This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62003CJ0132
Judgment of the Court (Second Chamber) of 26 May 2005.#Ministero della Salute v Coordinamento delle associazioni per la difesa dell'ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons) and Federconsumatori.#Reference for a preliminary ruling: Consiglio di Stato - Italy.#Regulation (EC) No 1139/98 - Article 2(2)(b) - Additional labelling requirement for foodstuffs - Compulsory particulars concerning the presence of material derived from genetically modified organisms (GMOs) - Genetically modified soya beans and maize - Exemption from the requirement in the case of adventitious presence not exceeding a particular level - Foodstuffs intended for particular nutritional use - Infants and young children - Whether derogation applies - Precautionary principle.#Case C-132/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
Ministero della Salute vs Coordinamento delle associazioni per la difesa dell'ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons) u Federconsumatori.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
Regolament (KE) Nru 1139/98 - Artikolu 2(2)(b) - Ħtieġa addizzjonali ta' tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel - Indikazzjoni obbligatorja dwar il-preżenza ta' materjal idderivat minn ċerti organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ) - Fażola tas-soya u qamħirrun immodifikati ġenetikament - Eżenzjoni minn tali ħtieġa fil-każ ta' preżenza aċċidentali li mhijiex aktar għolja mil-livell ta' tollerenza stabbilit - Oġġetti ta' l-ikel intiżi għal nutriment partikolari - Trabi u tfal ta' età żgħira - Applikabbiltà ta' l-eżenzjoni - Prinċipju ta' prekawzjoni.
Kawża C-132/03.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-26 ta' Mejju 2005.
Ministero della Salute vs Coordinamento delle associazioni per la difesa dell'ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons) u Federconsumatori.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Consiglio di Stato - l-Italja.
Regolament (KE) Nru 1139/98 - Artikolu 2(2)(b) - Ħtieġa addizzjonali ta' tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel - Indikazzjoni obbligatorja dwar il-preżenza ta' materjal idderivat minn ċerti organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ) - Fażola tas-soya u qamħirrun immodifikati ġenetikament - Eżenzjoni minn tali ħtieġa fil-każ ta' preżenza aċċidentali li mhijiex aktar għolja mil-livell ta' tollerenza stabbilit - Oġġetti ta' l-ikel intiżi għal nutriment partikolari - Trabi u tfal ta' età żgħira - Applikabbiltà ta' l-eżenzjoni - Prinċipju ta' prekawzjoni.
Kawża C-132/03.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:310
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
tas-26 ta’ Mejju 2005 (*)
"Regolament (KE) Nru 1139/98 – Artikolu 2(2)(b) – Ħtieġa addizzjonali ta' tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel – Indikazzjoni obbligatorja dwar il-preżenza ta' materjal idderivat minn ċerti organiżmi mmodifikati ġenetikament (OMĠ) – Fażola tas-soya u qamħirrun immodifikati ġenetikament – Eżenzjoni minn tali ħtieġa fil-każ ta' preżenza aċċidentali li mhijiex aktar għolja mil-livell ta' tollerenza stabbilit – Oġġetti ta' l-ikel intiżi għal nutriment partikolari – Trabi u tfal ta' età żgħira – Applikabbiltà ta' l-eżenzjoni – Prinċipju ta' prekawzjoni"
Fil-kawża C-132/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (L-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-25 ta’ Marzu 2003, fil-proċedura
Ministero della Salute
vs
Coordinamento delle associazioni per la difesa dell’ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons),
Federconsumatori,
fil-preżenza tal-:
Lega delle Cooperative,
Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA),
Adusbef,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, C. Gulmann u R. Schintgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2004,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet:
– għall-Coordinamento delle associazioni per la difesa dell’ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons), minn C. Rienzi u F. Acerboni, avvocati,
– għall-Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA), minn G. Ferrari u F. Capelli, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martínez del Perali u A. Aresu, bħala aġenti.
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta’ Marzu 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98, tas-26 ta' Mejju 1998, li jirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja fuq it-tikkettjar ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel prodotti minn organiżmi mmodifikati ġenetikament ta' partikolaritajiet oħra għajr dawk li hemm provvediment għalihom fid-Direttiva 79/112/KEE (ĠU L 159, p. 4), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 49/2000, ta' l-10 ta' Jannar 2000 (ĠU L 6, p. 13, aktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1139/98").
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Coordinamento delle associazioni per la difesa dell’ambiente e dei diritti degli utenti e dei consumatori (Codacons) (koordinazzjoni ta' l-assoċjazzjonijiet għad-difiża ta' l-ambjent u tad-drittijiet ta' l-utenti u l-konsumaturi, aktar 'il quddiem "Codacons") u l-Ministero della Salute (Ministeru tas-Saħħa).
3 Din il-kawża għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-Digriet Nru 371 tal-Ministru tas-Saħħa, tal-31 ta' Mejju 2001, dwar ir-regoli għall-implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni 99/50/KE, tal-25 ta' Mejju 1999, li temenda d-Direttiva 91/321/KEE dwar il-formul[i] tat-trabi u l-formul[i] tal-prosegwiment (GURI Nru 241, tas-16 ta' Ottubru 2001, p. 4, aktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 371/2001"). Minn dan id-digriet jirriżulta li l-preżenza ta' organiżmi mmodifikati ġenetikament (aktar 'il quddiem l-"OMĠ"), fi proporzjonijiet li ma jkunux għola minn 1% ta' l-ingredjenti bażiċi tal-formuli tat-trabi u tal-formuli tal-prosegwiment, ikkawżata minn kontaminazzjoni aċċidentali, m'għandhiex għalfejn tiġi indikata fuq it-tikkettjar ta' dawn il-formuli.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni komunitarja
Il-leġiżlazzjoni komunitarja dwar it-tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel prodotti minn OMĠ
4 Ir-Regolament Nru 1139/98 jispeċifika l-indikazzjonijiet li għandhom, b'mod imperattiv, jidhru fuq it-tikkettjar ta' l-oġġetti ta' l-ikel u ta' l-ingredjenti ta' l-ikel prodotti minn ċerti OMĠ.
5 Ir-raba' premessa tar-Regolament Nru 1139/98 tesponi li d-differenzi bejn il-miżuri adottati minn ċerti Stati Membri fir-rigward tat-tikkettjar ta' ikel u ta' ingredjenti ta' l-ikel prodotti minn OMĠ jistgħu jimpedixxu l-moviment liberu ta' dawn l-ikel u ingredjenti ta' l-ikel u, b'hekk jaffettwaw b'mod avvers l-funzjonament tas-suq intern, b'mod illi huwa neċessarju li jiġu adottati regoli komunitarji uniformi għat-tikkettjar ta' dawn il-prodotti.
6 Il-ħames u s-sitt premessa ta' l-imsemmi regolament jiddikjaraw li:
"(5) billi r-Regolament (KE) Nru. 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta' l-ikel il-ġdid (ĠU L 43, p. 1), jistabbilixxi fl-Artikolu 8 il-ħtiġ[ij]iet speċifiċi addizzjonali għat-tikkettjar sabiex jiżguraw it-tagħrif xieraq lill-aħħar konsumatur; billi dawn il-ħtiġ[ij]iet speċifiċi [addizzjonali] tat-tikkettjar ma japplikawx għall-ikel jew għall-ingredjenti ta' l-ikel li kienu użati għall-konsum mill-bniedem għal grad sinifikanti ġewwa l-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) 258/97 u għal din ir-raġuni mhumiex ikkunsidrati bħal ġodda;
(6) billi, sabiex [t]iġi pprevenut[a] [d-distorsjoni] fil-kompetizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli tat-tikkettjar għat-tagħrif ta' l-aħħar konsumatur ibbażati fuq l-istess prinċipji ta' l-ikel u l-ingredjenti ta' l-ikel li jikkonsistu jew jidderivaw mill-[OMĠ] li tqiegħdu fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru. 258/97 skond l-approvazzjoni mogħtija skond id-Direttiva 90/220/KEE [tal-Kunsill, tat-23 ta' April 1990, dwar id-disseminazzjoni volontarja ta' organiżmi mmodifikati ġenetikament fl-ambjent (ĠU L 117, p. 15)], u ta' l-ikel u l-ingredjenti ta' l-ikel li jitqiegħdu fis-suq wara dan;".
7 Skond l-Artikolu 1 (1) tar-Regolament Nru 1139/98, dan japplika għall-oġġetti ta' l-ikel u għall-ingredjenti ta' l-ikel prodotti mill-OMĠ segwenti:
– il-fażola tas-soya indikata fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/281/KE, tat-3 ta' April 1996, dwar it-tpoġġija fis-suq tal-fażola tas-soya mmodifikata ġenetikament (Glycine max L.) għal aktar tolleranza għall-erbiċida glyphosate, skond id-Direttiva 90/220/KEE (ĠU L 107, p. 10), u
– il-qamħirrun indikat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/98/KE, tat-23 ta' Jannar 1997, dwar it-tpoġġija fis-suq tal-qamħirrun ġenetikament modifikat (Zea mays L.) li ġie suġġett għall-modifika kombinata li jagħtuh il-proprjetajiet insettiċidi mogħtija mill-ġeni Bt-endotoxin u tolleranza akbar għall-erbiċida glufosinate ammonium skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 31, p. 69).
8 Konformement ma' l-Artikolu 2 (3) tar-Regolament Nru 1139/98, dawn ir-regoli ta' tikkettjar jikkonsistu essenzjalment fl-addizzjoni tal-frażi "prodott minn soya mmodifikata ġenetikament" jew "prodott mill-qamħirrun immodifikat ġenetikament", skond il-każ.
9 Madankollu, ir-Regolament Nru 1139/98 jipprovdi eċċezzjoni għal dawn ir-regoli ta' tikkettjar fil-każ fejn il-preżenza ta' materjal idderivat mill-OMĠ ikkonċernati tkun aċċidentali, sakemm din il-preżenza ma tkunx għola mil-livell minimu jew mil-livell ta' tolleranza.
10 Skond l-erbatax-il premessa ta' l-imsemmi regolament, tkontaminazzjoni aċċidentali bħal din ma tistax tiġi eskluża. Ir-raba' premessa tar-Regolament Nru 49/2000 tesponi li kontaminazzjoni aċċidentali tista' sseħħ, per eżempju, matul il-kultivazzjoni, il-ħsad, it-trasport, il-ħażna u l-ipproċessar.
11 L-Artikolu 2 (2) (b) tar-Regolament Nru 1139/98 b'hekk jipprovdi li:
"L-oġġetti ta' l-ikel speċifikati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ħtiġiet speċifiċi addizzjonali tat-tikkettjar fejn:
[…]
(b) il-materjal idderivat mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament riferiti fl-Artikolu 1(1), flimkien ma' kull materjal imqiegħed fis-suq skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97 idderivat minn organiżmi mmodifikati ġenetikament oħra, ikun preżenti fl-ingredjenti ta' l-ikel jew fl-ikel li jikkonsisti f'ingredjent wieħed fi proporzjon mhux iktar għoli minn 1 % ta' l-ingredjenti ta' l-ikel ikkunsidrati individwalment jew ta' l-ikel li jikkonsisti f'ingredjent wieħed, sakemm din il-preżenza tkun aċċidentali.
Sabiex jiġi stabbilit illi l-preżenza ta' dan il-materjal hija aċċidentali, l-operaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jipprovdu xhieda sabiex jissodisfaw lill-awtoritajiet kompetenti li jkunu ħadu l-passi xierqa sabiex jevitaw li jużaw l-organiżmi mmodifikati ġenetikament (jew il-prodott tagħhom) riferiti fil-paragrafu ta' qabel bħala sors."
12 L-Artikolu 8 (1) tar-Regolament Nru 258/97 jipprovdi li:
"Mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet l-oħra tal-liġi Komunitarja li tirrigwardja it-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta' l-ikel, il-ħtiġiet addizzjonali speċifiċi tat-tikkettjar li ġejjin għandhom japplikaw għall-oġġetti ta' l-ikel sabiex jiżguraw illi l-konsumatur ta' l-aħħar jiġi mgħarraf bi:
(a) kull karatteristika jew proprjeta’ ta’ l-ikel bħal:
– il-komposizzjoni,
– il-valur nutrizzjonali jew l-effetti nutrizzjonali,
– l-użu maħsub ta’ l-ikel,
li jwassal sabiex ikel ġdid jew ingredjent ta’ ikel ġdid ma jibqgħux aktar ekwivalenti għall-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel eżistenti.
Ikel ġdid jew ingredjent ta’ l-ikel ġdid għandhom jitqiesu bħala mhux aktar ekwivalenti għall-iskop ta’ dan l-Artikolu jekk stima xjentifika, ibbażata fuq analiżi xierqa ta' l-informazzjoni eżistenti, tista’ turi illi l-karatteristiċi stmati huma differenti meta mqabbla ma' ikel konvenzjonali jew ingredjent konvenzjonali ta’ l-ikel, filwaqt li jitqiesu l-limiti aċċettati tal-varjazzjonijiet naturali dwar dawn il-karatterisitiċi.
F’dan il-każ, it-tikkettjar għandu jindika l-karatteristiċi jew il-proprjetajiet modifikati flimkien mal-metodu li bihom ġiet miksuba din il-karatterisitika jew proprjetà;
(b) il-preżenza fl-ikel il-ġdid jew fl-ingredjent ta’ l-ikel il-ġdid ta’ materjal li ma jkunx preżenti f’oġġett ta’ l-ikel ekwivalenti eżistenti u li jista’ jkollha implikazzjonijiet għas-saħħa ta’ ċertu sezzjonijiet tal-popolazzjoni;
(ċ) il-preżenza fl-ikel il-ġdid jew fl-ingredjent ta’ l-ikel il-ġdid ta’ materjal li mhux preżenti f’oġġett ta' ikel ekwivalenti eżistenti u li jqajjem tħassib etiku;
(d) il-preżenza ta’ [OMĠ] b[i]t-teknika tal-modifikazzjoni ġenetika, li l-lista mhux eżawrjenti tiegħu hija stabilita fil-Parti I ta' l-Anness I A, mad-Direttiva 90/220/KEE."
13 Ir-Regolament Nru 1139/98 ġie mħassar u l-Artikolu 8(1)(d) tar-Regolament Nru 258/97 ġie mneħħi mir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, p. 1).
14 Dan l-aħħar regolament, li sar applikabbli fit-18 ta' April 2004, fl-Artikoli 12 u 14 tiegħu, jistabbilixxi ħtiġijiet speċifiċi fir-rigward tat-tikkettjar applikabbli għall-oġġetti ta' l-ikel li fihom OMĠ jew li huma prodotti minn OMĠ kif ukoll eżenzjoni minn dawn il-ħtiġijiet fil-każ ta' kontaminazzjoni fortuwita jew aċċidentali minn OMĠ li mhijiex għola mil-livell minimu ta' 0.9%.
Il-leġiżlazzjoni komunitarja ġenerali dwar it-tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel
15 Skond it-tielet u r-raba' premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE, tat-18 Diċembru 1978, fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u reklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (ĠU 1979, L 33, p. 1):
"billi l-iskop ta' din id-direttiva għandu jkun li tagħmel regoli ta' natura ġenerali applikabbli oriżżontalment, għall-prodotti kollha ta' l-ikel li jitqiegħdu fis-suq;
billi regoli ta' natura speċifika li japplikaw vertikalment għal ċerti prodotti partikolari biss għandhom jitniżżlu f'dispożżizzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' dawk il-prodotti."
16 Is-sitt premessa ta' din id-direttiva tgħid li:
"billi il-kunsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq it-tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur."
17 L-Artikolu 3 tad-Direttiva 79/112 jinkludi lista eżawrjenti ta' partikolaritajiet li għandhom, b'mod obbligatorju, jiġu indikati fuq it-tikkettjar tal-prodotti ta' l-ikel.
18 L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) ta' din l-istess direttiva jipprovdi li:
"Dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabbli għal oġġetti ta' l-ikel speċifikati u mhux għal oġġetti ta' l-ikel in ġenerali jistgħu jipprovdu li jidhru fuq it-tikkettjar partikolaritajiet in addizzjoni ma' dawk imniżżla fl-Artikolu 3."
19 Id-Direttiva 79/112 ġiet imħassra u mibdula mid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Marzu 2000 (ĠU L 109, p. 29), li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Mejju 2000.
Il-leġiżlazzjoni komunitarja dwar oġġetti ta' l-ikel intiżi għan-nutriment partikolari tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira
20 It-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE, tat-3 ta' Mejju 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta' l-ikel għal użu ta' nutriment partikolari (ĠU L 186, p. 27), jiddikjaraw li din id-direttiva tikkostitwixxi l-ewwel stadju fit-tneħħija ta' l-ostakoli għall-moviment liberu ta' l-oġġetti ta' l-ikel intiżi għal nutriment partikolari li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali u li, fl-istadju attwali, l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li hija tipproponi li għandha bħala għan it-tħejjija ta' definizzjoni komuni, id-determinazzjoni ta' miżuri li jippermettu li l-konsumatur ikun protett kontra frodi fir-rigward tan-natura tal-prodotti u l-istabbiliment ta' regoli li għandhom jiġu mħarsa fit-tikkettjar tal-prodotti in kwistjoni.
21 Ir-raba' premessa tad-Direttiva 89/398 tiddikjara li:
"billi l-prodotti koperti b'din id-Direttiva huma oġġetti ta' l-ikel li l-komposizzjoni u tħejjija tagħhom għandha tkun maħsuba speċifikament biex tilħaq il-ħtiġ iet ta' nutriment partikolari tal-persuni li għalihom huma prinċipalment maħsuba; billi jista' jkun meħtieġ, għalhekk, li jiġu provduti derogi għad-dispożizzjonijiet ġenerali u speċifiċi applikabbli għall-oġġetti ta' l-ikel biex jinkiseb l-objettiv speċifiku ta' nutriment."
22 L-Artikolu 1(2) ta' din id-direttiva jipprovdi li:
"a. Oġġetti ta' l-ikel għal użu ta' nutriment partikolari li, minħabba l-komposizzjoni speċjali jew proċess ta' manifattura tagħhom, jintgħarfu b'mod ċar minn oġġetti ta' l-ikel għall-konsum normali, li huma adattati għall-għanijiet tagħhom ta' nutriment skond kif dikjarati u li huma mqiegħda fis-suq b'dak il-mod li jindikaw dik l-adattabilità.
b. Użu ta' nutriment partikolari għandu jikkonforma mal-ħtiġiet ta' nutriment partikolari:
[…]
jew
(iii) ta' trabi jew tfal żgħar b'saħħithom
23 Konformement ma' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/398, dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-gruppi ta' ikel intiżi għal nutriment partikolari li jinsabu fl-Anness I ta' l-imsemmija direttiva għandhom jiġu adottati permezz ta' direttivi speċifiċi. Fost dawn il-gruppi hemm, b'mod partikolari, fil-punt 1, il-grupp ta' "formuli tat-trabi", fil-punt 2 il-grupp ta' "ħalib tal-prosegwiment u ikel ieħor tal-prosegwiment", u fil-punt 3 il-grupp ta' "ikel tat-trabi".
24 Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(1)(f) tad-Direttiva 89/398, dawn id-direttivi speċifiċi jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti li jagħmlu parti minn wieħed mill-gruppi ta' oġġetti alimentari indikati fl-Anness I ta' din id-direttiva.
25 L-Artikolu 7 ta' din l-istess Direttiva jipprovdi li:
"Id-direttiva 79/112[…], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/395/KEE għandha tapplika għall-prodotti li għalihom jirreferi l-Artikolu 1, taħt il-kundizzjonijiet imniżżla hawn taħt.
[…]
3. It-tikkettjar ta' prodotti li għalihom ebda Direttiva speċifika ma tkun ġiet adottata skond l-Artikolu 4 għandha tinkludi wkoll:
[…]
4. Il-ħtiġ[ij]iet partikolari [għat-tikkjettar] ta' dawk il-prodotti li dwarhom Direttiva speċifika tkun ġiet adottata għandhom jitniżżlu f'dik id-Direttiva."
26 Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/398, ġew adottati, b'mod partikolari, d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE, ta' l-14 ta' Mejju 1991, dwar il-formul[i] tat-trabi u l-formul[i] tal-prosegwiment (ĠU L 175, p. 35), emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/50/KE, tal-25 ta' Mejju 1999 (ĠU L 139, p. 29, aktar 'il quddiem d-"Direttiva 91/321"), u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE, tas-16 ta' Frar 1996, dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU L 49, p. 17), emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/36/KE, tat-2 ta' Ġunju 1998 (ĠU L 167, p. 23), u mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/39/KE, tas-6 ta' Mejju 1999 (ĠU L 124, p. 8, aktar 'il quddiem d-"Direttiva 96/5").
27 Skond l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tad-Direttiva 91/321 u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 96/5, il-kelma "trabi" għandha tfisser it-tfal taħt l-età ta' tnax-il xahar u l-frażi "tfal żgħar" għandha tfisser it-tfal ta' età bejn sena u tliet snin.
28 Id-Direttivi 91/321 u 96/5 jistabbilixxu regoli fir-rigward tal-kompożizzjoni u t-tikkettjar dwar, rispettivament, il-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment intiżi għat-trabi b'saħħithom u għall-ikel ipproċessat magħmul minn ċereali u għall-ikel tat-trabi intiż għat-trabi u għat-tfal ta' età żgħira.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
29 L-Artikolu 3(2) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 128, tas-7 ta' April 1999, li jistabbilixxi regoli ta' implementazzjoni tad-Direttivi 96/5 u 98/36/KE li jikkonċernaw l-ikel ipproċessat magħmul minn ċereali u l-ikel għat-trabi li għadhom fuq il-ħalib u għat-tfal ta' età żgħira (GURI Nru 109, tat-12 ta' Mejju 1999, p. 5, aktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 128/1999") jipprovdi li:
"[…] Il-prodotti ta' l-ikel in kwistjoni […] m'għandhomx ikun fihom residwi ta' pestiċidi li jaqbżu 0.01 mg/kg u lanqas m'għandhom ikun fihom sustanzi mmodifikati ġenetikament."
30 L-Artikolu 4(1) tad-Digriet tal-Ministru tas-Saħħa Nru 500, tas-6 ta' April 1994, li jistabbilixxi regoli ta' implementazzjoni tad-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE, ta' l-14 ta' Mejju 1991, dwar il-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi (GURI Nru 189, tat-13 ta' Awwissu 1994, aktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 500/1994"), jipprovdi li:
"Il-prodotti ta' l-ikel għat-trabi għandhom ikunu magħmula minn sorsi ta' proteini ddefiniti fl-Annessi tad-[Digriet Nru 128/1999] u skond il-preskrizzjonijiet li jikkontjenu, kif ukoll minn ingredjenti oħra ta' l-ikel li l-adattament tagħhom għan-nutriment partikolari tat-trabi mit-twelid għandu jkun ikkonfermat minn data xjentifika aċċettata fuq livell universali."
31 Permezz tad-Digriet 371/2001, ġiet inkluża s-sentenza segwenti għall-Artikolu 4(1) tad-Digriet Nru 500/1994:
"Fi kwalunkwe każ, l-użu ta' prodotti dderivati minn OMĠ huwa eskluż, salv deroga prevista fir-Regolament (KE) Nru 49/2000."
Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
32 Permezz ta' sentenza ta' l-14 ta' Mejju 2002, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (L-Italja) annulla d-Digriet Nru 371/2001 safejn minnu jirriżulta li l-preżenza ta' OMĠ fi proporzjonijiet li mhumiex għola minn 1% ta' l-ingredjenti li minnhom huma magħmula l-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment, ikkawżata minn kontaminazzjoni aċċidentali, m'għandhiex għalfejn tiġi indikata fuq it-tikkettjar ta' dan l-ikel u dawn il-formuli.
33 F'din is-sentenza, ġie deċiż, b'mod partikolari, li d-deroga mill-obbligu tat-tikkettjar prevista fid-Digriet Nru 371/2001 tmur kontra l-Artikolu 3 (2) tad-Digriet Nru 128/1999 u li hija lanqas ma tirriżulta mir-Regolament Nru 49/2000 peress illi dan ir-regolament ma japplikax għall-formuli tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira.
34 Skond din il-qorti, id-Direttiva 91/321 waqqfet regoli speċjali għal dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, it-tikkettjar tal-formuli tat-trabi u t-tfal ta' età żgħira. Madankollu, dawn ir-regoli jidderogaw mil-leġiżlazzjoni komunitarja ġenerali fir-rigward tat-tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel previst mid-Direttiva 79/112 peress illi hija timponi kundizzjonijiet aktar stretti mill-prinċipju ġenerali li l-konsumatur għandu jingħata informazzjoni sħiħa u korretta.
35 Din għandha tkun l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni komunitarja mhux biss minħabba l-loġika sistematika tagħha iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta' prekawzjoni, prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, li jeħtieġ li tingħata l-aħjar informazzjoni possibbli.
36 Min-naħa l-oħra, f'din is-sentenza r-rikors ġie miċħud fir-rigward tal-kumplament. B'hekk ġie deċiż li d-Digriet Nru 371/2001 huwa legali safejn dan jippermetti li l-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment ikun fihom materjal idderivat minn OMĠ fi proporzjonijiet li mhumiex għola minn 1%.
37 Fil-25 ta' Ġunju, il-Ministero della Salute għamel appell minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato u talab li tiġi annullata safejn din tannulla d-Digriet Nru 371/2001.
38 In sostenn għall-appell tiegħu, il-Ministero della Salute qal, b'mod partikolari, li ebda waħda mid-direttivi speċifiċi relatati ma' l-oġġetti ta' l-ikel intiżi għat-trabi jew għat-tfal ta' età żgħira ma tinkludi regoli dwar l-indikazzjoni tal-preżenza aċċidentali ta' materjal idderivat minn OMĠ f'tali oġġetti ta' l-ikel fit-tikkettjar.
39 Minn dan jirriżulta li l-uniċi dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk previsti fir-Regolament Nru 1139/98, b'mod illi dawn id-dispożizzjonijiet, inklużi dawk dwar il-livell ta' tolleranza stabbilit fir-Regolament Nru 49/2000, japplikaw għall-oġġetti kollha ta' l-ikel u għalhekk japplikaw ukoll għall-formuli tat-trabi jew tat-tfal ta' età żgħira.
40 L-Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA) (assoċjazzjoni Taljana ta' l-industriji ta' prodotti ta' l-ikel) interveniet fl-appell b'sostenn tal-Ministero della Salute.
41 Codacons, sostnut minn Adusbef u Federconsumatori, partijiet intervenjenti fl-appell, talbet li l-appell jiġi miċħud.
42 F'dawn iċ-ċirkostanzi, billi kkunsidrat li s-soluzzjoni għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali teħtieġ l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1139/98, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi s- domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
"Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament […] Nru 1139/98 […], għandha tiġi applikata wkoll għall-prodotti ta' l-ikel għat-trabi u t-tfal sa tliet snin; b'mod partikolari, kontaminazzjoni aċċidentali ta' dawn il-prodotti minn materjali li jirriżultaw minn [OMĠ] fi proporzjon li mhuwiex għola minn 1% għandha tiġi indikata fit-tikkettjar?"
Fuq id-domanda preliminari
43 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1139/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni, li huwa jipprovdi mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (3) ta' l-istess regolament, minn indikazzjoni fit-tikkettjar ta' l-oġġetti ta' l-ikel tal-preżenza ta' materjal idderivat minn ċerti OMĠ fil-każ li tali preżenza tirriżulta minn kontaminazzjoni aċċidentali u li tkunx għola mill-minimu stabbilit ta' 1%, tapplikax ukoll għall-oġġetti ta' l-ikel intiżi għan-nutriment partikolari tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira.
44 Preliminarjament, għandu jiġi nnutat li, fil-prinċipju, hija l-qorti tar-rinviju biss li tista' tiddetermina l-portata tad-domandi preliminari li hija tqis li għandha tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja.
45 Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar il-legalità ta' l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1139/98, imqajma minn Codacans bħala talba sussidjarja, jiġifieri fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-oġġetti ta' l-ikel intiżi għat-trabi jew għat-tfal ta' età żgħira, ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress illi taqa' manifestament barra mill-portata tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.
46 Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1139/98 għandhom jinqraw fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni komunitarja kollha li tirrigwarda t-tikkettjar ta' oġġetti ta' l-ikel.
47 Fit-tieni ċitazzjoni tal-preambolu tiegħu, ir-Regolament Nru 1139/98 jirreferi għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/112 li jgħid li d-dispożizzjonijiet komunitarji applikabbli għal ċerti oġġetti ta' l-ikel partikolari, u mhux għall-oġġetti ta' l-ikel in ġenerali, jistgħu jistabbilixxu indikazzjonijiet oħra li jkunu obbligatorji apparti dawk elenkati fl-Artikolu 3 ta' din id-direttiva.
48 Għalhekk, ir-Regolament Nru 1139/98 jinkludi dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tikkettjar li, skond ir-raba' premessa tad-Direttiva 79/112, huma ta' "natura speċifika li japplikaw vertikalment għal ċerti prodotti partikolari biss".
49 Fil-fatt ir-Regolament Nru 1139/98 japplika biss għal oġġetti ta' l-ikel partikolari, jiġifieri dawk li huma totalment jew parzjalment magħmula minn fażola tas-soya jew ċerti tipi ta' qamħirrun immodifikati ġenetikament indikati fl-Artikolu 1(1) ta' l-imsemmi regolament.
50 Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni komunitarja dwar l-oġġetti ta' l-ikel intiżi għal nutriment partikolari, b'mod aktar speċifiku dak tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/398 jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tadotta direttivi speċifiċi li jinkludu, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' ċerti prodotti u li fosthom jidhru l-formuli tat-trabi, il-ħalib tal-prosegwiment u ikel ieħor għal tfal li għandhom aktar minn sentejn u l-ikel għat-trabi.
51 B'dan il-mod, ġew adottati d-Direttivi 91/321 u 96/5 li jistabbilixxu regoli ta' kompożizzjoni u tikkettjar relattivi, rispettivament, għall-formuli tat-trabi u l-formuli tal-prosegwiment intiżi għat-trabi b'saħħithom u għall-ikel ipproċessat magħmul minn ċereali u għall-ikel tat-trabi intiż għat-trabi u għat-tfal ta' età żgħira.
52 B'hekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-ħtiġijiet partikolari fir-rigward tat-tikkettjar tar-Regolament Nru 1139/98 japplikawx ukoll għall-oġġetti ta' l-ikel intizi għan-nutriment partikolari tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira koperti mil-leġiżlazzjoni komunitarja indikata fil-punti 50 u 51 ta' din is-sentenza.
53 Mill-Artikolu 7(1) u (4) tad-Direttiva 89/398, interpretat fid-dawl tar-raba' premessa ta' din id-direttiva, jirriżulta li dispożizzjonijiet dwar it-tikkettjar bħal dawk previsti fir-Regolament Nru 1139/98 huma, fil-prinċipju, applikabbli għall-oġġetti ta' l-ikel intizi għan-nutriment partikolari li jaqgħu taħt din id-direttiva, jiġifieri dawk li huma intiżi sabiex jilħqu għan ta' nutriment speċifiku għal ċerti kategoriji ta' persuni, ħlief jekk ikun neċessarju li ssir deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġi assigurat li l-għan ta' nutriment speċifiku in kwistjoni jiġi milħuq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1999, UDL, C-101/98, Ġabra p. I-8841, punti 15 u 18).
54 Madankollu, id-Direttivi 91/321 u 96/5 ma jinkludux ħtiġijiet partikolari fir-rigward tat-tikkettjar relatati mal-preżenza ta' materjal idderivat minn OMĠ, li jidderogaw, għal dak li jikkonċerna l-oġġetti ta' l-ikel intiżi għat-trabi jew għat-tfal ta' età żgħira, minn dawk previsti fir-Regolament Nru 1139/98. Sal-lum, ħtiġijiet bħal dawn ma ġewx meqjusa bħala neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta' nutriment speċifiku għat-trabi u għat-tfal ta' età żgħira.
55 Għalhekk, u fin-nuqqas ta' indikazzjoni kuntrarja li tirriżulta jew mit-test jew inkella mill-kuntest jew mill-għan ta' l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1139/98, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni mill-ħtiġijiet partikolari, li hija tistabbilixxi fir-rigward ta' tikkettjar li jaqa' taħt l-imsemmi regolament, tapplika wkoll għall-oġġetti ta' l-ikel intiżi għan-nutriment partikolari tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira koperti mid-Direttiva 89/398.
56 Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkuntestata fuq il-bażi tal-prinċipju ta' prekawzjoni.
57 Hekk kif jirriżulta mir-raba' u s-sitt premessi tiegħu, ir-Regolament Nru 1139/98 għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, l-ewwelnett, li jneħħi l-ostakoli li jista' jkun hemm għall-moviment liberu tal-prodotti li fihom is-soya u l-qamħirrun immodifikati ġenetikament u, it-tieninett, li jinforma lill-konsumatur finali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Ġunju 2003, Glawischnig, C-316/01, Ġabra p. I-5995, punti 30 u 31).
58 Ir-Regolament Nru 1139/98 huwa intiż sabiex tiżdied informazzjoni supplementari ma' dik li hija diġa obbligatorja fuq it-tikkettjar ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel skond id-Direttiva 79/112 li, min-naħa tagħha, ma ġietx imfassla bħala miżura intiża sabiex tipproteġi l-ambjent (ara s-sentenza Glawischnig, ċitata aktar 'il fuq, punt 33).
59 Il-ħames u s-sitt premessi tar-Regolament Nru 1139/98 jindikaw, barra minn dan, li l-ħtiġijiet speċifiċi addizzjonali fir-rigward tat-tikkettjar li jipprovdi dan ir-regolament huma bbażati fuq l-istess prinċipji bħal dawk li fuqhom huma bbażati d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 258/97 u huma intiżi sabiex jinfurmaw lill-konsumatur finali.
60 Barra minn hekk, minn dawn l-istess premessi jirriżulta li l-imsemmija ħtiġijiet huma applikabbli għall-ikel u l-ingredjenti ta' l-ikel li fihom OMĠ jew li huma dderivati minn OMĠ imqiegħda fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 258/97 bis-saħħa ta' awtorizzazzjoni mogħtija b'applikazzjoni tad-Direttiva 90/220 kif ukoll għall-ikel u l-ingredjenti ta' ikel imqiegħda fis-suq wara d-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi regolament.
61 Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' prekawzjoni jippresupponi li għadhom jeżistu xi inċertezzi fir-rigward ta' l-eżiżistenza jew il-portata tar-riskji għas-saħħa tal-persuna (ara, f'dan is-sens, sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C-236/01, Ġabra p. I-8105, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 It-tmien premessa tar-Regolament Nru 258/97 tiddikjara li l-ħtiġijiet speċifiċi addizzjonali fir-rigward tat-tikkettjar previsti f'dan ir-regolament huma maħsuba sabiex jassiguraw li l-konsumatur ikollu l-informazzjoni neċessarja dwar l-oġġetti ta' l-ikel in kwistjoni. Din iżżid li dawn għandhom ikunu mingħajr periklu għas-saħħa tal-bniedem u li din l-assigurazzjoni għandha tiġi mogħtija permezz tal-proċedura ta' approvazzjoni esposta fid-Direttiva 90/220 u/jew permezz tal-proċedura speċifika ta' evalwazzjoni li jistabbilixxi dan ir-regolament.
63 Fil-fatt, it-tqegħid fis-suq ta' l-OMĠ imsemmi fir-Regolament Nru 1139/98 jista' jseħħ biss jekk dawn ikunu ġew awtorizzati minn qabel wara li tkun saret evalwazzjoni tar-riskji bil-għan li jiġi assigurat li, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' evalwazzjoni bħal din, dawn ma jinvolvux periklu għall-konsumatur. Il-prinċipju ta' prekawzjoni, jekk ikun il-każ, jifforma parti minn tali proċess ta' deċiżjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Monsanto Agricoltura Italia et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 133).
64 Fid-dawl ta' dak kollu li ngħad aktar 'il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament Nru 1139/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni, li huwa jipprovdi, mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (3) ta' l-istess regolament, minn indikazzjoni fit-tikkettjar ta' l-oġġetti ta' l-ikel tal-preżenza ta' materjal idderivat minn ċerti OMĠ fil-każ li preżenza bħal din tirriżulta minn kontaminazzjoni aċċidentali u ma tkunx għola mill-minimu stabbilit ta' 1%, tapplika wkoll għall-oġġetti ta' l-ikel intiżi għan-nutriment partikolari tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira.
Fuq l-ispejjeż
65 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti sabiex għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1139/98, tas-26 ta' Mejju 1998, li jirrigwarda l-indikazzjoni obbligatorja fuq it-tikkettjar ta' ċerti oġġetti ta' l-ikel prodotti mill-organiżmi mmodifikati ġenetikament ta' partikolaritajiet oħra għajr dawk li hemm provvediment għalihom fid-Direttiva 79/112/KEE, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 49/2000, ta' l-10 ta' Jannar 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni, li huwa jipprovdi mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (3) ta' l-istess regolament, minn indikazzjoni fit-tikkettjar ta' l-oġġetti ta' l-ikel tal-preżenza ta' materjal idderivat minn ċerti OMĠ fil-każ li preżenza bħal din tirriżulta minn kontaminazzjoni aċċidentali u li ma tkunx għola mill-minimu stabbilit ta' 1%, tapplika wkoll għall-oġġetti ta' l-ikel intiżi għan-nutriment partikolari tat-trabi u tat-tfal ta' età żgħira
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.