This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0208
Judgment of the Court (Second Chamber) of 7 July 2005. # Jean-Marie Le Pen v European Parliament. # Appeal - Elections of Members of the European Parliament - Lack of uniform electoral procedure - Application of national law - Disqualification of a Member of the European Parliament from holding office following a criminal conviction - Measure by which the European Parliament "takes note' of that disqualification - Action for annulment - Act not open to challenge - Inadmissibility. # Case C-208/03 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Lulju 2005.
Jean-Marie Le Pen vs il-Parlament Ewropew.
Appell - Elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew - Nuqqas ta' proċedura elettorali uniformi - Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali - Skwalifika mill-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew wara kundanna kriminali - Att li permezz tiegħu l-Parlament Ewropew "jieħu nota' ta' din l-iskwalifika - Rikors għal annullament - Att li ma jistax jiġi kkontestat - Inammissibbiltà.
Kawża C-208/03 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Lulju 2005.
Jean-Marie Le Pen vs il-Parlament Ewropew.
Appell - Elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew - Nuqqas ta' proċedura elettorali uniformi - Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali - Skwalifika mill-kariga ta' Membru tal-Parlament Ewropew wara kundanna kriminali - Att li permezz tiegħu l-Parlament Ewropew "jieħu nota' ta' din l-iskwalifika - Rikors għal annullament - Att li ma jistax jiġi kkontestat - Inammissibbiltà.
Kawża C-208/03 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:429
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
7 ta’ Lulju 2005 (*)
“Appell – Elezzjonijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Nuqqas ta' proċedura elettorali uniformi – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Skwalifika mill-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew wara kundanna kriminali – Att li permezz tiegħu l-Parlament Ewropew ‘jieħu nota’ ta’ din l-iskwalifika – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”
Fil-kawża C-208/03 P,
li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-10 ta’ Mejju 2003,
Jean-Marie Le Pen, li jirrisjedi f’Saint-Cloud (Franza), irrappreżentat minn F. Wagner, avocat,
rikorrent,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück u C. Karamarcos, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut fl-ewwel istanza,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn R. Abraham u G. de Bergues, kif ukoll L. Bernheim, bħala aġenti,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz ta' l-appell tiegħu, is-Sur Le Pen jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-10 ta' April 2003, Le Pen vs Il-Parlament (T-353/00, Ġabra p. II-1729, iktar ’il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors li huwa kien ressaq sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni meħuda fil-forma ta' dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2000, dwar l-iskwalifika mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-Parlament Ewropew (iktar 'il quddiem l-"att ikkontestat").
2 Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta' Ġunju 2003, is-Sur Le Pen ressaq ukoll, skond l-Artikoli 242 KE u 243 KE, talba intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta' l-att ikkontestat. Din l-aħħar talba ġiet miċħuda permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta' Lulju 2003, Le Pen vs Il-Parlament (C-208/03 P-R, Ġabra p. I-7939).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
It-Trattat KE
3 L-Artikolu 190(4) KE jipprovdi li l-Parlament Ewropew ser iħejji proposta għal elezzjonijiet tal-membri tiegħu b'vot dirett universali skond il-proċedura uniformi fl-Istati Membri kollha jew skond prinċipji komuni għal dawn ta' l-aħħar, u li l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu, b'vot unanimu, wara li jkollu l-kunsens tal-Parlament Ewropew, li jaġixxi b'maġġoranza tal-membri li jikkomponuh, jistipula d-dispożizzjonijiet adatti, li huwa għandu jirrakkomanda lill-imsemmija Stati sabiex jiġu adottati skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.
L-Att ta' l-1976
4 Fl-20 ta' Settembru 1976, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom, dwar l-att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea b'vot dirett universali (ĠU L 278, p. 1), att li jinsab fl-Anness ta' l-imsemmija Deċiżjoni (iktar 'il quddiem, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, l-"Att ta' l-1976").
5 Skond l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-1976, il-Membri tal-Parlament "huma eletti għal perijodu ta' ħames snin" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6 L-Artikolu 6 ta' l-Att ta' l-1976 jelenka, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-funzjonijiet li magħhom il-kariga ta' Membru tal-Parlament hija inkompatibbli u jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li "kull Stat Membru jista' jistabbilixxi l-inkompatibbiltajiet applikabbli fuq livell nazzjonali, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(2)" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, il-Membri tal-Parlament li għalihom huma applikabbli, matul il-mandat, id-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija paragrafi 1 u 2 "għandhom jiġu sostitwiti skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12" [traduzzjoni mhux uffiċjali].
7 L-Artikolu 7(1) ta' l-Att ta' l-1976 jispeċifika li t-tfassil ta’ abbozz ta' proċedura elettorali uniformi jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Parlament, imma, sad-data tal-fatti tal-kawża, ebda proċedura ta' dan it-tip ma kienet għadha ġiet adottata.
8 Skond l-Artikolu 7(2) ta' l-Att ta' l-1976:
"Sakemm tidħol fis-seħħ proċedura elettorali uniformi, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f'kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 L-Artikolu 11 ta' l-Att ta' l-1976 jaqra kif ġej:
"Sakemm tidħol fis-seħħ il-proċedura uniformi li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 7(1), [il-Parlament] għandu jivverifika l-kredenzjali tar-rappreżentanti. Għal dan l-iskop, [huwa] għandu jieħu nota tar-riżultati mħabbra uffiċjalment mill-Istati Membri u għandu jiddeċiedi fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu eventwalment jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom huwa jirreferi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10 L-Artikolu 12 ta' l-Att ta' 1976 jipprovdi:
"1. Sakemm tidħol fis-seħħ il-proċedura uniformi li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 7(1), u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Att, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili ta’ kwalunkwe siġġu li jispiċċa vojt matul il-perijodu ta' ħames snin li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3 għall-kumplament ta' dan il-perijodu.
2. Meta s-siġġu jispiċċa vojt b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fi Stat Membru, dan ta’ l-aħħar għandu jinforma b’dan lill-[Parlament] li jieħu nota ta’ dan.
Fil-każijiet l-oħra kollha, [il-Parlament] għandu jikkonstata s-siġġu vojt u jinforma b’dan lill-Istat Membru." [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament
11 L-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża (ĠU L 202, 1999, p. 1), intitolat "Verifika ta’ kredenzjali", jipprovdi:
"1. Fuq il-bażi ta' rapport magħmul mill-kumitat responsabbli, il-Parlament għandu jivverifika mingħajr dewmien il-kredenzjali u jiddeċiedi dwar il-validità tal-mandat ta' kull wieħed mill-Membri li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll dwar xi kontestazzjoni skond kif imniżżel fl-[Att ta’ l-1976], ħlief għal dawk ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali.
[…]
4. Il-kumitat għandu jiżgura li kull informazzjoni li tista' taffettwa l-qadi tad-dmirijiet ta' xi Membru tal-Parlament Ewropew jew l-ordni tas-sostituti tingħadda minnufih lill-Parlament mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri jew ta' l-Unjoni, b'indikazzjoni tad-data tal-bidu fejn jikkonċerna xi ħatra.
Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jagħtu bidu għal proċedura li tista' twassal għall-iskwalifika ta' Membru milli jieħu l-kariga, il-President għandu jitlobhom biex iżommuh infurmat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura. Huwa għandu jirreferi l-każ lill-kumitat responsabbli. Fuq proposta ta' dak il-kumitat, il-Parlament jista' jieħu pożizzjoni dwar il-każ.
5. Sakemm il-kredenzjali ta' Membru jiġu verifikati jew deċiżjoni tiġi meħuda dwar xi kontestazzjoni, il-Membru għandu jieħu postu fil-Parlament u fl-organi tiegħu u għandu jgawdi d-drittijiet kollha li dan iġib miegħu.
[…]"
12 Barra minn hekk, l-Artikolu 8 ta’ l-istess Regoli ta’ Proċedura, dwar it-"[t]ul tal-mandat tal-Membri" jistipula:
"1. It-tul tal-mandat ta' membru għandu jibda u jispiċċa skond kif imniżżel fl-[Att ta’ l-1976]. Jintemm ukoll mal-mewt u mar-riżenja.
[…]
6. Id-data tat-tmiem tal-kariga u data effettiva ta' post vakanti għandha tiġi meqjusa kif imniżżel hawn taħt:
– f'każ ta' riżenja, id-data li fiha l-Parlament iqis il-post bħala vakanti, skond in-notifika tar-riżenja;
– f'każ ta' ħatra għal kariga li hija inkompatibbli ma' dik ta' Membru tal-Parlament Ewropew, skond il-liġi elettorali nazzjonali jew skond l-Artikolu 6 ta' l-[Att ta’ l-1976]: id-data notifikata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jew ta' l-Unjoni.
[…]
8. Kull kontestazzjoni li tikkonċerna l-validità tal-ħatra ta' Membru li l-kredenzjali tiegħu ikunu diġà ġew verifikati għandha tiġi rreferuta lill-kumitat responsabbli, li min-naħa tiegħu għandu jirraporta minnufih lill-Parlament u mhux aktar tard mill-bidu tas-sessjoni parzjali li tmiss.
9. Il-Parlament jirriżerva d-dritt li jiddikjara li l-ħatra li qed tiġi kkunsidrata hija invalida jew li jirrifjuta li jqis il-post vakanti jekk l-aċċettazzjoni jew it-tmiem tal-kariga tkun tidher li hija bbażata fuq ineżattezzi materjali jew vizzju tal-kunsens."
Id-dritt nazzjonali
13 Skond l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 77-729 tas-7 ta' Lulju 1977, dwar l-elezzjoni tar-rappreżentanti għall-Assemblea tal-Komunitajiet Ewropej (JORF tat-8 ta' Lulju 1977, p. 3579), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża (iktar 'il quddiem il-"Liġi ta' l-1977"):
"L-Artikoli LO 127 sa LO 130-1 tal-Kodiċi Elettorali huma applikabbli għall-elezzjoni [tal-Membri tal-Parlament Ewropew]. […]
L-ineliġibbiltà, meta din isseħħ matul mandat, ittemm dan il-mandat. L-ineliġibbiltà għandha tiġi ddikjarata permezz ta’ digriet."
14 L-Artikolu 25 tal-Liġi ta' l-1977 jaqra kif ġej:
"L-elezzjoni [tal-Membri tal-Parlament Ewropew] tista' tiġi kkontestata, fi żmien għaxart ijiem mit-tħabbir tar-riżultati tal-votazzjoni u fir-rigward ta’ dak kollu li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' din il-liġi, minn kull elettur quddiem il-Conseil d’État f’sede kontenzjuża. Id-deċiżjoni tingħata f’sessjoni plenarja.
Ir-rikors m'għandux effett sospensiv."
Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza
15 Kif jirriżulta mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawza li tat lok għar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza toriġina mill-kundanna kriminali tar-rikorrent mill-qrati Franċiżi u mill-konsegwenzi li, fid-dritt Franċiż, huma marbuta ma’ tali kundanna għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju ta' mandati elettorali u, partikolarment, dak ta' rappreżentant fil-Parlament Ewropew.
16 Qabel ma ġie elett Membru tal-Parlament fit-13 ta' Ġunju 1999, is-Sur Le Pen kien instab ħati ta' vjolenza u inġurji pubbliċi permezz ta’ deċiżjoni tat-tribunal correctionnel ta’ Versailles (Franza) tat-2 ta' April 1998, wara, fl-appell, instab ħati ta' vjolenza fuq persuna li tokkupa kariga pubblika fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha, meta l-istatus tal-vittma hija apparenti għal jew magħrufa mill-awtur ta' l-imsemmija vjolenza. Għal dan ir-reat, previst u ppenalizzat permezz ta' l-ewwel subparagrafu tar-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 222-13 tal-Kodiċi Kriminali Franċiż, ir-rikorrent ġie kkundannat mill-cour d'appel ta’ Versailles fis-17 ta' Novembru 1998 għal sentenza sospiża ta’ tliet xhur priġunerija flimkien ma' multa ta’ FRF 5 000. Barra minn hekk, bħala piena addizzjonali, din il-qorti interdiċiet lir-rikorrent, għal perijodu ta' sena, mill-eżerċizzju tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 131-26 ta' l-istess Kodiċi, iżda llimitat din l-interdizzjoni għall-eliġibbiltà.
17 Peress li l-appell imressaq mir-rikorrent kontra l-imsemmija sentenza ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Cour de cassation (Franza) tat-23 ta' Novembru 1999, il-Prim Ministru, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 tal-Liġi ta' l-1977, iddikjara permezz ta’ digriet tal-31 ta' Marzu 2000 li "l-ineliġibbiltà tas-Sur Jean-Marie Le Pen [ġabet] fit-tmiem il-mandat tiegħu bħala rappreżentant fil-Parlament Ewropew". Dan id-digriet ġie nnotifikat lir-rikorrent, b'ittra tas-Segretarju Ġenerali tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin Franċiż tal-5 ta' April 2000, kif ukoll lill-President tal-Parlament Ewropew li, fis-sessjoni plenarja tat-3 ta' Mejju 2000, informat lill-Membri b’din l-ittra u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tressaq l-inkartament dwar id-dokument relatat ma’ l-iskwalifika mill-kariga tas-Sur Le Pen quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u għas-Suq Intern (iktar 'il quddiem il-"Kumitat għall-Affarijiet Legali"), skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.
18 Il-verifika tal-kredenzjali tar-rikorrent saret mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali bil-magħluq, fil-laqgħat tiegħu ta' l-4, tal-15 u tas-16 ta' Mejju 2000. Fit-tmien ta' l-aħħar waħda minn dawn il-laqgħat, il-President ta' dan il-Kumitat bagħtet ittra lill-President tal-Parlament li taqra kif ġej:
"Sinjura President,
Fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta' Mejju 2000, il-[Kumitat għall-Affarijiet Legali] kompliet bl-eżami tas-sitwazzjoni tas-Sur Jean-Marie Le Pen. Il-Kumitat huwa konxju tal-fatt li d-digriet tal-Prim Ministru tar-Repubblika Franċiża, li ġie nnotifikat lis-Sur Le Pen fil-5 ta' April 2000 u ppubblikat fil-Journal officiel de la République française fit-22 ta' April 2000, sar eżekuttiv. Madankollu, il-Kumitat jirrileva li, kif jingħad fl-ittra li tinnotifka d-digriet lill-persuna kkonċernata, din ta’ l-aħħar għandha l-fakultà li tressaq rikors quddiem il-Conseil d’État li jista’ jkollu miegħu talba għas-sospensjoni ta’ l-effett eżekuttiv tad-digriet.
Fid-dawl tad-deċiżjoni meħuda l-ġurnata ta’ qabel li għalissa ma jiġix irrakkomandat li l-Parlament jieħu formalment nota tad-digriet li jikkonċerna lis-Sur Le Pen, il-Kumitat eżamina l-possibbiltajiet kif il-proċedura tista’ titkompla. In sostenn ta' din id-deċiżjoni, ġie invokat il-każ tas-Sur Tapie bħala preċedenti biex jiġi segwit, bil-konsegwenza li l-Parlament Ewropew jieħu formalment nota tad-digriet ta' skwalifika biss fl-iskadenza tat-terminu li fih jista’ jitressaq rikors quddiem il-Conseil d’État jew, skond il-każ, wara d-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar."
19 Fis-seduta plenarja tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2000, din l-ittra nqrat mill-President tal-Parlament, li minnufih uriet l-intenzjoni tagħha li "ssegwi l-parir tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali".
20 B'ittra tad-9 ta' Ġunju 2000, indirizzata lis-Sinjuri Védrine u Moscovici, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Ministru inkarigat mill-Affarijiet Ewropej, rispettivament, il-President tal-Parlament informat lil dawn ta’ l-aħħar bil-fatt li, "minħabba n-natura irreversibbli ta’ l-iskwalifika mill-kariga […], il-Parlament Ewropew [ser jieħu] formalment nota tad-digriet [tal-31 ta' Marzu 2000] biss fl-iskadenza tat-terminu li fih jista’ jitressaq r-rikors [quddiem il-]Conseil d’État jew, skond il-każ, wara d-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar".
21 Il-pożizzjoni tal-Parlament ġiet ikkontestata bil-qawwa mill-awtoritajiet Franċiżi li sostnew, minn naħa, li, billi aġixxa b’dan il-mod, il-Parlament kiser l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976 u, min-naħa l-oħra, li l-motiv invokat ma seta’ f'ebda każ jiġġustifika tali ksur, iżda din il-kontestazzjoni effettivament ma ġietx segwita.
22 B'ittra tas-16 ta' Ġunju 2000, il-President tal-Parlament fil-fatt ikkonfermat li dan ta' l-aħħar "[kien] ser jieħu nota ta’ l-iskwalifika mill-kariga tas-Sur Le Pen [biss meta d-digriet tal-31 ta’ Marzu jsir definittiv]", li kien għadu mhuwiex il-każ minħabba li, fil-5 ta' Ġunju 2000, tressaq rikors għall-annullament ta' l-imsemmi digriet mir-rikorrent quddiem il-Conseil d’État. Hija ġġustifikat din il-pożizzjoni billi rreferiet, bħala preċedent, għall-każ tas-Sur Tapie u għall-eżiġenza ta’ ċertezza legali.
23 Ir-rikors tas-Sur Le Pen ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Conseil d’État tas-6 ta' Ottubru 2000. B'konsegwenza ta' dan, is-Sinjuri Védrine u Moscovici, fit-12 ta' Ottubru 2000, bagħtu ittra lill-President tal-Parlament li fiha, filwaqt li insistew fuq il-fatt li l-Gvern Franċiż kien dejjem "ikkontesta bil-qawwa" il-pożizzjoni tal-Parlament fis-sens li jistenna li l-imsemmija qorti tiddeċiedi fuq ir-rikors imressaq mir-rikorrent kontra d-digriet tal-31 ta' Marzu 2000 – pożizzjoni li dan il-Gvern kien jikkunsidra li tmur kontra l-"kliem u l-ispirtu ta' l-Att ta' l-1976" –, stiednu lill-Parlament sabiex "jaġixxi konformement mad-dritt Komunitarju" u sabiex jieħu nota mill-aktar fis possibbli, permezz tal-President tiegħu, ta’ l-iskwalifika mill-kariga tas-Sur Le Pen.
24 B'ittra ta' l-20 ta' Ottubru 2000, il-President tal-Parlament informat lir-rikorrent li, il-ġurnata ta' qabel, hija kienet irċeviet il-komunikazzjoni uffiċjali, mill-awtoritajiet Franċiżi, ta' l-imsemmija deċiżjoni tal-Conseil d’État u li, skond ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u l-Att ta' l-1976, "[hija] ser tieħu nota tad-digriet tal-[31 ta' Marzu 2000] meta titkompla s-seduta plenarja, fit-23 ta' Ottubru" ta’ wara.
25 B'ittra tat-23 ta' Ottubru 2000, is-Sur Le Pen informa lill-President tal-Parlament, minn naħa, li huwa kien qed jikkontesta l-validità tad-deċiżjoni msemmija iktar 'il fuq tal-Conseil d’État peress li, kuntrarjament għall-Artikolu 25 tal-Liġi ta' l-1977, din ma kinitx ġiet adottata mis-sessjoni plenarja ta' din il-qorti u, min-naħa l-oħra, li huwa kien ressaq talba għal maħfra lill-President tar-Repubblika Franċiża kif ukoll rikors intiż sabiex jikseb is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ l-iskwalifika mill-kariga tiegħu, ippreżentat quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B'konsegwenza ta' dan, is-Sur Le Pen talab li ssir laqgħa oħra tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u li huwa jinstema’ minn dan il-Kumitat qabel ma d-digriet tal-31 ta’ Marzu 2000 jiġi rratifikat mill-Parlament.
26 Il-President tal-Parlament ma laqgħetx din it-talba. Skond il-minuti tad-dibattiti tas-seduta plenarja tat-23 ta' Ottubru 2000, taħt il-punt ta’ l-aġenda intitolat "Komunikazzjoni tal-President", hija għamlet id-dikjarazzjoni segwenti:
"Ninformakom li, nhar il-Ħamis 19 ta' Ottubru 2000, irċevejt in-notifika uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Franċiża ta' sentenza, tas-6 ta' Ottubru 2000, tal-Conseil d’État li tiċħad ir-rikors li s-Sur Jean-Marie Le Pen kien ressaq kontra d-digriet tal-Prim Ministru Franċiż tal-31 ta' Marzu 2000, intiż sabiex itemm il-mandat tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.
Ninformakom li, sussegwentement, jiena rċevejt kopja tat-talba għal maħfra ppreżentata mis-Sinjuri Charles de Gaulle, Carl Lang, Jean-Claude Martinez u Bruno Gollnisch favur is-Sur Le Pen, lis-Sur Jacques Chirac, President tar-Repubblika."
27 Wara din id-dikjarazzjoni, il-President tal-Parlament tat id-dritt li titkellem lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li ddikjarat:
"Sinjura President, il-[Kumitat għall-Affarijiet Legali], wara li ddelibera waqt is-seduti tal-15 ta' 16 ta Mejju li għaddew, irrakkomanda s-sospensjoni tal-komunikazzjoni f’seduta plenarja tal-konstatazzjoni min-naħa tal-Parlament ta’ l-iskwalifika mill-kariga tas-Sur Jean-Marie Le Pen. Nenfasizza li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali rrakkomanda s-sospensjoni ta' din il-komunikazzjoni sa l-iskadenza tat-terminu li għandu s-Sur Le Pen sabiex iressaq rikors quddiem il-Conseil d’État Franċiż jew sakemm dan ir-rikors jiġi deċiż. Niċċita hawnhekk il-kliem ta' l-ittra tas-17 ta' Mejju li inti stess, Sinjura President, qrajt quddiem il-Parlament.
Il-Conseil d’État – kif inti stess għedt – ċaħad dan ir-rikors u debitament informana b'din id-deċiżjoni. B'konsegwenza ta' dan, m’għad hemm ebda raġuni għall-posponiment ta’ din it-tħabbira quddiem il-Parlament, li hija obbligatorja skond id-dritt primarju, speċifikament skond l-Artikolu 12(2) ta' l-[Att ta' l-1976].
It-talba għal maħfra li inti semmejt, Sinjura President, ma tbiddel xejn minn din is-sitwazzjoni, minħabba li din bl-ebda mod ma hija rimedju ġudizzjarju. Bħalma jindika l-isem tagħha stess, din hija att ta’ l-Istat li ma jikkonċernax id-digriet tal-Gvern Franċiż li, skond ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali, għandu jiġi kkomunikat f’seduta plenarja."
28 Wara dan l-intervent, il-President tal-Parlament qamet titkellem u ddikjarat:
"B'konsegwenza ta' dan, konformement ma’ l-Artikolu 12(2) ta' l-[Att ta' l-1976], il-Parlament Ewopew jieħu nota tan-notifika mill-Gvern Franċiż li tikkonstata l-iskwalifika mill-kariga tas-Sur Jean-Marie Le Pen."
29 Għaldaqstant, hija stiednet lir-rikorrent li jħalli l-awditorju u sospendiet is-seduta sabiex tiffaċilita t-tluq tal-persuna kkonċernata.
30 B'ittra tas-27 ta' Ottubru 2000, il-President tal-Parlament, minn naħa, informat lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin Franċiż bil-fatt li l-Parlament kien "ħa nota" ta’ l-iskwalifika mill-kariga tas-Sur Le Pen u, min-naħa l-oħra, stiednet lil dan il-Ministru sabiex jikkomunikalha, konformement ma' l-Artikolu 12(1) ta' l-[Att ta' l-1976], l-isem tal-persuna msejħa biex timla s-siġġu li b’hekk kien sar vakanti.
31 B'ittra tat-13 ta' Novembru 2000, l-imsemmi Ministru rrisponda li "s-Sinjura Marie-France Stirbois [għandha] tilħaq wara s-Sur Jean-Marie Le Pen f’isem il-lista tal-Front national għall-elezzjonijiet Ewropej".
32 Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li, b'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Novembru 2000, is-Sur Le Pen ressaq rikors għal annullament ta’ l-att ikkontestat. B'att separat ippreżentat l-istess ġurnata fl-imsemmi Reġistru, ir-rikorrent ressaq talba intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-istess att.
33 B'digriet tas-26 ta' Jannar 2001, Le Pen vs Il-Parlament (T-353/00 R, Ġabra p. II-125), il-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa’ din l-aħħar talba u ordna s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-"deċiżjoni meħuda fil-forma ta' dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2000, safejn din tikkostitwixxi deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li permezz tagħha dan ta’ l-aħħar ħa nota ta’ l-iskwalifika tar-rikorrent mill-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew". B'konsegwenza ta' dan, is-Sur Le Pen ġie reintegrat fil-pożizzjoni tiegħu ta’ Membru tal-Parlament u reġa' ħa s-siġġu tiegħu fil-Parlament li huwa kien ivvaka fit-23 ta' Ottubru 2000.
34 Madankollu, permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tas-Sur Le Pen bħala inammissibbli u kkundannatu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Parlament kemm fil-kawża prinċipali kif ukoll fil-proċedura sommarja.
Is-sentenza kkontestata
35 Biex waslet għal din il-konklużjoni, sostnuta kemm mill-Parlament kif ukoll mir-Repubblika Franċiża, li ġiet awtorizzata tintervjeni in sostenn tat-talbiet ta' din l-istituzzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-att ikkontestat, minħabba n-natura partikolari tiegħu, ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet b’mod iktar partikolari kif ġej:
"77 Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu b’mod sinjifikattiv, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II-203, punt 37). Għaldaqstant, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti ġuridiċi, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42).
78 F'dan il-każ, l-att [ikkontestat] huwa d-dikjarazzjoni magħmula mill-President tal-Parlament fis-seduta plenarja tat-23 ta' Ottubru 2000 u li skondha 'konformement ma' l-Artikolu 12(2) ta' [l-Att ta' l-1976], il-Parlament […] jieħu nota tan-notifika mill-Gvern Franċiż li tikkonstata l-iskwalifika mill-kariga [tar-rikorrent]'.
79 Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk din id-dikjarazzjoni pproduċietx effetti ġuridiċi vinkolanti ta' natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu l-pożizzjoni legali tiegħu b’mod sinjifikattiv.
80 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar il-kuntest ġuridiku li fih saret din id-dikjarazzjoni.
81 Huwa paċifiku li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, ebda proċedura elettorali uniformi għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew ma kienet ġiet adottata.
82 Għaldaqstant, konformement ma' l-Artikolu 7(2) ta' l-Att ta' l-1976, il-proċedura elettorali għal dik l-elezzjoni baqgħet regolata, f’kull Stat Membru, bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.
83 Għalhekk, b'mod partikolari, jirriżulta mit-termini ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976 li ‘l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fi Stat Membru’ setgħet twassal biex is-siġġu ta' Membru tal-Parlament Ewropew isir vakanti.
84 B’applikazzjoni ta’ l-Att ta' 1976, ir-[Repubblika Franċiża] adottat, b'mod partikolari, il-Liġi ta' l-1977. L-Artikolu 2 ta' din il-liġi jipprovdi li l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew hija rregolata mit-'Titolu 1 tal-Ktieb 1 tal-Kodiċi Elettorali u mid-dispożizzjonijiet tal-kapitoli segwenti'. L-Artikolu 5 ta' l-istess liġi, li jinsab taħt il-Kapitolu III [intitolat] 'Kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà u ta' ineligibbiltà, inkompatibbiltajiet', jipprovdi b'mod partikolari li '[l-]Artikoli LO 127 sa LO 130-1 tal-Kodiċi Elettorali huma applikabbli għall-elezzjoni tal-[Membri tal-Parlament Ewropew]', li '[l-]ineliġibbiltà, meta din isseħħ matul mandat, ittemm dan il-mandat' u li 'l-ineliġibbiltà għandha tiġi ddikjarata permezz ta' digriet'.
85 L-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976 jagħmel distinzjoni bejn żewġ ipoteżijiet li fihom is-siġġijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew jistgħu jsiru vakanti.
86 L-ewwel ipoteżi hija prevista fl-ewwel subparagrafu ta' din id-dispożizzjoni u tkopri l-każijiet li fihom is-siġġijiet vakanti jirriżultaw mill-'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali'. It-tieni ipoteżi, prevista fit-tieni subparagrafu ta' l-istess dispożizzjoni, tikkonċerna 'l-każijiet l-oħra kollha'.
87 Għandu jiġi rrilevat, f'dan ir-rigward, li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-ewwel ipoteżi bl-ebda mod ma hija limitata għall-każijiet ta' inkompatibbiltà msemmija fl-Artikolu 6 ta' l-Att ta' l-1976, imma tinkludi wkoll il-każijiet ta' ineliġibbiltà. Huwa minnu li l-Artikolu 6(3) ta' l-Att ta' l-1976 jipprovdi li l-Membri tal-Parlament Ewropew li għalihom huma applikabbli d-'dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2' għandhom jiġu sostitwiti 'skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12'. Madankollu ma jistax jiġi dedott minn din ir-referenza li dan l-aħħar artikolu jikkonċerna biss il-każijiet ta' inkompatibbiltà msemmija fl-Artikolu 6(1) u (2). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 12 imkien ma jirreferi għall-kunċett ta' 'inkompatibbiltà', imma juża l-kunċett ħafna aktar wiesa' ta' '[is-siġġu li] jispiċċa vojt'.
88 Fl-ewwel ipoteżi prevista mill-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976, ir-rwol tal-Parlament huwa limitat għal li 'tittieħed nota' tal-vakanza tas-siġġu tal-persuna kkonċernata. Fit-tieni ipoteżi, li tkopri per eżempju l-każ ta' riżenja ta' wieħed mill-Membri tiegħu, il-Parlament 'jikkonstata s-siġġu vojt [il-vakanza] u jinforma b’dan lill-Istat Membru'.
89 F'dan il-każ, peress li l-att [ikkontestat] ġie adottat skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976, għandha tiġi ddeterminata l-portata ta' l-eżerċizzju li jikkonsisti f’li 'jieħu att' stipulat minn din id-dispożizzjoni.
90 Għandu jiġi enfasizzat, f'dan ir-rigward, li l-eżerċizzju li jikkonsisti f’li 'jieħu att' jirreferi mhux għall-iskwalifika mill-kariga tal-persuna kkonċernata, imma għas-sempliċi fatt li s-siġġu tiegħu sar vakanti b’riżultat ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Fi kliem ieħor, ir-rwol tal-Parlament bl-ebda mod ma jikkonsisti f’li 'jimplementa' l-iskwalifika mill-kariga, kif jallega r-rikorrent, imma huwa limitat għal li tittieħed nota tal-konstatazzjoni, diġà magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-vakanza tas-siġġu, jiġifieri ta’ sitwazzjoni ġuridika diġà eżistenti u li tirriżulta esklużivament minn deċiżjoni ta' dawn l-awtoritajiet.
91 Is-setgħa ta' verifika li għandu l-Parlament f'dan il-kuntest hija partikolarment ristretta. Din hija limitata, essenzjalment, għal kontroll ta' l-eżattezza materjali tal-vakanza tas-siġġu tal-persuna kkonċernata. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Parlament mhuwiex kompetenti biex jivverifika r-rispett tal-proċedura prevista mil-liġi nazzjonali applikabbli jew tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Din is-setgħa, fil-fatt, tappartjeni esklużivament lill-qrati nazzjonali kompetenti jew, skond il-każ, lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li, f'dan il-każ, ir-rikorrent speċifikament sostna d-drittijiet tiegħu kemm quddiem il-Conseil d’État Franċiż kif ukoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Għandu jiġi osservat ukoll li l-Parlament stess qatt m’allega, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jew matul is-seduta, li huwa għandu setgħa ta' verifika wiesgħa daqskemm allega r-rikorrent.
92 Għandu jingħad ukoll li kunċett daqshekk wiesa' ta' setgħa ta' verifika tal-Parlament fil-kuntest ta’ l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) jimplika l-possibbiltà, għal din l-istituzzjoni, li tikkontesta r-regolarità nfisha ta’ l-iskwalifika ddikjarata mill-awtoritajiet nazzjonali u li tirrifjuta li tieħu nota tal-vakanza tas-siġġu, jekk hija tikkunsidra li jkun hemm irregolarità. Issa huwa biss l-Artikolu 8(9) tar-Regoli ta’ Proċedura li jipprevedi l-possibbiltà, għall-Parlament, li jirrifjuta l-vakanza ta' siġġu, u dan biss meta jkun imsejjaħ sabiex 'iqis [jikkonstata]' tali vakanza u meta jkun hemm 'ineżattezzi materjali' jew 'vizzju tal-kunsens'. Ikun paradossali li l-Parlament ikollu marġni ta' diskrezzjoni aktar wiesa' meta dan sempliċement jieħu nota tal-vakanza ta' siġġu kkonstatata mill-awtoritajiet nazzjonali milli meta jikkonstata huwa stess il-vakanza ta’ siġġu.
93 Dawn il-konklużjonijiet bl-ebda mod ma huma kontradetti mill-kliem tat-[tieni] subparagrafu ta' l-Artikolu 7(4) tar-Regoli ta’ Proċedura [tal-Parlament]. Kif isostnu ġustament il-Parlament u r-Repubblika Franċiża, din id-dispoiżzzjoni tapplika 'qabel l-iskwalifika' u għalhekk qabel il-vakanza tas-siġġu. Hija tipprovdi, fil-fatt, għar-referenza tal-każ, mill-President tal-Parlament, lill-kumitat responsabbli, 'jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jagħtu bidu għal proċedura li tista' twassal għall-iskwalifika ta' [Membru tal-Parlament] milli jieħu l-kariga'. Ladarba dik il-proċedura tkun ġiet konkluża u l-vakanza tas-siġġu tal-persuna kkonċerntata tkun ġiet ikkonstatata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, il-Parlament jibqagħlu biss il-kompetenza li jieħu nota ta' dik il-vakanza, skond kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976. F’kull każ, skond il-prinċipju tal-ġerarkija tan-normi, dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura ma tistax tippermetti deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Att ta' l-1976 u tagħti lill-Parlament kompetenzi aktar wiesgħa minn dak li għandu bis-saħħa ta’ dan l-Att.
94 Dawn il-konklużjonijiet lanqas ma jistgħu jitqiegħdu fid-dubju mill-fatt li, sat-23 ta' Ottubru 2000, ir-rikorrent kompla jokkupa s-siġġu tiegħu fil-Parlament u jibbenefika mill-allowances a karigu ta’ dan ta’ l-aħħar u li, sa l-24 ta' Ottubru 2000, l-awtoritajiet Franċiżi ħallsuh is-salarju tiegħu. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li d-digriet tal-31 ta' Marzu 2000 kien eżekuttiv. Il-fatt li l-Parlament ma ħax nota ta' dan id-digriet mill-mument tan-notika mill-awtoritajiet Franċiżi, imma għamel dan f’mument sussegwenti, u l-fatt li minħabba f’hekk irriżultaw ċerti konsegwenzi prattiċi għar-rikorrent ma jistgħux jaffettwaw l-effetti ġuridiċi li, skond l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976, huma marbuta ma’ din in-notifika.
95 Fir-rigward ta’ l-argumenti tar-rikorrent li, minn naħa, l-Artikolu 5 tal-Liġi ta’ l-1977 jippreġudika l-indipendenza tal-Parlament u jikkostitwixxi ndħil inammissibbli fil-funzjonament tiegħu u li, min-naħa l-oħra, jeżisti prinċipju ġenerali li ‘l-iskwalifika għandha tiġi ddikjarata mill-assemblea parlamentari kkonċernata’, mhumiex fondati. Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 83 iktar ’il fuq, jirriżulta espressament mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2) ta’ l-Att ta’ l-1976 li siġġu ta’ Membru tal-Parlament Ewropew jista’ jsir vakanti b’riżultat ta’ l-‘applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fi Stat Membru’. Peress li ebda proċedura elettorali uniformi ma kienet ġiet adottata fiż-żmien meta seħħew il-fatti, din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, il-Liġi ta’ l-1977 kienu għal kollox applikabbli. Hi x’inhi l-evoluzzjoni tas-setgħat tal-Parlament, setgħat ġodda ma jistgħux jirrendu inapplikabbli dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, fosthom l-Att ta’ l-1976, fin-nuqqas ta’ tħassir espress minn test ta’ l-istess rank.
96 Għall-istess motivi, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq is-supremazija tad-dritt Komunitarju huwa assolutament irrilevanti. Fil-fatt, f’dan il-każ la teżisti kuntradizzjoni u lanqas jeżisti kunflitt bejn id-dritt nazzjonali u d-dritt Komunitarju.
97 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-miżura li, f’dan il-każ, ipproduċiet effetti ġuridiċi vinkolanti li jistgħu jippreġudikaw l-interessi tar-rikorrent hija d-digriet tal-31 ta’ Marzu 2000. L-att [ikkontestat] ma kienx intiż sabiex jipproduċi effetti ġuridiċi proprji, distinti minn dawk ta’ dan id-digriet.
98 Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-att [ikkontestat] ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli mingħajr mhuwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra dwar l-ammissibbiltà."
L-appell
36 Permezz ta' l-appell tiegħu, is-Sur Le Pen jitlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza kkontestata għar-raġuni li din ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, li tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat kif ukoll li tannulla l-att ikkontestat jew, fin-nuqqas ta’ dan, li tirrinvija l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, li tagħtih is-somma ta' EUR 7 622.45 bħala spejjeż li ma jiġux irkuprati u li tordna lill-Parlament sabiex ibati l-ispejjeż kollha relatati ma’ l-istanza.
37 Il-Parlament jitlob, prinċipalment, li l-appell jiġi miċħud in parti bħala inammissibbli u in parti bħala infondat kif ukoll li r-rikorrent jiġi ordnat ibati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri sommarji u, sussidjarjament, li l-kawża tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Prim’Istanza.
38 Bħal fil-każ tal-Parlament, ir-Repubblika Franċiża titlob li l-appell jiġi miċħud u li r-rikorrent jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.
Fuq l-ammissibbiltà ta' l-appell
39 Billi l-Parlament u l-Gvern Franċiż isostnu, fin-noti rispettivi tagħhom, li parti kbira mill-Appell hija inammissibbli għar-raġuni li r-rikorrent jillimita ruħu li jirripproduċi l-motivi invokati minnu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma jidentifika, b'mod preċiż, is-siltiet ikkontestati tas-sentenza kkontestata u l-argumenti ġuridiċi li jsostnu t-talba tiegħu għal annullament b'mod speċifiku, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 225 KE, l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112 (1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ta' din ta' l-aħħar, appell għandu jindika b'mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li l-annullament tagħha qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba. Dan ir-rekwiżit ma jkunx sodisfatt minn appell li, mingħajr ma jinkludi argument intiż speċifikament sabiex jidentifika l-iżball ta' dritt li bih tkun ivvizzjata s-sentenza kkontestata, jillimita ruħu sabiex jirrepeti jew jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 34 u 35, kif ukoll tat-30 ta' Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I-10091, punti 46 u 47).
40 Min-naħa l-oħra, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komuntarja magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta' dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jkunu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura ta' appell. Fil-fatt, jekk rikorrent ma setax jibbaża l-appell tiegħu b’dan il-mod fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-imsemmija proċedura tiġi mċaħħda minn parti mis-sinjifikat tagħha (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta' Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 17, u d-digriet tal-11 ta' Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C-488/01 P, Ġabra p. I-13355, punt 39).
41 Issa dan l-appell, ikkunsidrat kollu kemm hu, huwa intiż preċiżament sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq kwistjonijiet ta’ dritt differenti li kienu tressqu quddiemha u, b’mod partikolari, fuq il-portata eżatta ta’ l-Att ta' l-1976 u tat-termini "jieħu nota ta’ dan" li jinsabu fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2).
42 F'dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-appell huwa ammissibbli.
Fuq il-mertu ta' l-appell
43 Permezz ta' l-appell tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta essenzjalment l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976 adottata mill-Qorti tal-Prim' Istanza, u aktar partikolarment, il-konklużjoni li waslet għaliha fil-punt 97 tas-sentenza kkontestata, li l-att ikkontestat ma kienx intiż sabiex jipproduċi effetti ġuridiċi proprji, distinti minn dawk tad-digriet tal-31 ta' Marzu 2000. Skond ir-rikorrent, tali konklużjoni, minbarra li tikkontradixxi l-affermazzjoni li tinsab fil-punti 90 u 91 ta' l-istess sentenza, li skondha l-Parlament għandu "madankollu" setgħa ta' verifika ristretta f'kuntest fejn huwa għandu jieħu nota ta' konstatazzjoni, diġà magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, ta' vakanza ta' siġġu, toħloq ukoll distorsjoni tal-portata stess ta’ l-Artikolu 12 ta' l-Att ta' l-1976.
44 Filwaqt li jfakkar, f'dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skondha, minn naħa, għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni lis-sustanza milli lill-forma ta’ att u, min-naħa l-oħra, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-intenzjoni espressa ta’ l-awtur tiegħu, ir-rikorrent isostni, f'dan il-każ, li l-att li biddel il-pożizzjoni legali tiegħu billi ċaħħdu mill-mandat elettiv tiegħu huwa l-att ikkontestat u mhux id-digriet tal-31 ta' Marzu 2000. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata kemm mill-kliem stess ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976 – li jagħmel referenza għall-obbligu tal-Parlament li "jieħu nota" ta' vakanza ta' siġġu li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali – kif ukoll mill-attitudni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-President tal-Parlament, kif ukoll mill-fatt li huwa stess kompla jokkupa s-siġġu tiegħu fil-Parlament sat-23 ta' Ottubru 2000 u li baqa’ jibbenefika, sa dik id-data, minn allowances a karigu ta’ din l-istituzzjoni u mis-salarju mħallas mill-awtoritajiet Franċiżi.
45 Qabel ma tiġi eżaminata l-portata ta' l-Artikolu 12(2) ta' l-Att ta' l-1976, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq kuntradizzjoni tal-motivi tas-sentenza kkontestata u, aktar partikolarment, bejn il-punti 91 u 97 tagħha. Fil-fatt, kif irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, minbarra li t-terminu "madankollu" ma jidher imkien fihom, l-imsemmi punt 91, li nħareġ mill-kuntest tiegħu u ġie ċċitat biss b'mod parzjali mir-rikorrent, iwassal neċessarjament għall-konkluzjoni li tinsab fil-punt 97 ta' l-imsemmija sentenza. Għaldaqstant, huwa preċiżament minħabba li hija kkonstatat, fil-punt 91, li s-setgħa ta’ verifika tal-Parlament hija partikolarment ristretta u li essenzjalment hija limitata għal kontroll ta’ l-eżattezza materjali tal-vakanza tas-siġġu – mingħajr possibbiltà li jivverifika, b'mod partikolari, ir-rispett tal-proċedura prevista mid-dritt nazzjonali applikabbli jew tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata – li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tikkonkludi, fil-punt 97 ta' l-istess sentenza, li l-att ikkontestat ma kienx jipproduċi effetti ġuridiċi proprji, distinti minn dawk tad-digriet tal-31 ta' Marzu 2000.
46 Għal dak li jikkonċerna l-argument essenzjali tar-rikorrent, ibbażat fuq id-distorsjoni tal-portata ta’ l-Artikolu 12(2) ta’ l-Att ta’ l-1976 u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza għal dak li jikkonċerna n-natura ġuridika vera ta’ l-att ikkontestat li, waħdu, jbiddel il-pożizzjoni legali tiegħu, hemm lok li tiġi aċċettata l-fondatezza ta’ l-argument li, sabiex jiġi ddeterminat jekk atti jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors skond l-Artikolu 230 KE, hija għas-sustanza stess tagħhom kif ukoll għall-intenzjoni ta’ l-awtur tagħhom li għandha ssir referenza. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilita, il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li dan l-att jew din id-deċiżjoni jiġu kkontestati permezz ta’ rikors għal annullament (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 42, u IBM vs Il-Kummissjoni, punt 9).
47 Għalkemm, minn din il-perspettiva, ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li komunikazzjoni bil-miktub, jew anki sempliċi dikjarazzjoni orali, tiġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 230 KE, madankollu din il-possibbiltà ma tistax tiġi estiża sal-punt li jinkisru r-regoli u l-proċeduri relattivi għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament.
48 Issa f’dan ir-rigward, kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 81 u 82 tas-sentenza kkontestata, ebda proċedura elettorali uniformi għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament ma kienet ġiet adottata fid-data tal-fatti tal-kawża u din il-proċedura baqgħet regolata konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’kull Stat Membru, skond l-Artikolu 7(2) ta’ l-Att ta’ l-1976.
49 F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, skond l-Artikolu 5 tal-Liġi ta’ l-1977, l-ineliġibbiltà twassal għall-iskwalifika, kkonstatata permezz ta’ digriet, mill-kariga ta’ Membru tal-Parlament, dan ta’ l-aħħar ma kellux għażla oħra ħlief li mingħajr dewmien jieħu nota tal-konstatazzjoni, diġà magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali, tal-vakanza tas-siġġu tar-rikorrent, liema konstatazzjoni, kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 90 tas-sentenza kkontestata, kienet tirrigwarda għal sitwazzjoni ġuridika diġà eżistenti u li kienet tirriżulta esklużivament minn deċiżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet. Ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrent fil-kuntest ta’ dan l-appell ma jista’ jqiegħed din l-aħħar konklużjoni fid-dubju.
50 Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-kliem stess ta’ l-Artikolu 12(2) ta’ l-Att ta’ l-1976, li jagħmel referenza għall-obbligu tal-Parlament li "jieħu nota" ta' vakanza ta' siġġu li tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fi Stat Membru, din id-dispożizzjoni, mhux talli ma ssostnix l-argument tar-rikorrent, imma bil-kontra turi b’mod ċar in-nuqqas totali ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Parlament f’dan il-qasam. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi partikolari, ir-rwol tal-Parlament ma jikkonsistix f’li jikkonstata l-vakanza tas-siġġu, imma, kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, f’li sempliċement jieħu nota tal-vakanza tas-siġġu diġà kkonstatata mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li, fl-ipoteżijiet l-oħra relattivi, b’mod partikolari, għar-riżenja jew għall-mewt ta’ wieħed mill-Membri tagħha, din l-istituzzjoni għandha rwol aktar attiv minħabba li hija stess tikkonstata l-vakanza tas-siġġu u tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’din il-vakanza.
51 Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ l-Att ta’ l-1976, bħall-Artikolu 11 tiegħu, u mill-kliem ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament. Dawn iż-żewġ artikoli, li jirrigwardaw il-verifika tal-kredenzjali tal-Membri tal-Parlament, fil-fatt jagħtu lil dan ta’ l-aħħar is-setgħa li jiddeċiedi fuq il-validità tal-mandat ta’ kull wieħed mill-Membri tiegħu li jkunu għadhom kemm ġew eletti kif ukoll fuq il-kontestazzjonijiet li jistgħu jitqajmu fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ l-1976, "bl-esklużjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għalihom huwa jirreferi" (Artikolu 11 ta’ l-Att ta’ l-1976) u "ħlief [għall-kontestazzjonijiet] ibbażati fuq il-liġijiet elettorali nazzjonali" (Artikolu 7(1) ta’ l-imsemmija Regoli ta’ Proċedura). Dawn il-punti speċifiċi, li ġew riprodotti, mingħajr ma ġew emendati, fl-attwali Artikolu 12 ta’ l-Att ta’ l-1976, kif emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, tal-25 ta’ Ġunju 2002 u tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 283, p. 1), kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament attwalment fis-seħħ (ĠU L 44, 2005, p.1), għalhekk jikkorroboraw sew, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, in-nuqqas totali ta’ kompetenza tal-Parlament fir-rigward ta’ vakanza ta’ siġġu li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali.
52 Huwa għalxejn li r-rikorrent, sabiex jikkontesta din l-interpretazzjoni, jgħaddi biex jinvoka l-importanza ta’ l-intenzjoni ta’ l-awtur ta’ l-att ikkontestat meta adottah u jsostni, aktar partikolarment, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll il-President tal-Parlament "konsistentement ikkunsidraw bħala stabbilit" il-prinċipju li l-fatt li tittieħed nota ta’ l-iskwalifika mill-kariga tar-rikorrent ibiddel biss l-istatus ta’ dan ta’ l-aħħar. Fil-fatt, minbarra li tali argument jikkonċerna evalwazzjonijiet ta’ fatt li, bħala regola, ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, jirriżulta f’kull każ minn bosta dokumenti annessi mar-rikors li l-imsemmi kumitat u l-President tal-Parlament qiesu ruħhom marbuta bil-konstatazzjoni ta’ din l-iskwalifika mill-awtoritajiet Franċiżi.
53 Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-minuti tal-laqgħa straordinarja tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-15 ta’ Mejju 2000, li minnhom jirriżulta li l-President tiegħu intervjeniet sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-membri ta’ dan il-kumitat għall-fatt li d-deċiżjoni tal-Parlament kellha tkun limitata għall-"formalità li tittieħed jew li ma titteħidx nota", kif ukoll ta’ l-ittra mibgħuta, jumejn wara, lill-President tal-Parlament, li fiha l-President ta’ l-imsemmi kumitat enfasizzat b’mod ċar in-natura "eżekuttiva" tad-digriet tal-31 ta’ Marzu 2000. Dawn iż-żewġ elementi fattwali, li magħhom għandha tiżdied l-ittra mibgħuta fid-9 ta’ Ġunju 2000 mill-President tal-Parlament lill-awtoritajiet Franċiżi, li fiha l-President tal-Parlament tirrileva n-natura "irreversibbli" ta’ l-iskwalifika mill-kariga li tirriżulta mill-imsemmi digriet, kollha ttieħdu in kunsiderazzjoni fis-sentenza kkontestata, fil-punti 23, 24 u 29 tagħha, rispettivament. Issa ebda waħda mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dawn it-tliet punti ma ġiet ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.
54 Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-fatt, imsemmi mir-rikorrent, li huwa seta’ jkompli jokkupa s-siġġu tiegħu fil-Parlament sat-23 ta’ Ottubru 2000 u jibbenefika, sa din id-data, kemm mill-allowances a karigu ta’ din l-istituzzjoni kif ukoll mis-salarju mħallas mill-awtoritajiet Franċiżi – li juri, fil-fehma tiegħu, li kien biss l-att ikkontestat li seta’ jbiddel il-pożizzjoni legali tiegħu u, għaldaqstant, ikun is-suġġett ta’ rikors skond l-Artikolu 230 KE –, hemm lok li jiġi osservat li, kif irrilevat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn huma konsegwenzi prattiċi li jirriżultaw mid-dewmien tal-Parlament biex ħa nota tan-notifika tad-digriet tal-31 ta’ Marzu 2000 magħmul mill-awtoritajiet Franċiżi. Fil-fatt, huwa biss dan id-digriet li biddel il-pożizzjoni legali tar-rikorrent billi kkonstata l-iskwalifika mill-kariga tiegħu.
55 Ir-rikorrent jinvoka żewġ argumenti addizzjonali in sostenn ta’ l-argument tiegħu li l-att ikkontestat huwa ta’ natura kontestabbli. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, irrilevat b’mod espliċitu li r-rikorrent sostna d-drittijiet tiegħu quddiem il-Conseil d’État u quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li juri l-eżistenza ta’ att kontestabbli minħabba li l-Parlament, b’dan il-mod, għamel evalwazzjoni ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt. It-tieni argument jikkonċerna n-nuqqas ta’ rilevanza tat-teorija ta’ l-att konfermattiv, li huwa l-bażi tal-punt 97 ta’ l-imsemmija sentenza, minħabba li r-rikorsi msemmija fil-punt 91 jikkostitwixxu speċifikament elementi ta’ dritt ġodda li seħħew bejn id-data ta’ adozzjoni tad-digriet tal-31 ta’ Marzu 2000 u dik li fiha l-Parlament ħa nota ta’ l-iskwalifika mill-kariga tar-rikorrent.
56 F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-argument li l-Parlament għamel evalwazzjoni ta’ elementi ta’ fatt u ta’ dritt jistrieħ fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza kkontestata minħabba li, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet speċifikament, fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, li mhuwiex il-Parlament – imma huma l-qrati nazzjonali kompetenti jew, skond il-każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – li huma kompetenti biex jivverifikaw ir-rispett tal-proċedura prevista mid-dritt nazzjonali applikabbli jew tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata. Mhux biss ma tikkostitwixxix konferma ta’ l-eżistenza ta’ xi setgħa diskrezzjonali li jista’ jkollu l-Parlament, iżda r-referenza għar-rikorsi mressqa mir-rikorrent quddiem il-Conseil d’État u quddiem l-imsemmija Qorti Ewropea għalhekk tikkostitwixxi prova addizzjonali tan-nuqqas ta’ tali setgħa tal-Parlament u tal-fatt li, kuntrarjament għal dak li huwa jafferma, ir-rikorrent effettivament seta’ jsostni d-drittijiet tiegħu permezz ta’ proċedimenti legali.
57 Fir-rigward ta’ l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 97 tas-sentenza kkontestata, għamlet applikazzjoni impliċita tat-teorija ta’ l-att konfermattiv, din bl-ebda mod mhija fondata. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, minbarra l-fatt li ebda element ta’ l-imsemmi punt 97 ma jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-intenzjoni li tirreferi għal tali teorija, il-motivi kollha tas-sentenza kkontestata juru, bil-kontra, li d-digriet tal-31 ta’ Marzu 2000 u l-att ikkontestat huma distinti kemm fin-natura tagħhom kif ukoll fl-għan tagħhom.
58 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball ta’ dritt meta ċaħdet ir-rikors tas-Sur Le Pen bħala inammissibbli.
59 Konsegwentement, hemm lok li dan l-appell jiġi miċħud, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mir-rikorrent, ibbażati kemm fuq l-illegalità esterna kif ukoll fuq l-illegalità interna ta’ l-att ikkontestat.
Fuq l-ispejjeż
60 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċeduri, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż ta’ din l-istanza, inklużi dawk relattivi għall-proċedura sommarja msemmija fil-punt 2 ta’ din is-sentenza, kif mitlub mill-Parlament. Skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-istess Artikolu, ir-Repubblika Franċiża, li interveniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Is-Sur Le Pen għandu jbati l-ispejjeż ta’ l-ewwel istanza, inklużi dawk relattivi għall-proċedura sommarja.
3) Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.