Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0231

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta' Lulju 2005.
Consorzio Aziende Metano (Coname) vs Comune di Cingia de' Botti.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - l-Italja.
Artikoli 43 KE, 49 KE u 81 KE - Konċessjoni relatata mat-tmexxija ta' servizz pubbliku ta' distribuzzjoni tal-gass.
Kawża C-231/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:487

62003J0231



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-231/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Frar 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta' Mejju 2003, fil-kawża

Consorzio Aziende Metano (Coname)

vs

Comune di Cingia de' Botti,

fil-preżenza ta':

Padania Acque SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas, R. Silva de Lapuerta u A. Borg Bathet, Presidenti ta' Awla, R. Schintgen, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, G. Arestis, M. Ilei, J. Malenovsk u J. Kluka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-1 ta' Marzu 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

- għall-Consorzio Aziende Metano (Coname), minn M. Zoppolato, avvocato,

- għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

- għall-Gvern Olandiż, minn D. J. M. de Grave, bħala aġent,

- għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

- għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, K. Wiedner u C. Loggi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 81 KE.

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-Consorzio Aziende Metano (iktar 'il quddiem "Coname") u l-comune di Cingia de' Botti (il-Komun ta' Cingia de' Botti) li tirrigwarda l-assenjazzjoni minn din ta' l-aħħar lil Padania Acque SpA (iktar 'il quddiem, "Padania") tas-servizz ta' tmexxija, distribuzzjoni u manutenzjoni ta' l-impjanti ta' distribuzzjoni tal-gass tal-metanu.

Il-Qafas Ġuridiku

3. Skond l-Artikolu 22(3) tal-liġi Nru 142, dwar l-organizzazzjoni ta' l-awtoritajiet awtonomi lokali (legge n° 142, recante ordinamento delle autonomie locali) tat-8 ta' Ġunju 1990 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 135, tat-12 ta' Ġunju 1990, iktar 'il quddiem "il-liġi Nru 142/1990"), servizz bħal dak ta' tmexxija, distribuzzjoni u manutenzjoni ta' l-impjanti ta' distribuzzjoni tal-gass tal-metanu jista' jingħata mill-entità pubblika stess, permezz ta' konċessjonijiet lil terzi persuni, jew billi jitqabbdu impriżi terzi jew ukoll, skond l-imsemmi Artikolu 22(3)(e), "permezz ta' public limited companies jew kumpanniji ta' responsabbiltà limitata li l-biċċa l-kbira tal-kapital tagħhom ikun pubbliku u lokali u sottoskritt jew miżmum mill-entità li tipprovdi s-servizz pubbliku u, jekk xieraq minħabba n-natura jew il-firxa tat-territorju tas-servizz, miżmum minn diversi entitajiet pubbliċi jew privati".

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

4. Coname kienet ikkonkludiet kuntratt mal-comune di Cingia de' Botti għall-assenjazzjoni tas-servizz ta' manutenzjoni, tmexxija u monitoraġġ tan-netwerk tal-gass tal-metanu għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1999 u l-31 ta' Diċembru 2000.

5. Permezz ta' ittra tat-30 ta' Diċembru 1999, l-imsemmi Komun informa lil Coname li, b'deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1999, il-kunsill muniċipali kien fada lil Padania bis-servizz ta' tmexxija, distribuzzjoni u manutenzjoni ta' l-impjanti ta' distribuzzjoni tal-gass tal-metanu għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 u l-31 ta' Diċembru 2005. Il-biċċa l-kbira tal-kapital ta' Padania huwa pubbliku, miżmum mill-Provinċja ta' Cremona u mill-komuni kważi kollha ta' dik il-Provinċja. L-Komun ta' Cingia de' Botti jżomm 0.97% tal-kapital ta' din il-kumpannija.

6. Is-servizz in kwistjoni fil-kawża prinċipali ġie fdat lil Padania permezz ta' assenjazzjoni diretta, skond l-Artikolu 22(3)(e) tal-liġi Nru 142/1990.

7. Coname, li qed titlob lill-qorti tar-rinviju, b'mod partikolari, li tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta' Diċembru 1999, issostni li l-assenjazzjoni ta' l-imsemmi servizz kellu jsir permezz ta' sejħa għal offerti.

8. Peress illi sabiex il-kawża quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia tiġi deċiża teħtieġ li tingħata interpretazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, l-imsemmi Tribunal iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"L-Artikoli 43 [KE], 49 [KE] u 81 KE, li rispettivament jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għal-libertà ta' l-istabbiliment ta' ċittadini ta' Stat Membru fit-territorju ta' Stat Membru ieħor u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta' ċittadini ta' l-Istati Membri, kif ukoll il-prattiċi kummerċjali u tal-kumpanniji, li jistgħu jipprevjenu, jirrestrinġu jew jirriżultaw f'distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, jipprekludu l-assenjazzjoni diretta, jiġifieri mingħajr sejħa għal offerti, tat-tmexxija tas-servizz pubbliku ta' distribuzzjoni tal-gass lil kumpannija li parti mill-kapital tagħha jkun miżmum minn komun, kull darba li l-imsemmija żamma ta' kapital azzjonarju tkun tali li ma tippermetti l-ebda kontroll dirett fuq it-tmexxija nnifisha, u, konsegwentement, għandu jingħad li, kif inhu l-każ hawnhekk, fejn il-kapital miżmum jammonta għal 0.97%, ma jkunux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet essenzjali għal tmexxija in-house ?"

Fuq id-domanda preliminari

9. Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tidher li tirrigwarda, kif jirriżulta mit-tweġiba li tat il-qorti tar-rinviju għal talba għal kjarifika magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 104(5) tar-Regoli ta' Proċedura tagħha, servizz deskritt bħala wieħed ta' konċessjoni, li ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni kemm tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993, [li tikkoordina l-proċeduri ta' l-għoti tal-kuntratti fis-setturi] ta' l-ilma, ta' l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU L 199, p. 84) (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 56, u d-digriet tat-30 ta' Mejju 2002, Buchhändler-Vereinigung, C-358/00, Ġabra p. I-4685, punt 28).

10. Għaldaqstant, din is-sentenza hija bbażata fuq il-premessa li l-kawża prinċipali tikkonċerna l-assenjazzjoni ta' konċessjoni, premessa li hija f'idejn il-qorti tar-rinviju li tivverifikaha.

11. Issa li dan ġie ppreċiżat, il-qorti tar-rinviju titlob, permezz tad-domanda tagħha, li tingħata interpretazzjoni ta' l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 81 KE.

Fuq l-Artikolu 81 KE

12. Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 81 KE, li japplika, skond kliemu stess, għal ftehim "bejn impriżi", ma jikkonċernax, bħala prinċipju, il-kuntratti ta' konċessjoni li jiġu konklużi bejn komun li jaġixxi bħala awtorità pubblika u l-konċessjonarja inkarigata li tagħti servizz pubbliku (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-4 ta' Mejju 1988, Bodson, 30/87, Ġabra p, 2479, punt 18).

13. Għalhekk, kif ġustament ġie rrilevat mill-Ġvern Finlandiż u mill-Kummissjoni, l-imsemmija dispożizzjoni m'hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, kif deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju.

14. Għaldaqstant, m'hemmx għalfejn tingħata tweġiba għad-domanda fuq dan il-punt.

Fuq l-Artikoli 43 KE u 49 KE

15. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludux li komun jeffettwa assenjazzjoni diretta, jiġifieri mingħajr sejħa għal offerti, ta' konċessjoni relatata mat-tmexxija tas-servizz pubbliku ta' distribuzzjoni tal-gass lil kumpannija li l-biċċa l-kbira tal-kapital tagħha ikun pubbliku u li fiha dik l-komun iżomm 0.97% tal-kapital.

16. Għandu jiġi mfakkar li l-assenjazzjoni ta' tali konċessjoni m'huwa rregolat minn ebda waħda mid-Direttivi li bihom il-leġiżlatur Komunitarju rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Fin-nuqqas ta' tali leġiżlazzjoni, il-konsegwenzi tad-dritt Komunitarju dwar l-assenjazzjoni ta' dawn il-konċessjonijiet għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-leġiżlazzjoni primarja u, b'mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali pprovduti fit-Trattat.

17. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, safejn impriża li tinsab fi Stat Membru li m'huwiex dak tal-Komun ta' Cingia de' Botti tista' wkoll tinteressa ruħha fl-imsemmija konċessjoni, l-assenjazzjoni, fin-nuqqas ta' kwalunkwe trasparenza, ta' din il-konċessjoni lil impriża li tinsab fl-Istat Membru ta' l-imsemmi Komun tikkostitwixxi differenza ta' trattament bi ħsara għall-impriża li tinsab fl-Istat Membru l-ieħor (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61).

18. Fil-fatt, fin-nuqqas ta' kwalunkwe trasparenza, din l-impriża ta' l-aħħar m'għandha l-ebda opportunità reali biex turi l-interess tagħha biex tikseb l-imsemmija konċessjoni.

19. Sakemm ma tkunx iġġustifikata permezz ta' ċirkustanzi oġġettivi, tali differenza ta' trattament, billi teskludi l-impriżi kollha li jinsabu fi Stat Membru ieħor, taħdem prinċiparjament bi ħsara ta' dawn ta' l-aħħar, u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità, li hija pprojbita skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE (ara b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-10 ta' Marzu 1993, il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu, C-111/91, Ġabra p. I-817, punt 17; tat-8 ta' Ġunju 1999, Meeusen, C-337/97, Ġabra p. I-3289, punt 27, u tas-26 ta' Ottubru 1999, Eurowings Luftverkehr, C-294/97, Ġabra p. I-7447, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20. Għal dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali, ma jirriżultax mill-proċess li minħabba f'xi ċirkustanzi partikolari, bħal per eżempju interessi ekonomiċi pjuttost żgħar, jista' raġonevolment jingħad li impriża li tinsab fi Stat Membru li m'huwiex dak li għalih jappartjeni l-Komun ta' Cingia de' Botti ma tkunx interessata fil-konċessjoni in kwistjoni u li l-effetti fuq il-libertajiet fundamentali kkonċernati għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala inċerti u indiretti wisq biex eventwalment jiġi konkluż li dawn il-libertajiet ġew ivvjolati (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta' Marzu 1990, Krantz, C-69/88, Ġabra p. I-583, punt 11; u tal-21 ta' Settembru 1999, BASF, C-44/98, Ġabra p. I-6269, punt 16, kif ukoll id-digriet tat-12 ta' Settembru 2002, Mertens, C-431/01, Ġabra p. I7073, punt 34).

21. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-assenjazzjoni tal-konċessjoni mill-Komun ta' Cingia de' Botti lil Padania tissodisfax ċerti kundizzjonijiet ta' trasparenza li, mingħajr ma neċessarjament jimplikaw li jeżisti obbligu li ssir sejħa għal offerti, huma, b'mod partikolari, ta' natura li jippermettu li impriża li tinsab fit-territorju ta' Stat Membru li m'huwiex dak tar-Repubblika Taljana tkun tista' taċċedi għal informazzjoni adegwata dwar l-imsemmija konċessjoni qabel ma din tiġi assenjata b'mod li, kieku din l-impriża riedet, hija setgħet turi l-interess tagħha biex tikseb din il-konċessjoni.

22. Jekk dan ma jkunx il-każ, għandu jiġi konkluż li kien hemm differenza ta' trattament bi ħsara ta' l-imsemmija impriża.

23. Għal dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw tali differenza ta' trattament, għandu jiġi rrilevat li l-fatt waħdu li l-Komun ta' Cingia de' Botti jżomm 0.97% tal-kapital ta' Padania ma jikkostitwixxix waħda miċ-ċirkustanzi oġġettivi.

24. Fil-fatt, anki kieku l-ħtieġa tal-Komun li jeżerċita kontroll fuq il-konċessjonarju li jmexxi servizz pubbliku tista' tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva li tista' tiġġustifika xi differenza eventwali ta' trattatment, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċifra ta' 0.97% tal-kapital miżmum mill-Komun tant hija żgħira li ma tippermettix kontroll ta' dan it-tip, kif intqal mill-qorti tar-rinviju stess.

25. Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan sostna, essenzjalment, li, għall-kuntrarju ta' wħud mill-ibliet il-kbar ta' l-Italja, il-maġġoranza tal-komuni m'għandhomx il-mezzi biex jipprovdu, permezz ta' strutturi interni, servizzi pubbliċi bħal dak tad-distribuzzjoni tal-gass fit-territorju tagħhom, u jsibu ruħhom marbutin biex jirrikorru għal strutturi, bħal dik ta' Padania, li l-kapital tagħhom ikun miżmum minn diversi komuni.

26. F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li struttura bħal dik ta' Padania m'għandiex tiġi assimilata ma' struttura li tintuża minn komun jew belt biex jmexxu servizz pubbliku fuq livell intern. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess, Padania hija kumpannija miftuħa, għall-inqas parzjalment, għall-kapital privat, ħaġa li tipprekludi li tiġi kkunsidrata bħala struttura ta' tmexxija "interna" ta' servizz pubbliku f'isem l-komuni li jżommu kapital fiha.

27. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiet mgħarrfa b'ebda ċirkustanza oġġettiva oħra li tista' tiġġustifika xi differenza eventwali ta' trattament.

28. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu, f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li komun jeffettwa assenjazzjoni diretta ta' konċessjoni relatata mat-tmexxija tas-servizz pubbliku ta' distribuzzjoni tal-gass lil kumpannija li l-biċċa l-kbira tal-kapital tagħha jkun pubbliku u li fiha l-imsemmi komun iżomm 0.97% tal-kapital, jekk din l-assenjazzjoni ma tissodisfax ċerti kundizzjonijiet ta' trasparenza li, mingħajr ma neċessarjament jimplikaw li jeżisti obbligu li ssir sejħa għal offerti, huma, b'mod partikolari, ta' natura li jippermettu li impriża li tinsab fit-territorju ta' Stat Membru li m'huwiex dik ta' l-imsemmi komun tkun tista' taċċedi għal informazzjoni adegwata dwar l-imsemmija konċessjoni qabel ma din tiġi assenjata b'mod li, kieku din l-impriża riedet, hija setgħet turi l-interess tagħha biex tikseb din il-konċessjoni.

Fuq l-ispejjeż

29. Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludu, f'ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li komun jeffettwa assenjazzjoni diretta ta' konċessjoni relatata mat-tmexxija tas-servizz pubbliku ta' distribuzzjoni tal-gass lil kumpannija li l-biċċa l-kbira tal-kapital tagħha ikun pubbliku u li fiha l-imsemmi komun iżomm 0.97% tal-kapital, jekk din l-assenjazzjoni ma tissodisfax ċerti kundizzjonijiet ta' trasparenza li, mingħajr ma neċessarjament jimplikaw li jeżisti obbligu li ssir sejħa għal offerti, huma, b'mod partikolari, ta' natura li jippermettu li impriża li tinsab fit-territorju ta' Stat Membru li m'huwiex dak ta' l-imsemmi komun tkun tista' taċċedi għal informazzjoni adegwata dwar l-imsemmija konċessjoni qabel ma din tiġi assenjata b'mod li, kieku din l-impriża rie det, hija setgħet turi l-interess tagħha biex tikseb din il-konċessjoni.

Top