EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0267

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' April 2005.
Proċedura kriminali vs Lars Erik Staffan Lindberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Högsta domstolen - l-Iżvezja.
Direttiva 83/189/KEE - Proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi - Obbligu li jiġu komunikati l-abbozzi ta' regolamenti tekniċi - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar logħob ta' l-ażżard u lotteriji - Logħob awtomatizzat - Projbizzjoni li jiġi organizzat logħob b'magni awtomatiċi li ma jħalsux ir-rebħ direttament - Magni tat-tip 'rota tal-fortuna' - Kunċett ta' 'regolament tekniku'.
Kawża C-267/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:246

62003J0267



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-267/03,

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Högsta domstolen (l-Iżvezja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' April 2003, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Ġunju 2003, fil-proċedura kriminali kontra

Lars Erik Staffan Lindberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, C. Gulmann, R. Schintgen, G. Arestis u J. Kluka, Mħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-procedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Ottubru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għas-Sur Lindberg, minn C.-G. Tauson, advokat,

- għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

- għall-Gvern Franċiż, minn R. Loosli-Surrans, bħala aġent,

- għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u A. P. Barros, bħala aġenti, assistiti minn J. da Cruz Vilaça, advogado,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. Demetriou, barrister,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Ström van Lier, bħala aġent,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta' Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 109, p. 8), kif emendata mid-Direttiva 94/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Marzu 1994 (ĠU L 100, p. 30, iktar 'il quddiem "id-Direttiva 83/189").

2. Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' proċedura kriminali mibdija kontra s-Sur Lindberg, akkużat li kiser il-leġiżlazzjoni Żvediża dwar il-lotteriji billi organizza logħob ta' l-ażżard illegali għall-pubbliku permezz ta' l-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja

3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/189 jistipula:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

1. 'prodott', kull prodott fabbrikat b'mod industrijali u kull prodott agrikolu [...];

2. 'speċifikazzjoni teknika', speċifikazzjoni li tinsab f'dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta' prodott bħalma huma l-livelli ta' kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta' l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta' stima tal-konformità.

[...]

3. 'ħtiġiet oħra', ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għhan li tipproteġi, b'mod partikolari, il-konsumatur jew għall-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

[...]

9. 'regolament tekniku', speċifikazzjonijiet u ħtiġiet oħra tekniċi, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto , fil-każ tal-bejgħ fis-suq jew l-użu fi Stat Membru jew f'parti kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri, għajr dawk li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-manifattura, l-importazzjoni, il-bejgħ fis-suq jew l-użu ta' prodott.

[...]

10. 'abbozz ta' regolament tekniku', it-test ta' speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra, inklużi d-disposizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għhan li jsiru liġi jew li fl-aħħar isiru liġi bħala regolament tekniku, meta t-test ikun għadu fi stadju ta' tħejjija fejn ikun għad jistgħu jsiru emendi sostanzjali."

4. L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 83/189 jimponu fuq l-Istati Membri, min-naħa l-waħda, li jikkomunikaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-abbozzi ta' regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-Direttiva, għajr fejn dawn sempliċement jittrasponu t-test sħiħ ta' standard internazzjonali jew Ewropew, f'liema każ ikun biżżejjed li tingħata informazzjoni dwar l- istandard , u, min-naħa l-oħra, li jipposponu għal diversi xhur l-adozzjoni ta' dawn l-abbozzi sabiex jagħtu lill-Kummissjoni l-possibbiltà biex tivverifika jekk dawn humiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, jew biex tipproponi, fil-qasam ikkonċernat, direttiva, regolament jew deċiżjoni.

Il-leġiżlazzjoni Żvediża

Il-Kodiċi Kriminali

5. L-Artikolu 14 tal-Kapitolu 16 tal-Kodiċi Kriminali (brottsbalken, iktar 'il quddiem, "il-Kodiċi Kriminali Żvediż") jiddikkjara bħala ħati tar-reat ta' organizzazzjoni ta' logħob ta' l-ażżard illegali, punibbli b'ammenda jew b'piena ta' mhux aktar minn sentejn priġunerija, kull min jorganizza illegalment logħob jew attività oħra għall-pubbliku, fejn ir-riżultat jiddependi għal kollox jew essenzjalment mix-xorti u li, minħabba n-natura tagħhom jew il-valur ekonomiku tal-ġugati u ċ-ċirkostanzi l-oħra li jinvolvu, huma ta' riskju għal min ikun qed jilgħab jew jistgħu jwasslu għal gwadann ekonomiku sostanzjali għall-organizzatur.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-lotteriji

6. Qabel ma ġiet adottata l-liġi (1994:1000) dwar il-lotteriji [lotterilagen (1994:1000), SFS 1994, Nru 1000, iktar 'il quddiem "il-liġi dwar il-lotteriji"], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995, ir-Regolament (1979:207) dwar il-lotteriji [lotteriförordningen (1979:207), SFS 1979, Nru 207], applikabbli mill-1 ta' Jannar 1979, u sussegwentement il-liġi (1982:1011) dwar il-lotteriji [lotterilagen (1982:1011), SFS 1982, Nru 1011], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1984, kienu jipprojbixxu l-organizzazzjoni ta' logħob awtomatizzat, ħlief fuq bastimenti li jivvjaġġaw f'rotot internazzjonali.

7. L-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-lotteriji jiddisponi:

"Għall-fini ta' din il-liġi, it-terminu "lotterija" ifisser attività permezz ta' liema parteċipant jew diversi parteċipanti, bi jew mingħajr ġugati, jistgħu jagħmlu qligħ ta' valur superjuri għal dak ta' kull wieħed mill-parteċipanti l-oħra permezz:

1) tar-refgħa tax-xorti, tat-tbassir, ta' mħatri u ta' metodi oħra simili;

2) ta' logħob tal-fieri;

3) ta' logħob tal-lottu, ta' logħob awtomatizzat, ta' logħob bir-rulett, ta' logħob bid-dadi, ta' logħob tal-karti, ta' logħob ta' l-ittri katina u ta' logħhob ieħor simili.

[...] "

8. L-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-lotteriji jipprovdi:

"Għall-fini ta' din il-liġi, il-logħob awtomatizzat ifisser il-magni tal-logħob mekkaniċi jew awtomatiċi li ġejjin:

1) il-varuspelsautomat', magni li jħalsu r-rebħ f'oġġetti/fi premijiet u fejn il-possibbiltajiet ta' rebħ jiddependu għal kollox jew parzjalment mix-xorti;

2) il-penningautomat', magni li jħalsu r-rebħ fi flus u fejn il-possibbiltajiet ta' rebħ jiddependu essenzjalment mix-xorti;

3) il-värdeautomat', magni li jħalsu r-rebħ f'kupuni, towkins, jew oġġetti simili u fejn il-possibbiltajiet ta' rebħ jiddependu essenzjalment mix-xorti;

4) is-skicklighetsautomat', magni li jħalsu r-rebħ fi flus u fejn il-possibbiltajiet ta' rebħ jiddependu mill-abbiltà ta' min ikun qed jilgħab."

9. Skond l-Artikolu 9 tal-liġi dwar il-lotteriji:

"Kemm-il darba ma jiġix provdut xort'oħra f'din il-liġi, ma jistgħux jiġu organizzati lotteriji ħlief b'liċenzja."

10. Skond l-Artikolu 54(1)(1) tal-liġi dwar il-lotteriji, kull min jorganizza lotterija illegali xjentement jew bi ħtija gravi, jeħel ammenda jew piena ta' mhux aktar minn sitt xhur priġunerija.

11. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-lotteriji, il-qrati Żvediżi kważi mill-ewwel sabu ruħhom wiċċ imbwiċċ ma' problemi ta' delimitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-liġi.

12. B'mod partikolari, qamet il-kwistjoni jekk il-kategorija ta' logħob awtomatizzat "lyckohjulsspel" taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi dwar il-lotteriji. Dan il-logħob, tat-tip "fruktspel" jew fruit machines , jew ukoll il-logħob tal- poker , huma kkaratterizzati mill-fatt li r-rebħ ma jitħallasx direttament mill-magna, iżda jingħata manwalment fuq talba ta' min ikun qed jilgħab.

13. F'dan ir-rigward, diversi qrati Żvediżi, fosthom xi qrati ta' l-appell, iddeċidew li minħabba f'din il-karatteristika, il-"lyckohjulsspel" ma daħlu f'ebda waħda mill-kategoriji ta' logħob awtomatizzat imsemmija fl-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-lotteriji u li lanqas ma setgħu jiġu kkunsidrati bħala "logħob ieħor simili", skond l-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmija liġi. Skond din il-ġurisprudenza, irriżulta li dan il-logħob ma kienx jidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija liġi.

14. Fid-dawl ta' din il-ġurisprudenza, il-Gvern Żvediż ippropona, skond id-deċiżjoni tar-rinviju, li l-liġi dwar il-lotteriji tiġi emendata b'tali mod li l-"lyckohjulsspel" jidħlu fil-kunċett ta' logħob awtomatizzat skond it-tifsira ta' l-Artikoli 3(3) u 6 ta' din il-liġi.

15. Permezz tal-liġi (1996:1168) li emendat il-liġi dwar il-lotteriji [lag om ändring i lotterilagen (1996:1168), SFS 1996, Nru 1168, iktar 'il quddiem, "il-liġi ta' l-1996"], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1997, l-imsemmija proposta tal-Gvern ġiet adottata mir-Riksdag (il-Parlament Żvediż).

16. Il-liġi ta' l-1996 daħħlet parti introduttiva fl-Artikolu 6 tal-liġi dwar il-lotteriji, li tgħhid kif ġej:

"Għall-fini ta' din il-liġi, il-logħob awtomatizzat ifisser magni tal-logħob mekkaniċi jew awtomatiċi.

[...] "

17. Il-liġi ta' l-1996 introduċiet ukoll l-Artikolu 24A fil-liġi dwar il-lotteriji, li jistipula:

"L-uniku logħob awtomatizzat li fir-rigward tiegħu tista' tingħata liċenzja huwa l-varuspelsautomat', il-penningautomat', il-värdeautomat' u s-skicklighetsautomat'."

18. Mill-imsemmi Artikolu 24A tal-liġi dwar il-lotteriji jirriżulta li, peress illi ma tistax tingħata liċenzja għall-"lyckohjulsspel", l-użu ta' dan il-logħob hu projbit fl-Iżvezja, abbażi ta' din il-liġi.

19. Fl-1999, saru emendi oħra fil-liġi dwar il-lotteriji, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar il-"varuspelsautomat", permezz tal-liġi (1999:358) li emendat il-liġi dwar il-lotteriji [lag om ändring i lotterilagen (1999:358), SFS 1999, Nru 358, iktar 'il quddiem, "il-liġi ta' l-1999"].

Il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20. Permezz tas-sentenza tal-Ljungby tingsrätt (Qorti tal-Prim'Istanza ta' Ljungby) tas-16 ta' Ġunju 1999, ikkonfermata fl-appell b'sentenza tal-Göta hovrätt (Qorti ta' l-Appell ta' Göta) tal-31 ta' Ottubru 2000, is-Sur Lindberg instab ħati tar-reat ta' organizzazzjoni ta' logħob ta' l-ażżard illegali u ġie kkundannat iħallas ammenda ta' 150 SEK kuljum għal 80 ġurnata.

21. Huwa ġie akkużat li bejn l-1 ta' Jannar 1997 u l-20 ta' April 1998, organizza mingħajr liċenzja, lotteriji pubbliċi ta' natura riskjuża skond it-tifsira ta' l-Artikolu 14 tal-Kapitolu 16 tal-Kodiċi Kriminali ta' l-Iżvezja. Kienu jinvolvu logħob ta' l-ażżard li jidħol fil-kategorija "lyckohjulsspel", organizzat ġewwa l-kjosk Ingvars f'Älmhult.

22. Is-Sur Lindberg appella mis-sentenza mogħtija fl-appell mill-Göta hövrätt, quddiem il-Högsta domstolen (Qorti Suprema).

23. F'dan l-appell is-Sur Lindberg talab, fl-ewwel lok, li jiġu respinti l-akkużi mressqa kontrih u, fit-tieni lok, li r-reat li kien akkużat bih jiġi meqjus bħala sempliċi ksur tal-liġi dwar il-lotteriji u li jitnaqqas in-numru ta' ġranet li tulhom kellha titħallas l-ammenda.

24. Huwa sostna, b'mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta' l-1996 safejn dawn jinvolvu l-projbizzjoni, applikabbli mill-1 ta' Jannar 1997, ta' l-użu tal-"lyckohjulsspel", jikkostitwixxu regolamenti tekniċi skond it-tifsira tad-Direttiva 83/189 u, billi ma ġewx notifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Żvediżi qabel ma daħlu fis-seħħ, ma jistgħux jiġu validament invokati kontrih.

25. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Högsta domstolen irreferiet għall-konklużjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha mill-prosekutur pubbliku ta' din il-Qorti (iktar 'il quddiem, il-"prosekutur pubbliku"). Dawn il-konklużjonijiet jistgħu jiġu miġbura fil-qosor kif ġej.

26. Skond il-prosekutur pubbliku, id-domanda dwar jekk l-organizzazzjoni ta' logħob ta' l-ażżard mis-Sur Lindberg kinitx legali jew le għandha tkun ibbażata biss fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-lotteriji, peress illi l-attivitajiet li, konformement ma' din il-leġiżlazzjoni, tingħatalhom liċenzja, jew li huma eżenti mill-ħtieġa ta' liċenzja ma jistgħux jiġu regolati mill-Artikolu 14 tal-Kapitolu 16 tal-Kodiċi Kriminali Żvediż.

27. Wara li rrefera għaċ-ċirkostanzi li fihom ġiet adottata l-liġi ta' l-1996, imsemmija fil-paragrafi 11 sa 15 ta' din is-sentenza, il-prosekutur pubbliku rrileva li meta ġiet adottata l-liġi dwar il-lotteriji, ir-Renju ta' l-Iżvezja ma kienx għadu sar Membru ta' l-Unjoni Ewropea u sostna, f'dan ir-rigward, li d-Direttiva 89/139 ma tinkludix l-obbligu retroattiv li jiġu notifikati dispożizzjonijiet li jkunu diġà ġew adottati.

28. Madankollu huwa indika li meta ġiet adottata l-liġi ta' l-1996, ir-Renju ta' l-Iżvezja kien sar Membru ta' l-Unjoni Ewropea.

29. Il-prosekutur pubbliku rrileva li l-abbozz tal-Gvern Żvediż li sar il-liġi ta' l-1996 ma ġiex notifikat lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 83/189, iżda li, sussegwentement, qamu xi inċertezzi fir-rigward ta' l-obbligu li ssir tali notifika.

30. Skond il-Gvern Żvediż, tali notifika ma kinitx meħtieġa billi l-liġi dwar il-lotteriji kienet diġà tkopri l-"lyckohjulsspel" peress illi dan il-logħob kien jaqa' taħt il-kunċett ta' "logħob ieħor simili" msemmi fl-Artikolu 3(3) ta' din il-liġi. Għalhekk, il-liġi ta' l-1996 hija biss kjarifika ta' x'kellu f'moħħu l-leġiżlatur u għaldaqstant ma kkawżat ebda bidla materjali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi dwar il-lotteriji.

31. Madankollu, f'opinjoni tad-29 ta' Jannar 2001, il-Kommerskollegium (Bord tal-Kummerċ Żvediż), li ġie kkonsultat f'dan ir-rigward mill-Gvern Żvediż, wasal għall-konklużjoni opposta.

32. Fid-dawl ta' din l-inċertezza, il-Gvern Żvediż ippropona li l-liġijiet ta' l-1996 u ta' l-1999 jiġu abrogati u li l-emendi magħmula permezz ta' dawn il-liġijiet fil-liġi dwar il-lotteriji jinġabru f'abbozz ta' liġi ġdid li kellu jiġi notifikat lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 83/189.

33. Dan l-abbozz sussegwentement ġie adottat mill-leġiżlatur Żvediż u sar il-liġi (2001:1045) li temenda l-liġi dwar il-lotteriji [lag om ändring i lotterilagen (2001:1045), SFS 2001, Nru 1045], u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002.

34. Skond il-prosekutur pubbliku, l-interpretazzjoni tal-Gvern Żvediż, li l-emendi magħmula fil-liġi dwar il-lotteriji permezz tal-liġi ta' l-1996 ma kellhomx jiġu notifikati lill-Kummissjoni skond id-Direttiva 83/189, peress illi ma kienu jinvolvu ebda bidla materjali fil-leġiżlazzjoni dwar il-lotteriji, hija ċertament sostenibbli. Fil-fatt, hemm raġunijiet sabiex jiġi konkluż li l-"lyckohjulsspel" jidħlu fil-kategorija ta' "logħob ieħor simili" imsemmija fl-Artikolu 3(3) ta' din il-liġi. Il-kliem ta' din id-dispożizzjoni juru b'mod ċar li hekk għandu jkun il-każ.

35. Madankollu, eżaminazzjoni tat-totalità ta' l-argumenti x'aktarx twassal għall-konklużjoni li jeżisti obbligu ta' notifika skond id-Direttiva 83/189. It- travaux préparatoires tal-liġi dwar il-lotteriji fil-fatt jindikaw li l-kategorija ta' "logħob ieħor simili" tirreferi biss għall-"ittri katina" imsemmija fl-istess dispożizzjoni. Għandu jitqies ukoll il-fatt li l-Parlament Żvediż abroga l-emendi li kienu saru fil-liġi dwar il-lotteriji permezz tal-liġi ta' l-1996, li reġgħu ddaħħlu fis-seħħ wara li ġew notifikati lill-Kummissjoni, kif ġie rilevat fil-paragrafu 32 ta' din is-sentenza.

36. Dan ifisser li, wara l-imsemmija emendi, il-"lyckohjulsspel" ġew ikklassifikati fost il-logħob awtomatizzat li fir-rigward tiegħu tapplika l-liġi dwar il-lotteriji u li ddaħħlet projbizzjoni espliċita ġdida f'din il-liġi, li tikkonċerna logħob awtomatizzat differenti minn dak elenkat fl-Artikolu 6 ta' din l-aħħar l-liġi.

37. Issa, jekk tali projbizzjoni ma tiġix notifikata, dan jimplika li l-projbizzjoni ma tistax tiġi applikata kontra individwi. F'dan ir-rigward, il-prosekutur pubbliku jsostni li d-Direttiva 83/189 tapplika għall- istandards u r-regolamenti tekniċi dwar il-logħob awtomatizzat u li din id-Direttiva ma tipprovdi ebda eċċezzjoni espliċita għall-obbligu ta' notifika fil-każ ta' emendi ta' importanza żgħira jew ta' kjarifiki ta' dawn l- istandards .

38. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-prosekutur pubbliku jiddikjara li f'dan il-każ huwa ma jopponix għaċ-ċaħda ta' l-akkużi magħmula kontra s-Sur Lindberg fir-rigward tar-reat ta' organizzazzjoni ta' logħob ta' l-ażżard illegali .

39. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta domstolen iddeċidiet li tissopendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1) L-introduzzjoni, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta' projbizzjoni ta' l-użu ta' prodott tista' tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva [83/189]?

2) L-introduzzjoni, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta' projbizzjoni ta' servizz li jkollha effett fuq l-użu ta' prodott tista' tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva [83/189]?

3) Id-definizzjoni mill-ġdid, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta' servizz konness mal-manifattura ta' prodott tista' tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva [83/189], jekk id-definizzjoni l-ġgdida jkollha effett fuq l-użu tal-prodott?

4) Fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika previst fid-Direttiva [83/189], x'importanza għandha tingħata lill-fatturi:

- bħall-bidla, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn sistema ta' liċenzji għal sistema ta' projbizzjoni;

- bħall-ikbar jew l-inqas valur tal-prodott/tas-serivzz;

- bħad-daqs tas-suq tal-prodott/tas-servizz;

- bħall-effett ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda dwar l-użu, li jipprovdu jew projbizzjoni totali ta' użu, jew projbizzjoni jew limitazzjoni ta' użu f'wieħed mill-oqsma ta' użu possibbli?"

Osservazzjonijiet preliminari

40. B'mod preliminari, fl-ewwel lok għandu jiġgi rilevat li, kif jirriżulta mill-motivi għad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 83/189 huma d-dispożizzjonijiet tal-liġgi dwar il-lotteriji, kif emendata mill-liġi ta' l-1996 (iktar 'il quddiem "il-liġi dwar il-lotteriji kif emendata"), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1997, safejn dawn jipprojbixxu l-organizzazzjoni tal-logħob ta' l-ażżard permezz ta' l-użu ta' magna tal-logħob awtomatika, jiġifieri l-"lyckohjulsspel" in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-karatteristika essenzjali ta' tali magna hi li r-rebħ ma jitħallasx direttament mill-magna, iżda jingħata manwalment fuq talba ta' min ikun qed jilgħab.

41. Madankollu, il-Gvern Żvediż isostni li, fl-ewwel verżjoni tagħha, il-liġi dwar il-lotteriji diġà kienet tinkludi tali projbizzjoni u li l-liġi ta' l-1996 serviet biss biex tikkjarifika din il-projbizzjoni. Issa, din l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jidhirx li ġiet segwita minn ħafna qrati Żvediżi, fosthom xi qrati ta' l-appell, tirrigwarda kwistjoni kontroversjali ta' interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali, kwistjoni li ma tidħholx fil-kompetenza ta' din il-Qorti fil-kuntest ta' talba għal deċiżjoni preliminari.

42. Konsegwentement, sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula, il-Qorti għandha toqgħod fuq l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju, skond liema l-projbizzjoni in kwistjoni ddaħħlet fil-liġi dwar il-lotteriji permezz tal-liġi ta' l-1996.

43. Fit-tieni lok, jekk wieħed iqis illi d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-liġi dwar il-lotteriji kif emendata jikkostitwixxu regolamenti tekniċi, l-Istat Membru kkonċernat kien ikun marbut biex jipproċedi għan-notifika tagħhom fil-forma ta' abbozz skond id-Direttiva 83/189, fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 94/10 (ara b'mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta' Ġunju 1999, Colim, C-33/97, Ġabra p. I-3175, paragrafi 25 u 26).

44. Għandu jiġi rilevat li d-Direttiva 83/189, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali, tistipula biss obbligu ta' notifika ta' abbozzi ta' regolamenti tekniċi li jirrigwardaw prodotti.

45. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Lulju 1998, li temenda d-Direttiva 98/34/KE li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 217, p. 18), il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-obbligu ta' notifika ta' abbozzi ta' regolamenti tekniċi ġie estiż għal abbozzi li jirrigwardaw ċerti servizzi, li m'humiex in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri dawk tas-Soċjetà ta' l-Informatika kif definiti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika (ĠU L 204, p.37). Madankollu, din id-Direttiva m'għandiex tiġi kkunsidrata fil-każ tal-kawża prinċipali.

46. Fit-tielet lok, il-Gvern Portugiż ifakkar li l-Qorti diġà ddeċidiet li l-attività ta' l-użu ta' magni ta' logħob ta' l-ażżard jew tal-flus għandha, sew jekk tkun separabbli jew le mill-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, ma' l-importazzjoni u mad-distribuzzjoni ta' tali magni, tingħata l-kwalifika ta' "attività ta' servizzi", skond it-tifsira tat-Trattat KE, u li, għalhekk, ma tistax taqa' taħt l-Artikoli 30 u 34 tat-Trattat (li wara l-emendi saru l-Artikoli 28 KE u 29 KE), dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (ara s-sentenza tal-11 ta' Settembru 2003, Anomar e.a., C-6/01, Ġabra p. I-8621, paragrafu 56).

47. Minn dan jirriżulta, skond dan il-Gvern, li d-Direttiva 83/189, li għandha l-istess kamp ta' applikazzjoni bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, ma tapplikax għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali ħlief jekk din taqa' taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattat u mhux taħt dawk dwar l-għoti tas-servizzi. Issa, peress illi mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ta' logħob bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kwalifikat bħala għoti ta' servizzi, l-imsemmija direttiva ma tkunx applikabbli għal din il-kawża.

48. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 83/189 għandha l-għan li tħares, permezz ta' kontroll preventiv, il-moviment liberu tal-merkanzija, li hu wieħed mill-pedamenti tal-Komunità (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta' Ġunju 1998, Lemmens, C-226/97 , Ġabra p. I-3711, paragrafu 32).

49. Madankollu, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 83/189, billi huwa essenzjalment ibbażat fuq il-kunċett ta' regolament tekniku, hu in prinċipju definit b'mod awtonomu u ma jiddependix, f'kull każ, mill-fatt li l-kondizzjonijiet ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jkunu sodisfatti.

50. Dan jista' jiġi spjegat mill-fatt li d-Direttiva 83/189 tipprovdi mekkaniżmu proċedurali ta' kontroll preventiv li jippermetti li jiġi verifikat jekk standard nazzjonali li jikkostitwixxi regolament tekniku jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u, jekk dan ikun il-każ, li jiġi eżaminat jekk tali standard ikunx kompatibbli ma' dawn id-dispożizzjonijiet.

51. L-effetti eventwali tar-regolament tekniku fuq il-kummerċ intrakomunitarju ma jikkostitwixxux kriterju li d-Direttiva 83/189 tqis għall-fini tad-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

52. Bl-istess mod, jekk hu veru li xi ostakli għall-kummerċ tal-merkanzija bejn Stati Membri jistgħu jiġu ġustifikati jekk dawn ikunu neċessarji biex jissodisfaw ċerti eżiġenzi imperattivi ta' interess pubbliku, tali ġustifikazzjonijiet, invokati mill-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet ippreżentati lil-Qorti, ma jikkostitwixxux kriterju previst mid-Direttiva 83/189 għad-delimitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, peress illi tali konsiderazzjonijiet huma estranji għall-kunċett ta' regolament tekniku.

Dwar id-domandi preliminari

Dwar l-ewwel żewġ domandi

53. Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, li għhandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-liġi dwar il-lotteriji kif emendata, sa fejn dawn jinkludu projbizzjoni milli jiġi organizzat logħob ta' l-ażżard permezz ta' l-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat, jikkostitwixxux regolament tekniku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189.

54. Mill-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189, jirriżulta li l-kunċett ta' "regolament tekniku" jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, "l-ispeċifikazzjoni teknika" skond l-Artikolu 1(2) ta' l-imsemmija Direttiva, fit-tieni lok, "il-ħtiġiet oħra" kif definiti fl-Artikolu 1(3) ta' din id-Direttiva u, fit-tielet lok, "il-projbizzjoni tal-manifattura, ta' l-importazzjoni, tal-bejgħ fis-suq jew ta' l-użu ta' prodott" imsemmija fl-Artikolu 1(9), l-ewwel inċiż, ta' l-istess Direttiva.

55. Dwar, fl-ewwel lok, l-eventwali kwalifika bħala regolament tekniku ta' dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li dawn jappartjenu għall-kategorija ta' speċifikazzjonijiet tekniċi imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 83/189, huwa veru li l-Artikolu 24A tal-liġi dwar il-lotteriji kif emendata jinkludi projbizzjoni ta' l-użu ta' kategorija partikolari ta' magni tal-logħob li hi definita skond ċerti karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

56. Fil-każ in eżami, tali dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala "speċifikazzjoni teknika" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 83/189.

57. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti, il-kunċett ta' speċifikazzjoni teknika jippresupponi li l-miżura nazzjonali neċessarjament tirreferi għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu fih innifsu u għaldaqstant jistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta' prodott (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta' Marzu 2001, Van der Burg, C-278/99, Ġabra p. I-2015, paragrafu 20; tat-22 ta' Jannar 2002, Canal Satélite Digital, C-390/99, Ġabra p. I-607, paragrafu 45, u tas-6 ta' Ġunju 2002, Sapod Audic, C-159/00, Ġabra p. I-5031, paragrafu 30).

58. Issa, għandu jiġi rilevat li miżura nazzjonali bħhal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvi essenzjalment projbizzjoni indirizzata lejn operaturi li, bħas-Sur Lindberg, jixtiequ jpoġġu ċerti tipi ta' magni tal-logħob awtomatizzat għad-dispożizzjoni ta' min jilgħab, u għaldaqstant, tal-konsumaturi.

59. Konsegwentement, tali miżura timmira biex tirregola l-attività ta' l-impriżi li joperaw fis-settur ta' l-għoti ta' servizzi relatati mal-magni tal-logħob awtomatizzat. Il-Qorti diġà ddeċidiet li, meta miżura nazzjonali tistipula xi kondizzjonijiet għhat-twaqqif ta' impriżi, bħal dispożizzjonijiet li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, dawn il-kondizzjonijiet ma jikkostitwixxux speċifikazzjonijiet tekniċi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta' April 1996, CIA Security International, C-194/94, Ġabra p. I-2201, paragrafu 25).

60. Fil-fatt, l-imsemmija miżura mhux neċessarjament tirreferi għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu fih innifsu u għaldaqstant ma tistabbilix waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta' prodott skond l-Arikolu 1(2) tad-Direttiva 83/189 kif interpretat mill-Qorti fil-ġurisprudenza ċitata fil-paragrafu 57 ta' din is-sentenza.

61. Tali interpretazzjoni hi kkonfermata min-nota ta' spjegazzjoni li tinsab mal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 83/189 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU 1992, C 340, p. 7), proposta li, wara li ġiet adottata mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, saret id-Direttiva 94/10.

62. Permezz ta' din l-aħħar Direttiva, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, iddaħħlet tieni kategorija ta' regolamenti tekniċi fid-Direttiva 83/189, jiġifieri dik li taqa' taħt l-intestatura "ħtiġiet oħra".

63. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċpali tistax tiġi kkwalifikata bħala "ħtieġa oħra" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 83/189 li, konformement mal-paragrafu (9) ta' l-istess Artikolu, tikkostitwixxi bl-istess mod regolament tekniku.

64. F'dan ir-rigward, il-paragrafu 18 ta' l-imsemmija nota ta' spjegazzjoni jgħid li, filwaqt li fl-ewwel verżjoni tagħha, id-Direttiva 83/189 kienet tikkunsidra biss ir-regolamenti tekniċi imposti fuq prodott sabiex jitqiegħed fis-suq, prinċipalment għal raġunijiet ta' sigurtà, sussegwentement, kien neċessarju li dan il-kunċett jiġi estiż.

65. Fl-imsemmija nota, il-Kummissjoni spjegat li, il-ħsieb wara l-introduzzjoni partikolarment tal-kunċett ta' "ħtiġiet oħra", kien li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni inizjali tad-Direttiva 83/189 sabiex dan ikopri wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali intiża b'mod partikolari għall-ħarsien tal-konsumaturi u li tinvolvi ħtiġiet li huma derivati mit-teħid in kunsiderazzjoni ta' prodott wara li jitqiegħed fis-suq, b'mod partikolari dawk dwar l-użu possibbli tal-prodott.

66. Fl-istess paragrafu ta' l-imsemmija nota ta' spjegazzjoni, huwa indikat li, permezz ta' din l-estenzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 83/189, din tkun tista' tkopri leġiżlazzjoni li tista' taffettwa l-prodott u tipprovoka distorzjoni fis-suq.

67. Għandu jiġi rilevat li d-definizzjoni tal-kunċett ta' "ħtiġiet oħra", kif tidher fl-imsemmija proposta għal Direttiva ppreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill ġiet adottata mill-Kunsill u tinsab fl-istess forma fit-test finali tad-Direttiva 94/10.

68. Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li miżura nazzjonali bħall-projbizzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija speċcifikatament koperta mill-kunċett ta' "ħtiġiet oħra" kif ġie introdott mid-Direttiva 94/10 fid-Direttiva 83/189 sabiex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u, konsegwentement, ma tidħolx fil-kategorija ta' "speċifikazzjonijiet tekniċi".

69. Fil-fatt din titratta ħtieġa imposta fuq prodott, jiġifieri ċerti magni tal-logħob awtomatizzat, essenzjalment għal motivi ta' ħarsien tal-konsumatur, f'dan il-każ il-persuni li jilagħbu kkonċernati.

70. F'dawn iċ-ċirkustanzi, projbizzjoni bħal dik stipulata fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar il-lotterji kif emendata titratta dwar l-użu ta' prodott skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189.

71. Minbarra dan, il-ħtieġa in kwistjoni fil-kawża prinċipali m'hijiex imposta fuq magni tal-logħob bil-għan li jitqiegħdu fis-suq, iżda taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom wara li jkunu tqiegħdu fis-suq, skond id-definizzjoni tal-kunċett ta' "ħtiġiet oħra" stipulata fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 83/189.

72. Sabiex tkun tista' tiġi kkwalifikata bħala "ħtieġa oħra" skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 83/189, ħtieġa bħall-projbizzjoni mill-użu tal-magni tal-logħob awtomatizzat in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tikkostitwixxi "kondizzjoni", relatata f'dan il-każ ma' l-użu tal-prodott ikkonċernat, li tista' tinfluwenza b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq.

73. Madankollu tqum il-kwistjoni jekk l-imsemmija projbizzjoni għandiex tkun ikkwalifikata bħala "kondizzjoni" relatata ma' l-użu tal-prodott ikkonċernat jew jekk, għall-kuntrarju, hijiex miżura nazzjonali li tappartjeni għat-tielet kategorija ta' regolamenti tekniċi imsemmija fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189, li wkoll iddaħħlet f'din id-Direttiva permezz tad-Direttiva 94/10, jiġifieri dik li tinkludi b'mod partikolari l-"liġijiet [...] ta' l-Istati Membri [...] li jipprojbixxu [...] l-użu ta' prodott".

74. Il-kwistjoni jekk miżura nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali tappartjenix għal kategorija waħda jew oħra minn dawn iż-żewġ kategoriji ta' regolamenti tekniċi tiddependi mill-iskop tal-projbizzjoni stipulat f'din il-miżura.

75. F'dan ir-rigward hu sinifikattiv li l-imsemmija tielet kategorija ta' regolamenti tekniċi definita fl-Artikoluu 1(9) tad-Direttiva 83/189 ma tinkludix, kuntrarjament għat-tieni kategorija, dik ta' ħtiġiet oħra ai termini tal-paragrafu (3) ta' l-istess Artikolu, il-kondizzjoni skond liema l-projbizzjoni kkonċernata għandha tkun tali li tinfluwenza b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq.

76. Peress illi din it-tielet kategorija ta' regolamenti tekniċi hija intiża sabiex tipprojbixxi b'mod partikolari l-użu, din għandha tirrigwarda miżuri li għandhom skop li ċertament jaqbeż il-limitazzjoni ta' ċerti użi possibbli tal-prodott in kwistjoni u għaldaqstant ma jillimitawx ruħhom għal sempliċi restrizzjoni ta' l-użu tal-prodott.

77. Kif ġie rilevat mill-Avukat Ġenerali fil-paragrafu 70 tal-Konklużjonijiet tiegħhu, din il-kategorija ta' regolamenti tekniċi hija intiża aktar għal miżuri nazzjonali li ma jippermettu ebda użu ħlief wieħed purament marġinali li jista' b'mod raġonevoli jkun mistenni mill-prodott ikkonċernat. Hi l-qorti tar-rinviju li għandha tivvaluta jekk dan huwiex il-każ fir-rigward tal-projbizzjoni li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi.

78. Jekk, wara li ssir din il-valutazzjoni, jirriżulta li dan ma jkunx il-każ fil-kawża prinċipali, ikun possibbli li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tiġi kkwalifikata bħala "ħtieġa oħra" ġaladarba l-osservanza ta' tali ħtieġa hi obbligatorja de jure għall-użu tal-prodott fl-Istat Memebru kkonċernat, skond l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189. Madankollu, anke f'din l-ipoteżi, il-qorti tar-rinviju għandha tivvaluta jekk il-projbizzjoni in kwistjoni tistax tinfluwenza b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu.

79. Waqt li jsiru l-valutazzjonijiet li għandhom għaldaqstant jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, l-istess qorti tkun tista' liberament teżamina b'mod partikolari l-effett possibbli ta' l-argument, invokat mill-Gvern Portugiż, skond liema l-magni tal-logħob awtomatizzat ikkonċernati jistgħu jiġu pprogrammati u, skond il-bżonn, programmati mill-ġdid sabiex iwettqu funzjonijiet differenti.

80. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tweġiba għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-liġi dwar il-lotteriji kif emendata, safejn dawn jinkludu projbizzjoni milli jiġi organizzat logħob ta' l-ażżard permezz ta' l-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat, jistgħu jikkostitwixxu regolament tekniku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189 sakemm jiġi stabbilit li l-iskop tal-projbizzjoni in kwistjoni hu tali li ma jippermetti ebda użu ħlief wieħed purament marġinali li jista' b'mod raġonevoli jkun mistenni mill-prodott ikkonċernat jew, jekk dan ma jkunx il-każ, sakemm jiġi stabbilit li din il-projbizzjoni tista' tinfluwenza b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq.

Dwar it-tielet domanda

81. Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk definizzjoni mill-ġdid fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li ġiet effettwata mil-liġi ta' l-1996, ta' servizz konness mal-manifattura ta' prodott, b'mod partikolari dak li jikkonsisti fl-użu ta' ċerti magni tal-logħob ta' l-ażżard, tistax tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva [83/189], jekk id-definizzjoni l-ġdida jkollha effett fuq l-użu tal-prodott?

82. F'dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li miżura nazzjonali li tirriproduċi jew tissostitwixxi, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġgiet oħra ġodda jew supplimentari, regolamenti tekniċi eżistenti li, jekk dawn ir-regolamenti jkunu ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 83/189, ikunu ġew notifikati lill-Kummissjoni kif suppost, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala "abbozz" ta' regolament tekniku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189 u konsegwentement, lanqas ma tista' tkun soġġetta għall-obbligu li tiġi notifikata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Colim, ċitata hawn fuq, paragrafu 22). F'dan il-każ, għandha titqies id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 83/189 għhal dak li jirrigwarda r-Renju ta' l-Isvezja.

83. Minbarra dan, kif diġà ġie rilevat fil-paragrafu 41 ta' din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni milli jiġi organizzat logħob ta' l-ażżard permezz ta' l-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat, b'mod partikolari l-"lyckohjulsspel" in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kinitx diġà teżisti fl-ewwel verżjoni tal-liġi dwar il-lotteriji, b'tali mod illi l-liġi ta' l-1996 kellha sservi biss biex tikkjarifika dan il-punt, jew jekk, għall-kuntrarju, kienx biss permezz tal-liġi msemmija l-aħħar li ddaħħlet din il-projbizzjoni fil-liġi dwar il-lotteriji, hi kwistjoni ta' liġi nazzjonali li taqa' fil-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

84. Fl-aħħarnett, mit-tweġiba mogħtija għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li miżura nazzjonali li timponi ċerti restrizzjonijiet fuq servizz bħal dak li jikkonsisti fl-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat tista', taħt ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva 83/189.

85. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tweġiba għat-tielet domanda għandha tkun li definizzjoni mill-ġdid, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li ġiet effettwata mil-liġi ta' l-1996, ta' servizz konness mal-manifattura ta' prodott, b'mod partikolari dak li jikkonsisti fl-użu ta' ċerti magni tal-logħob ta' l-ażżard, tista' tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva 83/189 jekk din il-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tillimatx ruħha għal riproduzzjoni jew sostituzzjoni, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra ġodda jew supplimentari, ta' regolamenti tekniċi eżistenti li jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni kif suppost, meta jkunu ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 83/189 fl-Istat Membru kkonċernat.

Dwar ir-raba' domanda

86. Permezz tar-raba' domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti dwar l-importanza li għandha tingħata, għall-fini ta' l-obbligu ta' notifika msemmi fid-Direttiva 83/189, lill-fatturi li ġejjin:

- il-bidla, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn sistema ta' liċenzji għhal sistema ta' projbizzjoni;

- l-ikbar jew l-inqas valur tal-prodott jew tas-servizz;

- id-daqs tas-suq tal-prodott jew tas-servizz;

- l-effett ta' dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda dwar l-użu, li jipprovdu jew projbizzjoni totali ta' użu, jew projbizzjoni jew limitazzjoni ta' użu f'wieħed mill-oqsma ta' użu possibbli.

87. Dwar l-ewwel fattur imsemmi mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-bidla, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn sistema ta' liċenzji għal sistema ta' projbizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti diġà ddeċidiet li dispożizzjonijiet nazzjonali li jistipualw biss xi kondizzjonijiet għat-twaqqif ta' impriżi, bħal dispożizzjonijiet li jissoġġettaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel, ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189. Fil-fatt, regolamenti tekniċi skond it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni huma speċifikazzjonijiet li jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-prodotti u mhux speċifikazzjonijiet intiżi għall-operaturi ekonomiċi (ara s-sentenza Canal Satélite Digital, paragrafu 45 u l-ġurisprudenza ċitata).

88. Min dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi sistema ta' liċcenzji għal servizzi bħal dawk li jikkonsistu fl-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat ma tikkostitwixxix regolament tekniku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189.

89. Dwar il-kwistjoni tal-pertinenza, fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika previst fid-Direttiva 83/189, ta' sistema ta' projbizzjoni ta' servizz bħal dak li jikkonsisti fl-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat, għandu jiġi rilevat li tali kwistjoni hi identika għal dik li jqajjem ir-raba' fattur imsemmi fir-raba' domanda preliminari.

90. Issa, kif diġà ġie stabbilit fit-tweġiba għall-ewwel żewġ domandi, miżura nazzjonali li tinkludi projbizzjoni ta' tali servizz tista', f'ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi regolament tekniku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189.

91. Dwar it-tieni u t-tielet fatturi msemmija fir-raba' domanda preliminari, għandu jiġi mfakkar, kif ġie rilevat fil-paragrafu 50 ta' din is-sentenza, li d-Direttiva 83/189 tipprovdi mekkaniżmu proċedurali ta' kontroll preventiv li jippermetti li jiġi verifikat jekk standard nazzjonali li jikkostitwixxi regolament tekniku jaqax taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u, jekk dan ikun il-każ, li jiġi eżaminat jekk tali standard huwiex kompatibbli ma' dawn id-dispożizzjonijiet.

92. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fil-paragrafu 51 ta' din is-sentenza ġie stabbilit li l-effetti eventwali ta' regolament tekniku fuq il-kummerċ intrakomunitarju ma jikkostitwixxux kriterju li d-Direttiva 83/189 tqis għall-fini tad-definizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, f'dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, l-obbligu ta' notifika li hija tipprovdi.

93. Jekk miżura nazzjonali tidħol fl-imsemmi kamp ta' applikazzjoni, il-mekkaniżmu proċedurali ta' kontroll preventiv provdut mid-Direttiva 83/189 jippermetti, fejn ikun hemm bżonn, li jiġu valutati dawn l-effetti.

94. Minbarra dan, kif ġie rilevat mill-Avukat Ġenerali fil-paragrafu 86 tal-Konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli stipulati fid-Direttiva 83/189 għad-delimitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-obbligu ta' notifika ma jipprovdu l-ebda eċċezzjoni de minimis, jiġifieri eċċezzjoni li permezz tagħha miżuri nazzjonali li jkollhom biss effetti relativament żgħar fuq il-kummerċ intrakomunitarji jkunu esklużi minn dan l-obbligu.

95. Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tweġiba għar-raba' għandha tkun li:

- il-bidla, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn sistema ta' liċenzji għal sistema ta' projbizzjoni tista' tkun fattur pertinenti fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika imsemmi fid-Direttiva 83/189;

- l-ikbar jew l-inqas valur tal-prodott jew tas-servizz jew id-daqs tas-suq tal-prodott jew tas-servizz huma fatturi li m'humiex pertinenti fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika imsemmi f'din id-Direttiva.

Dwar l-ispejjeż

96. Peress illi l-proċedura għhandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħalsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1) Dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-liġi (1994:1000) dwar il-lotteriji [lotterilagen (1994: 1000)], fil-verżjoni li tirriżulta mil-liġi (1996:1168), li emendat il-liġi dwar il-lotteriji [lag om ändring i lotterilagen (1996:1168)], safejn dawn jinkludu projbizzjoni milli jiġi organizzat logħob ta' l-ażżard permezz ta' l-użu ta' ċerti magni tal-logħob awtomatizzat, jistgħu jikkostitwixxu regolament tekniku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 83/189/KEE tal-Kunsill, tat-28 ta' Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u r-regolamenti tekniċi, kif emendata mid-Direttiva 94/10 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Marzu 1994, sakemm jiġi stabbilit li l-iskop tal-projbizzjoni in kwistjoni hu tali li ma jippermetti ebda użu ħhlief wieħed purament marġinali li jista' b'mod raġonevoli jkun mistenni mill-prodott ikkonċernat jew, jekk dan ma jkunx il-każ, sakemm jiġi stabbilit li din il-projbizzjoni tista' tinfluwenza b'mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq.

2) Definizzjoni mill-ġdid, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li ġiet effettwata mil-liġi (1996:1168) li emendat il-liġi dwar il-lotteriji, ta' servizz konness mal-manifattura ta' prodott, b'mod partikolari dak li jikkonsisti fl-użu ta' ċerti magni tal-logħob ta' l-ażżard, tista' tikkostitwixxi regolament tekniku li għandu jiġi notifikat skond id-Direttiva 83/189, kif emendata mid-Direttiva 94/10, jekk din il-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tillimatx ruħha għal riproduzzjoni jew sostituzzjoni, mingħajr ma żżid speċifikazzjonijiet tekniċi jew ħtiġiet oħra ġodda jew supplimentari, ta' regolamenti tekniċi eżistenti li jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kif suppost, meta jkunu ġew adottati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 83/189 fl-Istat Membru kkonċernat.

3) Il-bidla, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, minn sistema ta' liċenzji għal sistema ta' projbizzjoni tista' tkun fattur pertinenti fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika imsemmi fid-Direttiva 83/189, kif emendata mid-Direttiva 94/10.

L-ikbar jew l-inqas valur tal-prodott jew tas-servizz jew id-daqs tas-suq tal-prodott jew tas-servizz huma fatturi li m'humiex pertinenti fir-rigward ta' l-obbligu ta' notifika imsemmi f'din id-Direttiva.

Top