Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0131

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta' Settembru 2006.
    R.J. Reynolds Tobacco Holdings, Inc. et. vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq proċedimenti ġudizzjarji quddiem qorti ta' Stat terz - Rikors għal annullament - Inammissibbiltà.
    Kawża C-131/03 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:541

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

    12 ta' Settembru 2006 (*)

    "Appell – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq proċedimenti ġudizzjarji quddiem qorti ta' Stat terz – Rikors għal annullament – Inammissibbiltà"

    Fil-kawża C-131/03 P,

    li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-24 ta' Marzu 2003,

    R.J. Reynolds Tobacco Holdings, Inc., stabbilita f'Winston‑Salem, North Carolina (l-Istati Uniti),

    RJR Acquisition Corp., stabbilita f'Wilmington, New Castle, Delaware (l-Istati Uniti),

    R.J. Reynolds Tobacco Company, stabbilita f'Jersey City, New Jersey (l-Istati Uniti),

    R.J. Reynolds Tobacco International, Inc., stabbilita f'Dover, Kent, Delaware (l-Istati Uniti),

    Japan Tobacco, Inc., stabbilita f'Tokyo (Ġappun),

    irrappreżentati minn P. Lomas, solicitor, u O. W. Brouwer, avocat,

    rikorrenti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Philip Morris International Inc., stabbilita f'Rye Brook, New York (l-Istati Uniti),

    konvenuta fl-ewwel istanza fil-kawżi T‑377/00 u T‑272/01,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Docksey, X. Lewis u C. Ladenburger, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    sostnuta minn:

    Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u T. Blanchet, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjent fl-appell,

    Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, bħala aġent,

    Il-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. I. Fernandes u A. Seiça Neves, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn T. Pynnä u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Duintjer Tebbens u A. Baas, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u W.‑D. Plessing, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Ellenika,

    intervenjenti fl-ewwel istanza fil-kawżi T‑260/01 et T‑272/01,

    Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent,

    intervenjent fl-ewwel istanza fil-kawżi T‑379/00, T‑260/01 et T‑272/01,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr (Relatur), P. Kūris, E. Juhász, J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-24 ta' Jannar 2006,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta' April 2006,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz ta' l-appell tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Jannar 2003, Philip Morris et vs Il-Kummissjoni (T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, Ġabra p. II‑1, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikorsi tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta' Lulju 2000, minn naħa, li tistabbilixxi "il-prinċipju ta' proċedimenti ċivili, f'isem il-Kummissjoni, kontra ċerti manifatturi Amerikani ta' sigarretti", u li, in eżekuzzjoni tagħha, tressqu proċedimenti ċivili kontra diversi kumpanniji li jappartjenu għall-grupp Philip Morris (iktar 'il quddiem "Philip Morris") u l-grupp Reynolds (iktar 'il quddiem "Reynolds") kif ukoll kontra Japan Tobacco, Inc. (iktar 'il quddiem "Japan Tobacco"), quddiem il-United States District Court, Eastern District of New York, qorti federali ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika (iktar 'il quddiem id-"District Court"), u tal-25 ta' Lulju, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi "il-prinċipju ta' proċedimenti ċivili ġodda, quddiem il-qrati Amerikani, mill-Komunità flimkien ma' mill-inqas Stat Membru wieħed, kontra l-gruppi ta' manifatturi ta' sigarretti li kienu konvenuti fil-proċedimenti preċedenti", u li, in eżekuzzjoni tagħha, tressqu żewġ proċedimenti oħrajn quddiem id-District Court (iktar 'il quddiem id-"deċiżjonijiet ikkontestati).

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2       Is-sentenza kkontestata tagħti s-segwenti deskrizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża:

    "1      Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta' siġaretti lejn il-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni approvat, fid-19 ta' Lulju 2000, 'il-prinċipju ta' proċedimenti ċivili, f'isem il-Kummissjoni, kontra ċerti manifatturi Amerikani ta' sigarretti'. Hija ddeċidiet ukoll li tinforma l-Kumitat ta' Rappreżentanti Permanenti (Coreper) b'dan permezz tal-mezzi xierqa u awtorizzat lill-President tagħha kif ukoll lill-Kummissarju responsabbli għall-baġit jagħtu istruzzjonijiet lid-Dipartiment Legali sabiex jieħu l-miżuri neċessarji.

    2      Fit-3 ta' Novembru 2000, tressqu proċedimenti ċivili mill-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, f'isimha u f'isem l-Istati Membri li hija għandha s-setgħa tirrappreżenta', kontra [Philip Morris, Reynolds u Japan Tobacco] quddiem [id-District Court].

    3      Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti (iktar ‘il quddiem ‘l-ewwel proċedimenti’), il-Komunità allegat li r-rikorrenti, li huma manifatturi tat-tabakk, ipparteċipaw f’sistema ta’ kuntrabandu intiża sabiex iddaħħal u tiddistribwixxi sigarretti fit-territorju tal-Komunità Ewropea. Il-Komunità ppruvat b’mod partikolari tikseb kumpens għad-dannu li rriżulta minn din is-sistema ta’ kuntrabandu u li kien jikkonsisti, prinċipalment, fit-telf ta’ dazji doganali u tat-taxxa fuq il-vajur miżjud (VAT) li kienu jitħallsu f’każ ta’ importazzjoni legali, kif ukoll inġunzjonijiet sabiex jitwaqqfu dawn l-attivitajiet kriminali.

    4      Il-Komunità bbażat it-talbiet tagħha fuq liġi federali ta’ l-Istati Uniti, ir-Racketeer Influenced and Corrupt Organizations Act ta’ l-1970 (iktar ‘il quddiem ir-‘RICO’) kif ukoll fuq ċerti teoriji tal-common law, jiġifieri t-teoriji tal-common law fraud, tal-public nuisance u ta’ l-unjust enrichment. Ir-RICO għandha l-għan li tiġġieled kontra l-kriminalità organizzata, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-proċedimenti kontra operaturi ekonomiċi meta dawn iwettqu attivitajiet kriminali. Għal dan il-għan, tagħti lill-partijiet ċivili d-dritt li jressqu proċedimenti. Sabiex tinkuraġġixxi l-proċedimenti ċivili, ir-RICO tippprovdi li r-rikorrent jista' jingħata kumpens għad-danni li jikkorrispondi għat-triplu tad-danni effettivament subiti (treble damages).

    5      Permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' Lulju 2001, id-District Court ċaħdet it-talbiet tal-Komunità Ewropea.

    6      Fil-25 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni approvat 'il-prinċipju ta' proċedimenti ċivili ġodda quddiem il-qrati Amerikani, mill-Komunità flimkien ma' mill-inqas Stat Membru wieħed, kontra l-gruppi ta' manifatturi ta' sigarretti li kienu konvenuti fil-proċedimenti preċedenti'. Hija awtorizzat ukoll lill-President tagħha kif ukoll lill-Kummissarju responsabbli għall-baġit jagħtu istruzzjonijiet lid-Dipartiment Legali sabiex jieħu l-miżuri neċessarji.

    7      Fis-6 ta' Awwissu 2001, tressqu proċedimenti ġodda quddiem id-District Court kontra Philip Morris u Reynolds mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea u f'isem l-Istati Membri li hija kellha s-setgħa tirrappreżenta kif ukoll minn għaxar Stati Membri, jiġifieri r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja, f'isimhom stess. Fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti (iktar 'il quddiem it-'tieni proċedimenti'), il-Komunità ma bbażatx iktar it-talbiet tagħha fuq ir-RICO, iżda biss fuq il-prinċipji tal-common law invokati fil-kuntest ta' l-ewwel proċedimenti. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri bbażaw it-talbiet tagħhom kemm fuq ir-RICO kif ukoll fuq il-prinċipji invokati mill-Komunità. Barra minn hekk, ġie allegat dannu ekonomiku u dannu mhux ekonomiku li l-Komunità qatt ma kienet semmiet fl-ewwel proċedimenti tagħha u ngħataw elementi supplementari dwar it-teoriji tal-public nuisance u ta' l-unjust enrichment.

    8      Il-Komunità m'appellatx kontra d-deċiżjoni tad-District Court tas-16 ta' Lulju 2001, imsemmija fil-punt 5 iktar 'il fuq. Madankollu, fl-10 ta' Awwissu 2001, hija talbet lil qorti Amerikana tannulla din id-deċiżjoni u li tagħtiha l-opportunità tbiddel ir-rikors tagħha (motion to vacate the judgment and to amend the complaint). Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni tad-District Court tal-25 ta' Ottubru 2001.

    9      Fid-9 ta' Jannar 2002, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni u l-għaxar Stati Membri msemmija fil-punt 7 iktar 'il fuq ressqu t-tielet proċedimenti quddiem id-District Court kontra [Japan Tobacco] u impriżi oħrajn marbuta magħha (iktar 'il quddiem it-'tielet proċedimenti').

    10      Fid-19 ta' Frar 2002, id-District Court ċaħdet it-tieni u t-tielet proċedimenti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri abbażi ta' regola ta' common law (revenue rule) li tgħid li l-qrati ta' l-Istati Uniti m'għandhomx jeżegwixxu l-liġijiet fiskali ta' Stati oħrajn.

    11      Fl-20 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni approvat il-prinċipju li tappella kontra d-deċiżjoni tad-District Court. Fil-25 ta' Marzu 2002, tressaq appell quddiem il-United States Court of Appeals for the Second Circuit (Qorti ta' l-Appell tat-tieni distrett) f'isem il-Komunità u f'isem l-għaxar Stati Membri."

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

    3       Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-19 u fl-20 ta' Diċembru 2000, ir-rikorrenti talbu, b'mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jitressqu l-ewwel proċedimenti (kawżi T-377/00, T-379/00 et T-380/00).

    4       Permezz ta' digriet tat-2 ta' Lulju 2001, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza għaqqad it-tliet kawżi għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    5       Permezz ta' rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Ottubru 2001, Reynolds u Philip Morris ressqu proċedimenti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tressaq it-tieni proċedimenti (kawżi T-260/01 u T-272/01).

    6       Permezz ta' digriet tal-31 ta' Jannar 2002, il-President tat-Tieni Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza għaqqad il-ħames kawżi T-377/00, T-379/00, T-380/00, T-260/01 u T-272/01 għall-bqija tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għas-sentenza.

    7       F'kull waħda minn dawn il-kawżi, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, peress illi d-deċiżjonijiet in kwistjoni mhumiex atti li jistgħu jiġu kkontestati kif previst fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE.

     Is-sentenza kkontestata

    8       Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħat l-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikorsi.

    9       Fil-punti 74, 76 u 77 ta' dik is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret qabel kollox il-kontenut tar-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE kif ukoll il-ġurisprudenza kostanti li tistabbilixxi, minn naħa, li għandha tiġi kkunsidrata is-sustanza tal-miżura li jkun qed jintalab l-annullament tagħha sabiex jiġi stabbilit jekk din tistax tiġi kkontestata, filwaqt li l-forma li biha tiġi ppreżentata hija, bħala regola, irrilevanti, u, min-naħa l-oħra, li huma biss il-miżuri li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni ġuridika tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament, u dan billi l-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet, b'mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punt 9).

    10     Għaldaqstant, hija eżaminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati jipproduċux tali effetti.

    11     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li l-fatt li kawża tinġab a konjizzjoni ta' qorti huwa att indispensabbli sabiex tinkiseb deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti, iżda li d-determinazzjoni definittiva ta' l-obbligi tal-partijiet fil-kawża tirriżulta biss mid-deċiżjoni tal-qorti li tkun qed tisma' l-kawża. Billi rreferiet, b'analoġija, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-191/95, Ġabra p. I-5449, punt 47), dwar deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta rikors skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE, hija kkonkludiet li d-deċiżjoni li jinbdew proċedimenti legali ma tbiddilx, fiha nfisha, il-pożizzjoni legali fil-kuntest ta' liema din id-deċiżjoni tkun ittieħdet u li għaldaqstant, bħala regola, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni li tista' tiġi kkontestata.

    12     Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati, peress illi ma jikkonċernawx it-tressiq ta' proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew quddiem qorti ta' Stat Membru, iżda quddiem qorti ta' Stat terz, kellhomx effetti ġuridiċi definittivi oħrajn minbarra dawk neċessarjament marbuta mat-tressiq ta' proċedimenti quddiem kwalunkwe qorti u li jbiddlu, b'mod sostanzjali, il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti.

    13     Billi eżaminat, l-ewwel nett, l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, ċaħdet bħala infondata, qabel kollox, it-teorija tar-rikorrenti li l-imsemmija deċiżjonijiet kellhom effetti ġuridiċi vinkolanti fir-rigward tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u l-ekwilibriju istituzzjonali.

    14     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 86 ta' l-imsemmija sentenza, li d-deċiżjonijiet ikkontestati, bħal kull att ta' istituzzjoni, jimplikaw inċidentalment it-teħid ta' pożizzjoni mill-awtur tagħhom fir-rigward tal-kompetenza tiegħu sabiex jadotta tali deċiżjonijiet, iżda li l-adozzjoni ta' tali pożizzjoni ma tistax ikollha effett ġuridiku vinkolanti fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, għaliex, anki jekk hija żbaljata, m'għandha ebda rilevanza awtonoma mill-att adottat. Hija żżid li tali adozzjoni ta' pożizzjoni, għad-differenza ta' att li għandu bħala suġġett l-attribuzzjoni ta' kompetenza, bħal dak li kien is-suġġett tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Ottubru 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C-366/88, Ġabra p. I-3571), invokata mir-rikorrenti, mhijiex intiża sabiex tbiddel it-tqassim ta' kompetenzi previst fit-Trattat KE.

    15     Fil-punt 87 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet ukoll li l-allegat nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni u l-effett eventwali fuq l-ekwilibriju istituzzjonali li jirriżulta minn dan ma jippermettux li ssir eċċezzjoni għall-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà tar-rikors għal annullament stabbiliti mit-Trattat. Tali raġunar jammonta għall-konklużjoni li att jista' jiġi kkontestat minħabba l-illegalità eventwali tiegħu. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet, b'analoġija, għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Mejju 2001, FNAB et vs Il-Kunsill (C-345/00 P, Ġabra p. I-3811, punti 39 sa 42).

    16     Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk, għal dak li jikkonċerna l-atti preparatorji, stħarriġ ġudizzjarju fi stadju prekoċi jistax jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mas-sistema ta' rimedji prevista mit-Trattat f'ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-miżuri kkonċernati huma neqsin minn kull apparenza ta' legalità, invokata b'mod partikolari fil-punt 23 tas-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, li l-qrati Komunitarji qatt ma kkonfermaw il-possibbiltà li jista' jsir stħarriġ, f'każijiet eċċezzjonali, ta' l-atti preparatorji jew ta' atti oħrajn li huma neqsin minn effetti ġuridiċi. Hija żżid li d-deċiżjonijiet li semmew din il-possibbiltà kienu ngħataw qabel id-digriet FNAB et vs Il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b'mod ċar kontra l-possibbiltà li l-ammissibbiltà ta' rikors tkun tiddependi mill-gravità tal-ksur tad-dritt Komunitarju invokat.

    17     It-tieni nett, fil-punt 107 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet bħala infondata t-teorija li d-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom effetti ġuridiċi vinkolanti billi ssuġġettaw lir-rikorrenti għal sistema legali oħra jew billi bidlu l-pożizzjoni tagħhom fuq il-livell sostanzjali u proċedurali.

    18     F'dan ir-rigward, hija ddikjarat, fil-punt 93 tas-sentenza kkontestata, li l-prinċipju li t-tressiq ta' proċedimenti quddiem qorti ma jbiddilx, fih innifsu, il-pożizzjoni legali tal-partijiet fil-kawża, fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, japplika kemm għat-tressiq ta' proċedimenti quddiem qorti Komunitarja kif ukoll quddiem qrati ta' Stati Membri u ta' Stati terzi, bħall-Istati Uniti. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, dan il-prinċipju mhuwiex affettwat mill-fatt li kull qorti hija meħtieġa tapplika r-regoli proċedurali tas-sistema legali tagħha kif ukoll ir-regoli sostantivi stabbiliti skond ir-regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet ta' din l-istess sistema legali. Indipendentement mir-regoli applikabbli, il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mil-liġi jew mid-deċiżjonijiet tal-qorti li tkun qed tisma' il-kawża, ma jistgħux jiġu attribwiti lill-parti li tkun ressqet il-proċedimenti.

    19     Fil-punti 95 u 96 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ammettiet li ċerti deċiżjonijiet ta' natura proċedurali jistgħu jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti u definittivi fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE kif interpretat mill-ġurisprudenza. Fost dawn id-deċiżjonijiet, hija ssemmi, minn naħa, dawk li, filwaqt li jikkostitwixxu stadji ta' proċedura amministrattiva li tkun għaddejja, ma jistabbilixxux biss il-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment ulterjuri tagħha, iżda jipproduċu effetti li jmorru lil hinn mill-kuntest proċedurali u li jbiddlu d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati fuq il-livell sostantiv.

    20     Wara li invokat, fil-punt 97 tas-sentenza kkontestata, ċertu numru ta' deċiżjonijiet li, skond il-ġuurisprudenza tal-qrati Komunitarji, huma ta' din in-natura, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 98, li dan mhuwiex il-każ tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Hija osservat b'mod partikolari li n-nuqqas ta' proċedura Komunitarja fil-qasam ta' l-irkupru tat-taxxi u tad-dazji doganali ma jistax jiġi mqabbel ma' l-immunità mogħtija espressament mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), lill-partijiet fi ftehim li jiġi nnotifikat skond dan ir-regolament. Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li d-deċiżjonijiet ikkontestati jimplikaw evalwazzjoni proviżorja, mill-Kummissjoni, ta' l-aġir tar-rikorrenti skond id-dritt ta' l-Istati Uniti, huma differenti mid-deċiżjoni li jitressqu proċedimenti sabiex jiġu eżaminati għajnuniet mogħtija mill-Istat peress illi d-dritt Komunitarju ma jipprovdix li għandhom jitnisslu konsegwenzi ġuridiċi speċifiċi minn din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, it-tressiq ta' proċedimenti quddiem qrati ta’ l-Istati Uniti ma jimponix obbligi ġodda fuq ir-rikorrenti u ma jobbligahomx ibiddlu l-prattiki tagħhom.

    21     Il-Qorti tal-Prim'Istanza semmiet, fil-punti 99 u 100 tas-sentenza kkkontestata, ċerti deċiżjonijiet ta' natura proċedurali li jistgħu jiġu kkontestati minħabba l-fatt li huma jaffettwaw id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati. Madankollu, hija kkonstatat li, f'din il-kawża, ir-rikorrenti ma kinux jiddisponu minn drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċedimenti għal nuqqas li, skond huma, kellhom jitressqu mill-Kummissjoni u kkonkludiet li t-tressiq ta' proċedimenti quddiem id-District Court ma setax jipprivahom minn drittijiet f'dan ir-rigward. Il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet li, fin-nuqqas ta' kompetenza Komunitarja għall-irkupru tad-dazji u tat-taxxi kkonċernati, lanqas ma teżisti proċedura rilevanti prevista mid-dritt Komunitarju li tikkonferixxi fuq ir-rikorrenti s-salvagwardji li jkunu ġew miċħuda minnhom.

    22     Fil-punt 101 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat ukoll li r-rikorrenti lanqas ma taw prova tal-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati affettwaw il-pożizzjoni legali tagħhom fir-rigward tal-proċeduri ta' rkupru tat-taxxi u tad-dazji tad-dwana li jeżistu fl-Istati Membri.

    23     Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-proċedimenti quddiem id-District Court huma differenti mill-proċedimenti li jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta' l-Istati Membri minħabba n-nuqqas ta' sistema ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Prim'Istanza wieġbet, fil-punt 105 tas-sentenza kkontestata, li huwa normali, f'kawżi li fihom elementi internazzjonali, li l-qorti jkollha tapplika regoli ta' dritt barranin u li tagħmel dan fil-kuntest tar-regoli ta' proċedura tagħha stess. Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-applikazzjoni mill-qorti tar-regoli ta' proċedura tagħha stess tagħmel parti mill-konsegwenzi marbuta neċessarjament mat-tressiq ta' proċedimenti quddiem kull qorti u għaldaqstant ma tistax tiġi kkwalifikata bħala effett ġuridiku fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE. Hija żżid li, għalkemm l-Artikolu 234 KE jagħti lill-qrati ta' l-Istati Membri l-possibbiltà li jagħmlu domandi preliminari u jimponi fuq uħud minn dawn il-qrati l-obbligu li jagħmlu dawn id-domandi, min-naħa l-oħra ma jagħtix lill-partijiet f'kawża pendenti quddiem l-imsemmija qrati d-dritt li jressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    24     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 108 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjonijiet ikkontestati m'għandhomx, fis-sistema legali Komunitarja, effetti ġuridiċi vinkolanti fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE kif interpretat mill-ġurisprudenza.

    25     Billi eżaminat, it-tieni nett, l-effetti marbuta mat-tressiq tal-proċedimenti ċivili in kwistjoni skond id-dritt ta' l-Istati Uniti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 110 tas-sentenza kkontestata, li l-konsegwenzi tat-tressiq ta' proċedimenti quddiem id-District Court fuq il-livell proċedurali invokati mir-rikorrenti mhumiex differenti, fil-parti l-kbira, minn dawk li huma marbuta neċessarjament mat-tressiq ta' proċedimenti quddiem kull qorti u xi wħud minnhom huma purament fattwali.

    26     Barra minn hekk, fil-punti 111 u 112 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li, għalkemm il-qrati federali ta' l-Istati Uniti jistgħu, skond id-dritt proċedurali tagħhom, jadottaw deċiżjonijiet li għandhom effetti vinkolanti fir-rigward tal-partijiet fil-kawża, billi jobbligaw lil dawn ta' l-aħħar jikxfu fatti u dokumenti, dawn l-effetti jirriżultaw mill-eżerċizzju awtonomu tas-setgħat li dawn il-qrati għandhom skond id-dritt ta' l-Istati Uniti u għaldaqstant ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Kummissjoni.

    27     Għal dak li jirrigwarda l-effetti sostantivi tat-tressiq ta' proċedimenti quddiem id-District Court, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, fil-punt 114 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni li jitressqu proċedimenti quddiem id-District Court hija limitata għat-tressiq ta' proċedimenti sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tar-rikorrenti, li l-eżistenza sostantiva tagħha mhijiex iddeterminata mit-tressiq tal-proċedimenti. Għaldaqstant, billi rreferiet, b'analoġija, għall-punt 19 tas-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet li filwaqt li d-deċiżjonijiet ikkontestati setgħu kellhom bħala effett li jinformaw lir-rikorrenti li hemm riskju reali li l-qorti Amerikana timponi fuqhom sanzjonijiet, dan jikkostitwixxi sempliċi konsegwenza ta' fatt u mhux effett ġuridiku li d-deċiżjonijiet kkontestati huma intiżi biex jipproduċu.

    28     Fil-punti 115 sa 117 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li ċerti fatti mqajma mir-rikorrenti, jiġifieri li huma akkużati b'aġir kriminali fil-kuntest tal-proċedimenti in kwistjoni, li l-immunità tal-partijiet f'kawża tipproteġihom minn proċedimenti ta' malafama għal dikjarazzjonijiet libellużi magħmula fil-kuntest tal-proċedimenti u li l-ilmenti tal-Kummissjoni ġew ippubblikati fuq l-Internet mid-District Court, kif ukoll il-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mit-tressiq tal-proċedimenti in kwistjoni fir-rigward tar-reputazzjoni ta' kumpanniji kwotati jew huma ta' natura fattwali jew jirriżultaw esklużivament minn dispożizzjonijiet tad-dritt ta' l-Istati Uniti u għalhekk ma jikkostitwixxux effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati li huma attribwibbli lill-Kummissjoni.

    29     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza kkontestata, li l-effetti marbuta mat-tressiq tal-proċedimenti ċivili in kwistjoni skond id-dritt ta' l-Istati Uniti li r-rikorrenti jinvokaw ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala effetti ġuridiċi vinkolanti fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE kif interpretat mill-ġurisprudenza.

    30     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda n-neċessità ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-argument tar-rikorrenti li l-inammissibbiltà tar-rikorsi tagħhom jkollha bħala effett li huma jiġu pprivati minn kull mezz legali sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet ikkontestati għaliex, billi l-qorti li qed tisma' l-kawża tinsab fi Stat terz, la l-qrati Komunitarji u lanqas il-qrati ta' l-Istati Membri ma jistgħu jiddeċiedu dwar il-legalità ta' l-aġir tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li:

    "121      F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-aċċess għal qorti huwa wieħed mill-elementi kostituttivi ta' Komunità li hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li huwa ggarantit fis-sistema legali bbażata fuq it-Trattat KE peress illi dan stabbilixxa sistema kompluta ta' rimedji legali u ta' proċeduri ntiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità ta' miżuri adottati minn istituzzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punt 23). Il-Qorti tal-Ġustizzja tuża t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali bħala bażi għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kompetenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18).

    122      Id-dritt għal rimedju effettiv għal kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt ta' l-Unjoni jkunu ġew miksura ġie, barra minn hekk, affermat mill-ġdid permezz ta' l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta' Diċembru 2000 f'Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1), li, għalkemm m'għandhiex saħħa legali li torbot lill-partijiet, turi l-importanza, fis-sistema legali Komunitarja, tad-drittijiet li hija tistabbilixxi.

    123      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-partijiet mhumiex ipprivati minn aċċess għall-qorti minħabba l-fatt li aġir li huwa nieqes minn karattru deċiżjonali ma jistax ikun is-suġġett ta' rikors għal annullament, billi rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali previst fl-Artikolu 235 KE u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibqa' disponibbli jekk l-aġir huwa ta' tali natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità.

    124      Barra minn hekk, għalkemm jista' jidher li huwa preferibbli li l-partijiet ikollhom, minbarra r-rikors għad-danni, rimedju li bih azzjonijiet ta' l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu ta' preġudizzju għall-interessi tagħhom jiġu mfixkla jew jitwaqqfu, huwa ċar li rimedju ta' tali natura, li jinvolvi neċessarjament li l-qorti Komunitarja tibgħat inġunzjonijiet lill-istituzzjonijiet, mhuwiex previst mit-Trattat. Mhuwiex il-kompitu tal-qorti Komunitarja li tissostitwixxi ruħha għas-setgħa kostituttiva tal-Komunità sabiex tbiddel is-sistema ta' rimedji legali u ta' proċeduri stabbilita mit-Trattat (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Ġunju 2000, Salamander et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-172/98, T-175/98 sa T-177/98, Ġabra p. II-2487, punt 75)".

     It-talbiet tal-partijiet

    31     Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –       tannulla s-sentenza kkontestata;

    –       tiddikjara ammissibbli r-rikorsi tagħhom għal annullament minħabba li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma manifestament illegali u tagħti deċiżjoni finali fuq il-kwistjoni;

    –       sussidjarjament, tiddikjara ammissibbli ir-rikorsi tagħhom għal annullament u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu;

    –       sussidjarjament ukoll, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex teżamina l-kwistjoni ta' ammissibbiltà flimkien mal-mertu u konsegwentement tagħti d-deċiżjoni tagħha;

    –       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    32     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –       tiddikjara l-appell parzjalment inammissibbli, safejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina xi punti ġodda li ma tqajmux fl-ewwel istanza jew teżamina mill-ġdid l-argumenti li tqajmu diġà fl-ewwel istanza;

    –       tiċħad il-bqija ta' l-appell;

    –       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

    33     Il-Gvern Germaniż, Spanjol, Taljan, Olandiż u Portugiż kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

    34     Il-Gvern Finlandiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    –       tiddikjara l-appell inammissbbli safejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina l-elementi l-ġodda li ma ġewx invokati matul il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u safejn hija mitluba teżamina mill-ġdid l-elementi mqajma quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mingħajr ma ngħatat prova li din wettqet żbalji ta' dritt;

    –       tiċħad il-bqija ta' l-appell;

    –       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

     Fuq l-appell

    35     In sostenn ta' l-appell tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu ħames raġunijiet ibbażati rispettivament:

    –       fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' l-Aritkolu 230 KE għal dak li jikkonċerna l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati fis-sistema legali Komunitarja;

    –       fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 230 KE għal dak li jikkonċerna l-effetti marbuta mat-tressiq tal-proċedimenti ċivili in kwistjoni skond id-dritt ta' l-Istati Uniti;

    –       fuq il-ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

    –       fuq l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li jiġu kkontestati miżuri manifestament illegali;

    –       fuq il-ksur ta' l-Aritkolu 292 KE.

     Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' l-Aritkolu 230 KE għal dak li jikkonċerna l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati fis-sistema legali Komunitarja

     L-argumenti tal-partijiet

    36     Fil-kuntest ta' din ir-raġuni, maqsuma f'ħames partijiet, ir-rikorrenti jsostnu, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt inkwantu hija kkunsidrat, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, li, bħala regola, id-deċiżjoni ta' istituzzjoni Komunitarja li tippreżenta rikors ma tistax tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni li tista' tiġi kkontestata.

    37     Jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-uniċi miżuri adottati mill-istituzzjonijiet li mhumiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju huma dawk li jiffurmaw parti minn proċedura Komunitarja li tkun għaddejja u li twassal għal deċiżjoni ulterjuri li tista', hija stess, tkun is-suġġett ta' stħarriġ ġudizzjarju li matulu l-ilmenti kollha dwar illegalità preċedenti jew dwar nuqqas ta' kompetenza ta' l-istituzzjoni kkonċernata u l-effetti tagħhom jistgħu jiġu eżaminati b'mod xieraq minn qorti kompetenti u li għandha tapplika d-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq IBM vs Il-Kummissjoni (punt 20) u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (punt 44).

    38     It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, billi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhomx effetti ġuridiċi, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma interpretatx korrettament il-ġurispudenza u lanqas ma applikat tali ġurisprudenza għaċ-ċirkustanzi totalment ġodda ta' din il-kawża. Il-ġurisprudenza attwali tittratta dwar rikorsi ppreżentati kontra miżuri meħuda mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju ta' kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattat u dawn ir-rikorsi wasslu ineżorabbilment għal deċiżjoni fi ħdan is-sistema legali Komunitarja, liema deċiżjoni kienet jew meħuda minn qorti Komunitarja, jew suġġetta għall-istħarriġ ta' tali qorti. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat f'din il-kawża li, jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati mhumiex suġġetti għall-istħarriġ tal-qrati Komunitarji, ebda att ieħor jew ebda konsegwenza oħra ma jkunu soġġetti għal tali stħarriġ u l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jistgħu jressqu proċedimenti legali 'l barra mis-sistema legali Komunitarja fuq kull kwistjoni ġdida u fi kwalunkwe ċirkustanza.

    39     It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat ħażin il-ġurisprudenza Komunitarja billi kkonkludiet li ma jirriżulta ebda effett ġuridiku mill-fatt li ma tkunx tista' tintalab iktar deċiżjoni preliminari dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni li tressaq proċedimenti fi Stat terz sabiex tipprova tirkupra d-dazji doganali u l-VAT li allegatament ma tħallsux.

    40     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, li kieku l-Kummissjoni kienet ressqet proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru, huma kien ikollhom id-dritt li jqajmu l-kwistjoni essenzjali tal-kompetenza tal-Kummissjoni, kwistjoni li l-għola qorti nazzjonali kien ikollha l-obbligu li tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, meta titqies ir-regola stabbilita fis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, Ġabra p. 4199), u l-inapplikabbiltà ċara tal-ġurisprudenza Cilfit et (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415). L-ipprivar tal-partijiet fil-kawża minn din l-opportunità kjarament iwassal għal konsegwenzi legali fir-rigward tagħhom.

    41     Ir-raba’ nett, billi kkonkludiet li t-tressiq ta' proċedimenti fi Stat terz minflok fi Stat Membru m’għandux effetti ġuridiċi, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin ukoll il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li, meta ssir l-għażla li jitressqu proċedimenti partikolari u mhux oħrajn, id-deċiżjoni li tinkarna din l-għażla toħloq effetti ġuridiċi fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.

    42     Il-Qort tal-Prim'Istanza għamlet żball meta, fil-punt 98 tas-sentenza kkontestata, ma rrikonoxxietx li l-fattur deċiżiv fis-sentenza tat-30 ta' Ġunju 1992, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-312/90, Ġabra p. I-4117), kien il-fatt, għall-Kummissjoni, li ppreferiet proċedimenti partikolari minflok oħrajn, billi teskludi lil dawn ta' l-aħħar. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-15 ta' Marzu 1967, CBR et vs Il-Kummissjoni (8/66 sa 11/66, Ġabra p. 93). Billi ressqet il-proċedimenti kkonċernati fl-Istati Uniti, il-Kummissjoni għażlet proċedimenti partikolari, liema għażla kellha bħala konsegwenza li teskludi mhux biss ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll il-garanziji proċedurali materjali pprovduti mill-proċeduri rilevanti tad-dritt Komunitarju applikabbli għall-ġbir tat-taxxi u tad-dazji in kwistjoni.

    43     Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma ammettietx li, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kienet adottat pożizzjoni definittiva għal dak li jirrigwarda l-kompetenza tagħha fid-dritt Komunitarju, liema fatt, skond ġurisprudenza kostanti, joħloq effetti ġuridiċi.

    44     Il-Kummissjoni setgħet taġixxi biss jekk att ta' leġiżlazzjoni sekondarja kien ġie adottat sabiex tkun tista' tressaq proċedimenti ġudizzjarji fi Stat terz sabiex tirkupra d-dazji doganali u l-VAT li allegatament ma tħallsux. Id-deċiżjonijiet ikkontestati joħolqu għalhekk l-istess effetti ġuridiċi bħal tali att ta' leġiżlazzjoni sekondarja.

    45     Barra minn hekk, l-imsemmija deċiżjonijiet kellhom bħala konsegwenza li jawtorizzaw l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni sabiex tressaq u tkompli l-proċedimenti quddiem il-qrati ta’ l-Istati Uniti. Tali deċiżjonijiet jistgħu jiġu kkontestati skond l-Artikolu 230 KE, kif jirriżulta b'mod partikolari mid-digriet ta' l-24 ta' Settembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C-239/96 R u C-240/96 R, Ġabra p. I-4475).

    46     Billi jissostitwixxu atti ta' dritt Komunitarju primarju jew sekondarju li jbiddlu t-tqassim tal-kompetenzi previst fit-Trattat, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma wkoll intiżi sabiex ibiddlu tali tqassim, ħaġa li tikkostitwixxi bidla fil-kompetenzi li hija identika għal dik fis-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq.

    47     Il-Kummissjoni ssostni li l-partijiet kollha ta' din ir-raġuni huma inammissibbli peress illi r-rikorrenti jirrepetu biss l-argumenti li tqajmu fl-ewwel istanza.

    48     Hija ssostni ukoll, għal dak li jikkonċerna l-ħames parti u l-argument li l-Kummissjoni ma tistax taġixxi għall-irkupru ta' taxxi fi Stati terzi ħlief b'awtorizzazzjoni leġiżlattiva speċifika, l-ewwel nett, li r-rikorrenti taw deskrizzjoni mhux eżatta ta' l-approċċ tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Din il-Qorti rrilevat, fil-punt 104 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti ma tawx prova li l-Kummissjoni ma tatx każ jew evitat il-proċeduri eżistenti applikabbli fil-qasam ta' l-irkupru tat-taxxi u tad-dazji doganali jew fil-ġlieda kontra l-frodi. It-tieni nett, qatt ma kien hemm dubju dwar il-fatt li l-Kummissjoni tagħmel hija stess rikors sabiex tirkupra t-taxxi li ma tħallsux. It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza enfasizzat, fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata, li l-argument li l-Kummissjoni ppruvat tirkupra t-taxxi permezz ta' azzjoni għal danni mhuwiex ta' natura li jaffettwa d-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, minbarra l-fatt li huwa argument li għandu x'jaqsam mal-mertu tal-kawża.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, jirriżulta mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li appell għandu jindika b'mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti ta' dritt li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 34; tat-8 ta' Jannar 2002, Franza vs Monsanto u l-Kummissjoni, C-248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 68, u tas-6 ta' Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 15).

    50     Għaldaqstant, appell li jillimita ruħu għal repetizzjoni jew riproduzzjoni testwali tar-raġunijiet u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta' motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b'mod partikolari, id-digriet tal-25 ta' Marzu 1998, FFSA et vs Il-Kummissjoni, C-174/97 P, Ġabra p. I-1303, punt 24, u s-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16). Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tikseb sempliċi eżaminazzjoni mill-ġdid tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, u dan imur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-digriet tas-26 ta' Settembru 1994, X vs Il-Kummissjoni, C-26/94 P, Ġabra p. I-4379, punt 13, u s-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

    51     Madankollu, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun saret mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta' dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell (ara s-sentenza tat-13 ta' Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 43). Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista' jibbaża l-appell tiegħu fuq raġunijiet u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-proċedura ta' l-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, b'mod partikolari, id-digriet FNAB et vs Il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, punti 30 u 31, kif ukoll is-sentenza tas-16 ta' Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C-321/99 P, Ġabra p. I-4287, punt 49, u Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

    52     F'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, fir-realtà, permezz ta' l-ewwel raġuni tagħhom, ir-rikorrenti mhumiex qegħdin jitolbu biss sempliċi eżaminazzjoni mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. F'kull waħda mill-partijiet ta' din ir-raġuni, ir-rikorrenti jindikaw b'mod ċar il-partijiet tas-sentenza li huma jikkunsidraw bħala ivvizjati bi żbalji ta' dritt.

    53     Minn dan jirriżulta li l-ewwel raġuni hija ammissibbli.

    54     Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti ta' din ir-raġuni, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar korrettament fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta' rikors għal annullament biss il-miżuri li joħolqu effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara, b'mod partikolari, is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 9; id-digriet ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Bosman vs Il-Kummissjoni, C-117/91, Ġabra p. I-4837, punt 13, u s-sentenza tad-9 ta' Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore, C-123/03 P, Ġabra p. I-11647, punt 44).

    55     Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mhumiex biss l-atti preparatorji li jaħarbu mill-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 230 KE, iżda kull att li m'għandux effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tal-parti, bħall-atti konfermattivi u l-atti purament eżekuttivi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-1 ta' Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-46/03, Ġabra p. I-10167, punt 25), is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet (sentenza tat-23 ta' Novembru 1995, Nutral vs Il-Kummissjoni, C-476/93 P, Ġabra p. I-4125, punt 30) u, bħala regola, l-istruzzjonijiet interni (ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 9).

    56     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet ebda żball ta' dritt meta kkonkludiet, mill-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma joħolqux effetti ġuridiċi vinkolanti fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, li dawn ma setgħux jiġu kkontestati mingħajr ma l-portata ta' din is-soluzzjoni tiġi limitata għall-atti preparatorji biss.

    57     Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

    58     Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti, safejn din mhijiex l-istess bħat-tielet, ir-raba' u l-ħames parti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza sostniet korrettament, permezz ta' referenza għall-punt 47 tas-sentenza Il-Kummisjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar 'il fuq, li, jekk it-tressiq ta' proċedimenti quddiem qorti huwa att indispensabbli sabiex tinkiseb deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti, bħala tali, hija ma tiddeterminax b'mod definittiv l-obbligi tal-partijiet fil-kawża, b'tali mod li, a fortiori, id-deċiżjoni li jiġu ppreżentati proċedimenti legali ma tbiddilx fiha nfisha l-pożizzjoni legali in kwistjoni.

    59     Il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati humiex suġġetti għal stħarriġ mill-qrati Komunitarji hija, f'dan ir-rigward, mingħajr rilevanza.

    60     Minn dan jirriżulta li t-tieni parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

    61     Għal dak li jirrigwarda t-tielet parti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta wkoll meta kkonstatat, fil-punt 105 tas-sentenza kkontestata, li l-applikazzjoni, mill-qorti, tar-regoli ta' proċedura tagħha hija parti mill-konsegwenzi li huma marbuta neċessarjament mat-tressiq ta' proċedimenti quddiem kwalunkwe qorti u għaldaqstant ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi effett ġuridiku, fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE, tad-deċiżjoni li jsir rikors.

    62     Għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati tal-Kummissjoni jistgħux jiġu kkwalifikati bħala atti ġuridiċi li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza ma tistax tiddependi mill-fatt li, jekk il-Kummissjoni kienet ressqet proċedimenti quddiem qorti ta' Stat Membru, kien ikun possibbli li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest tal-proċedimenti mressqa.

    63     Għaldaqstant, it-tielet parti ta' l-ewwel raġuni ma tistax tiġi aċċettata.

    64     Għal dak li jirrigwarda r-raba' parti, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat korrettament is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq (punti 12 sa 20), billi indikat li jirriżulta minn din is-sentenza li d-deċiżjoni li tinbeda l-eżaminazzjoni ta' l-għajnuniet mogħtija mill-Istat toħloq effetti ġuridiċi fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, jirriżultaw konsegwenzi ġuridiċi speċifiċi mill-evalwazzjoni u l-kwalifikazzjoni ta' l-għajnuniet imsemmija kif ukoll mill-għażla tal-proċedimenti li jirriżultaw minn dawn. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni għamlet l-għażla tagħha fir-rigward tal-proċedimenti li għandhom jitressqu kontra r-rikorrenti u b'hekk eskludiet proċedimenti oħrajn, ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi effett ġuridiku fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu.

    65     Minn dan jirriżulta li r-raba' parti ta' l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda.

    66     Għal dak li jirrigwarda l-ħames parti, kif il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat korrettament, għalkemm id-deċiżjonijiet ikkontestati, bħal kull att ta' istituzzjoni, jimplikaw b'mod aċċessorju teħid ta' pożizzjoni mill-awtur tagħhom fir-rigward tal-kompetenza tiegħu sabiex jadottahom, tali teħid ta' pożizzjoni ma jistax madankollu jiġi kkwalifikat, fih innifsu, bħala effett ġuridiku vinkolanti fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE kif interpretat mill-ġurisprudenza.

    67     Għal dak li jikkonċerna l-użu ta' riżorsi tal-baġit li jawtorizzaw b'mod impliċitu d-deċiżjonijiet ikkontestati sabiex jitressqu u jitkomplew il-proċedimenti in kwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-fatt m'għandu ebda rilevanza fuq il-kwistjoni jekk l-imsemmija deċiżjonijiet joħolqux effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħhom.

    68     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li għandha tiġi miċħuda l-ħames parti ta' l-ewwel raġuni u, għaldaqstant, ir-raġuni fit-totalità tagħha.

     Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 230 KE għal dak li jikkonċerna l-effetti marbuta mat-tressiq tal-proċedimenti ċivili in kwistjoni skond id-dritt ta' l-Istati Uniti

     L-argumenti tal-partijiet

    69     Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żbaljata meta, fil-punt 105 tas-sentenza kkontestata, hija kkunsidrat li d-District Court setgħet ittaffi n-nuqqas ta' sistema ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-Istati Uniti billi tapplika hija stess id-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward, huma jsostnu li, fid-dawl tad-duttrina ta' l-"Act of State", huwa improbabbli li d-District Court tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet fundamentali ta' dritt Komunitarju mqajma quddiemha. F'dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienu diġà invokaw din id-duttrina, jew f'kull każ il-kontenut tagħha, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

    70     Il-Kummissjoni ssostni li din ir-raġuni hija inammissibbli għaliex tikkostitwixxi raġuni ġdida. Għalkemm ir-rikorrenti setgħu jinvokaw id-duttrina ta' l-"Act of State", huma ma nvokawha la quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u lanqas quddiem id-District Court.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    71     Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-punt 72 tas-sentenza kkontestata li d-duttrina ta' l-"Act of State" ġiet invokata mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'tali mod li t-tieni raġuni hija ammissibbli.

    72     Madankollu, u safejn din ir-raġuni hija differenti mit-tielet u r-raba' parti ta' l-ewwel raġuni, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    73     L-applikazzjoni tad-duttrina ta' l-"Act of State" mill-qorti kompetenti ta' l-Istati Uniti, jew le, hija mingħajr ebda rilevanza għall-kunċett ta' att li jista' jiġi kkontestat fis-sens ta' l-Artikolu 230 KE.

     Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

     L-argumenti tal-partijiet

    74     Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza pprivathom minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva u wettqet żball ta' dritt inkwantu hija kkunsidrat, fil-punt 123 tas-sentenza kkontestata, li l-kriterju rilevanti f'dan il-qasam huwa l-aċċess għal qorti iktar milli l-eżistenza ta' rimedji effettivi li għaliha tirreferi l-ġurisprudenza. Huma jinvokaw f'dan ir-rigward is-sentenza tal-25 ta' Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39).

    75     Barra minn hekk, il-fatt li, fis-sentenzi Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq (punt 40), u tat-2 ta' April 1998, Greenpeace Council et vs Il-Kummissjoni (C-321/95 P, Ġabra p. I-1651), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat l-eżistenza ta' sistema kompluta ta' rimedji u proċeduri intiżi sabiex jassiguraw l-istħarriġ tal-legalità ta' atti ta' l-istituzzjonijiet, iżda mingħajr ma tinkludi l-Artikolu 288 KE, juri l-ineżattezza tad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 123 tas-sentenza kkontestata, li fih jingħad li mhuwiex kuntrarju għan-neċessità ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva li ma tiġix aċċettata l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament minħabba l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali abbażi ta' dan l-Artikolu. Barra minn hekk, is-sempliċi nuqqas ta' kompetenza ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jwassalx għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, b'tali mod li azzjoni għal danni ma tkunx biżżejjed sabiex tagħti lir-rikorrenti protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    76     Il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiggarantixxi l-protezzjoni kontra l-atti ta' istituzzjonijiet Komunitarji li jistgħu jiksru d-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mid-dritt Komunitarju, jiġifieri dawk li għandhom effetti ġuridiċi fuq il-persuni kkonċernati. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux tali atti.

    77     Għal dak li jirrigwarda s-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 44 ta' din is-sentenza li, għalkemm huwa veru li l-kundizzjoni li wieħed irid ikun individwalment ikkonċernat sabiex ikun jista' jippreżenta rikors kontra regolament għandha tkun interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li jistgħu jindividwalizzaw rikorrent, tali interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex il-kundizzjoni in kwistjoni ma tiġix ikkunsidrata.

    78     Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 288 KE, il-Kummissjoni ssostni li l-problema reali li r-rikorrenti jridu jiffaċċjaw ma tinsabx fil-kwistjoni jekk dan l-Artikolu jagħtihomx protezzjoni effettiva, iżda iktar fid-diffikultà li tingħata prova li l-Kummissjoni wettqet att illegali meta ppruvat tikseb mid-District Court deċiżjoni li tgħid li huma wettqu d-diversi attivitajiet illeċiti u kriminali allegati fil-proċedimenti ċivili u li d-dannu subit huwa konsegwenza diretta tat-tressiq ta' dan it-tip ta' proċedimenti.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    79     Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha ġustament, fil-punt 123 tas-sentenza kkontestata, fuq il-konstatazzjoni li miżuri li ma joħolqux effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' rikors għal annullament.

    80     Kif ġie mfakkar fil-punt 121 ta' l-imsemmija sentenza, permezz ta’ l-Artikoli 230 KE u 241 KE, minn naħa, u permezz ta’ l-Artikolu 234 KE, min-naħa l-oħra, it-Trattat stabbilixxa sistema kompluta ta’ rimedji u proċeduri intiżi sabiex jassiguraw l-istħarriġ tal-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, billi dan jiġi fdat lill-imħallef Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Les Verts vs Il-Parlament, punt 23, u Foto-Frost, punt 16, kif ukoll tas-6 ta' Diċembru 2005, Gaston Schul Douane-expediteur, C-461/03, Ġabra p. I-10513, punt 22).

    81     Madankollu, jibqa' l-fatt li, għalkemm il-kundizzjoni dwar l-effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu b'mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali interpretazzjoni ma tistax twassal sabiex din il-kundizzjoni ma tiġix ikkunsidrata mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi mogħtija mit-Trattat lill-qrati Komunitarji (ara, b'analoġija, għal dak li jikkonċerna l-kundizzjoni li r-rikorrent, kemm jekk persuna fiżika jew ġuridika, għandu jkun individwalment ikkonċernat bl-att ikkontestat, is-sentenza Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

    82     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat ġustament ukoll fil-punt 123 tas-sentenza kkontestata li, anki jekk il-partijiet ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-imsemmija miżuri, huma madankollu mhumiex ipprivati mill-aċċess għall-qorti, għaliex ir-rikors għal dikjarazzjoni ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali previst fl-Artikoli 235 KE u fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 288 KE jibqa' disponibbli f'każ li l-aġir in kwistjoni huwa ta' natura li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità.

    83     Tali rikors ma jaqax taħt is-sistema ta' stħarriġ tal-validità ta' l-atti Komunitarji li għandhom effetti ġuridiċi vinkolanti u li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, iżda huwa disponibbli meta parti tkun sofriet dannu minħabba aġir illegali ta' istituzzjoni.

    84     Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma jkunux eventwalment jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta' aġir illegali min-naħa ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, ta' dannu allegat jew ta' rabta kawżali bejn tali aġir u tali dannu ma jfissirx li huma jkunu ġew ipprivati minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    85     Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

     Fuq ir-raba' raġuni, ibbażata fuq l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-possibbiltà li jiġu kkontestati miżuri manifestament illegali

     L-argumenti tal-partijiet

    86     Ir-rikorrenti jenfasizzaw li ebda dispożizzjoni tat-Trattat u ebda att ta' leġiżlazzjoni sekondarja ma tagħti s-setgħa lill-Komunità biex tressaq proċedimenti ġudizzjarji barra mis-sistema legali Komunitarja jew tawtorizza lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta' eżekuzzjoni fil-qasam tal-ġbir tad-dazji doganali u tal-VAT. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li l-Artikolu 211 KE mhuwiex dispożizzjoni ġenerali ta' awtorizzazzjoni li tippriva l-Artikolu 7 KE mir-rilevanza tiegħu. Peress illi d-deċiżjonijiet ikkontestati huma għalhekk manifestament illegali, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli, skond is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq.

    87     Għal dak li jikkonċerna d-digriet FNAB et vs Il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, invokat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 87 u 88 tas-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li, meta rreferiet, fil-punt 40 ta' dan id-digriet, għall-"kriterji ta' ammissibbiltà stabbiliti espressament mit-Trattat", il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tirreferi għall-kundizzjonijiet dwar l-interess dirett u individwali msemmija fir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, miżuri li huma neqsin minn kull apparenza ta' legalità jistgħux ikunu s-suġġett ta' rikors għal annullament.

    88     Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tirriżulta, b'mod partikolari, mis-sentenzi tad-9 ta' Ottubru 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C-325/91, Ġabra p. I-3283), u wettqet ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali meta ma rrinvijatx id-deċiżjoni tagħha fuq il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà għas-sentenza finali.

    89     Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li din ir-raġuni hija inammissibbli għaliex l-argumenti żviluppati huma biss repetizzjoni ta' dawk li tqajmu fl-ewwel istanza.

    90     It-tieni nett, hija tosserva li, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-partijiet li għandhom id-dritt għal rimedju skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 230 KE, ta' liema l-prerogattivi istituzzjonali huma direttament ikkonċernati mit-teħid ta' pożizzjoni unilaterali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetenza tagħha, sostnew b'mod ċar ħafna d-dritt ta' din ta' l-aħħar li tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess irreferiet għall-prerogattivi fil-qasam ta' rappreżentazzjoni tal-Komunità mogħtija lilha mill-Artikolu 282 KE, li huwa applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li l-Kummissjoni biss hija awtorizzata tirrappreżenta l-Komunità quddiem il-qrati. Fir-risposta għat-talba għal ċaħda ppreżentata quddiem id-District Court, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 211 KE, kif ukoll fuq l-artikoli oħrajn tat-Trattat. Għaldaqstant, billi l-Kummissjoni tiddisponi, għall-inqas a priori, mill-kompetenza kkonċernata, ma jistax jiġi sostnut li hemm nuqqas manifest ta' kompetenza u lanqas li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma neqsin minn kull apparenza ta' legalità.

    91     It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda d-digriet FNAB et vs Il-Kunsill, iċċitat iktar 'il fuq, u l-argument tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tirrinvija d-deċiżjoni tagħha fuq il-kwistjoni ta' l-ammissibbiltà għas-sentenza finali, il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex deċiżjoni tkun tista' tiġi kkontestata, waħda mill-partijiet għandha fl-ewwel lok tagħti prova tal-fatt li din ħolqot ċerti effetti ġuridiċi definittivi, li mhuwiex il-każ.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    92     Qabel kollox, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għall-istess motivi bħal dawk imsemmija fil-punti 49 sa 52 ta' din is-sentenza.

    93     Sussegwentement, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk jirriżultax mis-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, ir-rikors għal annullament kontra miżuri neqsin minn kull apparenza ta' legalità għandhom jiġu ddikjarati ammissbbli, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, huwa ċar li tali sitwazzjoni ma tapplikax f'din il-kawża.

    94     Biżżejjed jingħad, f'dan ir-rigward, li l-Artikolu 211 KE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati bis-saħħa tagħhom, li, skond l-Artikolu 281 KE, il-Komunità għandha personalità ġuridika u li l-Artikolu 282 KE, li, għalkemm limitat għall-Istati Membri, jikkostitwixxi l-espressjoni ta' prinċipju ġenerali, jipprovdi li l-Komunità għandha l-kapaċità ġuridika, u hija, għal dan il-għan, rappreżentata mill-Kummissjoni.

    95     Għal dak li jirrigwarda l-ilment li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tirrinvija l-evalwazzjoni ta' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà għas-sentenza finali, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li kien il-każ fis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta' l-eċċezzjoni ta' inammisibbiltà mqajma quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tiddependix, f'din il-kawża, minn dik li għandha titwettaq fir-rigward tar-raġunijiet fuq il-mertu invokati mir-rikorrenti.

    96     Għaldaqstant, ir-raba' raġuni ma tistax tiġi aċċettata.

     Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 292 KE

     L-argumenti tal-partijiet

    97     Ir-rikorrenti jsostnu li, billi kkonkludiet li d-District Court tista' tevalwa kull kontroversja dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tressaq il-proċedimenti kkonċernati fl-Istati Uniti, il-Qorti tal-Prim'Istanza sabet soluzzjoni li tikser l-Artikolu 292 KE u s-sistema tat-Trattati.

    98     Fil-fatt, l-awtonimija tas-sistema legali Komunitarja tkun kompromessa minn kull sistema li mhijiex Komunitarja li jkollha bħala effett li torbot lill-Komunità u l-istituzzjonijiet tagħha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi interni tagħhom, b'interpretazzjoni partikolari tar-regoli tad-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, opinjoni 1/91, ta' l-14 ta' Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punti 41 sa 46, u 1/00, tat-18 ta' April 2002, Ġabra p. I-3493, punt 45), li kien ikun il-każ li kieku d-District Court evalwat il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tressaq proċedimenti fi Stat terz bl-għan li tirkupra d-dazji doganali u l-VAT li allegatament ma tħallsux.

    99     Il-Kummissjoni tfakkar qabel kollox li l-Artikolu 292 KE jirrigwarda l-Istati Membri u mhux il-Kummissjoni.

    100   Sussegwentement, hija ssostni li l-Komunità mhijiex qed tipprova tissostitwixxi il-Qorti tal-Ġustizzja bid-District Court bħala arbitru ta' kwistjonijiet ta' dritt Komunitarju. L-argumenti kollha dwar l-awtorizzazzjoni u l-kompetenza tal-Kummissjoni li jistgħu jiġu ppreżentati mir-rikorrenti quddiem id-District Court ser jiġu kkunsidrati minnha bl-isess mod bħall-kwistjonijiet preliminari kollha l-oħra li jirriżultaw minn proċedimenti ċivili imressqa kontrihom mill-Komunità. Peress illi jkun neċessarju li jittieħed in kunsiderazzjoni d-dritt Komunitarju għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-regoli tas-sistema legali tagħha, id-District Court tiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa għal dan l-iskop.

    101   Għal dak li jikkonċerna l-għażla tal-qorti, hija kwistjoni ta' strateġija min-naħa tal-Kummissjoni, li tassigura ruħha li tressaq proċedimenti jew li tintervjeni fi proċedimenti fl-Istat fejn seħħew l-attivitajiet kriminal jew fejn dawn ser jiġu eżegwiti. Id-District Court hija l-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha, minn naħa, waħda jew iktar mir-rikorrenti huma stabbiliti kif ukoll, min-naħa l-oħra, seħħew l-attivitajiet illeċiti u, għaldaqstant, hija l-qorti li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tinkiseb eżekuzzjoni effettiva tad-deċiżjoni mixtieqa.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    102   Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, deċiżjoni ta' qorti ta' l-Istati Uniti dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni għat-tressiq ta' proċedimenti ġudizzjarji quddiemha ma tistax torbot lill-Komunità u l-istituzzjonijiet tagħha, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi interni tagħhom, b'interpretazzjoni partikolari tar-regoli tad-dritt Komunitarju. Kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konkużjonijiet tiegħu, tali deċiżjoni torbot biss fil-kuntest ta' proċedimenti determinati.

    103   Minn dan jirriżulta li l-ħames raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    104   Billi l-ebda waħda mir-raġunijiet invokati mir-rikorrenti in sostenn ta' l-appell tagħhom hija fondata, l-appell għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    105   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 69(4) ta' dawn l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-imsemmi Artikolu 118, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      R.J. Reynolds Tobacco Holdings, Inc., RJR Acquisition Corp., R.J. Reynolds Tobacco Company, R.J. Reynolds Tobacco International, Inc., u Japan Tobacco, Inc., għandhom ibatu l-ispejjeż.

    3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top