Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0135

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) ta' l-14 ta' Lulju 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Leġiżlazzjoni komunitarja dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-użu tal-kelma 'bio' għall-prodotti li mhux ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika.
    Kawża C-135/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:457

    62003J0135



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża C-135/03

    li għanda bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fis-26 ta' Marzu 2003,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Berscheid, B. Doherty u F. Jimeno Fernandez kif ukoll minn S. Pardo Quintillán, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad u E. Braquehais Conesa, bħala aġenti,

    konvenut

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' l-Awla , K. Lenaerts, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilei u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub wara s-seduta tat-3 ta' Marzu 2005,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-17 ta' Marzu 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    1. Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li

    - peress li żamm fil-leġiżlazzjoni interna u fil-prattiċi tiegħu l-użu tal-kelma 'bio', waħedha jew flimkien ma kliem ieħor, għall-prodotti li ma ġewx miksuba skond metodi ta' produzzjoni organika, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artrikolu 2 flimkien ma dawk ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 2092/91 (KEE) ta' l-24 ta' Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel (ĠU L 198, p.1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1935/95 (KE) tat-22 ta' ġunju 1995 (ĠU L 186, p.1) u, sabiex jinkludi l-produzzjoni ta' l-annimali, permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru. 1804/1999 (KE) tad-19 ta' Lulju 1999 (ĠU L 222, p.1, iktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru. 2092/91")

    - peress li ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi evitat l-użu frawdolenti tal-kelma in kwistjoni, bi ksur ta' l-Artikolu 2 u 10a tar-Regolament Nru. 2092/91,

    - peress li ma adottax miżuri maħsuba sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jkunu mqarrqa dwar il-metodi ta' produzzjoni jew ksib ta' l-oggetti ta' l-ikel, bi ksur ta' l-Artikolu 2 ta' l-imsemmi Regolament, moqri flimkien ma' l-Artikolu 2 (1) (a) u (i) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru. 2000/13/KE ta' l-20 ta' Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel. (ĠU L109, p.29), u

    - peress li żamm, fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta' Navarra, bi ksur ta' dawn id-dispożizzjonijiet, l-użu tal-kelma 'bio', waħedha jew flimkien ma kliem ieħor, għall-prodotti tal-ħalib assoċjati b'mod abitwali u kontinwat ma din il-kelma, anke jekk dawn ma nkisbux skond il-metodi ta' produzzjoni organika,

    ir-Renju ta' Spanja kiser l-imsemmija Regolament u Direttiva u, b'mod speċjali, id-dispożizzjonijiet ta' dawn l-atti li ġew imsemmija iktar 'il fuq.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni komunitarja

    2. Ir-Regolament Nru. 2092/91 waqqaf kuntest ta' regoli komunitarji ta' produzzjoni, ta' tikkettjar u ta' kontroll ta' prodotti li ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika. Hekk kif joħroġ mill-punt 5 tal-preambolu, dan ir-Regolament huwa intiż li jiggarantixxi l-kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta bejn il-produtturi ta' tali prodotti, li jassigura trasparenza fl-istadji kollha tal-produzzjoni, u għat-titjib fil-kredibilità ta' dawn il-prodotti f'għajnejn il-konsumaturi.

    3. L-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament jipprovdi :

    "Għall-għan ta' dan ir-Regolament, prodott għandu jkun meqjus li juri indikazzjonijiet li jirriferu għall-metodu ta' produzzjoni organika, fejn, fl-ittikkettjar, materjal pubbliċitarju jew dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti tiegħu jew materjal ta' għalf huma deskritti bl-indikazzjoni wżata f'kull Stat Membru, li tissuġġerixxi lil min jixtri l-prodott, l-ingredjenti tiegħu jew materjal ta' għalf ġew miksuba bi qbil mar-regoli ta' produzzjoni preskritta fl-Artikolu 6 u b'mod partikolari il-kliem segwenti jew dawk imnissla minnhom normali (bħal bijo, eko, eċċ.) jew diminuttivi, waħidhom jew magħquda, sakemm tali kliem ma jkunux applikati għal prodotti agrikoli f'affarijiet ta' l-ikel jew affarijiet ta' għalf jew li b'mod ċar ma' jkollhom l-ebda konnessjoni mal-metodu ta' produzzjoni:

    - bl-Ispanjol: ecológico,

    - bid-Daniż: kologisk,

    - bil-Ġermaniż: ökologisch, biologisch,

    - bil-Grieg: βιολοικό,

    - bl-Ingliż: organic,

    - bil-Franċiż: biologique,

    - bit-Taljan: biologico,

    - bl-Olandiż: biologisch,

    - bil-Portugiż: biológico,

    - bil-Finlandiż: luonnonmukainen,

    - bl-Isvediż: ekologisk."

    4. Skond l-Artikolu 5 ta' l-istess Regolament :

    "1. L-ittikkettjar u r-reklamar ta' prodott speċifikat fl-Artikolu 1(1)(a) jista' jirreferi għal metodi tal-produzzjoni agrikola biss meta:

    a) indikazzjonijiet bhal dawn juru ċar li jkunu jirreferu għal xi metodu tal-produzzjoni agrikola

    b) il-prodott ġie prodott skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 6 jew impurtat minn xi pajjiż terz skond l-arrangamenti stabbilit fl-Artikolu 11;

    ċ) il-prodott kien prodott jew impurtat minn operatur li jkun suggett għall-miżuri ta' spezzjoni stabbilit fl-Artikoli 8 u 9;

    [...]"

    5. L-Artikolu 10a tar-Regolament Nru. 2092/91 jipprovdi :

    "1. Fejn Stat Membru jikxef irregolaritajiet jew ksur tal-liġi li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fi prodott li jkun ġej minn Stat Membri ieħor u jkun iġorr indikazzjonijiet kif irriferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V għandu javża b'dan lill-Istat Membru li jkun ħatar l-awtorità ta' spezzjoni jew approva l-korp ta' spezzjoni u lill-Kummissjoni.

    2. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura u azzjoni neħtieġa biex tipprevjeni l-użu frawdolenti ta' l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2 u/jew l-Anness V."

    6. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva Nru. 2000/13, dwar l-oġġetti ta' l-ikel kollha flimkien, tipprovdi fl-Artikolu 2(1) tagħha :

    "1. Il-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

    a) ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

    i) għall-karatteristiċi tal-prodott ta' l-ikel u, b'mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;

    [...]"

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7. L-Artikolu 3(1) tad-Digriet Rjali Nru. 1852/1993 tat-22 ta' Ottubru 1993 dwar il-produzzjoni agrikola organika u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti ta' l-ikel (BOE Nru. 283, tas-26 ta' Novembru 1993. p. 33528), għall-ewwel kienet tipprovdi :

    "Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 (KEE), fi kwalunkwe każ, prodott jiġi kkunsidrat li jagħti indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika meta fit-tikkettjar, fir-reklamar jew fid-dokumenti kummerċjali, il-prodott jew l-ingredjenti tiegħu jkunu indikati bil-kelma 'ecológico'.

    Ikun possibbli ukoll, li jintużaw, minn barra l-indikazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Komunitajiet awtonomi, il-kliem : obtenido sin el empleo de productos químicos de sínteses', biológico', orgánico', biodinámico', u l-ismijiet komposti rispettivi tagħhom, kif ukoll l-indikazzjonijiet 'eco' u 'bio', waħedhom jew flimkien ma' l-isem tal-prodott, l-ingredjenti jew it- trademark kummerċjali tiegħu."

    8. Dan id-Digriet ġie emendat permezz tad-Digriet Rjali Nru. 506/2001 tal-11 ta' Mejju 2001 (BOE Nru. 126, tas-26 ta' Mejju 2001, p.18609). L-Artikolu 3(1) tiegħu issa jipprovdi :

    "Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 (KEE), kif emendat permezz tar-Regolament Nru. 1804/1999 (KE), fi kwalunkwe każ, prodott jiġi kkunsidrat li jagħti indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika meta l-prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materja primà ta' l-għalf għall-annimali jkunu identifikati, fit-tikkettjar, fir-reklamar jew fid-dokumenti kummerċjali, permezz tal-kelma ecológico' jew bil-kelma mnissla minnha 'eco', waħedhom jew flimkien ma l-isem tal-prodott, l-ingredjenti jew it- trademark kummerċjali tiegħu."

    9. Skond it-tielet u l-ħames inċiż tal-preambolu ta' dan id-Digriet Rjali, din il-bidla kienet meħtieġa sabiex tkun evitata kull ambigwità fir-rigward ta' kliem li huma, skond il-leġiżlazzjoni komunitarja, riżervati għall-produzzjoni organika u sabiex tiġi eliminata l-konfużjoni li tista' tirriżulta minnhom għall-konsumaturi, meta tiġi meqjusa s-sitwazzjoni reali tas-settur tal-prodotti ta' l-ikel fi Spanja, fejn il-kelma "bio" saret ta' użu komuni għall-prodotti ta' l-ikel li jkollhom ċerti karatteristiċi li ma humiex marbuta ma' metodi ta' produzzjoni organika.

    10. Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-Komunità awtonoma ta' Navarra, id-Digriet Reġionali Nru. 617/1999, ta' l-20 ta' Diċembru 1999 (BO ta' Navarra Nru. 4, ta' l-10 ta' Jannar 2000) fl-Artikolu 2 tiegħu jipprovdi li prodott ikollu indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika meta l-prodott ikun indikat bill-kliem "ecológico", "obtenido sin el empleo de productos químicos de síntesis", "biológico", "orgánico", "biodinámico" jew bl-abbrevjazzjoni "eco" u "bio".

    11. Id-Digriet Reġionali Nru. 212/2000 tat-12 ta' Ġunju 2000 (BO ta' Navarra Nru. 83, ta' l-10 ta' Lulju 2000) żied ma' l-Artikolu 1 tad-Digriet Reġionali Nru. 617/1999 l-inċiż li ġej:

    "Dan ir-regolament ma japplikax għall-prodotti tal-ħalib assoċjati b'mod abitwali u kontinwu ma' l-indikazzjoni 'bio', għaliex din ma tippreżenta l-ebda rabta mal-metodi ta' produzzjoni organika"

    12. Skond il-preambolu ta' dan id-Digriet Reġionali, din l-emenda tieħu in kunsiderazzjoni r-realtajiet tar-Reġjun ta' Navarra, fejn l-indikazzjoni 'bio', li tiġi applikata għall-prodotti tal-ħalib, generalment ma tikkorrispondix mal-kunċett jew mal-metodi ta' produzzjoni organika.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    13. Matul il-fażi ta' preparazzjoni tad-Digriet Rjali Nru. 506/2001, il-Kummissjoni rċeviet diversi lmenti li ġibdu l-attenzjoni tagħha fuq din l-emenda leġiżlattiva, li kellha tmur kontra n-normi stabbiliti fir-Regolament Nru. 2092/91. Peress li dan id-Digriet Rjali ġie adottat anke jekk kien hemm l-intervent tad-dipartimenti tagħha ma' l-Awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu prevista fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 226 ,KE.

    14. Wara li tat l-opportunità lir-Renju ta' Spanja li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni ħarġet Opinjoni Motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu fit-terminu ta' xahrejn li jibda jiddekorri minn meta tiġi nnotifikata. Peress li l-Gvern Spanjol ma tax segwitu għal din l-Opinjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

    Dwar ir-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    15. Skond il-Kummissjoni, id-Digriet Rjali Nru. 506/2001, li jirriżerva biss il-kelma "ecológico" u l-kelma mnissla minnu "eco" għall-metodi ta' produzzjoni organika u li konsegwentement jawtorizza l-użu tal-kelma "bio" għall-prodotti li ma jkunux ġejjin minn tali metodi ta' produzzjoni, jikser l-Artikoli 2, 5 u 10 (a) tar-Regolament Nru. 2092/91. L-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament b'mod ċar jipprojbixxi li kliem imnissel mill-kliem li jindikaw il-metodi ta' produzzjoni organika jiġu użati għall-prodotti li ma jkunux ġejjin minn tali produzzjoni. Il-kelma "bio" hija espressament imsemmija f'dan l-Artikolu bħala eżempju ta' tali kelma mnissla. L-indikazzjoni, fil-lista ta' kliem espressi fid-diversi lingwi u li tidher fl-imsemmi Artikolu, tal-kelma "ecológico" biss f'dak li jirrigwarda l-lingwa Spanjola, ma jista' jkollha l-ebda effett fuq din l-interpretazzjoni. Din il-lista, introdotta permezz ta' l-espressjoni "partikolarment", ma fihiex ħlief eżempji u ma hijiex eżawrjenti.

    16. Il-kuntest u l-iskop ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 jikkonfermaw din l-interpretazzjoni. Fil-fatt ikun inkonċepibbli, fis-suq komuni, li l-kelma "bio" tkun protetta f'ċerti Stati Membri u mhux f'oħrajn.

    17. Min-naħa l-oħra, skond id-drawwiet fis-seħħ fit-territorju Spanjol u kontra dak li jsostni l-Gvern Spanjol, il-konsumaturi jagħtu valur identiku lill-kliem "ecológico" u "biológico". Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-verżjoni preċedenti tad-Digriet Rjali Nru. 1852/1993, li kien jipprovdi għall-użu indiskriminat kemm tal-kliem "biológico" u "bio", min-naħa, kemm "ecológico" u "eco", min-naħa l-oħra, sabiex jiġu klassifikati l-prodotti li jkunu ġejjin mil-metodi ta' produzzjoni organika. L-istess jista' jingħad għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fit-territorju tal-Komunità ta' Navarra.

    18. Minn eżempji konkreti jirriżulta li fi-Spanja il-kliem "ecológico" u "biológico" ta' spiss jiġu użati b'mod identiku. Ħafna prodotti ttikkettjati "biológicos", ikollhom ippakkjar li jkun jinkludi l-kliem li jgħid li dawn ikunu ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika. Il-gazzetti Spanjoli wkoll ma jagħmlux distinzjoni bejn l-użu ta' dawn iż-żewġ kelmiet.

    19. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni rċevew ilmenti li kienu jistabbilixxu l-eżistenza, fi-Spanja, ta' użi irregolari u frawdolenti tal-kelma "bio". Meta jkunu kkonfrontati minn tali sitwazzjoni, l-Istati Membri huma marbutin, skond l-Artikolu 10a (2) tar-Regolament Nru. 2092/91, li jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirrimedjaw. Peress li l-Gvern Spanjol naqas milli jieħu tali miżuri, għandu jiġi kkonstatat ukoll ksur ta' din id-dispożizzjoni.

    20. Għall-istess raġuni, jiġifieri l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli jittolleraw użi frawdolenti tal-kelma "bio", il-Kummissjoni ssostni wkoll li għandu jiġi kkonstatat il-ksur min-naħa ta' dawn l-awtoritajiet ta' l-Artikolu 2 (1) (a) u (i) tad-Direttiva Nru. 2000/13. L-awtoriżazzjoni li jiġu kummerċjalizzati taħt it-tikkettjar "biológico" jew "bio" oġġetti ta' l-ikel li ma jkunux ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika għandha bħala konsegwenza li l-konsumatur jiġi mqarraq dwar il metodi ta' manifattura jew ta' ksib ta' l-oġġetti ta' l-ikel in kwistjoni, tant illi l-prodotti li ta' bil-ħaqq ikunu ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika jkunu ġeneralment proposti bi preżż li jkun konsiderevolment aktar għoli.

    21. F'dak li jirrigwarda b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta' Navarra, il-Kummissjoni ssostni li din ġustament tirriserva l-użu tal-kliem "biológico" u "bio" għall-prodotti li ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika. Madankollu, huwa żbaljat meta jipprovdi eċċezzjoni f'dak li jirrigwarda l-prodotti tal-ħalib.

    22. Il-Gvern Spanjol jikkuntesta l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu. Huwa jitlob li jiġi miċħud ir-rikors tal-Kummissjoni u sabiex din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Skond dan, jirriżulta b'mod ċar mill-formulazzjoni ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91, fil-verżjoni tiegħu li tapplika għall-każ in eżami, li hu għandu jirreferi ruħhu, sabiex jindika l-metodi ta' produzzjoni organika, għall-indikazzjonijiet lingwistiċi li jidhru fuq il-lista msemmija f'dan l-Artikolu. Din il-lista tindika preċiżament, għal-lingwa Spanjola, il-kelma "ecológico", u mhux il-kliem "biológico" jew "bio". Galhekk il-produtturi huma ħielsa, fi-Spanja, li jużaw il-kliem "biológico" jew "bio" għall-prodotti li ma jkunux ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika, mingħajr ma tali użu jkun jista' jiġi kkwalifikat bħala illegali jew frawdolenti.

    23. Skond dan il-Gvern, fil-miżura fejn, f'livell komunitarju, ma kienx hemm proċess ta' armonizzazzjoni għall-indikazzjonijiet in kwistjoni, id-differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri għandhom jiġu aċċettati. Kieku l-awturi tar-Regolament Nru. 2092/91 riedu li l-indikazzjonijiet tal-prodotti li jkunu ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika jkunu sottomessi għal regoli identiċi fl-Istati Membri kollha, dawn kellhom jimponu l-istess kelma, tradotta fid-diversi lingwi komunitarji, għal kull wieħed minn dawn l-Istati. Madankollu l-lista in kwistjoni turi li dan ma kienx il-każ.

    24. F'moħħ il-konsumaturi spanjoli, il-kelma "bio", li hija magħrufa ħafna anqas fi-Spanja milli fi Stati Membri oħra, fil-fatt ma tirreferix għall-metodi ta' produzzjoni organika, iżda x'aktarx hija assoċjata ma prodotti, b'mod ġenerali, tajbin u ta' benefiċċju għas-saħħa. Minn sondaġġ ta' l-opinjoni, effettwat f'Madrid fl-1999, jirriżulta li 3 % biss tal-persuni intervistati kienu jassoċjaw il-kelma "bio" mal-metodi ta' produzzjoni organika, filwaqt li 86 % kienu jassoċjawha sempliċement mal-prodotti tal-ħalib, prinċipalment mall-jogurt. Għalhekk ma jistax jiġi ammess li dan il-kelma tintuża fi-Spanja sabiex tikkaratterizza l-metodi ta' produzzjoni organika.

    25. Konsegwentement il-Gvern Spanjol jiċħad l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta' l-Artikoli 2, 5 u 10a tar-Regolament Nru. 2092/91 kif ukoll ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva Nru. 2000/13. Fil-miżura fejn jirriżulta mis-sondaġġ ta' l-opinjoni mressaq li l-maġġoranza tal-konsumaturi Spanjoli ma jassoċjawx il-kelma "bio" għal metodi ta' produzzjoni organika, il-prassi in kwistjoni ma hijiex suxxettibbli li tqarraq b'dawn ta' l-aħħar.

    26. Il-Kummissjoni tikkuntesta l-oġġettività, l-affidabilità u l-pertinenza ta' l-imsemmi sondaġġ. Din isostni li t-tifsira ta' ċerti kliem tevolvi malajr ħafna fis-settur in kwistjoni, studju effettwat fl-1999 ma għandu l-ebda valur fir-rigward tas-sitwazzjoni kif tippreżenta ruħha fl-2002. Ukoll, is-sondaġġ in kwistjoni kien jirrigwarda biss numru żgħir ta' persuni u, fid-dawl tal-mistoqsijiet magħmula u tal-metodi użati, ma tista tiġi meħuda minn dan l-ebda konklużjoni determinanti.

    27. Waqt is-seduta, il-Gvern Spanjol indika, b'risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-biċċa l-kbira tal-komunitajiet awtonomi għandhom leġiżlazzjonijiet reġjonali identiċi ma dawk fis-seħħ fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta' Navarra, li jammettu mingħajr ebda distinzjoni flimkien ma "ecológico" u "eco", diversi kliem ieħor sabiex jikkwalifikaw il-prodotti li ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika, li fosthom jidhru ta' spiss il-kliem "biológico" u "bio".

    28. Minn barra dan, waqt is-seduta l-partijiet esprimew ruħhom fuq l-effett eventwali fuq is-soluzzjoni tal-kawża tal-verżjoni tar-Regolament Nru. 2092/91, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru. 392/2004 (KE) tal-24 ta' Frar 2004 (ĠU L 65, p.1) u ta' l-att dwar il-kundizzjonijiet ta' adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Estonja, tar-Repubblika ta' Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika ta' Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika ta' Slovenja, u tar-Repubblika Slovakka, u għall-addattamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p.346).

    29. Fil-fatt, ir-Regolament Nru. 392/2004 żied ma l-Artikou 2 tar-Regolament Nru. 2092/91, referenza li tgħid li l-kliem elenkati f'dan l-Artikolu fid-diversi lingwi "jitqiesu bħala indikazzjonijiet li jirreferu għall-metodu ta' produzzjoni organika mal-Komunità kollha u [fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità]". Din il-verżjoni ta' l-imsemmi Artikolu 2 kienet b'mod partikolari s-suġġett tar-rinviju preliminari li ta' lok għas-sentenza Comité Andaluz de Agricultura Ecológica (C-107/04, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

    30. Filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li din l-aħħar emenda ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru.2092/91 għanda biss valur deklaratorju tal-kontenut impliċitu tal-formulazzjoni preċedenti ta' din id-dispożizzjoni, il-Gvern Spanjol isostni li din hija emenda sostanzjali li ma jistax madankollu jkollha effett fuq dan ir-rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu trid tiġi evalwata fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru hekk kif tippreżenta ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-Opinjoni Motivata (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-63/02, Ġabra p. I-821, punt 11, u tal-14 ta' April 2005, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-341/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33). Il-bidliet li jseħħu wara ma jistgħux jiġu meħuda in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta' Novembru 2004, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-482/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 11).

    32. L-Opinjoni Motivata tal-Kummissjoni kellha d-data ta' l-24 ta' April 2002 u peress li t-terminu impost fuq ir-Renju ta' Spanja ġie stabbilit għal xahrejn, għanda tiġi evalwata l-eżistenza ta' l-allegat nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu fir-rigward tar-Regolament Nru. 2092/91, u mhux fil-verżjoni tiegħu kif tirriżulta mir-Reġolament Nru. 392/2004.

    33. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 jirreferi, f'dak li jirrigwarda t-tikketta, il-materjal ta' reklamar u d-dokumenti kummerċjali li jirrigwardaw prodotti li ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika, għall-"indikazzjonijiet użati f'kull Stat Membru li jissuggerixxu lix-xerrej li l-prodott [...] [ġie akkwistat] skond ir-regoli tal-produzzjoni [organika]" u "partikolarment" għat-"termini [...] jew [għal] dawk imnissla minnhom normali" li jidħru fuq lista li kienet tistabbilixxi, għal kull waħda mil-ħdax il-lingwa uffiċjali tal-Komunità li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, waħda jew żewġ espressjonijiet. Fuq din il-lista, f'dak li jirrigwarda ħamsa mill-ħdax il-lingwa, tidher biss espressjoni waħda li tikkorrispondi mal-kelma franċiża "biologique". Għal tliet lingwi oħra tidher biss espressjoni waħda li tikkorrispondi għall-kelma franċiża "écologique". F'dak li jirrigwarda l-lingwa Ġermaniża, huma ċċitati b'mod indistint żewġ espressjonijiet li jikkorrispondu għaż-żewġ kelmiet, u għal kull waħda miż-żewġ linġwi li fadal tidher espressjoni oħra.

    34. Din il-lista, li hi introdotta bil-kelma "partikolarment", ma hijiex ta' natura eżawrjenti. Minn dan isegwi li l-Istati Membri fil-każ ta' bidla fid-drawwiet fis-seħħ fit-territorju tagħhom, jistgħu jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom espressjonijiet oħra ma dawk li jidhru fl-imsemmija lista sabiex jirreferu għall-metodi ta' produzzjoni organika.

    35. Fil-verżjoni li tapplika għal dan ir-rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, il-formulazzjoni ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 ma hijiex ekwivoka f'dan ir-rigward. Mill-mument li, f'dak li jirrigwarda l-lingwa spanjola, l-espressjoni "ecológico" biss, li tinkludi l-kelma mnissla "eco", hija msemmija fuq il-lista li tidher f'dan l-Artikolu, ma jistax jiġi kkontestat lill-Gvern Spanjol li ma pprojbiex lill-produtturi ta' prodotti li ma jkunux ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika li jużaw espressjonijiet oħra, bħal, fil-każ in eżami, "biológico" u "bio".

    36. Bil-kontra ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, lanqas ma jirriżulta mill-formulazzjoni ta' dan l-Artikolu 2 li l-kelma mnissla "bio" għandha, minħabba l-fatt li tidher fl-imsemmi Artikolu bħala kelma mnissla minnhom b'mod normali, b'mod speċjali jkunu protetta fl-Istati Membri kollha u fil-lingwi kollha, inkluż f'dawk li għalihom huma msemmija, fuq il-lista li tidher fl-istess Artikolu, kliem li ma jikkorrispondux ma' l-espressjoni franċiża "biologique". Kif ġie rrilevat preċedentement, tali kien il-każ fiż-żmien meta seħħu l-fatti f'dak li jirrigwarda ħamsa mill-ħmistax -il Stat Membru. Fil-fatt, ir-referenza, fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91, għall-kliem imnissel "bio, eco, etc." ma hijiex ta' natura tali li tiġġustifika li jiġi rriżervat trattament speċjali għall-kelma "bio" biss.

    37. Jekk jista' jidher mixtieq, meqjusa l-importanza dejjem tikber tas-suq tal-prodotti li ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika fuq livell komunitarju, li tiġi ipprovduta armonizzazzjoni ta' l-indikazzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-prodotti, imiss lil-leġiżlatur komunitarju li jirreaġixxi għal tali bżonn. L-emenda ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 bir-Regolament Nru. 392/2004 turi tali bżonn. Hekk kif jirriżulta mis-sentenza Comité Andaluz de Agricultura Ecológica, iċċitata iktar 'il fuq, il-verżjoni ta' l-imsemmi Artikolu 2 li tirriżulta minn din l-emenda għandha effettivament tiġi interpretata fis-sens li l-espressjonijiet li jidhru fih għandhom ikunu protetti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità.

    38. L-imsemmija emenda ma jistax madankollu jkollha effett fuq is-sitwazzjoni leġiżlattiva preċedenti, li fir-rigward tagħha dan ir-rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu għandu jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, l-adozzjoni ta' verżjoni ġdida ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91 tippreżumi r-rieda tal-leġiżlatur li jemenda dan l-Artikolu u mhux dik li jħalliħ l-istess. Fin-nuqqas ta' tali rieda, l-adozzjoni ta' l-emenda leġiżlattiva in kwistjoni ma kinitx tkun neċessarja.

    39. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax isostni li r-Renju ta' Spanja kien obbligat li jirriżerva ukoll, minn barra l-użu ta' l-espressjoni "ecológico" u tal-kelma mnissla minnha "eco", dak tal-kelma "bio" għal prodotti li ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika, minħabba użu ta' din il-kelma fi-Spanja li kien jinduċi l-konsumaturi Spanjoli li jikkunsidrawh madankollu bħala li jirreferi għal metodi ta' produzzjoni organika.

    40. Huwa minnhu, kif issostni l-Kummissjoni, li l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għall-emenda li rrizultat mid-Digriet Rjali Nru. 506/2001 u s-sitwazzjoni leġiżlattiva fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta' Navarra jagħtu indikazzjonijiet importanti f'dan ir-rigward. Bl-istess mod l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Spanjol waqt is-seduta, bħala risposta għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li, f'numru kbir ta' reġjuni oħra, l-użu tal-kliem "biológico" jew "bio" jidher li huwa riżervat għal prodotti li ġejjin min metodi ta' produżżjoni organika. Min-naħa l-oħra, id-dubbji espressi mill-Kummissjoni fil-konfront tas-sondaġġ ta' l-opinjoni invokat mill-Gvern Spanjol ma humiex, prima faciae , neqsin minn kull pertinenza.

    41. Irid madankollu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li, fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, imiss lill-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta' dan l-allegat nuqqas. Hija din li trid iġġib quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex din tivverifika l-eżistenza ta' dan in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, mingħajr ma tkun tista' tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-194/01, Ġabra p. I-4579, punt 34, u l-Kummissjoni vs il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35). Fil-każ in eżami, il-Kummissjoni, minn barra l-indikazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq li jirrigwardaw ċerti użi tal-kliem "biológico" u "bio" fis-suq spanjol, ma stabbilitx li, f'dak is-suq, dawn il-kliem jissuġġerixxu lix-xerrejja spanjoli, b'mod ġenerali, li l-prodotti in kwistjoni jkunu ġejjin min metodi ta' produzzjoni organika. Jekk, f'dan ir-rigward, id-dubbji espressi mill-Kummissjoni fil-konfront tas-sondaġġ ta' l-opinjoni invokat mill-Gvern Spanjol ma humiex neqsin mill-pertinenza, jifdal biss li l-Kummissjoni ma ġabet l-ebda element li jistabbilixxi li, fi-Spanja, fil-mument meta ntemm it-terminu preskritt fl-Opinjoni Motivata, l-użu tal-kliem "biológico" jew "bio" sabiex jindikaw il-prodotti li jkunu ġejjin minn metodi ta' produzzjoni organika kien mifrux sa tali punt li l-konsumatur spanjol kien jassoċja dawn il-kliem ma' metodi ta' produzzjoni organika. Galdaqstant, il-Kummissjoni ma setgħatx tiċħad l-affermazzjoni li kienet tidher fil-preambolu tad-Digriet Rjali Nru. 506/2001 li, matul l-adozzjoni ta' l-imsemmi Digriet Rjali, l-użu tal-kelma "bio" kien sar ta' użu komuni fi-Spanja sabiex jindika prodotti ta' l-ikel li jkollhom ċerti karatteristiċi li ma humiex marbuta ma' metodi ta' produzzjoni organika.

    42. Interpretazzjoni ħazina ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru. 2092/91, fil-verżjoni tiegħu li tapplika għal dan ir-rikors, għaldaqstant ma tistax tkun ikkonstatata, ksur ta' l-Artikoli 5 u 10a ta' l-imsemmi Regolament kif ukoll ta' l-Artikolu 2 (1) (a) u (i) tad-Direttiva Nru. 2000/03, li jiddipendi minn din l-interpretazzjoni ħażina ma jistax konsegwentement, jiġi iktar meqjus bħala stabbilit.

    43. F'dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li jirriżulta, skond il-Kummissjoni, mill-użu tal-kelma "bio" fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta' Navarra, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raġunament li segwiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Digriet Rjali Nru. 506/2001 huwa validu wkoll għal-leġiżlazzjoni reġjonali applikata fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta' Navarra. Konsegwentement, ebda nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu ma jista', iktar, jiġi kkonstatat f'dan ir-rigward.

    44. F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi miċhud ir-rikors fit-totalità tiegħu.

    Dwar l-ispejjeż

    45. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta' Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mir-Renju ta' Spanja.

    Parti operattiva


    Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi

    1) Ir-rikors huwa miċħud

    2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

    Top