This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0242
Judgment of the Court (First Chamber) of 15 July 2004.#Ministre des Finances v Jean-Claude Weidert and Élisabeth Paulus.#Reference for a preliminary ruling: Cour administrative - Luxembourg.#Free movement of capital - Income tax - Special relief for expenditure incurred on the acquisition of shares - Benefit of the advantage restricted to the acquisition of shares in companies established in the Member State concerned.#Case C-242/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Lulju 2004.
Ministre des Finances vs Jean-Claude Weidert u Élisabeth Paulus.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour administrative - il-Lussemburgu.
Moviment liberu tal-kapital - Taxxa fuq id-dħul - Ħelsien speċjali għall-ammonti intiżi għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ishma f'kumpannija - Limitazzjoni tal-benefiċċju tal-vantaġġ għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ta' ishma f'kumpanniji stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat.
Kawża C-242/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-15 ta' Lulju 2004.
Ministre des Finances vs Jean-Claude Weidert u Élisabeth Paulus.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour administrative - il-Lussemburgu.
Moviment liberu tal-kapital - Taxxa fuq id-dħul - Ħelsien speċjali għall-ammonti intiżi għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ishma f'kumpannija - Limitazzjoni tal-benefiċċju tal-vantaġġ għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ta' ishma f'kumpanniji stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat.
Kawża C-242/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:465
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)
15 ta' Lulju 2004 (*)
"Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq id-dħul – Ħelsien speċjali għall-ammonti intiżi għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ishma f'kumpannija – Limitazzjoni tal-benefiċċju tal-vantaġġ għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ta' ishma f'kumpanniji stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat"
Fil-kawża C-242/03
li għandha bħala suġġet talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE, mill-Cour administrative (il-Lussemburgu) u li hija intiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem din il-qorti bejn
il-Ministre des Finances
u
Jean-Claude Weidert,
Élisabeth Paulus,
deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) KE,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
komposta minn M. P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla, M. A. Rosasu u R. Silva de Lapuerta, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:
- għal J. Weidert u E. Paulus, minn P. Kinsch, avocat,
- għall-Gvern Lussemburgiż, minn S. Schreiner, bħala aġent,
- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiiet Ewropej, minn R. Lyal u C. Giolito, bħala aġenti,
wara li rat ir-rapport ta' l-Imħallef Relatur,
wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta' Frar 2004,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 B'sentenza tat-3 ta' Ġunju 2003, li waslet lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Ġunju 2003, il-Cour administrative għamlet, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 234 KE, domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) KE.
2 Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' kwistjoni bejn il-Ministre des Finances u J. Weidert u E. Paulus (iktar 'il quddiem il-"miżżewġin Weidert-Paulus") minħabba r-rifjut li jingħata lil dawn ta' l-aħħar ħelsien mit-taxxa għall-akkwist ta' azzjonijiet f'kumpannija stabbilita fil-Belġju.
Il-kuntest ġuridiku
3 Fid-dritt Lussemburgiż, il-liġi tat-22 ta' Diċembru 1993 li għandha bħal għan il-promozzjoni ta' l-investiment fl-interess ta' l-iżvilupp ekonomiku (Mémorial A 1993, p. 2020), daħħlet, permezz ta' l-Artikolu III tagħha, fil-Liġi ta' l-4 ta' Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Mémorial A 1967, p. 1228, iktar il-quddiem il-"Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul"), l-Artikolu 129 c li huwa fformulat kif ġej:
"Paragrafu 1. Fil-kundizzjonijiet u l-limiti speċifikati hawn taħt, il-persuni fiżiċi residenti taxxabbli li jakkwistaw azzjonijiet jew ishma f'kumpannija li jkunu kontribuzzjonijiet fi flus fil-kumpanniji ta' kapital residenti kompletament taxxabbli indikati fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 iktar 'il quddiem, għandhom jibbenefikaw mill-vantaġġi fiskali previsti fil-paragrafu 4 hawn taħt.
[…]
Paragrafu. 4. (1) Fuq talba, il-persuni taxxabbli, imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 hawn taħt għandhom jingħataw ħelsien mid-dħul taxxabbli taħt il-forma ta' ħelsien għall-investiment fil-proprjetà li jista', minkejja d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 153, jintalab meta l-persuna taxxabbli hija suġġetta għal stima diretta.
(2) Il-ħelsien għandu jingħata sa massimu ta' 60,000 Frank fis-sena, fir-rigward ta' l-akkwisti kollha fis-sena ta' titoli u ċertifikati li min iħallas it-taxxa jkollu fl-aħħar tas-sena fiskali. Dan il-limitu għandhu jiġi rduppjat fil-każ ta' tassazzjoni kollettiva skond l-Artikolu 3.
Paragrafu. 5. Biex ikun jista' jibbenefika mill-vantaġġi fiskali previsti fil-paragrafu 4, il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu ssodisfatti:
a) l-akkwist ta' titoli skond is-subinċiż 2 tal-paragrafu 2 hawn fuq għandu jsir jew fil-mument tat-twaqqif jew fl-okkażjoni ta' żieda fil-kapital permezz ta' kontribuzzjonijiet ġodda ta' kumpannija kapitali residenti li hija kompletament taxxabbli, kif definit fis-subinċiż 1 tal-paragrafu 2 hawn fuq;
[…]"
4 Il-Konvenzjoni konkluża bejn ir-Renju tal-Belġju u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, iffirmata fil-Lussemburgu fis-17 ta' Settembru 1970 (Mémorial A 1971, p. 1763, iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja "), tipprovdi:
"Artikolu 10 Dividendi:
§ 1 Id-dividendi mogħtija minn kumpannija residenti ta' Stat kontraenti lil residenti ta' l-Istat kontraenti ieħor huma taxxabbli f'dan l-Istat l-ieħor.
§ 2 Madankollu, dawn id-dividendi, jistgħu jiġu intaxxati fl-Istat kontraenti meta l-kumpannija li tagħti d-dividendi hija residenti u skond il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat, iżda t-taxxa hekk stabbilita ma tistax teċċedi:
[…]
b) 15 % ta' l-ammont gross tad-dividendi, fil-każijiet l-oħra kollha."
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
5 Fil-kuntest tad-dikjarazzjoni konġunta tagħhom tad-dħul għas-sena 2000, il-miżżewġin Weidert-Paulus talbu l-benefiċċju ta' ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul, previst fl-Artikolu 129 c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul għall-ammont ta' 120 000 LUF, għas-sottoskrizzjoni minn dawn ta' l-aħħar għal 200 azzjoni ġdida fil-kapital tal-kumpannija Belġjana Interbrew SA; l-ammont ta' din is-sottoskrizzjoni kien ta' 267 743 LUF.
6 L-uffiċċju tat-taxxa kompetenti ma laqax din it-talba għaliex l-investiment fil-kapital ta' kumpannija li mhijiex stabilita fil-Lussemburgu ma jagħtix dritt għall-ħelsien in kwistjoni.
7 Il-miżżewġin Weidert-Paulus appellaw minn din id-deċiżjoni li biha t-talba tagħhom ġiet miċħuda u fin-nuqqas ta' risposta favorevoli, ressqu rikors quddiem it-Tribunal administratif (il-Lussemburgu).
8 B'sentenza tas-16 ta' Diċembru 2002, dan ta' l-aħħar laqa' l-appell, billi kkonstata li l-Artikolu 129 c tal- Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, safejn dan jagħti vantaġġ lill-impriżi li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fil-Lussemburgu meta mqabbla ma' dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta' Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I‑4071, punti 34 sa 36).
9 L-awtoritajiet tat-taxxa appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Cour administrative billi sostnew li l-ewwel awtoritajiet ġudikanti fehmu ħażin il-portata tas-sentenza Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq. Skond l-awtoritajiet tat-taxxa, il-kwistjoni prinċipali għandha, għall-kuntrarju, tkun imqabbla ma' dik li wasslet għas-sentenza tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann (C-204/90, Ġabra p. I‑249), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-koerenza fiskali tiġġustifika trattament fiskali inugwali ta' impriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti.
10 F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour administrative, peress li kienet ta' l-opinjoni li l-kwistjoni li tressqet quddiemha kienet teħtieġ l-interpretazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"[…] l-Artikolu 129 c tal-Liġi emendata ta' l-4 ta' Diċembru 1967 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul fil-verżjoni tagħha applikabbli għas-sena fiskali 2000 li jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet u limiti, ħelsien fiskali lil persuni fiżiċi taxxabbli li jakkwistaw azzjonijiet jew ishma li jkunu kontribuzzjonijiet fi flus fil-kumpanniji kapitali residenti kompletament taxxabbli huwa inkompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital fil-Komunità Ewropea kif stabbilit mill-Artikolu 56(1) tat-Trattat KE, b'kunsiderazzjoni għar-restrizzjonijiet magħmula għal dan il-prinċipju b'mod partikulari mill-Artikolu 58(1)(a), tat-Trattat KE?"
Fuq id-domanda preliminari
11 Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56(1)(a) KE u 58(1)(a) jipprekludux dispożizzjoni leġiżlattiva ta' Stat Membru, li teskludi l-għoti ta' ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul lil persuni fiżiċi għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ishma li jkunu kontribuzzjonijiet fi flus f'kumpanniji kapitali stabbiliti fi Stati Membri oħra.
12 L-ewwel nett, huwa importanti li jitfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri, dawn ta' l-aħħar għandhom madankollu jeżerċitawha b'osservanza tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tal-11 ta' Awwissu 1995, Wielockx, C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16; Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32, u ta' l-4 ta' Marzu 2004, il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).
13 Fil-fatt, dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-effett li tiskoraġġixxi liċ-ċittadini ta' l-Istat Membru kkonċernat milli jinvestu l-kapital tagħhom f'kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor (ara, b'analoġija, s-sentenza Verkooijen, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34). Issa, kif jirriżulta mit-titolu stess tal-Liġi tat-22 ta' Diċembru 1993, l-għan tagħha huwa li "tippromwovi l-investiment fl-interess ta' l-iżvilupp ekonomiku" u mix-xogħol preparatorju ta' l-Artikolu 129 c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li saret referenza għalih kemm mill-miżżewġin Weidert‑Paulus kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mingħajr ma' saret ebda kontestazzjoni mill-Gvern Lussemburgiż, jirriżulta li d-dispożizzjoni in kwistjoni hija intiża sabiex tippromwovi l-investiment ta' individwi f'kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali taghhom fil-Lussemburgu.
14 Dispożizzjoni bħal din tipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward ta' kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra f'dak illi tikkostitwixxi, fir-rigward tagħhom, ostaklu għall-ġbir ta' kapital fil-Lussemburgu f'dak illi l-akkwist ta' azzjonijiet jew ta' ishma tagħhom huwa inqas attraenti minn dak ta' azzjonijiet jew ta' ishma f'kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dan l-Istat Membru (ara, b'analoġija, s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Verkooijen, punt 35, u l-Kummissjoni vs Franza, punt 24).
15 F'dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fatt li Stat Membru jissuġġetta l-għoti ta' ħelsien mit-taxxa fuq id-dħul imposta fuq persuni fiżiċi għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ishma li jkunu kontribuzzjoni fi flus f'kumpanniji kapitali għall-kundizzjoni li dawn ta' l-aħħar ikollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fl-imsemmi Stat, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita mill-Artikolu 56 KE.
16 Jirriżulta mid-dokumenti annessi ma' l-osservazzjonijiet ipprezentati mill-miżżewġin Weidert-Paulus quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ġiet emendata b'Liġi tal-21 ta' Diċembru 2001, li temenda ċerti dispożizzjonijiet fir-rigward ta' taxxi diretti u indiretti (Mémorial A 2001, p. 3312), billi tneħħi gradwalment, il-ħelsien mit-taxxa matul il-perijodu ta' bejn is-sena 2002 sas-sena 2005. Indipendentement minn dan l-iżvilupp leġiżlattiv, il-Gvern Lussemburgiż ikkunsidra li l-Artikolu 129 c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, huwa madankollu ġġustifikat. Skond hu, l-Artikolu 58(1)(a) KE jippermetti lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma jinstabux fl-istess sitwazzjoni f'dak li jikkonċerna r-residenza tagħhom jew il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit, sakemm dawn id-differenzi jkunu oġġettivament iġġustifikati jew jistgħu jkunu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, speċjalment għall-koerenza tas-sistema fiskali.
17 L-Artikolu 129 c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul huwa intiż, ġustament, sabiex jiggarantixxi din il-koerenza. Fil-fatt, il-vantaġġ fiskali, li jikkonsisti fil-ħelsien mit-taxxa imposta fuq l-akkwist ta' azzjonijiet jew ta' ishma f'kumpanniji stabbiliti fil-Lussemburgu, huwa kkumpensat bit-tassazzjoni tad-dividendi li dawk il-kumpanniji jqassmu ulterjorment. Għall-kuntrarju, fil-każ ta' investiment f'kumpannija li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fil-Belġju, bħal fil-kawża prinċipali, it-tassazzjoni ta' dividendi hija mnaqqsa bi 15% minħabba t-tassazzjoni fis-sors ta' dan l-istess ammont mill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani, skond il-Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja. F'dan il-każ, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għaldaqstant jirrinunzja għal parti mit-taxxa, li mhuwiex il-każ għad-dividendi mqassma mill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dan l-Istat Membru. Hemm għalhekk rabta diretta, fir-rigward ta' l-istesss persuna taxxabbli bejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali u l-kumpens ta' dan il-vantaġġ permezz ta' imposta fiskali ulterjuri, magħmula fil-kuntest ta' l-istess taxxa, eżattament bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Bachmann, iċċitata iktar 'il fuq.
18 Skond il-miżżewġin Weidert-Paulus u l-Kummissjoni, dan l-argument mhuwiex fondat. L-Artikolu 58(1), KE għandu jinqara flimkien mal-paragrafu 3 ta' l-istess dispożizzjoni, li jeħtieġ li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux la mezz ta' diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija għall-moviment liberu tal-kapital. F'dan il-każ, id-diskriminazzjoni magħmula bejn il-persuni taxxabbli skond jekk l-uffiċċju prinċipali tal-kumpanniji kkonċernati jinstabx f'wieħed jew l-ieħor taż-żewġ Stati Membri in kwistjoni hija ċara.
19 Il-ħelsien ipprovdut fl-Artikolu 129 c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul huwa barra minn hekk marbut biss ma' l-akkwist ta' azzjonijiet jew ishma u ma jiddependi bl-ebda mod fuq tqassim ulterjuri ta' dividendi. Fil-fatt, f'ħafna każijiet, qatt ma sar tqassim ta' dividendi. Barra minn hekk, fil-Lussemburgu, matul il-perijodu ta' tassazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dħul tal-kapital kien jiġi eżentat mit-taxxa sal-limitu ta' 120 000 LUF u suġġett għat-taxxa ta' massimu 50 % biss meta dan kien jeċċedi dan l-ammont, b'tali mod li huwa biss fil-każ fejn sar investiment kbir ħafna li taxxa kienet dovuta. Il-qligħ f'forma ta' dividendi ta' investiment ekwivalenti għall-ħelsien in kwistjoni jkun madankollu estremament baxx; fil-fatt il-miżżewġin Weidert-Paulus fl-2002 kienu rċevew dividend li jammonta għal 28 EUR, filwaqt li l-investiment li sar minnhom kien ta' 267 743 LUF. Rinunzja mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għat-tassazzjoni ta' 15 % fuq is-somma ta' 28 EUR hija għalhekk insinjifikanti meta mqabbla ma' l-ammont tal-ħelsien mit-taxxa.
20 F'dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li l-bżonn li tiġi garantita l-koerenza tas-sistema fiskali jista' jiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattati (sentenzi Bachmann, iċċitata altar 'il fuq, punt 28, u tat-28 ta' Jannar 1992, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-300/90, Ġabra p. I-305, punt 21), tali eċċezzjoni għar-regola fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv u fil-limiti tal-proporzjonalità. Fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, kien hemm rabta diretta bejn, minn naħa, it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet mħallsa fil-kuntest ta' kuntratti ta' assigurazzjoni għall-anzjanità u fuq il-ħajja u, min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni ta' somom dovuti mill-assiguraturi fl-esekuzzjoni ta' dawn l-imsemmija kuntratti, rabta li kienet neċessarja li tinżamm sabiex titħares il-koerenza fiskali in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-26 ta' Ottubru 1999, Vestergaard, C-55/98, Ġabra, p. I-7641, punt 24, u tal-21 ta' Novembru 2002, X u Y, C-436/00, Ġabra p. I-10829, punt 52).
21 Meta ma jkunx hemm tali konnessjoni, l-argument tal-koerenza fiskali ma jistax jiġi invokat (ara s-sentenzi tat-13 ta' April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 40, u tat-18 ta' Settembru 2003, Bosal, C-168/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).
22 Fil-kawża prinċipali, ma teżistix rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali in kwistjoni, jiġifieri l-ħelsien tad-dħul taxxabbli mogħti lill-persuna taxxabbli residenti fil-Lussemburgu għall-akkwist ta' azzjonijiet jew ta' ishma f'kumpanniji stabbiliti f'dan l-Istat Membru u l-ġbir ta' taxxa kumpensatorja.
23 Fil-fatt, bil-maqlub għal dak li jsostni l-Gvern Lussemburgiż, il-vantaġġ fiskali mhuwiex ikkumpensat bit-tassazzjoni tad-dividendi li dawn il-kumpanniji jqassmu ulterjorment. Minn naħa waħda, ma teżisti ebda garanzija li l-kumpanniji li fihom ikun sar l-investiment li jagħti dritt għall-vantaġġ fiskali in kwistjoni ser iħallsu dividendi li t-tassazzjoni tagħhom tista' tikkumpensa l-vantaġġ mogħti. Min-naħa l-oħra, kif sostnew il-miżżewġin Weidert-Paulus u l-Kummissjoni, anki jekk huma mqassma dividendi lill-benefiċjarji tal-vantaġġ fiskali mill-kumpanniji kkonċernati, l-ammont ta' dak il-vantaġġ jeċċedi bil-kbir l-ammont li jirriżulta mill-intaxxar ulterjuri possibbli tad-dividendi.
24 Bl-istess mod, il-fatt li wieħed ma jistax jibbenefika mill-Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja ma jistax jiġi kkunsidrat bħala żvantaġġ għal individwi li qed jinvestu f'kumpanniji stabbiliti fil-Lussemburgu. F'dan ir-rigward, ir-rinunzja mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu għal parti mit-taxxa fuq id-dividendi bis-saħħa ta' din l-istess Konvenzjoni, li l-Gvern Lussemburgiż jinvoka sabiex jiġġustifika l-ħelsien in kwistjoni, ma jagħti ebda vantaġġ lill-persuna taxxabbli kkonċernata. Fil-fatt, din għandha tħallas l-ammont ta' din it-taxxa lill-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani bħala dħul fis-sors. Il-Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja tevita biss li l-ammont ta' dividendi riċevuti mill-persuna taxxabbli jkunu intaxxati darbtejn, iżda ma tippermettix li tali ammont ma jiġix intaxxat.
25 Fi kwalunkwe każ, anki jekk, fid-dritt Lussemburgiż, kellha teżisti rabta bejn il-vantaġġ fiskali u t-tassazzjoni tad-dividendi, għandu jiġi kkonstatat li l-effett tal-Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kkonkluda mar-Renju tal-Belġju huwa li l-koerenza fiskali hija trasferita fuq il-livell tar-reċiproċità tar-regoli applikabbli fl-Istati kontraenti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Wielockx, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24, u X u Y, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53). Issa, l-imsemmija Konvenzjoni tistabbilixxi reċiproċità fiskali, b'tali mod li, billi rrinunzja għall-15 % ta' l-ammont nett tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji stabbiliti fil-Belġju lil persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul Lussemburgiża, il-Gran Dukat jista' bħala kumpens jiġbor 15 % tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f''dan l-Istat Membru lil persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Belġju.
26 Peress li l-għan tal-Konvenzjoni kontra t-Tassazzjoni Doppja huwa preċiżament li jassigura l-koerenza fiskali, din il-Konvenzjoni ma tistax tiġi invokata bħala sors ta' inkoerenza mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli, li jkollha tiġi rrimedjata permezz ta' l-introduzzjoni tal-ħelsien in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b'analoġija, is-sentenza Wielockx, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).
27 Għalhekk l-interpretazzjoni tal-Gvern Lussemburgiż ibbażata fuq in-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali mhijiex fondata.
28 Għalhekk it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun illi l-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) KE jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva ta' Stat Membru, li teskludi l-għoti ta' ħelsien fiskali lil persuni fiżiċi taxxabbli li jakkwistaw azzjonijiet jew ishma li jkunu kontribuzzjonijiet fi flus f'kumpanniji kapitali stabbiliti fi Stati Membri oħra.
Fuq l-ispejjeż
29 L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Lussemburgiż u mill-Kummissjoni, għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma qudddiem il-qorti ta' rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),
fuq id-domanda li saritilha mill-Cour administrative, permezz ta' sentenza tat-3 ta' Ġunju 2003, taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikoli 56(1) KE u 58(1)(a) jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva ta' Stat Membru, li teskludi l-għoti ta' ħelsien fiskali lil persuni fiżiċi taxxabbli li jakkwistaw azzjonijiet jew ishma li jkunu kontribuzzjonijiet fi flus f'kumpanniji kapitali stabbiliti fi Stati Membri oħra.
Jann |
Rosas |
Silva de Lapuerta |
Moghtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-15 ta' Lulju 2004.
R. Grass |
P. Jann |
Reġistratur |
Il-President ta' l-Ewwel Awla |
* Lingwa tal-kawża:il-Franċiż