Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0300

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) ta' l-20 ta' Jannar 2005.
    Honeywell Aerospace GmbH vs Hauptzollamt Gießen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hessisches Finanzgericht, Kassel - il-Ġermanja.
    Transitu Komunitarju - Ħolqien ta' dejn doganali minħabba ksur jew irregolaritajiet - Konsegwenza tan-nuqqas ta' indikazzjoni lill-persuna prinċipali obbligata tat-terminu sabiex tagħti l-prova tal-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità.
    Kawża C-300/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:43

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla)

    20 ta' Jannar 2005 (*)

    "Transitu Komunitarju – Ħolqien ta' dejn doganali minħabba ksur jew irregolaritajiet – Konsegwenza tan-nuqqas ta' indikazzjoni lill-persuna prinċipali obbligata tat-terminu sabiex tagħti l-prova tal-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità"

    Fil-kawża C-300/03

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hessisches Finanzgericht, (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tal-25 ta' April 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2004, fil-kawża

    Honeywell Aerospace GmbH

    vs

    Hauptzollamt Gießen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba' Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President ta' l-Awla  J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u K. Schiemann, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    -      għal Honeywell Aerospace GmbH, minn H. Stiehle, Rechtsanwalt,

    -      għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. C. Schieferer u X. Lewis, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali") u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament ta' Implementazzjoni"

    2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Honeywell Aerospace GmbH (iktar 'il quddiem "Honeywell") u Hauptzollamt Gießen (Il-Ġermanja), dwar il-ħolqien ta' dejn doganali.

     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3       L-Artikolu 37 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    "1.      Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun suġġetta għal sorveljanza doganali. Tista' tkun suġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

    2.      Għandha tibqa' taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq, u fil-każ ta' merkanzija mhux tal-Komunità u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 82(1), sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel, tidħol f'żona ħielsa jew maħżen ħieles jew tkun esportata mill-ġdid jew meqruda skond l-Artikolu 182."

    4       Skond l-Artikolu 96 tal-Kodiċi Doganali:

    "1.      Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta' transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

    a)      preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

    […]"

    5       L-Artikolu 203(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    "1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

    –       tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

    2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali."

    6       Skond l-Artikolu 215(1) sa (3) tal-Kodiċi Doganali:

    "1.      Dejn doganali għandu jiġi inkors fil-post fejn jiġru l-avvenimenti li minnhom joħroġ.

    2.      Fejn ma jkunx possibbli jiġi stabbilit il-post li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn l-awtoritajiet doganali jikkonkludu li l-merkanziji kienu f'sitwazzjoni li fiha ġie inkors dejn doganali.

    3.      Fejn proċedura doganali ma tkunx twettqet għal merkanziji, id-dejn doganali għandu jitqies li ġie inkors fil-post fejn il-merkanziji:

    –       ġew imqiegħda taħt dik il-proċedura,

             jew

    –       daħlu fil-Komunità taħt dik il-proċedura."

    7       L-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

    "Komunikazzjoni lid-debitur m'għandhiex issir wara l-għeluq ta' perijodu ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta' att li jista' jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista', sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta' dak il-perijodu ta' tliet snin."

    8       Skond l-Artikolu 378(1) u (2) tar-Regolament ta' Implementazzjoni:

    "1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 215 tal-Kodiċi, meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjo[...]ni u l-post [tal-ksur] jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru:

    –       fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq,

    jew

    –       fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċċju ta' transitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta' avviż ta' transitu,

    sakemm fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 379(2), il-prova tar-[regolarità] ta' l-operazzjoni tat-transitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru [ma] tingħata[x] għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali.

    2.      Meta l-ebda prova bħal din ma tingħata u l-imsemmija ksur jew irregolarità jitqiesu li saru fl-Istat Membru tat-tluq jew fl-Istat Membru tad-dħul kif jidher fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż, id-dazji u piżijiet oħra li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet Komunitarji jew nazzjonali."

    9       L-Artikolu 379 tar-Regolament ta' Implementazzjoni jipprevedi:

    "1.      Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu saru ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b'dan il-fatt malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-aħħar tal-11-il xahar wara d-data ta' reġistrazzjzoni tad-dikjarazzjoni ta' transitu Komunitarja.

    2.      I[n]-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta' [regolarità] ta' l-operazzjoni ta' transitu jew il-post fejn attwalment ikunu saru il-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċċju tat-tluq għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali. Dak it-terminu għandu jkun ta' tlett xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-dazji u piżijiet oħra nvoluti. F' każijiet meta dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih l-uffiċċju ta' tluq jinstab, dan ta' l-aħħar għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru imsemmi.[…]"

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    10     Mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-kumpannija ASA, l-aventi kawża ta' Honeywell, bħala esportatur approvat, qiegħdet, fit-3 ta' Ġunju 1994, magna turboġett taħt il-proċedura ta' transitu estern Komunitarju f'Raunheim (Il-Ġermanja). Skond id-dikjarazzjoni ta' transitu Komunitarju, il-merkanzija in kwistjoni kellha tiġi trasportata permezz ta' trakk u ppreżentata qabel is-17 ta' Ġunju 1994 fl-uffiċċju tad-destinazzjoni f'Ruma (L-Italja).

    11     Il-proċedura ta' transitu Komunitarju ma kinitx imwettqa peress li l-uffiċċju tat-tluq fil-Ġermanja ma rċeviex irċevuta. Sabiex jimplementa l-proċedura ta' investigazzjoni, dan l-uffiċċju bagħat il-kopja Nru 1 tad-dikjarazzjoni ta' transitu Komunitarju lill-Zentralstelle Such- und Mahnverfahren (kwartieri ġenerali għall-proċeduri ta' investigazzjoni u infurzar, iktar 'il quddiem iz-"ZSM") fil-Hauptzollamt Fulda (Il-Ġermanja), li r-responsabbilitajiet tiegħu, imbagħad, ittieħdu mill-Hauptzollamt Gießen. Bi tweġiba għal ittra taz-ZSM ta' l-10 ta' Frar 1995, ASA affermat, permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Frar ta' wara, li l-post tal-ksur kien ġie stabbilit li kien l-Italja.

    12     L-awtoritajiet doganali Taljani, responsabbli għall-investigazzjoni fl-Italja ddikjaraw, permezz ta' l-ittri tat-23 ta' Jannar u tas-26 ta' Ġunju 1996, li l-kunsinna ma kinitx ġiet ippreżentata l-Italja, li lanqas id-dikjarazzjoni ta' transitu Komunitarju rilevanti ma kienet ġiet ippreżentata u li dawn l-awtoritajiet ma setgħu jiskopru xejn dwar il-post tal-kunsinna fl-Italja.

    13     Permezz ta' stima ta' taxxa tat-28 ta' Mejju 1997, il-Hauptzollamt Fulda ġabar it-taxxi fuq l-importazzjoni, jiġifieri d-dazji doganali u t-taxxa fuq d-dħul ta' l-importazzjoni. Matul il-proċedura ta' oppożizzjoni, il-Hauptzollamt Fulda sostna, permezz ta' ittra tal-15 ta' Jannar 1999, li "ebda prova ta' twettiq regolari tal-proċedura ta' transitu Komunitarju jew prova alternattiva prevista fl-Artikolu 380 tar-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali […] ma kienet ġiet ippreżentata" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Peress li ma rċieva l-ebda risposta għal din l-ittra fit-terminu mogħti, huwa ċaħad l-oppożizzjoni permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Awwissu 1999.

    14     Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll, li fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali, ma ngħatat ebda prova la rigward it-twettiq regolari tal-proċedura ta' transitu Komunitarju u lanqas rigward il-post attwali fejn sar il-ksur. Ebda inġunzjoni ma kienet saret miz-ZSM lill-persuna prinċipali obbligata sabiex din ta' l-aħħar tippreżenta fit-terminu ta' tliet xhur previst mill-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta' Implementazzjoni, il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' transitu Komunitarju jew tal-post fejn attwalment sar il-ksur , u fin-nuqqas il-ksur jiġi meqjus li sar fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    15     Quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostniet, b'mod partikolari li, fin-nuqqas ta' l-indikazzjoni tat-terminu ta' tliet xhur, previst fl-Artikolu 379(2), hija ma kellhiex il-possibbiltà, fil-kuntest ta' dan it-terminu, tistabbilixxi l-post attwali tal-kunsinna u tipprova t-twettiq regolari tal-proċedura ta' transitu Komunitarju permezz ta' prova alternattiva prevista fl-Artikolu 380 tar-Regolament ta' Implementazzjoni. Konsegwentament, ma nħoloq ebda dejn doganali fir-rigward tar-rikorrenti u l-istima ta' taxxa tat-28 ta' Mejju 1997, kif ukoll id-deċiżjoni tas-17 ta' Awwissu 1999 għandhom jiġu annullati.

    16     Peress li kellha dubji fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-dritt Komunitarju, il-Hessisches Finanzgericht, Kassel, iddeċidiet tissospendi l-proċedimenti u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    "1)      Dejn doganali għandu jitqies li, skond l-Artikolu 215(2) jew l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 215 (3) tar-Regolament […] Nru 2913/92, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sad-9 ta' Mejju 1999, ġie inkors fil-post fejn l-awtoritajiet doganali kkonkludew li l-merkanziji kienu f'sitwazzjoni li minħabba fiha ġie inkors dejn doganali (paragrafu 2) jew fil-post fejn il-merkanziji ġew imqiegħda taħt il-proċedura (l-ewwel inċiż tal-paragrafu), meta kunsinna, ikklassifikata taħt il-proċedura ta' transitu estern Komunitarju, ma kinitx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post tal-ksur ma setax ikun stabbilit, iżda, madankollu, bi ksur ta' l-aħħar parti ta' l-Artikolu 378(1) u ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 379(2) tar-Regolament […] Nru 2454/93, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sat-39 ta' Ġunju 2001, l-awtoritajiet doganali ma indikawx, fin-notifika prevista fl-Artikolu 379(1) ta' l-imsemmi Regolament, it-terminu li fih il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' transitu jew tal-post fejn attwalment kien sar il-ksur għandha tingħata lill-uffiċċju tat-tluq?

    2)      Fil-każ ta' risposta affermattiva għall-[ewwel] domanda […]:

    L-irkupru tad-dazju mill-awtoritajiet doganali kompetenti taħt it-tielet sentenza ta' l-Artikolu 379(2) tar-Regolament […] Nru 2454/93, fil-verżjoni tiegħu applikabbli sat-39 ta' Ġunju 2001, jeħtieġ li l-awtoritajiet doganali għandhom jindikaw, fin-notifika prevista fl-Artikolu 379(1) ta' l-imsemmi Regolament, it-terminu li fih il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' transitu jew tal-post fejn attwalment kien sar il-ksur għandha tingħata lill-uffiċċju tat-tluq?"

     Fuq id-domandi preliminari

    17     Peremzz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalmenti jekk, meta l-uffiċċju tat-tluq ta' merkanzija, mqiegħda taħt il-proċedura ta' transitu estern Komunitarju, naqas milli jindika fin-notifika, prevista fl-Artikolu 379(1) tar-Regolament ta' Implementazzjoni, it-terminu ta' tliet xhur, previst mill-Artikolu 379(2) ta' l-istess Regolament, li fihom il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' transitu Komunitarju jew tal-post fejn attwalment kien sar il-ksur għandha tingħata lill-uffiċċju ta' tluq, dan il-fatt jipprekludix dejn doganali fuq l-importazzjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali. Jekk le, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, għalkemm dan il-fatt ma jipprekludix li jinħoloq dejn doganali, l-imsemmi fatt ma jipprekludix, ta' l-inqas, li dan id-dejn ikun jista' jiġi rkuprat mingħand il-persuna prinċipali obbligata mill-uffiċċju tat-tluq.

    18     Skond l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors meta merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni jitneħħew b'mod illegali mis-sorveljanza doganali (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Frar 2001, D. Wandel, C-66/99, Ġabra p. I-873, punt 50; tal-11 ta' Lulju 2002, Liberexim, C-371/99, Ġabra p.I-6227, punt 52 u ta' l-14 ta' Novembru 2002, SPKR, C-12/01, Ġabra p.I-10655, punti 30 u 35). Skond il-kliem stess tal-paragrafu 2 ta' din id-dispożizzjoni, id-dejn għandu jiġi inkors fil-mument ta' din it-tneħħija.

    19     Għal dak li jikkonċerna, b'mod iktar partikolari, il-kunċett ta' tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali, li jinsab fl-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kull att jew ommissjoni li għandu bħala riżultat li jimpeddixxi, anki għal żmien qasir, li l-awtorità doganali kompetenti jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li twettaq il-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (sentenza tad-29 ta' April 2004, British American Tobacco, C-221/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47 u l-ġurisprudenza iċċitata).

    20     Dan hu l-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-uffiċċju tat-tluq tal-kunsinna kkontestata, imqiegħda taħt il-proċedura ta' transitu estern Komunitarju, ikkonstata li din il-kunsinna ma kinitx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u li l-proċedura doganali ma kinitx ġiet approvata għall-kunsinna in kwistjoni.

    21     L-Artikolu 378(1) tar-Regolament ta' Implementazzjoni jipprevedi li, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-istabbiliment tal-post fejn jiġi inkors dejn doganali mniżżla fl-Artikolu 215 tal-Kodiċi Doganali, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post tal-ksur jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, dan il-ksur jew din l-irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq jew fl-Istat Membru li jappartjeni għalih fil-punt tad-dħul fil-Komunità l-uffiċċju ta' transitu, li lilu tkun intbagħtet nota ta' avviż ta' transitu, sakemm, fil-perijodu stabbilit fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta' Implementazzjoni, ma tingħatax il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni tat-transitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru.

    22     Skond l-Artikolu 379(1) tar-Regolament ta' Implementazzjoni, meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn il-ksur jew l-irregolarità ikunu saru ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-persuna prinċipali obbligata b'dan il-fatt malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tal-ħdax-il xahar wara d-data ta' reġistrazzjzoni tad-dikjarazzjoni ta' transitu Komunitarja. Skond il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, in-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tindika, partikolarment, it-terminu li fih il-prova ta' regolarità ta' l-operazzjoni ta' transitu jew tal-post fejn attwalment ikun sar il-ksur jew l-irregolarità għandha tingħata lill-uffiċċju tat-tluq, għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet doganali. Dan it-terminu għandu jkun ta' tliet xhur mid-data tan-notifika prevista fil-paragrafu 1 ta' l-imsemmi Artikolu. Jekk il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta sa tmiem dan it-terminu, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu passi sabiex jirkupra d-dazji u imposti oħra involuti.

    23     Għalkemm, għall-kuntarju tat-teżi sostnuta minn Honeywell, in-nuqqas li tinnotifika t-terminu ta' tliet xhur, previst fl-Artikolu 379(2) tar-Regolament ta' Implementazzjoni, ma jipprekludix il-ħolqien ta' dejn doganali fis-sens ta' l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, peress li ċ-ċirkostanza li twassal għad-dejn doganali hija, hekk kif ġie osservat fil-punt 18 ta' din is-sentenza, it-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni minħabba, b'mod partikolari, l-fatt li l-imsemmija merkanzija ma kinitx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, in-notifika ta' l-imsemmi terminu ta' tliet xhur lill-persuna prinċipali obbligata madankollu tikkostitwixxi kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-irkupru tad-dejn doganali mill-awtoritajiet doganali.

    24     Fil-fatt, mill-kliem stess ta' l-Artikoli 378(1) u 379(2) tar-Regolament ta' Implementazzjoni jsegwi li n-notifika, mill-uffiċċju tat-tluq lill-persuna prinċipali obbligata, tat-terminu li fih il-provi mitluba għandhom jiġu ppreżentati, hija ta' natura obbligatorja u għandha tippreċedi l-irkupru ta' dan id-dejn doganali. Dan it-terminu huwa intiż sabiex jipproteġi l-interessi tal-persuna prinċipali obbligata billi din tingħata tliet xhur sabiex tippreżenta, jekk ikun il-każ, il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni tat-transitu jew tal-post fejn il-ksur jew l-irregolarità jkunu attwalment saru (ara, f'dan is-sens, is-sentenza SPKR, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).

    25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru, li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq, jista' jipproċedi għall-irkupru ta' taxxi fuq l-importazzjoni biss meta, b'mod partikolari, huwa indika lill-persuna prinċipali obbligata li hija għandha tliet xhur sabiex tippreżenta l-provi mitluba u tali provi ma ġewx ippreżentati matul dan it-terminu (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-21 ta' Ottubru 1999, Lensing & Brockhausen, C-233/98, Ġabra p. I-7349, punt 31). Skond l-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali, l-ammont tad-dejn doganali għandu, f'kull każ, ikun ġie nnotifikat matul il-perijodu ta' preskrizzjoni ta' tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors.

    26     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li d-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali flimkien mad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 379 tar-Regolament ta' Implementazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dejn doganali jiġi inkors meta kunsinna, imqiegħda taħt il-proċedura ta' transitu estern Komunitarju, ma kinitx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, iżda li l-Istat Membru, li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq, jista' jipproċedi għall-irkupru ta' taxxi fuq l-importazzjoni biss meta huwa indika lill-persuna prinċipali obbligata li huwa għandu tliet xhur sabiex jippreżenta l-provi mitluba u tali provi ma ġewx ippreżentati matul dan it-terminu.

     Fuq l-ispejjeż

    27     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

    Id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 203(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, flimkien mad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 379 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dejn doganali jiġi inkors meta kunsinna, imqiegħda taħt il-proċedura ta' transitu estern Komunitarju, ma kinitx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni, iżda li l-Istat Membru, li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq, jista' jipproċedi għall-irkupru ta' taxxi fuq l-importazzjoni biss meta huwa indika lill-persuna prinċipali obbligata li huwa għandu tliet xhur sabiex jippreżenta l-provi mitluba u tali provi ma ġewx ippreżentati matul dan it-terminu.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top