-armonizzazzjoni ta' dawn id-dazji bħala tali.
54. Għaldaqstant, għalkemm tikkonċerna d-dazji tas-sisa, id-Direttiva 77/799 emendata hija applikabbli għal Ġibiltà.
55. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat.
56. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, bil-fatt li m'applikax id-Direttiva 77/799 emendata, fl-oqsma tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, fit-territorju ta' Ġibiltà, ir-Renju Unit naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond it-Trattat KE.
Fuq l-ispejjeż
57. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. B'applikazzjoni ta' l-ewwel inciż ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, ir-Renju ta' Spanja, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:
1) Bil-fatt li m'applikax, fl-oqsma tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tad-dazji tas-sisa, id-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar l-għajnuna komuni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta (77/799/KEE), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru [1979], u bid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti, fit-territorju ta' Ġibiltà, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq naqas li jwettaq l-obbligi imposti fuqu skond it-Trattat KE.
2) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandu jbati l-ispejjeż.
3) Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.