EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0220

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-8 ta' Diċembru 2005.
il-Bank Ċentrali Ewropew vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej - Ftehim fuq is-sede tal-Bank Ċentrali Ewropew - Klawżola ta' arbitraġġ - Immobbli mikrija mill-BĊE - Taxxi indiretti li għandhom effett fuq il-prezz tal-kirjiet.
Kawża C-220/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:748

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

8 ta' Diċembru 2005 (*)

Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej – Ftehim fuq is-sede tal-Bank Ċentrali Ewropew – Klawżola ta' arbitraġġ – Immobbli mikrija mill-BĊE – Taxxi indiretti li għandhom effett fuq il-prezz tal-kirjiet"

Fil-kawża C‑220/03

li għandha bħala suġġett rikors skond l-Artikolu 238 KE, imressaq fil-21 ta' Mejju 2003,

Il-Bank Ċentrali Ewropew, irrappreżentat minn C. Zilioli u M. Benisch, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann u M. Selmayr, Rechtsanwälte, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Germanja, irrappreżentata minn U. Forsthoff, bħala aġent, assistit minn W. Hölters, Rechtsanwalt,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Schiemann (Relatur), K. Lenaerts, E. Juhász u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix‑Hackl,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Ġunju 2005,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-13 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) essenzjalment jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija obbligata tħallsu lura, għall-kunsinni kollha ta' oġġetti u għall-provvista ta' servizzi li hu għandu bżonn għall-użu uffiċjali tiegħu fil-Ġermanja, u b'mod partikolari għall-kirjiet kollha ta' immobbli, għall-ammonti ta' taxxa fuq il-fatturat li jistgħu jiġu ppruvati jew li analiżi ekonomika raġonevoli twassal għall-konklużjoni li dawn huma inklużi fil-prezzijiet imħallsa minn din l-istituzzjoni. Barra tali dikjarazzjoni ta' prinċipju, il-BĊE jitlob li dan l-Istat Membru jiġi kkundannat iħallsu lura l-ammont ta' EUR 8 794 023.37 fir-rigward ta' l-imsemmija taxxa inkluża fil-kirjiet imħallsa minnu u ta' EUR 1 925 689.23 fir-rigward ta' l-istess taxxa inkluża fi spejjeż addizzjonali u diversi xogħolijiet relatati ma' l-istess kirjiet.

 Il-kuntest ġuridiku

2       Il-BĊE jibbaża t-talbiet tiegħu, magħmula skond klawżola ta' arbitraġġ li tinsab fil-Ftehim tat-18 ta' Settembru 1998 konkluż bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar is-sede ta' din l-istituzzjoni (BGB1. 1998 II, p. 2745, iktar 'il quddiem "il-Ftehim fuq is-sede"), fuq l-Artikolu 8(1), ta' l-imsemmi Ftehim, interpretat fid-dawl tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 23 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965 (ĠU 1967, 152, p. 13, iktar 'il quddiem "il-Protokoll").

3       L-Artikolu 291 KE jipprovdi:

"Il-Komunità għandha tgawdi fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-pivileġġi u l-immunitajiet li jkunu meħtieġa għat-twettieq tad-doveri tagħha, skond il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fil-Protokoll tat-8 ta’April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. L-istess għandu japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istitut Monetarju Ewropew, u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment."

 Il-Protokoll

4       It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll jipprovdi:

"Il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom, kull meta possibbli, jieħdu l-miżuri xierqa biex jirrinunzjaw għal jew iħallsu lura l-ammont ta’ taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, meta l-Komunitajiet jagħmlu, għall-użu uffiċjali tagħhom, xirjiet sostanzjali li l-prezz tagħhom ikun jinkludi taxxi ta’ din ix-xorta. Dawn id-disposizzjonijiet m’għandhomx japplikaw, madankollu, b' mod illi jkollhom l-effett li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan il-Komunitajiet".

5       L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 23 tal-Protokoll jipprovdi li dan ta' l-aħħar japplika għall-BĊE.

 Il-Ftehim fuq is-sede

6        Skond il-ħames premessa tal-preambolu tiegħu, il-Ftehim fuq is-sede għandu bħala għan li "jiddefinixxi l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Bank Ċentrali Ewropew fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond il-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej".

7       L-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede jipprovdi:

"B'applikazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll, il-Bundesamt für Finanzen [Uffiċċju Federali tal-Finanzi] għandu jħallas lura, meta ssir talba, fuq il-bażi tad-dħul li jkun ġej mit-taxxa fuq il-fatturat, it-taxxa fuq il-fatturat iffatturata separatament minn impriżi lill-BĊE għall-kunsinna ta' oġġetti u għad- diversi servizzi li dawn jipprovdu lill-BĊE, meta dawn l-operazzjonijiet ikunu intiżi għall-użu uffiċjali tal-BĊE. L-ammont ta' taxxa għal dawn l-operazzjonijiet irid ikun ta' iktar minn DEM 50 f'kull każ u jkun tħallas lill-impriża mill-BĊE. [...]"

8       L-Artikolu 21 tal-Ftehim fuq is-sede jipprovdi l-klawżola ta' arbitraġġ li ġejja:

"Kull nuqqas ta' ftehim bejn il-Gvern [tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja] u l-BĊE fir-rigward ta' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim, li ma jistax jiġi solvut direttament mill-partijiet tal-Ftehim, jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej minn kull waħda mill-partijiet, skond l-Artikolu 35.4 ta' l-Istatuti tas-SEBĊ [Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew]."

 L-Istatuti tas-SEBĊ

9       L-Artikolu 35.4 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew anness mat-Trattat KE (iktar 'il quddiem "l-Istatuti tas-SEBĊ") jiddisponi kif ġej:

"Il-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tagħti sentenza skond kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ f'kuntratt konkluż minn jew għan-nom tal-Bank Ċentrali Ewropew, kemm jekk dak il-kuntratt ikun irregolat bid-dritt pubbliku kemm bid-dritt privat."

 Id-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-fatturat

10     Il-liġi fuq l-impożizzjoni ta' taxxa fuq il-fatturat (Umsatzsteuergesetz), fil-verżjoni, relevanti għal din il-kawża, tad-9 ta' Ġunju 1999 (BGB1, 1999 I, p. 1270, iktar 'il quddiem "UStG"), hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Ġermaniż id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1, iktar 'il quddiem "is-Sitt Direttiva").

11     Skond l-Artikolu 4(12)(A), tal-UStG, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 13(B)(b) tas-Sitt Direttiva, il-kiri ta' propjeta immobbli huwa eżentat mit-taxxa fuq il-fatturat. Din l-eżenzjoni hija estiża għas-servizzi kollha anċillari għall-kirjiet u, b'mod partikolari, għall-ispejjeż li sid il-kera jitlob minngħand il-kerrej skond il-kuntratt tal-kera.

12     L-Artikolu 9(1) tal-UStG, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 13(C) tas-sitt Direttiva, jipprevedi l-possibbiltà li tiġi kkunsidrata bħala soġġetta għall-imsemmija taxxa operazzjoni li normalment tkun eżentata skond l-Artikolu 4(12)(a) ta' din l-istess Liġi jekk din l-operazzjoni titwettaq favur imprenditur li jwettaq operazzjonijiet li anke dawn ikunu soġġetti għat-taxxa fuq il-fatturat u li jippermettu t-tnaqqis tat-taxxa mħallsa bil-quddiem.

13     Il-BĊE m'għandux il-kwalità ta' imprenditur skond id-dritt fiskali Ġermaniż u konsegwentement is-sidien ta' immobbli mikrija minnu ma jibbenefikawx mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 9(1) tal-UStG li jiġu trattati bħala operazzjonijiet soġġetti għall-imsemmija taxxa l-kirjiet ta' immobbli lil din l-istituzzjoni u l-provvista ta' servizzi anċillari għal tali operazzjonijiet. Barra minn hekk, din l-għażla għall-assoġġettament, hija wkoll eskluża mid-dritt Ġermaniż għaliex il-BĊE, bħal-banek u l-kumpanniji ta' assigurazzjoni fis-settur privat, iwettaq biss operazzjonijiet li jeskludu t-tnaqqis tat-taxxa mħallsa bil-quddiem.

14     Skond l-Artikolu 15(1) tal-UStG, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, l-imprendituri li jwettqu operazzjonijiet soġġetti għat taxxa fuq il-fatturat li hija imposta fuqhom jistgħu jnaqqsu minnha l-ammont ta' dak li huma kienu ħallsu bil-quddiem lill-fornituri tagħhom għas-servizzi intermedjarji. Madankollu, huma m'għandhomx din il-possibbiltà f'dak li jikkonċerna operazzjonijiet eżenti, bħal mhuma, skond l-Artikolu 4(12)(a) tal-UStG, il-kiri ta' immobbli u l-provvista ta' servizzi anċillari għal dik il-kirja, għaliex f'dan il-każ, ebda taxxa fuq il-fatturat mhija imposta u għalhekk ebda tnaqqis mhuwa possibbli.

 Il-kuntest fattwali

15     Il-BĊE jikri diversi immobbli ġewwa Frankfurt (il-Ġermanja), il-belt li fiha tinsab is-sede uffiċjali tiegħu. Iż-żewġ immobbli prinċipali huma:

–       il-bini Eurotowers, li jinsab f'Kaiserstraße 29 (iktar 'il quddiem "il-Eurotower"), u

–       il-bini Eurotheum, li jinsab f'Neue Mainzer Straße u f'Junghofstraße (iktar 'il quddiem "il-Eurotheum").

16     Huwa kostanti li, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(12)(a) tal-UStG il-kiri ta' dawn l-immobbli huwa eżentat mit-taxxa fuq il-fatturat. Bl-istess mod, skond il-prinċipju li provista ta' servizzi anċillari ssegwi l-istess sistema bħall-provvista ta' servizzi prinċipali, l-ispejjeż relatati ma' dawn il-kirjiet (spejjeż ta' manutenzjoni, elettriku, ilma, assigurazzjoni, etc., iktar il-quddiem "l-ispejjeż") huma wkoll eżenti minn din it-taxxa. Konsegwentement, is-sidien il-kera li jikru immobbli lill-BĊE u li jġestixxu l-ispejjeż marbuta magħhom ma jiffatturawx taxxa fuq il-fatturat lil din l-istituzzjoni għal dawn l-operazzjonijiet.

17     Sidien il-kera huma wkoll soġġetti għat-taxxa fuq il-fatturat f'dak li jirrigwarda l-provista ta' servizzi anċillari kollha marbuta ma' l-immobbli li huma jikru (xogħolijiet ta' kostruzzjoni, ta' tagħmir, ta' manutenzjoni, kif ukoll l-ispejjeż ta' l-eletriku, ta' l-ilma, ta' l-assigurazzjoni, etc. iktar 'il quddiem "l-operazzjonijiet bil-quddiem". Jekk il-kirja mogħtija minn sid il-kera hija soġġetta għal tali taxxa, huwa kostanti li dan ta' l-aħħar jista', b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(1) tal-UStG, inaqqas mit-taxxa li huwa għandu jħallas għall-operazzjonijiet taxxabbli tiegħu l-ammonti tat-taxxa li huwa stess ħallas fuq l-operazzjonijiet magħmula bil-quddiem (iktar 'il quddiem "taxxa bil-quddiem"). B'hekk huwa jkun jista' jirkupra dan l-ammont.

18     Għal din ir-raġuni, sidien il-kera għandhom interess li jużaw din l-għażla, li hija mogħtija lilhom b' applikazzjoni ta' l-Artikolu 9(1) tal-UStG, sabiex jitrattaw bħala operazzjoni soġġetta għat-taxxa fuq il-fatturat kirja li normalment tkun eżentata minn din it-taxxa. Fil-każ li din l-għażla hija disponibbli għal sid il-kera, jiġifieri meta kirjiet jiġu magħmula favur kerrejja li huma imprendituri u li jwettqu huma stess operazzjonijiet taxxabbli, il-kerrej jista' umbgħad huwa stess inaqqas l-ammont tat-taxxa fuq il-fatturat imposta fuq il-kirja minn dik it-taxxa li huwa obbligat iħallas fuq operazzjonijiet li huwa jwettaq. Il-kerrej jista' għalhekk, fil-prinċipju, jirkupra l-ammont tat-taxxa mħallsa fuq l-ammont tal-kirja u l-fatt li sid il-kera jkun għażel l-assoġġettament m'għandu ebda konsegwenza finanzjarja negattiva fir-rigward ta' dan il-kerrej.

19     Skond il-BĊE, ir-riżultat ta' din is-sistema ta' eżenzjonijiet huwa li tobbligah iħallas lis-sidien il-kera tiegħu l-ammonti ta' taxxa fuq il fatturat imħallsa minnhom fuq l-operazzjonijiet bil-quddiem tagħhom. Fil-fatt, sidien il-kera jikkalkolaw il-kera skond il-marġni ta' profitt tagħhom u, konsegwentement, jimponu kirjiet għola lil kerrejja bħal BĊE, li fir-rigward tagħhom ma tistax terġa tiġi fatturata din it-taxxa. Għalkemm dawn l-ammonti ma jidrux b'mod separat fuq il-fatturi, huwa possibbli, skond din l-istituzzjoni, li jiġi stabbilit li dawn huma inklużi fil-prezzijiet tal-kirja u ta' l-ispejjeż li jigu fatturati lilha. Din ta' l-aħħar minn dan tiddeduċi li hija, b'mod indirett, qedagħ tħallas taxxa fuq il-fatturat.

20     Ir-Repubblika Federali Ġermaniża tikkontesta li ammonti tat-taxxa fuq il-fatturat huma inklużi fil-prezzijiet tal-kirjiet u ta' l-ispejjeż imħallsa mill-BĊE. Hija tafferma li ħafna kerrejja oħra, b'mod partikolari l-banek u l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni fis-settur privat, jinsabu fl-istess pożizzjoni fiskali bħall-BĊE. Il-prezzijiet tal-kirjiet u ta' l-ispejjeż huma stabbiliti mis-suq u l-BĊE ma ressaq ebda prova li l-kirjiet u l-ispejjeż imħallsa minnu huma miżjuda b'ammonti li effettivament jikkorispondu ma dawk tat-taxxa bil-quddiem mħallsa minn sidien il-kera għall-operazzjonijiet taxxabbli tagħhom fir-rigward tal-kirja.

21     F'ittra tad-9 ta' April 2001, il-Finanzamt Wiesbaden, li huwa l-uffiċju lokali tat-taxxi kompetenti, ċaħad li jilqa' it-talba tal-BĊE intiża sabiex jikseb il-ħlas lura tat-taxxa fuq il-fatturat ikluża, skond dan ta' l-aħħar, f'fatturi ta' kera u ta' spejjeż li ġew mibgħuta lilu mis-sidien il-kera tiegħu. Il-BĊE ikkontesta din iċ-ċaħda billi invoka l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll. Peress li n-nuqqas ta' ftehim bejn l-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi u l-BĊE baqa' għaddej, dan ta' l-aħħar ressaq dan ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

22     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors kemm f'dak li jirrigwarda l-Protokoll kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-Ftehim fuq is-sede.

23     L-ewwelnett, skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-klawżola ta' arbitraġġ imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Ftehim fuq is-sede tapplika espressament u unikament għan-nuqqas ta' ftehim li jirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni "ta' dan il-Ftehim". Għaldaqstant, hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti f'dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Protokoll, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni diretta tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tiegħu, u li r-rikors huwa, f'dan ir-rigward, inammissibbli.

24     Fuq dan il-punt huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif osserva l-BĊE matul is-seduta, li r-rikors mhuwiex intiż sabiex tinkiseb interpretazzjoni jew applikazzjoni diretta tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll iżda jikkonċerna biss l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede, li għandu jiġi interpretat fid-dawl tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll, li tiegħu l-imsemmi Artikolu 8(1) jikkostitwixxi l-implimentazzjoni speċifika f'dan il-kuntest. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, bis-saħħa tal-klawżola ta' arbitraġġ imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Ftehim fuq is-sede, sabiex tinterpreta u tapplika l-Artikolu 8(1) ta' dan il-Ftehim fid-dawl tal-kuntest ġuridiku li minnu din l-aħħar dispożizzjoni tifforma parti.

25     It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-klawżola ta' arbitraġġ, li għandha, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi interpretata b'mod strett, ma tapplikax għal din il-kawża, għaliex ma jeżisti ebda "nuqqas ta' ftehim dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim fuq is-sede". Fil-fatt, hija stess u l-BĊE jaqblu li l-Artikolu 8(1) ta' dan il-Ftehim jipprovdi, skond il-kliem tiegħu, biss għall-ħlas lura tat-taxxa fuq il-fatturat iffatturata b'mod separat u din id-dispożizzjoni għalhekk mhijiex applikabbli peress illi fil-każ in eżami, dan il-każ ma jikkonċernax il-ħlas lura ta' tali taxxa.

26     F'dan ir-rigward, il-BĊE ġustament josserva li, evidentement, jeżisti nuqqas ta' ftehim bejnu u bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hijiex meħtieġa interpretazzjoni iktar wiesa' ta' din id-dispożizzjoni fid-dawl tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll, b'tali mod li dan l-Istat Membru ikun obbligat iħallas lura lill-BĊE it-taxxa fuq il-fatturat mhux biss meta din tiġi fatturata b'mod separat, kif jipprovdi l-kliem ta l-imsemmi Artikolu 8(1), iżda wkoll meta jkun possibbli li jiġi stabbilit, anke fin-nuqqas ta' fatturazzjoni separata, li tali taxxa kienet ġiet, fil-fatt, imħallsa mill-BĊE.

27     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà imqajjma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiġu miċħuda u li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti bis-saħħa ta' l-Artikolu 21 tal-Ftehim fuq is-sede, moqri flimkien ma' l-Artikoli 238 KE u 35(4) ta' l-Istatuti tas-SEBĊ, sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors tal-BĊE.

 Fuq il-mertu

28     Huwa kostanti li l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede jipprovdi, skond l-istess termini ta' din id-dispożizzjoni, biss għall-ħlas lura tat-taxxa fuq il-fatturat "iffatturata separatament" [...] għall-kunsinni ta' oġġetti u għad-diversi servizzi" pprovduti lill-BĊE. Huwa wkoll kostanti li ebda taxxa fuq il-fatturat mhija imposta fuq l-imsemmija kunsinni u servizzi pprovduti u li, għaldaqstant, ebda taxxa ma tista' tiġi ffatturata separatament "għal" dawn il-kunsinni u servizzi pprovduti.


29     Il-BĊE madankollu josserva li, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll, l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede ma jipprovdix biss għall-ħlas lura tat-taxxa fuq il-fatturat iffatturata separatament, iżda wkoll għall-ħlas lura ta' kull taxxa fuq il-fatturat inkluża fil-prezzijiet imħallsa mill-BĊE u, għaldaqstant, tat-taxxa fuq il-fatturat sostnuta indirettament minn din l-istituzzjoni minħabba l-effetti ta' din it taxxa fuq il-prezz tal-kirjiet fatturat mis-sidien il-kera tiegħu, u dan indipendentemet mill-fatt jekk din il-fatturazzjoni saritx separatament jew le. Dan jirriżulta mill-fatt li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll jipprovdi espliċitament għal ħlas lura tat-taxxa fuq il-fatturat mill-Istati Membri "kull darba li jkun possibbli għalihom" u barra minn hekk dan jeżiġi wkoll, b'mod ġenerali, il-ħlas lura "ta' l-ammont ta' taxxi indiretti [...] inklużi fil-prezz ta' beni immobbli jew mobbli".

30     Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

31     L-Artikolu 8(1) tal-Ftehim fuq is-sede, espliċitament u mingħajr dubju, jissoġġetta l-ħlas lura tat-taxxa fuq il-fatturat għall-kundizzjoni, mhux sodisfatta fil-każ in eżami, li din it-taxxa tkun ġiet "fatturata separatament". Għalkemm interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' ftehim "fid-dawl" tal-kuntest ġuridiku li minnu hija tifforma parti hija fil-prinċipju possibbli sabiex tiġi solvuta ambigwità ta' l-abbozz, tali interpretazzjoni ma tistax tirriżulta fit-tneħħija ta' kull effett utli tal-kliem ċar u preċiż ta' din id-dispożizzjoni.

32     Barra minn dan, il-kundizzjoni li t-taxxa tkun ġiet "fatturata separatament" mhijiex kuntrarja la għall-għan u lanqas għall-kliem tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll. Din id-dispożizzjoni tipprovdi biss għall-adozzjoni ta' "dispożizzjonijiet xierqa" fir-riġward ta' ħlas lura ta' taxxi, u dan biss f'dak li jirrigwarda "xirjiet importanti" u "kull darba li [...] jkun possibbli". Għalhekk, l-istituzzjonijiet kif ukoll l-Istati Membri, għandhom ċertu marġni ta' libertà fil-konklużjoni ta' Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta' l-imsemmi tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3.

33     L-esklużjoni tal-ħlas lura ta' taxxi li mhumiex fatturati lill-BĊE iżda li huma mħallsa bil-quddiem mill-partijiet l-oħra fil-kuntratt tiegħu u li jistgħu għaldaqstant jinfluwenzaw il-prezzijiet li huma fatturati lilu ma teċċedix din il-marġni ta' libertà. Dan japplika wkoll għal-limitu ta' DEM 50 stabbilit mill-Ftehim fuq is-sede għall-ħlas lura tat-taxxi. Għalhekk, dawn il-ħtiġiet huma konformi mal-protokoll.

34     Barra minn hekk, il-kundizzjoni msemmija iktar 'il fuq tħares l-interess finanzjarju kemm tal-Komunità Ewropea kif ukoll ta' l-Istat Membru ospitanti, peress li din tevita li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-implimentazzjoni ta' proċeduri dettaljati u kumplessi ta' ħlas lura intiżi sabiex jippruvaw li parti mill-ispejjeż sostnuti mill-BĊE jikkorrispondu, fil-verita, għal taxxa mħallsa bil-quddiem minn wieħed mill-partijiet fil-kuntratt tagħha.

35     Fl-aħħar hemm lok li jingħad ukoll li d-digriet tas-17 ta' Diċembru 1968, Ufficio Imposte di Consumo di Ispra vs il-Kummissjoni (2/68, Ġabra p. 635), invokat mill-BĊE, huwa nieqes minn kull relevanza fir-rigward ta' dan il-kawża, peress li dan id-digriet ingħata fir-rigward ta' sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet ippruvat, fi ftehim konkluż mal-Gvern Taljan, tnaqqas id-drittijiet u l-garanzijji li minnhom kienu jibbenefikaw terzi persuni, li ma kinux jiffurmaw parti mill-imsemmi ftehim, skond il-protokoll.

36     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikors tal-BĊE għandu jiġi miċħud.

 Dwar l-ispejjeż

37     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-BĊE tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitluba mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top