EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0344

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Diċembru 2005.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika tal-Finlandja.
Direttiva 79/409/KEE - Konservazzjoni ta' l-għasafar salvaġġi - Kaċċa fir-rebbiegħa ta' għasafar ta' l-ilma.
Kawża C-344/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:770

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

15 ta' Diċembru 2005 (*)

«Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ l-għasafar salvaġġi – Kaċċa fir-rebbiegħa ta' għasafar ta' l-ilma"

Fil-kawża C-344/03,

li għandu bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-1 ta' Awwissu 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u P. Aalto, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Settembru 2005,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali u wara li ddeċidiet taqta' l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma applikatx id-deroga prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar salvaġġi (ĠU L 103, p. 1), kif emendata mill-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva"), skond il-kriterji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, u billi ma tatx prova li, fil-kuntest tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta' għasafar ta' l-ilma fil-Finlandja kontinentali u fil-provinċja ta' Åland, il-kundizzjonijiet li jinstabu fl-istess dispożizzjoni sabiex tingħata awtorizzazzjoni għal tali deroga kienu sodisfatti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta' kriterji fir-rigward tan-nuqqas "ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti" u tan-"numri żgħar", b'mod partikolari għall-ispeċi li ġejjin: l-Edredun (Common Eider, Somateria mollissima), il-papra tal-ġenus Bucephala (Common Goldeneye, Bucephala clangula), is-Serra ta' sidirha aħmar (Red-breasted Merganser, Mergus serrator), is-Serra (Common Merganser, Mergus merganser), il-papra tal-ġenus Melanitta (White-winged Scoter, Melanitta fusca) u l-Brajmla tat-toppu (Tufted Duck, Aythyafuligula), ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-imsemmija direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprovdi:

"1.       Minħabba l-livell tal-popolazzjoni tagħhom, d-distribuzzjoni ġeografika u r-rata tar-riproduttività fil-komunitá, l-ispeċi elen[ka]ti fl-anness II jistgħu jkunu soġġetti għall-kaċċa skond il-leġislazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kaċċa ta’ dawn l-ispeċi ma tfixkilx l-isforzi tal-konservazzoni fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

2.       L-ispeċi msemmija fl-Anness II/1 jistgħu jkun soġġetti għal kaċċa fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

3.       L-ispeċi msemmija fl-Anness II/2 jistgħu jkunu soġġetti għal kaċċa biss fl-Istati Membri li jkunu indikati.

4.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prattika tal-kaċċa, inkluż il-falkunerija jekk prattikata, kif prattikata bi qbil mal-miżuri nazzjonali fis-seħħ, tikkonforma mal-prinċipji ta’ l-użu bil-għaqal u l-bilanċ ekoloġiku tal-kontroll ta’ l-ispeċi ta’ l-għasafar kkonċernati u li din il-prattika tkun kompatibbli għal dak li jirrigwarda l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment l-ispeċi migratorji, mal-miżuri li jirriżultaw mill-Artikolu 2. Dawn għandhom jaraw partikolarment li l-ispeċi li japplikaw għalihom il-liġijiet tal-kaċċa ma humiex soġġetti għal kaċċa fl-istaġun tat-trobbija u lanqas waqt l-istadji differenti tar-riproduzzjoni. Fil-każ ta’ l-ispeċi migratorji, għandhom jaraw partikolarment għal liema r-regolamenti tal-kaċċa japplikaw ma humiex soġġetti għall-kaċċa waqt il-perjodu tar-riproduzzjoni tagħhom jew waqt il-perjodu tar-ritorn tagħhom għall-postijiet tat-trobbija. L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-applikazzjoni fil-prattika tar-regolamenti tal-kaċċa tagħhom."

3       L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva jipprovdi:

"L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet ta’ l-Artikoli 5, 6, 7 u 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

[...]

(c) biex jippermetu, taħt kondizzjonijiet ta' sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, l-qabda, ż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar."

4       Skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, għall-finijiet ta’ l-emendi neċessarji għall-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku ta' ċerti partijiet ta' din l-istess Direttiva, ġie stabbilit kumitat għall-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku tagħha (minn hawn ‘l quddiem "il-Kumitat"), li jikkonsisti minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u mmexxi minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-Kumitat ORNIS huwa l-kumitat għall-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku tad-Direttiva, stabbilit skond l-Artikolu 16 tagħha.

5       L-Anness II tad-Direttiva jsemmi b'mod partikolari l-Edredun, il-papra tal-ġenus Bucephala, is-Serra ta' sidirha aħmar, is-Serra, il-papra tal-ġenus Melanitta, il-Brajmla tat-toppu u l-papra ta' denbha twil (Long-tailed Duck, Clangula hyemalis).

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 F'dak li jirrigwarda l-Finlandja kontinentali

6       L-Artikolu 24 tad-Digriet Nru 666 tat-12 ta' Lulju 1993, dwar il-kaċċa, kif emendat mid-Digriet Nru 869, tas-27 ta' Novembru 1998 (iktar 'il quddiem id-"Digriet dwar il-kaċċa"), jistabbilixxi d-dati normali ta' l-għeluq ta' l-istaġun tal-kaċċa kif ġej:

"Id-dati normali ta' l-għeluq ta' l-istaġun tal-kaċċa

L-annimali tal-kaċċa huma protetti kif ġej:

[...]

13)      [...] il-papra tal-ġenus Bucephala, [...] l-Edredun mara u ferħa tas-sena: mill-1 ta' Jannar sa' l-20 ta' Awwissu f'nofsinhar;

14)      l-Edredun raġel mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Mejju;

15)      il-papra ta' denbha twil, is-Serra ta' sidirha aħmar u s-Serra mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Awwissu."

7       L-Artikolu 29 tad-Digriet dwar il-kaċċa jipprovdi numru ta' derogi għal dawn id-dati ta' għeluq tal-kaċċa:

"Il-kaċċa fir-rebbiegħa ta' ċerti speċi ta' għasafar ta' l-ilma:

Fin-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti u safejn il-kaċċa ma tikkompromettix iż-żamma ta' livell ta' konservazzjoni favorevoli, il-persuni li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-lokalitajiet tax-xtut fit-territorju ta' distretti tal-kaċċa tal-provinċji ta' Uusimaa, ta' Varsinais Suomi u ta' Satakunta jistgħu, minkejja d-dati normali ta' għeluq tal-kaċċa previsti fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 24, jikkaċċjaw numri żgħar ta' papri b'denbhom twil u ta' Serer rġiel mill-10 ta' April sal-21 ta' Mejju."

8       Mill-1998 sa l-2001, il-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Foresti awtorizza regolarment, b'applikazzjoni tad-Digriet dwar il-kaċċa, il-ħruġ ta' permessi għall-kaċċa fir-rebbiegħa ta' l-ispeċi kollha msemmija jew ta' wħud minnhom.

F'dak li jirrigwarda l-Gzejjer ta' Åland

9       L-ewwel u t-tieni inċiżi ta' l-Artikolu 20 tal-liġi provinċjali ta' Åland Nru 31, tal-5 ta' Lulju 1985, dwar il-kaċċa fil-provinċja ta' Åland (Jaktlag för landskapet Åland 5.7.1985/31), kif emendata mil-liġijiet provinċjali numri 68/1995 u 46/1999 (iktar 'il quddiem il-"liġi provinċjali Nru 31»), jipprovdu:

"L-awtoritajiet tal-provinċja ta' Åland, wara li jkunu kkonsultaw ma' l-assoċjazzjonijiet tal-kaċċa, jistgħu jadottaw, permezz ta' digriet provinċjali dispożizzjonijiet li jispeċifikaw liema speċi ta' annimali tal-kaċċa jistgħu jiġu kkaċċjati, f'liema perijodu tas-sena jistgħu jiġu kkaċċjati l-ispeċi kkonċernati u f'liema territorji hija awtorizzata l-kaċċa, kif ukoll, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kaċċa ta' speċi. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fit-tieni u t-tielet inċiżi, il-kaċċa ta' dawn l-ispeċi ta' għasafar ma tistax issir matul it-traġitt ta' ritorn tagħhom lejn il-post fejn ibejtu, matul il-perijodu ta' riproduzzjoni tagħhom u lanqas matul il-perijodu tad-dipendenza tal-frieħ.

Fin-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti, l-awtoritajiet tal-provinċja ta' Åland jistgħu joħorġu permessi li jawtorizzaw il-kaċċa, matul ċertu perijodu li jinsab bejn il-15 ta' Marzu u l-25 ta' Mejju, ta' l-Edredun, tal-papra tal-ġenus Melanitta, tal-Brajmla tat-toppu, tal-papra tal-ġenus Bucephala, tas-Serra ta' sidirha aħmar, tas-Serra, tal-papra ta' denbha twil u tal-Gallina Ewro-Asjana, f'numri żgħar [...]"

10     Il-kaċċa tista' ssir fil-provinċja ta' Åland matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta' Settembru u l-31 ta' Diċembru għall-ispeċi li ġejjin: il-Brajmla tat-toppu, il-papra tal-ġenus Bucephala, il-papra ta' denbha twil, is-Serra, is-Serra ta' sidirha aħmar u l-Gallina Ewro-Asjana.

11     Mill-1998 sa l-2001, l-awtoritajiet tal-provinċja ta' Åland awtorizzaw il-ħruġ ta' permessi għall-kaċċa fir-rebbiegħa ta' l-ispeċi kollha msemmija fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 20 tal-liġi provinċjali Nru 31 jew ta' wħud minnhom.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura ta' qabel il-kawża

12     Peress li l-Kummissjoni rċeviet, fl-1995 u fl-1996 ilmenti dwar il-kaċċa ta' għasafar fir-rebbiegħa fil-Finlandja, hija bagħtet, fid-19 ta' Frar 1998, ittra ta' intimazzjoni lir-Repubblika tal-Finlandja, li fiha kkonstatat li dan l-Istat Membru qed jawtorizza, bi ksur ta' l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, il-kaċċa fir-rebbiegħa ta' ċerti speċi ta' għasafar ta' l-ilma salvaġġi msemmija fl-Anness II ta' din id-Direttiva matul il-perijodu li jbejtu, kemm fil-Finlandja kontinentali kif ukoll fil-gżejjer ta' Åland. Hija sostniet li l-kundizzjonijiet rikjesti għall-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 9(1)(c) ta' l-imsemmija Direttiva ma kienux sodisfatti. F'din l-intimazzjoni, il-Kummissjoni indikat b'mod partikolari li l-kriterji fir-rigward tan-nuqqas "ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti" u tan-"numri żgħar" ma kienux sodisfatti.

13     Peress li r-risposta għall-imsemmija ittra ta' intimazzjoni ma ssodisfatx il-Kummissjoni, fit-28 ta' April 1999 din ta' l-aħħar bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Finlandja li fiha tenniet, sostanzjalment, l-ilmenti invokati fl-intimazzjoni u stiednet dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma' l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

14     Il-Gvern Finlandiż irrisponda għall-opinjoni motivata permezz ta' ittri tal-21 ta' Ġunju 1999 u tat-30 ta' Marzu 2001.

15     Wara li eżaminat ir-risposti ta' l-awtoritajiet Finlandiżi, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata supplementari fil-25 ta' Lulju 2001 li fiha hija kkonfermat il-pożizzjoni preċedenti tagħha.

16     Peress li r-Repubblika tal-Finlandja rrispondiet għall-imsemmija opinjoni motivata supplementari li, fl-opinjoni tagħha, il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi implementata d-deroga prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva kienu sodisfatti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

17     Il-Kummissjoni, filwaqt li tammetti li l-kaċċa fir-rebbiegħa bħala passatemp tista' tiġi kkunsidrata bħala "użu meqjus" skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, issostni li, fil-kawża preżenti, tali modalità ta' kaċċa ma tissodisfax la l-kundizzjoni dwar nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti u lanqas dik li tirrigwarda l-qbid ta' għasafar f'numri żgħar.

 Fuq in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti

 L-argumenti tal-partijiet

18     Skond il-Kummissjoni, peress li huma involuti speċi ta' l-għasafar in kwistjoni fil-kawża preżenti, jeżistu soluzzjonijiet oħra sodisfaċenti minbarra l-kaċċa fir-rebbiegħa, kemm fil-Finlandja kontinentali kif ukoll fil-gżejjer ta' Åland. Hija tibbaża ruħha fuq studju mwettaq mir-Repubblika tal-Finlandja, filwaqt li ssostni li l-ispeċi kollha jew kważi kollha li jistgħu jiġu kkaċċati fir-rebbiegħa jinstabu wkoll ġeneralment fil-ħarifa fit-territorji fejn tiġi pprattikata l-kaċċa fir-rebbiegħa. Għaldaqstant, il-kaċċa fir-rebbiegħa ta' l-Edredun, tal-papra tal-ġenus Bucephala, tas-Serra u tal-Brajmla tat-toppu ma tistax tiġi ġġustifikata bil-fatt li dawn l-ispeċi ma jinstabux fl-imsemmija territorju fil-ħarifa.

19     Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tammetti li mhuwiex raġonevolment possibbli li titħalla l-kaċċa tal-papra ta' denbha twil fil-ħarifa fl-istess reġjuni bħal dawk li fihom tiġi pprattikata l-kaċċa fir-rebbiegħa.

20     F’dak li jirrigwarda s-Serra ta' sidirha aħmar u l-papra tal-ġenus Melanitta, dawn huma għasafar li l-kaċċa tagħhom tista’ tkun sa ċertu punt iktar diffiċli fil-ħarifa.

21     F’kull każ, il-Kummissjoni tqis, f’dak li jikkonċerna t-tliet speċi msemmija fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, li l-kaċċa tagħhom fil-ħarifa, anki jekk f’numri iżgħar minn dawk maqbuda fir-rebbiegħa, kif ukoll “il-kaċċa ta’ speċi oħra ta’ għasafar ta' l-ilma preżenti fil-ħarifa”, jikkostitwixxu soluzzjoni oħra sodisfaċenti li tista’ tissostitwixxi l-kaċċa fir-rebbiegħa. Fil-fatt, dawn it-tliet speċi mhumiex intiżi għal użu partikolari li ma jippermettix li dawn jiġu ssostitwiti ma’ speċi oħra ta’ annimal tal-kaċċa fl-istess territorju. B’mod partikolari, il-papra ta' denbha twil tista’ tiġi ssostitwita bil-kuluvert (Common Mallard), is-Sarsella (Common Teal) u l-Wigeon Ewro-Asjana (Eurasian Wigeon). Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis li għandu jkun possibbli li titħalla l-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ għasafar ta' l-ilma li ma jinstabux fil-ħarifa jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħrajn previsti fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.

22     Il-Gvern Finlandiż isostni li ma teżisti ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għas-sostituzzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa li hija pprattikata bħalissa fil-Finlandja. F’dan ir-rigward, huwa jindika, għal kull speċi kkonċernata bir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-raġunijiet għaliex tali soluzzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata.

23     L-imsemmi Gvern isostni li, għal dak li għandu x'jaqsam mal-Finlandja kontinentali, il-kaċċa fir-rebbiegħa effettwat biss, fir-realtà, mir-rebbiegħa tas-sena 2001, il-papra ta' denbha twil, l-Edredun u s-Serra. F’dak li jirrigwarda l-gżejjer ta’ Åland, l-ispeċi kollha msemmija fil-punt 5 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu kkaċċjati hemmhekk fir-rebbiegħa.

24     Għal dak li jirrigwarda l-Edredun, il-gvern Finlandiż josserva li l-awtoritajiet kompetenti sostnew, abbażi ta' l-informazzjoni li kellhom, li l-kaċċa ta' din l-ispeċi fir-rebbiegħa hija neċessarja f'ċerti żoni ġeografiċi peress li l-kampjuni ta' din l-ispeċi mhumiex preżenti fil-ħarifa f'numri suffiċenti sabiex jiġu kkaċċjati. Fil-fatt, l-individwi ta' din l-ispeċi, li jinstabu fl-imsemmija żoni fil-ħarifa, huma nisa u l-frieħ li jkunu twieldu matul is-sena. Barra minn hekk, hija speċi li tbejjet fit-territorju Finlandiż u li fl-interess tagħha l-kaċċaturi, bl-għan li tbejjet aħjar, jeliminaw il-predaturi ż-żgħar li jinstabu fiż-żoni kkonċernati.

25     Għal dak li jirrigwarda l-papra tal-ġenus Bucephala u l-Brajmla tat-toppu, il-kaċċa ta' dawn l-ispeċi mhijiex possibbli fil-ħarifa minħabba l-fatt li l-għasafar jingħaqdu fi gruppi numerużi iktar minn 50 metru minn xatt il-baħar. Fil-fatt, l-isparatura tal-karabini użati għall-kaċċa ta' għasafar tasal sa massimu ta' 35 metru u, għal raġunijiet ta' sigurtà, l-użu ta' snieter mhuwiex permess. Barra minn hekk, il-papra tal-ġenus Bucephala hija speċi li tbejjet f'ħofra u għalhekk għandha bżonn kaxxi tal-bejta installati mill-bnedmin. Fil-prattika, il-maġġoranza tagħhom jitqiegħdu mill-kaċċaturi. Għaldaqstant, il-kaċċa hija rilevanti fir-riproduzzjoni ta' għasafar.

26     F'dak li jirrigwarda l-kaċċa tas-Serra fir-rebbiegħa, din hija ġġustifikata essenzjalment min-neċessità li tiġi assigurata l-installazzjoni, mill-bnedmin, b'mod partikolari mill-kaċċaturi, ta' kaxxi tal-bejta li huma indispensabbli għar-riproduzzjoni ta' din l-ispeċi.

27     F'dak li jikkonċerna l-papra ta' denbha twil, il-papra tal-ġenus Melanitta u s-Serra ta' sidirha aħmar, il-Gvern Finlandiż isostni li l-kaċċa ta' dawn l-ispeċi mhijiex possibbli fil-ħarifa għaliex, f'dan l-istaġun, dawn mhumiex preżenti f'numri suffiċjenti sabiex jiġu kkaċċjati fiż-żoni ġeografiċi miftuħa għall-kaċċa fir-rebbiegħa.

28     Fl-aħħar nett, il-Gvern Finlandiż jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kriterju tan-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti mhuwiex sodisfatt meta l-kaċċa fir-rebbiegħa ta' speċi ta' għasfur akwatiku tista' tiġi ssostitwita bl-istess mod bil-kaċċa ta' speċi oħra matul il-ħarifa. Huwa josserva f'dan ir-rigward li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa inkompatibbli mad-Direttiva li timxi skond l-ispeċi u li tipprevedi wkoll il-protezzjoni ta' l-għasafar skond l-ispeċi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi mitlub li l-kaċċa ta' speċi tissostitwixxi l-kaċċa ta' speċi oħra mingħajr ma jsir eżami ta' l-impatt ta' żieda fil-kaċċa ta' l-ewwel speċi fuq il-protezzjoni ta' l-istess speċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29     Skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, l-ispeċi mniżżla fl-Anness II tagħha jistgħu jiġu kkaċċjati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Madankollu, il-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw b'mod partikolari, li l-ispeċi li għalihom japplikaw il-liġijiet dwar il-kaċċa ma jiġux ikkaċċjati matul l-istaġun li fih ibejtu jew matul l-istadji differenti ta' riproduzzjoni u ta' dipendenza.

30     F'dan il-każ, l-ispeċi in kwistjoni fil-kawża preżenti, bħal dawk imsemmija fil-punt 5 ta' din is-sentenza, jaqgħu taħt żewġ dispożizzjonijiet li ssemmew fil-punt preċedenti. Huwa paċifiku li l-perijodi ta' kaċċa fir-rebbiegħa pprattikata fil-Finlandja jikkorrispondu għall-perijodi li fihom dawn l-ispeċi jbejtu. Skond l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva, dawn ta' l-aħħar m'għandhomx jiġu kkaċċjati matul dawn il-perijodi.

31     Madankollu, l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva tippermetti l-possibbiltà li, permezz ta' deroga u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-dispożizzjoni, tiġi awtorizzata l-kaċċa ta' speċi mniżżla fl-Anness II ta' l-istess Direttiva matul il-perijodi indikati fl-Artikolu 7(4) tagħha u, għaldaqstant, partikolarment matul il-perijodu li fih jbejtu kif ukoll matul l-istadji differenti ta' riproduzzjoni u ta' dipendenza (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C-182/02, Ġabra p. I-12105, punti 9 sa 11, u tad-9 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni vs Spanja, C-135/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17).

32     Waħda mill-kundizzjonijiet li trid tiġi sodisfatta sabiex tali kaċċa tkun awtorizzata skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva hija dik li għandha x'taqsam man-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Ligue pour la protection des oiseaux et, punt 15, u l-Kummissjoni vs Spanja, punt 18).

33     Din il-kundizzjoni ma tistax tkun meqjusa bħala sodisfatta meta l-perijodu ta' kaċċa li jinfetaħ taħt deroga jikkoinċidi, mingħajr ebda bżonn, ma' dawk il-perijodi li lilhom id-Direttiva tipprova tagħti protezzjoni partikolari. Ma jkunx hemm tali bżonn jekk, per eżempju, l-uniku skop tad-deroga li tawtorizza l-kaċċa jkun li jestendi l-perijodi tal-kaċċa ta' ċerti speċi ta' għasafar f'territorji li fihom jinstabu dawn ta' l-aħħar matul il-perijodi ta' kaċċa stabbiliti skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Ligue pour la protection des oiseaux et, punt 16, u l-Kummissjoni vs Spanja, punt 19).

34     Qabel kollox, f'dak li jirrigwarda l-kaċċa fir-rebbiegħa tas-seba' speċi ta' għasafar imsemmija fil-punt 5 ta' din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data meta jiskadi ż-żmien mogħti fl-opinjoni motivata supplementari, huma biss il-papra ta' denbha twil, l-Edredun u s-Serra li jistgħu jiġu kkaċċjati fil-Finlandja kontinentali, kif jirriżulta mid-dokumenti li jinstabu fil-proċess ta' din il-kawża u skond l-osservazzjonijiet tal-Gvern Finlandiż. Madankollu, dawn is-seba' speċi jistgħu jiġu kkaċċjati fil-Gzejjer ta' Åland. Minn dan jirriżulta li biss il-papra ta' denbha twil, l-Edredun u s-Serra jistgħu jiġu kkaċċjati fir-rebbiegħa kemm fil-Finlandja kontinentali kif ukoll fil-Gżejjer ta' Åland.

35     F'dak li jirrigwarda l-Edredun, għandu jiġi nnutat li jirriżulta mill-istudju ornitoloġiku mwettaq mir-Riista ja kalatalouden tutkimuslaitos (l-Istitut għall-istudju ta' l-għasafar u tas-sajd), li għalih irreferew il-partijiet (iktar 'il quddiem l-"istudju"), li numru sostanzjali ta' kampjuni ta' din l-ispeċi jinstab fit-territorju tal-kaċċa fir-rebbiegħa mill-bidu tal-ħarifa. F'dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tal-Gvern Finlandiż li l-indiwidwi ta' din l-ispeċi li jinstabu fl-imsemmija territorji huma nisa jew il-frieħ imwielda matul is-sena, m'hemm l-ebda prova in sostenn ta' din l-allegazzjoni, kif jirrikonoxxi l-istess Gvern. Fl-aħħar nett, għalkemm huwa veru li l-kaċċaturi jwettqu operazzjoni utli f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġestjoni ta' l-ambjent naturali meta, fir-rebbiegħa, jikkaċċjaw il-predaturi ż-żgħar sabiex l-Edredun ibejjet b'riżultati aħjar, ma jidhirx li tali operazzjoni tista' tiġi mwettqa biss bil-kundizzjoni li l-kaċċa ta' l-Edredun tkun miftuħa fir-rebbiegħa.

36     Għaldaqstant, ma jistax jingħad li ġie stabbilit li l-kaċċa ta' l-Edredun fir-rebbiegħa, miftuħa permezz ta' deroga, tissodisfa l-kundizzjoni dwar nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.

37     F'dak li jikkonċerna l-papra tal-ġenus Bucephala u l-Brajmla tat-toppu, mhuwiex ikkontestat li, fil-ħarifa, ċerti numri ta' dawn l-ispeċi jinstabu fit-territorji tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Barra minn hekk, jirriżulta mill-istudju li, fil-ħarifa, 36 sa 37 % tal-kampjuni ta' dawn l-ispeċi jinstabu fl-imsemmija territorji mill-inqas 50 metru 'il bogħod minn xatt il-baħar. L-istudju jindika wkoll li l-perċentwali ta' għasafar indikati b'dan il-mod jittieħdu minn kalkoli effettwati minn fuq vapuri mixjin u jikkorrispondu għal sitwazzjoni f'mument speċifiku. Min-naħa l-oħra, il-kaċċa hija attività li ssir matul perijodu ta' żmien u li fil-kuntest tagħha l-kaċċatur jistenna li l-għasafar ibiddlu posthom. Għaldaqstant, skond l-imsemmi studju, huwa probabbli li l-proporzjon ta' għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati minn xatt il-baħar huwa ikbar minn dak inkluż fil-kalkoli msemmija.

38     F'dak li jirrigwarda b'mod iktar partikolari l-papra tal-ġenus Bucephala, għalkemm jista' jingħad li, billi jiġu installati kaxxi tal-bejta matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, il-kaċċaturi jagħmlu xogħol utli fir-rigward tar-riproduzzjoni ta' din l-ispeċi, min-naħa l-oħra, ma jidhirx li tali xogħol jista' jiġi mwettaq biss bil-kundizzjoni li l-kaċċa ta' dan l-għasfur tkun miftuħa fir-rebbiegħa.

39     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Finalandiż ma ppreżenta ebda prova li l-kaċċa tal-papra tal-ġenus Bucephala u tal-Brajmla tat-toppu fir-rebbiegħa tissodisfa l-kundizzjoni dwar nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti, imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.

40     F'dak li jirrigwarda l-kaċċa tas-Serra, li hija ġġustifikata essenzjalment min-neċessità li tiġi assigurata l-installazzjoni, mill-bnedmin, b'mod partikolari mill-kaċċaturi, ta' kaxxi tal-bejta li huma indispensabbli għar-riproduzzjoni ta' din l-ispeċi, huwa biżżejjed li ssir referenza, mutatis mutandis, għall-punti 38 u 39 ta' din is-sentenza.

41     F'dak li jikkonċerna s-Serra ta' sidirha aħmar u l-papra tal-ġenus Melanitta, għandu jiġi osservat li l-Gvern Finlandiż illimita ruħu, mingħajr ma jressaq elementi ta' prova b'sostenn għall-allegazzjonijiet tiegħu, li jgħid li l-kaċċa ta' dawn l-ispeċi mhijiex possibbli fil-ħarifa, għaliex, f'dan l-istaġun, dawn mhumiex preżenti f'numri suffiċjenti sabiex jiġu kkaċċjati fiż-żoni ġeografiċi miftuħa għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Jirriżulta mill-istudju li, għall-inqas matul parti tal-Ħarifa, dawn iż-żewġt ispeċi jinstabu effettivament fil-gżejjer ta' Åland, għalkemm f'numri konsiderevolment inqas milli fir-rebbiegħa.

42     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex stabbilit li l-kaċċa tas-Serra ta' sidirha aħmar u tal-papra tal-ġenus Melanitta fir-rebbiegħa tissodisfa l-kundizzjoni dwar nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.

43     Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-papra ta' denbha twil, speċi li sfortunatament il-Kummissjoni naqset milli ssemmi espressament fit-talbiet fir-rikors tagħha għalkemm fl-istess rikors hija tikkritika speċifikament lir-Repubblika tal-Finlandja talli awtorizzat il-kaċċa ta' din l-ispeċi fir-rebbiegħa mingħajr ma ġiet sodisfatta l-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti, mhuwiex ikkontestat li din ma tistax tiġi kkaċċjata fil-ħarifa fiż-żoni ġeografiċi miftuħa għall-kaċċa fir-rebbiegħa.

44     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li miżura li tikkonsisti fl-awtorizzazzjoni tal-kaċċa fil-ħarifa, jekk mhux ukoll fir-rebbiegħa, ta' speċi oħrajn ta' għasafar ta' l-ilma li jinstabu fl-imsemmija żoni minflok il-kaċċa tal-papra ta' denbha twil fir-rebbiegħa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala soluzzjoni oħra sodisfaċenti skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva. Fil-fatt, tali soluzzjoni tista' tneħħi, anki jekk biss parzjalment, mis-sinifikat ta' tali dispożizzjoni, peress li hija tippermetti li f'ċerti territorji titwaqqaf il-kaċċa ta' speċi partikolari ta' għasafar, anki jekk il-kaċċa f'numri żgħar tista', b'mod ipotetiku, ma tpoġġix f'periklu ż-żamma tal-populazzjonijiet tagħhom fuq livell sodisfaċenti u, għaldaqstant, tikkostitwixxi użu meqjus ta' dawn l-ispeċi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Ligue pour la protection des oiseaux et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17). Barra minn hekk, ħlief jekk jiġi kkunsidrat li l-ispeċi kollha ta' għasafar huma ekwivalenti fir-rigward tal-kaċċa, l-imsemmija soluzzjoni hija, f'kull każ, sors ta' inċertezza legali peress li l-bażi li fuqu jista' jiġi kkunsidrat li l-kaċċa ta' speċi partikolari tista' tiġi ssostitwita bil-kaċċa ta' speċi oħra ma tirriżultax mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

45     Minn dan jirriżulta li l-kaċċa tal-papra ta' denbha twil tissodisfa l-kundizzjoni dwar nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.

46     Meta jiġi kkunsidrat dak kollu li ntqal, hemm il-lok li jiġi aċċettat l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-kaċċa fir-rebbiegħa ta' l-Edredun, tal-papra tal-ġenus Bucephala, tas-Serra ta' sidirha aħmar, tas-Serra, tal-papra tal-ġenus Melanitta u tal-Brajmla tat-toppu mhijiex konformi mal-kundizzjoni dwar in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva.

 Fuq in-numri żgħar

 L-argumenti tal-partijiet

47     Il-Kummissjoni tfakkar li, skond il-Kumitat ORNIS, il-kliem "numri żgħar" għandhom ifissru kwantità iżgħar minn 1 % tan-numru medju u annwali ta' mwiet ta' l-ispeċi in kwistjoni f'dak li jikkonċerna l-ispeċi li l-kaċċa tagħhom hija pprojbita u kwantità li tikkorrispondi għal madwar 1 % f'dak li jikkonċerna l-ispeċi li l-kaċċa tagħhom hija awtorizzata.

48     F'dak li jirrigwarda l-kaċċa ta' l-Edredun, tas-Serra, tas-Serra ta' sidirha aħmar, tal-papra tal-ġenus Melanitta, tal-papra tal-ġenus Bucephala u tal-Brajmla tat-toppu, ir-Repubblika tal-Finlandja ma rrispettatx il-kundizzjoni dwar il-qbid "f'numri żgħar" skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva. Min-naħa l-oħra, din il-kundizzjoni ġiet irrispettata għal dak li jirrigwarda l-papra ta' denbha twil.

49     Il-Gvern Finlandiż jirrikonoxxi li l-imsemmija kundizzjoni ma ġietx irrispettata f'dak li jikkonċerna l-Edredun, is-Serra, is-Serra ta' sidirha aħmar u l-papra tal-ġenus Melanitta.

50     Min-naħa l-oħra, dan il-Gvern josserva li, matul il-perijodu tal-kaċċa fir-rebbiegħa tas-sena 2001, 1461 papra tal-ġenus Bucephala u 2585 Brajmla tat-toppu ġew ikkaċċjati. Meta dawn iċ-ċifri jiġu mqabbla mar-rata ta' mwiet annwali ta' dawn l-ispeċi, wieħed jikseb proporzjon ta' 0,8 % għall-papra tal-ġenus Bucephalus u ta' 1,2 % għall-Brajmla tat-toppu. Għaldaqstant, kull waħda minn dawn l-ispeċi tissodisfa b'mod determinanti l-kundizzjoni stabbilita mill-Kumitat ORNIS li stabbilixxa li n-numru ta' għasafar ikkaċċjati għandu jikkorrispondi għal madwar 1 % tar-rata ta' mwiet annwali tagħhom. Barra minn hekk, l-istat tal-popolazzjoni ta' dawn l-ispeċi jindikaw żieda ta' dawn ta' l-aħħar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, il-kaċċa tiġi awtorizzata biss jekk din tirreferi għal ċerti għasafar f'numri żgħar (ara s-sentenza Ligue pour la protection des oiseaux et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15).

52     Fil-kawża preżenti, mhuwiex ikkontestat li l-kundizzjoni li l-kaċċa għandha tirrigwarda biss numri żgħar ta' kampjuni ma ġietx irrispettata f'dak li jirrigwarda l-Edredun, is-Serra, is-Serra ta' sidirha aħmar u l-papra tal-ġenus Melanitta. Għaldaqstant, jifdal biss li jiġi vverifikat jekk din il-kundizzjoni ġietx sodisfatta fir-rigward tal-papra tal-ġenus Bucephala u l-Brajmla tat-toppu.

53     F'dan ir-rigward, id-dokument tal-Kummissjoni, intitolat "It-tieni rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar salvaġġi [COM(93) 572 finali], ta' l-24 ta' Novembru 1993, jindika li, skond ix-xogħolijiet tal-Kumitat ORNIS, "numru żgħir" għandu jfisser kampjun inferjuri għal 1 % tan-numru totali u annwali ta' mwiet tal-popolazzjoni kkonċernata (valur medju) għal dawk l-ispeċi li l-kaċċa tagħhom hija pprojbita u kampjun ta' madwar 1 % għall-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati, fejn il-kliem "popolazzjoni kkonċernata", f'dak li jirrigwarda l-ispeċi tal-passa, jfissru l-popolazzjoni ta' reġjuni li jipprovdu l-kontinġenti prinċipali li jgħaddu fuq ir-reġjun fejn hija fis-seħħ id-deroga matul il-perijodu ta' applikazzjoni tagħha.

54     Għalkemm huwa veru li l-kriterju tan-numri żgħar kif stabbilit mill-Kumitat ORNIS ma jorbotx legalment l-Istati Membri, dan jista' eventwalment, minħabba l-awtorità xjentifika li għandha l-opinjoni ta' dan il-Kumitat u minħabba n-nuqqas ta' kull element ta' prova xjentifika kuntrarja, jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala bażi ta' referenza fl-evalwazzjoni dwar jekk id-deroga mogħtija mill-konvenuta skond l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva tirrispettax il-kundizzjoni li l-qbid ta' l-għasafar ikkonċernati għandu jsir f'numri żgħar (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni vs Spanja, C-79/03, Ġabra p. I-11619, punt 41).

55     Ġie stabbilit li, fir-rebbiegħa tas-sena 2001, 1461 papra tal-ġenus Bucephala u 2585 Brajmla tat-toppu nqabdu fil-gżejjer ta' Åland. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li, skond il-Kumitat ORNIS, it-teħid ta' kampjuni fir-rebbiegħa ta' 1758 papra tal-ġenus Bucephala u 2208 Brajmla tat-toppu jikkorrispondu għal 1% tan-numru totali u annwali tal-populazzjonijiet ikkonċernati u jissodisfaw, għaldaqstant, il-kundizzjoni li t-teħid ta' kampjuni għandu jsir f'numri żgħar kif stabbilit minn dan il-Kumitat.

56     Għaldaqstant, jirriżulta li, malli skada ż-żmien mogħti fl-opinjoni motivata supplementari, in-numru ta' papri tal-ġenus Bucephala fil-gżejjer ta' Åland kien taħt il-limitu ta' numri żgħar kif stabbilit mill-Kumitat ORNIS.

57     F'dak li jirrigwarda l-Brajmla tat-toppu, in-numru ta' kampjuni li nqabdu jikkorrispondi għal inqas minn 1,2 % tan-numru totali u annwali ta' mwiet tal-popolazzjoni kkonċernata. Meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li, skond il-Kumitat, min-naħa, "numru żgħir" għandu jfisser kull teħid ta' kampjuni ta' madwar 1 % tan-numru totali u annwali ta' mwiet tal-popolazzjoni kkonċernata għall-ispeċi li jistgħu jiġu kkaċċjati bħall-Brajmla tat-toppu u li, min-naħa l-oħra, mhuwiex ikkontestat li l-popolazzjoni ta' din l-ispeċi qegħda tiżdied, għandu jiġi kkunsidrat li n-numru ta' Brajmliet tat-toppu li nqabdu fil-gżejjer ta' Åland ma jissuperax il-limitu ta' numri żgħar kif stabbilit minn dan il-Kumitat.

58     Minn dan jirriżulta li l-kaċċa fir-rebbiegħa tal-papra tal-ġenus Bucephala u tal-Brajmla tat-toppu kienet tirrispetta, fid-data meta skada ż-żmien stipulat fl-opinjoni motivata supplementari, il-kundizzjoni li din għandha tinvolvi biss il-qbid ta' għasafar f'numri żgħar.

59     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-kaċċa ta' l-Edredun, tas-Serra, tas-Serra ta' sidirha aħmar u tal-papra tal-ġenus Melanitta mhijiex konformi mal-kundizzjoni dwar il-qbid ta' għasafar f'numri żgħar, imsemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva, għandu jiġi aċċettat.

60     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li peress li hija ma ppreżentatx il-prova li, fil-kuntest tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta' għasafar ta' l-ilma fil-Finlandja kontinentali u fil-provinċja ta' Åland:

–       il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva sabiex tingħata deroga, dwar in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti mill-kaċċa fir-rebbiegħa, kienet sodisfatta fir-rigward ta' l-Edredun, il-papra tal-ġenus Bucephala, is-Serra ta' sidirha aħmar, is-Serra, il-papra tal-ġenus Melanitta u l-Brajmla tat-toppu, u li

–       il-kundizzjoni, prevista fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex tingħata deroga, dwar il-fatt li l-kaċċa tista' tinvolvi biss il-qbid ta' għasafar f'numri żgħar, kienet sodisfatta fir-rigward ta' l-Edredun, is-Serra, is-Serra ta' sidirha aħmar u l-papra tal-ġenus Melanitta,

ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva.

61     Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

62     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Finlandja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Peress li hija ma ppreżentatx il-prova li, fil-kuntest tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta' għasafar ta' l-ilma fil-Finlandja kontinentali u fil-provinċja ta' Åland:

–       il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar salvaġġi, emendata mill-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, sabiex tingħata deroga, dwar in-nuqqas ta' soluzzjoni oħra sodisfaċenti mill-kaċċa fir-rebbiegħa, kienet sodisfatta fir-rigward ta' l-Edredun, il-papra tal-ġenus Bucephala, is-Serra ta' sidirha aħmar, is-Serra, il-papra tal-ġenus Melanitta u l-Brajmla tat-toppu, u li

–       il-kundizzjoni, prevista fl-istess dispożizzjoni sabiex tingħata deroga, dwar il-fatt li l-kaċċa tista' tinvolvi biss il-qbid ta' għasafar f'numri żgħar, kienet sodisfatta fir-rigward ta' l-Edredun, is-Serra, is-Serra ta' sidirha aħmar u l-papra tal-ġenus Melanitta,

ir-Repubblika tal-Finlandja naqset mill-obbligi imposti fuqha skond din id-Direttiva.

2)      Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

3)      Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top