EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0124

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-28 ta' Ottubru 2004.
Artrada (Freezone) NV et. vs Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Kontrolli ta' saħħa - Produzzjoni u tpoġġija fis-suq ta' ħalib mhux ipproċessat, ta' ħalib trattat bis-sħana u ta' prodotti b'bażi ta' ħalib - Taħlita magħmula minn zokkor, kawkaw u minn ħalib xkumat tat-trab, importata minn Aruba.
Kawża C-124/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:674

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Ottubru 2004 (*)

"Kontrolli ta’ saħħa – Produzzjoni u tpoġġija fis-suq ta’ ħalib mhux ipproċessat, ta’ ħalib trattat bis-sħana u ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib – Taħlita magħmula minn zokkor, kawkaw u minn ħalib xkumat tat-trab, importata minn Aruba"

Fil-kawża C-124/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (L-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2003, fil-kawża:

Artrada (Freezone) NV

Videmecum BV

Jac. Meisner Internationaal Expeditiebedrijf BV

vs

Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla (Relatur), R. Schintgen u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

· għal Artrada (Freezone) NV, Videmecum BV u Jac. Meisner Internationaal Expeditiebedrijf BV, minn A. Van Lent, N. Helder u M. Slotboom, advocaten,

· għar-Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees, minn J. Hoffmans, bħala aġent, assistit minn B. J. Drijber, advocaat,

· għar-Repubblika Ellenika, minn V. Kontolaimos u I. Chalkias, bħala aġenti,

· għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn T. van Rijn, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva Tal-Kunsill 92/46/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ħalib mhux ipproċessat, ħalib trattat bis-sħana u prodotti b’bażi ta’ ħalib (ĠU L 268, p. 1).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Artrada (Freezone NV), kumpannija inkorporata taħt il-liġi ta’ l-Aruba, (iktar ’il quddiem "Artrada"), Videmecum BV, kumpannija b’responsabbilta limitata (iktar ’il quddiem "Videmecum") u Jac. Meisner Internationaal Expeditiebedrijf, kumpannija b’responsabbilita limitata (iktar ’il quddiem, "Jac. Meisner") u, min-naħa l-oħra, ir-Rijkdienst voor de keuring van Vee en Vlees (Uffiċċju għall-kontroll tal-bhejjem u tal-laħam, iktar ’il quddiem l-"Uffiċċju"), dwar ir-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jawtorizza l-importazzjoni fl-Olanda ta’ prodott magħmul minn taħlita ta’ 75.75 % ta’ zokkor, ta’ 15.15 % ta’ ħalib xkumat tat-trab u ta’ 9.1 % ta’ kawkaw.

 Leġiżlazzjoni applikabbli

 Leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/46 jipprovdi:

"Din id-Direttiva tistabilixxi regoli ta’ saħħa għall-produzzjoni u tqegħied fis-suq ta’ ħalib mhux proċessat, ħalib tax-xorb ittrattat bis-sħana, ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib u prodotti b’bażi ta’ ħalib maħsuba għal konsum mill-bniedem."

4       L-Artikolu 2 jipprovdi:

"Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1) [...]

2) ‘ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib’: jew ħalib mhux proċessat għall-ipproċessar jew ħalib likwidu jew iffriżat miksub minn ħalib mhux proċessat, ikun jew ma jkunx għadda minn trattament fiżiku awtorizzat, bħal trattament bis-sħana jew ta’ sħana (thermization), jew jiġi modifikat fil-komposizzjoni tiegħu, kemm-il darba dawn il-modifiki huma ristretti għaż-żieda u/jew t-tneħħija ta’ kostitwenti naturali tal-ħalib;

3) [...]

4) ‘prodotti b’bażi ta’ ħalib’: prodotti tal-ħalib, jiġifieri prodotti esklusivament miksuba mill-ħalib, dejjem jekk jiġi aċċettat li sustanzi meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom jistgħu jiżdiedu, kemm-il darba dawn is-sustanzi ma jintużawx biex jissostitwixxu parzjalment jew totalment kull kostitwent tal-ħalib, u prodotti tal-ħalib kompożiti, jiġifieri prodotti li ebda parti minnhom tissostitwixxi jew hi maħsuba li tissostitwixxi kull kostitwent tal-ħalib u illi tiegħu l-ħalib jew kull prodott tal-ħalib huwa parti essenzjali jew f’termini ta’ kwantità jew għall-karatterizzazzjoni tal-prodott;

[...]"

5       L-Artikolu 22 tad-Direttiva 92/46, li jagħmel parti mill-Kapitolu III tagħha dwar Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, jipprovdi:

"Il-kondizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta’ ħalib mhux ipproċessat, ħalib ittrattat bis-sħana u prodotti b’bażi ta’ ħalib koperti minn din id-Direttiva għandhom ta’ l-inqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-Kapitolu II għall-produzzjoni fil-Komunità."

6       L-Artikolu 23 (1) u (2) ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi:

"1. Għall-għanijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ l-Artikolu 22, id-dispo[ż]izzjonijiet tal-paragrafi li ġejjin għandhom jgħoddu.

2. Biex jiġu impurtati fil-Komunità, l-ħalib jew il-prodotti b’bażi ta’ ħalib [i]ridu:

a)      jiġu minn kull pajjiż terz fil-lista li trid issir skond paragrafu 3 (a);

[b])      ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ saħħa li jikkorrispondi għal kull kampjun li jrid jitħejja b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31, iffirmat mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż li qed jesporta u li jattesta li l-ħalib jew il-prodotti b’bażi ta’ ħalib iħarsu l-ħtiġiet tal-Kapitolu II jew kull kondizzjonijiet addizzjonali jew joffru garanziji ekwivalenti li għalihom saret referenza fil-paragrafu 3 [...] u li jkunu ġejjin minn stabbilimenti li joffru l-garanziji li hemm pprovdut għalihom fl-Anness B."

7       Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/340/KE tas-27 ta’ Lulju 1995 li tistabbilixxi lista proviżorja ta’ pajjiżi terzi li mingħandhom l-Istati Membri jawtorizzaw l-importazzjonijiet tal-ħalib u tal-prodotti bbażati fuq il-ħalib u li tirrevoka d-Deċiżjoni 94/70/KE (ĠU L 200, p. 38) tinkludi l-lista ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 92/46. L-Aurba mhijiex fuq din il-lista.

8       Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU 1998 L 24, p. 9), tiddeskrivi dawn il-kontrolli.

 Leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Il-qorti tar-rinviju tindika li, sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi tad-Direttiva 92/46, ir-Renju ta’ l-Olanda adotta, fost l-oħrajn, il-Warenwetbesluit Zuivel (digriet leġiżlattiv fuq il-prodotti tal-ħalib adottat abbażi tal-liġi fuq il-prodotti alimentari, Stbl. 1994, p. 813, sussegwentement emendata).

10     L-Artikolu 23 tad-Direttiva 92/46 ġiet implementata permezz ta’ l-Artikolu 16 tal-Warenwetregeling Zuivelbereiding (leġiżlazzjoni dwar il-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib adottat abbażi tal-liġi fuq il-prodotti alimentari, Stcrt. 1994, p. 243, sussegwentement emendata). Din id-dispożizzjoni tirreferi għal-lista ta’ pajjiżi terzi annessa mad-Deċiżjoni 95/340.

11     Fid-data tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, jiġifieri fit-23 ta’ Frar 2001, l-Artikolu 4 tal-Warenwetregeling Veterinaire controles (derde landen) (Regolament fuq il-kontrolli veterinarji "pajjiżi terzi", adottat abbażi tal-liġi fuq il-prodotti alimentari, Stcrt. 2000, p. 207) innomina, fost l-oħrajn, l-Uffiċċju bħala l-awtorità kompetenti sabiex twettaq il-kontrolli previsti fid-Direttiva 97/78.

12     Fl-aħħar nett, il-Warenwetbesluit Invoer levensmiddelen uit derde landen (digriet leġiżlattiv fuq l-importazzjoni ta’ ikel provenjenti minn pajjiżi terzi, adottat abbażi tal-liġi fuq il-prodotti alimentari, Stbl. 1993, p. 698), jista’ jiġi applikat għal ikel u għal xorb provenjenti minn pajjiżi terzi li mhux kopert minn leġiżlazzjoni Komunitarja.

 Fatti, proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

13     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kumpannija Artrada, stabbilita f’Aruba, ipproduċiet taħlita ta’ 75.75 % ta’ zokkor, ta’ 15.15 % ta’ ħalib xkumat tat-trab u ta’ 9.1 % ta’ kawkaw. Il-prodott, li l-kostitwenti tiegħu ma jistgħux jiġu separati, kellu jservu bħala materja prima għall-produzzjoni ta’ xarba tal-ħalib b’togħma taċ-ċikkulata fil-fabbriki li jinsabu fil-Ġermanja u fil-Belġju. Jac. Meisner, aġent tad-dwana, ġiet imqabbda minn Videmecum, kumpannija sussidjarja ta’ Artrada, sabiex tagħmel id-dikjarazzjonijet ta’ importazzjoni tal-prodott.

14     Fis-26 ta’ Jannar 2001 ġew depożitati żewġ dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni provenjenti minn Aruba għat-tpoġġija fiċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ kontejners. Ċertifikat ta’ passaġġ bejn il-fruntjiera, ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2001 fuq talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti, isemmi n-natura tal-prodotti "bakeryprod. (semi finished)".

15     Wara kontroll veterinarju, l-importazzjoni tal-lott fl-Unjoni Ewropea ġiet irrifjutata permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2001, minħabba li l-importazzjoni tal-prodotti tal-ħalib provenjenti minn Aruba ma kinux awtorizzati, li l-prodott ma kienx ġej minn impriża rikonoxxuta u ma kienx akkumpanjat minn ċertifikat veterinarju. Ġie ppreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni iżda l-Uffiċċju kkonferma r-rifjut ta’ l-importazzjoni.

16     Ġie ppreżentat rikors quddiem il-Rechtbank te Rotterdam (L-Olanda). Permezz ta’ sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 2002, din l-imsemmija qorti ddikjarat li r-rikors kien fondat peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ġiet iffirmata mill-persuna kompetenti sabiex tagħmel dan. Madankollu, kif awtorizzata mil-liġi ta’ l-Olanda, ir-Rechtbank żammet il-konsegwenzi ġuridiċi tad-deċiżjoni annullata.

17     Billi bbażat ruħha fuq dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni, ir-Rechtbank iddeċidiet li l-prodott in kwistjoni ma kienx "prodott b’bażi ta’ ħalib" skond l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 92/46, peress li dik il-kategorija tikkonċerna biss il-prodotti lesti, filwaqt li l-prodott in kwistjoni kien prodott mhux lest għal kollox. Filwaqt li kkunsidrat l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika tad-Direttiva, ir-Rechtbank iddeċidiet li komponent ta’ prodott kellu jkun potenzjalment suġġett għal kontroll u li, konsegwentement, il-ħalib tat-trab li jinsab fil-prodott għandu jkun deskritt bħala "ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib" skond l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 92/46. Peress li dak il-prodott mhux lest għal kollox ─ u għalhekk il-ħalib tat-trab ─ kien provenjenti minn pajjiż terz li mhuwiex fuq il-lista tal-pajjiżi terzi msemmija fid-Deċiżjoni 95/340, huwa ġġustifikat li l-prodott ma jistax jiġi importat.

18     L-appellanti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, fejn argumentaw li l-ħalib tat-trab li jinsab f’prodott kompost ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva ħlief jekk jikkostitwixxi parti essenzjali tal-prodott. Peress li dan ma kienx il-każ fil-każ in eżami, kellu jiġi eżaminat biss jekk kienx issodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tal-Warenwetbesluit Invoer levensmiddelen uit derde landen. L-appellanti fil-kawża prinċipali ddikjaraw fis-seduta quddiem il-Kulleġġ li l-ħalib tat-trab użat għall-preparazzjoni tal-prodott kien ġie ffabrikat fi stabbiliment rrikonoxxut fil-Polonja, pajjiż rikonoxxut b’mod konformi mad-Direttiva 92/46 bħala esportatur tal-prodotti tal-ħalib. Huma pproponew lill-Uffiċċju li jittieħdu kampjuni mil-lottijiet kollha tal-prodott in kwistjoni fejn l-importazzjoni kienet prevista sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżiti tal-liġi Olandiża kinux sodisfatti, iżda l-Uffiċċju rrifjuta din il-proposta peress li dan qies li l-prodott in kwistjoni kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/46.

19     Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li d-dokument ta’ ħidma li ħareġ mis-servizzi tal-Kummissjoni li fuqu r-Rechtbank kienet ibbażat ruħha ma kienx jorbot u ma kienx neċessarjament jirrifletti l-opinjoni tal-Kummissjoni. Hija qieset li l-kliem ta’ l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 92/46/KEE, ikkunsidrata fiha nfisha, bl-ebda mod ma jippermetti interpretazzjoni li l-"prodotti b’bażi ta’ ħalib" jikkonċernaw biss il-prodotti li ma jiġux sottoposti għal ebda proċessar ieħor. Minbarra dan, hija rrilevat li l-volontà li jiġi assigurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika ma timplikax li d-Direttiva 92/46 kellha tapplika biss għall-ħalib kontenut fil-prodotti mhux lesti għal kollox. Fil-fatt, jistgħu jiġu applikati dispożizzjonijiet oħra. F’dan ir-rigward l-appellanti fil-kawża prinċipali għamlu referenza għad-Direttiva 97/78 u għall-Warenwetbesluit Invoer levensmiddelen uit derde landen.

20     Skond il-qorti tar-rinviju, ma jkunx loġiku li jiġi meħtieġ, fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 92/46, li, sabiex id-direttiva tkun applikabbli, il-ħalib jew il-prodott tal-ħalib ikun kostitwent essenzjali, u mbagħad ikun ikkunsidrat li d-direttiva madankollu tapplika għall-kostitwent li mhuwiex meqjus bħala tali. F’dak il-każ, id-Direttiva 92/46 għalhekk kellha tapplika fil-każijiet kollha fejn il-ħalib huwa parti mill-kompożizzjoni ta’ prodott, mingħajr ma hemm bżonn li ssir distinzjoni skond jekk hux jew le kostitwent essenzjali. Kieku dan kien l-għan, il-leġiżlatur Komunitarju seta’ sempliċement jeħtieġ li l-ħalib jew il-prodott tal-ħalib jagħmel parti mill-kostitwenti mingħajr ma jikkwalifika dawn bħala essenzjali.

21     Jekk id-Direttiva 92/46 tkun applikabbli, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tagħha, għal ħalib tat-trab kontenut f’taħlita fejn dan mhuwiex il-parti essenzjali, allura għandu jiġi stabbilit jekk huwiex dan it-trab tal-ħalib li għandu jkun provenjenti minn pajjiż li jinsab fuq il-lista ta’ pajjiżi terzi previst fl-Artikolu 23 tad-direttiva u għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat tas-saħħa jew inkella jekk huwiex il-prodott kompost.

22     F’każ li l-ħalib tat-trab ma jkunx kopert mill-Artikolu 2(2), tad-Direttiva 92/46, allura jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk it-taħlita tistax tiġi kkunsidrata bħala "prodotti b’bażi ta’ ħalib" u, allura, jekk il-ħalib tat-trab huwiex fih innifsu parti essenzjali tal-prodott jew jekk fih innifsu jikkaratterizzax dan il-prodott skond l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva. Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward tirrileva li, fid-dikjarazzjoni ta’ l-importazzjoni, it-taħlita hija kklassifikata taħt il-kodiċi 1806 2095, jiġifieri li hija kkunsidrata bħala "preparazzjoni oħra alimentari li tikkontjeni kawkaw fl-istat likwidu jew fil-forma ta’ pejst jew trab". Il-prodott ikun magħmul b’mod konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet tal-klijent li suċċessivament jipproċessahom f’xarba tal-ħalib b’togħma taċ-ċikkulata.

23     Peress li qies li kien hemm dubju dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 92/46, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven ikkunsidrat lilha nnifisha marbuta li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1a)      Jeħtieġ li l-kunċett ta’ ‘ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib’ ta’ l-Artikolu 2, [...] [punt] 2, tad-Direttiva 92/46/KEE jiġi interpretat fis-sens li dan jinkludi (ukoll) il-kostitwenti tal-ħalib ta’ prodott li jinkludi wkoll kostitwenti oħra, mhux tal-ħalib, u fejn il-kostitwent tal-ħalib ma jistax ikun separat minn kostitwenti mhux tal-ħalib?

1b)      F’każ li r-risposta għad-domanda 1 a) tkun fl-affermattiv, jeħtieġ li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 92/46/KEE jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ importazzjoni provenjenti minn pajjiż terz, din id-direttiva ma tapplikax ħlief għal kostitwent tal-ħalib ta’ prodott u u għalhekk ma tapplikax għal prodott fejn huwa kostitwent?

2a)      Il-kunċett ta’ ‘prodotti b’bażi ta’ ħalib’ ta’ l-Artikolu 2, [...] [punt] 4, tad-Direttiva 92/46/KEE jikkonċerna biss il-prodotti lesti jew ukoll il-prodotti mhux lesti għal kollox li għadhom iridu jgħaddu minn proċessar qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu lill-konsumatur?

2b)      Jekk l-Artikolu 2, [...] [punt] 4, tad-Direttiva 92/46/KEE jikkonċerna wkoll il-prodotti mhux lesti għal kollox, x’kriterji għandhom jiġu użati sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħalib jew prodott tal-ħalib jifforma parti essenzjali minn prodott, kemm minħabba l-kwantità tiegħu, kemm minħabba l-effett tiegħu fis-sens ta’ l-Artikolu 2, [...] [punt] 4, tad-Direttiva 92/46/KEE?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24     L-ewwel domanda tirrigwarda, fl-ewwel parti tagħha, l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 (2) tad-Direttiva 92/46. Il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta jekk il-kunċett ta’ "ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib" jinkludix l-kostitwenti tal-ħalib ta’ prodott li jikkontjeni wkoll kostitwenti oħra, mhux tal-ħalib, u fejn il-kostitwent tal-ħalib ma jistax ikun separat minn kostitwenti mhux tal-ħalib. It-tieni parti tad-domanda, magħmula fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva għall-ewwel parti, tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 22 tad-Direttiva 92/46. Il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk, fil-każ ta’ importazzjoni provenjenti minn pajjiż terz, id-direttiva tapplikax għal kostitwent tal-ħalib tat-taħlita jew għat-taħlita stess.

25     Kif tindika l-ewwel premessa tagħha, id-Direttiva 92/46 tiddistingwi bejn ħalib mhux ipproċessat, ħalib tax-xorb ittrattat bis-sħana, ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib u l-prodotti b’bażi ta’ ħalib. Dawn l-erba’ kunċetti huma definiti fl-Artikolu 2, punti 1 sa 4 ta’ din id-Direttiva.

26     Jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-imsemmija direttiva li l-kunċett ta’ "ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib" ma jkoprix prodott magħmul minn taħlita ta’ elementi inseparabbli, fejn wieħed mill-komponenti jkun il-ħalib tat-trab. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 2 (2) ikopri biss ħalib ikkunsidrat bħala prodott sempliċi, li l-kompożizzjoni tiegħu tista’ tiġi mmodifikata biss biż-żieda u/jew tneħħija ta’ kostitwenti naturali tal-ħalib.

27     Li l-Artikolu 2 (2) tad-Direttiva 92/46 jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-kostitwenti tal-ħalib ta’ taħlita, minbarra dan tmur kontra l-iskema u l-koerenza ta’ l-imsemmija direttiva, peress li tneħħi s-sustanza ta’ l-Artikolu 2(4), dwar il-"prodotti b’bażi ta’ ħalib".

28     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 (2) tad-Direttiva 92/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett tal-"ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib" ma jinkludix il-kostitwenti tal-ħalib ta’ prodott li jikkontjeni wkoll kostitwenti oħra, mhux tal-ħalib jekk il-kostitwent tal-ħalib ma jistax ikun separat minn kostitwenti mhux tal-ħalib.

29     Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel parti tad-domanda, it-tieni parti mhijiex iktar pertinenti.

 Fuq it-tieni domanda

30     L-ewwel parti tat-tieni domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46. Il-qorti tar-rinviju tfittex li tivverifika jekk il-kunċett ta’ "prodotti b’bażi ta’ ħalib" jikkonċernax biss il-prodotti lesti jew jekk jikkonċernax ukoll il-prodotti mhux lesti għal kollox li għadhom iridu jgħaddu minn proċessar qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu lill-konsumatur. Fit-tieni parti tad-domanda, magħmula fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46 tikkonċerna wkoll il-prodotti mhux lesti għal kollox, il-qorti tar-rinviju tixtieq tidentifika l-kriterji li għandhom ikunu applikati sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħalib jew prodott tal-ħalib jifforma parti essenzjali minn prodott, kemm minħabba l-kwantità tiegħu, kemm minħabba l-effett tiegħu, skond l-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31     Il-partijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom jikkunsidraw li l-kelma "prodotti", li tidher fl-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46, tkopri kemm il-prodotti lesti kif ukoll il-prodotti mhux lesti għal kollox. L-Uffiċċju u l-Kummissjoni jsostnu li interpretazzjoni bħal din hija konformi ma’ l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u max-xewqa li l-ħalib jiġi kkontrollat fl-aktar stadju kmieni possibbli kemm tal-produzzjoni u kif ukoll ta’ l-użu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li d-dokument ta’ ħidma li ħareġ mis-servizzi tagħha, iċċitat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri biss il-prodotti lesti. Artrada, li ħadet din il-pożizzjoni b’mod sussidjarju biss, issostni li teżisti liġi nazzjonali applikabbli għall-prodott mhux lest għal kollox u li l-prodott lest għandu fi kwalunkwe każ jissodisfa l-leġiżlazzjoni Komunitarja.

32     Dawn il-partijiet jirrikonoxxu li hija l-kwantità tal-ħalib preżenti f’prodott li tippermetti li jiġi stabbilit jekk dan il-ħalib huwiex parti essenzjali. Dan ikun ċertament il-każ jekk il-perċentwali tal-ħalib preżenti fil-prodott jaqbeż 50 %. Il-Kummissjoni tafferma li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tiġġustifika l-kontroll ta’ kull komponent tal-ħalib f’prodott, iżda li kontrolli tal-prodotti li jinkludu biss kwantitajiet żgħar ta’ ħalib jikkrejaw problemi fil-kummerċ mal-pajjiżi terzi. Artrada ssostni li, fil-kawża prinċipali, il-piż ta’ ħalib tat-trab li jikkorrispondi għal 15.15 % tal-piż totali tal-prodott mhux suffiċjenti sabiex jikkaratterizza dan il-ħalib tat-trab bħala element essenzjali.

33     Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet isostnu li l-"karatterizzazzjoni" tal-ħalib f’prodott jista’ jiġi stabbilit permezz tat-togħma tal-prodott, il-preżentazzjoni tiegħu, l-użu tiegħu jew ukoll l-indikazzjoni użata fl-importazzjoni tal-prodott. Huma jirreferu għad-diffikultà partikolari li tirriżulta mill-fatt li l-kawża prinċipali tirrigwarda prodott mhux lest għal kollox, li, skond l-importaturi, irid iservi għall-produzzjoni ta’ xarba taċ-ċikkulata biż-żieda ta’ ħalib iżda li jista’ jintuża wkoll bħala "Hagelslag" (granuli taċ-ċikkulata). F’dan il-kuntest, il-partijiet fil-kawża prinċipali jistaqsu dwar ir-relevanza ta’ l-għażla li jittieħed in kunsiderazzjoni l-użu finali tal-prodott kif iddikjarat jew it-togħma tal-prodott lest iddikjarat. Artrada ssostni li, fil-kawża prinċipali, il-ħalib tat-trab ġie miżjud mal-kawkaw u maz-zokkor minħabba raġunijiet ta’ konsistenza tat-taħlita, iżda li mhux indispensabbli għall-prodott. Hija tosserva li l-ħalib preżenti fil-prodott lest ikun essenzjalment il-ħalib miżjud mat-taħlita sabiex tiġi ppreparata x-xarba u li, fi kwalunkwe każ, il-prodott lest ikollu iktar togħma ta’ kawkaw milli ta’ ħalib.

 Risposta tal-Qorti

34     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46 jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ "prodotti b’bażi ta’ ħalib" jikkonċerna kemm il-prodotti lesti kif ukoll il-prodotti mhux lesti għal kollox li għadhom iridu jgħaddu minn proċessar qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu lill-konsumatur.

35     Fil-fatt jirriżulta mill-qari ta’ din id-dispożizzjoni li din ma stabbilixiet l-ebda distinzjoni bejn il-prodotti lesti u l-prodotti mhux lesti għal kollox. Fi kwalunkwe każ, distinzjoni bħal din tmur kontra l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika tad-Direttiva 92/46, li għandha l-għan li tikkontrolla l-ħalib mill-produzzjoni sat-tpoġġija fis-suq.

36     Meta l-prodott in kwistjoni, li jinkludi komponent tal-ħalib, huwa prodott mhux lest għal kollox, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 92/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott mhux lest għal kollox jikkostitwixxi "prodott b’bażi ta’ ħalib" meta ebda parti minnu ma tissostitwixxi jew hija maħsuba li tissostitwixxi kwalunkwe kostitwent tal-ħalib u li fih, il-ħalib jew prodott tal-ħalib huwa parti essenzjali minnu jew minħabba l-kwantità jew minħabba l-effett ta’ karatterizzazzjoni tal-prodott mhux lest għal kollox.

37     Għalhekk huwa fir-rigward tal-prodott mhux lest għal kollox li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-ħalib li jinsab preżenti fih huwiex parti essenzjali, jew minħabba l-kwantità tiegħu, jew minħabba l-effett ta’ karatterizzazzjoni tiegħu. Sabiex isir dan, iridu jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott mhux lest għal kollox fil-mument ta’ l-importazzjoni tiegħu.

38     Sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħalib jew il-prodott tal-ħalib preżenti fil-prodott mhux lest għal kollox b’bażi ta’ ħalib huwiex parti essenzjali minħabba l-kwantità tiegħu, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-proporzjon tal-ħalib jew tal-prodott tal-ħalib preżenti fl-imsemmi prodott. Jekk dan il-proporzjon mhux dominanti jew suffiċjentement importanti fil-prodott mhux lest għal kollox b’bażi ta’ ħalib, il-ħalib jew il-prodotit tal-ħalib ma jistax ikun ikkunsidrat bħala parti essenzjali tal-prodott sempliċement minħabba l-kwantità tiegħu.

39     Sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħalib jew il-prodott tal-ħalib preżenti f’prodott mhux lest għal kollox b’bażi ta’ ħalib huwiex parti essenzjali minħabba l-effett ta’ karatterizzazzjoni ta’ dan il-prodott, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha oġġettivi preżenti fil-mument ta’ l-importazzjoni ta’ l-imsemmi prodott, b’mod partikolari l-użu li jista’ jsir tal-prodott mhux lest għal kollox u t-togħma tiegħu.

40     Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha tistabbilixxi, filwaqt li żżomm f’moħħha l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika tad-Direttiva 92/46 kif ukoll billi tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha oġġettivi preżenti fil-mument ta’ l-importazzjoni, jekk il-ħalib xkumat tat-trab preżenti fit-taħlita importata mill-appellanti fil-kawża prinċipali kienx parti essenzjali, b’mod partikolari minħabba l-effett ta’ karatterizzazzjoni ta’ din it-taħlita.

41     Jirriżulta minn dawn l-elementi kollha li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun is-segwenti:

L-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ "prodotti b’bażi ta’ ħalib" jikkonċerna kemm il-prodotti lesti kif ukoll il-prodotti mhux lesti għal kollox li għadhom iridu jgħaddu minn proċessar qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu lill-konsumatur. F’każ bħal dan, huwa fir-rigward tal-prodott mhux lest għal kollox li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-ħalib li jinsab preżenti fih huwiex parti essenzjali, jew minħabba l-kwantità tiegħu, jew minħabba l-effett ta’ karatterizzazzjoni tiegħu. Sabiex isir dan, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott mhux lest għal kollox fil-mument ta’ l-importazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-proporzjon tal-ħalib jew tal-prodott tal-ħalib preżenti fil-prodott mhux lest għal kollox, l-użu li jista’ jsir mill-prodott mhux lest għal kollox jew it-togħma tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

42     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġusitzzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ħalib mhux ipproċessat, ħalib trattat bis-sħana u prodotti b’bażi ta’ ħalib għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett tal-"ħalib għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi ta’ ħalib" ma jinkludix il-kostitwenti tal-ħalib ta’ prodott li jikkontjeni wkoll kostitwenti oħra, mhux tal-ħalib jekk il-kostitwent tal-ħalib ma jistax ikun separat minn kostitwenti mhux tal-ħalib.

2)      L-Artikolu 2 (4) tad-Direttiva 92/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ "prodotti b’bażi ta’ ħalib" jikkonċerna kemm il-prodotti lesti kif ukoll il-prodotti mhux lesti għal kollox li għadhom iridu jgħaddu minn proċessar qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu lill-konsumatur. F’każ bħal dan, huwa fir-rigward tal-prodott mhux lest għal kollox li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-ħalib li jinsab preżenti fih huwiex parti essenzjali, jew minħabba l-kwantità tiegħu, jew minħabba l-effett ta’ karatterizzazzjoni tiegħu. Sabiex isir dan, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott mhux lest għal kollox fil-mument ta’ l-importazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-proporzjon tal-ħalib jew tal-prodott tal-ħalib preżenti fil-prodott mhux lest għal kollox, l-użu li jista’ jsir mill-prodott mhux lest għal kollox jew it-togħma tiegħu.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top