This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0178
Judgment of the Court (Second Chamber) of 10 January 2006.#Commission of the European Communities v European Parliament and Council of the European Union.#Action for annulment - Regulation (EC) No 304/2003 of the European Parliament and of the Council of 28 January 2003 concerning the export and import of dangerous chemicals - Choice of legal basis - Articles 133 EC and 175 EC.#Case C-178/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-10 ta' Jannar 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Parlament Ewropew u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 304/2003 tat-28 ta' Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi - Għażla tal-bażi ġuridika - Artikoli 133 KE u 175 KE.
Kawża C-178/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-10 ta' Jannar 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Parlament Ewropew u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 304/2003 tat-28 ta' Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi - Għażla tal-bażi ġuridika - Artikoli 133 KE u 175 KE.
Kawża C-178/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:4
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)
10 ta' Jannar 2006 (*)
"Rikors għal annullament – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 304/2003 tat-28 ta' Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi – Għażla tal-bażi ġuridika – Artikoli 133 KE u 175 KE"
Fil-kawża C-178/03
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fl-24 ta' April 2003,
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. zur Hausen kif ukoll L. Ström van Lier u E. Righini, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
il-Parlament Ewropew, inizjalment irrappreżentat minn C. Pennera u M. Moore, wara minn dan ta' l-aħħar u K. Bradley, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fill-Lussemburgu,
il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn B. Hoff-Nielsen u M. Sims-Robertson, wara minn din ta' l-aħħar u K. Michoel, bħala aġenti,
konvenuti
sostnuti minn:
ir-Repubblika Franciża, irrapreżentata minn G. de Bergues, F. Alabrune u E. Puisais, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentati minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, barrister, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
partijiet intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' l-Awla, J. Makarczyk, C. Gulmann, P. Kūris u J. Klučka, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' April 2005,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 304/2003 tat-28 ta' Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi (ĠU L 63, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"regolament ikkontestat"), safejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 175(1) KE u mhux fuq l-Artikolu 133 KE.
2 F'dan ir-rigward, huwa kostanti li dan l-aħħar Artikolu ġie meqjus mill-Kummissjoni fil-proposta ta' Regolament tal-Kunsill, minnha ppreżentata fl-24 ta' Jannar 2002, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi (ĠU C 126 E, p. 291). Wara din il-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, fuq bażi fakultativa, skond l-Artikolu 133 KE, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, unanimament iddeċieda, li ma jsegwix din il-proposta u li jissostitwixxi l-Artikolu 133 KE permezz ta' l-Artikolu 175(1) KE, li jikkostitwixxi l-unika bażi ġuridika tar-Regolament ikkontestat, adottat flimkien mill-Parlament u l-Kunsill, skond il-proċedura prevista taħt l-Artikolu 251 KE.
Il-Kuntest ġuridiku
3 Kif jirriżulta, b'mod partikolari, mill-ewwel erba' premessi tal-preambolu tiegħu, ir-Regolament ikkontestat għandu żewġ għanjiet.. Min-naħa, huwa intiż, sabiex jimplementa r-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-proċedura għall-kunsens informat minn qabel għal ċertu kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni") – iffirmata mill-Komunità Ewropea fil-11 ta' Settembru 1998 u approvata, f'isem din, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/106/KE tad-19 ta' Diċembru 2002 (ĠU 2003, L 63, p. 27) – mingħajr ma għaldaqstant iddgħajjef il-livell ta' protezzjoni tal-popolazzjoni u ta' l-ambjent garantiti fil-pajjiżi importaturi permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2455/92 tat-23 ta' Lulju 1992, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' ċerti kimiċi perikolużi (ĠU L 251, p. 13), li huwa jabroga u jissostitwixxi. Min-naħa l-oħra, ifittex li, imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni fi ċertu aspetti; f'dan il-kuntest, ir-raba' premessa ta' dan ir-Regolament espliċitament isemmi l-Artikolu 15(4) ta' din il-Konvenzjoni, li jawtorizza lill-Partijiet fil-Konvenzjoni li jieħdu, taħt ċertu kundizzjonijiet, miżuri iktar iebsa minn dawk li hija tipprovdi, sabiex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
4 F'dan is-sens, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi li:
"L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament huma:
a) li jimplimenta l-Konvenzjoni […];
b) li jippromwovi r-responsabbil[tà] maqsuma u sforzi kooperattivi fil-moviment internazzjonali tal-kimiċi perikolużi sabiex jiġu mħarsa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-periklu potenz[j]ali; u
c) jikkontribwixxu għall-użu tagħhom li huwa tajjeb għall-ambjent.
Għandhom jiġu miksuba billi jiġi ffaċilitat it-tpartit ta’ l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ta’ dawn il-kimiċi, billi jsir provvediment għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Komunità dwar l-importazzjoni u l-importazzjoni tagħhom u billi jinxterdu d-deċiżjonijiet lill-Partijiet u lill-pajjiżi l-oħrajn kif xieraq."
5 Għalhekk jirriżulta mill-Artikolu 1(2) ta' l-istess Regolament, li l-għan tiegħu huwa wkoll "li jaċċerta li d-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifika, l-ippakkar u t-tikkettjar ta’ sustanzi perikolużi [kif emendati], u tad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar il-klassifika, l-ippakkar u t-tikkettjar ta’ preparazzjonijiet perikolużi [kif emendati], dwar il-klassifika, ippakkar u tikkettjar ta’ kimiċi [perikolużi] lill-bniedem jew lill-ambjent meta jiġu mqegħ[da] fuq is-suq fil-Komunità Ewropea għandhom japplikaw ukoll għal dawn il-kimiċi meta jiġu esporati mill-Istati Membri lejn Partijiet jew pajjiżi oħrajn, kemm-il darba dawn id-disposizzjonijiet ma jikonfliġġux ma’ xi rekwiżiti speċifiċi ta’ dawk il-Partijiet jew pajjiżi oħrajn".
6 Skond l-Artikolu 2(1) ta' dan l-istess Regolament, li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, huwa japplika għal dan li ġej:
"a) xi kimiċi perikolużi li huma suġġetti għall-proċedura tal-kunsens informat minn [q]abel (PIC) [iktar 'l quddiem il-'proċedura PIC'] taħt il-Konvenzjoni […];
b) xi kimiċi perikolużi li huma pprojbiti jew imrażżna strettament fil-Komunità jew xi Stat Membru; u
c) il-kimiċi kollha meta jiġu esportati sa fejn huma kkonċernati l-klassifika, l-ippakkar u t-tikkettjar tagħhom."
7 It-tifsira preċiża ta' dawn it-termini hija mogħtija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat li jirripeti, f'miżura wisa', id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, għall-kunċetti ta' "kimika" "projbiti" jew "mrażżna strettament", li jirrigwardaw il-kimiċi fejn, rispettivament, "kull" jew "virtwalment għal kull" użu ġie projbit b’azzjoni regolatorja finali deċiża mill-Komunità jew minn Stat Membru għall-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Dan huwa bl-istess mod il-każ għall-kunċett ta' "formulazzjoni pestiċidja perikoluża serjament" li tirrigwarda "kimika formolata għall-użu pestiċidju li tipproduċi effetti gravi fuq is-saħħa jew fuq l-ambjent, osservabbli f’perijodu qasir wara espo[ż]izzjoni waħda jew aktar, taħt kundizzjonijiet ta’ użu" (Artikolu 3(9),(10),(11) u (15). L-Artikolu 3(14), jiddefinixxi, il-proċedura tal-PIC bħala "[proċ]edura ta’ [k]unsens [i]nformat minn [q]abel stabbilita bil-Konvenzjoni".
8 L-Artikolu 5 tar-Regolament ikkontestat jippreċiża l-mod kif il-Komunità tipparteċipa fil-Konvenzjoni billi tistabbilixxi b'mod partikolari, fl-ewwel paragrafu, li din il-parteċipazzjoni "għandha tkun responsabbi[ltà] konġunta tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri b’mod partikolari għall-assistenza teknika, tpartit ta’ tagħrif u kwistjonijiet relatati ma’ riżoluzzjoni tat-tilwimiet, parteċipazzjoni f’korpijiet sussidjarji u votazzjoni". Għal dak li jirrigwarda l-funzjonijiet amministrattivi tal-Konvenzjoni marbuta mal-proċedura tal-PIC u n-notifika ta' l-esportazzjoni, jirriżulta mit-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu 5 li dawn huma mwettqa mill-Kummissjoni li taġixxi, f’isem l-awtoritajiet nazzjonali kollha nominati mill-Istati Membri u b’kooperazzjoni mill-qrib magħhom, bħala awtorità komuni. F'din il-perspettiva, il-Kummissjoni hija b'mod partikolari awtorizzata li tittrażmetti lill-Partijiet fil-Konvenzjoni kif ukoll lill-pajjiżi l-oħra n-notifiki ta' esportazzjoni tal-Komunità, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament ikkontestat, u biex jittrażmettu jew jirċievu l-informazzjoni u n-notifiki dwar il-miżuri tar-regolamentazzjoni finali previsti mill-Konvenzjoni. Skond l-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament, hija għal darb'oħra l-Kummissjoni li tipprovdi lis-Segretarjat stabbilit mill-Konvenzjoni "b’reazzjonijiet tal-Komunità dwar l-importazzjoni għall-kimiċi suġġetti għall-proċedura tal-PIC skond l-[A]rtikolu 12.".
9 Kif jirriżulta mill-AArtikolu 6(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat, il-kimiċi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni sustantiv ta' dan ir-Regolament huma elenkati fl-Anness I ta' dan u suġġetti għal sistema li tvarja skond taħt liema parti ta' dan l-Anness huma jaqgħu, għalkemm, ċertu kimiċi jistgħu fl-istess ħin jidru f'iktar minn parti waħda ta' dan l-Anness u konsegwentement ikunu suġġetti għal numru ta' sistemi. Taħt l-Artikolu 6(2), il-kimiċi elenkati fl-1 Parti ta' dan l-Anness huma suġġetti għal notifika ta' l-esportazzjoni li tinkludi ċertu informazzjoni stabbilita fl-Anness III tar-Regolament ikkontestat u li b'mod partikolari, jirrigwardaw, is-sustanzi jew preparazzjonijiet għall-esportazzjoni, l-identità tagħhom, il-kwalitajiet fiżiko-kimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi, kif ukoll il-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu meta jintużaw. Il-kimiċi elenkati fit-2 Parti ta' l-Anness I ta' dan ir-Regolament, li jippreżentaw riskji speċifiċi għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, m'humiex suġġetti biss għall-proċedura ta' notifika ta' l-esportazzjoni prevista taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament ikkontestat, iżda jikkwalifikaw ukoll biex ikunu suġġetti għall-proċedura ta' notifika PIC skond l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament. F'dak li jirrigwarda l-kimiċi elenkati fit-3 Parti ta' dan l-Anness I, dawn jikkorrispondu, globalment, għall-kimiċi li huma elenkati fl-Anness III tal-Konvenzjoni u huma, għaldaqstant suġġetti għall-istess proċedura PIC. L-obbligi partikolari li jirrigwardaw l-importazzjonij u l-esportazzjoni ta' dawn l-aħħar kimiċi huma deskritti, b'aktar dettall fl-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament ikkontestat.
10 Għalhekk, kif indikat fil-punt ta' qabel dan, ta' din is-sentenza, dwar il-proċedura ta' notifika ta' l-esportazzjoni, l-Artikolu 7 tar-Regolament ikkontestat jipprevedi, fis-sustanza, li meta esportatur irid jesporta kimika, elenkata fl-1 Parti ta’ l-Anness I ta' dan ir-Regolament, mill-Komunità lejn pajjiż li hu Parti mill-Konvenzjoni jew pajjiż ieħor, l-esportatur għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali nominata ta’ l-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Wara li tkun ivverifikat li din l-informazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' l-Anness III ta' dan ir-Regolament, din l-awtorità tgħaddi n-notifika li rċeviet lill-Kummissjoni li, min-naħa, tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tassigura li l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiz Parti jew tal-pajjiż importatur jirċievu n-notifika in kwistjoni qabel it-tranżazzjoni ta' esportazzjoni proprja u, min-naħa l-oħra, tirreġistra din in-notifika f'bażi ta' data aċċessibbli għall-pubbliku.
11 L-Artikolu 7(3) tar-Regolament ikkontestat jippreċiża li notifika ġdida ta’ l-esportazzjoni trid tingħata mill-esportatur kull darba li esportazzjoni ssir wara tibdiliet għal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-kummerċjalizzazzjoni, użu jew tikkettjar tas-sustanzi in kwistjoni jew meta l-kompożizzjoni ta' preparazzjoni tinbidel b'mod li t-tikkettjar ta’ dawn il-preparazzjonijiet tinbidel.<0} Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 7(4){0>The new notification shall comply with the requirements set out in Annex III and shall indicate that it is a revision of a previous notification.<}0{> li jista' ji li l-proċedura ta' notifika deskritta hawn fuq tista' tiġi derogata, kollha jew in parti meta, "l-esportazzjoni ta’ kimika tirrelata għal sitwazzjoni ta’ emerġenza fejn dewmien jista’ jqiegħed fil-periklu s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent fil-Parti jew [fil-]pajjiż li jimporta".
12 Taħt l-Artikolu 7(5) tar-Regolament ikkontestat, l-obbligi li jirrigwardaw l-proċedura ta' notifika ta' l-esportazzjoni jiġu fi tmiemhom meta l-kimika tiġi suġġetta għall-proċedura tal-PIC li l-pajjiż li jimporta, bħala Parti tal-Konvenzjoni jkun ta risposta, skond l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni, lis-Segretarjat fejn jagħti l-kunsens jew le għall-importazzjoni ta' din il-kimika, u li l-Kummissjoni rċeviet dan it-tagħrif mis-Segretarjat u li l-Kummissjoni bagħtet hi stess lill-Istati Membri. Madankollu, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(5) jippreċiża li din ir-regola m’għandhiex tapplika "fejn il-pajjiż li jimporta [bħala] Parti tal-Konvenzjoni jeħtieġ espliċitament li jitkomplew in-notifiki dwar l-esport[azzjoni] minn Partijiet li jesportaw".
13 Obbligi simili għal dawn stabbiliti fl-Artiklu 7 tar-Regolament ikkontestat huma previsti, fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament, f'dak li jirrigwarda l-importazzjoni, fil-Komunità, ta' kimiċi li huma pprojbiti jew imrażżna strettament minn Parti oħra fil-Konvenzjoni jew minn pajjiż ieħor, waqt li l-Artikolu 9 ta' dan ir-Regolament jistieden, min-naħa tiegħu, lill-importaturi u l-esportaturi ta' kimiċi elenkati fl-Anness 1 ta' l-istess Regolament sabiex javżaw kull sena lill-awtoritajiet nazzjonali nominati mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti bil-kwantitajiet ta' kimiċi importati jew esportati waqt is-sena ta' qabel. Fuq il-bażi ta' data miġbura, l-Istati Membri għandhom għalhekk jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni aggregata li, wara li tipprepara sintesi fuq livell Komunitarju, tqiegħed l-informazzjoni mhux kunfidenzali pubblikament disponibbli.
14 L-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li l-Kummissjoni tinnotifika lis-Segretarjat bil-kimiċi li jikkwalifikaw għan-notifika tal-PIC u li din tavża lil dan is-Segretarjat kif u meta aktar kimiċi jikkwalifikaw għall-proċedura u jiżdiedu mat-2 Parti ta’ l-Anness I ta' dan ir-Regolament. Din in-notifika trid tingħata mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni ta’ l-azzjoni regolatorja finali Komunitarja li tipprojbixxi jew trażżan strettament il-kimika in kwistjoni u għandha tinkludi l-informazzjoni kollha mitluba fl-Anness II ta' l-istess Regolament, li b'mod partikolari jirrigwardaw il-kwalitajiet fiżiko-kimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi ta' dan il-prodott, kif ukoll il-perikoli u r-riskji li dan jippreżenta għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-ambjent.
15 L-Artikolu 10(6) tar-Regolament ikkontestat jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkomunika minnufih lill-Istati Membri t-tagħrif li tirċievi mis-Segretarjat dwar kimiċi notifikati bħala projbiti jew imrażżna strettament minn Partijiet oħrajn u li tevalwa, "b’kooperazzjoni qrib ma’ l-Istati Membri, il-ħtieġa li tipproponi miżuri fuq livell Komunitarju sabiex jiġu mrażżna riskji li m'humiex aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent fil-Komunità".
16 Kif indikat fil-punt 9 ta' din is-sentenza, l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament ikkontestat jirrigwardaw, b'mod partikolari, il-kimiċi suġġetti għall-proċedura PIC li huma elenkati fit-3 Parti ta' l-Anness I ta' dan ir-Regolament. Korrispondenti għall-Artikolu 10 u 11 ta' din il-Konvenzjoni, dawn l-Artikoli jistabbilixxu, rispettivament, l-obbligi għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ta' kimiċi apparti min-notifika.
17 Fir-rigward ta' l-importazzjoni ta' kimiċi li huma projbiti jew imrażżna strettament, l-Artikolu 12(1) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li, meta il-Kummissjoni tirċievi mis-Segretarjat dokument ta’ gwida dwar deċiżjonijiet dwar l-elenkar ta' kimika ġdida ma' l-Anness III tal-Konvenzjoni, mill-ewwel tittrażmetti dan lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni wara għandha tieħu deċiżjoni dwar importazzjoni, fil-forma ta’ reazzjoni finali jew temporanja, f’isem il-Komunità, dwar l-importazzjoni fil-futur lejn il-Komunità tal-kimika kkonċernata, "skond il-leġi[ż]lazzjoni eżistenti tal-Komunità". Skond l-Artikolu 12(1) u (4), din id-Deċiżjoni li tieħu forma ta' awtorizzazzjoni jew ta' interdizzjoni ta' importazzjoni, l-awtorizzazzjoni li tista' tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet, hija għalhekk ikkomunikata lis-Segretarjat, flimkien ma' deskrizzjoni tal-miżura leġiżlattiva jew amministrattiva li fuqha hija fondata.
18 Fejn tirrigwarda kimika projbita jew imrażżna strettamentmill bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ikkontestat jipprevedi l-obbligu, tal-Kummissjoni, li fuq talba bil-miktub ta’ l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni, hi għandha tqis l-informazzjoni fid-deċiżjoni tagħha dwar l-importazzjoni, waqt li, bi qbil ma' l-Artikolu 10(6) ta' l-istess Regolament, l-Artikolu 12(6) jistieden ukoll lill-Kummissjoni li tevalwa, "b’kooperazzjoni qrib ma’ l-Istati Membri, il-ħtieġa li tipproponi miżuri fuq livell Komunitarju sabiex jiġu mrażżna riskji li m'humiex aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent fil-Komunità, filwaqt li tqis it-tagħrif li jinsab fid-dokument tal-gwida dwar deċiżjonijiet".
19 L-Artikolu 13 tar-Regolament ikkontestat, dwar l-esportazzjoni ta' kimiċi li huma projbiti jew imrażżna strettament, min-naħa tiegħu fih regoli li jiggarantixxu r-rispett ta' deċiżjonijiet meħuda mill-Partijiet l-oħra fil-Konvenzjoni u pajjiżi oħra f'dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta' dawn il-kimiċi fuq it-territorju tagħhom. Huwa wkoll jipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tibgħat minnufih lill-Istati Membri u l-għaqdiet Ewropej ta’ l-industrija, tagħrif li tirċievi, kemm taħt forma ta’ ċirkulari jew mod ieħor, mis-Segretarjat dwar kimiċi suġġetti għall-proċedura tal-PIC u d-deċiżjonijiet tal-Partijiet li jimportaw dwar kundizzjonijiet ta’ l-importazzjoni għal dawn il-kimiċi (Artikolu 13(1)) u li l-Istati Membri kollha għandhom jikkomunikaw r-reazzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lil dawk kollha ikkonċernati fil-ġurisdizzjoni tagħhom. (Artikolu 13(3)). L-Artikolu 13(4) jippreċiża li l-esportaturi għandhom iħarsu d-deċiżjonijiet f’kull reazzjoni "mhux aktar tard minn sitt xhur wara li s-Segretarjat ikun għarraf għall-ewwel darba lill-Kummissjoni […]".
20 Skond l-Artikolu 13(6):
"L-ebda kimika elenkata fit-2 u t-3 Parti ta’ l-Anness I m’għandha tiġi esporatata kemm-il darba:
a) ma ġiex imfittex kunsensus espliċitu għall-importazzjoni u ġie rċevut mill-esportatur mill-awtorit[à] nazzjonali nominata tiegħu u l-awtorit[à] nazzjonali nominata ċittadini tal-Parti li timporta jew awtorit[à] xierqa fil-pajjiż ieħor li jimporta; jew
b) fil-każ ta’ kimiċi elenkati fit-3 Parti ta’ l-Anness I, l-aħħar ċirkulari maħruġa mis-Segretarjat skond il-paragrafu 1 ma tindikax li l-Parti li timporta tat il-kunsens tagħha li timporta."
21 Bl-istess mod, l-Artikolu 13(7) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi li:
"L-ebda kimika m’għandha tiġi esporatata aktar tard minn sitt xhur qabel id-data meta tiskadi, meta din id-data teżisti jew tista’ tiġi kalkolata mid-data tal-kimiċi, kemm-il darba l-kwalitajiet intrins[iċi] tal-kimika jrendu dan imprattikabbli. B’mod partikolari, fil-każ ta’ pestiċidji, l-esporaturi għandhom jiżguraw illi d-daqs u l-pakketti tal-kontenituri tal-pestiċidji huma ottimiżżati sabiex jitnaqqsu sal-minimu r-riskji li jinħalqu ħażniet skaduti."
22 Fl-aħħarnett, skond l-Artikolu 13(8):
"Meta jesportaw il-pestiċidji, l-esportaturi għandhom jiżguraw illi t-tikketta jkunu jinsab fiha tagħrif speċifiku dwar il-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbilit[à] tal-ħażna taħt il-kundizzjonijiet klimatiċi tal-Parti li timporta jew tal-pajjiż ieħor li jimporta. Barra dan, għandhom jiżguraw li l-pestiċidji esportati jħarsu l-ispeċifikazzjoni dwar safa stabblita bil-leġiżlazzjoni tal-Komunità."
23 L-Artikolu 14 tar-Regolament ikkontestat jirrigwarda s-sitwazzjoni partikolari ta' oġġetti li jinkludu fihom kimiċi elenkati fit-2 jew fit-3 Parti ta’ l-Anness I ta' dan ir-Regolament – liema oġġetti jkunu suġġetti għall-proċedura tan-notifika ta’ l-esportazzjoni stabbilita fl-Artikolu 7, skond l-Artikolu 14(1) – u għal dik ta' kimiċi li jagħtu lok għal tħassib partikolari fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent – dawn il-kimiċi huma suġġetti għal projbizzjoni totali ta' esportazzjoni, skond l-Artikolu 14(2). Min-naħa tagħhom, l-Artikoli 15 u 16 ta' dan ir-Regolament jikkonċernaw, rispettivament, it-tagħrif dwar il-movimenti ta’ tranżitu u dawk li għandhom jakkumpanjaw l-kimiċi esportati. Dawn ta' l-aħħar huma suġġetti għall-miżuri dwar l-ippakkjar u t-tikkettjar stabbiliti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti kif ukoll l-obbligu eventwali li tissemma, fuq it-tikketta, id-data tal-produzzjoni u d-data ta’ l-iskadenza ta' dawn il-kimiċi (Artikolu 16(1) u (2)). Min-naħa l-oħra l-Artikolu 16(3) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi ukoll li l-esportatur għandu jindirizza lil kull importatur ta' kimiċi taħt l-Artikolu 16(1) data sheet tas-sigurtà skond id-Direttiva tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 1991 91/155/KEE, li tiddefinixxi u tistabbilixxi l-arranġamenti ddettaljati għas-sistema tat-tagħrif speċifiku dwar il-preparazzjonijiet perikolużi bl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 88/379/KEE (ĠU L 76, p. 35).
24 L-aħħar Artikoli ta' dan ir-Regolament ikkontestat jirrigwardaw, rispettivament, l-obbligi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li jikkontrollaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni (Artikolu 17) it-twaqqif, mill-Istati Membri, ta' sistema ta' penali "effettivi, proporzjonali u dissważivi" fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament (Artikolu 18), li l-Istati Membri għandhom regolarment jibagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar il-ħidma tal-proċeduri previsti fl-istess Regolament u l-preparazzjoni ta' rapport ta’ sintesi permezz ta' din l-istituzzjoni (Artikolu 21), li l-Annessi tar-Regolament ikkontestat jiġu riveduti "a bażi ta’ [l-iżvillup] taħt il-leġi[ż]lazzjoni Komunitarja u taħt il-Konvenzjoni" (Artikolu 22) u l-elaborazzjoni, mill-Kummissjoni, ta' noti tekniċi għall-gwida biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ kuljum ta’ dan ir-Regolament (Artikolu 23). F'dak li jirrigwarda l-Artikoli 19 u 20 ta' dan l-istess Regolament, dawn jirrigwardaw il-bżonn ta' skambju ta' informazzjoni u ta' assistenza teknika, b'mod partikolari favur pajjiżi li qed jiżvillupaw u pajjiżi bi ekonomija tranżitorja, fi kliem ferm simili għal dak użat fl-Artikoli 14 u 16 tal-Konvenzjoni.
It-talbiet tal-partijiet
25 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
– tannulla r-Regolament ikkontestat;
– tiddikjara li l-effetti ta' dan ir-Regolament għandhom jinżammu sakemm il-Kunsill jadotta regolament ġdid, u
– tordna lill-Parlament u l-Kunsill ibatu l-ispejjeż.
26 Il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad dan ir-rikors bħala wieħed infondat u tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.
27 B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 2003, laqa' it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq f'din il-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill.
Fuq ir-rikors
L-argumenti tal-partijiet
28 Il-Kummissjoni tqajjem raġuni waħda in sostenn għar-rikors tagħha, ibbażata fuq il-ksur tat-Trattatt KE minħabba l-għażla tal-bażi ġuridika ħażina. Safejn, fil-fatt, ir-Regolament ikkontestat huwa strument li l-għan essenzjali tiegħu huwa li jirregola l-kummerċ internazzjonali ta' ċerti kimiċi perikolużi, huwa jaqa' taħt l-iskop tal-politika kummerċjali komuni u mhux tal-politika Komunitarja ta' l-ambjent. Għalhekk, din kellha tiġi adottata bħala Regolament tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 133 KE, u mhux fil-forma ta' regolament tal-Parlament u tal-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu 175(1) KE. Skond il-Kummissjoni, din il-konklużjoni ssegwi kemm mill-qari tal-preambolu tar-Regolament ikkontestat, li jistabbilixxi l-għanjiet intiżi mil-leġiżlaturi, u kif ukoll minn analiżi tal-kontenut ta' din.
29 L-ewwelnett, f'dak li jirrigwarda, l-għanjiet tar-Regolament, il-Kummissjoni tqis li dawn jistgħu, mill-ewwel, jiġu dedotti mill-qari ta' l-istess titolu ta' dan, billi dan ta' l-aħħar jirreferi għal "esportazzjoni" u għal "importazzjoni" ta' kimiċi perikolużi. L-użu ta' dawn it-termini, kif ukoll l-intenzjoni, imsemmija fit-tielet premessa ta' l-istess Regolament, li timplimenta din il-Konvenzjoni mingħajr ma ddgħajjef bl-ebda mod l-effetti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' kimiċi perikolużi, turi b'mod ċar l-għan kummerċjali predominanti ta' dan ir-Regolament, li huwa li l-kummerċ ta' dawn il-kimiċi jiġi rregolat bejn il-Komunità u pajjiżi terzi.
30 L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, li jistabbilixxi l-għanjiet mfittxa mil-leġiżlaturi, wkoll jirripeti direttament dan it-tħassib billi, skond l-Artikolu 1(1)(a), ir-Regolament ikkontestat għandu bħala għan "li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam". Issa, skond il-Kummissjoni, din il-Konvenzjoni taqa' preċiżament taħt il-politika kummerċjali komuni minħabba li tikkonċerna il-proċedura tal-kunsens informat minn qabel applikabbli għal kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali. L-għanjiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1)(b) u (c) ta' dan ir-Regolament ma jagħmlux għajr li jirrepetu l-għanjiet deskritti fl-Artikoli 1 tal-Konvenzjoni.
31 Fir-rigward ta' l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat, dan iżomm ma' l-istess perspettiva kummerċjali minħabba li jistieden lill-Komunità li taċċerta li l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-klassifika, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta’ kimiċi perikolużi, li japplikaw għal dawn il-kimiċi meta jitqiegħdu fuq is-suq fil-Komunità, u jkunu bl-istess mod applikabbli għal dawn meta jiġu esportati lejn Partijiet oħra fil-Konvenzjoni jew pajjiżi oħrajn. Il-kummerċ ta' dawn il-kimiċi ma' Stati terzi għalhekk jikkostitwixxi għan ċentrali tar-Regolament ikkontestat.
32 L-analiżi tal-kontenut kontenut stess tar-Regolament ikkontestat ukoll jikkonferma, skond il-Kummissjoni, it-teżi li, dan huwa essenzjalment strument ta' natura kummerċjali. Din l-istituzzjoni, b'mod partikolari tirreferi f'dan ir-rigward, għall-Artikoli 6 sa 16 ta' dan ir-Regolament, li jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-esportazzjoni u għall-importazzjoni ta' kimiċi perikolużi u li jikkostitwixxu, f'għajnejha, id-dispożizzjonijiet essenzjali ta' dan l-istess Regolament, kif ukoll għall-Artikolu 3 ta' l-istess Regolament, li fil-paragrafi (16) u (17) jiddefinixxi l-kunċetti ta' "esportazzjoni" u ta' "importazzjoni" b'referenza għall-proċeduri doganali applikabbli fi ħdan il-Komunità. Skond il-Kummissjoni, tali riferenza neċessarjament tfisser li l-moviment tal-kimiċi in kwistjoni f'din il-kawża huwa ttrattat bħala kummerċ ta' tali kimiċi u, bħala tali, suġġett għall-istess regoli li japplikaw għal dan.
33 F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tosserva li l-klassifikazzjoni, it-tikkettjar, l-użu jew it-tqegħid fis-suq ta' kimiċi koperti mir-Regolament ikkontestat huma regolati, fil-liġi Komunitarja, minn numru ta' Direttivi li, ħlief għal wieħed, huma kollha ibbażati fuq l-Artikolu 95 KE jew fuq l-Artikolu 100 tat-Trattat KEE (li wara emenda sar, Artikolu 100 tat-Trattat KE, li hu stess sar l-Artikolu 94 KE) jew l-Artikolu 100A tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 95 KE). L-Istati Membri li xtaqu jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu ta' kimika li mhux suġġetta għal miżura ta' armonizzazzjoni Komunitarja għalhekk iridu jinvokaw l-Artikolu 30 KE biex jiġġustifikaw din il-projbizzjoni jew restrizzjoni, jew jitolbu deroga skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(4) jew (5) KE. Billi l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw regoli nazzjonali differenti fil-Komunità mingħajr ma l-ewwel ikunu kisbu tali deroga, m'hijiex kwistjoni li tawtorizza dawk l-Istati Membri japplikaw regoli differenti f'dak li jirrigwarda l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' kimiċi perikolużi. Il-kummerċ ta' tali kimiċi ma' Stati terzi jrid neċessarjament ikun regolat b'mod uniformi sabiex tiġi evitata distorsjoni eventwali fil-kummerċ intrakomunitarju. L-Artikolu 133 KE għalhekk jikkostitwixxi bażi ġuridika xierqa għar-Regolament ikkontestat.
34 Fl-aħħarnett, billi tirreferi għall-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn fejn joħroġ li l-politika kummerċjali komuni hija, min-natura tagħha, suġġetta għal interpretazzjoni wisa', il-Kummissjoni tiddeplora l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni materjali tar-Regolament ikkontestat ikun imwessa' għal kimiċi li ma kienux inklużi fil-proposta inizjali tagħha, jiġifieri l-kimiċi perikolużi jew imrażżna strettament f'wieħed jew iktar Stati Membri biss. Din l-emenda, flimkien mat-termini ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament ikkontestat, li skond dan, il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-Konvenzjoni, fir-rigward ta' ċertu kwistjonijiet inidikata f'dan l-Artikolu, "għandha tkun responsabbilt[à] konġunta tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri", hija b'mod ċar kontra l-armonizzazzjoni mfittxa fuq il-livell Komunitarju minħabba li tidher li tieħu bħala miksuba l-eżistenza ta' tali projbizzjonijiet u restrizzjonijiet nazzjonali, u huwa biss l-Artikolu 10(7) ta' dan ir-Regolament ikkontestat li jirreferi għall-bżonn li tiġi rispettata l-leġiżlazzjoni Komunitarja.
35 Min-naħa l-oħra, għall-konvenuti, il-t-termini li jinsabu fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5, ta' dan ir-Regolament m'għandhomx għan ieħor ħlief li jirriflettu, bl-iktar mod adegwat, in-natura mħallta tal-parteċipazzjoni tal-Komunità u ta' l-Istati Membri għall-Konvenzjoni. F'dak li jirrigwarda t-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni sostantiv ta' l-istess Regolament għall-kimiċi pprojbiti jew imrażżna strettament f'ċerti Stati Membri biss, dan jikkostitwixxi, skond il-konvenuti, prova supplementari ta' l-importanza li tingħata għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent minħabba li, meta mqabbel mal-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, kimiċi oħra kienu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni potenzjali tar-Regolament ikkontestat. Il-Kunsill u l-Parlament jirreferu, f'dan il-kuntest, għall-Artikolu 15(4) tal-Konvenzjoni, li jawtorizza lill-Partijiet fil-Konvenzjoni jieħdu, taħt ċeriu kundizzjonijiet, miżuri aktar iebsa minn dawk previsti fil-Konvenzjoni "sabiex tiġi mħarsa aħjar is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent", kif ukoll fir-raba' u s-sbatax-il premessa tar-Regolament ikkontestat li jirreferu rispettivament għal ħtieġa "li wieħed imur oltre d-dispo[ż]izzjonijiet tal-Konvenzjoni f’xi aspetti" u li jiggarantixxi f'kull ipoteżi "l-amministrazzjoni tajba tal-kimiċi".
36 F'dak li jirrigwarda, il-kontenut stess ta' dan ir-Regolament, il-konvenuti u l-partijiet intervenjenti jaqblu, fis-sustanza, mal-kunsiderazzjonijiet miġjuba mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura ċentrali tal-mekkaniżmi previsti fl-Artikoli 6 sa 16 ta' dan l-istess Regolament, iżda, skond dawn, dawn il-mekkaniżmi huma evidenza ta' l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti ħżiena ta' tmexxija bla kontroll ta' kimiċi perikolużi iktar milli tħassib sabiex tirregola jew tippromwovi il-kummerċjalizzazzjoni effettiva tagħhom. F'dan ir-rigward, dawn il-partijiet jirreferu, b'mod partikolari, għall-Artikolu 1(2) tar-Regolament ikkontestat, li espressament jirreferi għad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta' kimiċi perikolużi għall-bniedem jew l-ambjent, kif ukoll għall-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 12(6) ta' l-istess Regolament, li t-tnejn jagħtu l-possibbiltà, lill-Kummissjoni tevalwa, b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, il-bżonn li tipproponi l-adozzjoni ta' miżuri fuq livell Komunitarju sabiex jiġi evitat kull riskju li m'huwiex aċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent fi ħdan il-Komunità.
37 Skond il-Gvern Finlandiż, l-Artikoli 17 sa 21 tar-Regolament ikkontestat huma ispirati mill-istess tħassib sanitarju u ambjentali minħabba li jimponu eżiġenzi konkreti relatati kemm mal-moniteraġġ u mar-rispett ta' l-obbligi previsti mill-Konvenzjoni u minn dan ir-Regolament u kif ukoll ma' l-istabbiliment ta' sistema ta' penali effettivi fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet tagħhom.
38 Wara, għal dak li jirrigwarda, l-argument tal-Kummissjoni li t-tranżazzjonijiet li jinvolvu kimiċi perikolużi jridu neċessarjament ikunu regolati fil-kuntest tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiġu evitati distorsjonijiet eventwali fil-kummerċ intrakomunitarju, il-konvenuti jsostnu li l-ebda distorsjoni maġġuri ma seħħet fil-passat, allavolja, l-istess regoli in kwistjoni kienu ġew adottati fuq bażi ambjentali, u li, minbarra dan, fejn regoli huma stabbiliti fuq livell Komunitarju sabiex jiġi regolat il-kummerċ ta' kimiċi perikolużi, dawn ir-regoli huma imposti f'kull ipoteżi fuq l-Istati Membri u operaturi ekonomiċi, indipendentament mill-bażi ġuridika li fuqha huma adottati. L-Istati Membri ma jistgħux għalhekk jadottaw miżuri nazzjonali jekk mhux skond dawn ir-regoli komuni u l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, kif jirriżulta b'mod ċar, mill-Artikolu 10(7) tar-Regolament ikkontestat.
39 Kif għamlu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati fil-kuntest ta' rikors magħmul mill-Kummissjoni kontra d-Deċiżjoni 2003/106 li tapprova l-Konvenzjoni f'isem il-Komunità Ewropea (ara, f'dan ir-rigward, is-sentenza ta' llum, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-94/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), il-Kunsill u l-Parlament fl-aħħar jirreferu għal numru ta' atti Komunitarji li fihom ukoll dispożizzjonijiet ta' natura kummerċjali, iżda li, minħabba fl-għan ambjentali predominanti tagħhom, huma bbażati fuq l-Artikolu 175(1) KE, l-Artikolu 130S tat-Trattat KE (li wara emenda sar l-Artikolu 175 KE) jew l-Artikolu 130S tat-Trattat KEE (li wara emenda sar l-Artikolu 130S tat-Trattat KE). Tali huwa l-każ, b'mod partikolari, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta' l-1 ta' Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta' vjaġġi bil-baħar ta' skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1) u tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996, dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU 1997, L 61, p. 1), kif ukoll tar-Regolament Nru 2455/92, li r-Regolament ikkontestat espliċitament abroga u ssostitwixxa. Din il-kontinwità bejn ir-Regolament Nru 2455/92 u r-Regolament ikkontestat tikkostitwixxi indikazzjoni supplimentari tal-bżonn li dan l-aħħar Regolament ikun ibbażat fuq l-Artikolu 175(1) KE.
Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti
40 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, li r-rikorrenti u l-konvenuti ma ma jikkontestawx il-preżenza fl-istess ħin, fir-Regolament ikkontestat, ta' elementi ta' natura kummerċjali u ambjentali. Madankollu, ma jaqblux dwar il-punt ċentrali tal-gravità ta' dan ir-Regolament. Waqt li l-Kummissjoni fil-fatt issostni li għalkemm ir-Regolament ikkontestat għandu effetti ta' benefiċċju għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, l-għan prinċipali tiegħu huwa li jirregola l-kummerċ ta' kimiċi perikolużi, il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll il-partijiet intervenjenti kollha, min-naħa l-oħra, iqisu, li dan l-aħħar aspett għandu natura aċċessorja u li l-għan prinċipali tar-Regolament ikkontestat jikkonsisti f'li jiġu stabbiliti regoli u proċeduri li jiggarantixxu livell elevat ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent.
41 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att Komunitarju għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom jinkludu, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (ara s-sentenzi tas-26 ta' Marzu 1987, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 11; tal-11 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (Dijossidu tat-Titanju), C‑300/89, Ġabra p. I-2867, punt 10; tat-3 ta' Diċembru 1996, il-Portugall vs il-Kunsill, C-268/94, Ġabra p. I-6177, punt 22, u tat-13 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-176/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).
42 Jekk l-eżami ta' att Komunitarju juri li għandu żewġ għanjiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn huwa identifikabbli bħala dak prinċipali jew predominanti, waqt li l-ieħor m'huwiex għajr aċċessorju, l-att irid ikun ibbażat fuq bażi ġuridika waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew komponent prinċipali jew predominanti (ara is-sentenzi tat-30 ta' Jannar 2001, Spanja vs il-Kunsill, C‑36/98, Ġabra p. I-779, punt 59; tal-11 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-211/01, Ġabra p. I-8913, punt 39, u tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-338/01, Ġabra p. I-4829, punt 55).
43 Eċċezzjonalment, jekk huwa stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-att għandu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin jew li għandu iktar minn komponent wieħed, li huma marbuta b'mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat ma' l-ieħor, tali att irid ikun ibbażat fuq id-diversi bażi ġuridiċi korrispondenti (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta' Settembru 2002, Huber, C-336/00, Ġabra p. I‑7699, punt 31; tat-12 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C‑281/01, Ġabra p. I-12049, punt 35, u tal-11 ta' Settembru 2003, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40).
44 Dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża. Fir-rigward ta’ l-għanjiet tiegħu kif ukoll il-kontenut tiegħu, ir-Regolament ikkontestat għandu fil-fatt komponenti kummerċjali u ambjentali li huma marbuta b’mod inseparabbli li rikors konġunt għall-Artikoli 133 KE u 175(1) KE kien meħtieġ għall-adozzjoni ta’ dan l-att.
45 F’dan ir-rigward, l-ewwelnett għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta b’mod ċar ukoll mill-premessi u mill-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament ikkontestat, l-ewwel għan tiegħu huwa l-implementazzjoni tal-Konvenzjoni. Issa, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 51 tas-sentenza ta’ llum, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, din il-Konvenzjoni tinkludi speċifikament żewġ komponenti li jirregolaw il-kummerċ u li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent li tant huma marbuta mill-qrib li d-deċiżjoni li tapprova din il-Konvenzjoni f’isem il-Komunità kellha tkun fondata fuq l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE.
46 Huwa veru li l-fatt li waħda jew iktar dispożizzjonijiet tat-Trattat ġew magħżula bħala bażi ġuridiċi għall-approvazzjoni ta’ ftehim internazzjonali m’huwiex biżżejjed biex juri li dawn l-istess dispożizzjonijiet iridu ukoll ikunu użati bħala bażi ġuridiċi għall-adozzjoni ta’ atti intiżi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim fuq livell Komunitarju.
47 Madankollu, f’dan il-każ użu ta’ l-istess bażi ġuridika kemm għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Konvenzjoni f’isem il-Komunità u kif ukoll għar-Regolament ikkontestat, li jimplementa din il-Konvenzjoni fuq il-livell Komunitarju, hija neċessarja f’kull każ fir-rigward tal-konverġenza evidenti bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ atti, li tirrifletti kemm it-tħassib li jiġi rregolat il-kummerċ ta’ kimiċi perikolużi kif ukoll dak li tiġi assigurata amministrazzjoni tajba ta’ dawn il-kimiċi u/jew li tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kontra l-effetti ħżiena tal-kummerċ ta’ dawn il-kimiċi.
48 Dan huwa il-każ, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 1(1) u 2 tar-Regolament ikkontestat, li jistabbilixxu l-għanjiet mfittxa mil-leġiżlaturi kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni sustantiv ta’ dan ir-Regolament f’termini simili għal dawk użati, rispettivament, fl-Artikoli 1 u 3 tal-Konvenzjoni, u d-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 ta’ din ta’ l-aħħar jikkorrispondu għall-biċċa l-kbira għal dawk li jidhru fl-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat.
49 Dan huwa wkoll u partikolarment il-każ ta’ l-Artikoli 6 sa 13 ta’ dan ir-Regolament, li jinkludu r-regoli u l-proċeduri applikabbli fil-kummerċ tal-kimiċi perikolużi f’termini li jirriflettu, f’numru ta’ aspetti, ir-regoli u l-proċeduri previsti mill-Konvenzjoni. L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament ikkontestat jirreferu b’mod ċar għall-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, dwar in-notifiki ta’ esportazzjoni, filwaqt li l-Artikoli 12 u 13 ta’ l-istess Regolament, dwar l-obbligi li jirrigwardaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ kimiċi, jirripetu direttament l-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni, li jistabilixxu l-istess obbligi.
50 It-tieninett, għandu jiġi osservat li, minbarra t-tfittxija li topera b’mod parallelu mal-Konvenzjoni, li huwa jfittex li jimplimenta fuq livell Komunitarju, ir-Regolament ikkontestat imur oltre mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din minħabba, kif espliċitament jirriżulta mill-istess termini tar-raba’ premessa ta’ dan ir-Regolament, il-leġiżlatur Komunitarju juri l-intenzjoni tiegħu "li wieħed imur oltre d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni f’xi aspetti". Id-dispożizzjonijiet miżjuda, għal dan il-għan, fir-Regolament ikkontestat jiġġustifikaw b’mod sħiħ ir-rikors għall-Artikolu 133 KE, flimkien mar-rikors għall-Artikolu 175(1) KE.
51 Dan huwa l-każ, per eżempju, ta’ l-Artikoli 14(2) u 16(1) tar-Regolament ikkontestat. Sa fejn dan ta’ l-ewwel, jimponi projbizzjoni totali fuq esportazzjoni ta’ kimiċi u ta’ oġġetti elenkati fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament u, it-tieni wieħed, meta moqri flimkien ma’ l-Artikoli 1(2) u 2 (1)(c) ta’ l-istess Regolament, jimponi r-rispett, f’każ ta’ esportazzjoni, tar-regoli Komunitarji rilevanti dwar il-klassifikazzjoni, l-ippakkjar u t-tikkettjar ta’ kimiċi u preparazzjonijiet perikolużi, mingħajr ħsara għall-eżiġenzi speċifiċi tal-parti jew tal-pajjiż importatur, dawn iż-żewġ Artikoli fil-fatt jirregolaw direttament in-negozju u l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti.
52 F’dan il-kuntest, il-konvenuti b’mod partikolari jsostnu li r-rikors għall-Artikolu 133 KE ma kienx neċessarju minħabba, min-naħa, l-ebda distorsjoni rilevanti ma ġiet osservata fil-kummerċ intrakomunitarju fis-snin preċedenti u, min-naħa l-oħra, li, fit-twettiq tal-kompetenzi tagħhom, l-Istati Membri kienu mistennija li f’kull każ jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 10(7) tar-Regolament ikkontestat.
53 F’dan i-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, anki li kieku wieħed jassumi li huwa fondat, il-fatt li l-ebda distorsjoni ma ġiet misjuba fil-kummerċ intrakomunitarju tal-prodotti kkonċernati m’hijiex ta’ natura li tqajjem rikors, f’dan il-każ, għall-Artikolu 133 KE. Il-fondatezza tajba ta’ rikors għal dan l-Artikolu bħala bażi ġuridika ta’ att Komunitarju jiddependi fil-fatt mill-karatteristiċi proprji ta’ dan l-att u minn jekk dawn il-karatteristiċi jissodisfawx il-kriterji oġġettivi li jiddeterminaw l-applikabbiltà ta’ din il-bażi ġuridika. Kif ġie osservat instab qabel, ir-Regolament ikkontestat jissodisfa dawn il-krtierji.
54 Għal dak li jirrigwarda l-argument li, fit-twettiq tal-kompetenzi tagħhom, l-Istati Membri huma, f’kull każ, mistennija li jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, tali argument, li l-eżattezza tiegħu ma tistax per se tiġi kkontestata, hija madankollu rrilevanti għall-għażla tal-bażi ġuridika xierqa ta’ att Komunitarju.
55 Fl-aħħarnett, għal dak li jikkonċerna l-fatt, imsemmi mill-konvenuti, li atti Komunitarji oħra, bħar-Regolamenti Nru 259/93 u 338/97 jew ir-Regolament Nru 2455/92, li kien jippreċedi r-Regolament ikkontestat, huma fondati fuq bażi ġuridika li tirrigwarda l-politika ta’ l-ambjent, m’hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Skond ġurisprudenza kostanti, fil-fatt, l-għażla ta’ bażi ġuridika ta’ att għandha ssir billi jiġi kkunsidrat l-għan u l-kontenut proprju tagħha, u mhux fir-rigward tal-bażi ġuridika użata għall-adozzjoni ta’ atti Komunitarji oħra li jippreżentaw, f’ċertu każijiet, karatteristiċi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, il-Parlament vs il-Kunsill, C-187/93, Ġabra p. I-2857, punt 28, li tirrigwarda, preċiżament, l-għażla tal-bażi ġuridika tar-Regolament Nru 259/93).
56 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha hawn imsemmija, għalhekk għandu jiġi konkluż li r-Regolament ikkontestat għandu, kemm fuq il-livell ta’ għanjiet imfittxa mil-leġiżlaturi kif ukoll fuq il-kontenut tiegħu, żewġ komponenti li huma marbuta b’mod inseparabbli, mingħajr ma wieħed jista’ jiġi kkunsidrat bħala sekondarju jew indirett meta mqabbel ma' l-ieħor; wieħed jirrigwarda l-politika kummerċjali komuni u l-ieħor il-politika ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent. Skond il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, dan ir-Regolament għalhekk għandu jkun fondat fuq iż-żewġ bażi ġuridiċi korrispondenti, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE.
57 Ċertament u kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sustanza, fil-punti 17 sa 21 tas-sentenza Dijossidu tat-titanju, iċċitata iktar ‘il fuq, ir-rikors għall-bażi ġuridika doppja hija eskluża meta l-proċeduri previsti għal kull waħda minn dawn il-bażijiet ġuridiċi huma inkompatibbli u/jew meta l-użu konġunt ta’ bażijiet ġuridiċi huwa ta’ natura li jista’ jippreġudika d-drittijiet tal-Parlament (ara ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, il-Parlament vs il-Kunsill, C-164/97 u C‑165/97, Ġabra p. I-1139, punt 14, u tad-29 ta’ April 2004, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 57). Mandankollu, f’dan il-każ, l-ebda minn dawn il-konsegwenzi ma tirriżulta minn rikors konġunt għall-Artikoli 133 KE u 175(1) KE.
58 Min-naħa, fil-fatt, ir-rikors addizzjonali għall-Artikolu 133 KE ma setgħax, f’dan il-każ, kellu l-ebda influwenza fuq ir-regoli tal-vot applikabbli fi ħdan il-Kunsill minħabba li, bħall-Artikolu 175(1) KE, l-Artikolu 133(4) KE jiddisponi li, fit-twettiq tal-kompetenzi li huma mogħtija lilu taħt dan l-aħħar Artikolu, il-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.
59 Min-naħa l-oħra, ir-rikors konġunt għall-Artikoli 133 KE u 175(1) KE m’huwiex ta’ natura li jkun ta’ ħsara għad-drittijiet tal-Parlament minħabba li, jekk l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ Artikoli ma jipprevedix, formalment, il-parteċipazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fl-adozzjoni ta’ att bħal dak in kwistjoni f’din il-kawża, it-tieni wieħed, min-naħa l-oħra, jirreferi espliċitament għall-proċedura indikata fl-Artikolu 251 KE. Kuntrarjament għas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dijossidu tat-titanju, iċċitata iktar ‘il fuq, l-użu konġunt ta’ bażijiet ġuridiċi f’dan il-każ ma jwassal għall-ebda ħsara għad-drittijiet tal-Parlament minħabba li r-rikors għal-Artikolu 175(1) KE jippermetti lil din l-istituzzjoni li tadotta l-att skond il-proċedura ta’ kodeċiżjoni.
60 Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal qabel, huwa għalhekk neċessarju li r-Regolament ikkontestat ikun annullat sa fejn huwa fondat biss fuq l-Artikolu 175(1) KE.
Fuq il-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ l-annullament
61 Fit-talbiet tagħha l-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fil-każ li r-rikors ikollu jiġi milqugħ, l-effetti tar-Regolament ikkontestat jinżammu sa’ l-adozzjoni ta’ Regolament ġdid.
62 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis dan neċessarju, tiddikjara liema mill-effetti tar-Regolament annullat għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ.
63 F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, skond l-Artikolu 26 tiegħu, ir-Regolament ikkontestat daħal fis-seħħ l-għada tad-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, li saret fis-6 ta’ Marzu 2003.
64 Mis-7 ta’ Marzu 2003, l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ kimiċi perikolużi huma regolati minn dan ir-Regolament u l-Kummissjoni kellha tieħu, fl-applikazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar, numru ta’ deċiżjonijiet ta’ importazzjoni Komunitarja dwar ċertu kimiċi u sustanzi kimiċi.
65 Minħabba f’dawn l-elementi u sabiex, b’mod partikolari, jiġu evitati kull inċertezza legali fir-rigward tas-sistema applikabbli għall-kummerċ ta’ dawn il-prodotti wara l-annullament ta’ dan ir-Regolament ikkontestat, għalhekk għandhom jinżammu l-effetti ta’ dan ir-Regolament sa’ l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta’ regolament ġdid fondat fuq il-bażijiet ġuridiċi xierqa.
Fuq l-ispejjeż
66 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3) ta' l-istess Regolament, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li f'din il-kawża, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, tilfu parzjalment, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom. Skond l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi:
1) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 304/2003 tat-28 ta' Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi, huwa annullat.
2) L-effetti ta’ dan ir-Regolament jinżammu sa’ l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta’ regolament ġdid fondat fuq il-bażijiet ġuridiċi xierqa.
3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
4) Ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.