EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0112

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-12 ta' Mejju 2005.
Société financière et industrielle du Peloux vs Axa Belgium et.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Grenoble - Franza.
Konvenzjoni ta' Brussell - Ġurisdizzjoni f'materja ta' kuntratti ta' l-assigurazzjoni- Estensjoni tal-ġurisdizzjoni mifthema bejn detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u l-assiguratur li għandhom id-domiċilju tagħhom fl-istess Stat kontraenti - Possibbilità ta' kontestazzjoni tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-assigurat li ma jkunx qabel ma' din il-klawżola - Assiguratur li jkollu d-domiċilju tiegħu fi Stat ieħor kontraenti.
Kawża C-112/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:280

62003J0112



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fis-sentenza C-112/03

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll ta' 3 ta' Ġunju 1971 li jirrigwarda l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta' Sentenzi f'Affarijiet Ċivili u Kummerċjali, imressqa mill-Qorti ta' l-Appell ta' Grenoble (Franza), bid-deċiżjoni ta' l-20 ta' Frar 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Marzu 2003, fil-proċedura

Société financière et industrielle du Peloux

vs

Axa Belgium et ,

Gerling Konzern Belgique SA,

Établissements Bernard Laiterie du Chatelard,

Calland Réalisations SARL,

Joseph Calland,

Maurice Picard,

Abeille Assurances Cie,

Mutuelles du Mans SA,

SMABTP,

Axa Corporate Solutions Assurance SA,

Zurich International France SA,

IL-QORTI (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk, P. Kris u J. Kluka (Relatur), Imħ?allfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Ottubru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet li ġew ippreżentati :

- għal Axa Belgium et , minn J.-P. Caston u I. Scheidecker, Avukati,

- għal Gerling Konzern il-Belgique SA, minn SCP HPMBC Rostain, Avukati,

- għal Mutuelles du Mans SA, minn C. Michel, Avukat,

- għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Bodard-Hermant, bħala aġenti,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister ,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.M. Rouchaud-Joët, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 12(3), tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta' Sentenzi f'Affarijiet Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L299, p. 32), hekk kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1, et - test modifikat - p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża ( ĠU L 285, p. 1) u bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja ( ĠGU 1997, C 15, p. 1, minn hawn il quddiem msejħa "l-Konvenzjoni ta' Brussell").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura ta' kontestazzjoni ta' ġurisdizzjoni quddiem il-Qorti ta' l-Appell ta' Grenoble, li fiha s-Société financière et industrielle du Peloux, li qabel kienet Plast'Europ SA (minn hawn il quddiem "SFIP"), kumpannija rreġistrata fi Franza, kienet opposta għall-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni Axa Belgium, li qabel kienet AXA Royale Belge SA ( minn hawn il quddiem "Axa Belgium"), Zurich Assurances SA (minn hawn il quddiem Zurich Assurances), AIG Europe SA (minn hawn il quddiem AIG Europe), Fortis Corporate Insurance SA (minn hawn il quddiem Fortis), Gerling Konzern Belgique SA (minn hawn il quddiem Gerling), Axa Corporate Solutions Assurance SA (minn hawn il quddiem Axa Corporate) u Zurich International France SA (minn hawn il quddiem Zurich International France), bis-suġġett dwar kontestazzjoni tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni fil-kuntest ta' azzjoni għat-twettiq ta' garanzija mressqa minn SFIP kontra il-koassiguraturi tagħha fil-kuntest ta' kuntratt ta' assigurazzjoni ta' grupp.

Il-Kuntest Ġuridiku

3. L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jidher fit-Titolu II, sezzjoni 3 tagħha, li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni f'materja ta' assigurazzjonijiet, jipprevedi :

"Fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi stabbilità b'din is-Sezzjoni [...].

4. L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni msemmija jistabbilixxi:

Assiguratur li jkun domiċiljat fi Stat kontraenti jista' jiġi mħarrek:

1) fil-qrati ta' l-Istat fejn ikun domiċiljat,

jew

2) f'xi Stat kontraenti ieħor, fil-qrati tal-post fejn id-detentur tal-polza jkun domiċiljat

jew

3) jekk ikun ko-assiguratur, fil-qrati ta' Stat Kontraenti fejn il-proċedimenti jsiru kontra l-ewwel assiguratur.

[...].

5. Artikolu 9 ta' l-istess Konvenzjoni jistabbilixxi dan li ġej:

Għar-rigward ta' l-assigurazzjoni dwar ir-responsabbiltà... l-assiguratur jista' iktar minn hekk jiġi mħarrek fil-qrati tal-post fejn tkun saret il-ġrajja dannuża. [...].

6. Skond l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni ta' Brussell:

Għar-rigward ta' l-assigurazzjoni dwar ir-responsabbiltà, l-assiguratur jista' wkoll, jekk il-liġi tkun tippermetti dan, jiddaħħal fi proċedimenti li l-parti offiża tkun għamlet kontra l-assigurat.

[...]

7. L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni msemmija jistabbilixxi:

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 10, assiguratur jista' jibda proċeduri biss fil-qrati ta' l-Istat Kontraenti fejn il-konvenut ikollu d-domiċilju tiegħu, irrispettivament minn jekk huwa jkunx id-detentur tal-polza, l-assiguratur jew il-benefiċcjarju.

[...]

8. L-Artikolu 12 ta' l-istess Konvenzjoni jistabbilixxi:

Id-dispożizzjonijiet ta' din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss billi jkun hemm ftehim dwar il-ġurisdizzjoni :

[...]

2) li jkun jippermetti lid-detentur tal-polza, lill-assiguratur jew lill-benefiċjarju li jibdew proċeduri fi qrati li ma jkunux dawk indikati f'din is-Sezzjoni, jew

3) li jsir bejn id-detentur ta' polza u assiguratur, li t-tnejn li huma jkunu fil-waqt meta jsir il-kuntratt domiċiljati jew abitwalment residenti fl-istess Stat Kontraenti, u li jkollu l-effett li jikkonferixxi ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta' dak l-Istat ukoll jekk il-ġrajja dannuża kellha tiġri barra mill-pajjiż, sakemm dak il- ftehim ma jkunx imur kontra l-liġi ta' dak l-Istat, [...]

[...]

9. Skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jinsab fit-titolu II, sezzjoni 6, tagħha, dwar il-proroga ta' ġurisdizzjoni:

Jekk il-partijiet, li wieħed jew iktar minnhom ikun domiċiljat fi Stat Kontraenti, jkunu ftehmu li xi qorti jew il-qrati ta' xi Stat Kontraenti għandu jkollhom ġurisdizzjoni biex isolvu xi tilwimiet li jkunu oriġinaw jew li jistgħu joriġinaw f'dak li għandu x'jaqsam ma' xi relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva. Dak il-ftehim li jkun jikkonferixxi ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a) bil-miktub jew li tinġieb prova dwaru bil-miktub,

jew

b) f'għamla li tkun taqbel ma' kull prattika li l-partijiet ikunu stabbilew bejniethom,

[...]

[...]

Ftehim ... li jkunu jagħtu ġurisdizzjoni m'għandu jkollhom ebda forza legali jekk dawn ikunu jmorru kontra id-dispożizzjonijiet ta' (l-Artikolu )12 [...].

[...]

Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u t-talba preliminari

10. Calland Réalisations SARL (minn hawn il quddiem Calland), assigurat ma' Abeille Assurances Cie (minn hawn il quddiem Abeille), kumpannija ta' l-assigurazzjoni rreġistrata fi Franza, fl-1990 ħadet f'idejha l-kostruzzjoni ta' fabbrika tal-ġobon għal Établissements Bernard Laiterie du Chatelard (minn hawn il quddiem Laiterie du Chatelard), kumpannija rreġistrata fi Franza, u x-xogħol ta' kostruzzjoni kellu jsir permezz ta' pannewijiet maħduma minn SFIP.

11. Rapport ta'l-esperti li ġew mqabbda minn Laiterie du Chatelard ikkonkluda li kien hemm difett fid-disinn u l-fabbrikazzjoni ta' dawn il-pannewijiet, li rrendew il-fond mhux tajjeb għal għanijiet tiegħu. L-ispiża tax-xogħolijiet ta' tiġgdid ġiet stmata madwar 610 000 EUR.

12. SFIP kienet assigurata, fid-data ta' dawn ix-xogħolijiet, ma' diversi assiguraturi rreġistrati fi Franza li jaqgħu taħt l-ewwel u t-tieni grad. Bħala kumpannija sussidjarja ta' Recticel SA (minn hawn il quddiem Recticel), kumpannija rreġistrata taħt il-liġi Belġjana, hija kienet ukoll assigurata ma' diversi assiguraturi belġjani tat-tieni grad fil-kuntest ta' kuntratt ta' assigurazzjoni ta' grupp iffirmat minn Recticel u estiż għal SFIP bi klawżola addizzjonali tat-8 ta' Lulju 1988, b'effett retroattiv għas-7 ta' Ġunju 1988, id-data meta din il-kumpannija daħlet mall-grupp Recticel. Il-kapitolu VIII, Artikolu K, ta' dan il-kuntratt kien jistipula li, "f'każ ta' kontestazzjonijiet ta' dan il-kuntratt, il-Kumpannija tissottometti ruħha għal ġurisdizzjoni tal-Qorti tad-domiċilju tal-firmatarju". Il-ġurisdizzjoni li għamlet ir-rinviju tirrileva li dan l-Artikolu ma ġiex manifestament impost mill-assiguratur.

13. Laiterie du Chatelard b'att ta' l-1 u t-12 ta' Marzu, għamlet talba għal ħlas tad- danni li soffriet, quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Bourgoin-Jallieu (Franza), lil kumpaniji li ġejjin:

- Calland, li għamlet stralċ volontarju u kienet ġiet assenjata liż-żewġ amministraturi tagħha MM. J. Calland u M. Picard,

- Abeille, assiguratur ta' Calland,

- SFIP,

- SMABTP, assiguratur b'responsabbiltà professjonali ta' SFIP,

- AXA Global Risks SA (minn hawn il quddiem AXA Global Risks), assiguratur tad-diversi riskji ta' SFIP,

- Zurich International, assiguratur għal diversi riskji ta' SFIP.

14. Fil-5 ta' Ġunju 2001, din ta' l-aħħar ippreżentat talba abbażi tal-polza ta' l-assigurazzjoni kontra l-assiguraturi tagħha franċiżi tat-tieni grad, li huma Zurich International France u Axa Corporate, li huma sussidjarji ta' AXA Global Risks.

15. Fil-21 ta' Ġunju 2001, SFIP ippreżentat talba ta' eżekuzzjoni fuq il-polza ta' l-assigurazzjoni, bis-saħħa ta' l-Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, tal-Konvenzjoni ta' Brussell, lill-assiguraturi tagħha belġjani tat-tieni grad, koassiguraturi fil-kuntest tal-kuntratt ta' l-assigurazzjoni ta' grupp, li huma Axa Belgium, Zurich Assurances, AIG, Fortis u Gerling (minn hawn il quddiem koassiguraturi belġjani").

16. Il-koassiguraturi belġjani qajmu l-eċċezzjoni ta' ġurisdizzjoni territorjali tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Bourgoin-Jallieu, billi invokaw il-klawżola dwar ftehim ta' ġurisdizzjoni stipulata fil-kuntratt ta' l-assigurazzjoni tal-grupp.

17. Bl-applikazzjoni tal-Kapitolu VII, Artikolu K, tal-kuntratt, il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Bourgoin-Jallieu irrinvjat, b'sentenza tat-13 ta' Settembru 2002, lil SFIP quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Brussell (Il-Belġju), il-post ta' domiċilju ta' Recticel, firmatarju tal-kuntratt ta' l-assigurazzjoni tal-grupp, sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet kontra l-koassiguraturi belġjani.

18. SFIP, fis-27 ta' Settembru 2002, ressqet eċcċezzjoni ta' ġurisdizzjoni fil-Qorti ta' l-Appell ta' Grenoble.

19. Quddiem din ta' l-aħħar, SFIP sostniet illi klawżola li tagħti ġgurisdizzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell ma setgħetx tiġi kkontestata mill-assiguratur kontra benefiċjarju li ma kienx sottoskritt espressament fil-kuntratt ta' l-assigurazzjoni fejn tidher din il-klawżola. Laiterie du Chatelard u SMABTP assoċjaw ruħhom ma' l-argumenti ppreżentati minn SFIP.

20. Kienu f'dawn il-kundizzjonijiet illi l-Qorti ta' l-Appell ta' Grenoble iddeċidiet li tissopendi d-deċiżjoni u li tpoġġi l-mistoqsija li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Tista' tiġi imposta, fuq l-assigurat benefiċjarju ta' kuntratt ta' l-assigurazzjoni li ġgie mifthiem bejn id-detentur ta' polza (firmatarju) u assiguratur li huma t-tnejn domiċiljati fl-istess Stat membru, klawżola dwar ftehim li tiġi applikata l-ġgurisdizzjoni ta' dan l-Istat, meta hu ma approvax personalment din il-klawżola, meta d-dannu seħħ fi Stat membru ieħor, kif ukoll meta jkun ressaq oppożizzjoni quddiem il-qorti ta' dan l-Istat, kontra assiguraturi domiċljati f'dan l-istess Stat?

Dwar il-kwistjoni preliminari

21. Dwar il-kwistjoni imposta, il-ġurisdizzjoni tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk klawżola għal proroga tal-ġurisdizz joni, li ġiet stipulata skond l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell f'kuntratt ta' l-assigurazzjoni mifthiem bejn detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u l-assiguratur, tistax tiġi kkontestata mill-assiguratur benefiċjarju tal-kuntratt li qatt ma ssottoskriva espressament din il-klawżola u għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat ieħor kontraenti minn dak tad-detentur ta' l-assigurazzjoni u ta' l-assiguratur.

Osservazzjonijiet imressqa lill- Qorti tal-Ġustizzja

22. Il-koassiguraturi Belġjani u l-Gvern tar-Renju Unit għamlu riferiment għas-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1983, Gerling et (201/82, Ġabra P. 2503), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet illi, fil-każ ta' kuntratt ta' l-assigurazzjoni, konkluż bejn l-assiguratur u d-detentur ta' polza u stipulat minn dan ta' l-aħħar għal benefiċċju tiegħu u ta' terzi persuni f'dan il-kuntratt, li fih klawżola li testendi l- ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jistgħu jitressqu minn dawn it-terzi persuni, dawn ta' l-aħħar, anke jekk ma jkunux iffirmaw espressament il-klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni, jistgħu jipprevalixxu ruħhom minnha sakemm, bejn l-assiguratur u d-detentur tal-polza, il-kundizzjoni li din issir bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Brussell tiġi mħarsa u sakemm il-kunsens ta' l-assiguratur f'dan ir-rispett ikun manifestat b'mod ċar. F'paragrafu 18 ta' l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat illi l-imsemmija Konvenzjoni ipprovdiet espressament għal possibbiltà li jiġu stipulati klawżoli li jestendu ġurisdizzjoni, mhux biss favur tad-detentur tal-polza, li jkun parti fil-kuntratt, imma wkoll favur l-assigurat u l-benefiċjarju li jistgħu ma jkunux partijiet fil-kuntratt meta, jkunu persuni differenti li l-identità tagħhhom tistà wkoll ma tkunx magħrufa meta l-kuntratt jiġi ffirmat. Il-koassiguraturi belġjani minn din is-sentenza kkonkludew illi l-Qorti tal-Ġustizzja diġa aċċettat il-possibbiltà ta' kontestazzjoni tal-klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni għall-assigurat benefiċjarju, mingħajr dan ta' l-aħħar m'għandu bżonn li jsegwi hu stess il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni ta' Brussell.

23. Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni stmat, illi l-assigurat benefiċjarju huwa kopert mill-kuntratt ta' assigurazzjoni, mingħajr ma jkun marbut bil-klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni, bl-uniku fatt tal-protezzjoni awtomatika u imperattiva li biha jibbenifikaw "il-partijiet kollha dgħajfa". Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja illi l-benefiċjarju li mhuwiex firmatarju tal-kuntratt stipulat għall-oħrajn jista' joqgħod fuq il-klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni, mingħajr ma din il-klawżola tiġi użata kontrih. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva illi l-Artikolu 12(2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, imsemmi fis-sentenza Gerling et , hawn fuq imsemmija, isemmi espliċcitament is-sitwazzjoni ta' l-assigurat benefiċjarju u li l-klawżoli ta' l-għażla stabbiliti minn din il-klawżola huma fakultattivi għal benefiċċju esklussiv "tal-parti dgħajfa". Konsegwentement, l-assigurat u l-benefiċjarju jiġu nklużi fil-lista tal-partijiet li jistgħu jiffirmaw jew jinvokaw din l-imsemmija klawżola. Minkejja dan, l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell jippermetti klawżola ta' ftehim dwar ġurisdizzjoni fejn in-natura esklussiva tħalli ftit dubju, li ma ssemmix it-terz benefiċjarju u li, minħabba dan il-fatt, ma tistax tiġi kontestata kontrih.

24. Il-koassiguraturi Belġjani u l-gvern tar-Renju Unit jaffermaw illi l-klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni, konformament ma' l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell, kienet ġiet stipulata fuq il-propożizzjoni tad-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u li, b'konsegwenza l-argument imqajjem rigward il-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-assigurat, "parti dgħajfa" fil-kuntratt, ma tistax tiġi wżata. Skond il-koassiguraturi flimkien, l-eċċezzjonijiet inerenti fil-kuntratt li l-assiguratur jista' juża kontra d-detentur tal-polza jistgħu jiġu wżati ugwalment kontra l-assigurat benefiċjarju, li hu dejjem liberu li jirrifjuta klawżola konkluża favurih, meta l-obbligi li jkun hemm fiha ma jaqblux għalih. Fil-każ tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-assigurat benefiċjarju jinvoka, fir-rigward ta' l-assiguraturi, drittijiet li ġejjin minn "ġabra kuntrattwali" fejn il-klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni in kwistjoni hi parti minnha f'din id-diskussjoni, u ma jistax jinħeba wara l-fatt illi hu assigurat franċciż totalment awtonomu peress illi, fil-kuntest tal-kuntratt ta' l-assigurazzjoni tal-grupp, hu kompletament u direttament taħt id-dipendenza ta' Recticel, għat-tmexxija tal-kuntratti ta' l-assigurazzjoni u tat-talbiet dwar riskji.

25. Bl-istess loġika, il-koassiguraturi Belġjani jirreferu għas-sentenza tad-19 ta' Frar 2002, Besix (C-256/00, Ġabra. P. I-1699), u jgħidu li l-Konvenzjoni ta' Brussell għandha bħala għan li tassigura lil partijiet it-tbassir u s-sigurtà tar-rapporti ġuridiċi tagħhom u li jevitaw kemm jista' jkun, li jiżdiedu n-numru ta' qrati li jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta' l-istess kuntratt, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli u sabiex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent u l-infurzar tal-kawżi fi Stati oħra barra minn dawk fejn ġew mogħtija.

26. Il-gvernijiet ta' Franza u tar-Renju Unit sostnew dawn l-osservazzjonijiet u żiedu illi trid tingħata importanza lill-volontà liberament espressa tal-partijiet kif ukoll lis-sigurtà ġuridika fil-kamp ta' l-assigurazzjoni. Fil-fatt, fil-preżenza ta' dan it-tip ta' kuntratt ta' assigurazzjoni li jkopri diversi soċcjetajiet ta' l-istess grupp f'ħafna stati, huwa neċessarju li jiġi ppruvat illi l-kwistjonijiet differenti li jistgħu jinħolqu mill-applikazzjoni ta' kuntratt bħal dan jitressqu quddiem l-istess Qorti. Interpretazzjoni bħal din tal-Konvenzjoni ta' Brussell b'dan il-mod tippermetti l-uniformità ta' l-interpretazzjoni tal-kuntratt ta' l-assigurazzjoni, li tevita l-koeżistenza eventwali ta' deċiżjonijiet kontradittorji, kif ukoll li jiżdiedu l-kwistjonijiet kontenzjużi. Din l-interpretazzjoni tikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' suq ta' l-assigurazzjoni ewropew.

27. Il-Kumissjoni issostni wkoll illi l-possibbiltà ta' kontestazzjoni tal-klawżoli ta' ftehim fuq ġurisdizzjoni għall-assigurat fin-natura tiġġenera nuqqas ta' prevedibbiltà għal kumpanniji ta' l-assigurazzjoni illi jistgħu wkoll jiġu mħarrka quddiem qorti illi huma ma jistgħux jipprevedu. Madankollu bilfors irid jiġi rikonoxxut illi l-leġislatur komunitarju ipprefera jpoġġi l-aċċent fuq il-għan tal-protezzjoni ta' l-assigurati.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

28. Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar illi l-Konvenzjoni ta'Brussell trid tiġi interpretata filwaqt li tittieħed in kunsiderazzjoni, kemm il-prinċipji u kif ukoll l-għanijiet tagħha u għar-relazzjoni tagħha mat-Trattat KE (ara sentenza tas-6 ta'Ottubru 1976, Tessili, 12/76 Ġabra P. 1473, punt 9).

29. F'dan ir-rigward, il-Konvenzjoni ta'Brussell stabbiliet, taħt it-Titolu II, Sezzjoni 3, sistema awtonoma ta' tqassim ta' kompetenzi ta' ġurisdizzjoni fil-materja ta' l-assigurazzjoni. L-Artikoli 8 sa 10 ta' l-imsemmija Konvenzjoni jippretendu b'mod partikolari li l-assiguratur domiċiljat fi Stat Kontraenti jista' jiġi mħarrek quddiem il-qrati ta' l-Istat fejn ikun domiċciljat, fil-qorti tal-post fejn id-detentur tal-polza jkun domiċiljat, fil-qorti tal-post fejn ikun seħħ il-fatt li kkawża d-dannu fir-rigward ta' assigurazzjoni dwar responsabbiltà, kif ukoll, jekk il-liġi tal-qorti tkun tippermetti dan, fi proċedimenti li l-parti offiża tkun ressqet kontra l-assigurat. Barra minn dan, l-Artikolu 11 ta' l-istess Konvenzjoni, jistabbilixxi illi l-assiguratur jista' jibda proċeduri biss fil-qrati ta' l-Istat Kontraenti fejn il-konvenut jkollu d-domiċilju tiegħu, irrispettivament minn jekk huwa jkunx id-detentur tal-polza, l-assiguratur jew il-benefiċjarju.

30. Skond ġurisprudenza konstanti, jirriżulta minn eżami tad-dispożizzjonijiet ta' din is-sezzjoni ikkjarifikati mix-xogħolijiet preparatorji, meta toffri lill-assigurat għhażla iktar wiesa' ta' ġurisdizzjoni minn dik disponibbli lill-assiguratur u billi tiġi eskluża kull possibbiltà ta' klawżola li testendi ġurisdizzjoni għal benefiċcċju ta' l-assiguratur, l-għan tagħhom kien li jipproteġu lill-assigurat li spiss isib ruħu quddiem kuntratt stabbilit li l-klawżoli tiegħu mhumiex aktar negozzjabbli u li hu f'pożizzjoni ekonomika aktar dgħajfa (ara sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1983, Gerling et , hawn fuq imsemmija, punt 17, u ta' 13 ta' Lulju 2000, Group Josi, C-412/98, Ġabra p. I5925, punt 64).

31. Fil-materja tal-kuntratti ta' l-assigurazzjoni, l-għan ta' protezzjoni tal-persuna li hi ekonomikament l-aktar dgħajfa hi ugwalment garantita mill-kuntest ta' l-awtonomija tal-partijiet fir-rigward ta' l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Brussell jenumera b'manjiera limitattiva, l-ipoteżi li fihom il-partijiet jistgħu jidderogaw mir-regoli, ir-regoli titolu II, sezzjoni 3, ta' l-istess Konvenzjoni. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 17 (4), ta' din il-Konvenzjoni, il-Konvenzjonijiet li jagħtu ġurisdizzjoni m'għandhomx jkollhom ebda forza legali jekk dawn ikunu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta illi din il-Konvenzjoni stabbiliet sistema, li fiha d-derogazzjonijiet tar-regoli dwar ġurisdizzjoni fil-materja ta' l-assigurazzjoni huma ta' interpretazzjoni stretta.

32. B'mod partikulari, l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell jippermetti lid-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u l-assiguratur, li jkunu fil-mument li jsir il-kuntratt domiċiljati jew abitwalment residenti fl-istess Stat Kontraenti, li jikkonferixxu ġurisdizzjoni lil qrati ta' dak l-Istat, sakemm il-ġrajja dannuża kellha tiġri barra mill-pajjiż, sakemm dak il-ftehim ma jkunx imur kontra l-liġi ta' dak l-Istat. Klawżola bħal din hija permessa mill-Konvenzjoni ta' Brussell peress illi hija mhijiex suxxettibbli li ċċaħħad lid-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni, il-parti l-aktar dgħajfa, minn protezzjoni adegwata. Fil-fatt, hekk kif stqarr l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk f'din l-ipotesi l-imsemmi detentur tal-polza jitlef il-possibbiltà li jibda proċeduri fil-qorti tal-post fejn ġara l-fatt li kkawża d-dannu, jibqa' miżura li jibda proċeduri fil-qorti tad-domiċilju tiegħu.

33. B'hekk, il-prinċipju ta' l-awtonomija tal-partijiet jippermetti lid-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni, il-parti l-aktar dgħajfa fil-kuntratt, li jirrinunzja għal waħda miż-żewġ forom ta' protezzjoni stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Brussell. Madankollu, minħabba in-natura imperattiva ta' l-għan tal-protezzjoni tal-persuna ekonomikament l-aktar dgħajfa, din l-awtonomija ma testendix ħlief għal possibbiltà għad-detentur imsemmi li jirrinunzja għal ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tad-domiċilju tiegħu. Fil-fatt, billi huwa l-aktar parti dgħajfa, m'għandux jiġi skoraġġat milli jibda proċeduri minħabba l-fatt li dan ikun imġiegħel jibdihom quddiem il-qrati ta' l-Istat fit-territorju li fih il-parti kokontraenti għandha d-domiċilju tagħha (ara, bħala analoġija għal konsumatur, sentenza ta' l-20 ta' Jannar 2005, Gruber, C-464/01, għhadha mhix ippubblikata, punt 34).

34. Hu fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet illi huwa tajjeb li jiġi determinat jekk klawżola li tkun tagħti ġurisdizzjoni, konkluża konformement ma' l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell, bejn id-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u l-assiguratur tistax jew le tintuża kontra assigurat benefiċjarju li għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat kontraenti ieħor minn dak tad-detentur tal-polza u ta' l-assiguratur.

35. Il-Konvenzjoni ta' Brussell, b'mod partikulari, l-Artikolu 12 (3) tagħha, ma fiha l-ebda preċiżjoni dwar l-effetti, għall-assigurat jew il-benefiċjarju tal-kuntratt ta' l-assigurazzjoni, ta' klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni bħal din. Interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Konvenzjoni għalhekk ma tippermettix li jiġgi determinat hekk, u jekk hemm bżonn, fuq liema kundizzjonijiet din il-klawżola tista' tiġi kkontestata mill-assiguratur kontra assigurat benefiċjarju, meta dan hu domiċiljat fi Stat Membru ieħor minn dak tad-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u ta' l-assiguratur.

36. F'dawn il-kundizzjonijiet, hekk kif joħroġ mill-punt 28 tas-sentenza preżenti, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell billi tagħti kas tas-sistema u l-għanijiet ġenerali ta' l-imsemmija Konvenzjoni.

37. F'dan ir-rigward, huwa tajjeb li jitfakkar illi l-assigurat benefiċjarju hu, bħad-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni, protett mill-Konvenzjoni ta' Brussell daqs li kieku persuna ekonomikament l-aktar dgħajfa fis-sens tas-sentenza Gerling et hawn fuq msemmija.

38. Konsegwentement, il-kontestazzjoni ta' klawżola ta' estensjoni ta' ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 12 (3), ta' l-istess Konvenzjoni għall-assiguratur benefiċjarju ma tistax, f'kull każ, tiġi aċċettata sakemm hi ma tiksirx l-għan tal-protezzjoni tal-persuna ekonomikament l-aktar dgħajfa.

39. Hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontestazzjoni ta' klawżola bħal din se jkollha konsegwenzi gravi għall-assigurat benefiċjarju li mhux firmatarju u domiċiljat fi Stat ieħor kontraenti. Fil-fatt, din iċċaħħad min-naħa waħda, lil dan l-assigurat mill-possibbiltà li jibda proċeduri fil-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu kif ukoll mill-possibbiltà li jibda proċedura fil-qorti tad-domiċilju tiegħu propju, li tobbligah li jevalwa d-drittijiet tiegħu kontra l-assiguratur fil-qorti tad-domiċilju ta' dan. Min-naħa l-oħra, din tippermetti lil dan l-assiguratur, fil-kuntest ta' azzjoni kontra l-assigurat benefiċjarju, li jibda proċeduri fil-qorti tad-domiċilju propju tiegħu.

40. Interpretazzjoni bħal din twassal li tiġi aċċettata estensjoni ta' ġurisdizzjoni għal benfiċċju ta' l-assiguratur, u tonqos mill-għan ta' protezzjoni tal-persuna ekonomikament l-aktar dgħajfa, li f'dan il-każ hu l-assigurat benefiċjarju, milli jista' jaġixxi u jiddefendi lilu nnifsu quddiem il-qorti tad-domiċilju tiegħu.

41. Huwa għalhekk illi, sabiex tiġi msaħħa din il-protezzjoni, diġa stabbilità fil-punt 17 tas-sentenza Gerling et, hawn imsemmija, ta' l-assigurat benefiċjarju, persuna l-aktar dgħajfa ekonomikament, l-Artikolu 9(1) (b), tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill, ta' 22 ta' Diċembru 2000, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta' Sentenzi f'Affarijiet Ċivili u Kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1), inkiteb b'manjiera li tippermetti, espressament, lill-assigurat jew lill-benefiċjarju ta' kuntratt ta' assigurazzjoni li jħarrek lill-assiguratur quddiem il-qorti tal-post tad-domiċilju tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 8, l-ewwel paragrafu, punt (2), tal-Konvenzjoni ta' Brussell jipprovdi biss għal ġurisdizzjoni tal-post tad-domiċilju tad-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni, mingħajr ma jiddetermina jekk l-assiguratur jistax jew le jiġi mħarrek fil-qorti tad-domiċilju ta' l-assigurat jew tal-benefiċjarju.

42. Barra minn dan, is-sentenza Gerling et , hawn fuq imsemmija, ma tistax, kuntrarjament għal dak li qalu l-koassuguraturi Belġgjani kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, tiġi nvokata sabiex issostni t-teżi tal-kontestazzjoni fil-miżura fejn, min-naħa waħda, fil-każ li din is-sentenza hi ta' klawżola ta' ftehim dwar ġurisdizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 12 (2) tal-Konvenzjoni ta' Brussell, li jawtorizza espressament lill-partijiet fil-kuntratt li jifthemu fuq klawżola, li mhijiex esklussiva, imma fakultattiva għal estensjoni ta' ġurisdizzjoni, stipulata esklussivament favur id-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni, ta' l-assigurat jew tal-benefiċjarju, u fejn, min-naħa l-oħra, fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar il-kontestazzjoni ta' klawżola bħal din minn terzi, assigurat benefiċjarju, kontra l-assiguratur, u mhux fuq l-infurzar mill-assiguratur kontra din il-persuna terza. Hekk kif jgħid l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-possibbiltà għall-assigurat benfiċjarju ta' kuntratt ta' assigurazzjoni, li jikkontesta din il-klawżola kontra l-assiguratur mhijiex suxxettibbli li tikkawżalu preġudizzju, imma għandha ħabta, b'mod kuntrarju, li żżied forma supplimentari għal ġurisdizzjonijiet previsti fil-materja ta' l-assigurazzjoni mill-Konvenzjoni ta' Brussell, sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-persuna l-aktar dgħajfa ekonomikament.

43. Minn dan kollu li ntqal hawn fuq, isegwi, illi huwa tajjeb li l-kwistjoni mressqa tiġi mwieġba b'dan il-mod:

Klawżola dwar ftehim ta' ġurisdizzjoni, stipulata konformament ma' l-artikolu 12(3), tal-Konvenzjoni ta' Brussell, ma tistax tiġi kkontestata kontra l-assigurat benefiċjarju ta' dan il-kuntratt li ma ffirmax espressament għall-imsemmija klawżola u għandu d-domiċilju tiegħu fi Stat Kontraenti ieħor barra minn dak tad-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u ta' l-assiguratur.

Dwar l-ispejjeż

44. Peress li dawn il-proċeduri għhandhom, għall-partijiet fil-kawża prinċipali, natura ta' każ mressaq quddiem qorti tar-rinviju, jappartjeni lilha d-dritt li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Il-ħlas ta' l-ispejjeż ulterjuri minn dawk tal-partijiet imsemmija, sottomessi għall-osservazzjonijiet mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' rimborż.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tiddeċiedi:

Klawżola dwar ftehim ta' ġurisdizzjoni, stipulata konformament ma' l-Artikolu 12 (3), tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar ta' Sentenzi f'Affarijiet Ċivili u Kummerċjali, hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad-9 t'Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq, bil-Konvenzjoni tal-25 t'Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, bil-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju Spanjol u tar-Repubblika Portugiża u bil-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja, ma tistax tiġi kkontestata kontra l-assigurat benefiċjarju f'dan il-kuntratt li ma ffirmax espressament għal din l-imsemmija klawżola u għandu d-domiċilju fi Stat Kontraenti ieħor barra minn dak tad-detentur tal-polza ta' l-assigurazzjoni u ta' l-assiguratur.

Top